EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0195

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar il-liberalizzazzjoni temporanja tal-kummerċ li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

COM/2022/195 final

Brussell, 27.4.2022

COM(2022) 195 final

2022/0138(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-liberalizzazzjoni temporanja tal-kummerċ li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

L-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 kellha impatt negattiv profond fuq il-kapaċità tal-Ukrajna li tinnegozja mal-bqija tad-dinja, minħabba l-piż impost fuq il-ħajjiet umani, il-ħtieġa li ssir enfasi fuq id-difiża tat-territorju, popolazzjonijiet vasti spustati kif ukoll minħabba l-qerda tal-kapaċità tal-produzzjoni u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sehem sinifikanti ta’ mezzi tat-trasport minħabba l-għeluq tal-aċċess għall-Baħar l-Iswed. F’dan il-kuntest diffiċli, l-Ukrajna talbet lill-Unjoni tiffaċilita kemm jista’ jkun il-kundizzjonijiet biex il-pajjiż ikun jista’ jżomm il-pożizzjoni kummerċjali tiegħu mal-bqija tad-dinja u jkompli japprofondixxi r-relazzjonijiet kummerċjali tiegħu mal-Unjoni. Miżuri għal dan il-għan jinkludu l-iffaċilitar tal-loġistika fuq l-art u ż-żieda tal-livell ta’ liberalizzazzjoni tas-suq. Dawn il-miżuri jżidu l-flessibbiltà u ċ-ċertezza għall-produtturi Ukreni.

Għalhekk, il-Kummissjoni qed tipproponi Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jintroduċi miżuri għal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ fil-forma tat-tliet miżuri li ġejjin, li għandhom japplikaw għal perjodu ta’ sena:

Sospensjoni temporanja tat-tariffi pendenti kollha skont it-Titolu IV tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni”) 1 li jistabbilixxi żona ta’ kummerċ ħieles approfondita u komprensiva (deep and comprehensive free trade area, DCFTA). Din tikkonċerna tliet kategoriji ta’ prodotti:

·prodotti industrijali soġġetti għat-tneħħija gradwali tad-dazju sa tmiem l-2022;

·il-frott u l-ħxejjex soġġetti għas-sistema tal-prezz tad-dħul;

·prodotti agrikoli u prodotti agrikoli pproċessati soġġetti għal kwoti tariffarji.

In-nuqqas ta’ ġbir temporanju ta’ dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukraina mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament; kif ukoll

Sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni tar-regoli komuni għall-importazzjonijiet (salvagwardja) 2 fir-rigward ta’ importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukraina.

Dawn il-miżuri temporanji u eċċezzjonali se jikkontribwixxu għall-appoġġ u t-trawwim tal-flussi kummerċjali eżistenti mill-Ukrajna lejn l-Unjoni. Dan huwa konformi ma’ wieħed mill-objettivi prinċipali tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni li huwa li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet għal titjib fir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali li jwasslu biex gradwalment l-Ukrajna tiġi integrata fis-Suq Intern tal-UE.

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti skont din il-proposta għal Regolament jittieħdu b’osservanza tal-impenn fl-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni li jħaddan bħala element essenzjali tal-Ftehim il-promozzjoni tal-osservanza għall-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri u l-indipendenza. Bl-istess mod, il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ infushom ikunu kondizzjonali fuq l-osservanza għall-istess prinċipji bażiċi stabbiliti fl-Artikolu 2, inklużi dawk li jipprevedu li l-osservanza għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-osservanza għall-prinċipju tal-istat tad-dritt jikkostitwixxu elementi essenzjali ta’ dak il-Ftehim.

Barra minn hekk, il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ li jinsabu f’din il-proposta għandhom l-għan li jiżguraw, f’konformità mal-Artikolu 207(1) TFUE, li l-politika kummerċjali komuni tal-Unjoni titmexxa fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni stabbiliti fl-Artikolu 21 TUE.

Japplikaw proċeduri normali ta’ salvagwardja.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Dawn il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikunu konsistenti mal-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni u b’mod partikolari mat-Titolu IV li jistabbilixxi DCFTA, li jipprevedi li l-Partijiet jistabbilixxu progressivament żona ta’ kummerċ ħieles fuq perjodu tranżitorju ta’ massimu ta’ 10 snin li jibda mid-dħul fis-seħħ ta’ dak il-Ftehim.

Barra minn hekk, fl-2021 l-Ukrajna talbet l-attivazzjoni tar-rieżami skont l-Artikolu 29(4) tal-Ftehim bil-għan li jiġi kkunsidrat l-aċċellerazzjoni u t-twessigħ tal-ambitu tal-eliminazzjoni tad-dazji doganali bejn l-Ukrajna u l-Unjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

L-Unjoni Ewropea kkundannat bil-qawwa l-aggressjoni Russa lejn l-Ukrajna u ħadet passi bla preċedent biex tappoġġa lill-pajjiż f’dan il-kuntest eċċezzjonali, li jvarja minn assistenza finanzjarja, inkluża assistenza makrofinanzjarja ta’ emerġenza, għat-twassil ta’ tagħmir militari. Ir-Regolament propost għalhekk jikkonforma mal-obbligu tal-Unjoni skont l-Artikolu 21(3) TUE biex tiġi żgurata konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 207(1) TFUE li jipprevedi li l-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjonijiet esterni tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika tal-proposta hija l-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-politika kummerċjali komuni, f’konformità mal-Artikolu 3(1)(e) tat-TFUE, hija definita bħala kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Din il-proposta hija meħtieġa sabiex tiġi implimentata l-politika kummerċjali komuni u sabiex jinkiseb l-għan li l-Ukrajna tiġi appoġġata ekonomikament fid-diffikultajiet attwali tagħha, anke fil-qasam tal-kummerċ mal-Unjoni.

Għażla tal-istrument

Din il-proposta hija konformi mal-Artikolu 207(2) tat-TFUE, li jipprevedi miżuri ta’ politika kummerċjali komuni.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Mhux applikabbli.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli.

Valutazzjoni tal-impatt

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fl-Ukrajna, huwa importanti li r-Regolament jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun. Għalhekk, ma twettqet l-ebda valutazzjoni tal-impatt għall-miżura inkwistjoni. Madankollu, id-dispożizzjonijiet kummerċjali u relatati mal-kummerċ tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni kienu soġġetti għal valutazzjoni tal-impatt fuq is-sostenibbiltà kkummissjonata mid-DĠ Kummerċ fl-2007 li kkontribwixxiet għall-proċess ta’ negozjar tad-DCFTA. Dan l-istudju kkonferma li l-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-kummerċ u relatati mal-kummerċ jkollhom impatt ekonomiku pożittiv kemm għall-UE kif ukoll għall-Ukrajna.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Il-miżura ma żżidx il-piż regolatorju tal-kumpaniji.

Drittijiet fundamentali

Dawn il-miżuri josservaw l-istess prinċipji bażiċi bħal dawk minquxa fil-Ftehim ta’ Assoċazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna. B’mod partikolari, l-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni mal-Ukrajna jipprevedi li l-osservanza tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipju tal-istat tad-dritt jikkostitwixxu elementi essenzjali ta’ dak il-Ftehim.

Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ ikunu wkoll konformi mal-Karta Ewropea dwar id-Drittijiet Fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Abbażi ta’ stima skont il-livell tal-importazzjonijiet mill-Ukrajna fl-2021, l-Unjoni Ewropea se tara telf ta’ dħul doganali li jikkorrispondi għal inqas minn EUR 31 miljun fis-sena. Barra minn hekk, it-telf tad-dazji antidumping huwa stmat għal EUR 34,6 miljun. Din iċ-ċifra x’aktarx li tkun ferm aktar baxxa peress li l-livell tal-importazzjonijiet mill-Ukrajna ġie milqut mill-kunflitt. Għalhekk, l-impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-UE se jkun limitat ħafna.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Ir-rappurtar online dwar l-evoluzzjoni tal-kummerċ bilaterali bejn l-UE u l-Ukrajna huwa disponibbli permezz ta’ siti web apposta tal-Kummissjoni Ewropea.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fl-Ukrajna, il-miżura għandha l-għan li żżid il-flussi kummerċjali li jikkonċernaw l-importazzjonijiet kollha mill-Ukrajna billi tissospendi t-tariffi u d-dazji tal-importazzjoni kollha pendenti applikati għall-prodotti Ukreni. Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ jingħataw fil-forma ta’ tneħħija sħiħa tad-dazji tal-importazzjoni fuq il-prodotti kollha.

2022/0138 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-liberalizzazzjoni temporanja tal-kummerċ li tissupplimenta l-konċessjonijiet kummerċjali applikabbli għall-prodotti Ukreni skont il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja 3 ,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra 4 (il-“Ftehim ta’ Assoċazzjoni”) jikkostitwixxi l-bażi tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u l-Ukrajna. It-Titolu IV tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni, li jirrigwarda l-kummerċ u kwistjonijiet relatati mal-kummerċ, ġie applikat proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2016 5 , u ilu fis-seħħ b’mod sħiħ mill-1 ta’ Settembru 2017 wara r-ratifika mill-Istati Membri kollha.

(2)Il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni jesprimi x-xewqa tal-Partijiet li jsaħħu u jwessgħu r-relazzjonijiet b’mod ambizzjuż u innovattiv, li jiffaċilitaw u jiksbu integrazzjoni ekonomika gradwali, u li jagħmlu dan f’konformità mad-drittijiet u l-obbligi li jirriżultaw mis-sħubija tal-Partijiet fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(3)L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni jistabbilixxi, fost affarijiet oħra, l-osservanza tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll il-promozzjoni tal-osservanza tal-prinċipji tas-sovranità u l-integrità territorjali, l-invjolabbiltà tal-fruntieri u l-indipendenza bħala elementi essenzjali tal-Ftehim.

(4)L-Artikolu 25 tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni jipprovdi għall-istabbiliment progressiv ta’ żona ta’ kummerċ ħieles bejn il-Partijiet f’konformità mal-Artikolu XXIV tal-Ftehim Ġenerali tal-1994 dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (GATT). Għal dan il-għan, l-Artikolu 29 tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni jipprevedi l-eliminazzjoni progressiva tad-dazji doganali f’konformità mal-iskedi inklużi fil-Ftehim ta’ Assoċazzjoni u jipprevedi l-possibbiltà li tali eliminazzjoni titħaffef u titwessa’. L-Artikolu 48 tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni jipprovdi li l-interess pubbliku għandu jiġi kkunsidrat qabel ma jiġu applikati miżuri antidumping bejn il-Partijiet.

(5)L-aggressjoni militari mhux provokata u mhux ġustifikata tar-Russja kontra l-Ukrajna mill-24 ta’ Frar 2022 kellha impatt negattiv profond fuq il-kapaċità tal-Ukrajna li tinnegozja mal-bqija tad-dinja, anke minħabba l-qerda tal-kapaċità tal-produzzjoni u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ sehem sinifikanti ta’ mezzi tat-trasport minħabba l-għeluq tal-aċċess għall-Baħar l-Iswed. Biex jittaffa l-impatt ekonomiku negattiv tal-aggressjoni, jenħtieġ li jitħaffef l-iżvilupp ta’ relazzjonijiet ekonomiċi aktar mill-qrib bejn l-Unjoni u l-Ukrajna sabiex jingħata appoġġ rapidu lill-awtoritajiet Ukreni u lill-popolazzjoni f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali. Huwa għalhekk xieraq u neċessarju li jiġu stimulati l-flussi kummerċjali u li jingħataw konċessjonijiet fil-forma ta’ miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ għall-prodotti kollha f’konformità mal-aċċellerazzjoni tal-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq il-kummerċ bejn l-Unjoni u l-Ukrajna.

(6)F’konformità mal-Artikolu 21(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Unjoni għandha tiżgura l-konsistenza bejn l-oqsma differenti tal-azzjoni esterna tagħha. Skont l-Artikolu 207(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-politika kummerċjali komuni għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

(7)Il-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jieħdu l-forma li ġejja: (i) it-tneħħija sħiħa tad-dazji fuq l-importazzjoni (“dazji doganali preferenzjali”) fuq l-importazzjoni ta’ prodotti industrijali mill-Ukrajna; (ii) is-sospensjoni tal-applikazzjoni tas-Sistema ta’ Prezzijiet ta’ Dħul għall-frott u l-ħxejjex; (iii) is-sospensjoni tal-kwoti ta’ tariffa żero u t-tneħħija sħiħa tad-dazji fuq l-importazzjoni; (iv) b’deroga mis-subparagrafu 1 tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 6 , jenħtieġ li d-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukrajna li jsiru matul l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma jinġabru fl-ebda mument, inkluż wara l-iskadenza ta’ dan ir-Regolament; u (v) is-sospensjoni temporanja tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 . Permezz ta’ dawn il-miżuri, l-Unjoni, fil-fatt, se tipprovdi temporanjament appoġġ ekonomiku u finanzjarju xieraq għall-benefiċċju tal-Ukrajna u l-operaturi ekonomiċi kkonċernati tagħha.

(8)Sabiex tiġi evitata l-frodi, l-arranġamenti preferenzjali stabbiliti b’dan ir-Regolament jenħtieġ li jkunu kondizzjonali fuq li l-Ukrajna tikkonforma mal-kundizzjonijiet rilevanti kollha biex tikseb benefiċċji skont il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni, inklużi r-regoli tal-oriġini tal-prodotti kkonċernati u l-proċeduri relatati magħhom, kif ukoll l-involviment tal-Ukrajna f’kooperazzjoni amministrattiva mill-qrib mal-Unjoni, kif previst minn dak il-Ftehim.

(9)Jenħtieġ li l-Ukrajna tastjeni milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti, jew milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli tintroduċi kwalunkwe restrizzjoni oħra fuq il-kummerċ mal-Unjoni, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra. Fil-każ li l-Ukrajna tonqos milli tkun konformi ma’ kwalunkwe waħda minn dawn il-kondizzjonijiet, jenħtieġ li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li tissospendi temporanjament l-arranġamenti preferenzjali kollha jew parti minnhom stabbiliti minn dan ir-Regolament.

(10)L-Artikolu 2 tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni jipprevedi li, fost l-oħrajn, l-osservanza għall-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali kif ukoll il-ġlieda kontra l-armi ta’ qerda massiva, materjali relatati u l-mezzi ta’ kunsinna tagħhom jikkostitwixxu elementi essenzjali tar-relazzjonijiet mal-Ukrajna, li huma rregolati minn dak il-Ftehim. Barra minn hekk, l-Artikolu 3 tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni jirreferi għall-istat tad-dritt, il-governanza tajba, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni u forom differenti ta’ kriminalità organizzata transnazzjonali u terroriżmu, il-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u multilateraliżmu effettiv huma ċentrali għat-tisħiħ tar-relazzjoni bejn il-Partijiet. Huwa xieraq li tiddaħħal il-possibbiltà li l-arranġamenti preferenzjali pprovduti f’dan ir-Regolament jiġu temporanjament sospiżi jekkl-Ukrajna tonqos milli tosserva l-prinċipji ġenerali tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni, b’mod analogu għal ftehimiet ta’ assoċazzjoni oħra konklużi mill-Unjoni.

(11)Sabiex jiġu żgurati kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tkun tista’ tissospendi temporanjament l-arranġamenti preferenzjali msemmija fil-punti (i), (ii) jew (iii) tal-premessa 7 u tintroduċi miżuri korrettivi f’każijiet fejn produtturi tal-Unjoni huma jew jistgħu jkunu affettwati serjament mill-importazzjonijiet skont dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 8 .

(12)Soġġett għal investigazzjoni mill-Kummissjoni, huwa meħtieġ li tiġi prevista l-possibbiltà li jiġu introdotti mill-ġdid id-dazji doganali applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni għall-importazzjonijiet ta’ kwalunkwe prodott li jaqa’ fl-ambitu ta’ dan ir-Regolament li jikkawża, jew jhedded li jikkawża, diffikultajiet serji għall-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jkunu f’kompetizzjoni diretta.

(13)Jenħtieġ li r-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv, li huwa parti integrali mill-Ftehim ta’ Assoċazzjoni, jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament.

(14)Fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza fl-Ukrajna, jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprevedi dispożizzjoni tranżitorja xierqa u jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

1.Id-dazji doganali preferenzjali fuq l-importazzjoni fl-Unjoni ta’ ċerti prodotti industrijali li joriġinaw fl-Ukrajna li huma soġġetti għal eliminazzjoni gradwali ta’ seba’ snin f’konformità mal-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni għandhom jiġu stabbiliti għal żero.

2.L-applikazzjoni tas-Sistema ta’ Prezzijiet ta’ Dħul għandha tiġi sospiża għal dawk il-prodotti fejn tapplika kif speċifikat fl-Anness I-A tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni. L-ebda dazju doganali ma għandu japplika għal dawk il-prodotti.

3.Il-kwoti tariffarji kollha stabbiliti skont l-Anness I-A tal-Ftehim għandhom jiġu sospiżi u l-prodotti koperti minn dawk il-kwoti għandhom jiġu ammessi għall-importazzjoni fl-Unjoni mill-Ukrajna mingħajr ebda dazju doganali.

4.B’deroga mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, id-dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukrajna li jsiru matul l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament ma għandhom jinġabru fl-ebda mument, inkluż wara l-iskadenza ta’ dan ir-Regolament.

5.L-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/478 għandha tkun temporanjament sospiża fir-rigward ta’ importazzjonijiet li joriġinaw fl-Ukraina.

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għad-dritt għall-arranġamenti preferenzjali

L-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1(1), (2) u (3) għandhom ikunu soġġetti għall-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)il-konformità mar-regoli tal-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri relatati magħhom kif previst fil-Ftehim ta’ Assoċazzjoni;

(b)l-astensjoni mill-Ukrajna milli tintroduċi dazji jew imposti ġodda li jkollhom effett ekwivalenti u restrizzjonijiet kwantitattivi ġodda jew miżuri li jkollhom effett ekwivalenti għal importazzjonijiet li joriġinaw mill-Unjoni, milli żżid il-livelli eżistenti ta’ dazji jew imposti jew milli tintroduċi kull restrizzjoni oħra, inkluż miżuri diskriminatorji amministrattivi interni, sakemm dan ma jkunx iġġustifikat b’mod ċar fil-kuntest tal-gwerra;

(c)l-osservanza tal-Ukrajna tal-prinċipji demokratiċi, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali u l-osservanza tal-prinċipju tal-istat tad-dritt kif ukoll sforzi kontinwi u sostnuti fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni u attivitajiet illegali previsti fl-Artikoli 2, 3 u 22 tal-Ftehim ta’ Assoċazzjoni.

Artikolu 3

Sospensjoni temporanja

1.Fejn il-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza ta’ nuqqas ta’ konformità mill-Ukrajna mal-kondizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2, hija tista’ tissospendi kompletament jew parzjalment l-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1(1), (2) jew (3) permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).

2.Meta Stat Membru jitlob li l-Kummissjoni tissospendi kwalunkwe wieħed mill-arranġamenti preferenzjali abbażi tan-nuqqas mill-Ukrajna li tikkonforma mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 2, il-Kummissjoni għandha tipprovdi opinjoni motivata fi żmien erba’ xhur minn tali talba dwar jekk il-pretensjoni tan-nuqqas tal-Ukrajna li tikkonforma hijiex sostanzjata. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-allegazzjoni tkun sostanzjata, għandha tagħti bidu għall-proċedura msemmija fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

Artikolu 4

Klawżola ta’ salvagwardja

1.Fejn prodott li joriġina fl-Ukrajna jiġi impurtat fuq termini li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, diffikultajiet serji għal produtturi fl-Unjoni ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta, id-dazji doganali altrimenti applikabbli skont il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni fuq tali prodott jistgħu jerġgħu jiġu introdotti fi kwalunkwe ħin.

2.Il-Kummissjoni għandha tissorvelja mill-qrib l-impatt ta’ dan ir-Regolament, inkluż fir-rigward tal-prezzijiet fis-suq tal-Unjoni, filwaqt li tqis l-informazzjoni dwar l-esportazzjonijiet, l-importazzjonijiet u l-produzzjoni fl-Unjoni tal-prodotti soġġetti għall-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ stabbiliti permezz ta’ dan ir-Regolament.

3.IL-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni formali biex tagħti bidu għal investigazzjoni f'perijodu ta' żmien raġonevoli:

(a)fuq talba ta’ Stat Membru,

(b)fuq talba ta’ kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika, li taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni, jiġifieri l-produtturi kollha fl-Unjoni jew proporzjon kbir minnhom ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta; jew

(c)fuq l-inizjattiva stess jekk ikun ċar għall-Kummissjoni li hemm biżżejjed evidenza prima facie tad-diffikultajiet serji kif imsemmija fil-paragrafu 1.

Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, “proporzjon kbir” ifisser il-produtturi fl-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom tikkostitwixxi aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali fl-Unjoni ta’ prodotti simili jew prodotti f’kompetizzjoni diretta prodotti minn dak il-proporzjon tal-industrija fl-Unjoni li jesprimi appoġġ jew oppożizzjoni għat-talba, u li jirrappreżentaw mhux inqas minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-prodotti simili jew il-prodotti f’kompetizzjoni diretta prodotti mill-industrija fl-Unjoni.

4.Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħti bidu għal investigazzjoni, għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li jħabbar il-bidu tal-investigazzjoni. L-avviż għandu jipprovdi sommarju tal-informazzjoni li tasal u jiddikjara li jenħtieġ li kull informazzjoni relevanti tintbagħat lill-Kummissjoni. Għandu jispeċifika l-perijodu li matulu l-partijiet interessati jistgħu jippreżentaw fil-ħsibijiet tagħhom bil-miktub. Dan il-perijodu ma għandux jeċċedi erba’ xhur mid-data tal-pubblikazzjoni tal-avviż.

5.Il-Kummissjoni għandha tfittex l-informazzjoni kollha li tqis meħtieġa u tista’ tivverifika l-informazzjoni li taslilha mal-Ukrajna jew kwalunkwe sors rilevanti ieħor. Hija tista’ tiġi megħjuna mill-uffiċjali tal-Istati Membru li fit-territorju tiegħu tista’ tintalab verifika, jekk dak l-Istat Membru jitlob tali assistenza mill-uffiċjali.

6.Meta tkun qed teżamina jekk jeżistux diffikultajiet serji kif imsemmija fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni għandha tqis, fost l-oħrajn, il-fatturi li ġejjin li jikkonċernaw produtturi tal-Unjoni, fejn l-informazzjoni tkun disponibbli:

(a)sehem mis-suq,

(b)produzzjoni,

(c)ħażniet,

(d)kapaċità tal-produzzjoni,

(e)użu ta’ kapaċita,

(f)impjiegi,

(g)importazzjonijiet,

(h)prezzijiet.

7.L-investigazzjoni għandha titlesta fi żmien sitt xhur mill-pubblikazzjoni tal-avviż imsemmi fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, fil-każ ta’ ċirkostanzi eċċezzjonali, testendi dan il-perjodu f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).

8.Fi żmien tliet xhur mit-tlestija tal-investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk terġax tintroduċi d-dazji doganali applikabbli mod ieħor skont il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2). Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jidħol fis-seħħ fi żmien xahar mill-pubblikazzjoni tiegħu.

Id-dazji doganali applikabbli mod ieħor skont il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni jistgħu jiġu introdotti mill-ġdid sakemm ikun meħtieġ biex jiġi miġġieled id-deterjorament fis-sitwazzjoni ekonomika jew finanzjarja tal-produtturi tal-Unjoni, jew sakemm tippersisti t-theddida ta’ tali deterjorament. Fejn il-fatti kif jiġu finalment stabbiliti juru li l-kondizzjonijiet indikati fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma jkunux ġew sodisfatti, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni li jtemm l-investigazzjoni u l-proċedimenti f’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 5(2).

9.Fejn ċirkostanzi eċċezzjonali li jeħtieġu azzjoni immedjata jagħmluha impossibbli li ssir investigazzjoni, il-Kummissjoni tista’, wara li tgħarraf lill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali msemmi fl-Artikolu 5(1), tieħu kwalunkwe miżura preventiva li tkun meħtieġa.

Artikolu 5

Proċedura ta’ kumitat

1.Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-Kumitat tal-Kodiċi Doganali stabbilit bl-Artikolu 285 tar-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 . Dak il-Kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 6

Valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ

Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni taż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondit u Komprensiv għandu jinkludi valutazzjoni fid-dettall tal-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ liberalizzazzjoni tal-kummerċ previsti f’dan ir-Regolament u għandu jinkludi, sa fejn ikun xieraq, valutazzjoni tal-impatt soċjali ta’ dawn il-miżuri fl-Ukrajna u fl-Unjoni. L-informazzjoni dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti skont l-Artikolu 1(3) għandha tkun disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.

Artikolu 7

Dispożizzjoni tranżitorja

3.L-arranġamenti preferenzjali msemmija fl-Artikolu 1(1), (2) jew (3) għandhom japplikaw għal prodotti li fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament ikunu fi tranżitu mill-Ukrajna lejn l-Unjoni jew taħt kontroll doganali fl-Unjoni, soġġetti għal talba f’dak is-sens lill-awtoritajiet doganali responsabbli tal-Unjoni fi żmien sitt xhur minn dik id-data.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

1.Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2.Dan ir-Regolament japplika sa [sena minn wara d-data tad-dħul fis-seħħ tiegħu].

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukraina, min-naħa l-oħra ( ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3 ) ġie ffirmat f’żewġ partijiet, f’Marzu u f’Ġunju tal-2014. Il-Ftehim ta’ Assoċazzjoni ġie applikat proviżorjament f’xi partijiet mill-1 ta’ Novembru 2014. Iż-Żona ta’ Kummerċ Ħieles Approfondita u Komprensiva (DCFTA) ilha tiġi applikata proviżorjament mill-1 ta’ Jannar 2016 u ilha fis-seħħ bis-sħiħ mill-1 ta’ Settembru 2017 wara r-ratifika mill-Istati Membri kollha tal-UE.
(2)    Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).
(3)    (…)
(4)     ĠU L 161, 29.5.2014, p. 3 .
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/668/UE tat-23 ta’ Ġunju 2014 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni proviżorja tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Ukrajna, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-Titolu III (bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-trattament ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment impjegati bħala ħaddiema fit-territorju tal-Parti l-oħra) u t-Titoli IV, V, VI u VII tiegħu, kif ukoll l-Annessi u l-Protokolli relatati ( ĠU L 278, 20.9.2014, p. 1 ).
(6)    Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea ( ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21 ).
(7)    Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 83, 27.3.2015, p. 16).
(8)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(9)    Ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni ( ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1 ).
Top