EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022DC0331

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2020

COM/2022/331 final

Brussell, 30.6.2022

COM(2022) 331 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-segwitu għall-kwittanza għas-sena finanzjarja 2020


Rapport dwar is-segwitu għat-talbiet li saru mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjonijiet tiegħu ta’ kwittanza u mill-Kunsill fir-rakkomandazzjoni tiegħu ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja 2020

1.Introduzzjoni

L-2020 kienet sena kruċjali għall-baġit tal-UE. Bis-saħħa tal-flessibbiltajiet u l-istrumenti baġitarji stabbiliti fil-bidu tal-pandemija tal-COVID-19, intużaw fondi tal-UE sabiex jiġi pprovdut tagħmir mediku, sabiex tiġi appoġġata r-riċerka għat-trattamenti u l-vaċċini, u sabiex jiġu salvati l-impjiegi u n-negozji. Il-baġit tal-UE kompla jiffinanzja wkoll il-prijoritajiet orizzontali tiegħu u speċjalment it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-2020 rat ukoll l-adozzjoni tal-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt ġie ffinanzjat mill-UE, NextGenerationEU (NGEU).

Fl-4 ta’ Mejju 2022, il-Parlament Ewropew iddeċieda, filwaqt li qies ir-rakkomandazzjoni mill-Kunsill, li jagħlaq il-kapitolu dwar din is-sena mingħajr preċedent billi jagħti kwittanza lill-Kummissjoni dwar il-mod kif implimentat il-baġit tal-UE fl-2020.

Fi ħdan il-qafas tal-proċedura ta’ kwittanza tal-2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għamlu wkoll għadd ta’ talbiet lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tikkondividi l-objettivi ewlenin riflessi minn dawn it-talbiet:

·Inpoġġu l-prestazzjoni fil-qalba tal-implimentazzjoni tal-baġit. Il-flus għandhom jintefqu f’konformità mal-prijoritajiet tal-UE u għandhom jagħtu r-riżultati mistennija fil-prattika, u b’hekk iwasslu għal riżultati tanġibbli u bidliet pożittivi għall-pubbliku ġenerali u benefiċjarji oħrajn.

·Nipproteġu l-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni qiegħda ssegwi l-allegazzjonijiet jew is-suspetti ta’ użu ħażin jew ta’ ġestjoni ħażina tal-fondi tal-UE. Hija tieħu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex tipproteġi l-baġit tal-UE, inkluż, fejn xieraq, is-sospensjoni tal-pagamenti, il-korrezzjonijiet finanzjarji, u l-miżuri regolatorji sabiex issaħħaħ is-sistema ta’ kontroll tagħha, bħal Regolament Finanzjarju aġġustat u r-Regolament dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ir-“Regolament dwar il-Kondizzjonalità”).

·B’mod ġenerali, il-Kummissjoni tikseb il-bilanċ ġust bejn firxa ta’ objettivi differenti bħall-minimizzazzjoni tal-iżbalji, il-protezzjoni qawwija kontra l-użu ħażin tal-fondi, il-pagamenti rapidi, iż-żamma tal-kostijiet u l-piż ta’ kontrolli għall-awtoritajiet pubbliċi u l-benefiċjarji f’livell raġonevoli u ż-żieda tal-valur permezz tan-nefqa tal-UE.

Dan ir-rapport dwar is-segwitu għall-proċedura ta’ kwittanza tal-2020 jipprovdi, bħala parti mir-Rapportar Finanzjarju u Kontabilistiku Integrat (IFAR), sommarju tal-azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni bi tweġiba għal xi wħud minn dawn it-talbiet, kif espress fit-taqsima dwar il-prijoritajiet politiċi tar-riżoluzzjoni ta’ kwittanza. Il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni aktar dettaljata u aġġornata b’rispons għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi meta l-proċedura ta’ kwittanza tal-2021 tibda aktar tard din is-sena.

2.L-impatt tal-COVID-19 fuq il-ġestjoni tal-fondi tal-UE 

Il-Kummissjoni introduċiet strumenti ġodda u pprovdiet flessibbiltà sabiex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, iżda l-pandemija ħolqot ukoll sfidi u riskji ġodda għall-baġit tal-UE.

L-ewwel nett, il-flessibbiltà pprovduta ma kienet tinvolvi l-ebda taffija tal-kontrolli. Pereżempju, l-estensjoni tal-iskadenzi għall-implimentazzjoni tal-proġetti u s-sottomissjoni ta’ proposti u offerti ma pperikolawx il-kontrolli. Ir-regoli emendati introdotti fil-proċeduri ta’ kontroll tal-Istati Membri kienu limitati fiż-żmien u fl-ambitu.

It-tieni, il-pandemija tal-COVID-19 għamlitha impossibbli li jitwettqu verifiki u kontrolli fuq il-post. Għalhekk, il-Kummissjoni applikat miżuri ta’ mitigazzjoni robusti, bħall-prestazzjoni ta’ analiżijiet mhux fuq il-post, verifiki mill-bogħod u l-użu ta’ soluzzjonijiet tal-IT (ritratti ġeottaggjati, immaġnijiet bis-satellita, vidjokonferenzi, eċċ.).

Kemm il-Kummissjoni kif ukoll l-Istati Membri rnexxielhom iżommu livell għoli ta’ kopertura u assigurazzjoni tal-verifika. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-istimi tagħha tar-riskju fil-waqt tal-pagament u r-riskju fl-għeluq huma affidabbli u jirriflettu l-livell ta’ żball fit-tranżazzjonijiet finanzjarji. Il-Kummissjoni fil-fatt stabbiliet sistemi ta’ kontroll pluriennali sabiex tipproteġi l-baġit tal-UE kontra irregolaritajiet u frodi. Dan jirrifletti l-fatt li l-programmi jiġu implimentati fuq bosta snin. Għas-sena finanzjarja 2021, il-Kummissjoni stmat ir-riskju ta’ żball fl-għeluq, li jqis il-korrezzjonijiet futuri stmati għall-programmi kollha, bħala 0,8 % b’mod ġenerali - f’konformità mas-snin preċedenti u bil-għan li dan jinżamm sew taħt it-2 %.

3.Sistema ta’ kontroll imsaħħa għal baġit ġdid u akbar

Il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) 2021-2027 u l-akbar sehem tal-atti bażiċi li jistabbilixxu programmi ta’ nfiq ġew approvati fl-2020. L-2020 rat ukoll ftehim dwar l-akbar pakkett ta’ stimolu li qatt ġie ffinanzjat fl-UE - l-NGEU. Dan il-baġit estiż il-ġdid wassal lill-Kummissjoni sabiex taġġusta u ssaħħaħ is-sistema ta’ kontroll u verifika tagħha.

Il-Kummissjoni se tkompli żżomm lill-Parlament Ewropew informat dwar il-verifiki u l-kontrolli li twettaq - inkluż fir-rigward tal-NGEU.

·3.1. Is-sistema ta’ kontroll u rapportar għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF)

L-RRF hija bbażata fuq il-prestazzjoni. Il-fondi tal-RRF jiġu żborżati meta l-Istati Membri jkunu ssodisfaw il-passi ewlenin (magħrufa bħala objettivi intermedji u miri) fl-implimentazzjoni tar-riformi u tal-investimenti inklużi fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Fl-2021, ġew stabbiliti strutturi ta’ governanza ddedikati, proċessi interni u strateġiji ta’ kontroll sabiex dan jiġi meqjus. Il-Kummissjoni tiddependi fuq il-kontrolli tal-Istati Membri u tissupplimentahom bil-kontrolli tagħha stess meta jkun meħtieġ.

B’mod speċifiku, ir-rilaxx ta’ fondi taħt l-RRF jiddependi fuq l-issodisfar sodisfaċenti mill-Istati Membri tal-objettivi intermedji u l-miri rilevanti stabbiliti fil-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Il-Kummissjoni tiżgura li jkollha assigurazzjoni raġonevoli li l-objettivi intermedji u l-miri sottostanti ta’ pagament jitwettqu b’mod sodisfaċenti. L-Istati Membri jiżguraw li l-fondi riċevuti mill-RRF jintefqu f’konformità mal-liġi rilevanti tal-UE u nazzjonali. Għalhekk, is-sistemi nazzjonali ta’ kontroll huma l-istrument ewlieni għas-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-UE.

Meta tivvaluta l-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza, il-Kummissjoni tivverifika li l-Istati Membri jistabbilixxu sistemi ta’ kontroll intern li jindirizzaw b’mod adegwat ir-riskji rilevanti kollha u b’mod partikolari dawk relatati mal-kunflitt ta’ interessi, il-frodi, il-korruzzjoni u l-finanzjament doppju. Fejn jiġu identifikati dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll, jistgħu jiġu ddefiniti objettivi intermedji speċifiċi sabiex jiġu rrimedjati dawk id-dgħufijiet, li l-issodisfar tagħhom huwa prekundizzjoni għal kwalunkwe pagament taħt l-RRF (ħlief għal prefinanzjament). Il-Kummissjoni tista’ tintervjeni jekk l-Istati Membri jonqsu milli jissodisfaw id-dmirijiet ta’ kontroll tagħhom stess. Il-Kummissjoni għandha d-dritt li tirkupra l-finanzjament jekk:

·hija tinnota każ ta’ frodi, korruzzjoni jew kunflitti ta’ interess li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE, u li ma jkunx ġie indirizzat mill-Istat Membru rilevanti;

·hija tinnota ksur serju tal-obbligi skont ftehim ta’ finanzjament jew ta’ self (inkluż finanzjament doppju); jew

·hija ssib li l-objettivi intermedji u l-miri ma twettqux b’mod sodisfaċenti.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se twettaq awditi dwar l-objettivi intermedji u l-miri. Hija se tivverifika wkoll is-sistemi ta’ kontroll tal-Istati Membri sabiex tiddetermina jekk jistgħux jipprevjenu, jidentifikaw jew jikkoreġu b’mod adegwat il-frodi, il-korruzzjoni, il-kunflitt ta’ interess u l-finanzjament doppju, u jekk seħħewx jew humiex qegħdin iseħħu ksur serju tal-obbligi. Il-Kummissjoni tista’ twettaq ukoll awditi u kontrolli bbażati fuq ir-riskju f’każijiet ta’ dubju. Dan mhux se jivverifika l-konformità tan-nefqa relatata mal-RRF tal-Istati Membri mġarrba mill-Istati Membri mal-liġi tal-UE u dik nazzjonali (eż. l-akkwist pubbliku jew ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat). Meta jkun rilevanti, l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (“OLAF”), il-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) u l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) se jeżerċitaw is-setgħat rispettivi tagħhom.

Barra minn hekk, fil-qafas tal-attivitajiet ta’ taħriġ ta’ appoġġ mogħtija mill-Kummissjoni lill-awtoritajiet nazzjonali, l-OLAF ippreżenta kunċett ta’ qafas ta’ riskju ta’ frodi tal-RRF lill-awtoritajiet nazzjonali. L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll li jniedu eżerċizzji mmirati ta’ ġestjoni tar-riskju marbuta mal-implimentazzjoni tal-RRF.

Il-Kummissjoni hija konxja wkoll li l-operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti ġodda tagħha relatati mal-NGEU żiedu l-ħtieġa li tiġi pprovduta trasparenza suffiċjenti, għall-pubbliku ġenerali u għall-investituri, dwar il-kisbiet tal-RRF u dwar l-iskopertura finanzjarja tal-UE. 

Fir-rigward tal-kisbiet, il-Kummissjoni stabbiliet tabella ta’ valutazzjoni tal-irkupru u tar-reżiljenza li turi kif l-implimentazzjoni tal-RRF qiegħda tagħmel progress. Din turi informazzjoni dwar l-istatus tal-objettivi intermedji u tal-miri u fiha riżultati aggregati fil-livell tal-UE bis-saħħa ta’ rapportar regolari mill-Istati Membri dwar indikaturi komuni. Il-Kummissjoni ħolqot ukoll dashboard tal-bonds ekoloġiċi tal-NGEU sabiex tipprovdi lill-pubbliku ġenerali b’ħarsa ġenerali tal-miżuri rilevanti għall-klima f’ħin reali li huma ffinanzjati mill-fondi miġbura permezz ta’ bonds ekoloġiċi tal-NGEU - li ħafna minnhom huma allokati għall-RRF. Id-dashboard jippermetti lill-investituri janalizzaw l-opportunitajiet ta’ investiment u jimmonitorjaw l-implimentazzjoni ta’ miżuri li għaddejjin ffinanzjati minn bonds ekoloġiċi tal-NGEU.

Fir-rigward tal-iskopertura finanzjarja, l-Artikolu 250 tar-Regolament Finanzjarju diġà jirrikjedi li l-Kummissjoni tipprovdi rapport ġenerali annwali dwar l-istrumenti finanzjarji, il-garanziji baġitarji u l-assistenza finanzjarja. Permezz tal-NGEU, il-Kummissjoni issa impenjat ruħha wkoll li tipprovdi rapporti annwali, semi-annwali u trimestrali ddedikati speċifikament għall-assi u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-operazzjonijiet mutwatarji u mutwanti tal-istrument il-ġdid għall-irkupru.

·3.2. Kooperazzjoni mill-qrib mal-korpi implimentattivi nazzjonali taħt ġestjoni kondiviża 

Ladarba tkun żgurat li l-korpi implimentattivi nazzjonali (jiġifieri l-awtoritajiet ta’ ġestjoni u tal-awditjar għall-politika ta’ koeżjoni, l-aġenziji tal-pagamenti u l-korpi ta’ ċertifikazzjoni għall-Politika Agrikola Komuni - il-PAK) jiffunzjonaw kif suppost, il-Kummissjoni tiddependi fuq il-ħidma tagħhom sabiex jimplimentaw fondi taħt ġestjoni kondiviża. Bis-saħħa tal-għarfien granulari u dettaljat tagħha dwar kif jaħdmu s-sistemi, il-Kummissjoni tista’ tidentifika dgħufijiet fil-ġestjoni u l-kontroll nazzjonali, u tista’ tapplika l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha sabiex tipproteġi l-fondi tal-UE.

B’mod ġenerali, il-ħidma tal-korpi implimentattivi nazzjonali titqies affidabbli u robusta. Huwa biss f’numru limitat ta’ każijiet, li huma żvelati b’mod trasparenti fir-Rapporti Annwali tal-Attività (RAA) tad-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u fir-Rapport Annwali dwar il-Ġestjoni u l-Prestazzjoni (AMPR), li jiġu identifikati kwistjonijiet li jirrikjedu li l-Kummissjoni tieħu azzjoni soda.

Fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni, il-Kummissjoni tieħu azzjonijiet kull sena sabiex ittejjeb l-effettività tas-sistemi ta’ ġestjoni u kontroll fit-tnaqqis tar-rata ta’ żball. Din tappoġġa lill-awtoritajiet tal-programm permezz ta’ laqgħat, gwida u taħriġ u billi tikkoordina networks tranżnazzjonali bil-għan li jikkondividu prattiki tajbin u billi tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet jissimplifikaw il-proċeduri u jevitaw piż amministrattiv bla bżonn.

Meta l-Kummissjoni tidentifika każijiet fejn l-awtoritajiet maniġerjali ma jkunux indunaw bl-iżbalji jew l-awtoritajiet tal-awditjar individwali ma jidentifikawx l-iżbalji b’mod xieraq, eżawrjenti jew rapidu, il-Kummissjoni titlobhom jieħdu azzjonijiet rimedjali mmirati sabiex itejbu s-sistema ta’ kontroll tagħhom. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri jikkoreġu l-iżbalji fejn ikunu naqsu milli jikkoreġuhom mill-ewwel. Fl-aħħar nett, f’ċerti ċirkostanzi, il-Kummissjoni tista’ tissospendi jew tinterrompi l-pagamenti sakemm ikollha evidenza li jkun sar it-titjib meħtieġ fis-sistema u/jew jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji xierqa.

Fil-qasam tal-PAK, il-Kummissjoni għenet lill-Istati Membri jżommu r-rata ta’ żball baxxa billi introduċiet diversi simplifikazzjonijiet tar-regoli f’dawn l-aħħar 6 snin. 

Barra minn hekk, il-Kummissjoni torganizza laqgħat mal-aġenziji tal-pagamenti sabiex tikkondividi prattiki tajbin fl-implimentazzjoni tal-PAK u sabiex tinformahom dwar kwistjonijiet strateġiċi fir-rigward tal-assigurazzjoni, l-awditjar u l-implimentazzjoni, inkluż dwar l-implimentazzjoni tas-sistema ta’ monitoraġġ taż-żona u dwar kwistjonijiet kontra l-frodi u l-kunflitt ta’ interessi. Bl-istess mod, jiġu organizzati laqgħat regolari tal-gruppi ta’ esperti mal-korpi taċ-ċertifikazzjoni, sabiex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u tiġi pprovduta gwida dwar suġġetti differenti.

Fid-dawl tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid tal-PAK, il-Kummissjoni bdiet ukoll djalogu strutturat mal-Istati Membri. Dan jinkludi ittri, laqgħat u rakkomandazzjonijiet sabiex jgħinuhom iħejju l-pjanijiet strateġiċi tagħhom tal-PAK. 

Meta jkun meħtieġ, il-Kummissjoni tista’ tuża kemm miżuri preventivi (bħall-interruzzjoni, is-sospensjonijiet u t-tnaqqis tal-pagamenti) kif ukoll miżuri korrettivi (fil-forma ta’ korrezzjonijiet finanzjarji netti). Jekk jiġu identifikati nuqqasijiet serji fil-qafas tal-proċeduri tal-konformità, il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw pjanijiet ta’ azzjoni b’azzjonijiet korrettivi u skeda ta’ żmien ċara.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni tkompli tiżviluppa u tirfina l-għodod tagħha sabiex tindirizza l-frodi. L-istrateġija tal-Kummissjoni kontra l-frodi tipprovdi lill-Kummissjoni b’kapaċità analitika aktar b’saħħitha sabiex tipprevjeni u tidentifika l-frodi, u sabiex ittejjeb il-kooperazzjoni kontra l-frodi.

·3.3. L-għoti ta’ finanzjament suffiċjenti għall-awditi u l-kontrolli fil-Kummissjoni 

L-ammont miżjud ta’ fondi li għandhom jiġu żborżati fis-snin li ġejjin jirrikjedi kontroll addizzjonali u kapaċità ta’ awditjar fi ħdan il-Kummissjoni. F’dan il-kuntest, madwar 190 ekwivalent ta’ ingaġġ full-time (FTEs) qegħdin jiġu rreklutati għal kompiti relatati mal-NGEU, inklużi l-kontroll u l-awditjar, u 94 FTE addizzjonali diġà ġew riallokati għal dawn il-kompiti minn band’oħra fi ħdan il-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni mhux biss qiegħda żżid il-kapaċità tagħha f’termini ta’ numru ta’ persunal iżda qiegħda ttejjeb ukoll il-kwalità tal-awditjar. Pereżempju, fil-qasam tal-politika tar-riċerka u l-innovazzjoni, il-Kummissjoni stabbiliet kampanji ta’ informazzjoni u taħriġ intensiv għall-awdituri; tejbet it-termini ta’ referenza fil-kuntratt qafas il-ġdid ma’ ditti tal-awditjar esterni; u wettqet missjonijiet konġunti ta’ awditjar li jinvolvu kemm is-servizzi tal-awditjar tal-Kummissjoni kif ukoll id-ditti tal-awditjar esterni.

·3.4. It-tisħiħ tal-QEA, tal-OLAF u tal-UPPE

Fid-dawl taż-żieda fl-ammont ta’ xogħol marbuta mal-programmi l-ġodda ta’ nfiq għall-QEA, l-awtorità baġitarja approvat 20 pożizzjoni addizzjonali għall-QEA fuq bażi temporanja sal-2027.

Bl-istess mod, fl-2022 sar provvediment għal seba’ membri tal-persunal esterni addizzjonali għall-OLAF sabiex jgħinuh jindirizza ż-żieda fl-ammont ta’ xogħol tiegħu. Il-proposta għall-abbozz tal-baġit tal-2023 tipprevedi riallokazzjoni ta’ sitt pożizzjonijiet addizzjonali lill-OLAF minn partijiet oħrajn tal-Kummissjoni għal ammont ta’ xogħol addizzjonali inkluż l-NGEU.

Fl-aħħar nett, l-UPPE kważi se jirdoppja l-persunal tiegħu matul is-sena baġitarja 2022 - b’118-il pożizzjoni addizzjonali. Il-Kummissjoni tipproponi li tikkonsolida dan it-tisħiħ sinifikanti tar-riżorsi tal-UPPE billi żżomm dan il-livell ġdid ta’ persunal fl-Abbozz tal-Baġit tal-2023.

·3.5 Lil hinn mis-salvagwardja tal-baġit: il-protezzjoni tal-benefiċjarji leġittimi tal-fondi, u l-iskoraġġiment u l-insegwiment tal-użu ħażin tal-fondi tal-UE 

L-UE żviluppat sistema ta’ ġestjoni u kontroll f’diversi livelli (tal-UE, nazzjonali, reġjonali) li tiżgura li l-baġit tagħha jkun issalvagwardjat. L-UE jeħtiġilha li mhux biss tipproteġi l-baġit tagħha, iżda li tiżgura wkoll li l-benefiċjarji leġittimi tal-fondi jkunu protetti u ma jingħatawx l-impressjoni li l-frodi jew il-korruzzjoni jistgħu ma jiġux ikkastigati.

Għalhekk, l-UE saħħet il-kapaċità ġudizzjarja tagħha. L-UPPE, li għadu kemm sar operazzjonali, jista’ jipprosegwixxi b’mod dirett ir-reati kontra l-interess finanzjarju tal-UE. Il-wasla tal-UPPE fix-xenarju tal-UE ta’ kontra l-frodi tgħin ħafna sabiex jiġi pprevenut l-użu ħażin tal-fondi tal-UE, u fl-aħħar mill-aħħar tassigura lill-pubbliku ġenerali li l-frodisti u l-politikanti korrotti ma jkunux ogħla mil-liġi.

Għall-Istati Membri li ma jipparteċipawx fl-UPPE, il-qafas attwali għall-ġlieda kontra l-frodi kontra l-interessi finanzjarji tal-UE għadu fis-seħħ. L-OLAF - imsaħħaħ mir-regolament rivedut reċentement - se jkompli bl-investigazzjonijiet amministrattivi tiegħu fl-Istati Membri kollha u se jikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali bħalma diġà jagħmel.

Sabiex tiżgura li l-kumpaniji tal-UE ma jbatux minn kompetizzjoni inġusta, l-UE żviluppat ukoll regoli dwar l-akkwist pubbliku ħalli tiżgura li l-kuntratti pubbliċi jingħataw permezz ta’ proċeduri tal-offerti trasparenti, mhux diskriminatorji u kompetittivi. Barra minn hekk, l-Istrument għal Akkwist Internazzjonali għandu, ladarba jiġi adottat mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill (il-koleġiżlaturi), jippermetti lill-Kummissjoni toħroġ deċiżjoni li tagħmilha aktar diffiċli għall-offerenti minn pajjiżi mhux tal-UE li ma għandhomx l-istess regoli sabiex jiksbu kuntratti pubbliċi tal-UE.

Fl-2021, il-Kummissjoni pproponiet ukoll Regolament sabiex tindirizza d-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern ikkawżata minn sussidji barranin.

Ir-reġim ġenerali l-ġdid ta’ kondizzjonalità jikkomplementa dawn l-istrumenti l-ġodda.

4.L-istat tad-dritt u l-valuri fundamentali 

Ir-Regolament dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE 1  (ir-“Regolament dwar il-Kondizzjonalità”) ilu fis-seħħ u applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2021. Dan ikopri l-ksur rilevanti kollu tal-prinċipji tal-istat tad-dritt fi Stat Membru li jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE b’mod dirett biżżejjed.

Ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità jippermetti lill-UE tieħu miżuri (eż. is-sospensjoni ta’ pagamenti jew il-korrezzjonijiet finanzjarji) sabiex tipproteġi l-baġit tal-UE, filwaqt li fl-istess ħin tiżgura li l-benefiċjarji finali tal-fondi tal-UE jkomplu jirċievu l-pagamenti tagħhom direttament mill-Istati Membri kkonċernati.

F’Marzu 2021, l-Ungerija u l-Polonja kkontestaw ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE). Fis-16 ta’ Frar 2022, il-QĠUE ċaħdet l-azzjonijiet tagħhom u kkonfermat il-validità tar-Regolament dwar il-Kondizzjonalità 2 . Fit-2 ta’ Marzu 2022, il-Kummissjoni ppubblikat linji gwida dwar l-applikazzjoni tar-Regolament li jqisu s-sentenza tal-QĠUE.

Fis-27 ta’ April 2022, il-Kummissjoni bagħtet notifika bil-miktub lill-Ungerija. Dan huwa l-ewwel pass fil-proċedura stabbilita mir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità sabiex jiġi protett il-baġit tal-UE, jew billi jiġu attivati miżuri rimedjali effettivi mill-Istat Membru kkonċernat jew bl-adozzjoni ta’ miżuri mill-Kunsill.

Ir-Regolament dwar il-Kondizzjonalità jikkomplementa għodod u proċeduri oħrajn stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-UE sabiex jiġi protett il-baġit. Dawn jinkludu investigazzjonijiet mill-OLAF, verifiki u awditi, u korrezzjonijiet finanzjarji.

Fost dawn l-għodod u l-proċeduri l-oħrajn, ir-Regolament Finanzjarju fih obbligi u mekkaniżmi sabiex jiġi żgurat li l-fondi tal-UE fil-qasam tal-azzjonijiet esterni ma jilħqux entitajiet jew persuni li jkunu qegħdin jiksru l-istat tad-dritt u l-prinċipji demokratiċi.

L-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi riċevituri, flimkien mal-valuri fundamentali tal-UE, huma integrati aktar f’atti bażiċi relatati mal-finanzjament estern, inkluż l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali – Ewropa Globali (NDICI-Ewropa Globali) u l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III). L-NDICI-Ewropa Globali jeskludi mill-finanzjament tal-UE kwalunkwe azzjoni jew miżura li tista’ twassal għal ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi sħab. Taħt l-IPA III, il-Kummissjoni teżamina l-garanziji attwali għad-drittijiet fundamentali f’pajjiż benefiċjarju sabiex tiddeċiedi dwar l-assistenza li għandha tiġi pprovduta.

Iż-żewġ strumenti jipprevedu l-possibbiltà li l-assistenza tiġi mmodulata sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-prinċipji demokratiċi, mad-drittijiet tal-bniedem jew mal-istat tad-dritt.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tagħti fondi f’konformità mal-miżuri restrittivi tal-UE (sanzjonijiet), u fl-applikazzjoni tagħhom.

5.Il-proposti tal-Kummissjoni sabiex jiġu msaħħa d-diġitalizzazzjoni tal-monitoraġġ, il-kontroll u l-awditjar tal-fondi tal-UE permezz tal-aġġustament immirat tar-Regolament Finanzjarju 

Għall-QFP ta’ bejn l-2021 u l-2027 u għall-NGEU, il-Kummissjoni ressqet proposti sabiex ittejjeb il-kwalità u l-interoperabbiltà tad-data dwar ir-riċevituri tal-finanzjament tal-UE fejn il-baġit jiġi implimentat taħt ġestjoni kondiviża u taħt l-RRF.

Il-koleġiżlaturi aċċettaw il-proposta tal-Kummissjoni li titlob lill-Istati Membri jirreġistraw u jaħżnu data dwar ir-riċevituri tal-finanzjament tal-UE u dwar is-sidien benefiċjarji ta’ dawk ir-riċevituri. Għall-PAK, l-Istati Membri se, fejn applikabbli, jiġbru data dwar gruppi li għalihom jappartjenu l-benefiċjarji.

Il-Kummissjoni trid tuża l-aġġustament immirat tar-Regolament Finanzjarju sabiex tkompli ttejjeb il-monitoraġġ u t-trasparenza tal-użu tal-fondi. Il-Kummissjoni pproponiet li l-Istati Membri (u entitajiet oħrajn) li jimplimentaw il-baġit tal-UE jkunu meħtieġa li jibagħtu lill-Kummissjoni informazzjoni dwar ir-riċevituri tal-finanzjament tal-UE fl-Istati Membri tagħhom (jew, għal entitajiet oħrajn, fl-oqsma ta’ responsabbiltà tagħhom) mill-anqas darba fis-sena. Il-Kummissjoni tissupplimenta dik l-informazzjoni bid-data li għandha dwar il-ġestjoni diretta u tkun responsabbli għall-konsolidazzjoni, għaċ-ċentralizzazzjoni, u għall-pubblikazzjoni tal-informazzjoni f’bażi tad-data fuq sit web uniku li jkun ikopri l-modi kollha ta’ ġestjoni. Is-sit web uniku li jirriżulta jkun verżjoni mtejba tas-Sistema ta’ Trasparenza Finanzjarja li bħalissa qiegħda tintuża għall-ġestjoni diretta.

L-aġġustament immirat tar-Regolament Finanzjarju jipprovdi wkoll opportunità sabiex il-baġit tal-UE jiġi protett aktar kontra l-irregolaritajiet, il-frodi, il-korruzzjoni, u l-kunflitti ta’ interess.

-L-ewwel nett, il-Kummissjoni pproponiet li l-użu ta’ sistema tal-IT integrata unika għall-estrazzjoni ta’ data u l-punteġġ tar-riskju jsir obbligatorju. Din is-sistema tal-IT tippermetti l-identifikazzjoni ta’ miżuri, kuntratti, u riċevituri li huma vulnerabbli għal irregolaritajiet, frodi, korruzzjoni, u kunflitti ta’ interess. Il-Kummissjoni żviluppat u pprovdiet din l-għodda tal-IT, magħrufa bħala Arachne, lill-Istati Membri li jimplimentaw il-baġit tal-UE taħt ġestjoni kondiviża u taħt l-RRF. L-użu ta’ Arachne bħalissa huwa volontarju. Din diġà hija użata b’mod estensiv fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni u qiegħda tiġi introdotta għall-infiq agrikolu iżda li l-użu tagħha jsir obbligatorju jkun pass importanti ’l quddiem.

-It-tieni, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li testendi l-ambitu u l-effettività tas-Sistema ta’ identifikazzjoni bikrija u ta’ esklużjoni (EDES). Din is-sistema tipprovdi sett ta’ miżuri għall-protezzjoni kontra operaturi ekonomiċi frodulenti jew mhux affidabbli. B’mod partikolari, l-EDES tippermetti lill-uffiċjali tal-awtorizzazzjoni jidentifikaw u possibbilment jipprojbixxu (jeskludu) operaturi ekonomiċi frodulenti jew mhux affidabbli fi stadju bikri. Il-Kummissjoni pproponiet li timmira aħjar l-applikazzjoni tal-EDES għal fondi kemm taħt ġestjoni kondiviża, kif ukoll taħt ġestjoni diretta fejn il-fondi jiġu żborżati bħala kontribuzzjonijiet finanzjarji lill-Istati Membri, pereżempju taħt l-RRF (jiġifieri l-Kummissjoni tkun tista’ taġixxi fuq l-aktar raġunijiet serji għall-esklużjoni). L-għan huwa wkoll li jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet ta’ esklużjoni meħuda fil-livell tal-UE jiġu infurzati fil-livell nazzjonali fil-kuntest ta’ ġestjoni kondiviża. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li tippermetti lill-entitajiet affiljati u/jew lis-sidien benefiċjarji ta’ entità primarja eskluża li jiġu esklużi mill-offerti għal kuntratti pubbliċi u fl-aħħar mill-aħħar mill-kisba ta’ fondi tal-UE.

-It-tielet, l-aġġustament propost għar-Regolament Finanzjarju, jekk jiġi approvat mill-koleġiżlaturi, se jżid l-effiċjenza u l-kwalità tal-kontrolli u tal-awditi bl-għajnuna tad-diġitalizzazzjoni u tat-teknoloġiji emerġenti bħall-apprendiment awtomatiku, l-awtomatizzazzjoni tal-proċess robotiku u l-intelliġenza artifiċjali. Dan għandu min-naħa tiegħu jgħin sabiex jiġi żgurat aktar l-użu xieraq tal-fondi tal-UE, filwaqt li jnaqqas l-kost tal-awditi u l-kontrolli.

6.Prestazzjoni tal-baġit tal-UE 

Kif issottolinjat fil-Komunikazzjoni tat-8 ta’ Ġunju 2021 tagħha ( COM/2021/366 ), il-Kummissjoni tagħti l-akbar importanza lill-massimizzazzjoni tal-effettività tal-infiq tal-UE u hija impenjata li tkompli tiżgura li l-infiq tal-UE jagħti r-riżultati - u li dawn ir-riżultati jgħinu lill-UE tilħaq l-objettivi tagħha.

Għall-QFP ta’ bejn l-2021 u l-2027, diġà sar ħafna progress f’termini ta’ monitoraġġ tal-prestazzjoni. Il-Kummissjoni ssimplifikat l-indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għad-diversi programmi ta’ nfiq tal-UE, bl-inklużjoni tagħhom fl-atti bażiċi rispettivi. Hija għamlet ukoll l-informazzjoni dwar il-prestazzjoni aktar disponibbli, pereżempju permezz ta’ siti web iddedikati dwar il-prestazzjoni. Barra minn hekk, qegħdin jiġu aġġornati jew żviluppati metodoloġiji sabiex tiġi evalwata aħjar il-kontribuzzjoni tad-diversi programmi ta’ nfiq tal-UE għall-prijoritajiet orizzontali. L-AMPR tal-2021 jirrapporta dwar sa liema punt kemm il-QFP ta’ bejn l-2014 u l-2020 kif ukoll il-QFP ta’ bejn l-2021 u l-2027 jikkontribwixxu għal azzjonijiet rilevanti għall-klima. Għall-QFP ta’ bejn l-2021 u l-2027, il-metodoloġija sabiex jiġu segwiti l-infiq rilevanti għall-klima ġiet aġġornata ħalli tiġi applikata b’mod konsistenti tul id-diversi programmi ta’ nfiq, inkluża l-RRF, hija msaħħa minn rekwiżit ġenerali li l-interventi ffinanzjati ma jwasslux għal kwalunkwe ħsara sinifikanti għall-objettivi ambjentali tal-UE. Din il-metodoloġija hija deskritta fid-dettall f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni 3 bit-titolu “Climate Mainstreaming Architecture in the 2021-2027 MFF” (SWD(2022)225 final).

F’konformità mal-impenn tagħha skont il-Ftehim Interistituzzjonali (FII) adottat b’mod parallel mar-Regolament dwar il-QFP, il-Kummissjoni għamlet ukoll progress fl-istabbiliment ta’ metodoloġija sabiex jiġu ttraċċati n-nefqiet rilevanti għall-bijodiversità, li l-Kummissjoni se tuża sabiex timmonitorja l-konformità mal-impenji ta’ nfiq tagħha f’dan il-qasam għall-baġits tal-2024, tal-2026 u tal-2027.

Sar ukoll progress kbir fl-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-politiki u fil-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni żviluppat firxa ta’ għodod sabiex tiżgura li l-ugwaljanza (inkluża l-ugwaljanza bejn il-ġeneri) dejjem titqies fit-tfassil, fl-implimentazzjoni, fil-monitoraġġ u fl-evalwazzjoni tal-politiki, tal-leġiżlazzjoni u tal-programmi ta’ finanzjament tal-UE. Barra minn hekk, u f’konformità mal-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, id-dipartimenti kollha tal-Kummissjoni ħatru koordinatur tal-ugwaljanza.

Bl-istess mod, u f’konformità mal-impenn tagħha fl-istrateġija tagħha dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri ta’ bejn l-2020 u l-2025 u mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar il-QFP ta’ bejn l-2021 u l-2027, il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa metodoloġija sabiex issegwi n-nefqa rilevanti relatata mal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-baġit kollu tal-UE. Bl-abbozz tal-baġit tagħha għall-2023, il-Kummissjoni tipproponi li tapplika din il-metodoloġija għall-ewwel darba f’fażi ta’ ttestjar fil-programmi kollha. Fuq din il-bażi, l-AMPR tal-2021 jirrapporta dwar sa liema punt il-QFP ta’ bejn l-2021 u l-2027 jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri.

Fl-2021, il-Kummissjoni organizzat ukoll korsijiet ta’ taħriġ għall-persunal dwar għalfejn u kif għandu jieħu inkunsiderazzjoni l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’kull stadju tal-azzjonijiet tal-UE, inkluż fil-baġit tal-UE. Il-Kummissjoni se tkompli tipprovdi dawn il-korsijiet ta’ taħriġ speċjalizzati fl-2022.

Separatament, il-Kummissjoni bdiet taħdem ukoll, fuq bażi pilota, fuq metodoloġiji sabiex tkejjel l-impatt ġenerali tal-programmi ta’ nfiq tal-UE fuq l-għanijiet tal-UE f’termini ta’ tranżizzjoni klimatika u diġitali.

7.Simplifikazzjoni tar-regoli u tal-proċedura għall-applikanti għall-fondi tal-UE 

Ir-regoli u l-proċeduri sempliċi ta’ finanzjament huma kruċjali sabiex jippermettu lill-applikanti jirċievu fondi tal-UE, speċjalment dawk b’esperjenza limitata u b’kapaċitajiet amministrattivi bħall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). Is-simplifikazzjoni tar-regoli tal-Kummissjoni għandu jkollha wkoll impatt pożittiv fit-tnaqqis tal-livell ta’ żbalji. Ir-reviżjoni tal-2018 tar-Regolament Finanzjarju introduċiet simplifikazzjonijiet ulterjuri bħat-tnaqqis tal-informazzjoni meħtieġa mill-applikanti, in-nuqqas ta’ duplikazzjoni tal-kontrolli u tal-awditi, u l-użu akbar ta’ forom simplifikati ta’ għotjiet).

Il-Kummissjoni wettqet diversi inizjattivi oħrajn ta’ simplifikazzjoni f’dawn l-aħħar snin. Sal-2022 kważi l-programmi kollha ġestiti direttament mill-Kummissjoni se jkunu qelbu għas-sistema tal-għotjiet elettroniċi - sabiex l-applikanti kollha għall-għotjiet tal-UE jkollhom “punt uniku ta’ servizz” elettroniku. L-applikanti se jużaw ukoll l-istess dokumentazzjoni elettronika u l-istess proċeduri elettroniċi mingħajr xkiel tul il-proċess tal-għotja. Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda taġġorna l-Ftehim ta’ Għotja Annotat, li se jsir disponibbli għall-applikanti għal finanzjament b’għotjiet, u għall-benefiċjarji tiegħu, sabiex dawn kollha jirċievu gwida konsistenti u prattika.

Il-Kummissjoni qiegħda żżid ukoll l-użu ta’ opzjonijiet ta’ kostijiet issimplifikati (SCOs) meta tipprovdi għotjiet. Dan minħabba li l-forom issimplifikati ta’ finanzjament bħall-kostijiet unitarji u s-somom f’daqqa jistgħu jnaqqsu ħafna l-piż amministrattiv u huma marbuta aktar mill-qrib mal-kisba attwali tal-azzjonijiet iffinanzjati.

Il-finanzjament b’somma f’daqqa qiegħed jiddaħħal b’mod gradwali għall-programm ta’ finanzjament Orizzont Ewropa, li jibda bil-mod fl-2022 u l-ewwel mewġa sinifikanti ppjanata għall-2023. Il-Kummissjoni qiegħda tiżviluppa wkoll sistema ta’ kost unitarju għall-kostijiet tal-persunal. Din il-miżura għandha potenzjal enormi minħabba li l-kostijiet tal-persunal huma aktar minn 60 % tal-baġit ta’ għotja medja u huma bil-bosta l-akbar sors ta’ żbalji. B’mod parallel ma’ dawn is-simplifikazzjonijiet, il-Kummissjoni tipprovdi appoġġ lill-applikanti ta’ Orizzont Ewropa permezz ta’ kampanji ta’ komunikazzjoni, inklużi workshops, u billi timmira lejn benefiċjarji aktar “suxxettibbli għall-iżbalji” bħall-SMEs u dawk li japplikaw għall-ewwel darba.

Il-Kummissjoni qiegħda tippromwovi wkoll l-użu tal-SCOs mill-Istati Membri fil-politiki ta’ koeżjoni u agrikoli, billi tgħin lill-awtoritajiet nazzjonali jħejju u jivvalutaw l-iskemi tal-SCO għall-programmi bejn l-2021 u l-2027. Dan eventwalment se jnaqqas il-piż amministrattiv għal ħafna applikanti taħt ġestjoni kondiviża.

Fl-aħħar nett, il-mudell ta’ implimentazzjoni ġdid tal-PAK joffri flessibbiltajiet lill-Istati Membri sabiex ifasslu l-interventi agrikoli tagħhom f’konformità mar-realtà u l-ħtiġijiet agrikoli tagħhom, filwaqt li xorta jirrispetta r-regoli ġenerali tal-Unjoni. Il-mudell il-ġdid għandu jgħin sabiex jitnaqqsu l-kumplessità u l-iżbalji.

 

8.Impenji baġitarji pendenti – “Reste à Liquider” (RAL)

Il-livell ta’ impenji pendenti (magħruf bħala “ir-RAL” - minn “reste à liquider” bil-Franċiż) li jirriżultaw mill-QFP ta’ bejn l-2021 u l-2027 u l-predeċessuri tiegħu naqsu matul l-2021. Dan kien dovut l-aktar minħabba l-pagamenti aċċellerati li saru għall-programmi tal-politika ta’ koeżjoni li għaddejjin bħalissa, filwaqt li l-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ fondi ta’ koeżjoni hija mistennija li titnieda fl-2022 biss. Il-finanzjament ta’ koeżjoni jirrappreżenta l-akbar sehem fl-impenji pendenti u għalhekk għandu influwenza partikolari fuq l-iżvilupp kontinwu tal-impenji pendenti kollha kemm huma.

B’kuntrast ma’ dan, kien hemm żieda nominali fil-valur tal-impenji pendenti matul l-2021 meta jitqies l-NGEU. L-NGEU temporanjament iżid il-livell ġenerali tal-impenji pendenti, li se jilħaq l-ogħla livell sa tmiem l-2023 (l-aħħar sena sabiex isiru impenji tal-NGEU). L-impenji pendenti marbuta mal-NGEU se jibdew jiġu regolati fl-2024 u dan se jkompli sal-aħħar tal-2026, li hija l-iskadenza għat-tlestija tal-pagamenti għall-NGEU.

Għall-perjodu ta’ bejn l-2021 u l-2027, il-Kummissjoni pproponiet sensiela ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni sabiex tiffaċilita u taċċellera l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni. Filwaqt li ġew adottati ħafna proposti, il-Kummissjoni tesprimi dispjaċir dwar il-fatt li r-ritorn għar-regola ta’ diżimpenn n+2 ma kienx approvat, ħlief għall-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali tal-PAK, li għalih ir-regola ta’ diżimpenn se tinbidel minn n+3 għal n+2.

F’dan l-istadju bikri taċ-ċiklu baġitarju l-ġdid, il-Kummissjoni tqis li tliet fatturi se jikkawżaw it-tendenza tal-impenji pendenti li qegħdin jikbru b’mod nominali sabiex tkompli matul il-perjodu tal-QFP bejn l-2021 u l-2027: (1) id-deċiżjoni li tinżamm ir-regola ta’ diżimpenn n+3 għall-akbar sehem tal-infiq; (2) il-fatt li l-leġiżlazzjoni li tirregola l-biċċa l-kbira tal-fondi f’ġestjoni kondiviża ġiet miftiehma biss fi stadju tard; u (3) l-enfasi tal-awtoritajiet nazzjonali fuq l-NGEU fis-snin li ġejjin.

B’mod partikolari, it-tħejjija tal-programmi nazzjonali u reġjonali bejn l-2021 u l-2027 fil-qasam tal-politika ta’ koeżjoni kienet affettwata mhux biss mill-adozzjoni tard tal-QFP ta’ bejn l-2021 u l-2027, iżda wkoll mill-fatt li t-tħejjijiet fl-Istati Membri seħħu b’mod parallel mat-tħejjija tal-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza. Din kienet sfida operazzjonali għal ċerti Stati Membri. Madankollu, il-Kummissjoni tistenna li l-programmi kollha jiġu miftiehma sa tmiem l-2022.

Metrika addizzjonali rilevanti meta jiġu vvalutati l-impenji pendenti hija t-tqabbil tagħha mad-daqs tal-ekonomija tal-UE (imkejla, eż. mill-Introjtu Nazzjonali Gross jew mill-ING). L-impenji pendenti (minbarra l-impenji pendenti marbuta mal-NGEU) huma mistennija li jonqsu bejn tmiem l-2021 u t-tmiem tal-2027 minn 1,7 % għal 1,6 % tal-ING tal-UE. Dan juri li t-tkabbir nominali tal-impenji pendenti huwa anqas mit-tkabbir nominali tal-ekonomija tal-UE. L-eżistenza tal-impenji pendenti fiha nnifisha ma tindikax li l-baġit ma ġiex implimentat iżda hija strettament relatata mad-dewmien ta’ żmien bejn l-impenji u l-pagamenti.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tfakkar, minn naħa waħda, li l-adozzjoni tal-baġit taqa’ fl-aħħar mill-aħħar taħt l-ambitu tal-awtorità baġitarja, li tinvolvi l-għoti ta’ livell suffiċjenti ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament, u min-naħa l-oħra, din l-implimentazzjoni hija ġestita mill-awtoritajiet nazzjonali għall-biċċa l-kbira tal-fondi u tiddependi fil-biċċa l-kbira fuq ir-regoli stabbiliti mill-koleġiżlaturi fl-atti bażiċi rilevanti. Il-Kummissjoni se tkompli tikkoopera mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill, kif ukoll mal-korpi implimentattivi nazzjonali.

9. Tqassir tal-proċedura ta’ kwittanza 

Il-Kummissjoni tappoġġa l-idea ta’ proċedura ta’ kwittanza iqsar. Hija bagħtet il-kontijiet konsolidati tal-UE tal-2020 u tal-2021 xahar qabel l-iskadenza regolatorja tal-31 ta’ Lulju fl-2021 u fl-2022. Il-Kummissjoni avvanzat ukoll il-pubblikazzjoni tal-AMPR bi ftit ġimgħat f’dawn is-sentejn. Il-pubblikazzjoni tal-AMPR saħansitra aktar kmieni hija ta’ sfida minħabba li xi RAA, li huma l-bażi għall-AMPR, iridu jinkludu informazzjoni mill-Istati Membri. Il-Kummissjoni tirċievi din l-informazzjoni l-aktar kmieni fi Frar u teħtieġ iż-żmien sabiex tivvalutaha u tevalwaha.

Barra minn hekk, tqassir sinifikanti tal-proċedura ta’ kwittanza jkun jirrikjedi wkoll li kemm il-QEA tippubblika r-rapport annwali tagħha aktar kmieni, kif ukoll li l-Kunsill jadotta r-rakkomandazzjoni ta’ kwittanza tiegħu aktar kmieni.

10.Inħarsu ’l quddiem

Il-Kummissjoni hija impenjata li tagħti riżultati dwar il-prijoritajiet enfasizzati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill bħala riżultat tal-proċedura ta’ kwittanza tal-2020. Hija lesta wkoll li tiffaċċja sfidi ġodda, li mhux dejjem jistgħu jiġu antiċipati u normalment jirrikjedu li l-Kummissjoni twieġeb b’mod rapidu u bi flessibbiltà kbira. L-aktar waħda riċenti hija l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna. Fit-18 ta’ Mejju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat pakkett sabiex twieġeb għall-isfidi maħluqa minn din il-gwerra, inkluża s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, id-distakk fl-investiment fid-difiża tal-UE u r-rikostruzzjoni fit-tul tal-Ukrajna. Kollha kemm huma għandhom implikazzjonijiet għall-baġit tal-UE.

Kollox jagħti x’jifhem li wieħed jistenna li x-xhur li ġejjin se jkomplu jiġu kkaratterizzati minn inċertezza u sfidi kbar.

Fi kwalunkwe każ, il-Kummissjoni se tiżgura li flus il-kontribwenti jkomplu jintefqu f’konformità mar-regoli u mal-impatt massimu fil-prattika.

Il-Kummissjoni tibbaża fuq l-appoġġ tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-proposti tagħha jistgħu jitwettqu biss bl-għajnuna tagħhom. Id-diskussjonijiet li ġejjin, speċjalment dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Finanzjarju, se jkunu kruċjali għat-titjib tal-mekkaniżmi sabiex jiġi ssalvagwardjat il-baġit tal-UE, u sabiex il-monitoraġġ, il-kontroll u l-awditjar tal-fondi tal-UE jsiru aktar effiċjenti u effettivi.

* * *

(1)

  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 1).

(2)

Il-Kawżi C-156/21 L-Ungerija vs Il-Parlament u Il-Kunsill u C-157/21 Il-Polonja vs Il-Parlament u Il-Kunsill

(3)

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni SWD(2022) 225 final, Climate Mainstreaming Architecture in the 2021-2027 MFF

Top