Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021PC0289

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern

    COM/2021/289 final

    Brussell, 1.6.2021

    COM(2021) 289 final

    2018/0199(COD)

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

    skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

    dwar

    il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern


    2018/0199 (COD)

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW

    skont l-Artikolu 294(6) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea


    dwar

    il-pożizzjoni tal-Kunsill rigward l-adozzjoni ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-mira tal-kooperazzjoni territorjali Ewropea (Interreg) appoġġata mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-istrumenti ta’ finanzjament estern

    1.Sfond

    Data li fiha ntbagħtet il-proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill
    (id-dokument COM(2018) 374 final – 2018/0199/(COD)):

    id-29 ta’ Mejju 2018

    Data tal-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew:

    id-19 ta’ Settembru 2018

    Data tal-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, fl-ewwel qari:

    is-26 ta’ Marzu 2019

    Data tat-trilogu (ftehim dwar it-test finali)    

    it-2 ta’ Diċembru 2020

    Data tal-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari:

    is-27 ta’ Mejju 2021

    2.Objettiv tal-proposta tal-Kummissjoni

    Il-proposta għal Regolament dwar Interreg għandha l-għan li tistabbilixxi dispożizzjonijiet speċifiċi li jirregolaw il-kooperazzjoni territorjali Ewropea, filwaqt li tispeċifika u tikkompleta d-dispożizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament (UE) 2021/… tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura u regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Politika tal-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi – (RDK), li jirregolaw is-sistema ta’ eżekuzzjoni u implimentazzjoni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR).

    Tikkonċentra prinċipalment fuq kwistjonijiet ewlenin ta’ implimentazzjoni u kooperazzjoni, b’mod partikolari:

    ·id-definizzjoni u l-kopertura ġeografika tad-diversi fergħat ta’ kooperazzjoni (transfruntiera, transnazzjonali, interreġjonali u r-reġjuni ultraperiferiċi);

    ·id-definizzjoni ta’ regoli speċifiċi dwar il-konċentrazzjoni tematika;

    ·it-twaqqif ta’ objettivi u kamp ta’ applikazzjoni speċifiċi ta’ Interreg;

    ·l-adattamenti tar-regoli tas-CPR dwar il-programmazzjoni, l-awtoritajiet tal-programm, il-ġestjoni u l-kontroll u l-ġestjoni finanzjarja; u

    ·l-integrazzjoni ta’ strumenti ta’ finanzjament estern tal-UE.

    Il-ftehim proviżorju jirrispetta l-arkitettura ta’ Interreg, maqsuma f’erba’ fergħat, inkluża fergħa ġdida ddedikata għall-kooperazzjoni tar-Reġjuni Ultraperiferiċi tal-UE. Tikkonferma wkoll l-allokazzjoni finanzjarja kumplessiva u l-bilanċ bejn il-fergħat differenti, sabiex l-istrument ikun jista’ jilħaq l-objettivi tiegħu. Tinkludi wkoll diversi dispożizzjonijiet ta’ simplifikazzjoni, konsistenti mal-proposta tal-Kummissjoni, dwar il-fondi għal proġetti żgħar (l-Artikolu 25), l-assistenza teknika (l-Artikolu 27), l-użu ta’ opzjonijiet simplifikati ta’ kostijiet (l-Artikolu 53 RDK) jew il-mekkaniżmi tal-awditjar u l-verifiki (il-Kapitolu VI).

    Iż-żewġ modifiki prinċipali li qablu dwarhom il-koleġiżlaturi jirrigwardaw il-kooperazzjoni marittima, integrata mill-ġdid fl-ambitu tal-kooperazzjoni transfruntiera, u l-illaxkar tar-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika għall-objettivi speċifiċi għal Interreg. Madankollu dawn ma jikkompromettux il-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati li jfittxu li jiksbu kooperazzjoni marittima b’mod simplifikat, u lanqas li jappoġġaw azzjonijiet prijoritarji ta’ bini tal-kapaċitajiet fl-ambitu tal-“governanza aħjar tal-kooperazzjoni”.

    Jinżamm il-kunċett ta’ investimenti interreġjonali fl-innovazzjoni iżda jiġi trasferit għar-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali/il-Fond ta’ Koeżjoni (FEŻR/FK), b’allokazzjoni mnaqqsa.

    3.Kummenti dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill

    Il-pożizzjoni tal-Kunsill tirrifletti għalkollox il-ftehim li ntlaħaq fit-trilogi. Fost l-aktar bidliet importanti introdotti meta mqabbla mal-proposta tal-Kummissjoni hemm:

    ·Arkitettura riveduta, li żżomm il-kooperazzjoni marittima transfruntiera taħt il-fergħa A (transfruntiera);

    ·L-introduzzjoni mill-ġdid tal-programmi “Urbact” u “Interreg Europe” taħt il-fergħa tal-kooperazzjoni interreġjonali;

    ·Il-konferma tal-konċentrazzjoni tematika, taħt l-Artikolu 15(1), fuq tliet objettivi ta’ politika, inkluż l-objettiv ta’ politika 2 (Ewropa aktar ekoloġika, b’livell baxx ta’ emissjonijiet ta’ karbonju), b’obbligu addizzjonali li jiġi inkluż l-objettiv ta’ politika 4 (Ewropa aktar soċjali) għall-fruntieri interni fuq l-art. Min-naħa l-oħra, ir-rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika fuq l-objettivi speċifiċi għal Interreg “governanza aħjar tal-kooperazzjoni” u “Ewropa b’inqas periklu u aktar sigurtà” ġew riveduti, u saru fakultattivi, taħt il-limiti massimi rispettivi ta’ 20 % u 5 % tal-allokazzjonijiet tal-programm. Għall-kooperazzjoni transnazzjonali, l-allinjament mal-prijoritajiet tal-istrateġiji makroreġjonali u tal-baċiri tal-baħar ġie aġġustat għal 80 %;

    ·L-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ appoġġ għall-proġetti b’volum finanzjarju limitat, inkluż permezz ta’ fondi għal proġetti żgħar, sabiex jiġi mħeġġeġ l-appoġġ għal azzjonijiet min-nies għan-nies u proġetti żgħar;

    ·It-tressiq tal-Investimenti Interreġjonali fl-Innovazzjoni għar-Regolament FEŻR/FK, b’allokazzjoni mnaqqsa, filwaqt li jiġu ppreservati u ċċarati l-objettivi u l-mekkaniżmi proposti mill-Kummissjoni;

    ·L-aġġustament tar-rati ta’ prefinanzjament u kofinanzjament żdied kemm kemm, skont ir-RDK. Ir-rati ta’ prefinanzjament u kofinanzjament, flimkien mar-rata ta’ appoġġ fl-ambitu tal-assistenza teknika, ġew speċifikati wkoll għall-programmi esterni inkluż appoġġ mill-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA - Instrument for Pre-accession Assistance), l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali (NDICI - Neighbourhood, Development and International Cooperation Instrument) u d-Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea (OAD - Overseas Association Decision);

    ·Il-konferma tar-riżorsi finanzjarji, inkluż rinforz tal-fergħat A u D kif spjegat hawn fuq, bid-diviżjoni sussegwenti tal-allokazzjonijiet:

    ·EUR 5 813-il miljun għall-kooperazzjoni transfruntiera

    ·EUR 1 466 miljun għall-kooperazzjoni transnazzjonali

    ·EUR 490 miljun għall-kooperazzjoni interreġjonali

    ·EUR 281 miljun għar-reġjuni ultraperiferiċi.

    Kumplessivament, filwaqt li l-Kummissjoni ma rnexxilhiex tikkonvinċi lill-Kunsill fir-rigward tal-proposta tagħha dwar konċentrazzjoni tematika vinkolanti għall-objettivi speċifiċi għal Interreg u dwar is-simplifikazzjoni tal-kooperazzjoni marittima permezz tal-kooperazzjoni transnazzjonali, l-istruttura tal-proposta u l-mekkaniżmi prinċipali ta’ implimentazzjoni tagħha huma rispettati. B’mod partikolari, il-ftehim jagħti lok li jitkompla l-programm PEACE PLUS għall-appoġġ tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni bejn il-kontej fil-fruntiera tal-Irlanda u l-Irlanda ta’ Fuq, jikkonferma l-fergħa l-ġdida dwar ir-Reġjuni Ultraperiferiċi u l-integrazzjoni tal-kooperazzjoni fil-fruntieri esterni, b’dispożizzjonijiet imfassla apposta.

    Għalhekk, il-modifiki adottati jippreservaw b’mod kumplessiv l-arkitettura tal-proposta tal-Kummissjoni, ir-riżorsi tagħha u l-kapaċità tagħha li tilħaq l-objettivi ta’ kooperazzjoni fil-mira tal-istrument.

    4.Konklużjoni

    Il-Kummissjoni tappoġġa r-riżultati tan-negozjati interistituzzjonali u għalhekk taċċetta l-pożizzjoni meħuda mill-Kunsill.

    Top