IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.10.2022
COM(2022) 531 final
2022/0327(NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar is-sospensjoni totali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Ir-Repubblika ta’ Vanuatu hija elenkata fl-Anness II tar-Regolament (UE) 2018/1806 fost il-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mir-rekwiżit li jkollhom viża fil-pussess tagħhom meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri għal soġġorni ta’ mhux aktar minn 90 jum fi kwalunkwe perjodu ta’ 180 jum.
L-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu ilha applikabbli mit-28 ta’ Mejju 2015, meta l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (“il-Ftehim”) ġie ffirmat u beda japplika fuq bażi proviżorja f’konformità mal-Artikolu 8(1) tal-Ftehim. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2017.
Mill-25 ta’ Mejju 2015, Vanuatu opera skemi ta’ ċittadinanza b’investiment li jippreżentaw riskji marbuta mal-ordni pubbliku u mas-sigurtà tal-Istati Membri tal-UE. B’mod partikolari, dawn l-iskemi jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jeħtieġu viża li jiksbu faċilment in-nazzjonalità ta’ pajjiż mingħajr l-obbligu ta’ viża, u b’hekk ikunu jistgħu jevitaw il-proċedura tal-viża ta’ Schengen u jiksbu aċċess mingħajr viża fl-UE.
Il-Kummissjoni vvalutat l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment operati minn Vanuatu u kkonkludiet li tali skemi jirrappreżentaw riskju akbar għas-sigurtà interna tal-Istati Membri. Il-valutazzjoni kkonkludiet ukoll li l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu jistgħu jippermettu liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jevitaw il-proċedura tal-viża għal soġġorn qasir tal-Unjoni kif ukoll il-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà u relatati mal-migrazzjoni involuta f’din il-proċedura.
Skont l-Artikolu 8(4) tal-Ftehim , il-Partijiet jistgħu jissospendu kompletament jew parzjalment għal raġunijiet ta’ politika pubblika jew għal dawk marbuta mal-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, fit-12 ta’ Jannar 2022, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill biex tissospendi parzjalment l-applikazzjoni tal-Ftehim. Id-deċiżjoni finali ġiet adottata mill-Kunsill fit-3 ta’ Marzu 2022. Is-sospensjoni hija limitata għall-passaporti ordinarji maħruġa mill-25 ta’ Mejju 2015 ’il quddiem, meta l-għadd ta’ applikanti li rnexxew fil-kuntest tal-iskemi ta’ ċittadinanza għall-investiment ta’ Vanuatu bdew jiżdiedu b’mod sinifikanti.
Wara li l-Kunsill issospenda parzjalment dan il-Ftehim permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/366, f’konformità mal-Artikolu 8(2)(d), 8(3) u 8(6) tar-Regolament (UE) 2018/1806, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-għoti taċ-ċittadinanza minn Vanuatu skont l-iskemi tiegħu ta’ ċittadinanza b’investiment jikkostitwixxi riskju akbar għas-sigurtà interna u l-politika pubblika tal-Istati Membri u ddeċidiet li hemm bżonn tittieħed azzjoni. Abbażi tal-Artikolu 8(6)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1806, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/693 dwar is-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu ġie adottat fir-rigward tad-detenturi ta’ passaporti ordinarji maħruġa minn Vanuatu mill-25 ta’ Mejju 2015, u applikabbli mill-4 ta’ Mejju 2022 sat-3 ta’ Frar 2023.
Wara d-dħul fis-seħħ tas-sospensjoni tal-eżenzjoni mill-ħtieġa ta’ viża għaċ-ċittadini ta’ Vanuatu fl-4 ta’ Mejju 2022, u f’konformità mal-aħħar subparagrafu tal-Artikolu 8(6)(a) tar-Regolament (UE) 2018/1806, il-Kummissjoni nediet djalogu msaħħaħ mal-Vanuatu bl-għan li tirrimedja s-sitwazzjoni li wasslet għas-sospensjoni temporanja mill-ħtieġa ta’ viża.
Fit-12 ta’ Mejju 2022, saret l-ewwel laqgħa ta’ dan id-djalogu, fejn iż-żewġ partijiet qablu li jiksbu soluzzjoni sodisfaċenti għaż-żewġ naħat. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni pproponiet li torganizza laqgħat tekniċi ta’ kull xahar. Vanuatu qabel li jaħtar interlokutur u jikkomunika dwar dan mal-Kummissjoni, sabiex jipproċedi bil-laqgħat tekniċi sussegwenti. Madankollu, minkejja t-tfakkiriet li ntbagħtu mill-Kummissjoni fl-1 ta’ Ġunju u fit-23 ta’ Ġunju 2022, Vanuatu ma pprovda lill-Kummissjoni l-ebda kuntatt jew informazzjoni bħala segwitu.
F’Settembru 2022, is-servizzi tal-Kummissjoni rċevew aġġornament mir-rappreżentanti tal-Vanuatu dwar is-sitwazzjoni politika tal-pajjiż, fejn il-Parlament ġie xolt fit-18 ta’ Awwissu 2022 u l-elezzjonijiet ġenerali skedati li jsiru fit-13 ta’ Ottubru 2022. F’dan il-kuntest, ir-rappreżentanti tal-Vanuatu spjegaw li kwalunkwe deċiżjoni dwar il-kontinwazzjoni tad-djalogu mal-Kummissjoni jkollha ssir wara r-riżultati tal-elezzjonijiet ġenerali u l-formazzjoni ta’ gvern ġdid.
Vanuatu ma ħax miżuri bl-għan li jirrimedja ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mill-viża, u għalhekk iż-żieda tar-riskju fuq is-sigurtà interna u l-politika pubblika tal-Istati Membri għadu hemm. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni tqis li l-Vanuatu mhuwiex jaġixxi fi djalogu mal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li hemm il-bżonn li l-Ftehim jiġi sospiż totalment.
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/366 jenħtieġ li tiġi sostitwita minn Deċiżjoni tal-Kunsill dwar is-sospensjoni parzjali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir.
2022/0327 (NLE)
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
dwar is-sospensjoni totali tal-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 77(2), punt (a), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Il-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (“il-Ftehim”) ġie ffirmat u applikat temporanjament mit-28 ta’ Mejju 2015 biex jiffaċilita l-ivvjaġġar taċ-ċittadini ta’ Vanuatu lejn l-Unjoni u l-ivvjaġġar taċ-ċittadini tal-Unjoni lejn Vanuatu.
(2)Il-Ftehim huwa bbażat fuq ix-xewqa komuni tal-Unjoni u tal-Vanuatu li jinkoraġġixxu l-kuntatti bejn il-persuni, jagħtu spinta lit-turiżmu u jagħtu spinta lin-negozju bejn l-Unjoni u Vanuatu.
(3)Skont l-Artikolu 8(4) tal-Ftehim, kull parti tista’ tissospendi l-Ftehim kollu jew parti minnu, b’mod partikolari għal raġunijiet tal-ordni pubbliku u l-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali. Id-deċiżjoni dwar is-sospensjoni trid tiġi notifikata lill-parti l-oħra mhux aktar tard minn xahrejn (2) qabel id-dħul fis-seħħ ippjanat. Jekk ir-raġunijiet għal dik is-sospensjoni ma jibqgħux jeżistu, il-parti li tkun issospendiet il-Ftehim trid tinforma lill-parti l-oħra minnufih u tneħħi s-sospensjoni.
(4)Vanuatu jopera skemi taċ-ċittadinanza għall-investituri, li bihom ta n-nazzjonalità ta’ Vanuatu lil ċittadini ta’ pajjiżi oħrajn li ma kellhom l-ebda konnessjoni preċedenti ma’ Vanuatu, u ħareġ deċiżjonijiet pożittivi dwar il-maġġoranza vasta tal-applikazzjonijiet. Sa Marzu 2021, kien ħareġ 10 500 passaport b’rata ta’ ċaħda estremament baxxa. Dan iqajjem dubji dwar l-affidabilità tal-investigazzjoni ta’ sigurtà u ta’ diliġenza dovuta mwettqa mill-awtoritajiet ta’ Vanuatu.
(5)Barra minn hekk, il-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti li jingħataw iċ-ċittadinanza jinkludu diversi pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma meħtieġa li jkollhom viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni.
(6)Fi skambji bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet ta’ Vanuatu f’Ottubru 2017, Novembru 2019, Ġunju 2020 u Marzu 2021, il-Kummissjoni esprimiet tħassib serju dwar l-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment ta’ Vanuatu, b’mod partikolari l-għoti taċ-ċittadinanza lil persuni elenkati fil-bażijiet tad-data tal-Interpol, in-nuqqas ta’ rekwiżiti ta’ preżenza fiżika jew ta’ residenza, il-perjodi qosra ta’ pproċessar tal-iskemi u n-nuqqas ta’ skambju sistematiku ta’ informazzjoni mal-pajjiżi ta’ oriġini tal-applikanti jew tar-residenza prinċipali preċedenti, u wissiet lill-Gvern ta’ Vanuatu bil-possibbiltà li, jekk it-tħassib ma jiġix indirizzat, ir-rekwiżit tal-viża jerġa’ jiddaħħal. L-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Vanuatu ma kinux biżżejjed biex itaffu dan it-tħassib.
(7)Konsegwentement, l-applikazzjoni tal-Ftehim ġiet sospiża parzjalment permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/366. Is-sospensjoni hija limitata għall-passaporti ordinarji maħruġa mill-Vanuatu mill-25 ta’ Mejju 2015 ’il quddiem, meta l-għadd ta’ applikanti li rnexxew fil-kuntest tal-iskemi ta’ ċittadinanza għall-investiment ta’ Vanuatu bdew jiżdiedu b’mod sinifikanti.
(8)Filwaqt li d-Deċiżjoni (UE) 2022/366 ssospendiet il-Ftehim parzjalment, kien meħtieġ ukoll li s-sospensjoni tiġi prevista fil-livell tad-dritt tal-Unjoni.
(9)Għalhekk, abbażi tar-Regolament (UE) 2018/1806 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fis-27 ta’ April 2022, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/693 li jissospendi temporanjament l-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża għaċ-ċittadini tal-Vanuatu li għandhom passaporti ordinarji maħruġa mill-Vanuatu mill-25 ta’ Mejju 2015 għal perjodu ta’ disa’ xhur, applikabbli mill-4 ta’ Mejju 2022 sat-3 ta’ Frar 2023.
(10)Wara d-dħul fis-seħħ tas-sospensjoni skont ir-Regolament (UE) 2018/1806, il-Kummissjoni nediet djalogu msaħħaħ mal-Vanuatu bl-għan li tirrimedja ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni temporanja mill-ħtieġa ta’ viża.
(11)Filwaqt li dan id-djalogu beda fit-12 ta’ Mejju 2022, sussegwentement Vanuatu ma involva ruħu bl-ebda mod sinifikanti. Għalhekk, matul il-perjodu ta’ disa’ xhur stabbilit mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/693, ma kienx possibbli li jiġu rimedjati ċ-ċirkostanzi li wasslu għas-sospensjoni temporanja tal-eżenzjoni mir-rekwiżit tal-viża.
(12)L-iskemi ta’ ċittadinanza b’investiment operati minn Vanuatu għadhom jirrappreżentaw riskju akbar għas-sigurtà interna tal-Istati Membri u ċirkomvenzjoni tal-proċedura tal-viża għal soġġorn qasir tal-Unjoni u tal-valutazzjoni tar-riskji għas-sigurtà u l-migrazzjoni li huma involuti. Għaldaqstant, fin-nuqqas ta’ impenn min-naħa ta’ Vanuatu biex jirrimedja dawn iċ-ċirkostanzi, id-Deċiżjoni (UE) 2022/366 jenħtieġ li titħassar u l-applikazzjoni tal-Ftehim kollu kemm hu fir-rigward taċ-ċittadini kollha tal-Vanwatu jenħtieġ li tiġi sospiża.
(13)Din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen li fihom l-Irlanda mhix qed tieħu sehem, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE; Għalhekk l-Irlanda mhix qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u mhix marbuta biha jew suġġetta għall-applikazzjoni tagħha,
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-applikazzjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir hija b’dan sospiża mill-4 ta’ Frar 2023.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni (UE) 2022/366 hija mħassra.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President