EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0617

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti impriżi u fergħat

COM/2021/617 final

Brussell, 1.10.2021

COM(2021) 617 final

2016/0107(COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti impriżi u fergħat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


2016/0107 (COD)

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


dwar

il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-adozzjoni ta’ Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti impriżi u fergħat

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

1.Sfond

Id-data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (id-dokument COM(2016)0198 – 2016/0107(COD)):

13 ta’ April 2016

Id-data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

29 ta’ Settembru 2016

Id-data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, l-ewwel qari:

27 ta’ Marzu 2019

Id-data li fiha ntbagħtet il-proposta emendata:

Mhux applikabbli

Id-data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill:

28 ta’ Settembru 2021

2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

Il-proposta temenda d-Direttiva dwar il-Kontabilità (id-Direttiva 2013/34/UE). Hija għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza u l-iskrutinju pubbliku dwar it-taxxa fuq l-introjtu korporattiv imħallsa minn gruppi ta’ impriżi multinazzjonali (li jikkonsistu fl-impriża omm apikali tagħhom, is-sussidjarji u l-fergħat tagħhom) u impriżi multinazzjonali awtonomi, minn hawn ’il quddiem imsejħa b’mod konġunt bħala “impriżi multinazzjonali”, li jwettqu attivitajiet fl-Unjoni. Dan mistenni li jrawwem aktar responsabbiltà u trasparenza korporattiva, jippromwovi dibattitu pubbliku infurmat aħjar u jgħin liċ-ċittadini fl-Unjoni jerġgħu jiksbu l-fiduċja fil-ġustizzja tas-sistemi tat-taxxa nazzjonali.

3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti l-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill fl-1 ta’ Ġunju 2021. Il-Kummissjoni tappoġġa dan il-ftehim. Il-punti ewlenin ta’ dan il-ftehim jinkludu s-segwenti:

Kamp ta’ applikazzjoni

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, il-ftehim politiku jintroduċi diversi bidliet meta mqabbel mal-proposta inizjali tal-Kummissjoni:

Jistabbilixxi li l-obbligu ta’ rapportar japplika biss meta l-kumpaniji jaqbżu l-limitu tad-dħul għal sentejn konsekuttivi (filwaqt li l-Kummissjoni pproponiet sena). Simmetrikament, l-obbligu ta’ rapportar ma jibqax japplika biss meta d-dħul ikun ilu taħt il-livell limitu għal sentejn konsekuttivi;

Jispeċifika t-tifsira ta’ “dħul” skont il-qafas tal-kontabbiltà applikabbli, għall-fini li jiġi ddeterminat jekk impriża għandhiex tirrapporta;

Fil-kamp ta’ applikazzjoni jinkludi impriżi awtonomi li huma multinazzjonali iżda li mhumiex parti minn xi grupp;

Dan jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni l-gruppi li mhumiex multinazzjonali.

Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-ftehim politiku jżomm il-proposta tal-Kummissjoni li timponi r-rappurtar fuq l-impriżi multinazzjonali bi dħul konsolidat li jaqbeż is-EUR 750 miljun. Tinżamm ukoll l-eżenzjoni għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li japplikaw ir-reġim ta’ rappurtar speċifiku tagħhom għal kull pajjiż.

Klawżola ta’ salvagwardja

Sabiex jiġi żgurat li l-ebda divulgazzjoni ta’ informazzjoni ma tippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali ta’ impriża, tiddaħħal klawżola ta’ salvagwardja, li tippermetti lill-impriżi multinazzjonali jħallu barra d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva għal perjodu ta’ ħames snin.

Informazzjoni li għandha tiġi ppubblikata, aggregazzjoni ġeografika

Lil hinn mill-informazzjoni li l-Kummissjoni pproponiet li tiġi inkluża fir-rappurtar, il-ftehim politiku jeħtieġ informazzjoni kuntestwali addizzjonali bħall-isem tal-impriża omm apikali jew l-impriża awtonoma, is-sena finanzjarja kkonċernata, il-munita użata, u l-lista ta’ sussidjarji stabbiliti fl-Unjoni u f’ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa ta’ impriża omm apikali li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni, u b’hekk tiżdied it-trasparenza.

F’termini ta’ preżentazzjoni ġeografika ta’ din l-informazzjoni, il-ftehim politiku jibqa’ sostanzjalment simili għall-proposta tal-Kummissjoni, inkluż fejn jintroduċi dipendenza fuq il-lista ta’ ġurisdizzjonijiet imfassla mill-Kunsill fir-rigward ta’ ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx għal finijiet ta’ taxxa (annessi rilevanti tal-konklużjonijiet tal-ECOFIN) minflok lista mfassla b’att delegat kif propost mill-Kummissjoni.

Il-Ftehim politiku jintroduċi dritt għall-impriżi li jikkonformaw parzjalment mal-istruzzjonijiet ta’ rappurtar stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE, u b’hekk jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ konformità għall-impriżi.

Filwaqt li jqis il-kontroll tal-kumpaniji omm fuq is-sussidjarji u l-fergħat tagħhom, il-ftehim politiku jimplimenta obbligu għal kull sussidjarja jew fergħa kbira fl-UE, li titlob lill-impriża omm apikali tagħha f’pajjiż terz biex tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex din tkun tista’ tissodisfa l-obbligi tagħha, f’każ li l-impriża omm ma tippubblikax diġà rapportar xieraq pajjiż b’pajjiż. Fejn mhux l-informazzjoni kollha meħtieġa tiġi pprovduta mill-kumpanija omm, is-sussidjarja jew il-fergħa fl-UE jkollha tfassal, tippubblika u tagħmel aċċessibbli r-rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, li jkun jinkludi l-informazzjoni kollha fil-pussess tagħha, miksuba jew akkwistata, u dikjarazzjoni li tindika li l-entità omm apikali jew l-impriża awtonoma ma għamlitx l-informazzjoni meħtieġa disponibbli.

Mudell komuni, rappurtar elettroniku

Bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-użu diġitali ta’ dan ir-rappurtar, il-ftehim politiku jintroduċi mudell komuni u formati li jinqraw minn magna, li għandhom jiġu stabbiliti fi stadju aktar tard permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni.

Il-ftehim politiku jippermetti lill-Istati Membri jagħtu aċċess għar-rappurtar fuq is-sit(i) web tar-reġistru/i nazzjonali tagħhom dment li dan ikun disponibbli mingħajr ħlas għal kull parti terza sitwata fl-Unjoni, u b’hekk jeħles lill-impriżi mill-obbligu li jagħmluh disponibbli fuq is-sit web tagħhom stess.

Ir-rwol tal-awdituri

Il-ftehim politiku jispeċifika wkoll ir-rwol tal-awdituri statutorji, li jenħtieġ jiddikjaraw kull sena jekk impriża kinitx meħtieġa tippubblika rapport rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu, u jekk iva, jekk dak ir-rapport ġiex ippubblikat.

Implimentazzjoni mill-Istati Membri

Il-ftehim politiku joffri perjodu massimu ta’ tmintax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ biex tiġi implimentata d-direttiva fil-livell nazzjonali, li huwa kemxejn itwal mill-proposta tal-Kummissjoni.

Klawżola ta’ rieżami

Minbarra l-proposta tal-Kummissjoni, il-ftehim politiku jispeċifika għadd ta’ punti li għandhom jiġu rieżaminati u jsir rapport dwarhom mill-Kummissjoni, abbażi ta’ perijodu ta’ erba’ snin wara d-data ta’ traspożizzjoni stabbilita fid-Direttiva.

4.Konklużjoni

Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk tista’ taċċetta l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

Top