EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0480

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor b’rabta mal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

COM/2021/480 final

Brussell, 13.8.2021

COM(2021) 480 final

2021/0273(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor b’rabta mal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni li testendi l-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor, tal-1992 sat-31 ta’ Diċembru 2023

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (minn hawn ’il quddiem “il-Ftehim”) għandu l-għan li jiżgura kooperazzjoni internazzjonali msaħħa b’rabta mal-kwistjonijiet dinjija taz-zokkor u oħrajn relatati; li jipprovdi forum għal konsultazzjonijiet intergovernattivi dwar iz-zokkor u dwar metodi biex tittejjeb l-ekonomija dinjija taz-zokkor; li jiffaċilita l-kummerċ billi jiġbor u jipprovdi informazzjoni dwar is-suq dinji taz-zokkor u dolċifikanti oħra; u li jinkoraġġixxi żieda fid-domanda għaz-zokkor, b’mod partikolari għal użi mhux tradizzjonali.

Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993.

L-Unjoni hija parti għall-Ftehim 1 .

2.2.Il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor

Il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor huwa l-korp responsabbli għall-qadi tal-funzjonijiet kollha meħtieġa biex jitwettqu d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim. Jadotta regoli u regolamenti, inkluż ir-regoli ta’ proċedura tal-Kunsill u l-kumitati tiegħu, u r-regolamenti finanzjarji u tal-persunal tal-Organizzazzjoni Internazzjonali taz-Zokkor (“ISO”). Il-Kunsill iżomm id-dokumentazzjoni meħtieġa u jippubblika rapport annwali u informazzjoni oħra fejn xieraq.

Il-Membri tal-Ftehim għandhom 2000 vot b’kollox. Kull Membru tal-Ftehim għandu għadd speċifiku ta’ voti, li kull sena jiġi aġġustat skont kriterji definiti minn qabel fil-Ftehim. Id-deċiżjonijiet kollha tal-Kunsill għandhom jittieħdu, fil-prinċipju, b’kunsens sakemm ma jkunx stipulat mod ieħor fil-Ftehim. Fin-nuqqas ta’ kunsens, id-deċiżjonijiet għandhom isiru permezz ta’ vot ta’ maġġoranza sempliċi, sakemm il-Ftehim ma jipprevedix vot speċjali.

2.3.L-att previst tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor

Il-Ftehim ġie konkluż bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993. Ġie konkluż għal perjodu ta’ tliet snin sal-31 ta’ Diċembru 1995, u minn dakinhar ’l hawn ġie estiż regolarment għal perjodi ulterjuri ta’ sentejn, kif previst mill-Artikolu 45 tiegħu. L-aħħar li ġie estiż il-Ftehim kien f’Lulju 2019 2 u jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2021.

Waqt id-59 sessjoni tiegħu nhar is-26 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor għandu jadotta deċiżjoni dwar l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 b’sentejn oħra (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jippermetti lill-ISO tkompli għaddejja b’ħidmitha.

L-estensjoni tal-Ftehim se tkopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2023.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Il-Ftehim Internazzjonali taz-Zokkor tal-1992 ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni 92/580/KEE, u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993 għal perjodu ta’ tliet snin sal-31 ta’ Diċembru 1995. Minn dak iż-żmien ’l hawn, ġie estiż b’mod regolari għal perjodi ulterjuri ta’ sentejn. Il-Ftehim ġie estiż l-aħħar b’deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, waqt il-55 sessjoni tiegħu nhar id-19 ta’ Lulju 2019, u se jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2021.

L-Unjoni minn dejjem kienet membru attiv tal-ISO, u huwa fl-interess tal-Unjoni li jkun hemm estensjoni ulterjuri tal-Ftehim b’sentejn oħra. L-Unjoni hija produttur ewlieni taz-zokkor, kif ukoll sieħba ewlenija fil-kummerċ taz-zokkor għal bosta Membri tal-ISO.

Is-87 Membru tal-ISO għandhom total ta’ 2 000 vot. L-UE tgħodd bħala Membru wieħed. Kull vot għandu piż ta’ GBP 661 għall-baġit amministrattiv tal-2021. Għall-proċeduri tal-baġit (ara l-Artikolu 25 tal-ISA tal-1992), jiġifieri biex jiġu stabbiliti l-kontributi finanzjarji annwali tal-Membri, l-għadd ta’ voti allokati lill-Unjoni huwa 538, u għaldaqstant il-kontribut dovut għall-2021 jammonta għal GBP 355 618. Dawn in-numri jiġu aġġustati kull sena.

Deċiżjoni formali dwar l-estensjoni tal-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2023 hija skedata għad-59 Sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, li se ssir nhar is-26 ta’ Novembru 2021 f’Londra.

L-għan ta’ din il-proposta huwa li tinkiseb l-awtorizzazzjoni tal-Kunsill sabiex il-Kummissjoni tivvota, f’isem l-Unjoni, favur l-estensjoni tal-Ftehim sal-31 ta’ Diċembru 2023, fi ħdan il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw il-korp ikkonċernat. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor li ġie stabbilit fl-Artikoli 3 u 8 tal-Ftehim, u jistgħu jintalbu jadottaw ċertu deċiżjonijiet.

L-att previst, li l-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor għandu s-setgħa -jadottah f’konformità mal-Artikolu 45(2) tal-Ftehim, għandu l-effett li jestendi l-validità tal-Ftehim, li huwa ftehim internazzjonali li jorbot lill-Unjoni. Għaldaqstant, l-att previst għandu effetti legali.

L-att previst ma jissupplimentax jew ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst jirrelataw mal-politika kummerċjali komuni (il-kummerċ fi prodotti agrikoli).

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta tkun l-Artikolu 207 tat-TFUE, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor se jemenda l-Ftehim, jixraq li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li jiġi adottat.

2021/0273 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor b’rabta mal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (“il-Ftehim”) ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE 4 u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1993. Il-Ftehim ġie konkluż għal perijodu ta’ tliet snin sal-31 ta’ Diċembru 1995.

(2)Skont l-Artikoli 3 u 8 tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor ġiet stabbilit biex jadotta ċerti deċiżjonijiet. Skont l-Artikolu 45(2) tal-Ftehim, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor jista’ jestendi l-Ftehim għal perjodi suċċessivi ta’ mhux aktar minn sentejn kull darba. Mill-konklużjoni tiegħu ’l hawn, il-Ftehim ġie estiż regolarment għal perjodu ta’ sentejn oħra. Il-Ftehim ġie estiż l-aħħar b’deċiżjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor f’Lulju 2019 5 , u se jibqa’ fis-seħħ sal-31 ta’ Diċembru 2021.

(3)Matul id-59 sessjoni tiegħu li ser issir fis-26 ta’ Novembru 2021, il-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor għandu jiddeċiedi dwar l-estensjoni tal-Ftehim għal perjodu ta’ mhux aktar minn sentejn, mill-1 ta’ Jannar 2022 sat-31 ta’ Diċembru 2023.

(4)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fid-59 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor, peress li huwa fl-interess tal-Unjoni li jiġi estiż il-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fid-59 sessjoni tal-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor għandha tkun li tivvota favur l-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor 1992, għal perjodu ieħor ta’ mhux aktar minn sentejn mill-1 ta’ Jannar 2022 sat-31 ta’ Diċembru 2023.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

DIKJARAZZJONI FINANZJARJA

FinancSt/10/
LK/hn/4760052

6.22.2021.1

DATA: 28.06.2021

1.

INTESTATURA TAL-BAĠIT:

14 20 03 06 Organizzazzjonijiet u ftehimiet internazzjonali

APPROPRJAZZJONIJIET:

B2021 6 300 000 EUR

2.

TITOLU:

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor b’rabta mal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992.

3.

BAŻI ĠURIDIKA: L-Artikolu 207 flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

4.

GĦANIJIET:

Estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali eżistenti dwar iz-Zokkor b’sentejn oħra (mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2023).

5.

IMPLIKAZZJONIJIET FINANZJARJI

PERJODU TA’ 12-IL XAHAR


(f’miljuni ta’ EUR)

SENA FINANZJARJA ATTWALI

2021

(f’miljuni ta’ EUR)

SENA FINANZJARJA TA’ WARA

2022

(f’miljuni ta’ EUR)

5.0

NEFQA

-    IDDEBITATA LILL-BAĠIT TAL-UE
(RIFUŻJONIJIET/INTERVENTI)

-    AWTORITAJIET NAZZJONALI

-    OĦRAJN

0.41

5.1

DĦUL

-    RIŻORSI PROPRJI TAL-UE
(IMPOSTI / DAZJI TAD-DWANA)

-    NAZZJONALI

2023 (f’miljuni ta’ EUR)

5.0.1

NEFQA PROĠETTATA

0.46

5.1.1

DĦUL PROĠETTAT

5.2

METODU TAL-KALKOLU: Abbażi ta’ suppożizzjonijiet dwar stima tal-għadd ta’ voti (538) tal-UE (li jvarja kull sena), u dwar stima tal-ammont li għandu jitħallas għal kull vot f’GBP (661).

6.0

IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT MILL-APPROPRJAZZJONIJIET IMDAĦĦLA FIL-KAPITOLU RILEVANTI TAL-BAĠIT ATTWALI?

IVA

6.1

IL-PROĠETT JISTA’ JIĠI FFINANZJAT PERMEZZ TA’ TRASFERIMENT BEJN KAPITOLI TAL-BAĠIT ATTWALI?

-

6.2

SE JKUN HEMM BŻONN TA’ BAĠIT SUPPLIMENTARI?

-

6.3

SE JKUN HEMM BŻONN LI JIDDAĦĦLU L-APPROPRJAZZJONIJIET F’BAĠITS FUTURI?

IVA

OSSERVAZZJONIJIET:

L-ammont li għandu jitħallas fir-realtà jista’ jvarja skont l-għadd finali ta’ voti li jiġu allokati lill-UE, skont l-ammont li għandu jitħallas għal kull vot f’GBP, u skont ir-rata tal-kambju EUR/GBP.

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1251 tal-15 ta’ Lulju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fir-rigward tal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 195, 23.7.2019, p. 18).
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja vs il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi 61 sa 64.
(4)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/580/KEE tat-13 ta’ Novembru 1992 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 379, 23.12.1992, p. 15).
(5)

   Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1251 tal-15 ta’ Lulju 2019 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kunsill Internazzjonali taz-Zokkor fir-rigward tal-estensjoni tal-Ftehim Internazzjonali dwar iz-Zokkor tal-1992 (ĠU L 195, 23.7.2019, p. 18).

Top