EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XR1992

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali) u ż-żieda fil-produzzjoni tal-vaċċini

COR 2021/01992

OJ C 300, 27.7.2021, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

27.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 300/4


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni dwar il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali) u ż-żieda fil-produzzjoni tal-vaċċini

(2021/C 300/02)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR)

1.

jinnota li l-pandemija tal-COVID-19 kellha konsegwenzi konsiderevoli għall-moviment liberu taċ-ċittadini fi ħdan l-Unjoni Ewropea u lil hinn minnha, u affettwat, b’mod partikolari, l-ivvjaġġar transfruntier u l-ivvjaġġar lejn ix-xogħol u lura;

2.

jemmen li t-tilqim għall-protezzjoni taċ-ċittadini Ewropej mill-COVID-19 u mill-varjanti emerġenti huwa l-mod ewlieni biex tiġi kkontrollata l-pandemija u biex jiġi restawrat il-moviment liberu;

3.

jesprimi dispjaċir li, sal-lum, l-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea għadhom lura fir-rigward tat-tilqim minħabba bidu kajman fil-konklużjoni tal-kuntratti tal-vaċċini ma’ kumpaniji farmaċewtiċi, in-nuqqas ta’ trasparenza tagħhom fir-rigward tal-kuntratti, id-dewmien fit-twassil tal-vaċċini u d-diffikultajiet biex jiġu organizzati l-kampanji ta’ tilqim;

4.

jinsisti li approċċ komuni għall-verifika u ċ-ċertifikazzjoni tal-istatus tal-persuni fir-rigward tal-COVID-19 huwa ta’ importanza kbira biex jiġu żgurati l-effiċjenza, l-effettività u l-interoperabbiltà tal-politiki u tas-soluzzjonijiet tekniċi għall-monitoraġġ tal-pandemija, u biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-dritt ta’ moviment liberu u ta’ residenza libera fit-territorju tal-Istati Membri kollha tal-UE;

5.

jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Regolament dwar qafas għall-ħruġ, il-verifika u l-aċċettazzjoni ta’ ċertifikati interoperabbli dwar it-tilqim, l-ittestjar u l-irkupru biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu matul il-pandemija tal-COVID-19 (Ċertifikat Aħdar Diġitali), kif ukoll il-proposta għal Regolament dwar iċ-Ċertifikati Ħodor Diġitali għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li joqogħdu jew jirrisjedu legalment fl-UE;

6.

jilqa’ l-pożizzjoni tal-PE li jemenda t-titolu għal “Ċertifikat tal-UE tal-COVID-19” sabiex iżid l-għarfien dwar is-siwi taċ-ċertifikat, u b’hekk jiffaċilita l-promozzjoni tiegħu fost iċ-ċittadini; jenfasizza li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni taċ-ċertifikat fost l-abitanti tagħhom u jenfasizza l-valur miżjud tal-UE f’dan il-kuntest; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni Ewropea timpenja ruħha mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni fi sforz ta’ kampanja konġunta;

Iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali

7.

itenni, fid-dawl tal-ħtieġa medika għal ċertifikat tat-tilqim, l-appoġġ tiegħu, espress fir-Riżoluzzjoni dwar il-kampanja ta’ tilqim kontra l-pandemija tal-COVID-19 (RESOL-VII/010), biex tinħoloq forma standardizzata u interoperabbli ta’ prova tat-tilqim għal skopijiet mediċi. Sabiex tiġi evitata d-diskriminazzjoni, dan iċ-ċertifikat għandu jingħata awtomatikament fl-Unjoni Ewropea lil dawk il-persuni li jkunu vaċċinati, lil dawk li rkupraw mill-COVID-19 jew lil dawk li ġew testjati;

8.

jinsisti dwar il-fatt li ċ-ċertifikat aħdar mhuwiex dokument ġdid tal-ivvjaġġar li jagħti drittijiet jew privileġġi ġodda iżda huwa biss għodda li l-għan waħdieni tagħha huwa li tiffaċilita l-eżerċizzju tal-libertà tal-moviment ta’ persuni waqt il-pandemija tal-COVID-19;

9.

jilqa’ l-fatt li l-qafas propost se jipprevedi ċertifikati interoperabbli mhux biss għat-tilqim kontra l-COVID-19 iżda wkoll għall-ittestjar u l-irkupru sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tad-detenturi tad-dritt tagħhom għall-moviment liberu bejn il-pajjiżi tal-UE matul il-pandemija tal-COVID-19 u biex jittejjeb ir-rispett tal-miżuri sanitarji fis-seħħ. Għandhom jingħataw aktar konsiderazzjonijiet dwar il-perjodu ta’ validità taċ-ċertifikat u dwar kwalunkwe aġġornament futur li jista’ jkun meħtieġ;

10.

madankollu, jesprimi tħassib dwar l-interoperabbiltà reali ta’ teknoloġija bħal din bejn l-Istati Membri meta xi wħud minnhom diġà qed jippjanaw li jintegraw iċ-ċertifikati tat-tilqim fl-apps tagħhom għat-traċċar tal-corona, li ħafna minnhom mhumiex kompatibbli ma’ apps oħrajn tal-UE għat-traċċar tal-corona;

11.

iqis li ċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali huwa għodda siewja biex jiġi miġġieled u eliminat ir-riskju ta’ ċertifikati foloz tal-COVID-19, li diġà ġew irrappurtati każijiet tagħhom. Jeħtieġ li jiġu garantiti standards ta’ sigurtà għoljin b’mod partikolari fir-rigward ta’ ċertifikati stampati;

12.

jinsisti li ċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali la għandu jkun prekundizzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet tal-moviment liberu u lanqas ma għandu jkun dokument tal-ivvjaġġar u jenfasizza l-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ persuni mhux imlaqqma;

13.

jissuġġerixxi li l-Artikolu 1 tar-Regolament propost jiġi emendat sabiex jiġi ċċarat li ċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali ma jaffettwax id-dritt tal-ħaddiema transfruntiera li jiċċaqilqu liberament bejn djarhom u l-postijiet tax-xogħol tagħhom matul il-pandemija. Lanqas ma għandu jaffettwa l-moviment liberu tal-oġġetti u s-servizzi essenzjali fis-Suq Uniku, inkluż dak tal-provvisti u tal-persunal mediku permezz tal-hekk imsejħa punti ta’ qsim tal-fruntieri b’“Korsiji Ħodor” imsemmija fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Korsiji Ħodor skont il-Linji Gwida għal miżuri ta’ ġestjoni tal-fruntieri biex tiġi protetta s-saħħa u tiġi żgurata d-disponibbiltà tal-oġġetti u s-servizzi;

14.

jisħaq li n-nondiskriminazzjoni trid tfisser li persuni li mhumiex vaċċinati iżda li għandhom test validu li jikkonferma li huma f’saħħithom ikunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvjaġġaw. Test bħal dan irid ikun disponibbli b’mod wiesa’ u bi prezz minimu;

15.

jappoġġja l-aċċettazzjoni taċ-ċertifikati maħruġa minn pajjiżi terzi liċ-ċittadini tal-UE u lill-membri tal-familja tagħhom meta dawn iċ-ċertifikati jinħarġu skont standards ekwivalenti għal dawk stabbiliti mir-Regolament; jistenna li trattament simili jiġi applikat ukoll għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jirrisjedu jew joqogħdu legalment fl-UE u li jkunu tlaqqmu f’pajjiż terz;

16.

iqis li ċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali għandu japplika biss għall-vaċċini li jkollhom approvazzjoni Ewropea permezz ta’ deċiżjoni tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA). L-Artikolu 2.3 tar-Regolament tal-Kummissjoni Ewropea għandu jiġi emendat biex jirrifletti dan;

17.

jaqbel li ċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali għandu jinħareġ mingħajr ħlas f’format diġitali jew f’format diġitali u stampat, f’konformità mal-isforzi tal-UE fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni. L-Artikolu 3.2 għandu jiġi emendat biex jirrifletti dan;

18.

jirrimarka li r-Regolament għandu jirrikonoxxi l-organizzazzjoni interna tal-Istati Membri u jirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà billi jqis il-fatt li, f’ċerti Stati Membri, l-awtoritajiet nazzjonali mhumiex l-uniċi awtoritajiet li joħorġu ċertifikati tas-saħħa. Fir-Regolament kollu għandha ssir referenza għall-“awtoritajiet pubbliċi rilevanti” (dan għandu jibda mill-Artikolu 3.2);

19.

jistieden lill-Kummissjoni Ewropea, wara d-dħul fis-seħħ taċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali, biex tikkoordina r-restrizzjonijiet fuq il-moviment liberu tal-persuni fl-UE, bħall-kwarantina, l-awtoiżolament, test għall-infezzjoni tal-COVID-19 jew iċ-ċaħda tad-dħul. B’mod partikolari, jinsisti li l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni mingħajr dewmien qabel ma jintroduċu dawn ir-restrizzjonijiet, flimkien mal-motivazzjoni u l-indikazzjonijiet rilevanti tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri meħuda (emenda għall-Artikolu 10.1);

20.

jappella għar-rispett tal-protezzjoni tad-data fil-qafas sensittiv ħafna u personali tas-saħħa u jistieden lil-leġiżlatur Ewropew jivvaluta bir-reqqa l-implikazzjonijiet tal-protezzjoni tad-data taċ-ċertifikat propost b’mod partikolari, il-konformità tiegħu mar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u fir-rigward tal-ħżin tad-data u jekk id-data tal-UE tistax tinħareġ mill-Unjoni Ewropea; jinsisti li ladarba l-pandemija tasal fi tmiemha, id-data ma għandhiex tibqa’ tiġi vvalutata;

21.

itenni l-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta dan ir-Regolament jiġi implimentat mill-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, inkluż id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, id-dritt għall-ugwaljanza quddiem il-liġi u n-nondiskriminazzjoni, id-dritt għall-moviment liberu u d-dritt għal rimedju effettiv. F’dan ir-rigward, kwalunkwe restrizzjoni fuq id-drittijiet fundamentali għandha tkun soġġetta għal valutazzjonijiet u kontrolli tal-proporzjonalità;

22.

iħeġġeġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Ewropew jadottaw iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali mill-aktar fis possibbli sabiex ikun żgurat li ċ-ċertifikat, flimkien mas-sistema tiegħu, jsir kompletament operattiv dan is-sajf, peress li dan jirrappreżenta pass importanti għall-irkupru ekonomiku tal-UE;

23.

iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġixxu b’kawtela meta jużaw iċ-Ċertifikat Aħdar Diġitali. Is-servizzi bażiċi għandhom jibqgħu disponibbli għaċ-ċittadini kollha;

Iż-żieda fil-produzzjoni tal-vaċċini

24.

jafferma mill-ġdid li l-azzjoni tal-Unjoni Ewropea għandha tirrispetta l-prinċipju tas-solidarjetà. L-aċċess għat-tilqim m’għandux jiġi ddeterminat mill-post fejn jgħixu n-nies jew mill-istrateġija ekonomika tal-impriżi privati;

25.

jappella għal żieda rapida fil-produzzjoni tat-tilqim fl-Ewropa u jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni Ewropea li għandha l-għan li żżid din il-produzzjoni tat-tilqim, b’mod partikolari billi żżid l-għadd ta’ siti ta’ manifattura fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea teżamina jekk għandhomx jiġu previsti dispożizzjonijiet ad hoc dwar l-għajnuna mill-Istat għal dak il-għan;

26.

jemmen li, sabiex tiżdied il-produzzjoni tal-vaċċini, l-Unjoni Ewropea tista’ tesplora soluzzjonijiet ġodda bħas-sospensjoni temporanja tal-privattivi għall-mediċini u t-teknoloġiji mediċi għat-trattament jew il-prevenzjoni tal-infezzjonijiet tal-COVID-19;

27.

itenni l-appell tiegħu lil-leġiżlaturi Ewropej biex jippreżentaw proposti robusti u kuraġġużi għall-iżvilupp u l-produzzjoni ta’ mediċini essenzjali fit-territorju Ewropew, sabiex tiġi żgurata l-awtonomija strateġika tal-UE billi titnaqqas id-dipendenza fuq pajjiżi terzi;

28.

jafferma mill-ġdid li t-tilqim tal-popolazzjoni Ewropea jrid jibqa’ l-ewwel prijorità tal-Unjoni Ewropea u jilqa’ l-mekkaniżmu ta’ awtorizzazzjoni għall-esportazzjonijiet tat-tilqim kontra l-COVID-19 barra mill-UE bħala pass neċessarju għall-produtturi tat-tilqim biex jissodisfaw l-obbligi tagħhom lejn iċ-ċittadini tal-UE; fl-istess ħin, jinsisti li dan il-proċess ta’ tilqim jista’ jkun effiċjenti biss jekk l-Unjoni Ewropea tkompli tgħin biex tipprovdi l-vaċċini lill-bqija tad-dinja, b’mod partikolari fil-pajjiżi inqas żviluppati, b’mod partikolari fi ħdan l-alleanza COVAX, li magħha ssieħbu 142 pajjiż.

Brussell, is-7 ta’ Mejju 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


Top