EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0162

Proposta emendata għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolament (UE) Nru 223/2014 fir-rigward ta’ żieda fil-prefinanzjament mir-riżorsi tar-REACT-EU

COM/2022/162 final

Brussell, 31.3.2022

COM(2022) 162 final

2022/0096(COD)

Proposta emendata għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolament (UE) Nru 223/2014 fir-rigward ta’ żieda fil-prefinanzjament mir-riżorsi tar-REACT-EU


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Fit-23 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni Ewropea adottat proposta leġiżlattiva biex temenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 biex tipprevedi bidliet eċċezzjonali u mmirati b’reazzjoni għall-invażjoni tal-Ukrajna mill-Federazzjoni Russa u l-impatt sussegwenti fuq l-Unjoni Ewropea u b’mod partikolari fuq diversi reġjuni tal-Lvant tagħha.

Din il-proposta kellha tipprovdi prefinanzjament inizjali addizzjonali għall-programmi 2014-2020 appoġġati mill-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u mill-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (Fund for European Aid to the Most Deprived, FEAD), li għandu jitħallas taħt REACT-EU, iffinanzjat mill-Istrument Ewropew għall-Irkupru “NextGenerationEU”.

Il-Kummissjoni diġà kienet ħadet azzjoni biex tassisti lill-Istati Membri f’dan ir-rigward, permezz tal-proposta tagħha ta’ Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (Cohesion’s Action for Refugees, CARE) tat-8 ta’ Marzu 2022.

Fil-laqgħa tiegħu tal-24-25 ta’ Marzu 2022, il-Kunsill Ewropew iddiskuta l-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna u, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-laqgħa, stieden lill-Kummissjoni “biex taħdem fuq proposti addizzjonali biex issaħħaħ l-appoġġ tal-UE” “sabiex jiġi żgurat li l-finanzjament tal-UE għar-refuġjati u l-ospitanti tagħhom ikun jista’ jiġi mobilizzat malajr”.

Biex tindirizza din l-istedina, il-Kummissjoni qed tressaq din il-proposta, li temenda l-proposta leġiżlattiva tagħha tat-23 ta’ Marzu 2022. Peress li wieħed mill-aktar metodi effettivi għall-mobilizzazzjoni rapida tal-finanzjament huwa li jsir użu mill-“għażliet ta’ spejjeż issimplifikati”, li jippermettu implimentazzjoni aktar faċli u rapida tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni filwaqt li jitnaqqas ukoll il-piż amministrattiv, din il-proposta għalhekk toħloq spiża unitarja ġdida. L-Istati Membri jistgħu jużaw din l-ispiża unitarja ġdid biex jiffaċilitaw il-finanzjament tal-bżonnijiet bażiċi u l-appoġġ ta’ persuni li jingħataw protezzjoni temporanja f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 fl-Istati Membri kollha fejn tali persuna tkun preżenti. L-ispiża unitarja tista’ tintuża għal massimu ta’ 13-il ġimgħa b’kollox, mid-data tal-wasla tal-persuna fl-Unjoni Ewropea.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-proposta emendata hija konsistenti mal-qafas legali kumplessiv stabbilit għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u hija limitata għal emenda fil-mira u eċċezzjonali tar-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014. Il-proposta tikkomplementa wkoll l-proposta ta’ emenda preċedenti għal dan ir-regolament taħt il-proposta CARE tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2022 kif ukoll il-miżuri l-oħrajn kollha mmirati lejn l-indirizzar tas-sitwazzjoni mingħajr preċedent kurrenti.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta hija limitata għal emendi mmirati u eċċezzjonali tar-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014 u hija konsistenti ma’ politiki oħra tal-Unjoni.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 175(3) u 177 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Peress li l-indirizzar tal-isfidi maħluqa mill-għadd kbir ta’ wasliet ta’ min qed jaħrab mill-Ukrajna ma jistax jintlaħaq biżżejjed mill-Istati Membri waħedhom, u għalhekk jista’ jintlaħaq aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tipprovdi ammont akbar ta’ prefinanzjament biex jitħallas taħt ir-REACT-EU, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Proporzjonalità

Il-proposta hija bidla eċċezzjonali u mmirata li ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv li jiġi previst ammont akbar ta’ prefinanzjament biex jitħallas taħt ir-REACT-EU u tkun prevista spiża unitarja ġdida biex jiġu appoġġati miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi migratorji b’riżultat tal-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa u biex jittaffa l-piż korrispondenti fuq il-baġits pubbliċi biex b’hekk ikun jista’ jiġi mobilizzat l-investiment b’reazzjoni għall-kriżi mifruxa tas-saħħa pubblika li qed taffettwa t-tkabbir tar-reġjuni.

Għażla tal-istrument

Regolament huwa l-istrument xieraq biex jipprevedi ammont akbar ta’ prefinanzjament biex jitħallas taħt ir-REACT-EU meħtieġ biex jiġu indirizzati dawn iċ-ċirkostanzi bla preċedent.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-proposta hija s-segwitu ta’ skambji ta’ livell għoli ma’ istituzzjonijiet u Stati Membri oħrajn. Konsultazzjoni pubblika mhijiex meħtieġa minħabba li ma hemmx bżonn ta’ valutazzjoni tal-impatt.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Mhux applikabbli

Valutazzjoni tal-impatt

Twettqet valutazzjoni tal-impatt biex titħejja l-proposta għar-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014. Din il-bidla mmirata kurrenti b’reazzjoni għal sitwazzjoni kritika ma teħtieġx valutazzjoni tal-impatt separata.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-modifika proposta għall-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2022 ma tinvolvix xi bidla għall-approprjazzjonijiet ta' impenn skont il-QFP 2021-2027.

L-użu tal-ispiża unitarja l-ġdida jiffaċilita aċċellerazzjoni tal-iżborż tal-fondi.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Se jkun hemm monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-miżuri u se jsiru rapporti dwarha fil-qafas tal-mekkaniżmi ġenerali tar-rapportar stabbiliti fir-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 223/2014.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-modifika proposta għall-proposta tal-Kummissjoni tat-23 ta’ Marzu 2022 tipprevedi l-ħolqien ta’ spiża unitarja ġdida biex tappoġġa miżuri biex jiġu indirizzati l-isfidi migratorji bħala riżultat tal-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa.

2022/0096 (COD)

Proposta emendata għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolament (UE) Nru 223/2014 fir-rigward ta’ żieda fil-prefinanzjament mir-riżorsi tar-REACT-EU

Il-proposta tal-Kummissjoni COM(2022) 145 hija emendata kif ġej:

(1)it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u r-Regolament (UE) Nru 223/2014 fir-rigward ta’ żieda fil-prefinanzjament mir-riżorsi tar-REACT-EU u jistabbilixxi spiża unitarja”

(2)tiddaħħal il-premessa (5a) li ġejja:

“Barra minn hekk, bil-ħsieb li jiġi ssimplifikat l-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri u għall-benefiċjarji fil-kuntest tal-indirizzar tal-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa, jenħtieġ li tkun stabbilita spiża unitarja. Din l-ispiża unitarja ġdida jenħtieġ li tiffaċilita l-finanzjament tal-bżonnijiet bażiċi u l-appoġġ ta’ persuni li jingħataw protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata oħra skont id-dritt nazzjonali f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 1 u d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE 2 fl-Istati Membri kollha fejn tali persuna tkun preżenti matul it-13-il ġimgħa mill-wasla tagħha fl-Unjoni Ewropea. F’konformità mal-proposta tal-Kummissjoni tat-8 ta’ Marzu 2022 dwar Azzjoni ta’ Koeżjoni għar-Refuġjati fl-Ewropa (CARE) l-Istati Membri jistgħu japplikaw ukoll din l-ispiża unitarja meta jużaw il-possibilità prevista fl-[Artikolu 98(4) tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013] biex jiffinanzjaw tali operazzjonijiet mill-FEŻR, abbażi tar-regoli applikabbli għall-FSE, anki meta dan jinvolvi riżorsi tar-REACT-EU. Meta jagħmlu użu mill-spiża unitarja, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li jkollhom l-arranġamenti meħtieġa fis-seħħ biex jevitaw il-finanzjament doppju tal-istess spejjeż.”

(3)fl-Artikolu 1, il-punt segwenti jiddaħħal qabel il-punt (1):

“(1)    jiddaħħal l-Artikolu 68c li ġej:

Artikolu 68c

Spiża unitarja għall-operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa

Għall-implimentazzjoni tal-operazzjonijiet li jindirizzaw l-isfidi migratorji li jirriżultaw mill-aggressjoni militari mill-Federazzjoni Russa, fin-nefqa ddikjarata fl-applikazzjonijiet għall-pagament l-Istati Membri jistgħu jinkludu spiża unitarja marbuta mal-ħtiġijiet bażiċi u mal-appoġġ ta’ dawk li ngħataw protezzjoni temporanja jew protezzjoni adegwata oħra skont id-dritt nazzjonali f’konformità mad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 u mad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE. Dik l-ispiża unitarja għandha tkun ta’ EUR 40 fil-ġimgħa għal kull ġimgħa sħiħa jew parzjali li l-persuna tkun fl-Istat Membru kkonċernat. L-ispiża unitarja tista’ tintuża għal massimu ta’ 13-il ġimgħa b’kollox, mid-data tal-wasla tal-persuna fl-Unjoni.

L-ammonti kkalkulati fuq din il-bażi għandhom jitqiesu bħala appoġġ pubbliku mħallas lill-benefiċjarji u bħala nefqa eliġibbli għall-fini tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”

(4)fl-Artikolu 1, il-punt (1) isir il-punt (2) u l-punt (2) isir il-punt (3);

(5)fl-Artikolu 1, jiżdied il-punt li ġej:

“(4)    Fl-Artikolu 131, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

2. In-nefqa eliġibbli inkluża f’applikazzjoni għall-pagament għandha tkun appoġġata minn fatturi riċevuti jew dokumenti ta’ kontabbiltà ta’ valur probatorju ekwivalenti, ħlief għall-forom ta’ appoġġ imsemmija fil-punti (b) sa (e) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 67(1), l-Artikoli 68, 68a, 68b u 68c, l-Artikolu 69(1) u l-Artikolu 109 ta’ dan ir-Regolament u fl-Artikolu 14 tar-Regolament FSE. Għal dawk il-forom ta’ appoġġ, l-ammonti inklużi f’applikazzjoni għall-pagament għandhom ikunu l-ispejjeż ikkalkulati fuq il-bażi applikabbli.”

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta' influss bil-massa ta' persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja, ĠU L 71, 4.3.2022, p. 1–6
(2)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).
Top