EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022PC0116

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fit-tħejjija tad-19-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CoP19 tas-CITES)

COM/2022/116 final

Brussell, 21.3.2022

COM(2022) 116 final

2022/0081(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea
fit-tħejjija tad-19-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CoP19 tas-CITES)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fit-tħejjija tad-19-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu, b’konnessjoni mal-emendi previsti tal-Appendiċi għall-Konvenzjoni.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (“il-Konvenzjoni” jew CITES) għandha l-għan li tipproteġi l-annimali u l-pjanti selvaġġi kontra sfruttament żejjed permezz tal-kummerċ internazzjonali. Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1975.

L-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri kollha tagħha huma Partijiet għall-Konvenzjoni 1 .

2.2.Il-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni

Il-Konferenza tal-Partijiet (CoP) stabbilita skont l-Artikolu XI tal-Konvenzjoni, hija l-korp ta’ tmexxija tal-Konvenzjoni. Il-Konferenza tal-Partijiet tiltaqa’ kull sentejn sa tliet snin biex tirrevedi l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. B’mod partikolari, għall-finijiet ta’ din il-proposta, is-CoP tqis u tadotta proposti biex temenda l-listi ta’ speċijiet ta’ annimali u pjanti fil-periklu inklużi fl-Appendiċijiet I u II tal-Konvenzjoni.

2.3.Id-deċiżjonijiet previsti tal-Konferenza tal-Partijiet

Matul id-19-il laqgħa tagħha (CoP19) mill-14 sal-25 ta’ Novembru 2022, il-Konferenza tal-Partijiet se tiddeċiedi dwar proposti biex temenda l-Appendiċijiet tas-CITES (il-“proposti għall-elenkar”). L-iskop li jiġu inklużi (gruppi ta’) speċijiet partikolari fl-Appendiċijiet huwa li jkun hemm monitoraġġ u regolamentazzjoni (Appendiċi II) jew li jkun hemm projbizzjoni b’mod ġenerali (Appendiċi I) ta’ negozjar kummerċjali f’dawk l-ispeċijiet.

Bħala partijiet integrali tal-Konvenzjoni, l-Appendiċijiet huma legalment vinkolanti. Skont l-Artikolu XV(1)(c) tal-Konvenzjoni, l-emendi deċiżi mis-CoP isiru applikabbli fi żmien 90 jum wara t-tmiem tas-CoP.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

F’konformità mal-Artikolu XV(1) tal-Konvenzjoni, kwalunkwe Parti tista’ tipproponi emendi għall-Appendiċi I jew II għall-konsiderazzjoni fil-CoP19. It-test tal-emenda proposta għandu jiġi kkomunikat lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni mill-inqas 150 jum qabel il-laqgħa, jiġifieri sas-17 ta’ Ġunju 2022.

Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu XVI tal-Konvenzjoni, kwalunkwe Parti tista’ tippreżenta lis-Segretarjat lista ta’ speċijiet li tidentifika bħala li huma soġġetti għal regolamentazzjoni fil-ġurisdizzjoni tagħha, għall-fini tal-prevenzjoni jew ir-restrizzjoni tal-isfruttament, u bħala li jeħtieġu l-kooperazzjoni ta’ Partijiet oħra fil-kontroll tal-kummerċ. Filwaqt li tali sottomissjoni tista’ ssir fi kwalunkwe ħin, il-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni Conf. 9.25 (Rev. CoP18) tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tas-CITES jirrakkomanda li l-Parti li beħsiebha tinkludi speċi fl-Appendiċi III għandha tinforma lis-Segretarjat bl-intenzjoni tagħha mill-inqas 3 xhur qabel il-laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet. Dan sabiex jiġi żgurat id-dħul fis-seħħ tiegħu fl-istess jum bħall-emendi għall-Appendiċijiet I u II adottati fil-laqgħa.

Jekk jiġu adottati, il-proposti għall-elenkar jistgħu jaffettwaw ir-regoli tal-UE, peress li jkunu jinvolvu emendi għal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 2 , fejn jeħtieġ li jiġu riflessi l-bidliet fl-Appendiċijiet tal-Konvenzjoni. Dan jirriżulta fl-istabbiliment ta’ restrizzjonijiet għall-kummerċ mill-UE, fiha jew madwarha għall-ispeċijiet ikkonċernati minn dawn il-bidliet. Is-sottomissjoni skont l-Artikolu XVI tal-Konvenzjoni għandha effetti legali simili.

Esperti mill-Istati Membri tal-UE u mill-Kummissjoni kienu qed jikkunsidraw gruppi tassonomiċi differenti biex jidentifikaw speċijiet li huma mhedda minħabba l-kummerċ internazzjonali u bħala tali jistgħu jissodisfaw il-kriterji għall-inklużjoni f’wieħed mill-Appendiċijiet tas-CITES, bil-ħsieb ta’ proposti u sottomissjonijiet mill-Unjoni għall-elenkar ta’ dawn l-ispeċijiet fil-CoP19 jew fl-okkażjoni tiegħu. Bħala riżultat ta’ dawn il-konsiderazzjonijiet, 12-il abbozz ta’ proposta għall-inklużjoni ta’ speċijiet fl-Appendiċi I jew II tas-CITES huma msemmija fid-Deċiżjoni tal-Kunsill propost.

Speċi waħda (Cuora galbinifrons) hija proposta għat-trasferiment mill-Appendiċi II tas-CITES għall-Appendiċi I, f’konformità mal-konklużjoni tal-Kumitat tal-Annimali tas-CITES li l-ispeċi tissodisfa l-kriterji għall-inklużjoni fl-Appendiċi I, 3 kif definit fil-paragrafu 1 tal-Artikolu II tas-CITES, jiġifieri li l-ispeċi hija mhedda bl-estinzjoni u hija affettwata mill-kummerċ.

Ħdax-il proposta oħra jissuġġerixxu li speċijiet individwali jew gruppi ta’ speċijiet (elenkati fil-livell tassonomiku ogħla) jenħtieġ li jiġu inklużi mill-ġdid fl-Appendiċi II tas-CITES, f’konformità mal-kriterji fil-paragrafu 2 tal-Artikolu II tal-Konvenzjoni u mal-gwida addizzjonali fir-Riżoluzzjoni 9.24 tas-CoP (Rev. CoP17). F’kull każ din il-valutazzjoni hija bbażata fuq il-letteratura xjentifika u fuq sorsi oħra ta’ informazzjoni xjentifika, li jinkludu kategorizzazzjoni tal-ispeċijiet skont il-Lista l-Ħamra ta’ Speċijiet Mhedda kkompilata mill-Unjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) u, fejn disponibbli, d-data kummerċjali miksuba mill-Bażi tad-Data tal-Kummerċ tas-CITES, kif ukoll informazzjoni speċifika għal pajjiż dwar l-istatus ta’ konservazzjoni tal-ispeċijiet u l-miżuri ta’ protezzjoni eżistenti.

Dawn l-abbozzi tal-proposti għall-elenkar ġew ikkunsidrati mil-laqgħat tal-Grupp ta’ Esperti tal-awtoritajiet ta’ ġestjoni tas-CITES tal-Istati Membri u minn laqgħa ad hoc tar-rappreżentanti tal-awtoritajiet xjentifiċi tal-Istati Membri għas-CITES. F’konformità mar-Riżoluzzjoni 9.24 tas-CoP (Rev. CoP17), il-Kummissjoni kkonsultat ukoll mal-Istati taż-żoni tad-distribuzzjoni tal-ispeċi li qed jiġu kkunsidrati għall-elenkar. Il-Kummissjoni fittxet il-fehmiet tagħhom dwar elenkar possibbli skont il-Konvenzjoni, ħeġġithom jikkondividu informazzjoni xjentifika rilevanti u, fejn l-Istati taż-żoni tad-distribuzzjoni kienu favur proposta ta’ elenkar, stednithom jingħaqdu mal-UE fit-tressiq tal-proposta lis-Segretarjat. Għar-rebbiegħa tal-2022 huma ppjanati laqgħat dedikati mal-partijiet ikkonċernati tal-UE u mar-rappreżentanti ta’ pajjiżi terzi dwar il-proposti potenzjali ta’ elenkar tal-UE.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “il-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp inkwistjoni. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE” 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ attwali

Il-Konferenza tal-Partijiet hija korp stabbilit bi ftehim, jiġifieri s-CITES.

L-emendi għall-Appendiċi I u II tas-CITES li dwarhom is-CoP għandha tiddeċiedi jikkostitwixxu atti li għandhom effetti legali. Minħabba li huma parti integrali mill-Konvenzjoni, l-Appendiċijiet emendati se jkunu vinkolanti skont id-dritt internazzjonali.

Filwaqt li n-notifika relatata mal-Appendiċi III ma teħtieġx deċiżjoni mis-CoP, huwa xieraq li tiġi inkluża f’din id-deċiżjoni attwali għal raġunijiet ta’ konsistenza, peress li l-emendi għall-Appendiċi III jaffettwaw ukoll ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97.

L-emendi għall-Appendiċijiet la jissupplimentaw u lanqas jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-Konvenzjoni.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hi l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

Fir-rigward ta’ att previst li jsegwi għadd ta’ objettivi f’daqqa, jew li għandu diversi komponenti, li huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor, il-bażi ġuridika sostantiva ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE jkollha tinkludi, eċċezzjonalment, id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ attwali

Id-deċiżjonijiet tas-CoP previsti għandhom objettivi u komponenti fil-qasam tal-“ambjent” u tal-“kummerċ”. Dawn l-elementi tal-att previst huma marbuta b’mod inseparabbli mingħajr ma wieħed ikun inċidentali għall-ieħor.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta tikkonsisti mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: l-Artikoli 192(1) u 207(3) u (4), l-ewwel subparagrafu.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikoli 192(1) u 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.



2022/0081 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea
fit-tħejjija tad-19-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CoP19 tas-CITES)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 192(1) u 207(3) u (4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (“il-Konvenzjoni”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/451 tas-6 ta’ Marzu 2015 5 u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 1975.

(2)Skont l-Artikolu XI(3) tal-Konvenzjoni, il-Konferenza tal-Partijiet tista’, inter alia, tadotta deċiżjonijiet biex temenda l-Appendiċijiet I u II għall-Konvenzjoni.

(3)Barra minn hekk, f’konformità mal-Artikolu XVI tal-Konvenzjoni, kwalunkwe Parti tista’ tippreżenta lis-Segretarjat lista ta’ speċijiet li hija tidentifika bħala li huma soġġetti għal regolamentazzjoni fil-ġurisdizzjoni tagħha, għall-fini ta' prevenzjoni jew restrizzjoni tal-isfruttament, u bħala li jeħtieġu l-kooperazzjoni ta’ Partijiet oħra fil-kontroll tal-kummerċ.

(4)Matul id-19-il laqgħa tagħha mill-14 sal-25 ta’ Novembru 2022, il-Konferenza tal-Partijiet tal-Konvenzjoni se tiddeċiedi fuq il-proposti biex temenda l-Appendiċi I u II tas-CITES. Il-Partijiet iridu jissottomettu tali proposti lis-Segretarjat tal-Konvenzjoni sas-17 ta’ Ġunju 2022.

(5)Is-sottomissjonijiet ta’ speċijiet għall-inklużjoni fl-Appendiċi III, li ma jeħtiġux deċiżjoni mill-Konferenza tal-Partijiet, madankollu jridu jsiru mill-inqas 3 xhur qabel waħda mil-laqgħat tagħha.

(6)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fir-rigward tal-elenkar tal-proposti li jridu jiġu ppreżentati lill-Konferenza tal-Partijiet, peress li l-emendi għall-Appendiċijiet se jkunu vinkolanti fuq l-Unjoni.

(7)Il-pożizzjoni proposta li għandha tittieħed dwar l-elenkar ta’ proposti għall-kunsiderazzjoni mill-Konferenza tal-Partijiet hija bbażata fuq analiżi esperta tal-merti tagħhom, skont il-kriterji stabbiliti fil-Konvenzjoni u fid-dawl tal-aħjar evidenza xjentifika disponibbli. Din l-evidenza tappoġġa l-elenkar speċifiku li huwa propost ma’ din id-Deċiżjoni attwali, biex jiġi żgurat li l-kummerċ fl-ispeċijiet ikkonċernati ma jheddidx is-sopravivenza tagħhom fl-ambjent naturali.

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-proposti li għandhom isiru mill-Unjoni għall-emendi fl-Appendiċijiet tas-CITES, li għandhom isiru waqt jew fl-okkażjoni tad-19-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu, huma stabbiliti fl-Anness 1.

Artikolu 2

Is-sottomissjoni għal inklużjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fuq l-Appendiċi III tas-CITES fl-okkażjoni tad-19-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu hija stabbilita fl-Anness 2.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)

     Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/451 tas-6 ta’ Marzu 2015 dwar l-adeżjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES), (ĠU L 75, 19.3.2015, p. 1-3). 

(2)      Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta’ Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta’ speċi ta’ fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom, (ĠU L 61, 3.3.1997, p. 1-134).
(3)      Punt 20.3.8 fis-sommarju tal-28 laqgħa tal-Kumitat, li saret fl-2015, fuq https://cites.org/sites/default/files/eng/com/ac/28/E-AC28-SumRec.pdf.
(4)    Il-paragrafi 61 sa 64 tas-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258.
(5)

     ĠU L 75, 19.3.2015, p. 1-3.

Top

Brussell, 21.3.2022

COM(2022) 116 final

ANNESS

ta'

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea



fit-tħejjija tad-19-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet



għall-Knvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu
(CoP 19 tas-CITES)


ANNESS 1

Emendi għall-Appendiċijiet I u II tas-CITES li għandhom jiġu proposti mill-UE

Grupp tassonomiku

Unità tassonomika (isem komuni)

Proposta

Rettili

Physignathus cocincinus 
(Dragun tal-ilma Ċiniż)

Inkludi fl-Appendiċi II

Cuora galbinifrons  
(Fekruna tal-qoxra kaxxa tal-Indoċina)

Ittasferixxi mill-Appendiċi II għall-Appendiċi I

Amfibji

Laotriton laoensis 
(Salamandra tal-Laos)

Inkludi fl-Appendiċi II 

Kwota żero (kodiċi tas-sors W) għal skopijiet kummerċjali

Agalychnis lemur 
(Żrinġijiet lemur tas-siġar)

Inkludi fl-Appendiċi II 

Kwota żero (kodiċi tas-sors W) għal skopijiet kummerċjali

Ħut

L-ispeċijiet kollha ta’ Sphyrnidae spp. (Kurazzi) li għadhom mhumiex inklużi fl-Appendiċi II

Inkludi fl-Appendiċi II

Invertebrati

Thelenota ananas, T. anax,  
T. rubralineata 
(Bużżi)

Inkludi fl-Appendiċi II

Siġar

Khaya spp.  
(Siġra tal-kawba tal-Afrika)  
Popolazzjonijiet tal-Afrika

Inkludi fl-Appendiċi II bl-Annotazzjoni #17

Afzelia spp. 
Popolazzjonijiet tal-Afrika

Inkludi fl-Appendiċi II bl-Annotazzjoni #17

Dipteryx spp. 

Inkludi fl-Appendiċi II bl-Annotazzjoni [#17]

Handroanthus spp.  
(Siġra tal-fjuri tat-trumbetta); Tabebuia spp. u Roseodendron spp.

Inkludi fl-Appendiċi II bl-Annotazzjoni #17

Pterocarpus spp. 
(Padauk) 
Popolazzjonijiet tal-Afrika

Inkludi fl-Appendiċi II [bl-Annotazzjoni #17]

Pjanti oħrajn

Rhodiola spp.

Inkludi fl-Appendiċi II bl-Annotazzjoni #2

Top

Brussell, 21.3.2022

COM(2022) 116 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea


fit-tħejjija tad-19-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet



għall-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjoni fl-Ispeċijiet ta' Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu
(CoP19 tas-CITES)


ANNESS 2

Sottomissjoni tal-UE għal emenda għall-Appendiċi III tas-CITES

Virginijus Sinkevičius 

Il-Kummissarju għall-Ambjent,

l-Oċeani u s-Sajd

Brussell,

Ref. Ares (2022) Numru ta’ reġistrazzjoni

Is-Sinjura Ivonne Higuero

Is-Segretarju Ġenerali

Il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES)

Avenue de la Paix 8-14

1211 Geneva 10

L-IŻVIZZERA

Għażiża Sinjura Higuero,

F’isem l-Unjoni Ewropea, għandi l-unur li nippreżenta għall-inklużjoni tal-Appendiċi III tas-CITES, skont il-paragrafu 1 tal-Artikolu XVI tal-Konvenzjoni, l-ispeċi

Caribena versicolor.

Din l-ispeċi hija endemika għall-gżira ta’ Martinique (Franza). Kopja tal-liġi domestika rilevanti applikabbli għall-protezzjoni tagħha hija mehmuża ma’ din is-sottomissjoni, f’konformità mal-paragrafu 4 tal-Artikolu XVI.

F’konformità mal-paragrafu 3 tar-Riżoluzzjoni Conf. 9.25 (Rev. CoP18), din iż-żieda mal-Appendiċi III jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fl-istess jum tal-emendi tal-Appendiċi I u II adottati fid-19-il laqgħa tal-Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni.

Dejjem tiegħek,

Virginijus Sinkevičius

Mehmuż:    Kopja tad-Digriet Franċiż tat-3 ta’ Awwissu 2017 li jistabbilixxi l-lista ta’ Arachnidae rappreżentata fit-territorju tal-Martinique protett fit-territorju nazzjonali kollu u l-arranġamenti għall-protezzjoni tiegħu

Top