EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022IE1057

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tat-teknoloġiji tal-assorbiment tal-karbonju għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija Ewropea” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2022/01057

OJ C 486, 21.12.2022, p. 53–58 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 486/53


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Ir-rwol tat-teknoloġiji tal-assorbiment tal-karbonju għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija Ewropea”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 486/08)

Relatur:

Andrés BARCELÓ DELGADO

Korelatur:

Monika SITÁROVÁ

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

18.1.2022

Bażi legali

Artikolu 52(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-sezzjoni

24.6.2022

Adottata fil-plenarja

21.9.2022

Sessjoni plenarja Nru

572

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

229/0/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jtenni l-appoġġ qawwi tiegħu għall-impenji tal-Patt Ekoloġiku u għat-tisħiħ tal-awtonomija strateġika fil-provvista tal-enerġija u t-tmexxija industrijali.

1.2

L-effetti tal-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna fuq id-disponibbiltà tal-enerġija u l-materja prima ma jistgħux jiġu injorati, u s-Semestru Ewropew irid jimmonitorja s-sitwazzjoni.

1.3

Biex tirnexxi, it-tranżizzjoni ekoloġika fl-industrija tal-manifattura teħtieġ bażi ta’ taħlita adatta u suffiċjenti ta’ enerġija rinnovabbli għall-elettrifikazzjoni u għall-produzzjoni tal-idroġenu ekoloġiku. It-teknoloġiji tal-Assorbiment tad-Diossidu tal-Karbonju (CDR), tal-Qbid u l-Ħżin tal-Karbonju (CCS) u tal-Ġbir u l-Użu tal-Karbonju (CCU) se jgħinu lill-industrija tikseb newtralità klimatika. L-użu tal-enerġija rinnovabbli fl-Ewropa huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-miri tal-Patt Ekoloġiku.

1.4

Id-dekarbonizzazzjoni se teħtieġ trasformazzjoni profonda tal-attivitajiet industrijali (fit-30 sena li ġejjin). Għalkemm diġà jeżistu ħafna teknoloġiji b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju, il-livelli ta’ tħejjija teknoloġika tagħhom (TRL (1)) huma baxxi. Se jkunu meħtieġa pjani direzzjonali teknoloġiċi ambizzjużi biex dawn it-teknoloġiji rivoluzzjonarji jiżdiedu u jiġu implimentati b’mod wiesa’, u l-UE trid tippromovi l-innovazzjoni permezz tal-Fond għall-Klima u dak għall-Innovazzjoni.

1.5

Għalhekk, l-iżvilupp tat-teknoloġiji u tal-edukazzjoni u t-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol huma vitali għat-tranżizzjoni ekoloġika fl-industrija tal-manifattura. Id-djalogu soċjali, kemm fil-livell Ewropew, kif ukoll f’dak tal-Istati Membri u reġjonali, għandu jappoġġja s-sensibilizzazzjoni, l-aċċettazzjoni u tranżizzjoni ekoloġika u ġusta fl-industrija. Il-bini tal-kapaċitajiet u l-proġetti li jiddefinixxu l-ħiliet ewlenin se jkunu essenzjali sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni industrijali effettiva li fiha ħadd ma jitħalla jibqa’ lura.

1.6

Iż-żieda fl-użu ta’ materja prima alternattiva – b’mod partikolari tal-bijomassa sostenibbli – għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi għall-assorbiment sostenibbli tal-karbonju mill-atmosfera billi tippromovi l-ġestjoni sostenibbli tal-art għammiela (art agrikola u forestali) u l-użu tal-bijomassa fi prodotti b’ħajja twila li jkomplu jtawlu l-benefiċċju tal-assorbiment. Barra minn hekk, dan jgħin biex titnaqqas id-dipendenza tal-UE mill-materja prima u r-riżorsi importati.

1.7

Il-KESE jitlob li tiġi ppreservata l-kompetittività tal-industrija Ewropea: l-UE hija pijunier fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, iżda teħtieġ atturi oħra sabiex isegwu l-ambizzjoni klimatika tagħha. Peress li l-kriżi tal-klima hija globali, id-diplomazija tal-Unjoni Ewropea trid iżżid l-isforzi tagħha sabiex tipperswadi b’mod effettiv lil pajjiżi terzi biex iżidu l-isforzi tagħhom ħalli jkunu jistgħu jiġġilduha. Irrispettivament mill-objettivi ambizzjużi tal-politika tal-UE, l-UE se ssir dejjem aktar pijuniera fid-dekarbonizzazzjoni tal-industriji bis-saħħa tal-appoġġ politiku tagħha u l-għarfien prattiku tal-kumpaniji u tal-ħaddiema tagħhom fir-rigward tal-kapaċitajiet industrijali, it-teknoloġiji meħtieġa u kif tiġi antiċipata l-bidla, li jippermetti li jittieħdu miżuri prattiċi b’mod adatt.

1.8

Iż-żamma ta’ bażi industrijali soda fi ħdan l-UE se tiżgura prosperità, impjiegi ta’ kwalità tajba u impenn għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima għas-soċjetà Ewropea. L-industrija Ewropea trid tinvesti fl-Ewropa, b’qafas regolatorju adatt, kemm fir-RŻI, kif ukoll fl-impjanti u t-tagħmir, sabiex iżżomm il-pożizzjoni kompetittiva tagħha.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Il-liġi Ewropea dwar il-klima stabbiliet mira ambizzjuża għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030, u fl-istess ħin ikkonfermat l-għan tan-newtralità klimatika għall-2050. Sabiex jintlaħaq l-għan tal-Unjoni Ewropea, l-attivitajiet kollha li jipproduċu emissjonijiet ta’ gassijiet serra jridu jiġu analizzati u jridu jiġu identifikati perkorsi għan-newtralità klimatika sa madwar l-2050.

2.2

L-industriji tal-manifattura huma responsabbli għal 20 % (2) tal-emissjonijiet Ewropej. L-industriji tal-manifattura bl-ikbar intensità ta’ CO2 fl-Ewropa huma l-industriji tal-ħadid u tal-azzar, tas-siment, tal-kimika u l-petrokimika, tal-polpa u l-karta, tal-fertilizzanti, tal-ħġieġ, taċ-ċeramika, tar-raffineriji taż-żejt u tal-metall mhux ferruż (l-aktar l-aluminju). L-emissjonijiet tal-gassijiet serra tas-settur industrijali jinkludu d-diossidu tal-karbonju (CO2) mill-użu tal-enerġija, minn użi mhux tal-enerġija ta’ fjuwils fossili u minn sorsi ta’ fjuwils mhux fossili, kif ukoll gassijiet mhux tas-CO2.

2.3

It-tranżizzjoni ekoloġika tal-industrija tal-manifattura hija vitali sabiex tkun konformi mal-liġi Ewropea dwar il-klima. Se jkun hemm tranżizzjoni fit-teknoloġiji u, wara din, se jkun hemm bidliet fil-metodi, fil-ħiliet u fil-kompetenzi tax-xogħol fl-industriji. Madankollu, se jkunu meħtieġa wkoll miżuri min-naħa tad-domanda biex jippromovu l-użu ta’ prodotti b’livell baxx ta’ karbonju u mudelli kummerċjali ġodda (simbjożi industrijali, ċirkolarità, rispons għad-domanda).

3.   L-industrija tal-manifattura fil-perkors għan-newtralità klimatika

3.1

Din l-Opinjoni fuq inizjattiva proprja tiffoka fuq setturi industrijali fl-ambitu tas-sistema għall-iskambju ta’ kwoti tal-emissjonijiet (ETS). Għalhekk, l-utilitajiet tal-enerġija, tat-trasport u tal-bini mhumiex koperti.

3.2

Minbarra l-isfida tad-dekarbonizzazzjoni, it-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija huwa imperattiv għal kull wieħed mis-setturi industrijali. Għalkemm mhux se jkun biżżejjed li l-industrija Ewropea tiġi dekarbonizzata, l-effiċjenza fl-enerġija tista’ tnaqqas b’mod sinifikanti l-emissjonijiet mill-konsum tal-enerġija. Se jkun hemm bidla mill-fjuwils fossili għal teknoloġiji li ma jarmux gassijiet serra, li jikkonsistu l-aktar f’enerġija rinnovabbli. L-utilitajiet u l-awtoritajiet pubbliċi huma responsabbli għat-tranżizzjoni tal-enerġija mill-fjuwils fossili għal teknoloġiji li ma jarmux emissjonijiet.

3.3

Fir-rigward tal-isfida tad-dekarbonizzazzjoni, l-industriji jistgħu jiġu kklassifikati kif ġej:

setturi li jeħtieġu jbiddlu radikalment il-proċess tal-produzzjoni tagħhom: l-industrija tal-azzar (rotta integrata), tal-fertilizzanti u tal-kimika;

setturi li jeħtieġu jbiddlu l-vettur tal-enerġija fil-proċess tal-produzzjoni: tal-azzar (fran bl-ark elettriku), tal-ħġieġ, taċ-ċeramika, tal-karta, eċċ.;

setturi li l-effett tagħhom mhuwiex faċli li jitnaqqas, bħas-settur tas-siment, li jrid jaqbad u jaħżen (jew juża) is-CO2 mormi matul il-proċess tal-manifattura, biex isir newtrali għall-klima;

setturi li jistgħu jieħdu vantaġġ mit-teknoloġiji tal-qbid u l-użu tal-karbonju, biex jiżviluppaw prodotti b’valur miżjud għoli, bħar-raffineriji taż-żejt u l-industriji tal-kimika u l-petrokimika.

3.4

Il-koġenerazzjoni industrijali ta’ effiċjenza għolja (CHP (3)) żgur li se tikkontribwixxi għal aktar effiċjenza fl-enerġija, iżda ma tistax tiddekarbonizza l-industrija. Min-naħa l-oħra, l-użu ta’ sħana b’entalpija baxxa mill-industrija għat-tisħin distrettwali jkun mod ieħor li bih tiżdied l-effiċjenza fl-enerġija ġenerali, u jista’ forsi jiġi kkreditat matul il-perkors ta’ tranżizzjoni għal dekarbonizzazzjoni sħiħa.

3.5

It-teknoloġiji tal-Assorbiment tad-Diossidu tal-Karbonju (CDR) ineħħu s-CO2 diġà mormi mill-atmosfera u b’hekk jinħolqu emissjonijiet “negattivi”. It-teknoloġiji relatati mas-CCS, bħall-bijoenerġija bil-qbid u l-ħżin tal-karbonju (BECCS) u l-qbid u l-ħżin tal-karbonju dirett mill-arja (DACCS), huma parti importanti mill-portafoll tat-teknoloġiji ta’ emissjonijiet negattivi. Madankollu, minkejja l-potenzjal tagħhom ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, dawn it-teknoloġiji bħalissa jinsabu biss fl-istadju ta’ dimostrazzjoni. Teknoloġiji oħra tal-Assorbiment tad-Diossidu tal-Karbonju jinkludu attivitajiet li jsaħħu l-bjar naturali tas-CO2, bħall-afforestazzjoni u r-riforestazzjoni, u jmorru lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjkoni ta’ din l-Opinjoni.

L-isfida tal-futur tas-CDR fl-industrija tal-manifattura hija li jinstab bilanċ billi l-qbid u l-ħżin tal-karbonju jirrappreżentaw għażla ta’ mitigazzjoni flimkien ma’ teknoloġiji oħra għat-tnaqqis u l-assorbiment tal-karbonju. It-tnaqqis u l-assorbiment tal-gassijiet b’effett ta’ serra jridu jiġu allinjati mal-Ftehim ta’ Pariġi u mal-Liġi Ewropea dwar il-Klima. Is-CCS jista’ jippermetti lill-UE tipproċedi bil-pass meħtieġ permezz tal-assorbiment tal-gassijiet serra, iżda l-għan irid ikun li jiġi evitat il-ħżin tal-karbonju fit-tul.

3.6

L-idroġenu prodott bl-użu tal-enerġija rinnovabbli (l-idroġenu ekoloġiku) jidher li huwa r-risposta transsettorjali għall-proċessi tad-dekarbonizzazzjoni. Pereżempju, hemm proġett fl-Iżvezja bl-għan li jelimina l-emissjonijiet tal-gassijiet serra mill-produzzjoni tal-azzar billi juża l-idroġenu rinnovabbli. Fil-Finlandja, proġett partikolari se juri modi kif jista’ jiġi prodott l-idroġenu blu, u aktar tard l-idroġenu ekoloġiku, u kif jista’ jiġi maqbud u maħżun is-CO2 b’mod permanenti fil-Baħar Baltiku.

4.   L-industrija tal-manifattura fit-triq lejn id-dekarbonizzazzjoni

4.1

Mill-industriji Ewropej kollha, qed niffokaw fuq is-setturi li għandhom potenzjal għoli għal titjib fit-tnaqqis tal-emissjonijiet Ewropej tas-CO2 u għal impatt fuq tali tnaqqis. Fl-industrija tal-manifattura, l-enfasi hija fuq setturi li għandhom aktar sfidi x’jegħlbu sabiex jiġu dekarbonizzati. Din l-Opinjoni tiffoka fuq l-industriji tal-azzar, tas-siment, tal-kimika u tal-petrokimika, tar-raffineriji taż-żejt, tal-polpa u tal-karta, tal-fertilizzanti, tal-ħġieġ u taċ-ċeramika.

4.2

Qabel ma niddeskrivu t-teknoloġiji li jista’ jkollhom impatt fuq it-tnaqqis u l-assorbiment tal-emissjonijiet tad-diossidu tal-karbonju, irridu nikkunsidraw li ngħaddu minn sorsi tal-enerġija derivati mill-fjuwils fossili għal sorsi oħra ta’ enerġija mingħajr emissjonijiet u sorsi rinnovabbli oħra. Dawn is-sorsi jistgħu jkunu l-enerġija mir-riħ, l-enerġija fotovoltajka u l-enerġija mis-sħana tax-xemx, l-idroenerġija, l-enerġija ġeotermali, il-bijomassa u l-bijokarburanti.

4.3

Hemm xi industriji li jkollhom jadottaw teknoloġiji eżistenti jew ġodda fil-proċessi tagħhom sabiex jiksbu emissjonijiet żero ta’ gassijiet serra bil-għan li jimxu lejn soċjetà newtrali għall-klima. Skont l-industriji u l-emissjonijiet tal-gassijiet serra attwali tagħhom, il-bidla tista’ sseħħ f’pass wieħed jew f’diversi passi.

4.4

Dan l-ewwel pass jista’ jidher li huwa “biss” bidla fil-parti tal-produzzjoni/akkwist tal-proċess. F’ħafna sitwazzjonijiet oħra, jistgħu jkunu meħtieġa aktar riċerka u żvilupp, biex, pereżempju, jiġu adattati l-berners attwali tal-gass naturali għall-idroġenu jew biex jintużaw pompi tas-sħana. Barra minn hekk, għandhom jiġu indirizzati wkoll il-kunsiderazzjonijiet dwar l-interazzjoni bejn l-idroġenu u l-materjali jew il-prodotti.

4.5

L-industrija tal-azzar:

L-isfida għall-industrija tal-azzar tradizzjonali (rotta integrata, li teħtieġ it-tnaqqis tal-mineral tal-ħadid) diġà wasslet għall-introduzjoni ta’ diversi approċċi teknoloġiċi ġodda, li issa qed jiffokaw fuq is-sostituzzjoni tal-fran tal-blast bil-fran b’ark elettriku, sostnuti minn ħadid miksub b’riduzzjoni diretta (DRI) li huwa prodott bl-użu tal-idroġenu ekoloġiku. Alternattivi oħra li diġà ġew esplorati jiddependu mit-teknoloġiji tas-CCS, iżda ma jistgħux jilħqu l-mira tat-tnaqqis tal-gassijiet serra. L-elettroliżi tal-mineral tal-ħadid tista’ tarmi sa 87 % inqas CO2 mir-rotta integrata attwali (jekk il-provvista tal-elettriku tkun kompletament dekarbonizzata). Tnaqqis tal-idroġenu tal-plażma mmirat lejn in-newtralità karbonika. Fil-fatt, il-manifattura tal-azzar ibbażata fuq l-idroġenu tista’ tarmi sa 95 % inqas CO2 mir-rotta integrata attwali (jekk jintuża elettriku li jkun kompletament dekarbonizzat), iżda minħabba l-enerġija mitlufa waqt il-produzzjoni tal-idroġenu, il-konsum tal-enerġija tal-industrija fl-aħħar mill-aħħar jiżdied.

L-azzar prodott fil-fran b’ark elettriku jarmi 14 % biss tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra mir-rotta integrata, u l-isfida ewlenija tiegħu hija li jissostitwixxi l-gass naturali fil-fran tal-irrumblar bl-idroġenu ekoloġiku jew bl-elettriku tal-induzzjoni.

Jekk jiġi użat b’mod sħiħ, is-CCU (bl-użu tal-gassijiet tal-iskart tal-fran tal-blast) jista’ jnaqqas l-emissjonijiet sa 65 % (it-tnaqqis tas-CO2 jiddependi wkoll miċ-ċiklu kollu tal-ħajja tal-prodotti kimiċi li jirriżultaw minnu). Għadd minnhom jinsabu fi stadju aktar avvanzat ta’ żvilupp – l-impjant ta’ dimostrazzjoni ta’ Steelanol (li għadu qed jinbena – TRL 9) juża l-gass ta’ skart biex jipproduċi l-bijoetanol, u l-proġett Carbon2Chem (TRL 7-8) għandu l-għan li juża l-gass ta’ skart bħala materja prima għall-kimiki.

4.6

L-industrija tas-siment:

37 % biss tal-emissjonijiet fl-industrija tas-siment jiġu mill-fjuwils, filwaqt li t-63 % tal-emissjonijiet li jifdal huma r-riżultat ta’ reazzjoni kimika tal-materja prima (l-hekk imsejħa emissjoni ta’ proċess). Għalhekk, l-użu tal-fjuwils derivati minn sorsi rinnovabbli (mill-bijomassa jew mill-idroġenu) se jnaqqas l-emissività b’massimu ta’ 35 %. Bħalissa qed jiġu ttestjati teknoloġiji li jistgħu jippermettu l-qbid u l-ġestjoni jew il-ħżin futuri tas-CO2 (bil-metodu tal-ammina u l-loop tal-kalċju). Mod ieħor kif jitnaqssu l-emissjonijiet huwa li jiġi żviluppat dak li hu magħruf bħala s-siment bi klinker baxx, li bħalissa għandu TRL ta’ 5-7. Simenti bħal dawn għandhom emissività sa 30 % inqas mis-siment pur ta’ Portland.

4.7

L-industrija tal-kimika:

Fl-industrija tal-kimika, l-elettrifikazzjoni tal-proċessi tal-produzzjoni, bħall-elettrifikazzjoni tal-ikkrekkjar bl-istim għandha l-għan li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 għal kull cracker b’90 %. Is-settur kimiku huwa kontributur importanti għar-restawr taċ-ċikli tal-karbonju sostenibbli. Il-prodotti kimiċi huma riżerva massiva ta’ karbonju li jistgħu jiffissaw il-karbonju għal 10 snin sa 40 sena. Illum, il-volum tal-karbonju inkorporat fil-prodotti kimiċi huwa komparabbli mal-emissjonijiet totali tal-industrija għall-produzzjoni tagħhom. Anke l-biċċa l-kbira ta’ dan il-karbonju jispiċċa fl-atmosfera meta l-prodotti jiġu inċinerati fit-tmiem tal-użu tagħhom, u għalhekk, it-twaqqif ta’ strateġija ta’ ekonomija ċirkolari ambizzjuża huwa prerekwiżit biex jinkisbu ċikli tal-karbonju sostenibbli u reżistenti għall-klima billi l-karbonju jinżamm “fil-loop”. Is-settur tal-kimika jista’ jikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet f’setturi oħra billi “jassorbi” l-karbonju u jaħżnu fi prodotti.

4.8

L-industrija tal-polpa u tal-karta:

Fl-industrija tal-polpa u tal-karta, taħlita ta’ titjib fil-proċess, inkluża t-tranżizzjoni għall-Industrija 4.0, flimkien ma’ investimenti f’teknoloġiji ta’ produzzjoni avvanzati, hija mistennija li twassal għal tnaqqis ta’ 7 miljun tunnellata ta’ CO2 sal-2050. Billi tuża l-faċilitajiet tas-CHP tagħha fuq il-post, l-industrija tista’ tipparteċipa fis-suq tal-enerġija billi tuża l-eċċessi ta’ enerġija rinnovabbli intermittenti. Il-benefiċċji assoċjati tad-dekarbonizzazzjoni jistgħu saħansitra jitilgħu sa żewġ miljun tunnellata. Konverżjoni ulterjuri ta’ installazzjonijiet industrijali għal sorsi ta’ enerġija b’livell baxx ta’ karbonju jew mingħajr karbonju hija pproġettata li tipprovdi tnaqqis fl-emissjonijiet ta’ 8 miljun tunnellata ta’ CO2. Minbarra xi wħud mill-kunċetti innovattivi identifikati fit-Two team Project (4) , bħat-teknoloġija Deep Eutectic Solvents li qiegħda tiġi żviluppata bħalissa, soluzzjonijiet innovattivi u fixkiela oħra jistgħu wkoll jikkomplementaw l-isforz għat-tnaqqis tal-emissjonijiet b’madwar 5 miljun tunnellata ta’ CO2.

4.9

Ir-raffineriji taż-żejt:

Ir-raffinerji taż-żejt għandhom il-potenzjal li jikkontribwixxu għat-tranżizzjoni tal-enerġija u l-klima tal-ekonomija tal-UE b’żewġ modi: i) billi jnaqqsu sostanzjalment l-impronta tal-karbonju tal-proċess ta’ manifattura tagħhom, u ii) billi jissostitwixxu progressivament il-fjuwils u prodotti oħra ta’ oriġini fossili bi fjuwils u prodotti oħra bbażati fuq il-karbonju bijoġeniku jew riċiklat. Is-sostituzzjoni gradwali tal-enerġija fossili bil-bijoenerġija, flimkien mat-teknoloġiji tas-CCU u s-CCS, se tirriżulta saħansitra f’emissjonijiet negattivi tal-gassijiet serra. L-emissjonijiet netti tal-gassijiet serra ġġenerati waqt l-użu ta’ fjuwils u prodotti oħra tar-raffineriji jistgħu jitnaqqsu b’mod radikali billi l-materja prima tinbidel b’mod gradwali minn żejt mhux raffinat għal bijomassa sostenibbli u CO2 riċiklat. L-emissjonijiet netti ta' CO2 fl-atmosfera wara l-użu ta' dawn il-fjuwils se jkunu żero jew fi kwantitajiet baxxi ħafna, u b’hekk jikkontribwixxu għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport, speċjalment għal dawk il-modalitajiet li huma l-aktar diffiċli li jiġu elettriċizzati. Investimenti u proġetti ġodda f’dawn l-oqsma għadhom għaddejjin. Bħala eżempju, tlieta mill-madwar 80 raffinerija ewlenin fl-UE ġew ikkonvertiti f’bijoraffineriji, li jissostitwixxu kompletament iż-żejt mhux raffinat b’bijomassa sostenibbli (5). Din l-istrateġija ta’ tranżizzjoni klimatika teħtieġ riżorsi finanzjarji aktar baxxi minn soluzzjonijiet oħra, peress li r-raffineriji nfushom u s-sistema loġistika għad-distribuzzjoni tal-prodotti jistgħu, fil-biċċa l-kbira, jiġu adattati u użati mill-ġdid.

4.10

Il-fertilizzanti:

Bħalissa, l-industrija tal-fertilizzanti qed tesplora s-sostituzzjoni tal-gass naturali bħala materja prima bl-idroġenu ekoloġiku. Diversi proġetti pilota (6) qed jiġu żviluppati fl-UE, u ladarba l-idroġenu ekoloġiku jsir disponibbli u l-prezz tiegħu jistabbilizza, l-industrija se timxi ’l quddiem lejn dekarbonizzazzjoni sħiħa.

4.11

Finalment, l-industrija tal-manifattura għandha potenzjal għad-dekarbonizzazzjoni permezz tal-effiċjenza fl-enerġija, l-ottimizzazzjoni tal-proċessi u l-konverżjoni għall-enerġija rinnovabbli. Se jkunu meħtieġa investimenti fir-RŻI sabiex jintlaħaq l-għan tan-newtralità karbonika sal-2050. It-teknoloġiji tas-CCS u tas-CCUS huma wkoll ta’ importanza għall-industriji tal-manifattura, bħall-industrija tas-siment u fejn il-bijomassa hija s-sors tal-enerġija.

5.   Ħiliet u kompetenzi fl-industrija tal-manifattura futura

5.1

Mingħajr ebda dubju, proċessi industrijali ġodda se jitolbu metodi ġodda ta’ ħidma. L-industriji u l-ħaddiema se jkollhom jadattaw il-mod ta’ kif iwettqu dmirijiethom fl-industrija, billi jiffokaw fuq it-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2 sa mill-ewwel passi fil-proċessi tal-manifattura.

5.2

It-tranżizzjoni ekoloġika tal-industrija tal-manifattura se tbiddel il-produzzjoni f’ħafna modi, billi tuża bis-sħiħ teknoloġiji ta’ produzzjoni ġodda u billi tieħu vantaġġ mid-diġitalizzazzjoni. Sabiex tinkiseb tranżizzjoni ġusta li fiha ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, se jkunu meħtieġa ħiliet ġodda, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid. Għandha tingħata attenzjoni speċjali biex iċ-ċittadini u l-ħaddiema tal-UE, l-SMEs, l-intrapriżi soċjali u l-esperti reġjonali jiġu mistiedna jieħdu sehem b’mod proattiv fil-bidla inevitabbli fil-postijiet fejn jgħixu.

5.3

L-UE trid tiżgura li l-għarfien dwar it-teknoloġiji l-ġodda u dwar kif għandhom jiġu implimentati fl-industriji attwali jasal għand il-ħaddiema tal-industrija. L-awtoritajiet pubbliċi u l-kumpaniji jridu jagħmlu sforz fil-qafas tad-djalogu soċjali biex jisfruttaw il-ħiliet diġà eżistenti kif ukoll biex jilħqu l-objettivi tad-dekarbonizzazzjoni.

5.4

L-użu sħiħ tal-idroġenu ekoloġiku fl-industrija se jkun essenzjali għal ħafna industriji. Madankollu, barra minn hekk, l-implimentazzjoni tat-teknoloġiji tal-assorbiment tad-diossidu tal-karbonju se tinfluwenza l-ħiliet u l-kompetenzi fl-industrija tal-manifattura u b’mod aktar qawwi fil-katina tal-provvista wkoll.

6.   L-azzjoni tal-UE u l-kundizzjonijiet ta’ qafas

6.1

Il-qafas legali tal-UE u r-regolamenti nazzjonali jridu jgħinu biex l-industrija tiġi dekarbonizzata. Għandu jqis li se jkun hemm possibbiltajiet differenti u/jew riżorsi li jistgħu jiġu investiti fit-tranżizzjoni li jvarjaw ħafna bejn l-Istati Membri u bejn ir-reġjuni fl-Ewropa.

6.2

Il-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta, iddedikat għall-appoġġ ta’ reġjuni li huma dipendenti ħafna minn industriji li jużaw il-karbonju b’mod intensiv, huwa l-ewwel pass pożittiv. Madankollu, il-kamp ta’ applikazzjoni, li huwa limitat għal reġjuni li jiddependu ħafna mill-faħam, il-linjite, il-pit, iż-żejt tax-shale u l-industriji li jużaw il-karbonju b’mod intensiv, huwa limitat wisq. Il-KESE, bħall-Parlament Ewropew, jipproponi żieda drammatika fil-baġit tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta, sabiex jipprovdi appoġġ lil setturi oħra li se jiġu affettwati mid-dekarbonizzazzjoni tal-industrija. Għandhom jiġu allokati riżorsi baġitarji addizzjonali sabiex jiġu żgurati t-tranżizzjoni minn impjieg għal ieħor, il-ħolqien ta’ impjiegi alternattivi ta’ kwalità tajba fl-istess reġjuni u t-taħriġ adatt, it-taħriġ mill-ġdid u t-titjib tal-ħiliet tal-ħaddiema.

6.3

It-tranżizzjoni ekoloġika fl-industrija se teħtieġ aċċess għall-enerġija u għall-materja prima newtrali tal-karbonju fi kwantitajiet abbundanti, bi prezz affordabbli, stabbli u kompetittiv. Investimenti sinifikanti, fosthom fl-infrastruttura tal-enerġija, se jkollhom isiru fl-Ewropa sabiex tiġi ssodisfata l-ħtieġa tal-industrija għal kwantitajiet kbar ta’ enerġija rinnovabbli.

6.4

Il-qafas regolatorju tal-UE jrid imexxi l-ekonomija tal-UE sabiex tilħaq l-għan tan-newtralità klimatika netta sal-2050 billi joħloq il-kundizzjonijiet biex jiġu sfruttati r-riżorsi kbar – finanzjarji, teknoloġiċi u intellettwali – għal investimenti f’teknoloġiji b’livell baxx ta’ karbonju, inklużi t-Teknoloġiji tal-Assorbiment tal-Karbonju, li jridu jiġu implimentati malajr.

6.5

Hemm bżonn ta’ inċentivi regolari biex jinkoraġġixxu l-użu tal-qbid tal-karbonju fl-industriji tal-manifattura, jew fil-livell Ewropew – permezz tal-Fond għall-Innovazzjoni – u f’kull Stat Membru, iżda mingħajr ma jintemm is-Suq Uniku, li huwa wieħed mill-pedamenti tal-UE. Se jkunu meħtieġa inizjattivi addizzjonali tal-UE biex jattiraw u jimmobilizzaw l-investiment privat.

6.6

Jeħtieġ li jinħolqu alleanzi strateġiċi fil-livell Ewropew sabiex jitħaffef l-iżvilupp ta’ din l-industrija, li jippermettu li l-UE jkollha rwol ta’ mexxej f’dan ir-rigward. Ir-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat jistgħu jiġu adattati sabiex jippermettu li dan iseħħ.

6.7

Jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-attivitajiet tar-R&Ż, flimkien ma’ djalogu dwar dan fuq livell Ewropew. Il-Fond għall-Innovazzjoni għandu jkun il-mezz ippreferut biex jitwettqu dawn l-attivitajiet.

6.8

Il-politiki tal-akkwist pubbliku għandhom jintużaw biex jagħtu spinta lis-swieq għall-prodotti ekoloġiċi fejn il-produtturi qed ibaxxu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra vis-à-vis prodotti “kannella”.

6.9

Id-dewmien identifikat fl-indirizzar tal-isfida tal-klima u l-pressjoni tal-ħin ifissru li r-rapportar u r-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew lil kull Stat Membru jridu jinkludu xi indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jgħinu fl-ilħuq tad-dekarbonizzazzjoni meħtieġa tal-industrija.

6.10

Ir-Rapport ta’ Prospettiva Strateġika għandu jirrevedi, perjodikament, il-progress, ix-xenarji/l-għażliet l-aktar promettenti u l-punti dgħajfa tat-tentattivi biex jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi. Dan huwa saħansitra aktar importanti peress li jista’ jipprovdi linji gwida għal investiment urġenti u ta’ riskju għoli, iżda wkoll għal ġbir raġonevoli tar-riżorsi, kemm vertikalment kif ukoll orizzontalment.

6.11

Sett ta’ sinjali ta’ twissija juri kundizzjonijiet mhux ekwivalenti ta’ kompetizzjoni u juri wkoll il-periklu ta’ “rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju” lejn pajjiżi terzi, li jfixkel it-tranżizzjoni għan-newtralita klimatika. Dan jenfasizza għal darb’oħra l-importanza li jiġi introdott il-kontroll tal-kompetittività f’għamla ta’ għodda ta’ filtrazzjoni tar-riskju u tal-orjentazzjoni.

6.12

Huwa evidenti li hemm differenzi kwantitattivi fil-konċentrazzjonijiet tal-emissjonijiet skont l-Istati Membri, l-emissjonijiet per capita, is-setturi ekonomiċi u r-reġjuni. Minħabba l-pressjoni taż-żmien, jeħtieġ li tingħata prijorità sabiex jinkisbu l-akbar riżultati u dawk l-aktar mgħaġġla li jwasslu għal passi ta’ dekarbonizzazzjoni. Għalhekk, għandu jkun hemm enfasi qawwija fuq il-metallurġija, il-materjali minerali u l-kimiki u l-industrija tal-fjuwils rinnovabbli.

L-innovazzjonijiet fil-fażi bikrija u x-xewqa li dawn jintużaw u jinbiegħu jvarjaw skont id-daqs tal-kumpaniji: il-gruppi kbar ħafna għandhom vantaġġ fir-rigward tal-ewwel punt, u l-SMEs fir-rigward ta’ dak tal-aħħar. Għalhekk, it-trasferiment tal-għarfien kemm intersettorjali kif ukoll vertikali għandu jiġi mħeġġeġ u ffaċilitat billi jinħoloq ambjent kummerċjali favorevoli.

Brussell, il-21 ta’ Settembru 2022.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  TRL: il-Livelli ta’ Tħejjija Teknoloġika huma punti differenti fuq skala użata biex jitkejjel il-progress jew il-livell ta’ maturità ta’ teknoloġija.

(2)  L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

(3)  CHP: sħana u enerġija kkombinati.

(4)  https://www.cepi.org/two-team-project-report/.

(5)  Gela, il-bijoraffinerija ta’ Venezja (eni.com) u La Mède (TotalEnergies.com).

(6)  Fertiberia nediet impjant tal-fertilizzanti b’impatt żero fi Puertollano, Spanja.


Top