EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52022BP1817

Riżoluzzjoni (UE) 2022/1817 tal-Parlament Ewropew tal-4 ta’ Mejju 2022 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 (issa l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa) għas-sena finanzjarja 2020

OJ L 258, 5.10.2022, p. 448–453 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/res/2022/1817/oj

5.10.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 258/448


RIŻOLUZZJONI (UE) 2022/1817 TAL-PARLAMENT EWROPEW

tal-4 ta’ Mejju 2022

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 (issa l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa) għas-sena finanzjarja 2020

IL-PARLAMENT EWROPEW,

wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Clean Sky 2 għas-sena finanzjarja 2020,

wara li kkunsidra l-Artikolu 100 u l-Anness V tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A9-0070/2022),

A.

billi l-Impriża Konġunta Clean Sky ġiet stabbilita f’Diċembru 2007 bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 (1) (li daħal fis-seħħ fis-7 ta’ Frar 2008) għal perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2017; billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b’mod awtonomu f’Novembru 2009;

B.

billi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2 (l-“Impriża Konġunta”) stabbilita bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 (2) issostitwiet, b’effett mis-27 ta’ Ġunju 2014, l-Impriża Konġunta Clean Sky fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, u dan estenda l-ħajja tagħha għall-perjodu sal-31 ta’ Diċembru 2024;

C.

billi l-objettivi ewlenin tal-Impriża Konġunta huma li tikkontribwixxi għat-titjib sinifikanti tal-impatt ambjentali tat-teknoloġiji ajrunawtiċi u għall-iżvilupp ta’ industrija ajrunawtika u ta’ katina ta’ provvista b’saħħithom u kompetittivi fuq livell globali fl-Ewropa;

D.

billi l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta huma l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-membri privati, jiġifieri l-Mexxejja u l-Membri Assoċjati kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 558/2014 u s-Sħab Ewlenin magħżula permezz ta’ sejħa miftuħa, mhux diskriminatorja u kompetittiva soġġetta għal evalwazzjoni indipendenti, f’konformità mal-Artikolu 4(2);

E.

billi l-kontribuzzjoni massima mill-Unjoni għat-tieni fażi tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta hija EUR 1 755 000 000 (inklużi l-approprjazzjonijiet tal-EFTA) li għandhom jitħallsu mill-baġit ta’ Orizzont 2020; billi l-kontribuzzjoni totali mill-membri privati għandha tkun mill-inqas EUR 2 193 750 000, li tinkludi kontribuzzjonijiet fi flus għall-ispejjeż amministrattivi u kontribuzzjonijiet in natura għall-operat kif ukoll il-minimu ta’ kontribuzzjoni in natura għal Attivitajiet Addizzjonali jkun EUR 965 250 000 għall-perjodu definit fir-Regolament;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.

Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri (il-“Qorti”) sabet fir-rapport tagħha (ir-“rapport tal-Qorti”), il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja li ntemmet fil-31 ta’ Diċembru 2020 jippreżentaw b’mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tal-Impriża Konġunta fil-31 ta’ Diċembru 2020, ir-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha, il-flussi ta’ flus tagħha, u t-tibdil fl-assi netti għas-sena li ntemmet dakinhar, f’konformità mar-Regolament Finanzjarju tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni; jinnota li t-tranżazzjonijiet sottostanti għall-kontijiet huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

2.

Jinnota li l-baġit finali disponibbli tal-Impriża Konġunta għall-2020 (inklużi l-approprjazzjonijiet mhux użati li ddaħħlu mill-ġdid tas-snin preċedenti, id-dħul assenjat, u r-riallokazzjonijiet għas-sena ta’ wara) kien jinkludi approprjazzjonijiet ta’ impenn ta’ EUR 346 723 559 u approprjazzjonijiet ta’ pagament ta’ EUR 356 604 910; jinnota li r-rata ta’ użu kienet 71,66 % għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u 78,41 % għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament;

3.

Jinnota li l-programm tas-Seba’ Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (FP7) ingħalaq formalment fl-2017 u li fl-2020 l-Impriża Konġunta implimentat ftit awditi ex post tal-FP7 li kien fadal; jinnota, barra minn hekk, li fl-2020 ma kien hemm l-ebda bidla fil-kontribuzzjonijiet tal-membri għall-programm FP7;

4.

Jinnota li sa tmiem l-2020, mill-ammont massimu ta’ EUR 1 755 000 000 ta’ kontribuzzjoni tal-Unjoni minn Orizzont 2020 skont ir-Regolament (UE) Nru 558/2014, l-Unjoni kkontribwiet total ta’ EUR 1 451 082 877 għall-attivitajiet operazzjonali u l-ispejjeż operatorji ta’ Orizzont 2020; jinnota li, sa tmiem l-2020, it-total tal-kontribuzzjoni in natura minn membri privati għal attivitajiet operazzjonali kien EUR 581 335 882, filwaqt li t-total tal-kontribuzzjon in natura minn membri privati għal attivitajiet addizzjonali kien EUR 1 144 170 000 (li jinkludi EUR 838 120 000 iċċertifikati bis-sħiħ mill-awdituri esterni tal-membri u vvalidati mill-Bord ta’ Tmexxija għall-perjodu 2014-2019);

5.

Jinnota mir-rapport tal-Qorti l-baġit tal-pagamenti tal-2020 disponibbli għall-proġetti ta’ Orizzont 2020; jinnota, barra minn hekk, li l-pandemija tal-COVID-19 irriżultat fi tnaqqis fir-ritmu tal-ftehimiet ta’ għotja għas-sħab, kif ukoll f’eżekuzzjoni insuffiċjenti tal-ftehimiet ta’ għotja għal-membri għall-perjodu 2018-2019; jinnota, barra minn dan, li dan wassal għal irkupri sinifikanti ta’ prefinanzjamenti mħallsa żejda li żiedu l-approprjazzjonijiet ta’ pagament operazzjonali (fondi ta’ dħul assenjat intern) għal EUR 22 572 214 fl-2020; jinnota, flimkien ma’ dan, li din is-sitwazzjoni affettwat b’mod avvers ir-rata ta’ implimentazzjoni tal-baġit għall-pagamenti operazzjonali, li kienet ta’ 82,6 % fi tmiem l-2020 (meta mqabbla mal-2019 li kienet 97,2 %); jinnota, barra minn hekk, mir-rapport tal-Qorti li, għall-kuntrarju tar-regoli finanzjarji tagħha, l-Impriża Konġunta ma użatx kompletament l-approprjazzjoni tas-snin preċedenti ta’ madwar EUR 13 300 000, li ddaħħlet mill-ġdid fil-baġit operazzjonali għall-2020, qabel ma użat l-approprjazzjonijiet ta’ pagament tas-sena; jinnota li, skont ir-rispota tal-Impriża Konġunta, fil-bidu tas-sena 2020, hija kellha biss krediti ta’ pagamenti li ġejjin minn fond C1 u li wara l-ewwel emenda baġitarja tas-sena, l-approprjazzjonijiet mhux użati kienu ġew riattivitati bħala fondi C2 f’Mejju 2020; jinnota, madankollu, l-ispjegazzjoni skont liema l-għodda tal-Kummissjoni għall-ġestjoni tal-għotjiet ma tatx prijorità lill-użu tal-fondi C2 mingħajr intervent manwali għal kull pagament, għalhekk l-approprjazzjonijiet C1 ġew ikkonsmati l-ewwel; jinnota, barra minn hekk, li skont ir-risposta tal-Impriża Konġunta din tal-aħħar kienet ippjanat li tuża l-fondi C2 għall-pagamenti ta’ prefinanzjament addizzjonali għall-Ftehim ta’ Għotja għall-Membri 2020-2021 fl-aħħar xhur tal-2020 u li, iżda, xi wħud minn dawn il-pagamenti kellhom jiġu posposti għall-bidu tal-2021; jinnota, madankollu, li l-Impriża Konġunta se tistabbilixxi miżuri ta’ monitoraġġ addizzjonali biex tiżgura li l-fondi riattivati jiġu kkonsmati l-ewwel; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar kull żvilupp f’dak ir-rigward;

6.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-Impriża Konġunta żiedet b’aktar mid-doppju l-baġit għall-pagament tan-nefqa tagħha fuq l-infrastruttura u l-komunikazzjoni (li tirrappreżenta madwar 1,5 % tal-baġit totali disponibbli għall-pagamenti tal-Impriża Konġunta) għas-sena finanzjarja 2020 u li dan l-irduppjar tal-baġit għall-pagamenti, flimkien mal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-ispejjeż ippjanati għall-IT, il-komunikazzjoni, l-avvenimenti u servizzi esterni oħra, irriżultaw fir-rata baxxa ta’ implimentazzjoni ta’ 42,7 % fl-aħħar tal-2020 (meta mqabbla mal-2019: 98,7 %);

7.

Jinnota li r-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-Impriżi Konġunti għall-2020 ma kienx fih id-data kollha relatata mal-kontribuzzjonijiet in natura vvalidati; jitlob lill-Impriża Konġunta tqassar id-dewmien fir-rapportar tal-kontribuzzjonijiet in natura;

8.

Jinnota li jeżistu proċeduri differenti fost l-Impriżi Konġunti rigward il-kalkolu għall-kontribuzzjonijiet in natura u jappella biex jiġu armonizzati;

Prestazzjoni

9.

Jinnota li l-ħdax-il sejħa għall-proposti (CfP11) tnediet f’Jannar 2020 u kienet tinkludi 35 suġġett, li minnhom erbgħa kienu suġġetti tematiċi, u involvew 128 parteċipazzjoni minn 17-il pajjiż differenti; jinnota wkoll li ġew ippreżentati 188 proposta eliġibbli u nżammu 36 li minnhom 25 proposta kienu għal suġġetti tematiċi; jinnota, barra minn hekk, li s-sejħa għal proposti ġiet pproċessata b’suċċess kompletament b’mod remot; jinnota li l-portafoll globali tal-Impriża Konġunta matul il-ħajja tagħha jinkludi ħdax-il sejħa għal proposti li jinvolvu aktar minn 726 sieħeb minn 28 pajjiż differenti b’involviment qawwi tal-impriżi żgħar u medji f’termini ta’ parteċipazzjoni u l-għotjiet mogħtija, u total ta’ 610 proġetti; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta lestiet l-implimentazzjoni tal-għaxar sejħa għal proposti (CfP10) f’April 2020; jinnota li l-evalwazzjoni tal-aħħar sejħa tal-programm tlestiet fl-2020, jiġifieri s-CfP11, u li l-Impriża Konġunta avzat li qiegħda tkompli l-isforzi tagħha biex ittejjeb il-bilanċ bejn il-ġeneri fi ħdan il-grupp ta’ esperti; jiddispjaċih li, minkejja dawn l-isforzi, il-perċentwal ta’ nisa fost l-esperti kien biss 20 %;

10.

Jinnota li l-għadd nett ta’ Sħab Ewlenin, inklużi l-affiljati tagħhom u l-partijiet terzi relatati, li jaderixxu mal-programm abbażi ta’ Sejħiet għal Sħab Ewlenin huwa ta’ aktar minn 190, b’madwar 50 impriża żgħira u ta’ daqs medju parteċipanti li ġejjin minn 22 pajjiż differenti (18-il Stat Membru u erba’ pajjiżi assoċjati ma’ Orizzont 2020);

11.

Jinnota li l-Uffiċċju tal-Programm wettaq valutazzjoni tal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-attivitajiet tiegħu bil-għan li jidentifika oqsma fl-ippjanar strateġiku li jeħtieġu reviżjoni jew l-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni u li, abbażi ta’ din, l-ambitu tal-ħidma għall-maġġoranza l-kbira tad-dimostraturi li għandu jintlaħaq għadu l-istess u li, madankollu, ġie identifikat xi dewmien (medja ta’ 4-6 xhur) għal madwar terz tad-dimostraturi fl-implimentazzjoni tal-Programm, b’sitwazzjoni ta’ disparità osservata fost l-oqsma differenti ta’ attività; jinnota li, fejn possibbli, id-dimostraturi rċevew appoġġ ta’ finanzjament ibbażat fuq id-disponibbiltà ta’ fondi eżistenti, bil-għan li jitnaqqas ir-riskju ta’ dewmien u/jew nuqqasijiet potenzjali ta’ fondi f’oqsma affettwati tal-programm; jinnota, barra minn hekk, li l-kontribuzzjoni għall-Objettivi ta’ Livell Għoli tal-Impriża Konġunta mhijiex affettwata peress li l-kontenut ġenerali tal-programm huwa ppreservat iżda d-dewmien (li huwa konsegwenza diretta tal-pandemija iżda wkoll tad-diffikultajiet tekniċi marbuta ma’ ċertu livell ta’ inċertezza inerenti għall-attivitajiet ta’ riċerka u innovazzjoni) jista’ jkollu impatt fuq l-isfruttament f’waqtu tar-riżultati; jinnota li l-Impriża Konġunta tqis li aktar minn 80 % tad-dimostraturi ewlenin tagħha se jilħqu l-objettivi tagħhom sa tmiem il-programm kif ippjanat; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza f’dak ir-rigward;

12.

Jilqa’ l-fatt li, minkejja l-kriżi tal-COVID-19 fl-2020, l-Impriża qed tkompli timplimenta l-pjan ta’ azzjoni dwar is-sinerġiji mal-Istati Membri u r-reġjuni li huma interessati li jinvestu l-FSIE (Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej), jew fondi reġjonali, fil-qasam tal-ajrunawtika u f’teknoloġiji relatati oħra;

13.

Jinnota li l-Impriża Konġunta implimentat għodod għall-monitoraġġ tal-eżekuzzjoni tal-programm tagħha, jiġifieri rapporti trimestrali dwar id-Dimostraturi Teknoloġiċi Integrati/il-Pjattaformi ta’ Dimostrazzjoni ta’ Mezzi tal-Ajru Innovattivi (ITD/IADPs), kumitati ta’ tmexxija fil-livell tal-ITD/IADP, rieżamijiet annwali tal-prestazzjoni tal-ITD/IADPs, u rrappurtati regolarment lill-Bord ta’ Tmexxija;

14.

Jinnota li l-Impriża Konġunta tuża indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni u l-kwistjonijiet trasversali fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, u l-KPIs speċifiċi għall-Impriża Konġunta bħar-rata ta’ suċċess tas-suġġetti tas-sejħiet, l-eżekuzzjoni tal-pjan ta’ ħidma u l-kopertura tal-awditu ex post;

15.

Jinnota l-objettivi intermedji miksuba fl-2020 fir-rigward tal-attivitajiet imwettqa fl-ambitu tal-Ftehim ta’ Għotja għall-Membri, bħall-progress tajjeb tal-IADP tal-Inġenji tal-Ajru Kbar tal-Passiġġieri, il-progress importanti ħafna bil-fażi tad-disinn dettaljata li tlestiet għad-dimostraturi kollha fuq skala kbira fl-IADP tal-Inġenji tal-Ajru Reġjonali, id-disinn kritiku tas-subsistema u r-rieżamijiet kritiċi tad-disinn tal-inġenji tal-ajru mwettqa fid-dimostrazzjoni tat-teknoloġija NGCTR u l-progress fid-dimostrazzjoni kompost RACER, kif ukoll il-progress u l-kisbiet tal-ITD għall-Oqfsa tal-Inġenju tal-Ajru, fl-ITD għall-Magni, fl-ITD għas-Sistemi, tal-Attivitajiet trasversali tal-ekodisinn, fil-Qasam Trasversali tat-Trasport bl-Ajru Żgħir, u fl-Evalwatur tat-Teknoloġija;

16.

Jinnota li, minħabba raġunijiet operattivi, tlieta mis-sejħiet għall-offerti operattivi ppjanati inizjalment ġew posposti mill-2020 għall-2021, u l-portata tagħhom ġiet immodifikata ftit u tnejn minnhom ingħaqdu fi studju wieħed;

17.

Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-Impriża fl-iżgurar ta’ aċċelerazzjonijiet netti fit-teknoloġiji ekoloġiċi li għandhom l-għan li jnaqqsu l-emissjonijiet ta’ CO2 u l-livelli ta’ storbju prodotti mill-inġenji tal-ajru, biex b’hekk jittejjeb l-impatt ambjentali tat-teknoloġiji ajrunawtiċi u tiġi żviluppata industrija ajrunawtika u katina tal-provvista b’saħħithom u globalment kompetittivi fl-Ewropa; jemmen li s-suċċessur tagħha, jiġifieri l-Impriża Konġunta Avjazzjoni Nadifa, se jkollha rwol importanti biex tiżgura l-involviment tas-settur tal-avjazzjoni fil-Patt Ekoloġiku Ewropew;

Persunal u akkwist

18.

Jinnota li, fil-31 ta’ Diċembru 2020, imtlew il-postijiet ta’ 36 aġent temporanju u ta’ 6 aġenti kuntrattwali skont it-tabella tal-persunal u, barra minn hekk, espert nazzjonali sekondat wieħed mit-tnejn skont it-tabella tal-persunal;

19.

Jinnota li fl-2020 l-Impriża Konġunta nediet il-proċedura ta’ reklutaġġ għal 3 pożizzjonijiet; jinnota li minbarra l-karigi statutarji, l-Impriża Konġunta tiddependi minn fornituri esterni ta’ servizzi, bħall-webmaster, id-ditta tas-servizzi tal-IT kondiviża mal-Impriżi Konġunti l-oħra, disa’ interims u konsulent wieħed fil-komunikazzjoni; jinnota li l-Impriża Konġunta kompliet timplimenta wkoll aktar l-użu ta’ Sysper2;

20.

Jinnota bi tħassib li, skont ir-rapport tal-Qorti, għalkemm il-persunal statutarju tal-Impriża Konġunta baqa’ fil-livell stabbli ta’ 42 mill-2017 sal-2020, matul l-istess perjodu, l-Impriża Konġunta żiedet b’mod sinifikanti l-użu tagħha ta’ persunal interim minn tlieta għal għaxra ta’ ekwivalenti full-time, jiġifieri, minn 8 % għal 24 % tal-persunal statutarju tal-Impriża Konġunta, li l-kompiti mwettqa mill-persunal interim mhumiex madankollu ta’ natura ta’ darba jew temporanja, li jirriżultaw minn żieda eċċezzjonali fil-volum ta’ xogħol jew mit-twettiq ta’ attività ta’ darba, iżda pjuttost huma ta’ natura permanenti (eż. assistent tas-servizz legali, assistenza segretarjali, assistent tal-komunikazzjoni u assistent tal-uffiċjal tal-proġetti); jinnota li l-prassi tal-Impriża Konġunta toħloq de facto aktar postijiet permanenti minn dawk previsti fit-tabella tal-persunal, u dan iwassal għal dawran tal-impjegati għoli u joħloq inċertezza fosti l-persunal kuntrattwali, kif ukoll jolqot negattivament, fl-aħħar mill-aħħar, il-prestezzjoni kumplessiva tal-Impriża Konġunta;

21.

Jinnota mir-risposta tal-Impriża Konġunta skont liema kienet imġiegħla żżid kostantement l-użu ta’ persunal interim f’dawn l-aħħar snin – minħabba limitazzjoni tat-tabella tal-persunal riġida – f’kundizzjonijiet ta’ kompiti u volum ta’ xogħol dejjem ogħla, u jibża’ li din it-tendenza se tkompli biż-żewġ programmi Clean Sky 2 u l-programm “Clean Aviation” il-ġdid eżegwiti b’mod parallel; jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li, minbarra dan, l-Impriża Konġunta ħadet miżuri ta’ mitigazzjoni (pereżempju mekkaniżmi ta’ superviżjoni adegwati, u limitat il-kompiti tal-interims għal kompiti mhux essenzjali u żgurat taħriġ u mentoraġġ adegwati); josserva, madankollu, li din hija sitwazzjoni mhux ottimali f’prospettiva ta’ perjodu medju u twil u li l-Impriża Konġunta tqis li s-soluzzjoni tkun li tiġi żgurata aktar flessibbiltà f’dak li għandu x’jaqsam man-numru ta’ postijiet ta’ aġenti kuntrattwali fit-tabella tal-persunal; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tidentifika l-oqsma operattivi ewlenin li fihom għandhom ikunu kkonċentrati r-riżorsi umani biex jiġi ottimizzat il-kontribut tagħhom lill-fluss tax-xogħol u jitlob li l-Impriża Konġunta jkollha aktar persunal;

22.

Jinnota li, wara li ġiet iddikjarata l-pandemija tal-COVID-19, ittieħdet azzjoni rapida biex jiġi żgurat li l-persunal kollu jkun mgħammar bil-materjali tal-ICT meħtieġa għat-telexogħol fit-tul;

23.

Jinnota bi tħassib l-isfidi assoċjati mal-pandemija tal-COVID-19 għall-impjegati, speċjalment meta jitqiesu s-sitwazzjonijiet ta’ ħajja differenti, in-nuqqas ta’ aċċess għall-uffiċċji u l-effetti possibbli tal-iżolament; jitlob lill-Impriża Konġunta tikkonċentra fuq il-benesseri tal-impjegati, il-ġestjoni tal-istress u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jitlob lill-maniġment jiżgura li jkun hemm strutturi ta’ appoġġ xierqa fis-seħħ biex jiġi żgurat il-benesseri psikoloġiku tal-persunal;

24.

Jilqa’ pożittivament il-fatt li l-Impriża Konġunta użat is-soluzzjoni tal-akkwist elettroniku għall-proċeduri ta’ akkwist miftuħa tagħha fl-2020;

Kontroll Intern

25.

Jinnota li f’Jannar 2020 ġew adottati r-Regoli Finanzjarji riveduti, wara l-adozzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) u tal-mudell tar-Regolament Finanzjarju għall-korpi ta’ sħubija pubblika-privata (ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/887 (4));

26.

Jinnota li skont ir-rapport tal-Qorti, l-Impriża Konġunta stabbiliet proċeduri ta’ kontroll ex ante affidabbli bbażati fuq rieżamijiet dokumentarji finanzjarji u operazzjonali, li fl-2020 implimentat il-qafas ta’ kontroll intern (QKI) tal-Kummissjoni, li huwa bbażat fuq 17-il prinċipju ta’ kontroll intern, u li, għall-monitoraġġ u għall-awtovalutazzjoni annwali tal-effikaċja tal-attivitajiet ta’ kontroll meħtieġa mill-QKI, żviluppat indikaturi rilevanti għall-prinċipji kollha ta’ kontroll intern u l-karatteristiċi relatati; jinnota li l-proċess ta’ ġestjoni tar-riskju tal-Impriża Konġunta ġie ssemplifikat bħala wieħed mill-pilastri ewlenin tas-sistema ta’ kontroll intern;

27.

Jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, għall-pagamenti relatati ma’ Orizzont 2020, is-Servizz ta’ Awditjar Komuni (CAS) tal-Kummissjoni huwa responsabbli għall-awditi ex post u li, abbażi tar-riżultati tal-awditi ex post disponibbli fi tmiem l-2020, l-Impriża Konġunta rrapportat rata ta’ żball rappreżentattiva ta’ 1,60 % u rata ta’ żball residwu ta’ 0,91 % għall-proġetti fl-ambitu ta’ Orizzont 2020; jinnota li, skont il-proposta tal-Kummissjoni għar-regolament dwar Orizzont 2020, l-għan aħħari għal-livell ta’ żball residwu fl-għeluq tal-programmi, wara li jkun tqies l-impatt finanzjarju tal-awditi u tal-miżuri ta’ korrezzjoni u ta’ rkupru kollha, huwa li jinkiseb livell kemm jista’ jkun qrib it-2 %;

28.

Jinnota li l-Qorti ssottoponiet għal awditjar kampjun aleatorju ta’ pagamenti ta’ Orizzont 2020 li saru fl-2020 fil-livell tal-benefiċjarji finali, biex tikkorrobora r-rati ta’ żball tal-awditu ex post bħala parti mill-kontrolli operazzjonali tal-pagamenti u li dawn l-awditi dettaljati żvelaw f’każ wieħed, żball ta’ aktar minn 1 % tal-ispejjeż awditjati, relatat mal-ispejjeż tal-persunal iddikjarati, dovut għall-fatt li l-benefiċjarju ma rrispettax bis-sħiħ il-limitu massimu għas-sigħat maħduma fuq il-proġett, fir-rigward tal-persunal li jaħdem esklużivament fuq il-proġett mingħajr reġistrazzjoni tal-ħin tax-xogħol;

29.

Jenfasizza li, fir-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-Impriżi Konġunti tal-UE għas-sena finanzjarja 2020, il-Qorti kkonstatat żbalji sistemiċi persistenti fl-ispejjeż tal-persunal iddikjarati mill-benefiċjarji, b’mod partikolari min-naħa tal-SMEs u ta’ benefiċjarji ġodda; jinnota li żbalji bħal dawn ġew irrapportati regolarment ukoll fl-awditi ex post tas-Servizz tal-Awditjar Komuni (CAS) u tal-awdituri esterni inkarigati minnu; jevidenzja li, fil-paġna 41 ta’ dan ir-rapport, il-Qorti tiddikjara li s-semplifikazzjoni tar-regoli tal-programm Orizzont 2020 għad-dikjarazzjoni tal-ispejjeż tal-persunal u l-użu aktar mifrux ta’ għażliet ta’ spejjeż semplifikati hija prekundizzjoni għal programmi qafas ta’ riċerka futuri, sabiex jiġu stabbilizzati r-rati ta’ żball għal taħt il-livell ta’ materjalità; jinkoraġġixxi lill-Impriża Konġunta ssaħħaħ is-sistemi ta’ kontroll intern tagħha, peress li l-SMEs u l-benefiċjarji ġodda huma aktar suxxettibbli għall-iżbalji;

30.

Jilqa’ pożittivament l-azzjoni korrettiva meħuda mill-Impriża biex tindirizza l-iżbalji sistemiċi relatati mal-ispejjeż iddikjarati tal-persunal osservati mill-Qorti tal-Awdituri fis-sena preċedenti;

31.

Jinnota li l-programm tal-Impriża Konġunta huwa kopert mill-Istrateġija Komuni Kontra l-Frodi għall-komunità tar-riċerka (CAFS); jinnota li, fl-2020, l-Impriża Konġunta stabbiliet l-Istrateġija speċifika tagħha Kontra l-Frodi għal Clean Sky 2 u li ġie żviluppat pjan ta’ azzjoni bil-għan li jissaħħu aktar il-kontrolli biex jiġu evitati u identifikati l-frodi; jinnota li f’Novembru 2020 sar sessjoni ta’ taħriġ ta’ sensibilizzazzjoni għall-persunal tal-Impriża Konġunta; jinnota, barra minn hekk, li fl-2020 l-Impriża Konġunta tat segwitu lil żewġ każijiet ta’ allegati frodi li għadhom għaddejjin, li ġew innotifikati lill-OLAF fl-2018 u li dwarhom l-OLAF fetaħ investigazzjonijiet; jinnota mir-rapport ta’ segwitu għall-kwittanza tal-2019 li, f’Settembru 2021, l-Impriża Konġunta rċeviet ir-rapporti finali tal-OLAF rigward żewġ investigazzjonijiet fuq proġetti ta’ Clean Sky u Clean Sky 2 u li, fiż-żewġ każijiet, l-OLAF ikkonferma s-suspett ta’ frodi u ħareġ rakkomandazzjonijiet biex jiġi rkuprat il-finanzjamenti miksubin irregolarment mill-entitajiet frawdolenti u biex l-entitajiet u l-persuni involuti jiġu rreġistrati fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni Bikrija u ta’ Esklużjoni tal-Kummissjoni; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dak ir-rigward;

Awditu Intern

32.

Jinnota li, fl-2020, is-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) iffinalizza awditu, previst fil-Pjan ta’ Awditjar Strateġiku għall-2019-2021, dwar il-fażi ta’ implimentazzjoni tal-għotjiet fl-ambitu tal-programm Orizzont 2020 u li nħarġu rakkomandazzjonijiet fir-rigward tal-valutazzjoni tar-riskju ta’ frodi u tal-kontrolli kontra l-frodi tal-Impriża Konġunta, ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-evalwazzjoni ex ante tal-pagamenti u tar-rapporti dwar l-għotjiet u tal-monitoraġġ tad-disseminazzjoni, tal-isfruttament u tal-komunikazzjonijiet dwar il-proġetti; jinnota li f’Ġunju 2021 l-IAS wettaq awditu ta’ segwitu u kkunsidra t-tliet rakkomandazzjonijiet magħluqa;

33.

Jinnota li fi Frar 2021 l-Impriża Konġunta rċeviet ir-rapport annwali tal-IAS għall-2020, li enfasizza żewġ rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw minn awditu preċedenti dwar il-ġestjoni tal-prestazzjoni u rakkomandazzjoni waħda dwar il-ġestjoni tal-għotjiet tal-Impriża Konġunta li ġew ittardjati b’mod konsiderevoli; jistieden lill-Impriża Konġunta tirrapporta lill-awtorità ta’ kwittanza dwar l-iżviluppi f’dak ir-rigward.

34.

Jinnota li l-Uffiċjal tal-Awditjar Intern (IAO) ikkonferma lill-Bord tat-Tmexxija l-indipendenza organizzattiva tiegħu, kif definita fl-istandards tal-FII, għalkemm enfasizza nuqqas potenzjali ta’ oġġettività għal xi attivitajiet u proċessi speċifiċi tal-Impriża, li għalihom l-IAO ħa f’idejh responsabbiltà operattiva diretta; jinnota, madankollu, li dawn il-proċessi tal-Impriża kienu koperti bis-sħiħ minn awdituri oħra permezz ta’ awditi ta’ aċċertament jew permezz ta’ valutazzjoni tar-riskju (5);

 


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 71/2008 tal-20 ta’ Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky (ĠU L 30, 4.2.2008. p. 1).

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 558/2014 tas-6 ta’ Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta Clean Sky 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 77).

(3)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

(4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/887 tat-13 ta’ Marzu 2019 dwar il-mudell tar-regolament finanzjarju għall-korpi ta’ sħubija pubblika-privata msemmijin fl-Artikolu 71 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 142, 29.5.2019, p. 16).

(5)  Rapport ta’ Attività Annwali Konsolidat 2020 Clean Sky 2, p. 104-105.


Top