EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021XC0707(02)
Publication of the amended single document following the approval of a minor amendment pursuant to the second subparagraph of Article 53(2) of Regulation (EU) No 1151/2012 2021/C 269/08
Pubblikazzjoni tad-dokument uniku emendat skont l-approvazzjoni ta’ emenda minuri f’konformità mal-Artikolu 53(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 2021/C 269/08
Pubblikazzjoni tad-dokument uniku emendat skont l-approvazzjoni ta’ emenda minuri f’konformità mal-Artikolu 53(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 2021/C 269/08
C/2021/4969
OJ C 269, 7.7.2021, p. 10–13
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
7.7.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 269/10 |
Pubblikazzjoni tad-dokument uniku emendat skont l-approvazzjoni ta’ emenda minuri f’konformità mal-Artikolu 53(2), it-tieni subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012
(2021/C 269/08)
Il-Kummissjoni Ewropea approvat din l-emenda minuri f’konformità mal-Artikolu 6(2), it-tielet subparagrafu tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) Nru 664/2014 (1).
It-talba għall-approvazzjoni ta’ din l-emenda minuri tista’ tiġi kkonsultat fil-bażi tad-data eAmbrosia tal-Kummissjoni.
DOKUMENT UNIKU
“Salzwedeler Baumkuchen”
Nru tal-UE: PGI-DE-0733-AM01 — 27 ta’ Mejju 2020
DOP ( ) IĠP (X)
1. Isem/Ismijiet
“Salzwedeler Baumkuchen”
2. Stat Membru jew pajjiż terz
Il-Ġermanja
3. Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel
3.1. Tip ta’ prodott
Klassi 2.3. Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu, gallettini u prodotti oħra tal-furnara
3.2. Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem fil-punt 1
Kejk tond kollu saffi individwali forma ta’ ċrieki li mhumiex indaqs u li mhumiex impoġġija fuq xulxin b’mod pulit. Il-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” jingħaraf mill-massa ta’ saffi moħmija, li jagħtuh dehra ta’ zokk ta’ siġra meta jinqasam b’mod trasversali. Il-“Baumkuchen” jista’ jkun sa 90 cm għoli u b’dijametru ta’ 40 cm. Minn ġewwa, dan il-kejk huwa vojt għal tulu. Dan il-vojt jista’ jkollu dijametru sa 20 cm. Kull kejk jiżen bejn 2 u 5 kilogrammi.
Is-soltu, wara li jitlesta, il-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” ma jisserviex kollu f’daqqa, iżda jinqata’ fi ċrieki li s-soltu jkunu għoljin bejn 5 u 50 cm u jkunu jiżnu bejn 50g u 4 000 gramma. Tradizzjonalment, il-piż ivarja bejn 300 g u libbra. Barra minn hekk, hemm ukoll il-ponot tal-kejk (“Baumkuchenspitzen”) li huma biċċiet trapeżojdali lixxi, twal madwar 4 cm u ħoxnin madwar 1 cm, li huma ppreżentati wkoll f’diversi forom u daqsijiet, qatgħat twal 2 cm u 4,5 cm u ħoxnin 2 cm, meħuda minn ċirku. Jeżistu wkoll il-“Baumkuchenriegel” jew biċċiet twal bejn 8 sa 10 cm u ħoxnin 3 cm maqtugħa minn ċirku ta’ “Baumkuchen”.
Minħabba li l-kejk tat-tip “Baumkuchen” jista’ jinkesa b’diversi ingredjenti, insibu dawn it-tipi differenti:
— |
kejk tat-tip “Baumkuchen” miksi bil-ġelu li jinħall fil-ħalq |
— |
kejk tat-tip “Baumkuchen” miksi biċ-ċikkulata skura |
— |
kejk tat-tip “Baumkuchen” miksi biċ-ċikkulata bajda |
— |
kejk tat-tip “Baumkuchen” miksi biċ-ċikkulata tal-ħalib |
— |
kejk tat-tip “Baumkuchen” miksi bil-ġelu li jinħall fil-ħalq u biċ-ċikkulata skura |
— |
kejk tat-tip “Baumkuchen” miksi bil-ġelu li jinħall fil-ħalq u biċ-ċikkulata tal-ħalib |
— |
kejk tat-tip “Baumkuchen” miksi biċ-ċikkulata skura u biċ-ċikkulata tal-ħalib |
— |
kejk tat-tip “Baumkuchen” miksi biċ-ċikkulata skura u biċ-ċikkulata bajda |
— |
kejk tat-tip “Baumkuchen” miksi biċ-ċikkulata tal-ħalib u biċ-ċikkulata bajda |
— |
kejk tat-tip “Baumkuchen” b’xejn (mingħajr kisi bil-ġelu) |
— |
Ponot tal-“Baumkuchen” miksijin kollha kemm huma biċ-ċikkulata (biċ-ċikkulata skura, tal-ħalib jew bajda) |
— |
Biċċiet sħaħ ta’ “Baumkuchen” miksija kompletament biċ-ċikkulata (ċikkulata skura, tal-ħalib jew bajda), miksija bil-ġelu li jinħall fil-ħalq jew imżejna bi ħjut fini taċ-ċikkulata skura, tal-ħalib jew bajda |
Kilogramm butir jew butir imsaffi, kilogramm dqiq, trab tal-qamħ, lamtu tal-qamħ jew dqiq tal-qamħirrun skont il-bżonn,
0,8 kilogramm sa kilogramm isfar tal-bajd jew l-ammont ekwivalenti ta’ isfar tal-bajd minn bajd individwali,
0,8 kilogramm sa kilogramm abjad tal-bajd jew l-ammont ekwivalenti ta’ abjad tal-bajd minn bajd individwali,
0,8 kilogramm sa kilogramm zokkor,
aromi naturali li n-natura tagħhom tvarja skont stabbiliment jew ieħor,
eventwalment, ġamm tal-berquq,
kisja magħmula mill-ġelu (li jinħall fil-ħalq) jew miċ-ċikkulata,
l-ebda sustanzi preservattivi,
l-ebda trab tal-ħami jew sustanzi użati għall-ħami.
Abbażi tal-ammonti msemmijin hawn fuq, il-prodott aħħari jkun jiżen bejn 3,5 u 4,0 kilogrammi.
Dehra minn barra: sura li tattirak, kemm kemm imxattra (ħlief għall-ponot); b’kisja jew b’ġelu nadif, ileqq u mifrux b’mod indaqs ma’ kullimkien
Forma (“Baumkuchen” kollu): tul ta’ bejn 60 u 90 cm, dijametru ta’ barra ta’ bejn 12 u 40 cm, u dijametru ta’ ġewwa ta’ bejn 4 u 20 cm
Kisi: ġelu li jinħall fil-ħalq, ċikkulata skura, ċikkulata tal-ħalib jew ċikkulata bajda
Lewn: abjad f’lewn il-krema, kannella ċar jew kannella skur skont biex ikun inkesa l-kejk
Konsistenza: konsistenza ndaqs u frak ħafif u mhux xott
Dehra minn ġewwa: saffi ndaqs ta’ lewn dehbi, li kollha huma tal-istess daqs
3.3. Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)
—
3.4. Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita
Il-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” irid jiġi prodott kollu kemm huwa fiż-żona ġeografika identifikata.
3.5. Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-tħakkik, l-ippakkjar, eċċtal-prodott li għalih jirreferi l-isem
—
3.6. Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar tal-prodott li għalih jirreferi l-isem
Fuq it-tikketta tal-bejgħ għandhom ikunu mniżżlin l-ingredjenti, il-piż, il-produttur tal-kejk, kif ukoll il-kodiċi postali, isem il-post u isem it-triq.
4. Deskrizzjoni fil-qosor tal-konfini taż-żona ġeografika
Iż-żona ġeografika tkopri l-belt ta’ Salzwedel, skont il-fruntieri tagħha tal-2006.
5. Rabta maż-żona ġeografika
5.1. Speċifiċità taż-żona ġeografika
Fl-1807, id-dulċier Johann Andreas Schernikow kiteb riċetta tal-kejk tat-tip “Baumkuchen”. It-teknika u l-formola li kien fiha din ir-riċetta għadhom jiffurmaw il-bażi tal-produzzjoni tal-kejkijiet tat-tip “Baumkuchen” mill-ewwel fabbrika tal-kejkijiet tat-tip “Baumkuchen” ta’ Salzwedel sal-ġurnata ta’ llum. Madwar l-1812, il-belt ta’ Salzwedel tatu d-drittijiet taċ-ċittadini.
Dokumenti sekondarji tal-ewwel nofs tas-seklu 19 juru li f’Salzwedel kien jiġi prodott ħelu f’forma ta’ kejk, vojt minn ġewwa, tawwali li kien qisu zokk ta’ siġra. Il-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” issemma għall-ewwel darba f’dokument tal-1843.
Minħabba l-industrijalizzazzjoni dejjem ikbar li kienet qed isseħħ fit-tieni nofs tas-seklu 19, inħolqot il-klassi soċjali tan-nofs li kienet għanja u li kellha wkoll flus biżżejjed biex tixtri speċjalitajiet tal-ikel minn reġjuni oħra. F’Salzwedel, grupp ta’ furnara u dulċiera kuraġġużi ħatfu l-okkażjoni u, abbażi tal-esperjenza li kienu kisbu qabel fil-produzzjoni tal-kejkijiet tat-tip “Baumkuchen”, bdew jipproduċu kejkijiet ta’ dan it-tip biex jintbagħtu f’żoni mbiegħda (lejn Berlin, Hannover, ir-reġjuni tal-Ġermanja ċentrali kif ukoll postijiet ’il barra mill-pajjiż bħal pereżempju Vjenna u San Pietruburgu). B’hekk bdiet produzzjoni sostanzjali tal-kejkijiet tat-tip “Baumkuchen”, li wasslet biex dan it-tip ta’ kejk ikun magħruf mal-Ġermanja kollha u saħansitra ’l barra minnha. Minkejja n-nuqqas ta’ data affidabbli, jista’ jiġi dikjarat biċ-ċert li l-ebda belt Ġermaniża ma setgħet tipproduċi, minn tmiem is-seklu 19 sal-ewwel gwerra dinjija u bejn iż-żewġ gwerer dinjin, l-ammont ta’ kejkijiet tat-tip “Baumkuchen” li pproduċiet il-belt ta’ Salzwedel. Il-maġġoranza ta’ dan l-ammont kien għall-bejgħ ’il barra mill-belt, u fil-fatt ammont ta’ bejn 80 % u 90 % tal-produzzjoni ntbagħat f’żoni mbiegħda.
Anke dak iż-żmien, il-konsumaturi kienu jqisu li l-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” kien prodott speċjali, li seta’ jiġi biss mill-belt ta’ Salzwedel, u li minħabba l-karatteristiċi tal-kwalità speċjali tiegħu, ibbażati fuq il-metodu tal-produzzjoni u r-riċetta tiegħu, kien differenti ferm mill-kejkijiet tat-tip “Baumkuchen” prodotti fir-reġjuni l-oħra.
Il-produzzjoni tal-kejkijiet tat-tip “Baumkuchen” waqfet matul il-gwerer, iżda wara t-tieni gwerra dinjija reġgħet bdiet tiżviluppa bil-mod il-mod. L-esperjenza tal-produtturi, u t-tradizzjoni f’Salzwedel tul snin twal wasslu sabiex il-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” jerġa’ jikseb il-fama speċjali li kellu, minkejja l-esproprjazzjoni tal-ikbar produttur tiegħu fl-1958. L-ingredjenti u l-metodu tal-produzzjoni tal-kejk ma nbidlu xejn ħlief għall-fatt li, minħabba l-iskarsezza tar-riżorsi, minflok il-butir bdiet tintuża l-marġerina. Bħal qabel, dan it-tip ta’ kejk reġa’ beda jinħema dejjem iktar għall-esportazzjoni, u għexieren ta’ eluf ta’ kejkijiet ta’ dan it-tip bdew jiġu esportati kull sena, l-iktar lejn il-pajjiżi tal-Punent, bl-isem ta’ “Salzwedeler Baumkuchen”.
5.2. Speċifiċità tal-prodott
Il-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” huwa speċjalità tal-ħelu reġjonali li għandu tradizzjoni twila, li huwa magħruf anke ’l barra mir-reġjun ta’ Salzwedel u li għandu fama tajba mal-konsumaturi.
Il-kejk tat-tip “Baumkuchen” ilu jiġi prodott f’Salzwedel għal kważi mitejn sena u ilu jinbiegħ mal-Ġermanja kollha kif ukoll f’pajjiżi oħra sa mit-tieni nofs tas-seklu 19 [ara l-paġna 46 tal-ktieb imsejjaħ “Deutschland Spezialitätenküche” (“L-ispeċjalitajiet tal-ikel tal-Ġermanja”) ippubblikat minn Christine Metzger fl-1999]. L-ingredjenti u l-metodu tal-produzzjoni ta’ dan it-tip ta’ kejk jiswew ħafna flus, u għalhekk dan il-prodott huwa wieħed bi prezz għoli ferm. Il-metodu tal-produzzjoni kien l-istess fil-kumpaniji kollha: il-kejk tat-tip “Baumkuchen” huwa kejk kollu saffi, li jinħema fuq forn miftuħ; il-kejk jinbena saff saff bl-użu ta’ kuċċarun għal fuq seffud li jdur fuq in-nar. L-ingredjenti prinċipali tar-riċetta wkoll kienu l-istess fil-kumpaniji kollha.
Dan il-kejk għadu jittiekel bħal qabel fl-okkażjonijiet speċjali kollha, bħal fil-Milied, fl-Għid u fiċ-ċelebrazzjonijiet meta xi ħadd jagħlaq sninu. Minħabba l-kwalità għolja tal-ingredjenti użati fil-kejk tat-tip “Baumkuchen”, fi żmien il-gwerra u fi żmien l-għaks qatt ma kien jibqa’ jiġi prodott, bħalma ġara mill-1914 sal-1918 u mill-1939 sal-1948.
Minn madwar 150 sena ilu ’l hawn, l-ingredjenti u l-metodu tal-produzzjoni ma nbidlux. Sal-ġurnata tal-lum, ma jintużaw l-ebda preservattivi, ma ssir l-ebda pasturizzazzjoni, u ma jkunx hemm iffriżar, biex b’hekk il-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” jirrappreżenta prodott moħmi frisk ferm.
Fl-1883, fil-ktieb ta’ Dietrichs u Parisius (Bilder aus der Altmark, Verlag J. F. Richter, Hamburg) diġà nsibu li: “dawk li jafu jieklu kienu jippreferu l-kejk tat-tip ‘Salzwedeler Baumkuchen’ mill-kejkijiet l-oħra tal-istess isem li kienu ġejjin minn postijiet oħra u li dan il-kejk kien fi triqtu biex jikseb fama mad-dinja kollha. Illum ukoll, qed imorru eluf ta’ kaxex mimlijin b’dan it-tip ta’ kejk ħelu u tajjeb mingħand il-furnara għal għand tal-posta sabiex jintbagħtu biex jitgawdew mhux biss fil-provinċji kollha tal-Ġermanja, iżda bosta drabi wkoll fir-Russja u fl-Amerka.”
Fl-Artiklu msejjaħ “Was weiß man vom Salzwedeler?” (“X’nafu dwar il-kejk tat-tip ‘Salzwedeler Baumkuchen’?”) li deher fil-paġna 113 tal-pubblikazzjoni speċjali msejħa “100 Jahre Salzwedeler Wochenblatt” li ħarġet fl-1932, insibu l-kwotazzjoni li ġejja:
“Jekk inti tgħid lil xi ħadd li inti minn Salzwedel, 99 % dak li jkun iwieġbek: “Eh, mela inti minn fejn ġej il-kejk tat-tip ‘Baumkuchen’!”.
It-tradizzjoni u l-fama tajba ta’ din l-ispeċjalità huma stabbiliti sew. Din toħroġ fost l-oħrajn minn stħarriġ dwar li twettaq matul il-Ġimgħa Internazzjonali favur l-ambjent li saret f’Berlin fl-2005: fih, minn 500 persuna li ġew mistħarrġa, 60,6 % kienu semgħu bl-isem “Salzwedeler Baumkuchen” jew kienu qraw dwaru. Minn dawn is-60,6 %, 92 % kienu tal-fehma li l-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” kien isir biss f’Salzwedel, filwaqt li 81 % jagħtu ħafna importanza lil din l-oriġini huma u jiddeċiedu x’se jixtru.
Il-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” ilu jagħmel parti mit-tradizzjonijiet u mid-drawwiet reġjonali għal madwar 100 sena. Hemm diversi kanzunetti u poeżiji dwar il-kejk tat-tip “Baumkuchen” u dan il-kejk għandu wkoll post ewlieni fil-purċissjonijiet tal-post. Illum, il-kejk tat-tip “Baumkuchen” huwa attrazzjoni turistika importanti u wieħed jista’ jarah qed jiġi prodott f’ċerti fran li jkunu miftuħin għall-wiri. Sa mill-2004, kull sena qed tiġi ċċelebrata festa tal-kejk tat-tip “Baumkuchen”, u fiha jlaħħqu wkoll reġina tal-kejk tat-tip “Baumkuchen”.
Fil-kotba tal-ivvjaġġar nazzjonali (ara pereżempju l-paġna 98 tal-ktieb tal-1998 imsejjaħ “Baedecker Deutschland”) kif ukoll fir-riklami, il-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” ukoll jissemma bħala speċjalità tradizzjonali tal-belt ta’ Salzwedel.
5.3. Rabta kawżali bejn iż-żona ġeografika u l-kwalità jew il-karatteristiki tal-prodott (għad-DOP) jew il-kwalità speċifika, ir-reputazzjoni jew il-karatteristiki l-oħra tal-prodott (għall-IĠP)
Il-fama tajba li għandu l-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” tissejjes b’mod ewlieni fuq it-tradizzjoni twila tal-produzzjoni ta’ dan il-prodott fil-belt ta’ Salzwedel, fuq is-snajja’ li żviluppaw minħabba fiha u fuq il-kwalità għolja tal-prodott, kif ukoll fuq il-post fiss li għandu fil-ħajja kulturali tal-belt, li tissejjaħ ukoll “il-belt tal-kejk tat-tip ‘Baumkuchen’” (ara l-ktieb imsejjaħ “Deutschland Spezialitätenküche” (“L-ispeċjalitajiet tal-ikel tal-Ġermanja”) imsemmi hawn fuq). Għalhekk, il-kejk tat-tip “Salzwedeler Baumkuchen” huwa speċjalità reġjonali, li l-fama tiegħu tissejjes b’mod sinifikanti fuq ir-rabta mill-qrib li għandu mal-post tal-oriġini tiegħu, Salzwedel.
Referenza għall-pubblikazzjoni tal-ispeċifikazzjoni
(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)
https://register.dpma.de/DPMAregister/geo/detail.pdfdownload/42039