IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.4.2021
COM(2021) 177 final
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (ICPO-INTERPOL)
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1. IL-KUNTEST TAR-RAKKOMANDAZZJONI
It-terroriżmu u r-reati serji u organizzati issa huma fenomeni dejjem aktar dinamiċi, globalizzati u kumplessi li jirrikjedu rispons robust u koordinat mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, it-terroriżmu u r-reati serji qegħdin isiru dejjem aktar fenomeni mobbli, tranżnazzjonali u transfruntiera. Dan jirrikjedi l-involviment f’kooperazzjoni aktar profonda u effettiva ma’ korpi internazzjonali, bħall-Interpol, li tista’ tipprovdi pont bejn l-UE u l-komunitajiet internazzjonali tal-infurzar tal-liġi.
Il-kuntest tal-kooperazzjoni attwali bejn l-UE u l-Interpol
L-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (Interpol) hija l-akbar organizzazzjoni intergovernattiva globali ta’ pulizija kriminali, b’194 pajjiż membru. Din tiffaċilita l-kooperazzjoni fl-infurzar tal-liġi, pereżempju billi tippermetti l-kondiviżjoni ta’ data relatata mal-infurzar tal-liġi u l-aċċess għaliha. L-Interpol għandha diversi ftehimiet ta’ kooperazzjoni ma’ firxa ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali, f’oqsma ta’ interess reċiproku. L-Istati Membri kollha tal-UE huma membri tal-Interpol.
Mill-adozzjoni tal-ewwel Regoli tagħha tal-Ipproċessar ta’ Informazzjoni tal-Pulizija fl-1983, l-Interpol aġġornat il-proċeduri tagħha matul is-snin skont il-prinċipju li r-rispett għall-privatezza tal-individwi huwa fundamentali għall-kondiviżjoni tal-informazzjoni fil-kuntest tal-infurzar tal-liġi. Ir-regoli attwali tal-Interpol dwar l-ipproċessar ta’ data personali ġew aġġornati reċentement fl-2019.
L-UE u l-Interpol diġà għandhom kooperazzjoni fit-tul u profonda f’firxa ta’ oqsma relatati mal-infurzar tal-liġi. L-Interpol hija sieħeb ewlieni għall-UE fil-qasam tas-sigurtà interna u esterna, inkluż il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, kif ukoll fil-ġestjoni integrata tal-fruntieri.
Pereżempju, il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2005/69/ĠAI tistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex itejbu l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tagħhom tal-infurzar tal-liġi u bejniethom u dawn l-awtoritajiet f’pajjiżi terzi billi jiskambjaw data tal-passaport mal-Interpol sabiex jipprevjenu u jiġġieldu r-reati serji u organizzati, inkluż it-terroriżmu.
L-Interpol tipparteċipa wkoll b’mod attiv fl-implimentazzjoni operazzjonali taċ-ċiklu tal-politika tal-UE/EMPACT billi tappoġġa l-azzjonijiet operazzjonali tal-Istati Membri f’kooperazzjoni mal-Aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-UE, li jaħdmu mill-qrib mal-Interpol abbażi ta’ għadd ta’ ftehimiet jew arranġamenti. Meta ġie stabbilit l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (l-UPPE) fl-2017, inħoloq korp ieħor tal-UE fil-qasam tal-investigazzjoni u tal-prosekuzzjoni transfruntiera. Il-kooperazzjoni bejn l-UPPE u l-Interpol jeħtieġ li tiġi stabbilita u regolata, peress li l-UPPE se jibda jopera dalwaqt.
Fl-aħħar nett, l-UE hija waħda mill-akbar donaturi ta’ fondi lill-Interpol. Dawn il-fondi jiġu allokati għal proġetti implimentati mill-Interpol, jew fejn l-Interpol tkun sieħeb fi proġett. B’mod partikolari dawn huma għall-iskambju ta’ informazzjoni, l-infurzar tal-liġi, inkluż il-kooperazzjoni fil-ġestjoni tal-fruntieri u l-attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità, u proġetti u programmi li jimmiraw lejn firxa ta’ terroriżmu u oqsma ta’ reati serji, b’fokus reġjonali l-aktar fuq l-Afrika, l-Asja u l-Amerika Latina.
Il-ħtieġa għal ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Interpol
L-Istrateġija tal-UE dwar l-Unjoni tas-Sigurtà tal-2020 tistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Interpol, bħala essenzjali biex jissaħħu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni. L-istrateġija tirrikonoxxi li l-Interpol, waħda mill-akbar organizzazzjonijiet intergovernattivi ta’ pulizija kriminali, għandha rwol importanti f’dan ir-rigward. Għalhekk, il-Kummissjoni se tħares lejn modi kif iżżid il-kooperazzjoni mal-Interpol, inkluż aċċess possibbli għal bażijiet tad-data tal-Interpol u ssaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva u strateġika. Barra minn hekk, l-Aġenda tal-UE kontra t-Terroriżmu tal-2020 tirrikonoxxi li l-Interpol hija sieħeb ewlieni fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, pereżempju minħabba l-għarfien espert tagħha dwar il-ġellieda terroristiċi barranin, li hemm oqsma fejn jenħtieġ li tiġi stabbilita jew tiżdied il-kooperazzjoni, u li diversi korpi tal-UE huma ffaċċjati bil-ħtieġa operazzjonali li jkollhom aċċess għall-bażijiet tad-data tal-Interpol biex iwettqu l-kompiti tagħhom.
Minkejja l-kooperazzjoni eżistenti mal-Interpol, hemm oqsma fejn il-kooperazzjoni tista’ u jenħtieġ li tissaħħaħ jew saħansitra tiġi stabbilita f’oqsma ġodda biex tiġi indirizzata serje ta’ ħtiġijiet operazzjonali indispensabbli u biex jiġu implimentati atti legali eżistenti, u l-għan huwa li l-Istati Membri jiġu appoġġati aħjar fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata. Dawn il-ħtiġijiet operazzjonali jirrikjedu l-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Interpol.
Il-paragrafi li ġejjin jispeċifikaw dawn il-ħtiġijiet fid-dettall.
L-ewwel nett, hemm bżonn ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni ġdid bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u l-Interpol. Il-Europol diġà għandha ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Interpol li jipprevedi l-iskambju ta’ data personali, konkluż fl-2001, ferm qabel ma r-Regolament tal-Europol daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2017. Madankollu, dan il-ftehim ma jagħtix aċċess dirett jew indirett mill-Europol għall-informazzjoni u għall-bażijiet tad-data tal-Interpol, b’mod partikolari l-Avviżi tagħha li fihom informazzjoni dwar it-terroristi. Barra minn hekk, l-Aġenzija tiskambja biss informazzjoni mal-Interpol u taċċessa l-bażijiet tad-data tal-Interpol għat-twettiq tal-kompiti tal-Aġenzija permezz tal-Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Interpol fil-Europol jew permezz tal-Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Aġenzija fl-Interpol. Għalhekk hemm bżonn ta’ ftehim ġdid li jirregola r-relazzjonijiet bejn l-Aġenzija u l-Interpol kemm biex jitqiesu l-aħħar żviluppi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu kif ukoll ir-reati organizzati serji transfruntiera u tranżnazzjonali u biex jiġu ġestiti l-ħtiġijiet operazzjonali ta’ kuljum, il-mandat tal-Europol, u l-aħħar reġim tal-UE tal-protezzjoni tad-data.
It-tieni, hemm bżonn li tiġi żgurata l-interoperabbiltà. L-UE u l-Interpol kellhom taħditiet esploratorji dwar il-ħtieġa li jidħlu fi ftehim ta’ kooperazzjoni wara l-adozzjoni ta’ regolamenti dwar l-interoperabbiltà bejn is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fl-oqsma tal-fruntieri u l-viża u tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni, u r-Regolament dwar is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS).
Ir-Regolamenti dwar l-interoperabbiltà u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar jipprovdu aċċess ikkontrollat għal żewġ bażijiet tad-data tal-Interpol minn Stat Membru tal-UE jew minn aġenzija tal-UE, permezz tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija (ESP). Iż-żewġ bażijiet tad-data tal-Interpol huma l-bażijiet tad-data ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLTD) u ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi (TDAWN). Dawn il-bażijiet tad-data fihom volum kbir ta’ data dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi. L-użu tal-bażijiet tad-data jista’ jimminimizza l-lakuni fl-informazzjoni, jimmassimizza l-konkordanzi pożittivi u sussegwentement itejjeb l-eżiti operazzjonali tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar.
Iż-żewġ regolamenti ta’ hawn fuq jgħidu li t-tfittxijiet fil-bażijiet tad-data tal-Interpol iridu jsiru b’mod li l-ebda informazzjoni dwar l-allert tal-Interpol ma tiġi żvelata lis-sid. Il-ftehim ta’ kooperazzjoni mal-Interpol se jipprovdi l-bażi ġuridika meħtieġa, inklużi salvagwardji u garanziji ta’ protezzjoni tad-data, u l-awtorizzzazjoni lill-Portal Ewropew tat-Tfittxija biex jaqbad mal-bażijiet tad-data tal-Interpol. Il-ftehim ta’ kooperazzjoni se jipprovdi wkoll ambitu biex tiġi stabbilita konnessjoni sigura tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar mal-infrastruttura tal-IT tal-Interpol, li tippermetti aċċess għall-bażijiet tad-data tal-Interpol. L-għan huwa li jkun ta’ għajnuna fil-prevenzjoni u fl-investigazzjoni ta’ reati terroristiċi.
Fl-istess kuntest, fl-2018, il-Kummissjoni ħarġet proposta biex tirrevedi r-Regolament dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża, li – b’mod simili għas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar – se jawtorizza tfittxijiet awtomatizzati ta’ sistemi tal-UE għall-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri, u ta’ bażijiet tad-data tal-Interpol. F’Diċembru 2020, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill laħqu ftehim politiku dwar din il-proposta; l-adozzjoni formali se ssegwi fix-xhur li ġejjin. Il-ftehim politiku jinkludi dispożizzjoni simili għad-dispożizzjoni li tinsab fir-Regolament dwar is-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar. Ir-reviżjoni tar-regolament dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża tenħtieġ għalhekk li titqies ukoll fin-negozjati mal-Interpol għall-konklużjoni ta’ ftehim ta’ kooperazzjoni. Dan ukoll se jgħin fil-prevenzjoni u fl-investigazzjoni tar-reati terroristiċi.
It-tielet, l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jeħtieġu informazzjoni aġġornata dwar il-kriminali u r-reati. L-Interpol tiġġestixxi firxa wiesgħa ta’ bażijiet tad-data li fihom din l-informazzjoni fuq skala globali, ikkontribwiti mill-194 pajjiż membru tal-Interpol. It-18-il bażi tad-data tal-Interpol fihom aktar minn 100 miljun rekord tal-infurzar tal-liġi b’informazzjoni dwar individwi bħal ismijiet u marki tas-swaba’, proprjetà misruqa bħal passaporti u vetturi, armi u armi tan-nar.
Din l-informazzjoni hija siewja għall-Europol, għall-Frontex, għall-Eurojust u għall-UPPE biex iwettqu l-kompiti tagħhom f’konformità mal-mandati tagħhom. Din iżżid l-effettività tagħhom billi tipprovdi valur miżjud operazzjonali, speċjalment meta tappoġġa lill-Istati Membri fid-detezzjoni, fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u kontra reati serji oħra. Dawn is-sorsi ta’ informazzjoni jippermettu lill-aġenziji u lill-UPPE jtejbu l-preċiżjoni u l-kwalità tal-informazzjoni diġà disponibbli għalihom, jidentifikaw konnessjonijiet jew rabtiet oħra bejn l-informazzjoni, jagħlqu l-lakuni fl-informazzjoni u b’hekk jipprovdu intelliġenza olistika u unifikata lill-Istati Membri. Madankollu, għalkemm il-bażijiet tad-data huma direttament aċċessibbli mill-Istati Membri tal-UE bħala pajjiżi membri tal-Interpol, il-Frontex, il-Eurojust u l-UPPE bħalissa ma għandhomx aċċess f’konformità mal-mandati tagħhom (jew aċċess dirett jew fuq bażi ta’ hit/no-hit), minħabba li ma hemmx ftehim mal-Interpol.
Il-kwistjonijiet marbuta mal-Aġenziji speċifiċi huma spjegati hawn taħt.
Il-Europol
L-Aġenzija bħalissa tiskambja informazzjoni mal-Interpol u taċċessa bażijiet tad-data tal-Interpol biex twettaq il-kompiti tagħha permezz tal-Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Interpol fil-Europol jew permezz tal-Uffiċjal ta’ Kollegament tal-Aġenzija fl-Interpol, bħala parti mill-ftehim ta’ kooperazzjoni fis-seħħ bejn il-Europol u l-Interpol. Madankollu, il-prattika wriet li din il-proċedura jenħtieġ li tittejjeb, tiġi aċċellerata u ssimplifikata biex jiġi ffaċilitat l-aċċess rapidu għal din l-informazzjoni, speċjalment informazzjoni fil-bażijiet tad-data tal-Interpol relatati mal-ġlieda kontra t-terroriżmu, b’mod partikolari l-Avviżi tagħha li fihom informazzjoni dwar it-terroristi. Dan jippermetti li l-appoġġ operazzjonali pprovdut mill-Europol lill-Istati Membri – speċjalment il-kapaċità analitika tagħha – juża l-informazzjoni miżmuma mill-Interpol. Għalhekk, l-aċċess għall-bażijiet tad-data tal-Interpol, dirett jew indirett, itejjeb il-kooperazzjoni operazzjonali, filwaqt li jqis kif xieraq ir-restrizzjonijiet imposti mis-sidien tad-data.
Il-Frontex
Il-Frontex għandha l-mandat li tiżgura ġestjoni integrata tal-fruntiera fil-fruntieri esterni tal-UE, bil-għan li timmaniġġja dawn il-fruntieri b’mod effiċjenti u f’konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali. Wieħed mill-komponenti tal-kontroll tal-fruntiera tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntiera jinkludi miżuri biex jiġi ffaċilitat il-qsim leġittimu tal-fruntieri u, fejn xieraq, miżuri relatati mal-prevenzjoni u mad-detezzjoni tal-kriminalità transfruntiera fil-fruntieri esterni, b’mod partikolari t-terroriżmu, it-traffikar tal-migranti u t-traffikar tal-bnedmin. F’dan il-kuntest, hemm ħtieġa operazzjonali għall-persunal tal-kategorija 1 (persunal statutorju) tal-korp permanenti tal-Frontex għall-aċċess għall-bażijiet tad-data tal-Interpol biex iwettqu l-kompiti tagħhom. B’mod aktar speċifiku, l-Artikolu 82(1) tar-Regolament (UE) 2019/1896 jipprevedi li l-membri tat-timijiet tal-kategorija 1 irid ikollhom l-awtorità li jwettqu kompiti u li jeżerċitaw setgħat għall-kontroll tal-fruntiera previsti fir-Regolament (UE) 2016/399 (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen). Dan jinkludi l-verifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi skont bażijiet tad-data tal-Interpol (b’mod partikolari l-bażi tad-data ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin) fil-fruntieri esterni, skont l-Artikolu 8(3), is-subparagrafu (a), il-punt (i), 8(3), is-subparagrafu (a), il-punt (ii) u 6(1), il-punt (e) tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen. Dan se jgħin biex jiġu evitati u investigati reati terroristiċi, speċjalment fil-kontrolli fil-fruntiera esterna tal-UE.
Il-Eurojust
L-Aġenzija għandha ħtieġa operazzjonali essenzjali li ssaħħaħ il-kooperazzjoni mal-Interpol u li tikseb il-bażi ġuridika għall-iskambju ta’ data personali sabiex twettaq il-kompiti tagħha. B’mod aktar speċifiku, hemm bżonn ta’ involviment strutturat u strutturali tal-Interpol fil-każijiet tal-Eurojust, inkluż laqgħat ta’ koordinazzjoni, ċentri ta’ koordinazzjoni u timijiet ta’ investigazzjoni konġunti. Speċjalment meta jintalab l-appoġġ tal-Eurojust biex tikkoordina l-implimentazzjoni ta’ miżuri ġudizzjarji u individwi jkollhom jiġu arrestati f’pajjiżi terzi, l-involviment tal-Interpol jista’ jipprovdi valur miżjud, iħaffef il-proċess ġudizzjarju u jiffaċilita l-ħidma tal-Eurojust. Hemm ukoll il-ħtieġa li l-Eurojust tiskambja informazzjoni mal-Interpol dwar ġellieda terroristiċi barranin suspettati, b’mod partikolari billi jitqies ir-Reġistru kontra t-Terroriżmu fil-Eurojust. Il-mezzi tal-Interpol diġà jintużaw biex jiġu trażmessi talbiet għall-estradizzjoni u jistgħu dalwaqt ikunu disponibbli għat-trażmissjoni ta’ talbiet għal assistenza legali reċiproka.
L-UPPE
L-UPPE huwa korp indipendenti tal-UE responsabbli għall-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u t-tressiq quddiem il-ġustizzja tal-awturi u tal-kompliċi f’reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE. Għandu l-awtorità li jwettaq investigazzjonijiet, jimplimenta ordnijiet ta’ prosekuzzjoni u jeżerċita l-funzjonijiet ta’ prosekutur fil-qrati kompetenti tal-Istati Membri. F’dan il-kuntest, il-ħtiġijiet operazzjonali tal-UPPE f’termini ta’ kooperazzjoni mal-Interpol huma l-istess bħal dawk ta’ kwalunkwe awtorità nazzjonali ta’ investigazzjoni u ta’ prosekuzzjoni fl-Istati Membri, li tinkludi aċċess għal informazzjoni miżmuma fil-bażijiet tad-data tal-Interpol u l-iskambju ta’ informazzjoni mal-Interpol u ma’ pajjiżi terzi permezz tal-Interpol. Din il-ħtieġa saret saħansitra akbar, minħabba n-natura transfruntiera tar-reati li għalihom l-UPPE huwa kompetenti u l-ħtieġa li jikkoopera ma’ pajjiżi terzi. Barra minn hekk, l-UPPE huwa mistenni li jitlob l-assistenza tal-Interpol biex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta’ informazzjoni, speċjalment fir-rigward ta’ assistenza legali reċiproka. Il-kooperazzjoni bejn l-UPPE u l-Interpol għad trid tiġi stabbilita u regolata, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-mandat tal-UPPE dwar il-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, sa fejn ikun meħtieġ biex iwettaq il-kompiti tiegħu.
Il-ħtieġa għal ftehim ta’ kooperazzjoni hija rikonoxxuta u kkonfermata wkoll mill-Interpol u mill-membri tagħha. F’Ottubru 2019 it-88 Assemblea Ġenerali tal-Interpol adottat ir-Riżoluzzjoni 5, li tawtorizza lis-Segretarjat Ġenerali tal-Interpol biex jidħol f’negozjati mal-UE biex jikkonkludi ftehim ta’ kooperazzjoni.
Forom oħra ta’ kooperazzjoni
B’mod parallel, hemm bżonn li jiġu koperti forom oħra ta’ kooperazzjoni mal-Interpol, li l-Kummissjoni f’kooperazzjoni mar-Rappreżentant Għoli għall-aspetti tal-PESK se timmira li żżomm, f’isem l-UE, bħala parti minn strument separat mal-Interpol, abbażi tal-Artikolu 220 TFUE. Din il-kooperazzjoni se tkun konformi mal-Artikolu 220(2) TFUE f’termini ta’ deskrizzjoni kumplessiva tal-qafas ta’ kooperazzjoni u l-istabbiliment ta’ qafas għal djalogu strutturat f’livell għoli u tekniku, bejn l-UE u l-Interpol. Din il-kooperazzjoni se tipprovdi wkoll lis-servizzi tas-sigurtà tal-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Kunsill u lill-Parlament aċċess għal bażijiet ta’ data speċifiċi tal-Interpol għal kontrolli ta’ sigurtà tal-isfond, inkjesti u investigazzjonijiet interni dwar ċittadini ta’ pajjiżi terzi, u li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tidħol u toħroġ notifiki kkontrollati ta’ laissez-passers tal-UE mitlufa, misruqa u rrevokati fil-bażi tad-data tal-Interpol dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqa u Mitlufa.
2.IL-FTEHIM TA’ KOOPERAZZJONI PREVIST
Il-ftehim ta’ kooperazzjoni previst bejn l-UE u l-Interpol se jimmira lejn dawn l-għanijiet.
–Jirregola l-kooperazzjoni bejn il-Europol u l-Interpol, filwaqt li jqis l-aħħar żviluppi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, ir-reati organizzati serji transfruntiera u tranżnazzjonali, il-ħtiġijiet operazzjonali attwali, il-mandat tal-Europol, u l-aħħar reġim tal-UE ta’ protezzjoni tad-data.
–Jipprovdi s-salvagwardji u l-garanziji meħtieġa biex jingħata aċċess ikkontrollat għall-bażijiet tad-data ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLTD) u ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi (TDAWN) permezz tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija, mill-Istati Membri tal-UE u mill-aġenziji tal-UE, kif meħtieġ biex iwettqu l-kompiti tagħhom, f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom, mal-liġi tal-UE jew nazzjonali li jkopru tali aċċess u f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data tal-UE u mad-drittijiet fundamentali.
–Jipprovdi s-salvagwardji u l-garanziji meħtieġa biex jippermetti lill-Istati Membri tal-UE u lill-Frontex (l-Unità Ċentrali tiegħu tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar) jaċċessaw il-bażijiet tad-data tal-Interpol permezz tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija f’konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data tal-UE u mad-drittijiet fundamentali.
–Jipprovdi s-salvagwardji u l-garanziji meħtieġa biex jiġi implimentat Regolament rivedut dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża li jippermetti lill-Istati Membri tal-UE jaċċessaw il-bażijiet tad-data ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (SLTD) tal-Interpol u ta’ Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi (TDAWN) permezz tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija meta jeżaminaw applikazzjonijiet għal viżi jew permessi ta’ residenza, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-UE tal-protezzjoni tad-data u mad-drittijiet fundamentali.
–Jistabbilixxi u jirregola l-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”), kif stabbilit mir-Regolament (UE) 2017/1939 u l-Interpol, f’konformità mal-mandati tagħhom, u f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-UE tal-protezzjoni tad-data u mad-drittijiet fundamentali.
–Jipprovdi l-bażi ġuridika biex jawtorizza lill-Europol, lill-persunal tal-kategorija 1 tal-Frontex (il-persunal statutorju tal-korp permanenti) u lill-UPPE biex jaċċessaw il-bażijiet tad-data rilevanti tal-Interpol biex iwettqu l-kompiti tagħhom, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data tal-UE u mad-drittijiet fundamentali.
–Jipprovdi l-bażi ġuridika biex jawtorizza lill-Eurojust u lill-UPPE jiskambjaw informazzjoni operazzjonali mal-Interpol, f’konformità sħiħa mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data tal-UE u mad-drittijiet fundamentali.
L-għanijiet kollha elenkati hawn fuq iridu jikkonformaw bis-sħiħ mar-reġim tal-UE ta’ protezzjoni tad-data.
3.IL-KOMPETENZA TAL-UE
L-Artikolu 3(2) tat-TFUE jipprevedi li l-UE għandha kompetenza esklussiva “li tikkonkludi ftehim internazzjonali ... sal-punt fejn il-konklużjoni tiegħu tista’ tolqot xi regoli komuni jew tbiddel il-kamp tal-applikazzjoni tagħhom.” Il-ftehim internazzjonali jista’ jaffettwa regoli komuni jew ibiddel il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom fejn il-qasam kopert mill-ftehim ikun jikkoinċidi mal-leġiżlazzjoni tal-UE jew ikun kopert fil-biċċa l-kbira mid-dritt tal-UE. L-Unjoni Ewropea adottat regoli komuni bbażati fuq l-Artikoli 16, 77, 79, 85, 86, 87(1), (2) u 88 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar l-aspetti li għandhom jiġu koperti fil-ftehim ta’ kooperazzjoni.
Il-qafas legali attwali tal-Unjoni Ewropea jinkludi:
–Ir-Regolamenti (UE) 2016/794, (UE) 2019/1896, (UE) 2018/1727, (UE) 2017/1939 dwar il-Europol, il-Frontex, il-Eurojust u l-UPPE, rispettivament, inklużi dispożizzjonijiet għal kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-Interpol;
–Ir-Regolamenti (UE) 2019/817, (UE) 2019/818 u (UE) 2018/1240, li jipprovdu għal aċċess ikkontrollat għall-bażi tad-data tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin tal-Interpol u għall-bażi tad-data tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi minn Stat Membru tal-UE jew aġenzija tal-UE;
–Ir-Regolament (UE) 2017/458 li jemenda r-Regolament (UE) 2016/399 (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), li għandu l-għan li jżid il-kontrolli mal-bażijiet tad-data rilevanti fil-fruntieri esterni, jinkludi Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin tal-Interpol bħala waħda mill-bażijiet tad-data li għandhom jiġu kkonsultati;
Din ir-Rakkomandazzjoni hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tal-atti legali msemmija hawn fuq.
4.
BAŻI ĠURIDIKA
L-objettiv ta’ din ir-Rakkomandazzjoni huwa li tinkiseb awtorizzazzjoni mill-Kunsill sabiex il-Kummissjoni tinnegozja l-ftehim ta’ kooperazzjoni futur bejn l-UE u l-Interpol f’isem l-UE. Il-bażi ġuridika għall-Kunsill biex jawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati hija l-Artikolu 218(3) u (4) tat-TFUE.
5.
NEGOZJATI
F’konformità mal-Artikolu 218 tat-TFUE, il-Kummissjoni se tiġi nnominata bħala n-negozjatur tal-UE għall-ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-UE u l-Interpol.
Il-Kummissjoni se tmexxi n-negozjati f’konformità mad-direttivi ta’ negozjati stabbiliti fl-anness tad-deċiżjoni u f’konsultazzjoni ma’ kumitat speċjali maħtur mill-Kunsill.
Il-Kummissjoni se żżomm lill-Parlament Ewropew infurmat bis-sħiħ dwar in-negozjati fil-ħin.
Rakkomandazzjoni għal
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL
li tawtorizza l-ftuħ ta’ negozjati għal ftehim ta’ kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali ta’ Pulizija Kriminali (ICPO-INTERPOL)
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 218(3) u (4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)Jenħtieġ li jinfetħu negozjati bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim ta’ kooperazzjoni (“il-Ftehim”) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Interpol. Il-ftehim se jkollu l-għan li jirregola l-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Interpol fil-qasam tal-infurzar tal-liġi f’konformità mal-Artikoli 87 u 88 tat-TFUE, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali f’konformità mal-Artikoli 82, 85 u 86 tat-TFUE, u fil-qasam tas-sigurtà tal-fruntieri (bħala parti mill-ġestjoni tal-fruntieri) f’konformità mal-Artikolu 77 tat-TFUE.
(2)Il-Ftehim jenħtieġ li jirregola l-kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (“il-Europol”) u l-Interpol, filwaqt li jqis l-aħħar żviluppi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-kriminalità organizzata serja transfruntiera u tranżnazzjonali, il-ħtiġijiet operazzjonali attwali u l-mandat tal-Europol.
(3)Il-Ftehim jenħtieġ li jipprovdi s-salvagwardji u l-garanziji meħtieġa biex jiġi awtorizzat aċċess ikkontrollat għall-bażijiet tad-data tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin (“SLTD”) tal-Interpol u tad-Dokument tal-Ivvjaġġar Assoċjat ma’ Avviżi (“TDAWN”) permezz tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija (“ESP”), mill-Istati Membri tal-UE u mill-aġenziji tal-UE, sa fejn dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom, f’konformità mad-drittijiet ta’ aċċess tagħhom, mal-liġi tal-UE jew nazzjonali li jkopru tali aċċess.
(4)Il-Ftehim jenħtieġ li jipprovdi s-salvagwardji u l-garanziji meħtieġa biex jawtorizza lill-Istati Membri tal-Unjoni u lill-Unità Ċentrali tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (“ETIAS”) tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (“il-Frontex”) jaċċessaw il-bażi tad-data tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin tal-Interpol u l-bażi tad-data tad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi permezz tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija.
(5)Il-Ftehim jenħtieġ li jipprovdi s-salvagwardji u l-garanziji meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ Regolament rivedut dwar is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża li jawtorizza lill-Istati Membri tal-Unjoni jaċċessaw il-bażijiet tad-data tal-Interpol permezz tal-Portal Ewropew tat-Tfittxija meta jeżaminaw applikazzjonijiet għal viżi jew permessi ta’ residenza.
(6)Il-Ftehim jenħtieġ li jiffaċilita l-istabbiliment u r-regolamentazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) u l-Interpol.
(7)Il-Ftehim jenħtieġ li jipprovdi l-bażi ġuridika biex jawtorizza lill-Europol, lill-persunal statutorju tal-korp permanenti tal-Frontex (persunal tal-kategorija 1) u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jaċċessaw bażijiet tad-data rilevanti tal-Interpol għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.
(8)Il-Ftehim jenħtieġ li jipprovdi l-bażi ġuridika biex jawtorizza lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (“il-Eurojust”) u lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew biex jiskambjaw informazzjoni operazzjonali mal-Interpol.
(9)L-Artikolu 23(1), (2) u (5) tar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprovdi għall-iskambju ta’ data personali bejn il-Europol u organizzazzjonijiet internazzjonali, sa fejn ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tal-Europol, kif definit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) 2016/794.
(10)F’konformità mal-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, l-Artikolu 5(9) tar-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, it-tfittxijiet fil-bażijiet tad-data tal-Interpol jenħtieġ li jsiru b’mod li l-ebda informazzjoni ma tiġi żvelata lis-sid tal-allert tal-Interpol. F’konformità mal-Artikolu 65 tar-Regolament (UE) 2018/1240 id-data personali jenħtieġ li ma tiġix ttrasferita jew titqiegħed għad-dispożizzjoni ta’ pajjiż terz, ta’ organizzazzjoni internazzjonali jew ta’ kwalunkwe parti privata, bl-eċċezzjoni ta’ trasferimenti lill-Interpol bil-għan li jsir ipproċessar awtomatizzat mal-bażi tad-datatad-Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin tal-Interpol u mal-bażi tad-data tad-dokumenti tal-Ivvjaġġar Assoċjati ma’ Avviżi, u jipprevedi li tali trasferimenti jkunu soġġetti għar-Regolament (UE) 2018/1725.
(11)L-Artikoli 80, 99 u 104 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 jistabbilixxu b’mod partikolari r-relazzjonijiet u jipprovdi għall-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew u l-organizzazzjonijiet internazzjonali.
(12)Fid-dawl tal-premessa 33 tar-Regolament (UE) 2016/794 u l-premessa 46 tar-Regolament (UE) 2018/1727 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, huwa xieraq li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-Europol u l-Interpol, u l-Eurojust u l-Interpol rispettivament, billi jiġi promoss l-iskambju effiċjenti ta’ data personali.
(13)L-Artikolu 68(1) tar-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprovdi għall-possibbiltà li l-Frontex tikkoopera ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali, li jinkludu speċifikament l-Interpol. F’konformità mal-Artikolu 82(1) tar-Regolament (UE) 2019/1896 il-membri ta’ timijiet mill-korp permanenti tal-Frontex irid ikollhom il-kapaċità li jwettqu kompiti u li jeżerċitaw setgħat għall-kontroll fuq il-fruntieri stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen). Skont l-Artikolu 8(3)(a)(i), l-Artikolu 8(3)(a)(ii) u l-Artikolu 6(1)(e) tar-Regolament (UE) 2016/399, dan jinkludi l-verifika ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mal-bażijiet tad-data tal-Interpol (b’mod partikolari l-bażi tad- data dwar Dokumenti tal-Ivvjaġġar Misruqin u Mitlufin tal-Interpol) fil-fruntieri esterni tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi assoċjati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen fir-rigward tal-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni.
(14)L-Artikolu 47(1), l-Artikolu 47(5 u 6), l-Artikolu 52 u l-Artikolu 56 tar-Regolament (UE) 2018/1727 jistabbilixxu r-relazzjonijiet, u jipprevedu l-iskambju ta’ data personali, bejn il-Eurojust u organizzazzjonijiet internazzjonali.
(15)Fid-dawl tal-premessa 96 tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939, huwa xieraq li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni u l-Interpol billi jiġi promoss skambju effiċjenti ta’ data personali.
(16)L-Artikolu 94 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għat-trasferimenti ta’ data personali operazzjonali lill-organizzazzjonijiet internazzjonali.
(17)Il-Ftehim jenħtieġ li jkun f’konformità sħiħa mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament (UE) 2018/1725 u d-Direttiva 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
(18)Il-Ftehim jenħtieġ li jirrispetta bis-sħiħ id-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (“il-Karta”), b’mod partikolari d-dritt għal ħajja privata u tal-familja, rikonoxxut fl-Artikolu 7 tal-Karta, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, rikonoxxut fl-Artikolu 8 tal-Karta u d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess ġust rikonoxxut mill-Artikolu 47 tal-Karta. Il-Ftehim jenħtieġ li jiġi applikat f’konformità mad-drittijiet u mal-prinċipji kollha stabbiliti fil-Karta.
(19)Il-Kummissjoni trid tikkonsulta lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data matul in-negozjar tal-ftehim u, fi kwalunkwe każ, qabel ma jiġi konkluż il-ftehim.
(20)Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi nnominata bħala n-negozjatur tal-UE.
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata tinnegozja, f’isem l-Unjoni Ewropea Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Pulizija Kriminali dwar il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u r-reati serji u fl-iżgurar ta’ ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntiera esterna tal-Istati Membri u ta’ pajjiżi terzi assoċjat mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen fir-rigward tal-kontroll tal-persuni fil-fruntieri esterni.
Artikolu 2
Id-direttivi ta’ negozjati huma stabbiliti fl-Anness.
Artikolu 3
In-negozjati għandhom isiru f’konsultazzjoni ma’ [isem il-kumitat speċjali li jiddaħħal mill-Kunsill].
Artikolu 4
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President