EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022SC0086

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT Li jakkumpanja d-dokument Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE rigward l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar

SWD/2022/86 final

Brussell, 30.3.2022

SWD(2022) 86 final

DOKUMENT TA’ ĦIDMA TAL-PERSUNAL TAL-KUMMISSJONI

SOMMARJU EŻEKUTTIV TAR-RAPPORT TAL-VALUTAZZJONI TAL-IMPATT

Li jakkumpanja d-dokument

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttivi 2005/29/KE u 2011/83/UE rigward l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika permezz ta’ protezzjoni mtejba kontra prattiki żleali u permezz ta’ informazzjoni aħjar

{COM(2022) 143 final} - {SEC(2022) 166 final} - {SWD(2022) 85 final}


Skeda tas-Sommarju Eżekuttiv

Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-inizjattiva li għandha l-għan li tagħti s-setgħa lill-konsumaturi għat-tranżizzjoni ekoloġika

A. Ħtieġa li tittieħed azzjoni

X’inhi l-problema u għaliex hi problema fil-livell tal-UE?

Din il-valutazzjoni tal-impatt turi li l-konsumaturi:

·ma għandhomx biżżejjed informazzjoni affidabbli dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti (karatteristiċi ambjentali, tul tal-ħajja, tiswija)

·jiffaċċjaw prattiki kummerċjali qarrieqa (obsolexxenza bikrija tal-prodotti, greenwashing minn organizzazzjonijiet, nuqqas ta’ trasparenza u kredibbiltà ta’ tikketti ta’ sostenibbiltà u għodod ta’ informazzjoni diġitali).

Dawn imorru kontra l-objettiv tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, li huwa li ssir bidla għal ekonomija u soċjetà aktar ambjentalment sostenibbli – “tranżizzjoni ekoloġika”.

Dawn il-problemi ipoġġu fi żvantaġġ:

·lill-konsumaturi, billi jwassluhom biex jagħmlu għażliet subottimali, inaqqsu l-fiduċja tagħhom fl-informazzjoni ambjentali attwalment disponibbli u ma jħalluhomx jikkontribwixxu b’mod attiv għat-tranżizzjoni ekoloġika.

·lill-kumpaniji li joffru prodotti verament sostenibbli, meta mqabbla ma’ dawk li ma joffrux. U wħud mill-kumpaniji jirriskjaw ukoll spejjeż ta’ konformità għoljin bla meħtieġ hekk kif il-pajjiżi tal-UE qegħdin jintroduċu soluzzjonijiet nazzjonali differenti għall-problemi identifikati hawn fuq.

Fl-aħħar nett, l-impatti ta’ għażliet ta’ konsum mhux sostenibbli fuq l-ambjent attwalment mhumiex qed jiġu indirizzati b’mod adegwat. Il-valutazzjoni tidentifika żewġ fatturi ewlenin:

1.falliment tas-suq, minħabba inċentivi ekonomiċi insuffiċjenti għall-kumpaniji biex jipprovdu informazzjoni dwar is-sostenibbiltà tal-prodotti jew biex itemmu l-prattiki identifikati  

2.regoli tal-UE li mhumiex adattati biżżejjed, u dan jagħmilha diffiċli għall-awtoritajiet nazzjonali biex jindirizzaw b’mod effettiv il-problemi li jidentifikaw.

X’għandu jinkiseb?

L-inizjattiva għandha l-għan li:

1.tiżgura l-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku tal-UE, għall-benefiċċju kemm tal-konsumaturi kif ukoll tan-negozjanti

2.tippromwovi r-rwol tal-konsum fil-kisba tal-għanijiet klimatiċi tal-UE u l-protezzjoni tal-ambjent.

Min-naħa tad-domanda, l-inizjattiva għandha tnaqqas l-iżvantaġġ tal-konsumaturi, iżżid il-fiduċja tal-konsumaturi u tagħti s-setgħa lill-konsumaturi biex jieħdu sehem attiv fit-tranżizzjoni ekoloġika. Min-naħa tal-provvista, għandha l-għan li tiżgura kundizzjonijiet ekwi u ċertezza legali għall-kumpaniji.

L-objettivi speċifiċi huma intiżi li:

1.jippermettu lill-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati dwar ix-xiri (il-promozzjoni tal-konsum sostenibbli),

2.jiġu eliminati l-prattiki li jqarrqu bil-konsumaturi minn għażliet ta’ konsum sostenibbli

3.tiġi żgurata applikazzjoni aħjar u aktar konsistenti tar-regoli tal-UE. 

X’inhu l-valur miżjud ta’ azzjoni fil-livell tal-UE (sussidjarjetà)? 

Il-protezzjoni tal-konsumatur taqa’ fil-mandat konġunt (“kompetenza kondiviża”) tal-gvernijiet tal-UE u tal-UE, għalhekk l-UE għandha s-setgħat li taġixxi jekk ikun meħtieġ.

L-inizjattiva għandha l-għan li tindirizza problemi li huma mifruxa u li għandhom l-istess kawżi madwar l-UE. Peress li l-pajjiżi tal-UE qed jiżviluppaw b’mod unilaterali leġiżlazzjoni speċifika biex jindirizzaw il-problemi, azzjoni mifruxa mal-UE kollha permezz ta’ din l-inizjattiva tnaqqas il-frammentazzjoni legali fis-suq uniku u l-konsegwenzi f’termini ta’ ostakli għall-kummerċ transfruntier u livelli mhux uniformi ta’ protezzjoni tal-konsumatur.

Fl-aħħar nett, it-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali ma jiqfux fil-fruntieri nazzjonali: il-konsum mhux sostenibbli f’pajjiż wieħed jista’ jaffettwa pajjiżi oħra. Għalhekk azzjoni kkombinata fil-livell tal-UE tista’ tindirizza dan b’mod aktar effettiv għall-UE kollha kemm hi.

B. Soluzzjonijiet

X’inhuma l-għażliet differenti biex jinkisbu l-objettivi? Hemm għażla ppreferuta jew le? Jekk le, għaliex?

Il-valutazzjoni tagħna tidentifika għadd ta’ għażliet ta’ politika ppreferuti li jiżguraw li din l-inizjattiva tkun konsistenti ma’ inizjattivi oħra li qed jitħejjew bħalissa (l-inizjattiva “Asserzjonijiet Ekoloġiċi” u l-inizjattiva “Prodotti Sostenibbli”).

L-għażliet preferuti li ġejjin huma awtonomi u f’diversi każijiet jipprevedu regoli ġenerali li ż-żewġ inizjattivi l-oħra se jikkomplementaw b’mod utli:

1.L-għoti ta’ informazzjoni dwar l-eżistenza (jew l-assenza) ta’ garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà ta’ produttur u l-perjodu ta’ żmien li matulu jiġu pprovduti aġġornamenti tas-software bla ħlas;

2.L-għoti ta’ punteġġ ta’ tiswija, jew informazzjoni rilevanti oħra dwar it-tiswija, fejn applikabbli/disponibbli;

3.Il-projbizzjoni ta’ ċerti prattiki assoċjati mal-obsolexxenza bikrija

4.L-istabbiliment ta’ regoli biex tiġi żgurata l-korrettezza tal-asserzjonijiet ambjentali, inkluż permezz tal-projbizzjoni ta’ ċerti prattiki ta’ greenwashing,

5.L-istabbiliment ta’ regoli biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-kredibbiltà tat-tikketti ta’ sostenibbiltà u l-għodod ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà.

Kif?

L-għażliet 1 u 2 se jinkisbu permezz ta’ emendi mmirati tad-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumatur (id-Direttiva 2011/83/UE). 

L-għażliet 3, 4 u 5 se jinkisbu permezz ta’ emendi mmirati tad-Direttiva dwar il-Prattiki Kummerċjali Żleali (id-Direttiva 2005/29/KE)

Liema prodotti?

Għall-għażla 1, għall-oġġetti kollha, ħlief għall-aġġornamenti tas-software li huma rilevanti biss għal ċerti oġġetti. Barra minn hekk, ġie deċiż li l-kummerċjanti għandhom jipprovdu informazzjoni dwar in-nuqqas ta’ garanzija tal-produttur ta’ durabbiltà għal prodotti li jużaw l-enerġija biss. .

Għall-għażla 2, ma ġie definit l-ebda kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott (il-miżura se tapplika kull fejn ikun meħtieġ li l-informazzjoni inkwistjoni ssir disponibbli skont il-liġi applikabbli).

Bl-istess mod, għall-Għażliet 3, 4 u 5, ma ġie definit l-ebda kamp ta’ applikazzjoni tal-prodott, peress li dawn il-miżuri se japplikaw għal ċerti prattiki kummerċjali, irrispettivament mill-prodott inkwistjoni.

X’inhuma l-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati differenti? Liema għażla u min jappoġġaha?

L-assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi ġeneralment jappoġġaw l-għażliet ta’ politika ppreferuti. Fil-każ tal-għażliet 1, 3 u 4, jippreferu miżuri aktar ambizzjużi minn dawk proposti.

L-assoċjazzjonijiet tan-negozju jqisu l-għażliet magħżula 1 u 4 bħala effettivi iżda jindikaw ukoll l-ispejjeż moderati li dawn jiġġeneraw. Hemm xi reżistenza minnhom dwar l-għażla 3, minħabba l-ispejjeż għoljin perċepiti. Madankollu, dawn huma l-grupp tal-partijiet ikkonċernati l-aktar probabbli li jqisu l-għażla 5 bħala effettiva.

L-awtoritajiet nazzjonali ġeneralment jappoġġaw id-diversi għażliet magħżula, iżda b’mod partikolari l-għażliet 3, 4 u 5, peress li dawn jiffaċilitaw il-ħidma ta’ infurzar tagħhom.

C. Impatti tal-għażla ppreferuta

X’inhuma l-benefiċċji tal-għażliet preferuti? 

Il-konsumaturi – b’mod ġenerali se jibbenefikaw b’mod konsiderevoli.

Ikunu jistgħu jieħdu deċiżjonijiet aħjar bis-saħħa ta’:

disponibbiltà u affidabbiltà aħjar tal-informazzjoni fil-punt tal-bejgħ li tiddeskrivi l-eżistenza u t-tul tal-garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur u l-perjodu ta’ żmien li matulu jiġu pprovduti aġġornamenti tas-software bla ħlas

id-disponibbiltà ta’ punteġġ ta’ tiswija jew informazzjoni rilevanti oħra dwar it-tiswija.

azzjoni biex jiġu indirizzati l-ħasil ekoloġiku, l-obsolenza bikrija u l-użu ta’ tikketti ta’ sostenibbiltà u għodod ta’ informazzjoni diġitali li mhumiex trasparenti jew kredibbli.

Id-drittijiet tagħhom ikunu protetti aħjar ukoll:

ikunu jistgħu jaraw aktar faċilment liema prodotti jkollhom garanzija kummerċjali ta’ durabbiltà tal-produttur estiża u jagħżlu din jekk tissodisfal-bżonnijiet tagħhom.

jitqarrqu inqas minn asserzjonijet ambjentali foloz u tikketti ta’ sostenibbiltà u għodod diġitali ta’ informazzjoni mhux affidabbli jew mhux trasparenti.

il-prodotti li jixtru ma jfallux qabel ma jistenna l-konsumatur.

Ambjent

Il-konsumaturi jkunu aktar probabbli li jagħżlu prodotti li huma sostenibbli (prodotti b’impatt ambjentali aktar baxx, mistennija li jdumu aktar u jissewwew aktar ta’ spiss milli qed jissewwew attwalment).

Negozju

Ikun hemm inqas ostakli potenzjali għall-kummerċ transfruntier kkawżati minn miżuri unilaterali stabbiliti minn pajjiżi individwali tal-UE. L-għażliet 3, 4 u 5 b’mod partikolari jwasslu għal kundizzjonijiet ekwi peress li għandhom l-għan li jeliminaw prattiki żleali użati minn xi operaturi tas-suq.

X’inhuma l-ispejjeż tal-għażla ppreferuta? 

L-ispejjeż addizzjonali għan-negozji se jiġu mill-għoti ta’ informazzjoni dwar garanziji kummerċjali ta’ durabbiltà, perjodi ta’ aġġornament tas-software bla ħlas u tiswijiet.

Madankollu, dawn għandhom ikunu limitati u — anki jekk x’aktarx jiġu mgħoddija lill-konsumaturi — mhumiex mistennija li jħallu impatt negattiv fuq id-domanda, speċjalment peress li l-konsumaturi se jkunu ħafna aktar ħerqana li jħallsu għal prodotti li jdumu aktar jew li huma aktar faċli biex jissewwew.

L-indirizzar tal-greenwashing u l-obsolexxenza bikrija se jwasslu wkoll għal aktar spejjeż, iżda prinċipalment għal dawk il-kumpaniji li attwalment jinvolvu ruħhom f’dawn il-prattiki. Dawk li ma jagħmlux dan, se jkunu effettivament qed jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ekwi, peress li l-prattiki se jiġu riabilitati f’dan ir-rigward.

L-istabbiliment ta’ regoli biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-kredibbiltà tat-tikketti ta’ sostenibbiltà u l-għodod ta’ informazzjoni dwar is-sostenibbiltà se jwassal għal żieda fl-ispejjeż għall-organizzazzjonijiet li jħaddmuhom. Dawn x’aktarx li jiġu mgħoddija lin-negozji li japplikaw għal tikketti bħal dawn, iżda jistgħu jiddeċiedu wkoll li japplikaw għal inqas tikketti fil-futur.

L-awtoritajiet nazzjonali se jġarrbu l-ispejjeż marbuta mal-infurzar tal-obbligi l-ġodda. Madankollu, xi wħud indikaw li regoli aktar ċari dwar il-greenwashing u l-obsolexxenza bikrija jistgħu fil-fatt iwasslu għal iffrankar għalihom, minħabba d-diffikultajiet u r-riżorsi meħtieġa biex jiġu infurzati r-regoli attwali.

Innota wkoll li l-kombinazzjoni tad-diversi għażliet għandha tiġġenera ċerti ekonomiji ta’ skala fir-rigward tal-ispejjeż tal-infurzar u l-ispejjeż għan-negozji (eż. spejjeż għall-familjarizzazzjoni mal-miżuri l-ġodda u l-ispezzjonijiet interni).

X’inhuma l-impatti fuq l-SMEs u fuq il-kompetittività?

F’konformità mal-liġi eżistenti tal-UE dwar il-konsumatur, l-ebda eżenzjoni ma hija prevista għal intrapriżi żgħar, ta’ daqs medju jew mikro, peress li dan imur kontra l-iskop ġenerali tar-regoli tal-protezzjoni tal-konsumatur. Dan imur ukoll kontra l-interessi tal-SMEs, peress li l-konsumaturi jkollhom livell aktar baxx ta’ protezzjoni u b’hekk inqas fiduċja meta jixtru minn għandhom.

L-SMEs għalhekk iġarrbu l-ispejjeż imsemmija hawn fuq. Madankollu, huma jibbenefikaw ukoll minn prattiki aktar ġusti fis-suq, li jwasslu għal kundizzjonijiet ekwi, kif ukoll ostakli mnaqqsa għall-kummerċ transfruntier, filwaqt li tiġi evitata taħlita potenzjali ta’ leġiżlazzjoni differenti madwar l-UE peress li pajjiżi differenti japplikaw soluzzjonijiet differenti.

Se jkun hemm impatti sinifikanti fuq il-baġits u l-amministrazzjonijiet nazzjonali? 

L-amministrazzjonijiet nazzjonali se jġarrbu spejjeż addizzjonali marbuta mal-infurzar tar-regoli l-ġodda, għalkemm l-għażliet 4 u 5 jistgħu fil-fatt iwasslu għal iffrankar, u jeżistu ċerti ekonomiji ta’ skala fil-kombinazzjoni tal-għażliet magħżula.

L-għażliet magħżula jiddependu wkoll fuq it-titjib maħluq minn bidliet leġiżlattivi reċenti dwar l-infurzar.

Se jkun hemm impatti sinifikanti oħra? 

Ma ġie identifikat l-ebda impatt sinifikanti ieħor, inkluż fuq pajjiżi barra mill-UE.

L-għażliet ġew ivvalutati wkoll għall-konsistenza tagħhom ma’ leġiżlazzjoni oħra u inizjattivi relatati li qed jitħejjew u dan l-aspett tqies bir-reqqa meta ntgħażlu l-għażliet preferuti. L-għażliet kollha magħżula tfasslu biex jikkumplimentaw il-leġiżlazzjoni eżistenti u jiffaċilitaw l-infurzar.

Proporzjonalità? 

Kif indikat hawn fuq, aħna identifikajna għadd ta’ għażliet ta’ politika ppreferuti li jiżguraw li din l-inizjattiva tkun konsistenti mal-inizjattivi dwar l-asserzjonijiet ekoloġiċi u l-prodotti sostenibbli li qed jitħejjew bħalissa.

L-għażliet magħżula huma kkunsidrati proporzjonati fid-dawl tad-detriment attwali tal-konsumatur, il-kisbiet mistennija fil-benesseri tal-konsumatur, l-ispejjeż li għandhom iġarrbu n-negozji u l-amministrazzjonijiet, u l-impatti pożittivi mistennija fuq is-soċjetà permezz tat-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2 u impatti ambjentali oħra.

Għażliet li jiġġeneraw spejjeż għoljin ħafna għan-negozju jew ma ntgħażlux jew twarrbu fi stadju bikri.

D. Segwitu

Meta se tiġi rieżaminata l-politika?

Minbarra l-monitoraġġ regolari, qed nipproponu li nirrappurtaw dwar kemm l-inizjattiva qed taħdem tajjeb tliet (3) snin wara li ġiet implimentata.

Top