EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021XC0415(02)

Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel 2021/C 132/09

C/2021/2589

OJ C 132, 15.4.2021, p. 12–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 132/12


Pubblikazzjoni ta’ applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ isem skont l-Artikolu 50(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar skemi tal-kwalità għal prodotti agrikoli u oġġetti tal-ikel

(2021/C 132/09)

Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt ta’ oppożizzjoni skont l-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1151/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) fi żmien tliet xhur mid-data ta’ din il-pubblikazzjoni.

DOKUMENT UNIKU

“SEL DE CAMARGUE”/“FLEUR DE SEL DE CAMARGUE”

Nru tal-UE: PGI-FR-02443 — 05.12.2018

DOP ( ) IĠP (X)

1.   Isem

“Sel de Camargue”/“Fleur de Sel de Camargue”

2.   Stat Membru jew Pajjiż Terz

Franza

3.   Deskrizzjoni tal-prodott agrikolu jew tal-oġġett tal-ikel

3.1.   Tip ta’ prodott

Klassi 2.6. Melħ

3.2.   Deskrizzjoni tal-prodott li għalih japplika l-isem f’(1)

Is-“Sel de Camargue” u l-“Fleur de sel de Camargue” huma mluħa tal-baħar, li ġejjin mill-evaporazzjoni naturali tal-ilma baħar, u li jikkristallizzaw biss bix-xemx u r-riħ.

Is-“Sel de Camargue” u l-“Fleur de sel de Camargue” fihom aktar minn 97 % NaCl (fuq estratt niexef), huma bojod minħabba l-kontenut baxx ħafna li ma jinħallx.

Is-“Sel de Camargue” jista’ jiġi ppreżentat f’forom differenti:

“Fin” [Fin] b’90 % tal-kristalli b’daqs tal-partikoli ta’ 0,9 mm jew inqas, bi kwantitajiet li ma jinħallux ta’ 500 ppm jew inqas u kontenut ta’ ndewwa ta’ 0,05 % jew inqas;

“Gros” [Oħxon] b’90 % tal-kristalli li għandhom daqs tal-partikoli ta’ 0,9 mm jew aktar, bi kwantitajiet li ma jinħallux ta’ 500 ppm jew inqas u ndewwa ta’ 0,05 % jew inqas;

“Gros essoré” [Oħxon u mnixxef] b’90 % tal-kristalli li għandhom daqs tal-partikoli ta’ 0,4 mm jew aktar, bi kwantitajiet li ma jinħallux mhux aktar minn 500 ppm u ndewwa ta’ mhux aktar minn 2,8 %;

“Brut” [Mhux raffinat] b’90 % tal-kristalli b’daqs ta’ partikola ta’ 0,9 mm jew inqas, kwantitajiet li ma jinħallux ta’ 700 ppm jew inqas u kontenut ta’ ndewwa ta’ inqas minn 5 %;

ma huwa permess l-ebda trattament (għajr it-tnixxif).

Il-“Fleur de sel de Camargue” għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

granulometrija ta’ 5 mm jew inqas;

kontenut li ma jinħallx ta’ mhux aktar minn 600 ppm;

ebda materja barranija akbar minn 3 mm;

kontenut ta’ ndewwa ta’ inqas minn 4 %;

densità volumetrika tal-massa apparenti tal-melħ mingħajr kompattazzjoni ta’ mhux aktar minn 0,90;

ma huwa permess l-ebda trattament (għajr it-tnixxif).

3.3.   Għalf (għall-prodotti li joriġinaw mill-annimali biss) u materja prima (għall-prodotti pproċessati biss)

3.4.   Passi speċifiċi tal-produzzjoni li jridu jsiru fiż-żona ġeografika ddefinita

L-operazzjonijiet li ġejjin jitwettqu fiż-żona ġeografika:

l-ippumpjar fil-baħar;

iċ-ċirkolazzjoni tal-ilma ppumpjat fis-salini;

il-forniment tad-dixxijiet kristallizzaturi;

il-ġbir;

il-ħżin primarju (f’forma ta’ piramidi jew f’boroż kbar).

3.5.   Regoli speċifiċi dwar it-tqattigħ, it-taħkik, l-ippakkjar, eċċ.

3.6.   Regoli speċifiċi dwar it-tikkettar

4.   Deskrizzjoni fil-qosor taż-żona ġeografika

Iż-żona ta’ produzzjoni tas-“Sel de Camargue”/tal-“Fleur de sel de Camargue” hija ddefinita skont kriterji pedoklimatiċi, klimatiċi u storiċi.

Din iż-żona ġeografika tinsab:

fi tliet muniċipalitajiet tad-département ta’ Gard: Aigues-Mortes, Le-Grau-du-Roi, u Saint-Laurent-d’Aigouze;

f’muniċipalità fid-département ta’ Bouches du Rhône: Les-Saintes-Maries-de-la-Mer.

Il-konfini taż-żona huma konfini fiżiċi jew naturali bħall-kanali u l-Baħar Mediterran.

5.   Rabta maż-żona ġeografika

Ir-rabta maż-żona ġeografika tas-“Sel de Camargue”/tal-“Fleur de sel de Camargue” hija bbażata fuq ir-reputazzjoni u l-kwalità speċifika tagħha.

Is-“Sel de Camargue” u l-“Fleur de sel de Camargue” ġejjin esklussivament miż-żona ġeografika li tinsab f’ Petite Camargue. Fuq iż-żona ġeografika kollha ta’ 18 000 ettaru, is-salini fejn jiġi prodott il-melħ ikopru 8 500 ettaru ta’ art selvaġġa, fejn il-ħaddiema tal-melħ jiċċirkolaw l-ilma baħar fis-salini.

Il-klima Mediterranja taż-żona ġeografika, grazzi għas-sjuf bi rjieħ qawwija tagħha mit-Tramuntana u mill-Majjistral, tiffavorixxi l-kristallizzazzjoni tal-melħ u l-metodi speċifiċi tal-ġbir (il-formazzjoni ta’ kejk ta’ melħ u l-ġbir annwali). Il-produzzjoni ssir billi l-ilma baħar jikkonċentra ruħu gradwalment permezz ta’ evaporazzjoni naturali bl-effett tax-xemx u tar-riħ, tul salini differenti sakemm il-melħ jiġi preċipitat fuq id-dixxijiet kristallizzaturi.

Il-karatteristiċi klimatiċi u pedoloġiċi huma deċiżivi għall-metodi tal-produzzjoni u tal-ġbir.

Fil-fatt, iż-żona ġeografika, li tinsab fil-klima Mediterranja, tgawdi minn xemx qawwija u temp sħun fis-sajf, li jinkoraġġixxu produzzjoni ta’ melħ abbundanti u aktar regolari milli fuq in-naħa tal-Atlantiku. Barra minn hekk, il-produzzjoni tas-“Sel de Camargue” issir fuq art ratba u ramlija, li tkopri naturalment id-dixxijiet kristallizzaturi. In-natura tal-ħamrija ramlija li fuqha jiċċirkola l-ilma baħar u t-tiġdid frekwenti ta’ dan l-ilma jagħmluha possibbli li tinkiseb salmura li fiha ftit li xejn kontenut li ma jinħallx, u dan jirriżulta fil-kulur abjad tal-melħ u tal-“Fleur de sel de Camargue”. Dan il-kulur abjad huwa karatteristika ta’ dawn il-prodotti.

F’din iż-żona, is-salina ta’ Aigues-Mortes suċċessivament imsejħa Salin de Peccais, “inġinier” Ruman responsabbli mill-organizzazzjoni tal-produzzjoni tal-Melħ u mbagħad Salin du Roi, il-produzzjoni tas-“Sel de Camargue” tmur lura għall-Medjuevu.

Il-kulur abjad ħafna tas-“Sel de Camargue” u tal-“Fleur de sel de Camargue” jiggarantixxi l-ispeċifiċità tagħhom. Is-“Sel de Camargue” kif ukoll il-“Fleur de sel de Camargue” huma magħrufa wkoll għar-rikkezza tagħhom f’termini ta’ NaCl (> 97%). Din ir-rata toriġina mill-veloċità tal-evaporazzjoni fid-dixxijiet kristallizzaturi u mir-rata baxxa tagħha ta’ kontenut li ma jinħallx marbuta mal-ambjent ġeografiku: fil-fatt, dawn il-karatteristiċi huma dovuti għas-sħana qawwija u n-natura ramlija tal-art fid-dixxijiet kristallizzanti.

Il-kristallizzazzjoni tal-melħ fi kristalli kbar (b’dijametru sa 1–2 cm) tippermetti l-formazzjoni ta’ saff tal-melħ bi ħxuna ta’ mill-inqas 4–5 cm. Dan is-saff ta’ melħ jista’ għalhekk jinġabar.

Il-produzzjoni għandha vantaġġ minħabba x-xemx u r-riħ. Is-sħana qawwija tas-sajf twassal għal evaporazzjoni u konċentrazzjoni intensa li tippermetti livell għoli ta’ produzzjoni. Il-metodi tal-ġbir huma kkundizzjonati wkoll mill-karatteristiċi tal-ambjent naturali. Id-dixxijiet kristalizzaturi ta’ Camargue huma kbar fid-daqs, u għalhekk l-azzjoni mir-riħ hija kruċjali għall-ġbir bla xkiel tas-“Sel de Camargue” u tal-“Fleur de sel de Camargue”. Għaldaqstant, il-produzzjoni tvarja skont is-snin u l-kundizzjonijiet klimatiċi.

Il-“Fleur de sel de Camargue” jinħoloq fis-sajf meta r-riħ jieqaf jonfoħ u miljuni ta’ kristalli tal-melħ jiffurmaw fuq wiċċ l-ilma. Id-differenza fit-temperatura bejn binhar u billejl toħloq kristallizzazzjoni fuq is-salmura.

Sussegwentement, ir-riħ Majjistral jgħaddi minn fuq l-uċuħ kbar tad-dixxijiet kristallizzaturi u jimbotta l-fleur de sel kristallizzat fil-wiċċ lejn ix-xifer fejn jakkumula u jaqa’ fis-salmura oriġinali tiegħu. Il-fleur de sel li tkun għadha fis-salmura inizjali saturata tagħha ma tinħallx u s-saff ta’ “contre sel”, melħ iebes ħafna u oħxon iżommha milli tiġi f’kuntatt mal-art ramlija, li jiggarantixxi l-purità tagħha.

Il-“Fleur de sel de Camargue” huwa fin ħafna, minħabba li r-rata mgħaġġla ta’ evaporazzjoni kkawżata mill-kundizzjonijiet tat-temp tinkoraġġixxi l-formazzjoni ta’ kristalli żgħar.

Is-“Sel de Camargue” u tal-“Fleur de sel de Camargue” huma magħrufa bil-kbir. Il-karatteristiċi fiżiċi u kimiċi tagħhom huma speċifiċi.

Ir-reputazzjoni tas-“Sel de Camargue” tmur lura għas-seklu sbatax, bl-ambaxxatur ta’ Sardenja, li kien jikseb il-melħ mir-reġjun, u mill-1753, il-kantini tal-ġobon Roquefort li jużaw is-“Sel de Camargue” biex isir it-tmelliħ. Minn dak iż-żmien, ir-reputazzjoni qatt ma battiet. Mill-1995, is-“Sel de Camargue” u l-“Fleur de sel de Camargue” ngħataw preġju għall-valur tagħhom b’mod partikolari permezz tar-ristoranti.

Persuni famużi bħall-aħwa Pourcel, Roger Merlin jew Michel Kayser, li jiddefinixxu l-kċina lokali, ħarġu b’riċetti msejsa fuq prodotti reġjonali rikonoxxuti, bħas-“Sel de Camargue” u l-“Fleur de sel de Camargue” (sorsi: Cuisine en Duo, l-aħwa Pourcel, 1999; Saveurs salées de la Méditerranée, partikolarment l-edizzjonijiet Gallimard).

Mis-snin 1990 lil hawn, il-pubblikazzjonijiet gastronomiċi u l-gwidi turistiċi ppromwovew is-“Sel de Camargue” u l-“Fleur de sel de Camargue” fost il-pubbliku ġenerali, li ppermettew l-iżvilupp ta’ attivitajiet turistiċi f’Aigues-Mortes bħaż-żjara tas-salina (aktar minn 100 000 viżitatur fis-sena). Bħala eżempju, il-pubblikazzjonijiet fl-edizzjoni Gallimard tal-1999 ta’ Camargue, fleur de sel, jew ir-rivista “France Aéro”, li fl-2001 iddedikat artiklu sħiħ għall-produzzjoni tal-melħ ta’ Camargue, b’mod partikolari l-“Fleur de sel de Camargue”, jew inkella “la semaine de Nîmes” ta’ kull ġimgħa fl-2001, li tgħid li “en cuisine, la fleur de sel de Camargue fait merveille pour des réalisations en croûte de sel. Mais sa finesse permet de donner de la noblesse à un simple œuf au plat ou à un légume cru. […] Elle a la faculté de sublimer les mets qu’elle accompagne. [fil-kċina, il-fleur de sel ta’ Camargue hija addatta ferm għar-riċetti li jinvolvu tisjir taħt qoxra ta’ melħ. Iżda l-finezza tiegħu tagħmilha possibbli li tingħata nobbiltà lil sempliċi bajda moqlija jew lil ħaxixa nejja.[...] Huwa għandu l-fakultà li kulma jakkumpanja jagħmlu sublimi.] ”.

Il-pubblikazzjoni ta’ artikli tal-istampa reġjonali u nazzjonali (Midi-Libre, L’Alsace, La Marseillaise, La Gazette, La Provence, Le Figaro, Le Point, Les Echos) u x-xandir ta’ rapporti televiżivi (France Télévision, TF1, Arte, BFM) kontinwi tul is-snin 1990 jixhdu l-interess fis-“Sel de Camargue” u l-“Fleur de sel de Camargue”.

Referenza għall-pubblikazzjoni tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott

(it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(1) ta’ dan ir-Regolament)

https://extranet.inao.gouv.fr/fichier/CDC-SelFdsCamargVNov2020.pdf


(1)  ĠU L 343, 14.12.2012, p. 1.


Top