EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IP0319

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2022 dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (2021/2255(INI))

ĠU C 125, 5.4.2023, p. 56–66 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

5.4.2023   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 125/56


P9_TA(2022)0319

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2022 dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (2021/2255(INI))

(2023/C 125/04)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, b'mod partikolari l-Għan 4 dwar edukazzjoni ta' kwalità, l-Għan 11 dwar bliet u komunitajiet sostenibbli u l-Għan 13 dwar l-azzjoni klimatika,

wara li kkunsidra r-rapport tal-4 ta' April 2022 tal-Grupp Intergovernattiv ta' Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima bit-titolu “Climate Change 2022: Mitigation of Climate Change” (It-Tibdil fil-Klima 2022: Mitigazzjoni tat-Tibdil fil-Klima),

wara li kkunsidra l-ftehim adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima (COP21) f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015 (il-Ftehim ta' Pariġi),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2021 bit-titolu “Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida: Sbuħija, Sostenibbiltà, Flimkien'' (COM(2021)0573),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu ‘Aġenda ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa – Naħdmu flimkien biex insaħħu l-kapital uman, l-impjegabbiltà u l-kompetittività’ (COM(2016)0381),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Mejju 2018 bit-titolu ‘Aġenda Ewropea Ġdida għall-Kultura’ (COM(2018)0267),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2020 bit-titolu ‘Mewġa ta' Rinnovazzjoni għall-Ewropa – l-ekoloġizzazzjoni tal-binjiet tagħna, il-ħolqien tal-impjiegi, it-titjib tal-ħajja’ (COM(2020)0662),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Ġunju 2021 bit-titolu ‘Viżjoni fit-tul għaż-żoni rurali tal-UE – Lejn żoni u komunitajiet rurali aktar b'saħħithom, konnessi, reżiljenti u prosperużi sal-2040’ (COM(2021)0345),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2021 bit-titolu ‘Lesti għall-Mira ta' 55 %: nilħqu l-Mira Klimatika tal-UE għall-2030 fi Triqitna lejn in-Newtralità Klimatika’ (COM(2021)0550),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2022 bit-titolu ‘REPowerEU: Azzjoni Ewropea Konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sikura u sostenibbli’ (COM(2022)0108),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2021 dwar il-kultura, l-arkitettura ta' kwalità għolja u l-ambjent mibni bħala elementi ewlenin tal-inizjattiva Bauhaus Ewropea Ġdida (1),

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-15 ta' Novembru 2018 dwar il-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura (2019-2022) (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2021 dwar is-sitwazzjoni tal-artisti u l-irkupru kulturali fl-UE (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2022 dwar ir-rwol tal-kultura, tal-edukazzjoni, tal-media u tal-isport fil-ġlieda kontra r-razziżmu (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa (5),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Settembru 2020 dwar il-massimizzazzjoni tal-potenzjal tal-effiċjenza enerġetika tal-istokk tal-bini tal-UE (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2020 dwar l-istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima (7),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Jannar 2021 dwar il-kisba ta' eredità politika effettiva għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali (8),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Novembru 2021 dwar iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni: approċċ olistiku kondiviż (9),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Marzu 2021 dwar il-politika ta' koeżjoni u l-istrateġiji ambjentali reġjonali fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima (10),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, u jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni (11) (ir-Regolament dwar l-Orizzont Ewropa),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/783 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm għall-Ambjent u l-Azzjoni Klimatika (LIFE) (12),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta' Koeżjoni (13),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/690 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta' April 2021 li jistabbilixxi programm għas-suq intern, għall-kompetittività tal-intrapriżi, inkluż l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, għall-qasam tal-pjanti, l-annimali, l-ikel u l-għalf, u għall-istatistika Ewropea (Programm tas-Suq Uniku) (14),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/694 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Diġitali (15),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u taħriġ, żgħażagħ u sport (16),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021 – 2027) (17),

wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2021/888 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2021 li jistabbilixxi l-Programm tal-Korp Ewropew ta' Solidarjetà (18),

wara li kkunsidra n-‘New Leipzig Charter – The transformative power of cities for the common good’ (Il-Karta Ġdida ta' Leipzig – Il-qawwa trasformattiva tal-bliet għall-ġid komuni), adottata fil-laqgħa ministerjali Informali dwar kwistjonijiet urbani fit-30 ta' Novembru 2020,

wara li kkunsidra r-rapport mill-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti tal-Istati Membri dwar il-Metodu Miftuħ ta' Koordinazzjoni tas-6 ta' Ottubru 2021 bit-titolu ''Towards a Shared Culture of Architecture: investing in a high-quality living environment for everyone” (Lejn Kultura Kondiviża tal-Arkitettura: ninvestu f'ambjent ta' għajxien ta' kwalità għolja għal kulħadd),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Davos adottata mill-Konferenza tal-Ministri tal-Kultura fit-22 ta' Jannar 2018 bit-titolu “Towards a high-quality Baukultur for Europe” (Lejn Baukultur ta' kwalità għolja għall-Ewropa), kif ukoll is-Sistema Davos ta' Kwalità għall-Baukultur“Tmien kriterji għal Baukultur ta' kwalità għolja” żviluppata suċċessivament,

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni “Building Better, Building Beautiful” tal-Gvern tar-Renju Unit tat-30 ta' Jannar 2020, intitolat “Living with beauty”,

wara li kkunsidra l-Artikolu 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, b'mod partikolari l-Artikolu 17 dwar id-dritt għall-proprjetà, l-Artikolu 18 dwar id-dritt għall-ażil, l-Artikolu 19 dwar il-protezzjoni f'każ ta' tneħħija, tkeċċija jew estradizzjoni, l-Artikolu 26 dwar l-integrazzjoni tal-persuna b'diżabilità, l-Artikolu 34 dwar is-sigurtà soċjali u l-assistenza soċjali, l-Artikolu 36 dwar l-aċċess għal servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali u l-Artikolu 37 dwar il-ħarsien tal-ambjent,

wara li kkunsidra l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, b'mod partikolari l-Kapitolu III dwar il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali, il-Prinċipju 19 dwar l-akkomodazzjoni u l-għajnuna għall-persuni mingħajr dar u l-Prinċipju 20 dwar l-aċċess għal servizzi essenzjali,

wara li kkunsidra l-ħidma mwettqa fuq il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni,

wara li kkunsidra l-Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

wara li kkunsidra r-rapport konġunt tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A9-0213/2022),

A.

billi l-Ewropa tinsab f'mument ta' tranżizzjoni ekoloġika, diġitali u soċjali, li qed tiġi mħaffa mill-impatt ekonomiku u soċjali tal-COVID-19; billi s-sitwazzjoni ġeopolitika tal-Ewropa qed tinbidel b'riżultat tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna; billi l-populiżmu, l-estremiżmu u s-sentiment anti-Ewropew qed jiżdiedu;

B.

billi l-UE kienet qed twieġeb għall-isfidi tad-degradazzjoni ambjentali, tat-tibdil fil-klima u għall-iskarsezza dejjem akbar tar-riżorsi naturali, u dawn jeħtieġu azzjoni politika ambizzjuża u estensiva sabiex jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li qed jixpruna t-tfittxija għat-tiġdid u għall-innovazzjoni fir-rispett tal-limiti tal-pjaneta; billi, bħala r-“ruħ” tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandha l-għan li tindirizza l-ħtiġijiet spazjali u ambjentali tal-Ewropa b'mod transdixxiplinari, sostenibbli, inklużiv u estetiku;

C.

billi t-tranżizzjoni lejn ekonomija newtrali għall-klima sal-2050 tirrappreżenta kemm opportunità kbira kif ukoll sfida għall-Unjoni, għall-Istati Membri tagħha u għan-negozji minn kull settur; billi l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida jeħtieġ li tinterpreta mill-ġdid il-Bauhaus oriġinali fid-dawl tal-kriżi klimatika, il-gwerra, il-pandemija u d-diżastri naturali, li qed iżidu l-inugwaljanzi soċjali;

D.

billi l-kultura u l-libertà tal-arti jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għad-dinamiżmu ta' soċjetà, u jippermettulna ngħixu aħjar flimkien, nibnu soċjetajiet demokratiċi, inklużivi u ħielsa u nerġgħu niksbu sens ta' identità u appartenenza kondiviżi; billi kulħadd għandu jkollu d-dritt li jkollu aċċess għall-kultura u li jipparteċipa fiha; billi l-kultura hija essenzjali wkoll għall-esplorazzjoni tal-isfidi kumplessi tas-soċjetà u l-postijiet kulturali huma postijiet essenzjali għal-libertà tal-espressjoni u tad-dibattitu;

E.

billi l-kultura hija settur strateġiku għall-UE li jgħin biex tissaħħaħ l-ekonomija tagħha permezz tal-kontribut sinifikanti tagħha għall-PDG u l-impjiegi, u l-kontribut indirett tagħha għal setturi u industriji oħra; billi s-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi (CCSI) kienu wieħed mill-oqsma l-aktar milquta mill-pandemija, qed jirkupraw aktar bil-mod mill-bqija tal-ekonomija tal-UE u għalhekk għandhom jiġu promossi u appoġġjati aktar; billi l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tista' tippermetti aktar investiment fis-settur u tinvolvi atturi differenti fl-implimentazzjoni tagħha fuq il-post;

F.

billi l-arkitettura, l-ippjanar urban u territorjali, il-mobilità, id-disinn, l-arti, is-soċjoloġija u l-inġinerija huma komplementari u strumentali għall-bini ta' soċjetà inklużiva, sostenibbli u sabiħa; billi dawn is-setturi, li għandhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli, kultura ta' bini sostenibbli u soluzzjonijiet innovattivi u effiċjenti fl-użu tal-ispazju, f'konformità mat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali tagħna, ġew imfixkla mill-kriżi tal-COVID-19;

G.

billi hemm ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati mudelli ekonomiċi aktar sostenibbli fis-setturi tal-kostruzzjoni u tal-bini u tal-enerġija, li t-tnejn jiffavorixxu l-ekonomija ċirkolari u jgħinu fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u biex jinkisbu l-objettivi klimatiċi tal-Unjoni;

H.

billi l-binjiet huwa responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum tal-enerġija tal-UE u għal 36 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tagħha (19);

I.

billi l-istrateġija tal-Mewġa għar-Rinnovazzjoni għandha l-għan li tirdoppja r-rata tar-rinnovazzjoni tal-bini fl-Ewropa, filwaqt li għandha l-objettiv li aktar minn 35 miljun binja jiġu rrinovati u li jinħolqu sa 160 000 impjieg fis-settur tal-kostruzzjoni;

J.

billi l-aċċess għall-akkomodazzjoni huwa dritt fundamentali; billi l-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar u n-nuqqas ta' aċċess għal akkomodazzjoni ta' kwalità u bi prezz aċċessibbli jikkostitwixxu kriżi f'partijiet mill-UE;

K.

billi l-bliet huma postijiet ta' pluraliżmu, kreattività u solidarjetà; billi l-ippjanar u d-disinn ħżiena fil-qasam pubbliku u t-tkabbir tat-tifrix urban irriżultaw fit-telf tal-kwalità tal-bini madwar l-Ewropa; billi l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandha l-potenzjal li tesplora opportunitajiet biex l-ispazju limitat fil-bliet jintuża b'mod sostenibbli, estetiku u inklużiv, li tgħaqqad aħjar iż-żoni urbani u rurali, u li tiżgura l-parteċipazzjoni tal-abitanti fl-ippjanar spazjali u tgħinhom jirreklamaw il-belt bħala spazju maħluq għall-interazzjoni u l-attivitajiet kulturali;

L.

billi l-bini ta' futur aħjar jibda b'edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità, inklużi l-edukazzjoni ambjentali, it-taħriġ vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja, fost l-oħrajn permezz ta' opportunitajiet ta' tagħlim online li għandhom ikunu aċċessibbli għal kulħadd, kif ukoll it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid; billi l-aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità huwa dritt fundamentali; billi l-edukazzjoni u l-kultura huma vitali għall-iżvilupp personali u għandhom rwol kruċjali fil-parteċipazzjoni demokratika u ċivika taċ-ċittadini; billi ambjent mibni ta' kwalità għolja jirrikjedi t-taħriġ ta' professjonisti tas-sengħa, ta' ħaddiema tas-snajja' u ta' ħaddiema kulturali; billi l-kisba tal-awtonomija strateġika tal-Unjoni tiddependi fuq il-kapaċità tagħha li teċċella fl-edukazzjoni, fir-riċerka u fl-innovazzjoni;

M.

billi l-wirt kulturali, li jirrifletti l-valuri ta' komunità, qed jintlaqat dejjem aktar mit-tibdil fil-klima u d-degradazzjoni ambjentali u qed jiffaċċja sfidi oħra bħal nuqqas ta' investiment, l-ippjanar ħażin u l-flussi turistiċi ġestiti ħażin; billi l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tista' tikkontribwixxi għall-preservazzjoni, ir-restawr, l-adattament u l-protezzjoni tiegħu għall-futur; billi l-professjonisti fis-settur tal-bini jeħtiġilhom jikkontribwixxu għall-ġid komuni billi jirrispettaw il-wirt kulturali;

N.

billi l-proġetti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida jirrikjedu kemm qafas regolatorju ta' appoġġ, li jikkonforma mal-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE, kif ukoll prattiki ta' akkwist pubbliku sostenibbli;

O.

billi l-azzjonijiet tal-gwerra tar-Russja huma mmirati b'mod intenzjonat lejn l-infrastruttura, l-istokk tad-djar, il-wirt kulturali u infrastruttura ċivili oħra fl-Ukrajna;

Objettivi ewlenin

1.

Ifakkar li l-moviment storiku tal-Bauhaus ħoloq bidla fundamentali fid-disinn, fl-arkitettura u fl-arti, b'legati importanti bħall-ottimizzazzjoni tar-relazzjoni bejn il-forma u l-funzjoni, bil-għan li l-kultura tiġi demokratizzata, li wasslet għal bidla fil-ħsieb u innovazzjoni radikali u rriflettiet bidliet kulturali u soċjali reali f'kuntest artistiku u edukattiv progressiv fis-snin wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, filwaqt li offriet benefiċċji reali fil-ħajjiet tan-nies; jinnota li, bl-istess mod, il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida jista' jkollha impatt pożittiv fuq il-ħajja tagħna ta' kuljum billi toħloq bidliet reali fil-prattika u tikkontribwixxi għal tranżizzjoni ġusta;

2.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, li taspira li toħloq moviment kulturali pan-Ewropew li jikkontribwixxi għal ambjent ta' għajxien aktar intelliġenti, aktar sostenibbli, inklużiv u pjaċevoli u jrawwem l-għarfien lokali u globali; jenfasizza li l-inizjattiva għandha tiffoka primarjament fuq it-titjib tal-kwalità tal-ħajja tan-nies billi toħloq spazji tal-għajxien tajbin għas-saħħa u bi prezzijiet aċċessibbli, tikkunsidra mill-ġdid l-istatus quo u tittrasforma l-ispazji, il-binjiet, il-bliet u t-territorji li fihom jgħixu n-nies, inkluż f'żoni u reġjuni inqas żviluppati, suburbani, rurali, remoti jew transfruntiera, f'konformità mal-Aġenda Urbana għall-UE u tibni fuq il-ħidma ta' suċċess imwettqa mill-URBACT, filwaqt li ttejjeb il-koeżistenza u l-ispazju pubbliku għall-koeżjoni soċjali u territorjali u l-ħajja demokratika, tindirizza s-segregazzjoni spazjali u l-esklużjoni storika tal-gruppi soċjali u tipproteġi l-ambjent matul l-ippjanar u l-kostruzzjoni tal-binjiet u l-ispazji tal-madwar;

3.

Jirrikonoxxi l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida bħala inizjattiva kreattiva, interdixxiplinari u transdixxiplinari li tiġbor flimkien l-arkitettura, id-disinn, l-arti u x-xjenza fuq quddiem nett tal-politiki tal-UE għall-ewwel darba, filwaqt li timmira li tikkontribwixxi lil programmi u inizjattivi oħrajn tal-Unjoni, inklużi t-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi tagħha, biex b'hekk il-Patt Ekoloġiku Ewropew isir esperjenza tanġibbli, pożittiva u inklużiva għal kulħadd u jingħata dimensjoni kreattiva u kulturali, u b'hekk titnieda l-mewġa ta' innovazzjoni li jmiss; jissottolinja li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida jeħtieġ ukoll li tipproteġi liċ-ċittadini mid-diżastri naturali u dawk relatati mal-klima billi tinkludi komponent ta' sikurezza fl-objettivi tagħha; jinnota li dan se jistimola modi ġodda ta' bini u l-użu ta' materjali tal-bini innovattivi, ta' kwalità għolja, sostenibbli u reżiljenti, inkluż ir-restawr ta' wara d-diżastri;

4.

Jafferma mill-ġdid li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandha l-potenzjal li ssawwar mill-ġdid il-mod kif jitfasslu l-politiki, inkluż bl-involviment mal-komunitajiet, biex trawwem politiki u żviluppi leġiżlattivi li jkollhom impatt fuq l-ambjent mibni u fuq il-benesseri tal-forza tax-xogħol, u biex tiddefinixxi l-ambjent tal-futur billi tissodisfa l-ħtieġa għal spazji li jkunu aċċessibbli u adattati għal modi ta' ħajja ġodda u li qed jinbidlu, bħal spazji għal konfigurazzjonijiet domestiċi mhux tradizzjonali, djar multiġenerazzjonali, spazji flessibbli tax-xogħol u tax-xogħol konġunt, ambjenti urbani adatti għat-tfal u spazji aktar sikuri għan-nisa u l-persuni vulnerabbli; jinsisti li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida trid turi livell ta' ambizzjoni f'konformità mal-impenji klimatiċi tal-Unjoni u toħloq linji gwida għall-Istati Membri, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għall-implimentazzjoni tagħha;

5.

Jenfasizza li, sabiex tirnexxi, l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida trid tkun aċċessibbli, trasparenti, bi prezz aċċessibbli, soċjalment u ġeografikament ġusta u inklużiva u trid tinvolvi b'mod attiv liċ-ċittadini tal-UE, lill-organizzazzjonijiet ibbażati fil-komunità u lir-residenti lokali, tiżgura diversità soċjali u territorjali u tappoġġja proġetti ta' kull skala, b'mod minn isfel għal fuq – mit-tfassil tal-proġett sad-dħul fis-seħħ u l-evalwazzjoni tiegħu – filwaqt li jittieħdu passi attivi biex jiġi evitat kwalunkwe approċċ elitist jew effetti ħżiena ta' ġentrifikazzjoni, u jissaħħu l-konsultazzjonijiet u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu involuti fl-inizjattiva, speċjalment billi jiġu involuti periti, artisti u ħaddiema żgħażagħ fis-CCSI;

6.

Jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà għall-persuni b’diżabilità jew b’mobilità mnaqqsa u bi bżonnijiet speċjali u għall-gruppi żvantaġġati, billi s-servizzi pubbliċi, il-ħajja kulturali, soċjali u ekonomika jsiru aċċessibbli għal kulħadd; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tad-diżinn tajjeb; jinsisti li r-riżorsi jridu jkunu mmirati wkoll lejn il-komunitajiet esklużi, emarġinati u żvantaġġati;

7.

Iqis li dan il-moviment kulturali innovattiv għandu l-potenzjal li jpoġġi lill-Ewropa bħala mexxejja globali fil-qasam tal-arkitettura sostenibbli, tal-ippjanar territorjali u spazjali, tad-disinn, tal-kultura, tal-mobilità u l-loġistika sostenibbli, tat-teknoloġija, tal-ekonomija ċirkolari, tal-effiċjenza enerġetika u tal-enerġiji rinnovabbli billi jippromwovi modi aħjar ta' għajxien, xogħol u parteċipazzjoni f'attivitajiet rikreattivi flimkien, li jistgħu jiġu applikati wkoll lil hinn mill-UE; jemmen li l-innovazzjoni soċjali u teknoloġika trid tiġi appoġġjata b'mod adegwat, inkluż permezz ta' investiment pubbliku u privat fir-riċerka u l-iżvilupp;

8.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli twessa' l-firxa tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida billi tinvolvi pajjiżi assoċjati u sħab barra mill-UE biex jieħdu sehem fl-inizjattiva, inkluż permezz ta' djalogu permanenti dwar l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida; jirrikonoxxi li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi għar-restawr ta' wara l-gwerra tal-bliet, tas-soċjetajiet u tal-ekonomija, b'mod partikolari fil-kuntest tal-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna u bl-involviment tas-CCSI Ukreni u l-professjonisti tagħha;

Finanzjament u governanza

9.

Jenfasizza li matul l-ewwel snin tal-eżistenza tagħha, il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida ma setgħetx tilħaq il-pajjiżi kollha tal-UE u lill-partijiet interessati fihom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar din l-inizjattiva u jtejbu l-koordinazzjoni bejn il-livelli kollha ta' governanza, li għandu jkollhom aċċess f'waqtu u ekwu għall-informazzjoni, l-opportunitajiet u l-finanzjament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni torganizza laqgħat regolari mal-Istati Membri u l-pajjiżi sħab, u tistabbilixxi punti fokali fl-Istati Membri biex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u l-aċċess għall-finanzjament; jenfasizza l-importanza li jkun hemm riżorsi adegwati fil-livell tal-UE u dak nazzjonali biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fil-prattika, kif ukoll mudelli u proċeduri ta' finanzjament imfassla apposta, u li jiġi mminimizzat il-piż amministrattiv;

10.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fil-politiki nazzjonali tagħhom; jissottolinja li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tista' tgħin biex jiġu indirizzati d-disparitajiet sinifikanti bejn l-Istati Membri f'termini tal-kapaċità tagħhom li jiksbu l-objettivi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, u b'hekk tikkontribwixxi għal kundizzjonijiet ekwi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet pubbliċi kollha, inklużi l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, biex jinkorporaw il-prinċipji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fil-ġestjoni tal-ambjent mibni u tal-proċeduri ta' akkwist pubbliku tagħhom stess;

11.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq mudell ta' governanza integrat, nondiskriminatorju, trasparenti, b'obbligu ta' rendikont u strutturat territorjalment għall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, inkluż l-involviment u s-sjieda pubblika, permezz ta' ppjanar territorjali xieraq u bbażat fuq qafas ta' governanza ġenerali;

12.

Jitlob li l-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni f'waqtha dwar kif tipparteċipa fil-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, inkluż permezz ta' assistenza teknika għall-partijiet interessati u l-aħjar prattiki, u li tiċċara l-kriterji ġenerali għall-għażla u l-evalwazzjoni tal-proġetti u l-inizjattivi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u għall-allokazzjoni tal-fondi, b'mod partikolari, billi:

tiġi appoġġjata l-implimentazzjoni ta' politiki ewlenin (eż. il-Patt Ekoloġiku, il-politiki ambjentali, industrijali, soċjali u kulturali),

jiġu segwiti l-prinċipji gwida tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida dwar is-sostenibbiltà, l-inklużività u l-estetika, u billi tittieħed ispirazzjoni mis-Sistema Davos ta' Kwalità għall-Baukultur,

jinħolqu impjiegi ġodda b'kundizzjonijiet tax-xogħol u opportunitajiet ta' negozju ta' kwalità, li jżidu l-valur ekonomiku u jtejbu l-kompetittività Ewropea, f'konformità mal-prinċipji ta' finanzjament sostenibbli, b'enfasi partikolari fuq is-simplifikazzjoni tal-proċeduri li japplikaw għat-tikketta Bauhaus Ewropea l-Ġdida u l-finanzjament tal-UE, u fuq it-tisħiħ tal-vijabbiltà tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), u l-kontribut għaċ-ċirkolarità u s-sostenibbiltà tal-ekonomija Ewropea,

tiġi promossa l-aċċessibbiltà bl-applikazzjoni ta' kriterji speċifiċi tal-proġett, kif ukoll l-aċċessibbiltà tal-prezzijiet, l-inklużività, l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, id-diversità, il-pluraliżmu, is-sikurezza u l-iżvilupp tal-kapital soċjali ċivili,

tiġi promossa l-parteċipazzjoni u l-konnessjoni tal-partijiet ikkonċernati kollha, inklużi l-gvernijiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u l-organizzazzjonijiet immexxija mill-komunità, l-individwi interessati, il-professjonisti u l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom,

jiġi involuti s-CCSI, inklużi l-ħallieqa kulturali,

jiġi żgurat l-allinjament tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, abbażi tal-indikaturi tal-Aġenda 2030, l-impenn tal-Unjoni skont il-Ftehim ta' Pariġi, il-politiki tal-UE dwar il-klima, l-ambjent, il-bijodiversità u l-enerġija, il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u l-valuri ewlenin Ewropej;

13.

Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel il-prinċipji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida parti integrali mil-leġiżlazzjoni futura rilevanti kollha, filwaqt li fl-istess ħin tenfasizza l-ħtieġa li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tiġi sinkronizzata mal-leġiżlazzjoni, il-programmi u l-inizjattivi eżistenti tal-Unjoni, u jiġi żgurat li l-qafas regolatorju eżistenti, bħad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, jappoġġjaw l-ambizzjonijiet u l-implimentazzjoni tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida;

14.

Jitlob, barra minn hekk, li jiġu żviluppati kriterji speċifiċi għas-setturi rilevanti, b'mod partikolari dawk tal-kostruzzjoni u l-arkitettura, l-enerġija, il-mobilità, id-disinn, it-teknoloġija, it-turiżmu, l-edukazzjoni u l-ħiliet, is-snajja', il-kultura u l-arti, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati f'dawn is-setturi, filwaqt li jitqiesu ċ-ċertifikazzjonijiet u l-istandards speċifiċi għas-settur, u għal azzjonijiet li jippromwovu s-sinerġiji bejn dawn l-atturi; ifakkar li huwa kruċjali li jitqies il-bilanċ ġeografiku sabiex il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tkun tista' tinxtered b'mod ugwali madwar l-UE u lil hinn minnha; jenfasizza, barra minn hekk, li ma hemmx bżonn li l-proġetti ikunu transnazzjonali biex jingħataw it-tikketta tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida;

15.

Jiddispjaċih għan-nuqqas ta' ċarezza dwar il-finanzjament għall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida mill-2023 'il quddiem; jitlob li r-Regolament dwar l-Orizzont Ewropa jiġi emendat matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) attwali sabiex tinħoloq missjoni tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida iffinanzjata b'EUR 500 miljun; jissottolinja li l-programm għandu jkun appoġġjat ukoll minn programmi rilevanti oħra sabiex jiġi ġġenerat impatt addizzjonali u li l-programmi eżistenti tal-Unjoni jistgħu jgħinu biex jinkisbu l-objettivi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tikkomplementa lill politiki oħrajn tal-UE, inkluża l-politika ta' koeżjoni, u tinkludi l-appoġġ għall-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fi ftehimiet u programmi ta' sħubija, appoġġjati mill-politiki strutturali u ta' koeżjoni tal-UE;

16.

Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta mill-aktar fis possibbli biex l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida issir programm ġdid u indipendenti tal-UE sal-QFP li jmiss, fejn l-ideat u l-objettivi konkreti tiegħu għandhom ikunu akkumpanjati b'finanzjament adegwat; jagħraf l-isforzi li għamlet il-Kummissjoni biex tniedi l-ewwel sejħiet għal proġetti billi ħadet flus mill-programmi eżistenti, iżda jqis li l-impatt tagħhom mhuwiex proporzjonat mal-livell ta' ambizzjoni tal-proġett; jinsisti li dan se jirrikjedi riżorsi ġodda b'linja baġitarja dedikata u stabbli; jissottolinja li dan il-programm ġdid la jrid inaqqas il-finanzjament għal programmi oħra mhux iffinanzjati biżżejjed, b'mod partikolari l-Creative Europe, l-Erasmus+ u l-Korp Ewropew ta' Solidarjetà, minkejja r-rabtiet u s-sinerġiji li jista' joħloq magħhom, u lanqas jiddevja l-enfasi mill-prijoritajiet politiċi miftiehma tagħhom; jissottolinja li r-riżorsi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandhom fuq kollox ikunu ddedikati għar-riċerka u l-innovazzjoni;

17.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan ċar biex tattira l-investiment pubbliku u privat etiku, inkluż il-finanzjament kollettiv (crowdfunding), b'enfasi fuq il-promozzjoni tat-tmexxija femminili fil-kapital ta' riskju u fin-negozji l-ġodda; iħeġġeġ lill-Istati Membri, soġġett għall-kamp ta' applikazzjoni fiskali tagħhom, jallokaw finanzjament adegwat f'konformità mal-prinċipji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida permezz tal-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza u l-fondi strutturali u ta' investiment Ewropej għal proġetti f'konformità mal-prinċipji u l-objettivi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, sabiex jiġi stimulat l-iżvilupp sostenibbli u jiġu koperti sħubijiet li jinvolvu entitajiet pubbliċi u privati; jinnota li dan se joħloq riżultati tanġibbli fil-prattika; jissottolinja li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandha tikkontribwixxi wkoll għall-ħolqien ta' spazji u bini li jiffaċilitaw l-intraprenditorija;

18.

Jesprimi l-ħtieġa li mmorru lil hinn mill-fażijiet tal-kodisinn, tat-twassil u tat-tixrid, filwaqt li jiġi żgurat li l-ħsieb kreattiv ikompli tul il-fażijiet kollha; jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi mekkaniżmu ta' monitoraġġ u evalwazzjoni trasparenti u bbażat fuq l-evidenza li jinkludi l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, li għandu jirrevedi kontinwament l-attivitajiet kollha tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, inkluż l-impatt soċjetali u klimatiku tagħhom, l-impatt tagħhom fuq l-iżvilupp tar-reġjuni u l-ħolqien tal-valur reali tagħhom maż-żmien, u jirrapporta regolarment lill-Parlament u lill-Kunsill; jistenna li jirċievi l-ewwel rapport ta' monitoraġġ fl-2022;

Oqsma ta' żvilupp u prijorità

19.

Jemmen li l-moviment tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandu jippromwovi modi ta' ħajja aktar sostenibbli, soċjalment inklużivi u innovattivi bbażati fuq mudelli ġodda u olistiċi ta' ppjanar, kostruzzjoni u abitazzjoni tal-ambjent mibni tagħna, bl-involviment sinifikanti tar-residenti fil-proċessi tat-teħid ta-deċiżjonijiet, sabiex ikunu adatti għall-ħtiġijiet emerġenti u t-tendenzi li qed jinbidlu tal-konsum u tal-mobilità, u biex tiġi żgurata akkomodazzjoni deċenti, bi prezz aċċesibbli u ta' kwalità għal kulħadd, b'mod partikolari għall-gruppi vulnerabbli, inkluż billi jiġu miġġielda l-esklużjoni relatata mal-akkomodazzjoni u l-kundizzjoni ta' persuni mingħajr dar;

20.

Iqis li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida hija opportunità biex tiġi kkonċepita riġenerazzjoni ekoloġika mfassla tajjeb tal-ispazji pubbliċi bil-għan li jintlaħqu l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni, li l-binjiet skaduti jiġu mmodifikati u jingħataw skop ġdid, li ż-żoni industrijali qodma jiġu ttrasformati fi spazji urbani u pubbliċi ekoloġiċi ġodda, u biex tinbena l-infrastruttura rilevanti biex jiġu ffaċilitati l-attività fiżika, l-għarfien u l-iskambji kulturali;

21.

Jitlob li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tippromwovi “bliet ta' 15-il minuta” sabiex is-servizzi u l-kumditajiet essenzjali kollha jsiru aċċessibbli għaċ-ċittadini f'distanza bil-mixi, u tipprovdi soluzzjonijiet innovattivi għall-iżvilupp ta' żoni urbani sostenibbli, inklużi soluzzjonijiet ta' mobilità sostenibbli; jenfasizza li fil-Bauhaus Ewropea l-Ġdida jeħtieġ li jispikkaw il-binjiet bi prezz aċċessibbli, soċjalment inklużivi u effiċjenti fl-enerġija, u li din tikkontribwixxi għal bidla modali lejn trasport pubbliku u kollettiv u mezzi ta' trasport li jniġġsu inqas;

22.

Jisħaq fuq l-importanza tat-trasformazzjoni, l-aġġornament u l-modifika retroattiva tal-istokk tal-bini eżistenti, inklużi binjiet ippjanati u mibnija ħażin imtella' minn reġimi totalitarji, u li jiġu applikati soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura bħall-injam u li jitnaqqas l-iskart u li jiżdiedu d-durabbiltà, l-użu mill-ġdid u ċ-ċirkolarità fl-ambjent mibni; jinsisti li dan għandu jinkludi l-promozzjoni tar-rinnovazzjoni u tal-użu mill-ġdid adattiv minflok it-twaqqigħ u l-bini mill-ġdid, kif xieraq, it-tneħħija tal-ostakli relatati mal-immaniġġjar u t-trasport tal-iskart kif ukoll is-sensibilizzazzjoni tan-nies dwar il-karbonju inkorporat u maħżun fil-materjali biex ikunu jistgħu jagħmlu għażliet infurmati;

23.

Jissottolinja li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandha tappoġġja wkoll inizjattivi għall-kostruzzjoni u r-rinnovazzjoni ta' akkomodazzjoni soċjali bi prezz aċċessibbli, ta' kwalità għolja u effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

24.

Jistieden lill-Istati Membri jfasslu kurrikuli edukattivi innovattivi f'konformità mal-prinċipji u l-objettivi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għall-iżvilupp tal-ħiliet spazjali, kreattivi, ta' orjentazzjoni u ta' tpinġija, u jintegraw prinċipji ewlenin tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u ħiliet ekoloġiċi u diġitali fl-edukazzjoni informali, mhux formali u għolja, fit-taħriġ vokazzjonali u fit-tagħlim tul il-ħajja, inkluż billi l-professjonisti rilevanti jtejbu l-ħiliet u jingħataw taħriġ mill-ġdid, li se jgħinu wkoll biex titwettaq l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa; jenfasizza l-importanza li titqajjem kuxjenza permezz tal-edukazzjoni dwar ir-rispett tal-ambjent u tal-wirt kulturali, f'konsultazzjoni mal-Koalizzjoni “Edukazzjoni għall-Klima”; jitlob lill-UE tippromwovi dawn l-isforzi; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-opportunitajiet ta' mobilità parti integrali mill-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, speċjalment għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-istudenti universitarji minn dixxiplini relatati u professjonisti tas-sengħa fi ħdan is-CCSI;

25.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jintegraw l-aspetti kollha tat-triangolu tal-għarfien – l-innovazzjoni, ir-riċerka u l-edukazzjoni – billi jippromwovu sħubijiet bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni għolja, inkluż permezz tal-Alleanzi tal-Universitajiet Ewropej, l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, inklużi ċ-ċentri tar-riċerka arkitettonika u kulturi, u l-industrija, inklużi l-mikrointrapriżi u l-SMEs rilevanti, l-intrapriżi soċjali u n-negozji ġodda, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) u maċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka; jemmen li l-Komunità ta' Konoxxenza u Innovazzjoni tal-EIT dwar is-CCSI għandha tpoġġi l-għarfien espert tagħha għad-dispożizzjoni tal-objettivi tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, speċjalment fl-Istati Membri u fir-reġjuni fejn il-kapaċità tal-innovazzjoni hija moderata;

26.

Jenfasizza li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tista' tappoġġja s-sigurtà u l-effiċjenza tal-enerġija billi tħeġġeġ l-investiment u tinċentiva l-użu ta' materjali u soluzzjonijiet b'livell baxx ta' użu tal-enerġija, b'emissjonijiet żero u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, inkluż permezz ta' mudelli kooperattivi u ta' proprjetà tal-komunità għall-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u proġetti li jużaw is-sħana mormija u sistemi tal-enerġija integrati;

27.

Jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni urġenti taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u ż-żieda b'riżultat ta' dan fil-faqar enerġetiku fost l-unitajiet domestiċi tal-UE; jissottolinja li l-proġetti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandhom irwol fundamentali fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku u fil-protezzjoni tal-unitajiet domestiċi vulnerabbli, permezz ta' soluzzjonijiet innovattivi għas-setturi tal-bini, tal-kostruzzjoni, industrijali u tal-materjali, u jqis li din hija prekundizzjoni biex tinkiseb tranżizzjoni lejn enerġija ġusta u ekwa;

28.

Jissottolinja li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tista' tiffaċilita t-tranżizzjoni diġitali billi ttejjeb il-konnettività biex itaffi d-distakk diġitali, tikseb soluzzjonijiet aktar effiċjenti, inklużivi, aċċessibbli u ekosostenibbli, u ttejjeb l-użu tar-riżorsi u l-ħiliet lokali;

29.

Jirrikonoxxi l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida bħala katalist biex isiru bidliet trasformattivi fl-ekosistemi kreattivi, tal-kostruzzjoni u tan-negozju u biex jinkisbu fehim u kwalità ġodda fl-ippjanar, it-tfassil u l-bini, inkluż billi jiġu applikati teknoloġiji diġitali tul iċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-binja, tinbena l-kapaċità għall-ħolqien ta' mudelli innovattivi u teknoloġiji diġitali għall-ippjanar urban billi, fost affarijiet oħra, titrawwem il-kooperazzjoni transfruntiera fl-iskambju tad-data u jiġu inklużi l-prinċipji taċ-ċirkolarità u l-effiċjenza fir-riżorsi fil-mixja lejn in-newtralità tal-karbonju;

30.

Jitlob li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida toħloq inċentivi biex tinkoraġġixxi l-użu ta' teknoloġiji u materjali sostenibbli u durabbli, tippromwovi soluzzjonijiet intelliġenti tal-enerġija u ambjentali u innovazzjoni fil-materjali, il-proċessi, l-awtomatizzazzjoni u t-tekniki b'mod rinnovabbli, riċiklabbli u kosteffiċjenti li jnaqqas l-emissjonijiet serra, bħal elementi prefabbrikati b'materjali sostenibbli, infrastruttura fotovoltajka jew tal-iċċarġjar, materjali b'sorsi bijoloġiċi u ġeoloġiċi, u tekniki tal-bini ttestjati lokalment; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza li jiġu ffaċilitati l-provvisti meħtieġa għall-produzzjoni ta' tali materjali tal-kostruzzjoni, inkluża l-materja prima, filwaqt li jiġu ggarantiti kundizzjonijiet ekwi billi tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq;

31.

Jirrikonoxxi li l-aspett kulturali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida huwa kritiku għad-dimensjoni soċjali u demokratika tagħha; fl-istess waqt, jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi u tiżviluppa metodoloġija ta' disinn ibbażata fuq l-evidenza fl-ambitu tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida biex tiżgura li l-proċessi tat-trasformazzjoni tal-ispazji, tal-binjiet, tal-bliet u tat-territorji jkunu bbażati fuq riċerka xjentifika, biex jinkisbu l-aħjar eżiti possibbli;

32.

Jilqa' l-approċċ innovattiv u integrat rakkomandat mill-Bauhaus Ewropea l-Ġdida permezz tal-użu effiċjenti tal-ispazju, il-preservazzjoni, ir-restawr, il-valorizzazzjoni, il-promozzjoni u l-użu mill-ġdid tal-wirt storiku, kulturali u naturali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida bħala opportunità biex jipproteġu aħjar il-wirt kulturali rikk tal-Ewropa mill-impatt tad-degradazzjoni ambjentali, it-turiżmu mmaniġġjat ħażin u sfidi oħrajn; jissottolinja li permezz tar-rinnovazzjoni intelliġenti, inkluż it-titjib fl-effiċjenza enerġetika, it-trasformazzjoni u l-użu mill-ġdid adattiv, is-siti kulturali u ta' wirt jistgħu jsibu użi ġodda u estiżi; jirrikonoxxi d-diġitalizzazzjoni bħala mezz ta' valorizzazzjoni tal-wirt kulturali;

Implimentazzjoni

33.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħaqqdu l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida mal-Mewġa ta' Rinnovazzjoni, filwaqt li jieħdu vantaġġ mis-soluzzjonijiet innovattivi li l-proġett joffri fir-rinnovazzjoni komprensiva, olistika, ta' kwalità u kostottimali tal-istokk tal-bini tagħna; jissottolinja li dan għandu jkun ibbażat fuq analiżi bir-reqqa taċ-ċiklu tal-ħajja tal-binjiet u billi jitqies il-kuntest speċifiku għas-sit, inklużi l-karatteristiċi estetiċi u arkitettoniċi lokali, li jmur lil hinn mill-effiċjenza enerġetika biex jinkludi titjib fil-kwalità tal-ambjent ta' ġewwa, l-enerġija rinnovabbli, id-durabbiltà, l-aċċessibbiltà, is-sikurezza u l-qerda ta' sustanzi dannużi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni biex iżidu malajr ir-rata ta' rinnovazzjoni, fost l-oħrajn billi jevitaw ostakli addizzjonali li jfixklu r-rinnovazzjoni;

34.

Jemmen li l-impatti ambjentali u soċjali tal-proġetti kollha tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandhom jiġu vvalutati matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni tintegra aktar il-Level(s), li huwa l-qafas li għadu kif ġie stabbilit għal binjiet sostenibbli, biex tittejjeb is-sostenibbiltà fis-settur; jissottolinja l-ħtieġa li jiġi ottimizzat il-qafas biex ikun aktar aċċessibbli għall-professjonisti fis-settur tal-bini; jinsisti li l-qafas ikun aġġornat fuq bażi kontinwa biex jinkludi sejbiet ġodda u konklużjoni minn proġetti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida;

36.

Jappoġġja l-ħolqien ta' tikketta Bauhaus Ewropea l-Ġdida, fi sħubija mal-partijiet ikkonċernati rilevanti, ibbażata fuq kriterji ċari applikati b'mod komprensiv, olistiku u inklużiv, li tivvaluta l-valur ekonomiku, ambjentali u soċjali relatat mas-sostenibbiltà ta' proġett u tippromwovi sinerġiji ma' tikketti u għodod eżistenti, sabiex jiġu rikonoxxuti proġetti u prodotti għall-kisba tal-għanijiet ewlenin tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u tgħinhom jiksbu aċċess għall-finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-iskemi ta' finanzjament tal-UE joħolqu inċentivi biex japplikawhom għat-tikketta, inkluż għaċ-ċittadini u għal proġetti mmexxija mill-komunità; jitlob li tiġi esplorata l-adozzjoni mis-suq tat-tikketta; jissottolinja li l-proġetti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida fis-settur tal-bini għandhom ikunu bbażati fuq analiżi bir-reqqa taċ-ċiklu tal-ħajja tal-binjiet u analiżi tal-ispejjeż taċ-ċiklu tal-ħajja;

37.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-involviment dirett tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-proġetti, inkluż billi jiżviluppaw linji gwida dettaljati għall-applikazzjoni u jibnu l-kapaċità tagħhom biex jimplimentaw l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida; iħeġġeġ lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jinvestigaw kif l-istituzzjonijiet kulturali lokali jistgħu jibbenefikaw mill-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, b'mod partikolari għall-mitigazzjoni tal-impronta klimatika tagħhom;

38.

Jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-azzjoni preparatorja dwar il-“Pjattaforma għall-Ġestjoni tal-Għarfien tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida” fil-baġit 2022 tista' tgħin biex tissimplifika l-gwida u tikkondividi l-informazzjoni dwar l-opportunitajiet ta' finanzjament għall-applikanti prospettivi u tista' tiġi estiża aktar mill-2023 'il quddiem;

39.

Jenfasizza l-importanza ta' aktar flessibbiltà għall-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jesperimentaw bil-proġetti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u jissottolinja l-potenzjal li jirriżulta jekk ikun permess “ambjent ta' esperimentazzjoni” regolatorja biex tingħata spinta lill-innovazzjoni fi ħdan l-ekonomija ċirkolari u l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida;

40.

Jemmen li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandha tkun parti minn Patt Kulturali usa' għall-Ewropa; jenfasizza li l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandha tħaddan u tippromwovi l-potenzjal mhux sfruttat tas-CCSI, inklużi l-ħallieqa kulturali, bħala muturi tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli u sors għal servizzi u prodotti innovattivi u ta' kwalità għolja, billi tiggarantixxi l-involviment tas-CCSI, bl-appoġġ ta' linji gwida mmirati u tiftaħ opportunitajiet ġodda għall-kollaborazzjoni, it-tagħlim reċiproku, il-bini tal-kapaċità u l-iskambju kulturali, filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u r-remunerazzjoni ġusta ta' dawk involuti; jenfasizza li s-sostenibbiltà ambjentali tal-avvenimenti kulturali marbuta mal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida għandha tiġi promossa;

41.

Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti lill-Parlament ikun involut aktar mill-qrib fil-korpi rilevanti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida bħad-diskussjoni madwar mejda ta' livell għoli;

42.

Jitlob li l-Laboratorju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida futur jikkontribwixxi għar-riċerka u l-innovazzjoni fi ħdan l-oqsma ta' prijorità tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida; jenfasizza l-ħtieġa li l-laboratorju futur tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida jagħmel rakkomandazzjonijiet innovattivi, jikkollabora ma' istituzzjonijiet u ma' gvernijiet nazzjonali, reġjonali u lokali oħrajn, u ma' partijiet ikkonċernati, inklużi s-soċjetà ċivili u l-gruppi komunitarji u jistabbilixxi regoli operattivi u ta' rapportar ċari u trasparenti f'konformità mal-inizjattiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef l-introduzzjoni tal-Laboratorju u tipprovdih b'riżorsi adegwati;

43.

Jilqa' l-ħolqien tal-Festival tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida u l-Premjijiet annwali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, li għandhom jirriflettu d-diversità kulturali rikka tal-Unjoni u jfittxu sinerġiji ma' premjijiet u avvenimenti Ewropej rilevanti oħra; jenfasizza l-importanza li jiġu organizzati avvenimenti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida madwar l-Ewropa sabiex jintlaħqu aktar nies u titqajjem kuxjenza dwar l-inizjattiva, inkluż permezz ta' avvenimenti speċifiċi, festivals u l-ħolqien ta' Sena Ewropea tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida;

44.

Jistieden lill-Kummissjoni tippjana d-destinazzjonijiet tal-festivals annwali tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida billi tqis il-bliet Ewropej magħżula mill-UNESCO bħala “Kapitali Dinjija tal-Arkitettura”; jissuġġerixxi li l-festival tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida isir f'dawn il-bliet tal-UE magħżula bħala Kapitali Dinjija tal-Arkitettura sabiex tittejjeb il-promozzjoni tal-arkitettura u l-innovazzjoni Ewropej;

45.

Jistieden lill-Kummissjoni toħloq bażi tad-data pubblika, diġitali u aċċessibbli faċilment tal-proġetti u l-azzjonijiet tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, u taġġornaha regolarment, sabiex tagħmel ir-riżultati tal-inizjattiva aktar viżibbli, tkompli tiżviluppa l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida abbażi tal-aħjar prattiki, inkluż fi ħdan is-settur kulturali, u biex issaħħaħ il-kondiviżjoni tal-għarfien, ir-riċerka u l-iżvilupp;

46.

Jitlob li jissaħħu l-isforzi ta' komunikazzjoni, sensibilizzazzjoni u viżibbiltà tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, filwaqt li jiġi rispettat il-multilingwiżmu, sabiex tingħata spinta lill-għarfien, l-appoġġ u l-parteċipazzjoni tan-nies fl-inizjattiva, b'mod partikolari permezz ta' attivitajiet parteċipattivi ta' sensibilizzazzjoni pubblika, inkluż permezz tal-midja soċjali u l-pubblikazzjonijiet diġitali, bħal kampanji ta' sensibilizzazzjoni, pjattaforma li tipprovdi informazzjoni, l-aħjar prattiki tal-proġetti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida mill-Istati Membri kollha u kontenut edukattiv, inkluż modulu dwar l-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, il-ħolqien ta' għodod u spazji li jiffaċilitaw it-tagħlim bejn il-pari, l-iskambju ta' ideat u għarfien, u stħarriġ biex jiġi vvalutat l-impatt tal-proġetti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida;

o

o o

47.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex tgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)  ĠU C 501 I, 13.12.2021, p. 13.

(2)  ĠU C 460, 21.12.2018, p. 12.

(3)  ĠU C 184, 5.5.2022, p. 88.

(4)  Testi adottati: P9_TA(2022)0057.

(5)  ĠU C 385, 22.9.2021, p. 152.

(6)  ĠU C 385, 22.9.2021, p. 68.

(7)  ĠU C 445, 29.10.2021, p. 156.

(8)  ĠU C 456, 10.11.2021, p. 24.

(9)  ĠU C 205, 20.5.2022, p. 17.

(10)  ĠU C 494, 8.12.2021, p. 26.

(11)  ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1.

(12)  ĠU L 172, 17.5.2021, p. 53.

(13)  ĠU L 231, 30.6.2021, p. 60.

(14)  ĠU L 153, 3.5.2021, p. 1.

(15)  ĠU L 166, 11.5.2021, p. 1.

(16)  ĠU L 189, 28.5.2021, p. 1.

(17)  ĠU L 189, 28.5.2021, p. 34.

(18)  ĠU L 202, 8.6.2021, p. 32.

(19)  Il-Kummissjoni Ewropea, “In focus: Energy efficiency in buildings (Fokus fuq: L-effiċjenza enerġetika fil-binjiet”, 17 ta' Frar 2020.


Top