IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.11.2022
COM(2022) 720 final
2022/0379(COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni (Att dwar Ewropa Interoperabbli)
{SEC(2022) 720 final} - {SWD(2022) 720 final} - {SWD(2022) 721 final} - {SWD(2022) 722 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u objettivi tal-proposta
Dan il-memorandum ta’ spjegazzjoni jakkumpanja l-proposta għal Regolament li jistabbilixxi miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni (“l-Att dwar Ewropa Interoperabbli”).
It-trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi hija fost il-prijoritajiet ewlenin tad-deċennju, u l-Istati Membri qegħdin jinvestu b’mod intensiv fid-diġitalizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika tagħhom. Madankollu, filwaqt li aktar u aktar servizzi pprovduti mis-settur pubbliku tal-UE qed isiru diġitali, il-livell ta’ interoperabbiltà tagħhom għadu insuffiċjenti.
L-interoperabbiltà tippermetti lill-organizzazzjonijiet jinteraġixxu lejn għanijiet ta’ benefiċċju reċiproku. Din tinvolvi l-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u għarfien bejn l-organizzazzjonijiet permezz tal-proċessi tan-negozju li jappoġġaw, permezz tal-iskambju ta’ data bejn in-network u s-sistemi ta’ informazzjoni tagħhom. L-interoperabbiltà tiżgura li d-data tkun tista’ tiġi skambjata mingħajr xkiel.
Fi żminijiet meta l-proċessi jkunu awtomatizzati u t-teknoloġiji diġitali jsiru parti mill-amministrazzjonijiet pubbliċi, huwa kruċjali li l-amministrazzjonijiet pubbliċi jibqgħu kapaċi jikkomunikaw ma’ xulxin. L-interoperabbiltà hija element importanti biex jintlaħaq tali għan. Dan ma jistax jiġi żgurat biss b’mezzi tekniċi. Dan jeħtieġ ftehimiet u proċessi stabbiliti bejn organizzazzjonijiet differenti, deskrizzjonijiet allinjati tad-data, liġijiet li jippermettu dawk l-iskambji tad-data u kooperazzjoni strutturata fit-tul. Livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-servizzi diġitali tas-settur pubbliku huwa essenzjali għas-suq uniku diġitali.
L-esperjenza tal-pandemija tal-COVID-19 uriet li soluzzjonijiet interoperabbli jgħinu biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu stipulat fit-Trattati. L-interoperabbiltà tas-settur pubbliku għandha wkoll impatt importanti fuq id-dritt għall-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi stipulat fit-Trattati, peress li proċeduri amministrattivi onerużi jistgħu joħolqu ostakli sinifikanti, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”).
L-interoperabbiltà hija wkoll fattur kruċjali fil-mitigazzjoni tar-riskji dejjem akbar taċ-ċibersigurtà li qegħdin jiffaċċjaw l-Unjoni u l-Istati Membri. Illum l-amministrazzjonijiet pubbliċi huma miri regolari tal-attakki ċibernetiċi.
Għalhekk, l-interoperabbiltà ma hijiex biss kwistjoni teknika iżda teħtieġ azzjoni f’diversi oqsma. Dawn jinkludu:
•l-iżgurar li l-oqfsa legali li taħthom joperaw organizzazzjonijiet differenti ma jfixklux il-forniment ta’ servizzi pubbliċi mingħajr xkiel bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom (interoperabbiltà legali);
•koordinazzjoni effettiva bejn korpi differenti tas-settur pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern fil-forniment ta’ servizzi pubbliċi (interoperabbiltà organizzazzjonali); u
•l-iżgurar li l-format u t-tifsira tad-data u tal-informazzjoni skambjati jiġu ppreservati u mifhuma fi kwalunkwe skambju bejn il-partijiet (interoperabbiltà semantika).
L-interoperabbiltà ottimali tas-settur pubbliku tippresupponi livell għoli ta’ interoperabbiltà li jippermetti skambju aktar effiċjenti u sigur tad-data biex jiġu pprovduti servizzi pubbliċi mingħajr xkiel. Livell baxx ta’ interoperabbiltà jwassal biex iċ-ċittadini u n-negozji jiffaċċjaw piż amministrattiv bla bżonn u kostijiet akbar għall-amministrazzjonijiet pubbliċi. It-tisħiħ tal-interoperabbiltà tas-settur pubbliku jipprovdi opportunitajiet sinifikanti għall-innovazzjoni, ippjanar aħjar minn qabel (eż. f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi) u sovranità teknoloġika mtejba tal-UE. Il-grad ideali ta’ interoperabbiltà jenħtieġ li jistabbilixxi ambjent ċar u stabbli għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet interoperabbli diversi.
Ir-regolamentazzjoni tal-interoperabbiltà transfruntiera hija prerekwiżit fundamentali għall-iżvilupp ulterjuri u għat-tlestija tal-aspetti eżistenti kollha tas-Suq Uniku Diġitali.
L-objettivi speċifiċi ta’ din l-inizjattiva huma:
1.li jiġi żgurat approċċ tal-UE konsistenti u ffukat fuq il-bniedem għall-interoperabbiltà, mit-tfassil tal-politika sal-implimentazzjoni tal-politika;
2.li tiġi stabbilita struttura ta’ governanza tal-interoperabbiltà mfassla biex tippermetti lill-amministrazzjonijiet pubbliċi mil-livelli u mis-setturi kollha, kif ukoll lill-partijiet ikkonċernati privati, jaħdmu flimkien – b’mandat ċar biex jaqblu dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà kondiviżi (eż. oqfsa, speċifikazzjonijiet miftuħa, standards miftuħa, applikazzjonijiet, jew linji gwida);
3.il-kokreazzjoni ta’ ekosistema ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għas-settur pubbliku tal-UE, sabiex l-amministrazzjonijiet pubbliċi fil-livelli kollha fl-UE u partijiet ikkonċernati oħrajn ikunu jistgħu jikkontribwixxu għal tali soluzzjonijiet u jużawhom mill-ġdid, jinnovaw flimkien u joħolqu valur pubbliku.
L-Istati Membri nfushom talbu approċċ koerenti, sinerġetiku, xprunat mill-ħtiġijiet u kooperattiv għas-suġġett tal-implimentazzjoni tal-politika bil-ħsieb tal-ambjent regolatorju li qiegħed jikber fil-qasam. Eżempji jinkludu l-Gateway Diġitali Unika (stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1724 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li jinstalla s-sistema teknika ta’ darba biss li permezz tagħha l-Istati Membri se jiskambjaw evidenza importanti fil-futur); u l-qafas legali li qed jevolvi dwar l-Identità Diġitali, li jistabbilixxi qafas għall-iskopijiet tal-interoperabbiltà tal-iskemi nazzjonali ta’ identifikazzjoni elettronika jew tal-ispazji tad-data li ġejjin. Is-sistema teknika ta’ darba biss hija l-ewwel spazju tad-data transsettorjali bejn is-servizzi pubbliċi bbażat fuq sett sħiħ ta’ regoli speċifiċi dwar l-interoperabbiltà.
Peress li l-interoperabbiltà fis-settur pubbliku tal-UE tikkonċerna diversi entitajiet li jikkooperaw biex isegwu objettiv unifikat, approċċ komuni għall-interoperabbiltà jista’ jiġi implimentat biss f’qafas dinamiku iżda omoġenju, b’rispett assolut tas-sussidjarjetà, u permezz ta’ governanza konsolidata f’diversi livelli.
L-esperjenza tal-Istati Membri wriet li, meta tiġi pprovduta bażi ġuridika għall-oqfsa għall-interoperabbiltà, dawk l-oqfsa jevolvu f’punt ta’ referenza konsistenti u koerenti li jqiegħed l-interoperabbiltà fuq quddiem nett tal-kunsiderazzjonijiet tal-politika. Pereżempju, il-Proposta għal Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti (EIF4SCC) ifittex li jipprovdi gwida dwar approċċ lokali u reġjonali għall-interoperabbiltà, li tikkomplementa dak ġenerali tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF).
Il-proposta tinkludi mudell ċar ta’ governanza appoġġat mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-UE, filwaqt li tipprovdi opportunitajiet għall-partijiet ikkonċernati biex jesprimu l-fehmiet u t-tħassib tagħhom permezz ta’ proċessi mingħajr xkiel li, fl-aħħar mill-aħħar, jikkontribwixxu għal soluzzjonijiet komuni ta’ interoperabbiltà. Politika effettiva tal-interoperabbiltà tiġbor flimkien inizjattivi ewlenin fi ħdan arkitettura kollaborattiva innovattiva u tkun miftuħa, sigura, u inklużiva, u tappoġġa l-implimentazzjoni tal-eżiti.
Din il-proposta tipprevedi l-iżvilupp ta’ Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà. L-EIF jisħaq fuq l-importanza li jitqiesu l-livelli differenti kollha ta’ interoperabbiltà – teknika, semantika, organizzazzjonali u legali – kif ukoll li jittieħed approċċ ta’ governanza integrata. L-EIF ġie fformulat għall-ewwel darba fl-2004. L-aktar verżjoni riċenti tiegħu ġiet ippubblikata bħala l-Anness 2 tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà – l-Istrateġija ta’ Implimentazzjoni COM/2017/0134 final. L-implimentazzjoni tal-EIF fil-livell tal-Istat Membru tiġi mmonitorjata mill-Osservatorju Nazzjonali għall-Qafas għall-Interoperabbiltà.
Barra minn hekk, din il-proposta toħloq il-bażi biex jiġi żviluppat l-għarfien meħtieġ dwar l-interoperabbiltà u s-soluzzjonijiet rispettivi, speċjalment fost esperti mhux tal-IT. Il-komunikazzjoni u l-kooperazzjoni huma elementi essenzjali għall-interoperabbiltà. Għalhekk, huwa importanti li jkun hemm punt uniku ta’ servizz biex jappoġġa l-iskambju ta’ informazzjoni fdat – il-portal Ewropa Interoperabbli.
Ir-regolamentazzjoni tal-interoperabbiltà transfruntiera fis-settur pubbliku jenħtieġ li tiffoka fuq is-salvagwardja tal-interess pubbliku f’soluzzjonijiet iffukati fuq l-utent u miftuħa. Sors miftuħ jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Sors miftuħ jippermetti lill-utenti jivvalutaw u jispezzjonaw b’mod attiv l-interoperabbiltà u s-sigurtà tas-soluzzjonijiet, u għalhekk l-utenti huma awtonomi u indipendenti fil-ġestjoni tal-infrastrutturi tagħhom stess mingħajr restrizzjonijiet esterni. Barra minn hekk, dan itaffi r-riskji taċ-ċibersigurtà u l-effetti ta’ lock-in teknoloġiku li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ approċċ koordinat bejn l-Istati Membri. Dan jiżgura wkoll l-aħjar redditu fuq l-investiment għall-flus pubbliċi, u b’hekk ikun possibbli li wieħed jibni fuq is-soluzzjonijiet eżistenti u jtejjibhom minflok jibda mill-bidu nett. L-użu ta’ strateġiji ta’ sors miftuħ għandu effetti konsegwenzjali pożittivi fuq l-effiċjenza tal-innovazzjoni u fuq l-Unjoni. Sors miftuħ u standards miftuħa flimkien huma abilitanti tal-interoperabbiltà. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni tal-liċenzji xierqa hija ta’ importanza partikolari. Il-verżjoni attwali tal-Liċenzja Pubblika tal-Unjoni Ewropea (EUPL), liċenzja standard ta’ sors miftuħ (il-verżjoni 1.2), ġiet adottata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/863.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika
Il-qasam ta’ politika tal-interoperabbiltà tas-settur pubbliku bħalissa ma huwiex kopert minn dispożizzjonijiet ġenerali vinkolanti tal-politika tal-UE. Madankollu, il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà mhux vinkolanti ilu parti mill-politika tal-UE dwar l-interoperabbiltà mill-2010. L-aktar verżjoni riċenti tiegħu ġiet adottata mill-Kummissjoni f’Komunikazzjoni fl-2017. L-implimentazzjoni tal-qafas kienet u għadha tiġi appoġġata minn sensiela ta’ strumenti ta’ finanzjament, bħall-programm ISA2 u, illum, il-Programm Ewropa Diġitali. Il-ħtieġa ta’ azzjoni aktar b’saħħitha fil-qasam ġiet rikonoxxuta u f’diversi komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni tħabbret azzjoni konkreta, fosthom il-Komunikazzjoni “Insawru l-Futur Diġitali tal-Ewropa”, “Strateġija Ewropea għad-Data”, “L-identifikazzjoni u l-indirizzar tal-ostakli għas-Suq Uniku”u “Id-Diġitalizzazzjoni tal-ġustizzja fl-Unjoni Ewropea Strumentarju ta’ opportunitajiet”. Din il-proposta timplimenta wkoll il-mandat politiku pprovdut mill-Kunsill Ewropew li talab qafas għall-interoperabbiltà li jagħti s-setgħa. Din l-inizjattiva ġiet inkluża fil-programm ta’ ħidma tal-Kummissjoni għall-2022 (l-anness REFIT). Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mal-approċċ li ttieħed fil-passat, din il-proposta tibni fuq l-evalwazzjonijiet tal-qafas ta’ politika mhux vinkolanti, l-EIF u l-programm ISA2.
Barra minn hekk, hemm żviluppi li jinbidlu malajr fil-qasam ta’ politika usa’ tas-servizzi pubbliċi diġitali. Eżempji jinkludu r-Regolament dwar il-Gateway Diġitali Unika, id-Direttiva dwar id-data miftuħa u l-Att dwar il-Governanza tad-Data, filwaqt li qegħdin jiġu diskussi proposti leġiżlattivi ġodda mil-leġiżlatur tal-Unjoni, pereż., Regolament għal Identità Diġitali Ewropea, u l-Att dwar id-Data. Billi dawn l-inizjattivi diġà jittrattaw aspetti differenti tal-ekonomija diġitali u l-interoperabbiltà, l-Att propost dwar Ewropa Interoperabbli għandu l-għan li jiffaċilita l-implimentazzjoni interoperabbli ta’ ċerti partijiet ta’ dawk il-politiki, li huma rilevanti mill-aspett tas-servizzi pubbliċi, billi tiġi stabbilita kooperazzjoni strutturata kontinwa fir-rigward tal-interoperabbiltà transfruntiera tas-settur pubbliku.
Għalkemm xi wħud minn dawn l-inizjattivi ta’ politika għandhom dispożizzjonijiet li huma rilevanti għall-forniment ta’ servizzi pubbliċi (eż. ir-regoli dwar l-użu mill-ġdid ta’ data protetta miżmuma pubblikament stabbiliti fl-Att dwar il-Governanza tad-Data), dawn ma jistabbilixxux qafas komprensiv għall-interoperabbiltà tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi fl-Unjoni. L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-UE, bħala fornituri tan-network u ta’ sistemi ta’ informazzjoni għas-servizzi pubbliċi, se jaqblu dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà permezz ta’ korp ta’ governanza dedikat (il-“Bord għal Ewropa Interoperabbli”). Dan il-kunsens miftiehem jista’ jħaffef u jappoġġa l-implimentazzjoni, speċjalment ta’ politiki diġitali oħrajn – filwaqt li jiżgura l-interoperabbiltà bejn id-diversi miżuri ta’ implimentazzjoni. Barra minn hekk, “Komunità għal Ewropa Interoperabbli” se tiżgura l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn il-partijiet ikkonċernati rilevanti fil-qasam tal-interoperabbiltà transfruntiera u transsettorjali. Il-“portal Ewropa Interoperabbli” se jipprovdi punt ta’ dħul uniku għall-informazzjoni relatata mal-interoperabbiltà tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni rilevanti, u l-“Aġenda għal Ewropa Interoperabbli” se tistabbilixxi aġenda strateġika madwar l-UE kollha ta’ suġġerimenti għal titjib ulterjuri, inklużi miżuri ta’ appoġġ koordinati.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Huwa meħtieġ li tiġi stabbilita rabta bejn l-ispeċifikazzjonijiet kollha għan-network tas-settur pubbliku u s-sistemi ta’ informazzjoni li huma obbligatorji li jintużaw minħabba d-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni. Mhux dejjem ikun faċli għall-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni li jsibu r-rekwiżiti fl-aktar format riċenti u li jinqara mill-magni. Punt uniku ta’ dħul u regoli ċari dwar il-metadata ta’ tali informazzjoni jenħtieġ li jgħinu lill-korpi tas-settur pubbliku biex l-infrastrutturi tas-servizzi diġitali tagħhom jikkonformaw mar-regoli eżistenti u futuri. Dan huwa fattur importanti ieħor dwar kif il-proposta se tgħin biex jiġu integrati l-politiki fis-setturi differenti tal-UE u biex titrawwem l-implimentazzjoni koerenti tagħhom.
Fil-fatt, minħabba n-natura trażversali tal-interoperabbiltà, din il-proposta għandha wkoll l-għan li tiffaċilita l-implimentazzjoni diġitali tal-politiki settorjali. Il-proposta hija mfassla biex tevita rekwiżiti vinkolanti ta’ interoperabbiltà li jkunu konfliġġenti ma’ politiki settorjali li jistabbilixxu rekwiżiti għan-network u għas-sistemi ta’ informazzjoni għas-servizzi pubbliċi, jew viċi versa. Minflok, il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà għandha l-għan li trawwem l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet interoperabbli fl-iżviluppi futuri tal-politika, u li ttejjeb il-konsistenza mal-politika proposta u ma’ politiki oħrajn, speċifikament l-implimentazzjoni diġitali ġenerali tagħhom.
L-interoperabbiltà tan-network u ta’ sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi hija importanti wkoll biex jintlaħqu l-miri relatati mas-settur pubbliku stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali”. Filwaqt li s-servizzi pubbliċi li jingħataw 100% online jistgħu potenzjalment jinkisbu wkoll b’soluzzjonijiet mhux interoperabbli, l-użu ta’ soluzzjonijiet interoperabbli se jgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jilħqu l-mira b’mod aktar effettiv u effiċjenti. L-istess jgħodd għall-miri settorjali, pereżempju fil-qasam tas-saħħa. Id-data miġbura skont dan ir-Regolament tista’ tikkontribwixxi wkoll għall-monitoraġġ rilevanti.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Il-bażi ġuridika għal din il-proposta hija l-Artikolu 172 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).
F’konformità mal-Artikolu 170 tat-TFUE, sabiex tgħin fl-ilħuq tal-objettivi msemmija fl-Artikoli 26 u 174 tat-TFUE, u sabiex in-nies fl-UE, l-operaturi ekonomiċi u l-komunitajiet reġjonali u lokali jkunu jistgħu jiksbu l-benefiċċji kollha tal-istabbiliment ta’ żona mingħajr fruntieri interni, l-UE jenħtieġ li tgħin biex jinħolqu u jiġu żviluppati networks trans-Ewropej, b’mod partikolari fil-qasam tat-telekomunikazzjoni. Fil-qafas ta’ sistema ta’ swieq miftuħa u kompetittivi, l-azzjoni mill-Unjoni Ewropea se jkollha l-għan li tappoġġa u tħeġġeġ l-interkonnessjoni u l-interoperabbiltà transfruntiera tan-networks nazzjonali u ttejjeb l-aċċess għal dawn in-networks.
Skont l-Artikolu 171(1) tat-TFUE, l-Unjoni jenħtieġ li tistabbilixxi linji gwida, tidentifika proġetti ta’ interess komuni, u timplimenta kwalunkwe miżura meħtieġa biex tiżgura l-interoperabbiltà tan-networks trans-Ewropej. Skont l-Artikolu 171(2) “L-Istati Membri għandhom, flimkien mal-Kummissjoni, jikkoordinaw bejniethom il-linji politiċi nazzjonali li jista’ jkollhom impatt konsiderevoli” fuq l-objettiv tal-istabbiliment ta’ networks trans-Ewropej, u l-Kummissjoni “tista’, b’ħidma mill-qrib mal-Istati Membri, tieħu kull inizjattiva utli sabiex tippromwovi dik il-koordinazzjoni”.
Din il-proposta għandha l-għan li tiżviluppa approċċ koerenti u ffukat fuq il-bniedem għall-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi mit-tfassil tal-politika sal-implimentazzjoni tal-politika, akkumpanjat minn governanza ċara sabiex jiġu ssimplifikati oqfsa għall-interoperabbiltà, soluzzjonijiet, linji gwida u speċifikazzjonijiet kondiviżi fil-kuntest tal-forniment ta’ servizzi pubbliċi diġitali bejn il-fruntieri tal-UE.
L-azzjoni tal-UE biex tittejjeb l-interoperabbiltà tas-settur pubbliku – billi tiġi stabbilita struttura ta’ governanza biex tmexxi l-iżvilupp tal-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u s-sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi fis-settur pubbliku tal-UE – tgħin biex is-suq uniku jiġi integrat ulterjorament, peress li tneħħi l-ostakli għaċ-ċirkolazzjoni tal-informazzjoni fl-UE u trawwem il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. It-TFUE jagħti lill-UE l-kompetenza li tistpula dispożizzjonijiet xierqa sabiex tistabbilixxi u tiżviluppa networks trans-Ewropej fl-oqsma tal-infrastrutturi tat-telekomunikazzjoni (l-Artikolu 170 tat-TFUE) għal dan il-għan.
Mill-1994, l-UE użat din il-bażi ġuridika u l-predeċessur tagħha sabiex toħloq programmi ta’ finanzjament ħalli tappoġġa l-iżvilupp u t-tixrid ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u għan-negozji u biex tistabbilixxi infrastrutturi tas-servizzi diġitali transfruntieri. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat li l-miżuri tal-UE li jikkontribwixxu għall-“interkambju telematiku tad-data bejn l-amministrazzjonijiet fil-Komunità (IDA) ” jaqgħu fl-ambitu tan-networks trans-Ewropej għat-telekomunikazzjoni skont l-Artikolu 129 tat-Trattat tal-KE.
Għalhekk, l-Artikolu 172 huwa l-bażi ġuridika xierqa għall-azzjoni tal-UE sabiex tippromwovi l-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni.
Sabiex tgħin fl-istabbiliment u fl-iżvilupp tan-networks trans-Ewropej fir-rigward tas-servizzi pubbliċi diġitali pprovduti minn korpi tas-settur pubbliku, trid tinħoloq sistema ġdida ta’ koordinazzjoni fil-livell tal-UE bi rwoli u mandati ċari.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-TUE, jenħtieġ li tittieħed azzjoni fil-livell tal-UE biss meta l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jintlaħqu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri waħedhom u, għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjoni proposta, ikunu jistgħu jinkisbu aħjar mill-UE. Barra minn hekk, hemm bżonn li n-natura u l-intensità ta’ miżura partikolari jaqblu mal-problema identifikata.
Miżuri li jappoġġaw l-interoperabbiltà transfruntiera tas-settur pubbliku madwar l-UE ma jistgħux jinkisbu minn Stat Membru li jaġixxi waħdu u jeħtieġu koordinazzjoni fil-livell tal-UE. L-iżvilupp ta’ kooperazzjoni strutturata madwar l-UE kollha biex tiġi appoġġata l-interoperabbiltà tas-settur pubbliku huwa min-natura tiegħu kompitu li jrid jitwettaq fil-livell tal-UE.
•Proporzjonalità
F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-miżuri f’din il-proposta ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati (l-iżvilupp u t-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali). Il-proposta tindirizza l-ostakli eżistenti għal servizzi pubbliċi interoperabbli fl-UE. Din tistabbilixxi qafas legali għall-kondiviżjoni u għall-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u ta’ teknoloġija tal-gvern (“GovTech”) rakkomandati miftuħa b’mod ġenerali sabiex tiġi appoġġata aħjar l-interkonnessjoni tal-infrastrutturi rilevanti. Il-proposta tistabbilixxi wkoll qafas għall-kooperazzjoni li jippermetti lill-entitajiet pubbliċi rilevanti u lis-setturi differenti jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom fil-livell tal-UE. Din tibni fuq soluzzjonijiet eżistenti li ġew żviluppati u implimentati parzjalment f’entitajiet u f’setturi pubbliċi differenti f’dawn l-aħħar snin, bħall-EIF.
Fit-terminu qasir, din il-proposta se twassal għal kostijiet li jitħallsu mill-Kummissjoni fl-istabbiliment tal-mekkaniżmu għal kooperazzjoni strutturata fost l-amministrazzjonijiet fl-UE u fl-Istati Membri. Fit-terminu twil, il-Kummissjoni se ġġarrab kostijiet għall-iffaċilitar tal-governanza tal-interoperabbiltà u għall-iżvilupp ta’ gwida u soluzzjonijiet komuni. L-Istati Membri se jġarrbu wkoll kostijiet relatati mal-iżvilupp u mal-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet komuni ta’ interoperabbiltà, abbażi tal-gwida u tal-għodod iffaċilitati mill-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni. Dawn il-kostijiet jiġu kkumpensati fit-terminu twil mill-benefiċċji ġġenerati permezz tal-kooperazzjoni mtejba u l-iżvilupp, l-implimentazzjoni u l-użu mill-ġdid ta’ miżuri komuni ta’ interoperabbiltà għas-servizzi pubbliċi, u b’hekk titnaqqas id-duplikazzjoni tal-isforzi u l-piżijiet bla bżonn.
Sabiex jiġi mminimizzat il-piż fir-rigward tar-rapportar regolatorju, il-monitoraġġ se jibni kemm jista’ jkun fuq il-kanali u l-infrastruttura eżistenti tar-rapportar tad-data, u fuq l-irkupru awtomatizzat tad-data.
Fir-rigward tan-negozji u tal-membri tal-pubbliku, il-proposta x’aktarx li twassal għal tnaqqis fil-kostijiet tal-interazzjoni mal-amministrazzjonijiet pubbliċi kif ukoll fil-kostijiet tan-negozju fl-UE.
•Għażla tal-istrument
Regolament jitqies bħala l-aktar strument legali xieraq biex jiġi stabbilit qafas għall-interoperabbiltà transfruntiera tas-settur pubbliku fl-UE. L-applikabbiltà diretta ta’ Regolament f’konformità mal-Artikolu 288 tat-TFUE se tipprovdi ċertezza legali akbar bl-introduzzjoni ta’ sett armonizzat ta’ regoli ewlenin, li jikkontribwixxu għall-funzjonament tas-Suq Uniku. Ir-Regolament se joħloq ukoll mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni strutturat.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja din il-proposta tibbaża – fost l-oħrajn – fuq l-evalwazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF), li saret konsekuttivament u ġiet ippubblikata ma’ din il-proposta. Is-sejba ewlenija tal-evalwazzjoni hija li l-interoperabbiltà transfruntiera tista’ tinkiseb b’mod aktar effiċjenti u effettiv b’miżuri tal-UE milli b’azzjoni nazzjonali jew subnazzjonali biss. Xi rakkomandazzjonijiet tal-EIF diġà huma implimentati b’mod kunċettwali fl-Istati Membri. Il-kostijiet tat-tfassil tal-oqfsa nazzjonali għall-interoperabbiltà allinjati mal-EIF kienu mistennija li jkunu relattivament baxxi. Madankollu, l-EIF attwali ma jappoġġax biżżejjed l-implimentazzjoni prattika ta’ servizzi pubbliċi diġitali Ewropej interoperabbli. Hemm bżonn ta’ mekkaniżmu ġdid biex dan isir aktar azzjonabbli. Il-valutazzjoni tal-impatt tenfasizza b’mod partikolari l-ħtieġa ta’: (i) governanza mtejba tal-interoperabbiltà fl-UE; (ii) regoli aktar komuni u potenzjalment vinkolanti; u (iii) aktar allinjament, b’mod partikolari, tal-politiki tal-UE u tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE mal-EIF.
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Il-proċess ta’ konsultazzjoni u l-konklużjonijiet ewlenin tiegħu li fuqhom hija bbażata din il-proposta, huma miġbura fil-qosor fl-Anness 2 tal-valutazzjoni tal-impatt li takkumpanja l-proposta għal Att dwar Ewropa Interoperabbli. L-attivitajiet ta’ konsultazzjoni kienu jinkludu konsultazzjoni pubblika miftuħa u online mmirata, workshops ma’ diversi kategoriji ta’ partijiet ikkonċernati rilevanti, u gruppi ta’ esperti stabbiliti mill-Kummissjoni.
Ir-rispondenti qiesu li l-objettivi preċiżi deskritti fil-valutazzjoni tal-impatt huma sinifikanti fil-biċċa l-kbira tagħhom, filwaqt li speċifikaw li bosta minn dawn l-objettivi huma interkonnessi u ma jistgħux jintlaħqu individwalment.
Il-partijiet ikkonċernati identifikaw diversi għanijiet addizzjonali, bħal: (i) l-iżvilupp u l-promozzjoni ta’ standards u linji gwida partikolari li jistgħu jiggwidaw lill-amministrazzjonijiet pubbliċi lejn l-interoperabbiltà skont id-disinn; (ii) it-tranżizzjoni lejn servizzi proattivi u awtosovrani; (iii) iż-żieda fit-trasparenza billi jiġi applikat il-prinċipju ta’ “darba biss”; (iv) qafas li jiċċentralizza l-informazzjoni tal-utenti; u (v) l-enfasizzar tal-valur tal-interoperabbiltà għad-drittijiet ċivili, l-involviment diġitali għal kulħadd, id-diversità u d-demokratizzazzjoni tal-għarfien pubbliku.
Il-maġġoranza tal-partijiet ikkonċernati semmew b’mod espliċitu l-ħtieġa ta’ standards u speċifikazzjonijiet miftiehma u miftuħa. Xi wħud minnhom enfasizzaw ukoll il-ħtieġa ta’ involviment aktar koordinat tas-settur pubbliku fl-organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni. Il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati kellhom fehmiet simili dwar l-inċentivar tal-kondiviżjoni tal-kostijiet tad-disinn fir-rigward ta’ soluzzjonijiet faċli għall-utent, affidabbli u siguri (inkluż bejn il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati) u fir-rigward tat-trawwim ta’ kondiviżjoni u użu mill-ġdid madwar l-UE kollha ta’ soluzzjonijiet interoperabbli maturi, li jistgħu jerġgħu jintużaw u b’sors miftuħ għall-amministrazzjonijiet pubbliċi. Huma semmew ukoll li dawn s-soluzzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn gwida ċara dwar l-użu ta’ standards miftuħa u sors miftuħ (inklużi definizzjonijiet ċari), u li huwa meħtieġ li tiġi koperta l-assistenza teknika fil-livelli kollha (inklużi r-riżorsi ta’ taħriġ rilevanti).
Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati talbu li l-politika dwar l-interoperabbiltà ssir aktar prattika u konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-UE billi tiġi avvanzata l-idea ta’ implimentazzjonijiet ta’ referenza. Dawn l-implimentazzjonijiet jakkumpanjaw proposti ta’ politika bi “standards tad-deheb” mhux vinkolanti dwar kif tista’ taħdem l-implimentazzjoni interoperabbli fil-livell amministrattiv u juru kif il-proposti jistgħu jiġu implimentati.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-proposta tfasslet flimkien mal-Grupp ta’ Esperti dwar l-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi Ewropej. Bħala parti minn dan il-proċess, il-Grupp ta’ Esperti ħareġ rakkomandazzjonijiet ta’ politika għall-politika Ewropea tal-interoperabbiltà li jmiss f’Ottubru 2021.
Saru diversi studji biex jappoġġaw il-ħidma fuq l-inizjattiva. Dawn kienu jinkludu:
•Study supporting the evaluation of the implementation of the EIF;
•Study supporting the final evaluation of the programme on interoperability solutions for European public administrations, businesses and citizens (ISA2);
•Ir-Rapport Tekniku tal-JRC – Quantifying the Benefits of Location Interoperability in the European Union.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-Valutazzjoni tal-Impatt li takkumpanja din il-proposta ġiet eżaminata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju fid-19 ta’ Jannar 2022. Il-Bord ta opinjoni pożittiva b’riżervi. Il-kummenti ġew indirizzati mill-Kummissjoni fil-verżjoni finali tal-Valutazzjoni tal-Impatt (id-dettalji huma pprovduti fl-Anness 1 tagħha).
Il-valutazzjoni tal-impatt tqabbel tliet għażliet, minbarra l-linja bażi ta’ nuqqas ta’ azzjoni.
L-għażla 1 tfittex żvilupp kontinwu gradwali tal-EIF.
L-għażla 2 iżżomm il-qafas volontarju attwali. Din tipproponi azzjoni leġiżlattiva li tiffoka fuq il-bini ta’ mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni strutturali b’mandat flessibbli sabiex jiġu żgurati l-iżvilupp u ż-żamma kontinwi ta’ soluzzjonijiet komuni ta’ interoperabbiltà miftiehma, kif ukoll sabiex jiġu ddeterminati sperimentazzjoni komuni u inizjattivi ta’ appoġġ politiku ffukati.
Simili għall-għażla 2, l-għażla 3 tipproponi azzjoni leġiżlattiva, iżda l-azzjoni proposta hija aktar wiesgħa. Din tiffoka fuq l-inklużjoni ta’ rekwiżiti minimi tal-interoperabbiltà Ewropea applikabbli direttament fil-liġi, li jiġu riveduti permezz ta’ deċiżjonijiet ta’ implimentazzjoni.
Skont il-valutazzjoni tal-impatti mistennija, l-għażla 1 u l-linja bażi ma humiex se jindirizzaw b’mod effettiv in-nuqqasijiet żvelati mill-evalwazzjoni tal-EIF. Minħabba inċentivi ta’ kooperazzjoni insuffiċjenti, it-tnejn li huma ma humiex se jissodisfaw l-aspettattivi politiċi u operazzjonali tal-partijiet ikkonċernati, speċjalment tal-Istati Membri. L-għażla 3 hija ugwalment inqas probabbli li tikseb appoġġ politiku, minħabba l-ambitu wiesa’ tagħha u l-livell għoli ta’ sensittività għas-sussidjarjetà (eż., fir-rigward tas-sistemi ta’ legat tal-UE u tal-Istati Membri). Għalkemm l-inklużjoni ta’ rekwiżiti minimi ta’ interoperabbiltà applikabbli direttament fid-dritt tal-UE hija mistennija li tkun effiċjenti, din se tkun proċedura twila, u se tirrikjedi kostijiet u sforzi sinifikanti ta’ implimentazzjoni. Għalhekk, huwa preżunt li dan ikollu inqas impatt biex jiggarantixxi reazzjoni flessibbli u risponsiva għal rekwiżiti teknoloġiċi u ta’ politika li jinbidlu malajr.
Il-valutazzjoni tal-impatt identifikat l-għażla 2 bħala x-xenarju preferut. Id-deċiżjoni li jinħoloq mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni strutturat hija mistennija li tipprovdi lill-Istati Membri l-istabbiltà u l-prevedibbiltà (legali) li jeħtieġu, filwaqt li tippermetti wkoll il-flessibbiltà meħtieġa biex ikomplu jiżviluppaw soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà kondiviżi b’reazzjoni għall-ħtiġijiet ta’ politika li qed jinbidlu. L-għażla 2 tiffoka wkoll fuq l-iżvilupp ta’ proċessi parteċipattivi. Dawn il-proċessi huma aktar rilevanti għall-progress teknoloġiku aċċellerat. Huma wkoll inqas intrużivi fir-rigward tal-impatt fuq is-sistemi ta’ legat, peress li ma jispeċifikax direttament ir-rekwiżiti (minimi) ta’ kompatibbiltà fil-liġi (kif tkun l-għażla 3). Sal-lum, l-għażla 3 hija inqas probabbli li tikseb appoġġ politiku, minħabba l-ambitu wiesa’ tagħha u l-livell għoli ta’ sensittività għas-sussidjarjetà (b’mod partikolari fir-rigward tas-sistemi ta’ legat tal-UE u tal-Istati Membri). Għalhekk, l-għażla 2 hija preżunta li tħalli inqas impatt fuq il-garanzija ta’ reazzjoni flessibbli u reattiva għar-rekwiżiti teknoloġiċi u ta’ politika li jinbidlu malajr. Maż-żmien, l-għażla 2, tista’ gradwalment twassal ukoll għall-għażla 3.
Hija prevista governanza tal-interoperabbiltà transfruntiera unifikata tal-UE biex trawwem kollaborazzjoni minn isfel għal fuq u sjieda minn fuq għal isfel fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin fl-Istati Membri, li tirriżulta f’ekosistema ta’ interoperabbiltà kondiviża. Din tiffaċilita l-involviment fi stadju bikri fit-tfassil tal-politika u fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ta’ (ko)investiment u ttejjeb l-implimentazzjoni tal-politika. Għal dawn ir-raġunijiet, l-għażla 2 ma hijiex theddida iżda faċilitatur għas-sussidjarjetà, li ssaħħaħ ir-reżiljenza tal-amministrazzjonijiet pubbliċi u s-sovranità diġitali.
Fl-aħħar nett, il-miżuri proposti fl-għażla 2 x’aktarx li jkollhom impatti limitati iżda pożittivi fuq l-ilħuq tal-għanijiet klimatiċi u enerġetiċi tal-UE. Interoperabbiltà transfruntiera akbar tista’ tiffranka l-piż billi, pereżempju, tiffaċilita r-rapportar tal-emissjonijiet tal-karbonju, tnaqqas l-użu tal-karti, u tillimita l-ivvjaġġar fiżiku meħtieġ mill-utenti tas-servizzi pubbliċi meta jtemmu l-proċeduri amministrattivi.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Il-miżuri ta’ politika proposti taħt l-għażla ppreferuta jindirizzaw l-objettivi ta’ simplifikazzjoni u piż amministrattiv imnaqqas, f’konformità mal-programm tal-Kummissjoni dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT). Il-potenzjal tiegħu għat-tnaqqis tal-piż amministrattiv fil-qasam tal-politika ġie rikonoxxut mill-Pjattaforma Fit for Future, li inkludietu fil-programm ta’ ħidma annwali tagħha għall-2022.
L-iskop ta’ din l-inizjattiva huwa li jitnaqqas il-piż amministrattiv mhux biss fil-qasam tal-politika iżda wkoll fis-setturi u fil-livelli amministrattivi. Permezz ta’ interoperabbiltà mtejba, din għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet amministrattivi u tal-konformità għall-amministrazzjonijiet pubbliċi. Il-membri tal-pubbliku se jibbenefikaw mill-piż amministrattiv imnaqqas, u se jkunu jistgħu jiddependu bis-sħiħ fuq is-servizzi pubbliċi diġitali u l-faċilità għall-iskambju sigur tad-data bl-istess valur legali transfruntier. In-negozji – speċjalment l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) – ukoll se jibbenefikaw mill-iffrankar fil-kostijiet tal-konformità.
•Drittijiet fundamentali
Din il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (CFR).
Il-proposta hija partikolarment rilevanti għad-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif definit fl-Artikolu 41 tas-CFR. Dan l-artikolu jiddikjara li l-amministrazzjoni tajba hija dritt fundamentali billi jiddikjara li kull individwu għandu d-dritt li l-affarijiet tiegħu jiġu ġestiti b’ċertu mod mill-istituzzjonijiet u mill-korpi tal-UE jew mill-Istati Membri li japplikaw id-dritt tal-UE. Id-dritt għal amministrazzjoni tajba jenfasizza l-importanza tat-trasparenza f’era dejjem aktar diġitali. Inizjattivi li jappoġġaw id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi jistgħu jitqiesu bħala faċilitaturi tad-dritt għal amministrazzjoni tajba, peress li għandhom il-kapaċità li jiffaċilitaw kunsiderazzjonijiet essenzjali ta’ amministrazzjoni tajba, bħan-newtralità, l-imparzjalità, u kapaċità ta’ previżjoni sabiex jiġu solvuti diversi kwistjonijiet. L-ebda azzjoni ulterjuri dwar l-EIF u prinċipji relatati ma tista’ tinvolvi konsegwenzi negattivi, bħal għall-Artikolu 8 tas-CFR, id-dritt għall-protezzjoni ta’ data personali, jew bħal għall-Artikolu 22, tas-CFR, id-dritt għad-diversità lingwistika. Meta d-data personali tiġi pproċessata f’ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji, il-proposta tinkludi salvagwardji xierqa għall-protezzjoni tad-data sabiex jiġu żgurati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data.
F’termini tad-dritt ta’ moviment liberu fl-UE, ir-riċerka dwar l-SMEs turi li l-proċeduri amministrattivi mhux interoperabbli jimminaw il-kapaċità tal-SMEs Ewropej li jagħmlu negozju f’pajjiżi oħrajn tal-UE, kif ukoll li jiffunzjonaw b’mod flessibbli u mingħajr riżervi fis-Suq Uniku.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta tistabbilixxi għadd ta’ obbligi għall-Kummissjoni, b’mod partikolari, biex toħloq il-mekkaniżmu għall-kooperazzjoni strutturata fost l-amministrazzjonijiet fl-UE u fl-Istati Membri, biex tappoġġa din il-governanza tal-interoperabbiltà u biex tiżviluppa gwida u soluzzjonijiet komuni. Fil-programmi ta’ ħidma tagħha tal-2021 u l-2022, il-programm Ewropa Diġitali diġà kien qed jappoġġa l-attivitajiet relatati tal-Kummissjoni b’kontribuzzjoni inizjali ta’ kważi EUR 50 miljun.
Ir-Regolament jistabbilixxi strument għall-koordinazzjoni tal-investimenti pubbliċi f’soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà: l-Aġenda għal Ewropa Interoperabbli. Din jenħtieġ li tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-possibbiltajiet ta’ finanzjament u l-impenji ta’ finanzjament fil-qasam, filwaqt li tintegra, fejn xieraq, il-programmi relatati tal-Unjoni, bħall-programm Ewropa Diġitali, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-faċilitajiet għall-Irkupru u r-reżiljenza, l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, il-programm Orizzont Ewropa u programmi oħrajn.
It-twettiq tal-obbligi tal-Kummissjoni stabbiliti f’din il-proposta legali se jirrikjedi madwar EUR 130 miljun bejn l-2023 u l-2027 u se jiġi ffinanzjat direttament mill-programm Ewropa Diġitali. Il-kontribuzzjonijiet mill-programm Ewropa Diġitali mill-2023 huma soġġetti għad-disponibbiltà tal-approprjazzjonijiet previsti fl-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni, b’segwitu għall-adozzjoni ta’ dak il-baġit mill-awtorità baġitarja, u se jitqiesu fil-kuntest tat-tħejjija tal-programmi ta’ ħidma rispettivi. L-allokazzjonijiet finali se jkunu soġġetti għall-prijoritizzazzjoni għall-finanzjament fil-kuntest tal-proċedura ta’ adozzjoni sottostanti u l-qbil tal-Kumitat tal-Programm rispettiv. Il-kostijiet amministrattivi tal-Kummissjoni huma stmati għal madwar EUR 2,822 miljun, inklużi l-kostijiet għar-riżorsi umani u nefqa amministrattiva oħra.
Id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva mehmuża ma’ din il-proposta tistabbilixxi l-implikazzjonijiet tar-riżorsi baġitarji, umani u amministrattivi.
5.ELEMENTI OĦRAJN
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar
Ladarba jiġi adottat, l-impatti tar-Regolament se jiġu mmonitorjati u evalwati f’konformità mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar. L-indikaturi se jibnu kemm jista’ jkun fuq id-data ta’ monitoraġġ eżistenti u jippreferu l-irkupru awtomatizzat tad-data mill-kwestjonarji. Id-data ta’ monitoraġġ u r-rapporti ta’ evalwazzjoni se jkunu disponibbli għall-pubbliku u se jipprovdu dettalji dwar l-applikazzjoni u l-infurzar effettivi ta’ dan ir-Regolament.
Billi bosta partijiet ikkonċernati ssuġġerew li jiġu introdotti miżuri saħansitra aktar b’saħħithom, il-kwistjoni ta’ tisħiħ ulterjuri tal-politika se tiġi indirizzata f’evalwazzjonijiet futuri.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Il-Kapitolu 1 (Dispożizzjonijiet ġenerali) jistabbilixxi s-suġġett tar-Regolament, jiġifieri li jiġi stabbilit network Ewropew għall-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi fl-Unjoni u biex jiġu appoġġati l-interkonnessjonijiet bejn is-servizzi pubbliċi nazzjonali eżistenti. Dan jistabbilixxi wkoll id-definizzjonijiet li jintużaw fid-diversi strumenti. Sabiex jitrawwem approċċ koerenti tal-UE għall-interoperabbiltà transfruntiera u sabiex jiġu appoġġati t-tliet pilastri ewlenin tal-proposta (soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, proġetti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika u qafas ta’ governanza) il-Kapitolu jistabbilixxi żewġ obbligi ġenerali għall-korpi tas-settur pubbliku: li jwettqu valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà u li jappoġġaw il-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fis-settur pubbliku. (l-Artikoli 1 sa 4)
Il-Kapitolu 2 (Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà) jirregola l-istabbiliment ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà b’referenza għal: (1) Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF) u l-oqfsa speċjalizzati tiegħu għall-interoperabbiltà, (2) l-ispeċifikazzjonijiet u l-applikazzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli li huma rakkomandati mill-Bord għal Ewropa Interoperabbli. L-użu tagħhom fis-setturi u fil-livelli amministrattivi, filwaqt li ma huwiex obbligatorju, huwa promoss permezz tal-mekkaniżmi stabbiliti fil-Kapitolu 1 u fil-Kapitolu 3. (l-Artikoli 5 sa 8)
Il-Kapitolu 3 (Miżuri ta’ appoġġ) jistabbilixxi miżuri mfassla biex jappoġġaw lill-korpi tas-settur pubbliku fl-implimentazzjoni tar-Regolament. Ir-regoli li jirregolaw l-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika jistabbilixxu proċess dwar kif il-proġetti ta’ politika madwar l-UE kollha mwettqa skont ir-Regolament jistgħu jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE interoperabbli u diġitali fis-settur pubbliku kollu tal-UE. Dan il-kapitolu jistabbilixxi wkoll miżuri ta’ innovazzjoni għall-promozzjoni tal-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà f’kuntesti transfruntieri. Sabiex tappoġġa l-ambjenti tal-ittestjar għal soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza l-istabbiliment ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji. L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji jenħtieġ li ma jikkontribwixxux biss għal soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda iżda wkoll għat-tagħlim regolatorju. Sistema ta’ rieżami bejn il-pari u dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ isaħħu żewġ faċilitaturi importanti ulterjuri tal-interoperabbiltà: il-ħiliet u l-iskambju tal-għarfien. (l-Artikoli 9 sa 14)
Il-Kapitolu 4 (Governanza) jistabbilixxi qafas ta’ governanza f’diversi livelli. Fil-“Bord għal Ewropa Interoperabbli”, l-Istati Membri u r-rappreżentanti mill-Kummissjoni, mill-Kumitat tar-Reġjuni u mill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew jistabbilixxu l-għanijiet strateġiċi u jaqblu dwar miżuri konkreti li jistgħu jiżguraw l-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistema ta’ informazzjoni tagħhom li jipprovdu jew jiġġestixxu servizzi pubbliċi diġitali. Il-Bord huwa appoġġat minn komunità (il-“Komunità għal Ewropa Interoperabbli”) li se tippermetti l-involviment ta’ sett usa’ ta’ partijiet ikkonċernati u li hija involuta fil-kompiti operazzjonali marbutin mal-implimentazzjoni tar-Regolament. (l-Artikoli 15 sa 18)
Il-Kapitolu 5 (Ippjanar, monitoraġġ u evalwazzjoni) jistabbilixxi mekkaniżmu ta’ ppjanar integrat (l-“Aġenda għal Ewropa Interoperabbli”). Filwaqt li r-Regolament ma jipprevedix mekkaniżmu ta’ finanzjament, huwa jistabbilixxi dimensjoni ġdida ta’ ppjanar fi programmi differenti ta’ finanzjament tal-UE u inizjattivi nazzjonali rilevanti sabiex jiżdiedu s-sinerġiji tal-miżuri ta’ diġitalizzazzjoni fis-settur pubbliku. Il-Kapitolu jistabbilixxi ulterjorament ir-regoli dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni. (l-Artikolu 19 sa 20)
Il-Kapitolu 6 (Dispożizzjonijiet finali) jistabbilixxi l-kostijiet marbutin ma’ din il-proposta u d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha. (l-Artikoli 21 sa 22)
2022/0379 (COD)
Proposta għal
REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni (Att dwar Ewropa Interoperabbli)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 172 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)Huwa meħtieġ li jissaħħaħ l-iżvilupp tal-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi fl-Unjoni, sabiex l-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Unjoni jkunu jistgħu jikkooperaw u jagħmlu s-servizzi pubbliċi jiffunzjonaw b’mod transfruntier. Il-kooperazzjoni informali eżistenti jenħtieġ li tiġi sostitwita b’qafas legali ċar li jippermetti l-interoperabbiltà fil-livelli u fis-setturi amministrattivi differenti u li jiżgura flussi ta’ data transfruntiera u bla xkiel għal servizzi diġitali verament Ewropej. L-interoperabbiltà tas-settur pubbliku għandha impatt importanti fuq id-dritt għall-moviment liberu tal-merkanzija u tas-servizzi stipulat fit-Trattati, peress li proċeduri amministrattivi onerużi jistgħu joħolqu ostakli sinifikanti, speċjalment għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (“SMEs”).
(2)L-Istati Membri u l-Unjoni ilhom jaħdmu għal aktar minn 20 sena biex jappoġġaw il-modernizzazzjoni tal-amministrazzjonijiet permezz tat-trasformazzjoni diġitali u jrawmu l-interkonnessjonijiet profondi meħtieġa għal spazju diġitali verament Ewropew. Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Il-Kumpass Diġitali tal-2030: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali” (COM(2021) 118) tissottolinja l-ħtieġa li titħaffef id-diġitalizzazzjoni tas-servizzi pubbliċi sal-2030, inkluż billi tiġi żgurata l-interoperabbiltà fil-livelli kollha tal-gvern u fis-servizzi pubbliċi. Barra minn hekk, il-pandemija tal-COVID-19 żiedet il-veloċità tad-diġitalizzazzjoni, u ħeġġet lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jadattaw għall-mudell online, inkluż għas-servizzi pubbliċi diġitali transfruntieri, kif ukoll għall-użu aktar intelliġenti u aktar ekoloġiku tat-teknoloġiji f’konformità mal-miri klimatiċi u enerġetiċi stabbiliti fil-Patt Ekoloġiku Ewropew u fir-Regolament (UE) 2021/1119 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Dan ir-Regolament għandu l-għan li jikkontribwixxi b’mod sinifikanti għal dawn l-għanijiet tal-Unjoni billi joħloq qafas ta’ kooperazzjoni strutturat dwar l-interoperabbiltà transfruntiera fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex jappoġġa l-istabbiliment ta’ servizzi pubbliċi diġitali.
(3)L-istruttura l-ġdida ta’ governanza jenħtieġ li jkollha mandat legali biex jixpruna l-iżvilupp ulterjuri tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u soluzzjonijiet komuni oħrajn ta’ interoperabbiltà, bħal speċifikazzjonijiet u applikazzjonijiet. Barra minn hekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jistabbilixxi tikketta ċara u li tingħaraf faċilment għal xi soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Jenħtieġ li jitrawwem il-ħolqien ta’ komunità vibranti fir-rigward ta’ soluzzjonijiet tat-teknoloġija ta’ gvern miftuħ.
(4)Huwa fl-interess ta’ approċċ koerenti għall-interoperabbiltà tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni, li jiġi appoġġat il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-moviment liberu ta’ data personali u mhux personali fl-Unjoni, li r-regoli jiġu allinjati kemm jista’ jkun għas-setturi pubbliċi kollha li huma kontrolluri jew fornituri ta’ network u sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jiffaċilitaw jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi. Dan l-objettiv jinkludi l-Kummissjoni u istituzzjonijiet, korpi u aġenziji oħrajn tal-Unjoni, kif ukoll korpi tas-settur pubbliku fl-Istati Membri fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni: nazzjonali, reġjonali u lokali. L-aġenziji għandhom rwol importanti fil-ġbir ta’ data dwar ir-rapportar regolatorju mill-Istati Membri. Għalhekk, l-interoperabbiltà ta’ din id-data - jenħtieġ li taqa’ wkoll fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
(5)L-interoperabbiltà transfruntiera ma hijiex permessa biss permezz ta’ infrastrutturi diġitali ċentralizzati tal-Istati Membri, iżda wkoll permezz ta’ approċċ deċentralizzat. Dan jinvolvi skambju ta’ data bejn l-amministrazzjonijiet lokali fi Stati Membri differenti mingħajr ma neċessarjament jgħaddu minn nodi nazzjonali. Għalhekk, huwa meħtieġ li jiġu żviluppati soluzzjonijiet komuni fil-livelli amministrattivi kollha, b’mod partikolari għall-ispeċifikazzjonijiet u għall-applikazzjonijiet. Il-ħtiġijiet għal interazzjonijiet diġitali transfruntieri qegħdin jiżdiedu, u dan jeħtieġ soluzzjonijiet li jistgħu jissodisfaw dawn il-ħtiġijiet. B’dan ir-Regolament, l-intenzjoni hija li jiġi ffaċilitat u mħeġġeġ l-iskambju bejn il-livelli kollha ta’ amministrazzjoni.
(6)L-interoperabbiltà tiffaċilita l-implimentazzjoni b’suċċess tal-politiki, b’mod partikolari dawk b’rabta qawwija mas-settur pubbliku, bħall-ġustizzja u l-affarijiet interni, it-tassazzjoni u d-dwana, it-trasport, is-saħħa, l-agrikoltura, kif ukoll fir-regolamentazzjoni tan-negozju u tal-industrija. Madankollu, perspettiva tal-interoperabbiltà tas-settur uniku hija assoċjata mar-riskju li l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet differenti jew inkompatibbli fil-livelli nazzjonali jew settorjali twassal għal ostakli elettroniċi ġodda li jimpedixxu l-funzjonament xieraq tas-suq intern u l-libertajiet assoċjati tal-moviment. Barra minn hekk, hemm ir-riskju li ddgħajjef il-ftuħ u l-kompetittività tas-swieq u l-forniment ta’ servizzi ta’ interess ġenerali lin-negozji u liċ-ċittadini. Għalhekk, dan ir-Regolament jenħtieġ li jiffaċilita, iħeġġeġ u japplika wkoll għall-interoperabbiltà transsettorjali.
(7)Sabiex tiġi eliminata l-frammentazzjoni fix-xenarju tal-interoperabbiltà fl-Unjoni, jenħtieġ li jiġu promossi fehim komuni tal-interoperabbiltà fl-Unjoni u approċċ olistiku fir-rigward ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Kooperazzjoni strutturata jenħtieġ li tappoġġa miżuri li jippromwovu l-istabbiliment ta’ politika lesta mil-lat diġitali u interoperabbli prestabbilita. Barra minn hekk, jenħtieġ li tippromwovi l-ġestjoni u l-użu effiċjenti tal-infrastrutturi tas-servizzi diġitali u l-komponenti rispettivi tagħhom mill-korpi u mill-istituzzjonijiet tas-settur pubbliku, mill-korpi u mill-aġenziji tal-Unjoni li jippermettu l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ servizzi pubbliċi transfruntieri sostenibbli u effiċjenti.
(8)Sabiex jiġu stabbiliti servizzi pubbliċi interoperabbli transfruntieri, huwa importanti li ssir enfasi fuq l-aspett tal-interoperabbiltà mill-aktar fis possibbli fil-proċess tat-tfassil tal-politika. Għalhekk, l-organizzazzjoni pubblika li beħsiebha tistabbilixxi network u sistema ta’ informazzjoni ġodda, jew li timmodifika dawk eżistenti, li x’aktarx jirriżultaw f’impatti għoljin fuq l-interoperabbiltà transfruntiera, jenħtieġ li twettaq valutazzjoni tal-interoperabbiltà. Din il-valutazzjoni hija meħtieġa sabiex jiġi mifhum id-daqs tal-impatt tal-azzjoni ppjanata u sabiex jiġu proposti miżuri ħalli jinkisbu l-benefiċċji u jiġu indirizzati l-kostijiet potenzjali. Il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà jenħtieġ li tkun obbligatorja fi tliet każijiet, li jaqgħu fl-ambitu tal-interoperabbiltà transfruntiera. F’sitwazzjonijiet oħrajn, l-organizzazzjonijiet pubbliċi jistgħu jiddeċiedu li jwettqu l-valutazzjoni tal-interoperabbiltà fuq bażi volontarja.
(9)F’xi ċirkostanzi jista’ jkun ukoll raġonevoli u ekonomiku li s-suġġett ta’ valutazzjoni tal-interoperabbiltà jkun usa’ minn proġett wieħed, pereżempju meta l-korpi tas-settur pubbliku jkollhom l-intenzjoni li jistabbilixxu applikazzjoni komuni jew pjattaforma tal-ipproċessar. F’dawk il-każijiet l-oħrajn, il-valutazzjoni jenħtieġ li tiġi mħeġġa ħafna biex tmur lil hinn mill-ilħuq tal-objettivi ta’ Ewropa Interoperabbli lejn implimentazzjoni sħiħa tal-interoperabbiltà.
(10)Il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà jenħtieġ li tevalwa l-impatti tal-azzjoni ppjanata fuq l-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistema ta’ informazzjoni, pereżempju, wara li jitqiesu l-oriġini, in-natura, il-partikolarità u l-iskala ta’ dawk l-impatti. L-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni jenħtieġ li jitqies meta jiġu ddeterminati l-miżuri xierqa li jeħtieġ li jittieħdu sabiex jiġu stabbiliti jew immodifikati n-network u s-sistema ta’ informazzjoni.
(11)L-organizzazzjoni jenħtieġ li tippubblika l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà fuq is-sit web tagħha. Jenħtieġ li l-pubblikazzjoni tal-eżitu ma tikkompromettix id-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali jew is-sigrieti kummerċjali, u jenħtieġ li tiġi ristretta fejn ikun ġustifikat abbażi tal-ordni jew tas-sigurtà pubblika. Jenħtieġ li jiġu osservati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirregolaw il-protezzjoni ta’ data personali.
(12)Il-korpi jew l-istituzzjonijiet tas-settur pubbliku, il-korpi jew l-aġenziji tal-Unjoni li jfittxu soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà jenħtieġ li jkunu jistgħu jitolbu mingħand korpi jew istituzzjonijiet oħrajn tas-settur pubbliku, korpi jew aġenziji tal-Unjoni l-kodiċi tas-software li jużaw dawk l-organizzazzjonijiet, flimkien mad-dokumentazzjoni relatata. Il-kondiviżjoni jenħtieġ li tkun prestabbilita fost il-korpi tas-settur pubbliku, u l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni, filwaqt li n-nuqqas ta’ kondiviżjoni jkun jeħtieġ ġustifikazzjoni legali. Barra minn hekk, il-korpi jew l-istituzzjonijiet tas-settur pubbliku, il-korpi jew l-aġenziji tal-Unjoni jenħtieġ li jfittxu li jiżviluppaw soluzzjonijiet ġodda ta’ interoperabbiltà jew li jiżviluppaw ulterjorament is-soluzzjonijiet eżistenti ta’ interoperabbiltà.
(13)Meta l-amministrazzjonijiet pubbliċi jiddeċiedu li jikkondividu s-soluzzjonijiet tagħhom ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi oħrajn jew mal-pubbliku, huma jkunu qed jaġixxu fl-interess pubbliku. Dan huwa saħansitra aktar rilevanti għat-teknoloġiji innovattivi: pereżempju, il-kodiċi miftuħ jagħmel l-algoritmi trasparenti u jippermetti awditi indipendenti u elementi kostitwenti riproduċibbli. Il-kondiviżjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fost l-amministrazzjoni pubblika jenħtieġ li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ksib ta’ ekosistema miftuħa ta’ teknoloġiji diġitali għas-settur pubbliku li jistgħu jipproduċu benefiċċji multipli.
(14)Meta jimmonitorja l-koerenza tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u jipproponi miżuri sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà tagħhom mas-soluzzjonijiet eżistenti bi skop komuni, il-Bord għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jqis l-iskadenza tas-soluzzjonijiet.
(15)Il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF) jenħtieġ li jiżgura l-koerenza u jenħtieġ li jiġi rikonoxxut bħala l-punt uniku ta’ referenza għall-approċċ tal-Unjoni għall-interoperabbiltà fis-settur tas-servizz pubbliku. Barra minn hekk, oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà jistgħu jindirizzaw il-ħtiġijiet ta’ setturi, oqsma jew livelli amministrattivi speċifiċi. Dawk l-oqfsa jenħtieġ li jippromwovu aktar l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà.
(16)L-EIF jenħtieġ li jiġi żviluppat mill-Bord Ewropa għall-Interoperabbiltà, magħmul, fost l-oħrajn, minn rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru. Għalhekk, l-Istati Membri, flimkien mal-membri l-oħrajn tal-Bord għal Ewropa Interoperabbli, jinsabu fiċ-ċentru tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-EIF. Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jaġġorna l-EIF meta jkun meħtieġ.
(17)L-oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà maħruġa biex jikkomplementaw l-EIF jenħtieġ li jqisu u ma jfixklux l-oqfsa eżistenti speċifiċi għas-settur żviluppati fil-livell tal-Unjoni (pereżempju fis-settur tas-saħħa).
(18)L-interoperabbiltà hija marbuta direttament u tibbaża fuq l-użu ta’ speċifikazzjonijiet u standards miftuħa. Għalhekk, is-settur pubbliku tal-Unjoni jenħtieġ li jitħalla jaqbel dwar speċifikazzjonijiet miftuħa trażversali u soluzzjonijiet oħrajn għall-promozzjoni tal-interoperabbiltà. Il-qafas il-ġdid jenħtieġ li jipprevedi proċess ċar dwar l-istabbiliment u l-promozzjoni ta’ tali soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà miftiehma fil-futur. B’dan il-mod, is-settur pubbliku se jkollu vuċi aktar koordinata biex jidderieġi l-ħtiġijiet tas-settur pubbliku u l-valuri pubbliċi f’diskussjonijiet usa’.
(19)Bosta speċifikazzjonijiet tal-interoperabbiltà użati mis-settur pubbliku jistgħu jiġu derivati mil-leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni. Għalhekk, huwa meħtieġ li tiġi stabbilita rabta bejn l-ispeċifikazzjonijiet kollha għan-network tas-settur pubbliku u s-sistemi ta’ informazzjoni li huma obbligatorji li jintużaw minħabba d-dispożizzjonijiet legali tal-Unjoni. Mhux dejjem ikun faċli għall-awtoritajiet ta’ implimentazzjoni li jsibu r-rekwiżiti fl-aktar format riċenti u li jinqara mill-magni. Punt uniku ta’ dħul u regoli ċari dwar il-metadata ta’ tali informazzjoni jenħtieġ li jgħinu lill-korpi tas-settur pubbliku biex l-infrastrutturi tas-servizzi diġitali tagħhom jikkonformaw mar-regoli eżistenti u futuri.
(20)Jenħtieġ li jiġi stabbilit portal Ewropa Interoperabbli bħala punt ta’ referenza għal soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà, għarfien u komunità. Il-portal jenħtieġ li jiġi stabbilit bħala link għas-sorsi uffiċjali iżda jenħtieġ li jkun miftuħ ukoll għal kontribut mill-Komunità għal Ewropa Interoperabbli.
(21)Il-portal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jagħmel disponibbli għall-pubbliku soluzzjonijiet li jsegwu l-prinċipji ta’ ftuħ, newtralità teknika u sigurtà tal-EIF. Peress li s-sors miftuħ jippermetti lill-utenti jivvalutaw u jispezzjonaw b’mod attiv l-interoperabbiltà u s-sigurtà tas-soluzzjonijiet, huwa importanti li s-sors miftuħ jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġi promoss l-użu ta’ liċenzji ta’ sors miftuħ sabiex jittejbu ċ-ċarezza legali u r-rikonoxximent reċiproku tal-liċenzji fl-Istati Membri.
(22)Bħalissa, is-servizzi pubbliċi tal-Unjoni mogħtija jew ġestiti b’mod elettroniku jiddependu f’bosta każijiet minn fornituri mhux tal-Unjoni. Huwa fl-interess strateġiku tal-Unjoni li tiżgura li żżomm u tiżviluppa kapaċitajiet teknoloġiċi essenzjali sabiex tiżgura s-Suq Uniku Diġitali tagħha, u b’mod partikolari sabiex tiżgura l-għoti ta’ servizzi, tipproteġi s-sistemi kritiċi tan-network u tal-informazzjoni, u tipprovdi servizzi ewlenin. Il-miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jgħinu lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jevolvu u jkunu kapaċi jinkorporaw sfidi ġodda u oqsma ġodda f’kuntesti transfruntieri. L-interoperabbiltà hija kundizzjoni għall-evitar tal-lock-in teknoloġiku, l-iffaċilitar ta’ żviluppi tekniċi, u t-trawwim tal-innovazzjoni, li jenħtieġ li jagħtu spinta lill-kompetittività globali tal-Unjoni.
(23)Huwa meħtieġ li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ governanza li jiffaċilita l-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni b’mod li jiżgura l-interoperabbiltà. Dan il-mekkaniżmu jenħtieġ li jiffoka fuq l-implimentazzjoni diġitali interoperabbli tal-politiki ladarba jkunu ġew adottati fil-forma ta’ atti legali u jenħtieġ li jservi biex jiġu żviluppati soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fuq bażi xprunata mill-ħtiġijiet. Il-mekkaniżmu jenħtieġ li jappoġġa lill-korpi tas-settur pubbliku. Il-proġetti li jappoġġaw il-korpi tas-settur pubbliku jenħtieġ li jiġu proposti mill-Bord għal Ewropa Interoperabbli lill-Kummissjoni, li jenħtieġ li tiddeċiedi jekk għandhiex tistabbilixxi l-proġetti.
(24)Il-livelli kollha tal-gvern jenħtieġ li jikkooperaw ma’ organizzazzjonijiet innovattivi, kemm jekk ikunu kumpaniji kif ukoll entitajiet mingħajr skop ta’ qligħ, fid-disinn, fl-iżvilupp u fl-operat tas-servizzi pubbliċi. L-appoġġ għall-kooperazzjoni tal-GovTech bejn il-korpi tas-settur pubbliku u n-negozji ġodda u l-SMEs innovattivi, jew il-kooperazzjoni li tinvolvi l-aktar lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (“CivicTech”), huwa mezz effettiv ta’ appoġġ għall-innovazzjoni tas-settur pubbliku u l-promozzjoni tal-użu ta’ għodod ta’ interoperabbiltà fost is-sħab privati u dawk tas-settur pubbliku. L-appoġġ ta’ ekosistema miftuħa tal-GovTech fl-Unjoni li tlaqqa’ flimkien atturi pubbliċi u privati bejn il-fruntieri u tinvolvi livelli differenti tal-gvern jenħtieġ li jippermetti l-iżvilupp ta’ inizjattivi innovattivi mmirati lejn id-disinn u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà tal-GovTech.
(25)L-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet u l-prijoritajiet tal-innovazzjoni kondiviżi u l-enfasi tal-isforzi komuni tal-GovTech u tal-esperimentazzjoni bejn il-fruntieri jgħinu lill-korpi tas-settur pubbliku tal-Unjoni jikkondividu r-riskji, it-tagħlimiet meħuda, u r-riżultati tal-proġetti ta’ appoġġ għall-innovazzjoni. Dawk l-attivitajiet se jisfruttaw b’mod partikolari r-riżerva rikka tal-Unjoni ta’ negozji ġodda u ta’ SMEs tat-teknoloġija. Proġetti ta’ GovTech li jirnexxu u miżuri ta’ innovazzjoni mmexxija minn miżuri ta’ innovazzjoni għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jgħinu biex jiżdiedu l-għodod ta’ GovTech u s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-użu mill-ġdid.
(26)Miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli jistgħu jibbenefikaw minn spazji sikuri għall-esperimentazzjoni, filwaqt li jiżguraw innovazzjoni u integrazzjoni responsabbli ta’ miżuri u salvagwardji xierqa ta’ mitigazzjoni tar-riskju. Sabiex jiġi żgurat qafas legali li jkun favorevoli għall-innovazzjoni, reżistenti għall-futur u reżiljenti għat-tfixkil, jenħtieġ li jkun possibbli li tali proġetti jsiru f’ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji. L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji jenħtieġ li jikkonsistu f’ambjenti ta’ ttestjar kontrollati li jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-ittestjar ta’ soluzzjonijiet innovattivi qabel ma tali sistemi jiġu integrati fin-network u fis-sistemi ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku. L-objettivi tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji jenħtieġ li jkunu li jrawmu l-interoperabbiltà permezz ta’ soluzzjonijiet innovattivi billi jistabbilixxu ambjent ikkontrollat ta’ esperimentazzjoni u ta’ ttestjar bil-għan li jiġi żgurat l-allinjament tas-soluzzjonijiet ma’ dan ir-Regolament u ma’ drittijiet rilevanti oħra tal-Unjoni u mal-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri, li jsaħħu ċ-ċertezza legali għall-innovaturi u għall-awtoritajiet kompetenti u li jżidu l-fehim tal-opportunitajiet, tar-riskji emerġenti u tal-impatti tas-soluzzjonijiet il-ġodda. Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi madwar l-Unjoni u l-ekonomiji ta’ skala, huwa xieraq li jiġu stabbiliti regoli komuni għall-implimentazzjoni tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jista’ jimponi multa amministrattiva lill-istituzzjonijiet u lill-korpi tal-Unjoni fil-kuntest ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji, skont l-Artikolu 58(2)(i) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(27)Huwa meħtieġ li tiġi pprovduta bażi ġuridika għall-użu ta’ data personali miġbura għal skopijiet oħrajn sabiex jiġu żviluppati ċerti soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà fl-interess pubbliku fi ħdan l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju, f’konformità mal-Artikolu 6(4) tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Ir-Regolament għandu biss l-għan li jistabbilixxi bażi ġuridika tal-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju kif inhu. Kwalunkwe pproċessar ieħor ta’ data personali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ikun jeħtieġ bażi ġuridika separata.
(28)Huwa meħtieġ li jittejjeb fehim tajjeb tal-kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà, speċjalment fost l-impjegati tas-settur pubbliku. It-taħriġ kontinwu huwa kruċjali f’dan ir-rigward u l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar is-suġġett jenħtieġ li jiġu mħeġġa. Lil hinn mit-taħriġ dwar soluzzjonijiet għal Ewropa Interoperabbli, fejn ikun xieraq, l-inizjattivi kollha jenħtieġ li jibnu fuq il-kondiviżjoni tal-esperjenza u tas-soluzzjonijiet u l-iskambju u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki, jew ikunu akkumpanjati minnhom.
(29)Sabiex jinħoloq mekkaniżmu li jiffaċilita proċess ta’ tagħlim reċiproku fost il-korpi tas-settur pubbliku u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli madwar l-Istati Membri, huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dwar il-proċess ta’ rieżami bejn il-pari. Ir-rieżamijiet bejn il-pari jistgħu jwasslu għal għarfien u rakkomandazzjonijiet siewja għall-korp tas-settur pubbliku li jkun qed isirlu r-rieżami. B’mod partikolari, dawn jistgħu jikkontribwixxu sabiex jiffaċilitaw it-trasferiment ta’ teknoloġiji, għodod, miżuri u proċessi fost l-Istati Membri involuti fir-rieżami bejn il-pari. Dawn joħolqu mogħdija funzjonali għall-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri b’livelli differenti ta’ maturità fl-interoperabbiltà. Sabiex jiġi żgurat li l-proċess ta’ rieżami bejn il-pari jkun kosteffettiv u jipproduċi riżultati ċari u konklużivi, u wkoll sabiex jiġi evitat it-tqegħid ta’ piż mhux meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida dwar l-aħjar stabbiliment għal dawn ir-rieżamijiet bejn il-pari, abbażi tal-ħtiġijiet li jseħħu u wara li tikkonsulta mal-Bord għal Ewropa Interoperabbli.
(30)Sabiex tiġi żviluppata d-direzzjoni ġenerali tal-kooperazzjoni strutturata għal Ewropa Interoperabbli fil-promozzjoni tal-interkonnessjoni diġitali u tal-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi fl-Unjoni, u sabiex jiġu ssorveljati l-attivitajiet strateġiċi u ta’ implimentazzjoni relatati ma’ dik il-kooperazzjoni, jenħtieġ li jiġi stabbilit Bord għal Ewropa Interoperabbli. Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jwettaq il-kompiti tiegħu filwaqt li jqis ir-regoli u s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà transfruntiera li diġà huma implimentati għan-network u għas-sistemi ta’ informazzjoni eżistenti.
(31)Ċerti korpi tal-Unjoni bħall-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-Qasam tad-Data u l-Bord għall-Ispazju Ewropew tad-Data dwar is-Saħħa nħolqu u ngħataw il-kompitu li, fost l-oħrajn, itejbu l-interoperabbiltà f’dominju speċifiku jew fil-livell ta’ politika. Madankollu, l-ebda wieħed mill-korpi eżistenti ma għandu l-kompitu li jindirizza l-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi fl-Unjoni. Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli li nħoloq permezz ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li jappoġġa lill-korpi tal-Unjoni li jaħdmu fuq politiki, azzjonijiet u soluzzjonijiet rilevanti għall-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi fl-Unjoni, pereżempju dwar l-interoperabbiltà semantika għall-portabbiltà u l-użu mill-ġdid tal-ispazji tad-data. Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jinteraġixxi mal-korpi rilevanti kollha tal-Unjoni sabiex jiżgura l-allinjament u s-sinerġiji bejn l-azzjonijiet ta’ interoperabbiltà transfruntiera u dawk speċifiċi għas-settur.
(32)L-avvanz tal-interoperabbiltà tas-settur pubbliku jeħtieġ l-involviment u l-impenn attiv ta’ esperti, prattikanti, utenti u tal-pubbliku interessat fl-Istati Membri, fil-livelli kollha tal-gvern u l-involviment ta’ sħab internazzjonali u tas-settur privat. Sabiex jiġu sfruttati l-għarfien espert, il-ħiliet u l-kreattività tagħhom, forum miftuħ dedikat (il-“Komunità għal Ewropa Interoperabbli”) jenħtieġ li jgħin sabiex jinġabru l-feedback, il-ħtiġijiet tal-utenti u dawk operazzjonali, jiġu identifikati oqsma għal żvilupp ulterjuri u biex jiġu eżaminati l-prijoritajiet tal-kooperazzjoni fejn tidħol l-interoperabbiltà tal-UE. L-istabbiliment tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jappoġġa l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni bejn l-atturi strateġiċi u operazzjonali ewlenin għall-interoperabbiltà.
(33)Il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li tkun miftuħa għall-partijiet interessati kollha. L-aċċess għall-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li jsir faċli kemm jista’ jkun, filwaqt li jiġu evitati ostakli u piżijiet mhux meħtieġa. Il-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jenħtieġ li tlaqqa’ flimkien il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati, inklużi ċ-ċittadini, b’għarfien espert fil-qasam tal-interoperabbiltà transfruntiera, li jkunu ġejjin minn sfondi differenti, bħall-akkademja, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-edukazzjoni, l-istandardizzazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet, in-negozji u l-amministrazzjoni pubblika fil-livelli kollha.
(34)Sabiex jiġi żgurat li r-regoli stipulati minn dan ir-Regolament jiġu implimentati b’mod effiċjenti, huwa meħtieġ li jinħatru awtoritajiet nazzjonali kompetenti responsabbli għall-implimentazzjoni tiegħu. F’bosta Stati Membri, xi entitajiet diġà għandhom ir-rwol li jiżviluppaw l-interoperabbiltà. Dawk l-entitajiet jistgħu jieħdu r-rwol tal-awtorità kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
(35)Jenħtieġ li tiġi stabbilita Aġenda għal Ewropa Interoperabbli bħala l-istrument ewlieni tal-Unjoni għall-koordinazzjoni tal-investimenti pubbliċi f’soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà. Jenħtieġ li tipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-possibbiltajiet ta’ finanzjament u l-impenji ta’ finanzjament fil-qasam, filwaqt li tintegra, fejn ikun xieraq, il-programmi tal-Unjoni relatati. Din jenħtieġ li tikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ sinerġiji u għall-koordinazzjoni tal-appoġġ finanzjarju relatat mal-iżvilupp tal-interoperabbiltà u l-evitar tad-duplikazzjoni.
(36)L-informazzjoni jenħtieġ li tinġabar sabiex tiġi vvalutata l-prestazzjoni ta’ dan ir-Regolament fl-isfond tal-objettivi li jrid jilħaq, u sabiex tipprovdi feedback għal evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament f’konformità mal-paragrafu 22 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. Għalhekk, jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tkun ibbażata fuq il-ħames kriterji ta’ effiċjenza, effettività, rilevanza, koerenza u valur miżjud tal-UE. L-evalwazzjoni jenħtieġ li tkun ukoll il-bażi għall-valutazzjonijiet tal-impatt ta’ miżuri ulterjuri possibbli. Il-monitoraġġ jenħtieġ li jintegra s-sorsi tad-data eżistenti u l-proċessi ta’ monitoraġġ.
(37)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi regoli u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u għall-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji.
(38)Billi l-objettiv ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-interoperabbiltà fl-amministrazzjonijiet pubbliċi fuq skala madwar l-Unjoni kollha, ma jistax tintlaħaq b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda pjuttost jista’, minħabba l-iskala u l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità kif stabbilit fl-istess Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati, speċjalment fir-rigward tat-tisħiħ tas-Suq Uniku.
(39)L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi differita għal tliet xhur wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu sabiex l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni jingħataw biżżejjed żmien sabiex iħejju għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Tali żmien huwa meħtieġ sabiex jiġi stabbilit il-Bord għal Ewropa Interoperabbli u l-Komunità għal Ewropa Interoperabbli u għall-ħatra tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tal-koordinaturi tal-interoperabbiltà.
(40)Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 42(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u ta opinjoni nhar ...
ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:
Kapitolu 1
Dispożizzjonijiet ġenerali
Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni
1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi miżuri għall-promozzjoni tal-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi fl-Unjoni billi jistabbilixxi regoli komuni u qafas għall-koordinazzjoni dwar l-interoperabbiltà tas-settur pubbliku, bil-għan li jitrawwem l-iżvilupp ta’ infrastruttura interoperabbli trans-Ewropea tas-servizzi pubbliċi diġitali.
2.Dan ir-Regolament japplika għall-korpi tas-settur pubbliku tal-Istati Membri u għall-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni li jipprovdu jew jiġġestixxu network jew sistemi ta’ informazzjoni li jippermettu li s-servizzi pubbliċi jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku.
Artikolu 2
Definizzjonijiet
Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) “interoperabbiltà transfruntiera” tfisser il-kapaċità ta’ network u ta’ sistemi ta’ informazzjoni li għandhom jintużaw minn korpi tas-settur pubbliku fi Stati Membri differenti u f’istituzzjonijiet, f’korpi u f’aġenziji tal-Unjoni sabiex jinteraġixxu ma’ xulxin billi jikkondividu d-data permezz ta’ komunikazzjoni elettronika;
(2) “network u sistema ta’ informazzjoni” tfisser network u sistema ta’ informazzjoni kif definiti fl-Artikolu 4, il-punt (1), tal-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar miżuri għal livell komuni għoli ta’ ċibersigurtà madwar l-Unjoni, li tħassar id-Direttiva (UE) 2016/1148 [il-proposta NIS 2];
(3) “soluzzjoni ta’ interoperabbiltà” tfisser speċifikazzjoni teknika, inkluż standard, jew soluzzjoni oħra, inklużi oqfsa kunċettwali, linji gwida u applikazzjonijiet, li jiddeskrivu rekwiżiti legali, organizzazzjonali, semantiċi jew tekniċi li għandhom jiġu ssodisfati minn network u sistema ta’ informazzjoni sabiex tittejjeb l-interoperabbiltà transfruntiera;
(4) “korp tas-settur pubbliku” tfisser korp tas-settur pubbliku kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tad-Direttiva (UE) 2019/1024;
(5) “data” tfisser data kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) 2022/868 dwar il-governanza Ewropea tad-data u li jemenda r-Regolament (UE) 2018/1724 (Att dwar il-Governanza tad-Data);
(6) “format li jinqara mill-magni” tfisser format li jinqara mill-magni kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (13), tad-Direttiva (UE) 2019/1024;
(7) “GovTech” tfisser kooperazzjoni bbażata fuq it-teknoloġija bejn l-atturi tas-settur pubbliku u dak privat li tappoġġa t-trasformazzjoni diġitali tas-settur pubbliku;
(8) “standard” tfisser standard kif definit fl-Artikolu 2, il-punt (1), tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(9) “l-ogħla livell ta’ maniġment” tfisser maniġer, maniġment jew korp ta’ koordinazzjoni u sorveljanza fl-aktar livell amministrattiv għoli, filwaqt li jitqiesu l-arranġamenti ta’ governanza ta’ livell għoli f’kull istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni.
Artikolu 3
Valutazzjoni tal-interoperabbiltà
1.Meta korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, aġenzija jew korp tal-Unjoni jkollhom l-intenzjoni li jistabbilixxu sistema ta’ network u ta’ informazzjoni ġdida jew jimmodifikaw b’mod sinifikanti waħda eżistenti li tippermetti li s-servizzi pubbliċi jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku, dan għandu jwettaq valutazzjoni tal-impatti tal-azzjoni ppjanata fuq l-interoperabbiltà transfruntiera (“valutazzjoni tal-interoperabbiltà”) fil-każijiet li ġejjin:
(a)meta l-istabbiliment jew il-modifika maħsuba taffettwa network jew sistema ta’ informazzjoni waħda jew aktar li tintuża għall-forniment ta’ servizzi transfruntieri f’diversi setturi jew amministrazzjonijiet;
(b)meta l-istabbiliment jew il-modifika maħsuba x’aktarx li tirriżulta f’akkwisti pubbliċi ta' sistemi ta’ network u ta’ informazzjoni li jintużaw għall-forniment ta’ servizzi transfruntieri ogħla mil-livell limitu stabbilit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2014/24/UE;
(c)meta l-istabbiliment jew il-modifika maħsuba tikkonċerna sistema ta’ network u ta’ informazzjoni li tintuża għall-forniment ta’ servizzi transfruntieri u ffinanzjati permezz ta’ programmi tal-Unjoni.
Il-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, il-korp jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata tista’wkoll twettaq il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà f’każijiet oħrajn.
2.Il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà għandha titwettaq qabel ma jittieħdu deċiżjonijiet dwar ir-rekwiżiti legali, organizzazzjonali, semantiċi jew tekniċi tas-sistema ta’ network u ta’ informazzjoni ġdida jew modifikata b’mod vinkolanti. Tista’ titwettaq valutazzjoni tal-interoperabbiltà unika sabiex jiġi indirizzat sett ta’ rekwiżiti u diversi sistemi ta’ network u ta’ informazzjoni.
Il-korp tas-settur pubbliku jew l-istituzzjoni, il-korp jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata għandha tippubblika rapport li jippreżenta l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà fuq is-sit web tagħha.
3.L-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-koordinaturi tal-interoperabbiltà għandhom jipprovdu l-appoġġ meħtieġ sabiex titwettaq il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà. Il-Kummissjoni tista’ tipprovdi għodod tekniċi sabiex tappoġġa l-valutazzjoni.
4.Il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà għandha tinkludi minn tal-inqas:
(a)deskrizzjoni tal-operazzjoni maħsuba u l-impatti tagħha fuq l-interoperabbiltà transfruntiera ta’ sistema tan-network u tal-informazzjoni waħda jew aktar ikkonċernati, inklużi l-kostijiet stmati għall-adattament tas-sistemi tan-network u tal-informazzjoni kkonċernati;
(b)deskrizzjoni tal-livell ta’ allinjament tas-sistemi ta’ network u ta’ informazzjoni kkonċernati mill-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà, u bis-soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli, wara l-operazzjoni u fejn dan tjieb meta mqabbel mal-livell ta’ allinjament qabel l-operazzjoni;
(c)deskrizzjoni tal-Interfaċċi għall-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet li jippermettu interazzjoni bejn magna u oħra mad-data kkunsidrata bħala rilevanti għall-iskambju transfruntier ma’ sistemi oħra ta’ network u ta’ informazzjoni.
5.Il-korp tas-settur pubbliku, jew l-istituzzjoni, il-korp jew l-aġenzija tal-Unjoni kkonċernata għandha tikkonsulta lir-riċevituri tas-servizzi affettwati jew lir-rappreżentanti tagħhom dwar l-operazzjoni maħsuba jekk taffettwa direttament lir-riċevituri. Din il-konsultazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-protezzjoni ta’ interessi kummerċjali jew pubbliċi jew għas-sigurtà ta’ dawn is-sistemi.
6.Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli għandu jadotta linji gwida dwar il-kontenut tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà sa ... mhux aktar tard minn ... [sena wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament], inklużi listi ta’ kontroll prattiċi.
Artikolu 4
Kondiviżjoni u użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà bejn il-korpi tas-settur pubbliku, l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni
1.Korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni għandha tagħmel disponibbli għal kwalunkwe entità simili li titlob dan, soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li jappoġġaw is-servizzi pubbliċi li din tipprovdi jew tiġġestixxi b’mod elettroniku. Il-kontenut kondiviż għandu jinkludi d-dokumentazzjoni teknika u, fejn applikabbli, il-kodiċi tas-sors dokumentat. Dan l-obbligu ta’ kondiviżjoni ma għandux japplika għas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li ġejjin:
(a)li jappoġġaw proċessi li jaqgħu barra mill-ambitu tal-kompitu pubbliku tal-korpi tas-settur pubbliku jew l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-aġenziji tal-Unjoni kkonċernati kif definiti mil-liġi jew minn regoli vinkolanti oħrajn, jew, fin-nuqqas ta’ tali regoli, kif definiti f’konformità mal-prattika amministrattiva komuni fl-Istat Membru jew fl-amministrazzjonijiet tal-Unjoni inkwistjoni, dment li l-ambitu tal-kompiti pubbliċi jkun trasparenti u soġġett għal rieżami;
(b)li għalihom partijiet terzi jkollhom drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u ma jippermettux il-kondiviżjoni;
(c)li l-aċċess għalihom ikun eskluż jew ristrett għal raġunijiet ta’:
(i)informazzjoni kritika sensittiva relatata mal-protezzjoni tal-infrastruttura kif definita fl-Artikolu 2, il-punt (d) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/114/KE;
(ii)il-protezzjoni tal-interessi tad-difiża, jew tas-sigurtà pubblika.
2.Sabiex l-entità ta’ użu mill-ġdid tkun tista’ tiġġestixxi s-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà b’mod awtonomu, l-entità ta’ kondiviżjoni għandha tispeċifika l-garanziji li se jiġu pprovduti lill-entità ta’ użu mill-ġdid f’termini ta’ kooperazzjoni, appoġġ u manutenzjoni. Qabel ma tadotta s-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà, l-entità ta’ użu mill-ġdid għandha tipprovdi lill-entità ta’ kondiviżjoni valutazzjoni tas-soluzzjoni li tkopri l-kapaċità tagħha li tiġġestixxi b’mod awtonomu ċ-ċibersigurtà u l-evoluzzjoni tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà li tkun qed tintuża mill-ġdid.
3.L-obbligu fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jiġi ssodisfat billi jiġi ppubblikat il-kontenut rilevanti fuq il-portal Ewropa Interoperabbli jew portal, katalgu jew repożitorju konness mal-portal Ewropa Interoperabbli. F’dak il-każ, il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu ma għandux japplika għall-entità ta’ kondiviżjoni. Il-pubblikazzjoni fuq il-portal Ewropa Interoperabbli għandha ssir mill-Kummissjoni, fuq talba tal-entità ta’ kondiviżjoni.
4.Korp tas-settur pubbliku, istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni jew parti terza li tuża soluzzjoni ta’ interoperabbiltà tista’ tadattaha għall-ħtiġijiet tagħha stess. Jekk is-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà tkun ġiet ippubblikata kif stabbilit fil-paragrafu 3, is-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà adattata għandha tiġi ppubblikata bl-istess mod.
5.L-entitajiet kondividenti u li jużaw mill-ġdid jistgħu jikkonkludu ftehim dwar il-kondiviżjoni tal-kostijiet għal żviluppi futuri tas-soluzzjoni tal-interoperabbiltà.
Kapitolu 2
Soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà
Artikolu 5
Prinċipji ġenerali
1.Il-Kummissjoni għandha tippubblika soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli u l-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà fuq il-portal Ewropa Interoperabbli, b’mezzi elettroniċi, f’formati li jkunu miftuħa, li jinqraw mill-magni, aċċessibbli, li jistgħu jinstabu u li jistgħu jerġgħu jintużaw, jekk applikabbli, flimkien mal-metadata tagħhom.
2.Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli għandu jimmonitorja l-koerenza ġenerali tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà żviluppati jew rakkomandati, u jipproponi miżuri biex, fejn xieraq, jiżgura l-kompatibbiltà tagħhom ma’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà oħrajn li għandhom skop komuni, filwaqt li jappoġġa, fejn rilevanti, il-komplementarjetà ma’ teknoloġiji ġodda jew it-tranżizzjoni lejhom.
Artikolu 6
Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà
1.Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli għandu jiżviluppa Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF) u jipproponi lill-Kummissjoni biex tadottah. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-EIF. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-EIF f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
2.L-EIF għandu jipprovdi mudell u sett ta’ rakkomandazzjonijiet dwar l-interoperabbiltà legali, organizzazzjonali, semantika u teknika, indirizzati lill-entitajiet kollha li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament biex jinteraġixxu ma’ xulxin permezz tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni tagħhom. L-EIF għandu jitqies fil-valutazzjoni tal-interoperabbiltà f’konformità mal-Artikolu 3(4), il-punt (b) u l-Artikolu 3(6).
3.Wara li tikkonsulta mal-Bord għal Ewropa Interoperabbli, il-Kummissjoni tista’ tadotta oqfsa oħra għall-interoperabbiltà (“oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà”) li jimmiraw lejn il-ħtiġijiet ta’ setturi jew livelli amministrattivi speċifiċi. L-oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà għandhom ikunu bbażati fuq l-EIF. Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli għandu jivvaluta l-allinjament tal-oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà mal-EIF. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.
4.Meta Stat Membru jiżviluppa qafas nazzjonali għall-interoperabbiltà, u politiki, strateġiji jew linji gwida nazzjonali rilevanti oħrajn, huwa għandu jqis l-EIF.
Artikolu 7
soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli
Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli għandu jirrakkomanda soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-interoperabbiltà transfruntiera tas-sistemi ta’ network jew ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi li jkunu se jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku fl-Unjoni. Meta soluzzjoni ta’ interoperabbiltà tiġi rrakkomandata mill-Bord għal Ewropa Interoperabbli, din għandu jkollha t-tikketta “soluzzjoni għal Ewropa Interoperabbli” u għandha tiġi ppubblikata fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.
Artikolu 8
portal Ewropa Interoperabbli
1.Il-Kummissjoni għandha tipprovdi portal (“il-portal Ewropa Interoperabbli”) bħala punt ta’ dħul uniku għall-informazzjoni relatata mal-interoperabbiltà transfruntiera tas-sistemi ta’ network u ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi li għandhom jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku fl-Unjoni. Il-portal għandu jkun aċċessibbli b’mod elettroniku u mingħajr ħlas. Il-portal għandu jkollu tal-inqas il-funzjonijiet li ġejjin:
(a)aċċess għal soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli;
(b)aċċess għal soluzzjonijiet oħrajn ta’ interoperabbiltà li ma jkollhomx it-tikketta “soluzzjoni għal Ewropa Interoperabbli ” u previsti minn politiki oħrajn tal-Unjoni jew li jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti fil-Paragrafu 2;
(c)aċċess għall-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT eliġibbli għar-referenzjar f’konformità mal-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012;
(d)aċċess għal informazzjoni dwar l-ipproċessar ta’ data personali fil-kuntest ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji msemmija fl-Artikoli 11 u 12, jekk ikun ġie identifikat xi riskju kbir għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll aċċess għal informazzjoni dwar il-mekkaniżmi ta’ rispons biex jittaffew minnufih dawk ir-riskji. L-informazzjoni ppubblikata tista’ tinkludi żvelar tal-valutazzjoni tal-impatt dwar il-protezzjoni tad-data;
(e)it-trawwim tal-iskambju tal-għarfien bejn il-membri tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli, kif stabbilit fl-Artikolu 16, bħad-disponibbiltà ta’ sistema ta’ feedback biex jesprimu l-fehmiet tagħhom dwar miżuri proposti mill-Bord għal Ewropa Interoperabbli jew jesprimu l-interess tagħhom li jipparteċipaw f’azzjonijiet relatati mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
(f)aċċess għad-data ta’ monitoraġġ relatata mal-interoperabbiltà msemmi fl-Artikolu 20;
(g)jippermetti li ċ-ċittadini u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jipprovdu feedback dwar il-kontenut ippubblikat.
2.Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli jista’ jipproponi lill-Kummissjoni tippubblika fuq il-portal soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà oħrajn jew li tagħmel referenza għalihom fuq il-portal. Dawn is-soluzzjonijiet għandhom:
(a)ma jkunux soġġetti għal drittijiet ta’ partijiet terzi jew ikun fihom data personali jew informazzjoni kunfidenzjali;
(b)ikollhom livell għoli ta’ allinjament mas-soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli li jista’ jintwera billi jiġi ppubblikat l-eżitu tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà msemmija fl-Artikolu 3;
(c)jużaw liċenzja li tippermetti tal-inqas l-użu mill-ġdid minn korpi jew istituzzjonijiet oħrajn tas-settur pubbliku, korpi jew aġenziji tal-Unjoni jew jinħarġu bħala sors miftuħ. Liċenzja ta’ sors miftuħ tfisser liċenzja li biha l-użu mill-ġdid tas-software jkun permess għall-użi speċifikati kollha f’dikjarazzjoni unilaterali mid-detentur tad-dritt, u li biha l-kodiċijiet tas-sors tas-software jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-utenti;
(d)jinżammu regolarment taħt ir-responsabbiltà tas-sid tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà.
3.Meta korp tas-settur pubbliku jew istituzzjoni, korp jew aġenzija tal-Unjoni tipprovdi portal, katalgu jew repożitorju b’funzjonijiet simili, din għandha tieħu l-miżuri meħtieġa sabiex tiżgura l-interoperabbiltà mal-portal Ewropa Interoperabbli. Meta dawn il-portali jiġbru soluzzjonijiet ta’ sors miftuħ, dawn għandhom jippermettu l-użu tal-Liċenzja Pubblika tal-Unjoni Ewropea.
4.Il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida dwar l-interoperabbiltà għal portali oħrajn b’funzjonijiet simili kif imsemmi fil-paragrafu 3.
Kapitolu 3
Miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli
Artikolu 9
Proġetti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika
1.Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli jista’ jipproponi lill-Kummissjoni tistabbilixxi proġetti li jappoġġaw lill-korpi tas-settur pubbliku fl-implimentazzjoni diġitali tal-politiki tal-Unjoni li jiżguraw l-interoperabbiltà transfruntiera tan-networks u tas-sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi li jkunu se jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku (“proġett ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika”).
2.Il-proġett ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika għandu jistabbilixxi:
(a)is-soluzzjonijiet eżistenti għal Ewropa Interoperabbli meqjusin bħala meħtieġa għall-implimentazzjoni diġitali tar-rekwiżiti ta’ politika;
(b)kwalunkwe soluzzjoni ta’ interoperabbiltà nieqsa li għandha tiġi żviluppata, meqjusa bħala meħtieġa għall-implimentazzjoni diġitali tar-rekwiżiti ta’ politika;
(c)miżuri oħrajn ta’ appoġġ rakkomandati, bħal taħriġ jew rieżamijiet bejn il-pari.
3.Wara li tikkonsulta mal-Bord għal Ewropa Interoperabbli, il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi l-ambitu, l-iskeda ta’ żmien, l-involviment meħtieġ tas-setturi u l-livelli amministrattivi, u l-metodi ta’ ħidma tal-proġett ta’ appoġġ. Jekk il-Kummissjoni tkun diġà wettqet u ppubblikat valutazzjoni tal-interoperabbiltà, f’konformità mal-Artikolu 3, għandu jitqies l-eżitu ta’ dik il-valutazzjoni meta jiġi stabbilit il-proġett ta’ appoġġ.
4.Sabiex jissaħħaħ il-proġett ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika, il-Bord għal Ewropa Interoperabbli jista’ jipproponi li jiġi stabbilit ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju kif imsemmi fl-Artikolu 11.
5.L-eżitu ta’ proġett ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika kif ukoll soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà żviluppati fil-proġett għandhom ikunu disponibbli b’mod miftuħ u jiġu ppubblikati fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.
Artikolu 10
Miżuri ta’ innovazzjoni
1.Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli jista’ jipproponi lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi miżuri ta’ innovazzjoni sabiex tappoġġa l-iżvilupp u l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà fl-UE (“miżuri ta’ innovazzjoni”).
2.Il-miżuri ta’ innovazzjoni għandhom:
(a)jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet eżistenti jew ġodda għal Ewropa Interoperabbli;
(b)jinvolvu lill-atturi tal-GovTech.
3.Sabiex jappoġġa l-iżvilupp ta’ miżuri ta’ innovazzjoni, il-Bord għal Ewropa Interoperabbli jista’ jipproponi li jistabbilixxi ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju.
4.Il-Kummissjoni għandha tagħmel ir-riżultati mill-miżuri ta’ innovazzjoni disponibbli b’mod miftuħ fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.
Artikolu 11
Stabbiliment ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji
1.L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji għandhom jipprovdu ambjent ikkontrollat għall-iżvilupp, għall-ittestjar u għall-validazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà li jappoġġaw l-interoperabbiltà transfruntiera tas-sistemi ta’ network u ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi li jkunu se jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku għal perjodu ta’ żmien limitat qabel ma jibdew jintużaw.
2.L-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji għandhom jitħaddmu taħt ir-responsabbiltà tal-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti u, meta l-ambjent ta’ esperimentazzjoni jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali minn korpi tas-settur pubbliku, taħt is-superviżjoni ta’ awtoritajiet nazzjonali rilevanti oħrajn, jew meta l-ambjent ta’ esperimentazzjoni jinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali minn istituzzjonijiet, korpi, u aġenziji tal-Unjoni, taħt ir-responsabbiltà tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data.
3.L-istabbiliment ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju kif stabbilit fil-paragrafu 1 għandu jkollu l-għan li jikkontribwixxi għall-objettivi li ġejjin:
(a)irawwem l-innovazzjoni u jiffaċilita l-iżvilupp u t-tnedija ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà diġitali għas-servizzi pubbliċi;
(b)jiffaċilita l-kooperazzjoni transfruntiera bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u s-sinerġiji fl-għoti ta’ servizzi pubbliċi;
(c)jiffaċilita l-iżvilupp ta’ ekosistema Ewropea miftuħa tal-GovTech, inkluża l-kooperazzjoni ma’ intrapriżi żgħar u medji u negozji ġodda;
(d)itejjeb il-fehim tal-awtoritajiet dwar l-opportunitajiet jew l-ostakli għall-interoperabbiltà transfruntiera ta’ soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà, inklużi ostakli legali;
(e)jikkontribwixxi għall-iżvilupp jew għall-aġġornament ta’ soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli.
4.L-istabbiliment ta’ ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji għandu jikkontribwixxi għat-titjib taċ-ċertezza legali permezz ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet involuti fil-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma’ dan ir-Regolament u, fejn xieraq, ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni u tal-Istati Membri.
5.Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-Bord għal Ewropa Interoperabbli u, meta l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju jkun jinkludi l-ipproċessar ta’ data personali, il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, fuq talba konġunta minn tal-inqas tliet korpi tas-settur pubbliku parteċipanti, għandu jawtorizza l-istabbiliment ta’ ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju. Din il-konsultazzjoni ma għandhiex tissostitwixxi l-konsultazzjoni minn qabel imsemmija fl-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 40 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Meta l-ambjent ta’ esperimentazzjoni jiġi stabbilit għal soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li jappoġġaw l-interoperabbiltà transfruntiera tas-sistemi ta’ network u ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi li jkunu se jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku minn istituzzjoni, korp jew aġenzija waħda jew aktar tal-Unjoni, eventwalment bil-parteċipazzjoni ta’ korpi tas-settur pubbliku, ma hija meħtieġa l-ebda awtorizzazzjoni.
Artikolu 12
Parteċipazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji
1.Il-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti għandhom jiżguraw li, sa fejn is-soluzzjoni innovattiva ta’ interoperabbiltà tinvolvi l-ipproċessar ta’ data personali jew inkella taqa’ taħt il-kompetenza superviżorja ta’ awtoritajiet nazzjonali oħrajn li jipprovdu jew jappoġġaw l-aċċess għad-data, l-awtoritajiet nazzjonali għall-protezzjoni tad-data u dawk l-awtoritajiet nazzjonali l-oħrajn ikunu assoċjati mal-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji. Kif xieraq, il-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti jistgħu jippermettu l-involviment fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju ta’ atturi oħrajn fl-ekosistema tal-GovTech bħal organizzazzjonijiet nazzjonali jew Ewropej tal-istandardizzazzjoni, korpi notifikati, laboratorji ta’ riċerka u ta’ esperimentazzjoni, ċentri ta’ innovazzjoni, u kumpaniji li jixtiequ jittestjaw soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà. Tista’ tiġi prevista wkoll kooperazzjoni ma’ pajjiżi terzi li jistabbilixxu mekkaniżmi li jappoġġaw soluzzjonijiet innovattivi ta’ interoperabbiltà għas-settur pubbliku.
2.Il-parteċipazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji għandha tkun limitata għal perjodu li jkun xieraq għall-kumplessità u għall-iskala tal-proġett, u fi kwalunkwe każ mhux aktar minn sentejn mill-istabbiliment tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji. Jekk ikun meħtieġ, il-parteċipazzjoni tista’ tiġi estiża sa sena oħra biex jintlaħaq l-iskop tal-ipproċessar.
3.Il-parteċipazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji għandha tkun ibbażata fuq pjan speċifiku elaborat mill-parteċipanti, filwaqt li jitqies il-parir ta’ awtoritajiet nazzjonali kompetenti oħrajn jew tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data, kif applikabbli. Il-pjan għandu jkun fih tal-inqas dan li ġej:
(a)deskrizzjoni tal-parteċipanti involuti u r-rwoli tagħhom, is-soluzzjoni innovattiva ta’ interoperabbiltà prevista u l-iskop maħsub tagħha, u l-proċess rilevanti ta’ żvilupp, ittestjar u validazzjoni;
(b)il-kwistjonijiet regolatorji speċifiċi involuti u l-gwida li hija mistennija mill-awtoritajiet li jwettqu s-superviżjoni tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju;
(c)il-modalitajiet speċifiċi tal-kollaborazzjoni bejn il-parteċipanti u l-awtoritajiet, kif ukoll kwalunkwe attur ieħor involut fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju;
(d)mekkaniżmu ta’ ġestjoni u monitoraġġ tar-riskju sabiex jiġi identifikat, evitat u mmitigat kwalunkwe riskju;
(e)l-istadji importanti ewlenin li jridu jitlestew mill-parteċipanti biex is-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà titqies lesta biex titqiegħed fis-servizz;
(f)rekwiżiti ta’ evalwazzjoni u rapportar u segwitu possibbli;
(g)meta tiġi pproċessata data personali, indikazzjoni tal-kategoriji tad-data personali kkonċernata, l-iskopijiet tal-ipproċessar li għalih tkun maħsuba d-data personali u l-atturi involuti fl-ipproċessar u r-rwol tagħhom.
4.Il-parteċipazzjoni fl-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji ma għandhiex taffettwa s-setgħat superviżorji u korrettivi ta’ kwalunkwe awtorità li twettaq superviżjoni tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni.
5.Il-parteċipanti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju għandhom jibqgħu responsabbli skont id-dritt tal-Unjoni u l-leġiżlazzjoni tal-Istati Membri applikabbli dwar ir-responsabbiltà għal kwalunkwe dannu kkawżat matul il-parteċipazzjoni tagħhom fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju.
6.Id-data personali tista’ tiġi pproċessata fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju soġġett għall-kundizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:
(a)is-soluzzjoni innovattiva ta’ interoperabbiltà tiġi żviluppata biex jiġu ssalvagwardjati l-interessi pubbliċi fil-qasam ta’ livell għoli ta’ effiċjenza u kwalità tal-amministrazzjoni pubblika u tas-servizzi pubbliċi;
(b)id-data pproċessata hija limitata għal dak li huwa meħtieġ għall-funzjonament tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà li tkun se tiġi żviluppata jew ittestjata fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni, u l-funzjonament ma jistax jinkiseb b’mod effettiv bl-ipproċessar ta’ data anonimizzata, sintetika jew mhux personali oħra;
(c)ikun hemm mekkaniżmi effettivi ta’ monitoraġġ sabiex jiġi identifikat jekk jistax jinħoloq kwalunkwe riskju għoli għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2018/1725, matul l-operat tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni, kif ukoll mekkaniżmu ta’ rispons sabiex jittaffew minnufih dawk ir-riskji u, fejn meħtieġ, jitwaqqaf l-ipproċessar;
(d)kwalunkwe data personali li tkun se tiġi pproċessata tkun f’ambjent tal-ipproċessar tad-data funzjonalment separat, iżolat u protett taħt il-kontroll tal-parteċipanti u persuni awtorizzati biss ikollhom aċċess għal dik id-data;
(e)kwalunkwe data personali pproċessata ma għandhiex tiġi trażmessa, ittrasferita jew aċċessata b’mod ieħor minn partijiet oħrajn li ma humiex parteċipanti fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni, u lanqas ma għandha tiġi ttrasferita lil partijiet għajr il-parteċipanti tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni;
(f)kwalunkwe pproċessar ta’ data personali ma jaffettwax l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data kif previst skont id-dritt tal-Unjoni dwar il-protezzjoni ta’ data personali, b’mod partikolari fl-Artikolu 22 tar-Regolament (UE) 2016/679 u fl-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) 2018/1725;
(g)kwalunkwe data personali pproċessata tkun protetta permezz ta’ miżuri tekniċi u organizzazzjonali xierqa u titħassar ladarba l-parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni tkun intemmet jew id-data personali tkun laħqet it-tmiem tal-perjodu taż-żamma tagħha;
(h)ir-reġistri tal-ipproċessar tad-data personali jinżammu għad-durata tal-parteċipazzjoni fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni u għal perjodu limitat wara t-terminazzjoni tiegħu biss għall-iskop tal-issodisfar tal-obbligi ta’ responsabbiltà u dokumentazzjoni skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, u biss sakemm ikun meħtieġ biex jiġu ssodisfati dawn l-obbligi;
(i)deskrizzjoni sħiħa u dettaljata tal-proċess u r-raġunament għat-taħriġ, għall-ittestjar u għall-validazzjoni tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà jinżammu flimkien mar-riżultati tal-ittestjar bħala parti mid-dokumentazzjoni teknika u jingħaddew lill-Bord għal Ewropa Interoperabbli;
(j)sommarju qasir tas-soluzzjoni ta’ interoperabbiltà żviluppata fl-ambjent ta’ esperimentazzjoni, l-objettivi tagħha u r-riżultati mistennija jitqiegħdufuq il-portal Ewropa Interoperabbli.
7.Il-korpi tas-settur pubbliku parteċipanti għandhom jissottomettu rapporti perjodiċi u rapport finali lill-Bord għal Ewropa Interoperabbli u lill-Kummissjoni dwar ir-riżultati mill-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji, inklużi prattiki tajbin, it-tagħlimiet meħuda u rakkomandazzjonijiet dwar l-istabbiliment tagħhom u, fejn rilevanti, dwar l-iżvilupp ta’ dan ir-Regolament u ta’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni taħt superviżjoni fi ħdan l-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju. Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli għandu joħroġ opinjoni lill-Kummissjoni dwar l-eżitu tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju, li tispeċifika, fejn applikabbli, l-azzjonijiet meħtieġa biex jiġu implimentati soluzzjonijiet ġodda ta’ interoperabbiltà sabiex tiġi promossa l-interoperabbiltà transfruntiera tas-sistemi ta’ network u ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi li jkunu se jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku.
8.Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-informazzjoni dwar l-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji ssir disponibbli fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.
9.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti ta’ implimentazzjoni sabiex tistabbilixxi r-regoli dettaljati u l-kundizzjonijiet għall-istabbiliment u għall-operat tal-ambjenti ta’ esperimentazzjoni regolatorji, inklużi l-kriterji ta’ eliġibbiltà u l-proċedura għall-applikazzjoni għall-ambjent ta’ esperimentazzjoni, l-għażla tiegħu, il-parteċipazzjoni fih u l-ħruġ minnu, u d-drittijiet u l-obbligi tal-parteċipanti.
10.Meta ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju jinvolvi l-użu ta’ intelliġenza artifiċjali, ir-regoli stabbiliti skont l-Artikoli 53 u 54 tar-[proposta għal] Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli armonizzati dwar l-intelliġenza artifiċjali (l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali) u l-emendar ta’ ċerti atti leġiżlattivi tal-Unjoni għandhom jipprevalu f’każ ta’ kunflitt mar-regoli stabbiliti mir-Regolament.
Artikolu 13
Taħriġ
1.Il-Kummissjoni, assistita mill-Bord għal Ewropa Interoperabbli, għandha tipprovdi materjal ta’ taħriġ dwar l-użu tal-EIF u dwar soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli. Il-korpi tas-settur pubbliku u l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jipprovdu lill-persunal tagħhom fdat b’kompiti strateġiċi jew operazzjonali li jkollhom impatt fuq in-network jew is-sistemi ta’ informazzjoni fl-Unjoni, bi programmi ta’ taħriġ xierqa li jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà.
2.Il-Kummissjoni għandha torganizza korsijiet ta’ taħriġ dwar kwistjonijiet ta’ interoperabbiltà fil-livell tal-Unjoni sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn il-persunal tal-korpi tas-settur pubbliku, u l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-Unjoni. Il-korsijiet għandhom jiġu mħabbra fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.
Artikolu 14
Rieżamijiet bejn il-pari
1.Għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu għall-kooperazzjoni bejn il-korpi tas-settur pubbliku mfassal biex jappoġġahom fl-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli fis-sistemi ta’ network u ta’ informazzjoni tagħhom u biex jgħinhom iwettqu l-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà msemmija fl-Artikolu 3 (“rieżami bejn il-pari”).
2.Ir-rieżami bejn il-pari għandu jitwettaq minn esperti tal-interoperabbiltà meħuda minn Stati Membri għajr l-Istat Membru fejn jinsab il-korp tas-settur pubbliku li jkun qiegħed isirlu r-rieżami. Wara li tikkonsulta mal-Bord għal Ewropa Interoperabbli, il-Kummissjoni tista’ tadotta linji gwida dwar il-metodoloġija u l-kontenut tar-rieżami bejn il-pari.
3.Kwalunkwe informazzjoni miksuba permezz ta’ rieżami bejn il-pari għandha tintuża biss għal dak l-iskop. L-esperti li jipparteċipaw fir-rieżami bejn il-pari ma għandhom jiżvelaw l-ebda informazzjoni sensittiva jew kunfidenzjali miksuba matul dak ir-rieżami lil partijiet terzi. L-Istat Membru kkonċernat għandu jiżgura li kwalunkwe riskju ta’ kunflitt ta’ interess li jikkonċerna l-esperti maħtura jiġi kkomunikat lill-Istati Membri l-oħrajn u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien żejjed.
4.L-esperti li jwettqu r-rieżami bejn il-pari għandhom iħejju u jippreżentaw fi żmien xahar wara t-tmiem tar-rieżami bejn il-pari rapport u jissottomettuh lill-korp tas-settur pubbliku kkonċernat u lill-Bord għal Ewropa Interoperabbli. Ir-rapporti għandhom jiġu ppubblikati fuq il-portal Ewropa Interoperabbli meta jkunu awtorizzati mill-Istat Membru fejn ikun jinsab il-korp tas-settur pubbliku li jkun qiegħed isirlu r-rieżami.
Kapitolu 4
Governanza tal-interoperabbiltà transfruntiera
Artikolu 15
Bord għal Ewropa Interoperabbli
1.Huwa stabbilit il-Bord għal Ewropa Interoperabbli. Dan għandu jiffaċilita l-kooperazzjoni strateġika u l-iskambju ta’ informazzjoni dwar l-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi li jkunu se jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku fl-Unjoni.
2.Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli għandu jkun magħmul minn:
(a)rappreżentant wieħed ta’ kull Stat Membru;
(b)rappreżentant wieħed maħtur minn kull wieħed minn dawn li ġejjin:
(i)il-Kummissjoni;
(ii)il-Kumitat tar-Reġjuni;
(iii)il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
3.Il-Kummissjoni għandha tippresjedi fuq il-Bord. Il-pajjiżi li jipparteċipaw fiż-Żona Ekonomika Ewropea u l-pajjiżi kandidati jistgħu jiġu mistiedna bħala osservaturi. Barra minn hekk, il-President jista’ jagħti status ta’ osservatur lil individwi u organizzazzjonijiet wara konsultazzjoni mal-Bord għal Ewropa Interoperabbli. Fuq bażi ad hoc, il-President jista’ jistieden lil esperti b’kompetenza speċifika f’suġġett fuq l-aġenda biex jipparteċipaw. Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-segretarjat tal-Bord għal Ewropa Interoperabbli.
Il-membri tal-Bord għal Ewropa Interoperabbli għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jadottaw id-deċiżjonijiet b’kunsens. F’każ ta’ votazzjoni, l-eżitu tal-votazzjoni għandu jiġi deċiż b’maġġoranza sempliċi tal-membri komponenti. Il-membri li jkunu vvutaw kontra jew astjenew għandu jkollhom id-dritt li jkollhom dokument li jiġbor fil-qosor ir-raġunijiet għall-pożizzjoni tagħhom mehmuż mal-opinjonijiet, mar-rakkomandazzjonijiet jew mar-rapporti.
4.Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli għandu jkollu l-kompiti li ġejjin:
(a)jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ oqfsa nazzjonali għall-interoperabbiltà u politiki, strateġiji jew linji gwida nazzjonali rilevanti oħrajn;
(b)jadotta linji gwida dwar il-kontenut tal-valutazzjoni tal-interoperabbiltà msemmija fl-Artikolu 3(6);
(c)jipproponi miżuri sabiex irawwem il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet interoperabbli;
(d)jimmonitorja l-koerenza ġenerali tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà żviluppati jew rakkomandati;
(e)jipproponi lill-Kummissjoni miżuri sabiex tiżgura, fejn xieraq, il-kompatibbiltà ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà ma’ soluzzjonijiet oħrajn ta’ interoperabbiltà bi skop komuni, filwaqt li jappoġġa, fejn rilevanti, il-komplementarjetà ma’ teknoloġiji ġodda jew it-tranżizzjoni lejhom;
(f)jiżviluppa l-EIF u jaġġornah, jekk ikun meħtieġ, u jipproponih lill-Kummissjoni;
(g)jivvaluta l-allinjament tal-oqfsa speċjalizzati għall-interoperabbiltà mal-EIF u jwieġeb għat-talba ta’ konsultazzjoni mill-Kummissjoni dwar dawk l-oqfsa;
(h)jirrakkomanda soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli;
(i)jipproponi lill-Kummissjoni sabiex tippubblika fuq il-portal Ewropa Interoperabbli s-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà msemmija fl-Artikolu 8(2), jew biex issemmihom fuq il-portal;
(j)jipproponi lill-Kummissjoni sabiex tistabbilixxi proġetti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika u miżuri ta’ innovazzjoni u miżuri oħrajn li tista’ tipproponi l-Komunità għal Ewropa Interoperabbli;
(k)jirrieżamina r-rapporti mill-miżuri ta’ innovazzjoni, dwar l-użu tal-ambjent ta’ esperimentazzjoni regolatorju u dwar ir-rieżami bejn il-pari u jipproponi miżuri ta’ segwitu, jekk ikunu meħtieġa;
(l)jipproponi miżuri biex jissaħħu l-kapaċitajiet ta’ interoperabbiltà tal-korpi tas-settur pubbliku, bħat-taħriġ;
(m)jadotta l-Aġenda għal Ewropa Interoperabbli;
(n)jipprovdi pariri lill-Kummissjoni dwar il-monitoraġġ u r-rapportar dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament;
(o)jipproponi miżuri lill-organizzazzjonijiet u lill-korpi rilevanti tal-istandardizzazzjoni sabiex jikkontribwixxi għall-attivitajiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, b’mod partikolari permezz tal-proċeduri stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1025/2012;
(p)jipproponi miżuri għall-kollaborazzjoni ma’ korpi internazzjonali li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-interoperabbiltà transfruntiera, speċjalment il-komunitajiet internazzjonali dwar soluzzjonijiet ta’ sors miftuħ, standards miftuħa jew speċifikazzjonijiet u pjattaformi oħrajn mingħajr effetti legali;
(q)jikkoordina mal-Bord Ewropew għall-Innovazzjoni fil-qasam tad-Data, imsemmi fir-Regolament (UE) Nru 2022/686 dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà għall-Ispazji komuni Ewropej tad-Data, kif ukoll ma’ kwalunkwe istituzzjoni, korp, jew aġenzija oħra tal-Unjoni li taħdem fuq soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà rilevanti għas-settur pubbliku;
(r)jinforma regolarment u jikkoordina mal-koordinaturi tal-interoperabbiltà u mal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw l-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni.
5.Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma sabiex jeżaminaw punti speċifiċi relatati mal-kompiti tal-Bord. Il-gruppi ta’ ħidma għandhom jinvolvu membri tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli.
6.Il-Bord għal Ewropea Interoperabbli għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess.
Artikolu 16
Komunità għal Ewropa Interoperabbli
1.Hija stabbilita l-Komunità għal Ewropa Interoperabbli. Din għandha tikkontribwixxi għall-attivitajiet tal-Bord għal Ewropa Interoperabbli billi tipprovdi għarfien espert u pariri.
2.Il-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati li jirrisjedu jew li għandhom l-uffiċċju rreġistrat tagħhom fi Stat Membru jistgħu jirreġistraw fuq il-portal Ewropa Interoperabbli bħala membri tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli.
3.Wara l-konferma tar-reġistrazzjoni, l-istatus ta’ sħubija għandu jiġi ppubblikat fuq il-portal Ewropa Interoperabbli. Is-sħubija ma għandhiex tkun limitata fiż-żmien. Madankollu, din tista’ tiġi revokata mill-Bord għal Ewropa Interoperabbli fi kwalunkwe ħin għal raġunijiet proporzjonati u ġustifikati, speċjalment jekk persuna ma tkunx għadha tista’ tikkontribwixxi għall-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jew tkun abbużat mill-istatus tagħha bħala membru tal-Komunità.
4.Il-membri tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli jistgħu jiġu mistiedna biex fost oħrajn:
(a)jikkontribwixxu għall-kontenut tal-portal Ewropa Interoperabbli;
(b)jipparteċipaw fil-gruppi ta’ ħidma;
(c)jipparteċipaw fir-rieżamijiet bejn il-pari.
5.Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli darba fis-sena għandu jorganizza assemblea online tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli.
6.Il-Bord għal Ewropa Interoperabbli għandu jadotta l-kodiċi ta’ kondotta għall-Komunità għal Ewropa Interoperabbli li għandu jiġi ppubblikat fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.
Artikolu 17
Awtoritajiet nazzjonali kompetenti
1.Sa mhux aktar tard minn ... [id-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar bħala responsabbli għall-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament. L-Istati Membri jistgħu jaħtru awtorità eżistenti għal dak l-iskop.
2.L-awtorità kompetenti għandu jkollha l-kompiti li ġejjin:
(a)taħtar membru fil-Bord għal Ewropa Interoperabbli;
(b)tikkoordina fi ħdan l-Istat Membru l-mistoqsijiet kollha relatati ma’ dan ir-Regolament;
(c)tappoġġa lill-korpi tas-settur pubbliku fl-Istat Membru sabiex jistabbilixxu jew jadattaw il-proċessi tagħhom biex iwettqu l-valutazzjoni tal-interoperabbiltà msemmija fl-Artikolu 3;
(d)trawwem il-kondiviżjoni u l-użu mill-ġdid ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà permezz tal-portal Ewropa Interoperabbli jew portal rilevanti ieħor;
(e)tikkontribwixxi b’għarfien speċifiku għall-pajjiż għall-portal Ewropa Interoperabbli;
(f)tikkoordina u tħeġġeġ l-involviment attiv ta’ firxa diversa ta’ entitajiet nazzjonali fil-Komunità għal Ewropa Interoperabbli u l-parteċipazzjoni tagħhom fi proġetti ta’ appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika kif imsemmi fl-Artikolu 9 u l-miżuri ta’ innovazzjoni msemmija fl-Artikolu 10;
(g)tappoġġa lill-korpi tas-settur pubbliku fl-Istat Membru biex jikkooperaw mal-korpi rilevanti tas-settur pubbliku fi Stati Membri oħrajn dwar suġġetti koperti minn dan ir-Regolament.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti jkollha kompetenzi u riżorsi adegwati biex twettaq, b’mod effettiv u effiċjenti, il-kompiti assenjati lilha.
4.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu l-istrutturi ta’ kooperazzjoni meħtieġa bejn l-awtoritajiet nazzjonali kollha involuti fl-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-istrutturi jistgħu jibnu fuq mandati u proċessi eżistenti fil-qasam.
5.Kull Stat Membru għandu jinnotifika lill-Kummissjoni, mingħajr dewmien mhux dovut, il-ħatra tal-awtorità kompetenti, il-kompiti tagħha, u kwalunkwe bidla sussegwenti fiha, u jinforma lill-Kummissjoni dwar awtoritajiet nazzjonali oħrajn involuti fis-sorveljanza tal-politika tal-interoperabbiltà. Kull Stat Membru għandu jippubblika l-ħatra tal-awtorità kompetenti tiegħu. Il-Kummissjoni għandha tippubblika l-lista tal-awtoritajiet kompetenti maħtura.
Artikolu 18
Koordinaturi tal-interoperabbiltà għall-istituzzjonijiet, għall-korpi u għall-aġenziji tal-Unjoni
1.L-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-Unjoni li jipprovdu jew jiġġestixxu sistemi ta’ network u ta’ informazzjoni li jippermettu li s-servizzi pubbliċi jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku għandhom jaħtru koordinatur tal-interoperabbiltà taħt is-sorveljanza tal-ogħla livell ta’ maniġment tiegħu biex jiżgura l-kontribut għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.
2.Il-koordinatur tal-interoperabbiltà għandu jappoġġa lid-dipartimenti kkonċernati sabiex jistabbilixxu jew jadattaw il-proċessi tagħhom ħalli jimplimentaw il-valutazzjoni tal-interoperabbiltà.
Kapitolu 5
Ippjanar u monitoraġġ tal-Ewropa interoperabbli
Artikolu 19
Aġenda għal Ewropa Interoperabbli
1.Wara l-organizzazzjoni ta’ proċess ta’ konsultazzjoni pubblika permezz tal-portal Ewropa Interoperabbli li jinvolvi, fost l-oħrajn, il-membri tal-Komunità għal Ewropa Interoperabbli, il-Bord għal Ewropa Interoperabbli għandu jadotta kull sena aġenda strateġika biex jippjana u jikkoordina prijoritajiet għall-iżvilupp tal-interoperabbiltà transfruntiera tan-network u tas-sistemi ta’ informazzjoni li jintużaw biex jipprovdu jew jiġġestixxu s-servizzi pubbliċi li għandhom jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku. (“Aġenda għal Ewropa Interoperabbli”). L-Aġenda għal Ewropa Interoperabbli għandha tqis l-istrateġiji fit-tul tal-Unjoni għad-diġitalizzazzjoni, il-programmi ta’ finanzjament eżistenti tal-Unjoni u l-implimentazzjoni kontinwa tal-politika tal-Unjoni.
2.L-Aġenda għal Ewropa Interoperabbli għandu jkun fiha:
(a)il-ħtiġijiet għall-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà;
(b)lista ta’ miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa Interoperabbli fis-seħħ u ppjanati;
(c)lista ta’ azzjonijiet ta’ segwitu proposti għall-miżuri ta’ innovazzjoni;
(d)l-identifikazzjoni ta’ sinerġiji ma’ programmi u inizjattivi rilevanti oħrajn tal-Unjoni u dawk nazzjonali.
3.L-Aġenda għal Ewropa Interoperabbli ma għandhiex tikkostitwixxi obbligi finanzjarji. Wara l-adozzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tippubblika l-Aġenda fuq il-portal Ewropa Interoperabbli.
Artikolu 20
Monitoraġġ u evalwazzjoni
1.Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-progress tal-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi interoperabbli transfruntieri li għandhom jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku fl-Unjoni. Il-monitoraġġ għandu jagħti prijorità lill-użu mill-ġdid tad-data ta’ monitoraġġ internazzjonali, tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti u lill-ġbir awtomatizzat tad-data.
2.Fir-rigward ta’ suġġetti ta’ interess speċifiku għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha timmonitorja:
(a)l-implimentazzjoni tal-EIF mill-Istati Membri;
(b)l-adozzjoni tas-soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà f’setturi differenti, madwar l-Istati Membri, u fil-livell lokali;
(c)l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ sors miftuħ għas-servizzi pubbliċi, l-innovazzjoni tas-settur pubbliku u l-kooperazzjoni mal-atturi tal-GovTech fil-qasam tas-servizzi pubbliċi interoperabbli transfruntieri li jkunu se jingħataw jew jiġu ġestiti b’mod elettroniku fl-Unjoni.
3.Ir-riżultati tal-monitoraġġ għandhom jiġu ppubblikati mill-Kummissjoni fuq il-portal Ewropa Interoperabbli. Meta jkun fattibbli, dawn għandhom jiġu ppubblikati f’format li jinqara mill-magni.
4.Sa mhux aktar tard minn [tliet snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament], u kull erba' snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, li għandu jinkludi konklużjonijiet tal-evalwazzjoni. Ir-rapport għandu jivvaluta speċifikament il-ħtieġa li jiġu stabbiliti soluzzjonijiet obbligatorji ta’ interoperabbiltà.
Kapitolu 6
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 21
Kostijiet
1.Soġġett għad-disponibbiltà tal-finanzjament, il-baġit ġenerali tal-Unjoni għandu jkopri l-kostijiet ta’:
(a)l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-portal Ewropa Interoperabbli;
(b)l-iżvilupp, il-manutenzjoni u l-promozzjoni ta’ soluzzjonijiet għal Ewropa interoperabbli;
(c)il-miżuri ta’ appoġġ għal Ewropa interoperabbli.
2.Dawn il-kostijiet għandhom jiġu ssodisfati f’konformità mad-dispożizzjonijiet applikabbli tal-att bażiku rilevanti.
Artikolu 22
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan għandu jibda japplika minn [3 xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament].
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President
[...]
[...]
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
1.4.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.4.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
1.4.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
1.4.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
1.4.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħrajn
1.4.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
1.5.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva
1.6.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żball (mal-ħlas u fl-għeluq)
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
3.2.2.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
3.2.3.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
3.2.4.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
DIKJARAZZJONI FINANZJARJA LEĠIŻLATTIVA
1.QAFAS TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
1.1.Titolu tal-proposta/tal-inizjattiva
Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistipula miżuri għal livell għoli ta’ interoperabbiltà tas-settur pubbliku madwar l-Unjoni (l-Att dwar Ewropa Interoperabbli)
1.2.Qasam/Oqsma ta’ politika kkonċernat(i)
Networks Trans-Ewropej
Diġitali (trasformazzjoni diġitali tal-amministrazzjonijiet pubbliċi, interoperabbiltà tas-settur pubbliku)
1.3.Il-proposta/l-inizjattiva hija relatata ma’:
azzjoni ġdida
azzjoni ġdida b’segwitu għal proġett pilota/azzjoni preparatorja
l-estensjoni ta’ azzjoni eżistenti
fużjoni jew ridirezzjonar ta’ azzjoni waħda jew aktar lejn azzjoni oħra/ġdida
1.4.Raġunijiet għall-proposta/għall-inizjattiva
1.4.1.Rekwiżit(i) li jrid(u) jiġi/u ssodisfat(i) fuq terminu qasir jew twil inkluża kronoloġija dettaljata għat-tnedija tal-implimentazzjoni tal-inizjattiva
Ir-regolament se jkun applikabbli 20 jum wara l-pubblikazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali.
1.4.2.Valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni (dan jista’ jirriżulta minn fatturi differenti, eż. il-gwadanji mill-koordinazzjoni, iċ-ċertezza legali, effettività akbar jew il-komplementarjetajiet). Għall-finijiet ta’ dan il-punt, il-“valur miżjud tal-involviment tal-Unjoni” huwa l-valur li jirriżulta mill-intervent tal-Unjoni li jkun addizzjonali għall-valur illi kieku kien jinħoloq mill-Istati Membri waħedhom.
Raġunijiet għall-azzjoni fil-livell Ewropew (ex ante):
L-evalwazzjonijiet tal-EIF u tal-programm ISA² li jappoġġaw il-kooperazzjoni Ewropea dwar l-interoperabbiltà, kif ukoll il-valutazzjoni tal-impatt imwettqa għal din l-inizjattiva, juru li l-approċċ ta’ kooperazzjoni volontarja dwar l-interoperabbiltà li sar sa issa ma tax riżultati dwar il-ħtiġijiet u l-aspettattivi tal-politika tal-Istati Membri kif espressi, pereżempju, fid-dikjarazzjonijiet ministerjali ta’ Tallinn fl-2017 u ta’ Berlin fl-2020 u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-grupp ta’ esperti dwar l-interoperabbiltà fl-2021. It-trasformazzjoni diġitali b’suċċess tas-settur pubbliku tal-Ewropa tirrikjedi qafas ta’ kooperazzjoni aktar stabbli u aktar ċertezza fl-użu ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà.
Valur miżjud tal-Unjoni li mistenni jkun iġġenerat (ex post):
L-interoperabbiltà ma tistax tinkiseb minn entità waħda biss. Il-bini ta’ qafas ta’ kooperazzjoni strutturali fil-livell tal-UE jippermetti lill-Istati Membri u lill-entitajiet tal-Unjoni jfasslu servizzi pubbliċi interoperabbli billi jfasslu u jtejbu l-implimentazzjoni tal-politika diġitali. Dan se jżid l-effiċjenza u l-effettività tal-politiki u jappoġġa s-suq uniku diġitali.
1.4.3.Tagħlimiet meħuda minn esperjenzi simili fl-imgħoddi
L-inizjattiva tibni fuq l-evalwazzjonijiet tal-EIF u tal-programm ISA² li jappoġġa l-kooperazzjoni Ewropea dwar l-interoperabbiltà li t-tnejn li huma kkonkludew li l-azzjoni tal-UE dwar l-interoperabbiltà hija ta’ benefiċċju iżda wrew ukoll li l-impatt jista’ jittejjeb b’mod konsiderevoli billi jiġi stabbilit qafas obbligatorju ta’ kooperazzjoni dwar l-interoperabbiltà fil-livell tal-UE.
1.4.4.Kompatibbiltà mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali u sinerġiji possibbli ma’ strumenti xierqa oħrajn
L-inizjattiva tibbaża fuq ir-riżorsi tal-linja ddedikata għall-interoperabbiltà fi ħdan l-objettiv strateġiku 5 tal-Programm Ewropa Diġitali u hija kompatibbli ma’, fost l-oħrajn, l-RRF (EUR 45 biljun allokati għat-trasformazzjoni diġitali tas-settur pubbliku), it-TSI (li jappoġġa proġetti ta’ riforma tas-settur pubbliku), u l-Orizzont Ewropa (eż. attivitajiet tal-EIC), u rilevanti għalihom.
1.4.5.Valutazzjoni tal-għażliet differenti ta’ finanzjament disponibbli, inkluż l-ambitu għar-riallokazzjoni
L-inizjattiva tibbaża fuq ir-riallokazzjoni tar-riżorsi amministrattivi li ntużaw sa issa għall-kooperazzjoni volontarja tal-interoperabbiltà (EIF, Grupp ta’ Esperti dwar l-Interoperabbiltà) u l-finanzjament disponibbli għall-interoperabbiltà skont id-DEP.
1.5.Durata u impatt finanzjarju tal-proposta/tal-inizjattiva
durata limitata
–
fis-seħħ minn [JJ/XX]SSSS sa [JJ/XX]SSSS
–
Impatt finanzjarju minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u minn SSSS sa SSSS għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament.
durata mhux limitata
–Implimentazzjoni b’perjodu ta’ bidu mill-2023 sal-2027,
–segwita b’operazzjoni fuq skala sħiħa.
1.6.Mod(i) ta’ ġestjoni ppjanat(i)
Ġestjoni diretta mill-Kummissjoni
– mid-dipartimenti tagħha, inkluż mill-persunal tagħha fid-delegazzjonijiet tal-Unjoni;
–
mill-aġenziji eżekuttivi
Ġestjoni kondiviża mal-Istati Membri
Ġestjoni indiretta billi jiġu fdati kompiti ta’ implimentazzjoni baġitarja:
– lill-pajjiżi terzi jew lill-korpi nnominati minnhom;
– lill-organizzazzjonijiet internazzjonali u lill-aġenziji tagħhom (iridu jiġu speċifikati);
– lill-BEI u lill-Fond Ewropew tal-Investiment;
– lill-korpi msemmija fl-Artikoli 70 u 71 tar-Regolament Finanzjarju;
– lill-korpi tal-liġi pubblika;
– lill-korpi rregolati bil-liġi privata b’missjoni ta’ servizz pubbliku dment li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
– lill-korpi rregolati bil-liġi privata ta’ Stat Membru li huma fdati bl-implimentazzjoni ta’ sħubija pubblika-privata u li jipprovdu garanziji finanzjarji adegwati;
– lill-persuni fdati bl-implimentazzjoni ta’ azzjonijiet speċifiċi fil-PESK skont it-Titolu V tat-TUE, u identifikati fl-att bażiku rilevanti.
–Jekk jiġi indikat iżjed minn mod ta’ ġestjoni wieħed, jekk jogħġbok ipprovdi d-dettalji fit-taqsima “Kummenti”.
Kummenti
2.MIŻURI TA’ ĠESTJONI
2.1.Regoli ta’ monitoraġġ u ta’ rapportar
Speċifika l-frekwenza u l-kundizzjonijiet.
Il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress tal-iżvilupp ta’ servizzi pubbliċi diġitali trans-Ewropej interoperabbli, filwaqt li tagħti prijorità lill-użu mill-ġdid tad-data ta’ monitoraġġ internazzjonali, tal-Unjoni u nazzjonali eżistenti u lill-ġbir awtomatizzat tad-data.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni se timmonitorja: l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà f’setturi differenti, madwar l-Istati Membri, u fil-livell lokali; u l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet b’sors miftuħ għas-servizzi pubbliċi, l-innovazzjoni tas-settur pubbliku u l-kooperazzjoni ma’ atturi tal-GovTech fil-qasam tal-interoperabbiltà tas-servizzi pubbliċi diġitali.
2.2.Sistema/i ta’ ġestjoni u ta’ kontroll
2.2.1.Ġustifikazzjoni tal-mod(i) ta’ ġestjoni, tal-mekkaniżmu/i għall-implimentazzjoni tal-finanzjament, tal-modalitajiet ta’ pagament u tal-istrateġija ta’ kontroll proposta
L-azzjonijiet previsti skont dan ir-Regolament se jiġu implimentati permezz ta’ ġestjoni diretta, bl-użu tal-modi ta’ implimentazzjoni offruti mir-Regolament Finanzjarju, li prinċipalment huma għotjiet u akkwist. Il-ġestjoni diretta tippermetti li jiġu stabbiliti ftehimiet ta’ għotja u kuntratti ma’ benefiċjarji u kuntratturi involuti direttament f’attivitajiet li jaqdu l-politiki tal-Unjoni. Il-Kummissjoni se tiżgura monitoraġġ dirett tal-eżitu tal-azzjonijiet iffinanzjati. Il-modalitajiet tal-pagament tal-azzjonijiet iffinanzjati se jiġu adattati għar-riskji li jikkonċernaw it-tranżazzjonijiet finanzjarji.
Sabiex jiġu żgurati l-effettività, l-effiċjenza u l-ekonomija tal-kontrolli tal-Kummissjoni, l-istrateġija ta’ kontroll se tkun orjentata lejn bilanċ ta’ kontrolli ex ante u ex post u tiffoka fuq tliet stadji ewlenin tal-implimentazzjoni tal-għotja/tal-kuntratt, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju: L-għażla ta’ proposti/offerti li jissodisfaw l-objettivi ta’ politika tar-Regolament; Kontrolli operazzjonali, ta’ monitoraġġ u ex ante li jkopru l-implimentazzjoni tal-proġett, l-akkwist pubbliku, il-prefinanzjament, il-pagamenti interim u finali, u l-ġestjoni tal-garanziji; Se jitwettqu wkoll kontrolli ex post fis-siti tal-benefiċjarji/tal-kuntratturi fuq kampjun ta’ tranżazzjonijiet.
2.2.2.Informazzjoni dwar ir-riskji identifikati u s-sistema/i ta’ kontroll intern stabbilita/i għall-mitigazzjoni tagħhom
L-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament tinkludi l-istabbiliment u l-operat ta’ mekkaniżmu ta’ governanza mal-Istati Membri u l-attribuzzjoni ta’ kuntratti ta’ akkwist pubbliku u għotjiet għal attivitajiet speċifiċi.
Ir-riskji ewlenin huma dawn li ġejjin:
a) Riskju li ma jintlaħqux bis-sħiħ l-objettivi tar-Regolament minħabba l-involviment insuffiċjenti tas-sħab, l-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet, u/jew il-kwalità u/jew id-dewmien fl-implimentazzjoni tal-proġetti jew tal-kuntratti magħżula.
b) Riskju ta’ użu mhux effiċjenti jew mhux ekonomiku tal-fondi mogħtija, kemm għall-għotjiet (il-kumplessità tar-regoli ta’ finanzjament) kif ukoll għall-akkwist (għadd limitat ta’ fornituri ekonomiċi bl-għarfien speċjalista meħtieġ iwassal għal possibbiltajiet insuffiċjenti biex jitqabblu l-offerti tal-prezzijiet f’xi setturi).
c) Riskju għar-reputazzjoni għall-Kummissjoni, f’każ ta’ implimentazzjoni bil-mod jew insuffiċjenti tal-qafas ta’ kooperazzjoni, jew jekk jiġu skoperti frodi jew attivitajiet kriminali.
Il-Kummissjoni stabbiliet proċeduri interni bl-għan li jkopru r-riskji identifikati hawn fuq. Il-proċeduri interni huma konformi għalkollox mar-Regolament Finanzjarju u jinkludu miżuri kontra l-frodi u kunsiderazzjonijiet tal-kostbenefiċċju. F’dan il-qafas, il-Kummissjoni tkompli tesplora l-possibbiltajiet biex ittejjeb il-ġestjoni u tikseb titjib fl-effiċjenza.
Il-karatteristiċi ewlenin tal-qafas ta’ kontroll huma dawn li ġejjin:
1) Kontrolli biex jiġi żgurat l-involviment tal-partijiet ikkonċernati
Jiġu stabbiliti prattiki xierqa ta’ ġestjoni tal-partijiet ikkonċernati sabiex jiġi żgurat li l-mekkaniżmu ta’ kooperazzjoni tal-interoperabbiltà stabbilit b’dan ir-Regolament ikun qed jiffunzjona kif suppost u l-impatt tiegħu jiġi mmonitorjat regolarment.
2) Kontrolli qabel u matul l-implimentazzjoni tal-proġetti (f’konformità mar-regoli li jirregolaw id-DEP):
a) Tiġi stabbilita sistema xierqa ta’ ġestjoni tal-proġetti taħt id-DEP, li tiffoka fuq il-kontributi ta’ proġetti u kuntratti għall-objettivi tal-politika, li tiżgura involviment sistematiku tal-atturi kollha, tistabbilixxi rapportar regolari tal-ġestjoni tal-proġetti kkomplementat minn żjarat fuq il-post fuq bażi ta’ każ b’każ, bl-inklużjoni ta’ rapporti dwar ir-riskju lill-maniġment superjuri, kif ukoll iż-żamma ta’ flessibbiltà baġitarja xierqa.
b) Il-mudelli ta’ ftehimiet ta’ għotja u ta’ kuntratti ta’ servizz li jintużaw huma żviluppati fi ħdan il-Kummissjoni. Dawn jipprevedu għadd ta’ dispożizzjonijiet tal-kontroll, fosthom ċertifikati tal-awditjar, garanziji finanzjarji, awditi fuq il-post, kif ukoll spezzjonijiet mill-OLAF. Ir-regoli li jirregolaw l-eliġibbiltà tal-kostijiet qegħdin jiġu ssimplifikati, pereżempju bl-użu ta’ kostijiet unitarji, somom f’daqqa, kontribuzzjonijiet li ma humiex marbuta mal-kostijiet u possibbiltajiet oħrajn offruti mir-Regolament Finanzjarju. Dan se jnaqqas il-kostijiet tal-kontrolli u jagħmel enfasi fuq verifiki u kontrolli f’żoni b’riskju għoli.
c) Il-persunal kollu jiffirma l-kodiċi ta’ mġiba amministrattiva tajba. Il-persunal involut fil-proċedura tal-għażla jew fil-ġestjoni tal-ftehimiet ta’ għotja/tal-kuntratti jiffirma (wkoll) dikjarazzjoni ta’ nuqqas ta’ kunflitt ta’ interess. Il-persunal jitħarreġ regolarment u juża n-networks għall-iskambju tal-aqwa prattiki.
d) L-implimentazzjoni teknika ta’ proġett tiġi vverifikata f’intervalli regolari mill-uffiċċju abbażi tar-rapporti ta’ progress tekniku tal-kuntratturi u l-benefiċjarji; minbarra dan, hemm previsti laqgħat mal-kuntratturi/mal-benefiċjarji u żjarat fuq il-post abbażi ta’ każ b’każ.
3) Kontrolli fi tmiem il-proġett:
L-awditi ex post jitwettqu fuq kampjun ta’ tranżazzjonijiet biex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tat-talbiet dwar il-kostijiet fuq il-post. L-għan ta’ dawn il-kontrolli huwa li jiġu evitati, skoperti u kkoreġuti l-iżbalji materjali relatati mal-legalità u mar-regolarità tat-tranżazzjonijiet finanzjarji. Bl-għan li l-jiksbu impatt ta’ kontroll għoli, l-għażla tal-benefiċjarji li għandhom jiġu awditjati tipprevedi li ssir taħlita ta’ għażla abbażi tar-riskju u kampjunar aleatorju, u li tingħata attenzjoni lill-aspetti operazzjonali kull meta dan ikun possibbli matul l-awditjar fuq il-post.
2.2.3.Stima u ġustifikazzjoni tal-kosteffettività tal-kontrolli (proporzjon tal-“kostijiet tal-kontroll ÷ il-valur tal-fondi relatati ġestiti”) u valutazzjoni tal-livelli mistennija tar-riskju ta’ żball (mal-ħlas u fl-għeluq)
Japplikaw ir-regoli dwar l-operat tad-DEP.
2.3.Miżuri għall-prevenzjoni ta’ frodi u ta’ irregolaritajiet
Speċifika l-miżuri ta’ prevenzjoni u ta’ protezzjoni eżistenti jew previsti, eż. mill-Istrateġija Kontra l-Frodi.
Fir-rigward tal-attivitajiet tagħha b’ġestjoni diretta, il-Kummissjoni għandha tieħu l-miżuri xierqa sabiex tiżgura li jitħarsu l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea bl-applikazzjoni ta’ miżuri preventivi kontra l-frodi, kontra l-korruzzjoni u kontra kwalunkwe attività illegali oħra, b’kontrolli effettivi u, jekk jiġu skoperti xi irregolaritajiet, bl-irkupru tal-ammonti mħallsa bi żball u, fejn ikun xieraq, b’penali effettivi, proporzjonali u deterrenti.
3.IMPATT FINANZJARJU STMAT TAL-PROPOSTA/TAL-INIZJATTIVA
3.1.Intestatura/i tal-qafas finanzjarju pluriennali u l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i
·Linji baġitarji eżistenti
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
Numru
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
mill-pajjiżi kandidati
|
minn pajjiżi terzi
|
skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju
|
1
|
02.06.05.02 Użu/ Interoperabbiltà
|
Diff.
|
IVA
|
IVA
|
IVA
|
LE
|
·Linji baġitarji ġodda mitluba
Skont l-ordni tal-intestaturi tal-qafas finanzjarju pluriennali u tal-linji baġitarji.
Intestatura tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Linja baġitarja
|
Tip ta’
nefqa
|
Kontribuzzjoni
|
|
Numru
|
Diff./Mhux diff.
|
mill-pajjiżi tal-EFTA
|
mill-pajjiżi kandidati
|
minn pajjiżi terzi
|
skont it-tifsira tal-Artikolu 21(2)(b) tar-Regolament Finanzjarju
|
|
Xejn
|
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
IVA/LE
|
3.2.Impatt finanzjarju stmat tal-proposta fuq l-approprjazzjonijiet
3.2.1.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet operazzjonali
–
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali
–
Il-proposta/l-inizjattiva tirrikjedi l-użu ta’ approprjazzjonijiet operazzjonali. L-impatt baġitarju tal-proposta se jkun kopert kompletament mill-allokazzjonijiet diġà previsti fil-Programm Ewropa Diġitali, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
1
|
Suq Uniku, Innovazzjoni u Diġitali
|
DĠ: DIGIT
|
|
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Sena 2027
|
Wara l-2027
|
|
TOTAL
|
□ Approprjazzjonijiet operazzjonali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
02.04.05.02 Programm Ewropa Diġitali: Użu/Interoperabbiltà
|
Impenji
|
(1a)
|
23,790
|
24,131
|
25,511
|
28,573
|
29,162
|
|
|
131,167
|
|
Pagamenti
|
(2a)
|
7,137
|
21,513
|
24,511
|
26,292
|
28,443
|
23,271
|
|
131,167
|
Linja baġitarja
|
Impenji
|
(1b)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Pagamenti
|
(2b)
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi
|
|
|
|
|
|
|
|
|
02.01.30.01 Nefqa ta’ appoġġ għall-Programm Ewropa Diġitali
|
|
(3)
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
|
|
2,000
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
għad-DĠ DIGIT
|
Impenji
|
=1a+1b +3
|
24,190
|
24,531
|
25,911
|
28,973
|
29,562
|
|
|
133,167
|
|
Pagamenti
|
=2a+2b
+3
|
7,537
|
21,913
|
24,911
|
26,692
|
28,843
|
23,271
|
|
133,167
|
□ TOTAL tal-approprjazzjonijiet operazzjonali
|
Impenji
|
(4)
|
23,790
|
24,131
|
25,511
|
28,573
|
29,162
|
|
|
131,167
|
|
Pagamenti
|
(5)
|
7,137
|
21,513
|
24,511
|
26,292
|
28,443
|
23,271
|
|
131,167
|
□ TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi
|
(6)
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
|
|
2,000
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
taħt l-INTESTATURA 1
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
=4+ 6
|
24,190
|
24,531
|
25,911
|
28,973
|
29,562
|
|
|
133,167
|
|
Pagamenti
|
=5+ 6
|
7,537
|
21,913
|
24,911
|
26,692
|
28,843
|
23,271
|
|
133,167
|
Jekk il-proposta/l-inizjattiva taffettwa iżjed minn intestatura operazzjonali waħda, irrepeti t-taqsima ta’ hawn fuq:
□ TOTAL tal-approprjazzjonijiet operazzjonali (l-intestaturi operazzjonali kollha)
|
Impenji
|
(4)
|
23,790
|
24,131
|
25,511
|
28,573
|
29,162
|
|
|
131,167
|
|
Pagamenti
|
(5)
|
7,137
|
21,513
|
24,511
|
26,292
|
28,443
|
23,271
|
|
131,167
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva ffinanzjati mill-pakkett ta’ programmi speċifiċi (l-intestaturi operazzjonali kollha)
|
(6)
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
|
|
2,000
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
taħt l-INTESTATURI 1 sa 6
tal-qafas finanzjarju pluriennali
(Ammont ta’ referenza)
|
Impenji
|
=4+ 6
|
24,190
|
24,531
|
25,911
|
28,973
|
29,562
|
|
|
133,167
|
|
Pagamenti
|
=5+ 6
|
7,537
|
21,913
|
24,911
|
26,692
|
28,843
|
23,271
|
|
133,167
|
Intestatura tal-qafas finanzjarju
pluriennali
|
7
|
“Nefqa amministrattiva”
|
Jenħtieġ li din it-taqsima timtela billi tintuża d-“data baġitarja ta’ natura amministrattiva” li, qabel kollox, trid tiġi introdotta fl-
Anness tad-Dikjarazzjoni Finanzjarja Leġiżlattiva
(l-Anness V tar-regoli interni), li jittella’ fid-DECIDE għall-finijiet ta’ konsultazzjoni bejn is-servizzi.
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Sena
2027
|
|
|
TOTAL
|
DĠ: DIGIT
|
□ Riżorsi umani
|
2,717
|
2,717
|
2,717
|
2,717
|
2,717
|
|
|
13,585
|
□ Nefqa amministrattiva oħra
|
0,105
|
0,105
|
0,105
|
0,105
|
0,105
|
|
|
0,525
|
TOTAL TAD-DĠ DIGIT
|
Approprjazzjonijiet
|
2,822
|
2,822
|
2,822
|
2,822
|
2,822
|
|
|
14,110
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
skont l-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
(Total ta’ impenji = Total ta’ pagamenti)
|
2,822
|
2,822
|
2,822
|
2,822
|
2,822
|
|
|
14,110
|
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
|
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Sena 2027
|
Wara l-2027
|
|
TOTAL
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet
taħt l-INTESTATURI 1 sa 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
Impenji
|
27,012
|
27,353
|
28,733
|
31,795
|
32,384
|
|
|
147,277
|
|
Pagamenti
|
10,359
|
24,735
|
27,733
|
29,514
|
31,665
|
23,271
|
|
147,277
|
3.2.2.Sommarju tal-impatt stmat fuq l-approprjazzjonijiet amministrattivi
–
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva
–
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ approprjazzjonijiet ta’ natura amministrattiva, kif spjegat hawn taħt:
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena
2025
|
Sena
2026
|
Sena
2027
|
|
|
TOTAL
|
INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
2,717
|
2,717
|
2,717
|
2,717
|
2,717
|
|
|
13,585
|
Nefqa amministrattiva oħra
|
0,105
|
0,105
|
0,105
|
0,105
|
0,105
|
|
|
0,525
|
Subtotal tal-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
2,822
|
2,822
|
2,822
|
2,822
|
2,822
|
|
|
14,110
|
Barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Riżorsi umani
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Nefqa oħra
ta’ natura amministrattiva
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
|
|
2,000
|
Subtotal
barra mill-INTESTATURA 7
tal-qafas finanzjarju pluriennali
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
0,400
|
|
|
2,000
|
TOTAL
|
3,222
|
3,222
|
3,222
|
3,222
|
3,222
|
|
|
16,110
|
L-approprjazzjonijiet meħtieġa għar-riżorsi umani u għal nefqa oħra ta’ natura amministrattiva se jiġu koperti mill-approprjazzjonijiet tad-DĠ li diġà jkunu assenjati għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkunu ġew riassenjati fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
3.2.2.1.Rekwiżiti stmati ta’ riżorsi umani
–
Il-proposta/l-inizjattiva ma teħtieġx l-użu ta’ riżorsi umani.
–
Il-proposta/l-inizjattiva teħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani, kif spjegat hawn taħt:
L-istima trid tiġi espressa f’unitajiet ekwivalenti għall-full-time
|
Sena
2023
|
Sena
2024
|
Sena 2025
|
Sena 2026
|
Sena 2027
|
|
|
□ Pożizzjonijiet fil-pjan ta’ stabbiliment (uffiċjali u persunal temporanju)
|
20 01 02 01 (Kwartieri Ġenerali u Uffiċċji tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni)
|
14
|
14
|
14
|
14
|
14
|
|
|
20 01 02 03 (Delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 01 (Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 11 (Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
□ Persunal estern (f’unità Ekwivalenti Full-Time: FTE)
|
20 02 01 (AC, END, INT mill-“pakkett globali”)
|
6
|
6
|
6
|
6
|
6
|
|
|
20 02 03 (AC, AL, END, INT u JPD fid-delegazzjonijiet)
|
|
|
|
|
|
|
|
XX 01 xx yy zz
|
- fil-Kwartieri Ġenerali
|
|
|
|
|
|
|
|
|
- fid-Delegazzjonijiet
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 02 (AC, END, INT - Riċerka indiretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
01 01 01 12 (AC, END, INT - Riċerka diretta)
|
|
|
|
|
|
|
|
Linji baġitarji oħra (speċifika)
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL
|
20
|
20
|
20
|
20
|
20
|
|
|
XX huwa l-qasam ta’ politika jew it-titolu baġitarju kkonċernat.
Ir-riżorsi umani meħtieġa se jiġu koperti mill-persunal tad-DĠ li diġà jkun assenjat għall-ġestjoni tal-azzjoni u/jew li diġà jkun ġie riassenjat fid-DĠ, flimkien, jekk ikun meħtieġ, ma’ kwalunkwe allokazzjoni addizzjonali li tista’ tingħata lid-DĠ tal-ġestjoni skont il-proċedura annwali ta’ allokazzjoni u fid-dawl tal-limitazzjonijiet baġitarji.
Deskrizzjoni tal-kompiti li jridu jitwettqu:
Uffiċjali u persunal temporanju
|
L-uffiċjali u l-persunal temporanju (uffiċjali tal-politika u maniġers tal-programmi) se jimplimentaw il-kompiti u l-attivitajiet skont ir-Regolament, b’mod partikolari l-implimentazzjoni tal-Artikolu 5-19, jiġifieri:
-L-iżvilupp u l-ġestjoni ta’ katalogu ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li jistgħu jerġgħu jintużaw u Portal Ewropa Interoperabbli;
-Rieżamijiet u aġġornamenti regolari tal-Oqfsa Ewropej għall-Interoperabbiltà, metodoloġiji u għodod għall-valutazzjonijiet tal-impatt tal-interoperabbiltà;
-It-tfassil ta’ mekkaniżmi ta’ monitoraġġ u implimentazzjoni;
-Il-ġestjoni u l-appoġġ għall-qafas ta’ governanza (Bord u komunitajiet għal Ewropa Interoperabbli);
-Kompiti orizzontali dwar il-komunikazzjoni, il-ġestjoni tal-partijiet ikkonċernati u r-relazzjonijiet interistituzzjonali;
-It-tħejjija u l-abbozzar ta’ atti delegati, f’konformità ma’ dan ir-Regolament.
Disa’ uffiċjali AD, tnejn AST u tnejn AST-SC se jiġu koperti minn persunal li bħalissa qiegħed jaħdem fuq attivitajiet tal-interoperabbiltà fid-DĠ DIGIT.
L-ammont ta’ xogħol ġenerali tal-attivitajiet ta’ interoperabbiltà se jiżdied b’mod partikolari biex jappoġġa l-istabbiliment u l-ġestjoni ta’ mekkaniżmu u komunitajiet ta’ kooperazzjoni strutturati kif ukoll sabiex jiġu żviluppati metodoloġiji u għodod għall-valutazzjonijiet tal-interoperabbiltà. Għal din ir-raġuni, hija meħtieġa kariga AD waħda addizzjonali, biex b’hekk it-total ikun ta’ 14-il kariga.
|
Persunal estern
|
Il-karigi tal-AC u tal-END jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-Regolament, filwaqt li jikkomplementaw il-karigi tal-uffiċjali prinċipalment f’oqsma relatati mal-koordinazzjoni mal-Istati Membri u l-organizzazzjoni ta’ laqgħat, workshops u konferenzi tal-Bord għal Ewropa Interoperabbli, is-segwitu ta’ proġetti bħall-istabbiliment ta’ katalogu ta’ soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà li jistgħu jerġgħu jintużaw u l-Portal Ewropew Interoperabbli u attivitajiet ta’ monitoraġġ. Żewġ karigi AC u tlieta END se jiġu koperti minn persunal li bħalissa qiegħed jaħdem fuq attivitajiet ta’ interoperabbiltà fid-DĠ DIGIT. Se tkun meħtieġa kwota addizzjonali tal-impjegati tal-AC, li ttella’ it-total għal sitt FTEs.
|
3.2.3.Kompatibbiltà mal-qafas finanzjarju pluriennali attwali
Il-proposta/l-inizjattiva:
–
tista’ tiġi ffinanzjata kompletament permezz ta’ riallokazzjoni fl-intestatura rilevanti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP).
L-approprjazzjonijiet se jiġu riallokati fil-pakkett finanzjarju allokat għall-attivitajiet ta’ Interoperabbiltà fil-Programm Ewropa Diġitali fil-QFP 2021-2027.
–
teħtieġ l-użu tal-marġni mhux allokat taħt l-intestatura rilevanti tal-QFP u/jew l-użu tal-istrumenti speċjali ddefiniti fir-Regolament dwar il-QFP.
Spjega x’inhu meħtieġ, billi tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati, l-ammonti korrispondenti, u l-istrumenti proposti li għandhom jintużaw.
–
teħtieġ reviżjoni tal-QFP.
Spjega x’inhu meħtieġ, billi tispeċifika l-intestaturi u l-linji baġitarji kkonċernati u l-ammonti korrispondenti.
3.2.4.Kontribuzzjonijiet ta’ partijiet terzi
Il-proposta/l-inizjattiva:
–
ma tipprevedix kofinanzjament minn partijiet terzi
–
tipprevedi l-kofinanzjament minn partijiet terzi kif stmat hawn taħt:
Approprjazzjonijiet f’miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
Total
|
Speċifika l-korp ta’ kofinanzjament
|
|
|
|
|
|
|
|
|
TOTAL tal-approprjazzjonijiet kofinanzjati
|
|
|
|
|
|
|
|
|
3.3.Impatt stmat fuq id-dħul
–
Il-proposta/l-inizjattiva ma għandha l-ebda impatt finanzjarju fuq id-dħul.
–
Il-proposta/l-inizjattiva għandha l-impatt finanzjarju li ġej:
–
fuq ir-riżorsi proprji
–
fuq dħul ieħor
–indika, jekk id-dħul hux assenjat għal-linji tan-nefqa
miljuni ta’ EUR (sa tliet pożizzjonijiet deċimali)
Linja baġitarja tad-dħul:
|
Approprjazzjonijiet disponibbli għas-sena finanzjarja kurrenti
|
Impatt tal-proposta/tal-inizjattiva
|
|
|
Sena
N
|
Sena
N+1
|
Sena
N+2
|
Sena
N+3
|
Daħħal is-snin kollha li hemm bżonn biex turi d-durata tal-impatt (ara l-punt 1.6)
|
L-Artikolu ………….
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Għal dħul assenjat, speċifika l-linja/i baġitarja/i tan-nefqa affettwata/i.
Rimarki oħra (eż. il-metodu/il-formula li ntużaw biex jiġi kkalkolat l-impatt fuq id-dħul jew kwalunkwe informazzjoni oħra).