This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021IR5123
Opinion of the European Committee of the Regions — Future EU State aid in the agricultural and forestry sectors and in rural areas
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-għajnuna mill-Istat futura fis-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u taż-żoni rurali
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-għajnuna mill-Istat futura fis-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u taż-żoni rurali
COR 2021/05123
ĠU C 301, 5.8.2022, p. 56–60
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
5.8.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 301/56 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-għajnuna mill-Istat futura fis-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u taż-żoni rurali
(2022/C 301/10)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
1. |
jilqa’ l-proposti ġodda mressqa reċentement mill-Kummissjoni Ewropea dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tal-agrikoltura, li se jibdew japplikaw fl-1 ta’ Jannar 2023; |
2. |
ifakkar li l-Artikolu 107(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jipprevedi li l-għajnuna mill-Istat mogħtija lill-impriżi, f’każ li tali għajnuna twassal għal distorsjoni għall-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri, hija inkompatibbli mas-suq intern, għalkemm l-artikolu jipprevedi wkoll ċerti derogi; |
3. |
ifakkar li, fir-rigward tas-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u taż-żoni rurali, il-Kummissjoni tivvaluta l-eżistenza ta’ tali distorsjoni billi tibbaża l-analiżi tagħha fuq il-linji gwida għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u taż-żoni rurali, u li dawn il-linji gwida jkopru l-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2022; |
4. |
jenfasizza li l-Artikolu 81 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali jistipula li l-finanzjament għal miżuri mhux koperti mill-Anness I tat-TFUE jrid jiġi implimentat skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; |
5. |
jenfasizza li dan l-allinjament taż-żewġ testi jiżgura li t-tul ta’ żmien tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat ikun konformi mat-tul ta’ żmien tar-regoli dwar l-iżvilupp rurali; |
6. |
jinnota li, għal dan il-għan, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni fl-2019 u li r-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni jinsabu fid-dokument ta’ ħidma SWD (2021) 107 final (2); |
7. |
ifakkar li, sadanittant, il-Parlament u l-Kunsill tal-UE adottaw ir-Regolamenti dwar il-PAK il-ġdida, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi, wara li tqieset l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK) il-ġdida; |
8. |
jenfasizza li l-proposti l-ġodda għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat għandhom iqisu l-PAK il-ġdida, u jkunu konformi magħha; |
9. |
jenfasizza li l-azjendi agrikoli se jkunu meħtieġa jimplimentaw l-istrateġiji tal-Patt Ekoloġiku, b’mod partikolari l-Istrateġija għall-Bijodiversità u l-Istrateġija mill-Għalqa sal-Platt; |
10. |
jenfasizza li huwa essenzjali li l-azjendi agrikoli u tal-forestrija jiġu appoġġjati fit-tranżizzjoni ekoloġika, speċjalment l-azjendi agrikoli iżgħar li jinsabu f’żoni strateġiċi u li għandhom rwol ewlieni fil-protezzjoni u l-ħarsien tal-pajsaġġ; |
11. |
iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi standards vinkolanti Ewropej ta’ produzzjoni u reċiproċità jew klawżoli mera għall-prodotti importati, bħalma huma meħtieġa jagħmlu l-produtturi tal-UE; |
12. |
jistieden lill-Kummissjoni żżid ir-rata tal-kontrolli fil-fruntieri u tesiġi proċeduri bħat-trattament bil-kesħa tal-prodotti importati; |
13. |
ifakkar li l-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni diġà esprima l-fehmiet tiegħu dwar iż-żewġ strateġiji, fl-Opinjoni dwar Bliet u reġjuni bijodiversi lil hinn mill-2020 fil-COP 15 tal-KDB tan-NU u fl-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 (4), u fl-Opinjoni dwar Mill-Għalqa sal-Platt: id-dimensjoni lokali u reġjonali (5); |
14. |
jenfasizza r-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali fit-tfassil u l-ġestjoni ta’ ċerti proċeduri marbuta mal-kumpens ta’ ċerti għajnuniet, b’mod partikolari l-għajnuna marbuta mal-ġestjoni tar-riskju fl-agrikoltura; |
15. |
ifakkar li r-reġjuni, il-provinċji u l-muniċipalitajiet mhux biss jipparteċipaw fit-tfassil tal-pjani strateġiċi nazzjonali previsti fir-Regolament (UE) 2021/2115, iżda huma wkoll benefiċjarji ta’ miżuri ta’ żvilupp rurali u jikkontribwixxu għat-tfassil tal-inizjattiva LEADER; |
16. |
jinnota li mill-2014 sal-2019, l-għajnuna mill-Istat li ngħatat lis-settur agrikolu fil-livell Ewropew naqqset minn EUR 7,6 biljun għal EUR 6 biljun, iżda żdiedet matul il-perjodu tal-pandemija tal-COVID-19; |
17. |
jenfasizza li, matul dan il-perjodu, l-azjendi agrikoli u agroalimentari u s-settur tal-forestrija qatt ma waqfu jipproduċu, u b’hekk iggarantixxew is-sigurtà tal-provvista kif meħtieġ mill-Artikolu 39 tat-TFUE; |
18. |
jenfasizza li l-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna ħolqot sitwazzjoni ta’ instabilità fis-swieq tal-prodotti bażiċi u tal-provvista tal-ikel; |
19. |
jenfasizza r-rwol li l-PAK għandu jkollha f’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna l-awtoprovvista u l-iżgurar tas-sigurtà tal-ikel; |
20. |
ifakkar li tali provvisti kienu possibbli wkoll bis-saħħa tal-possibbiltà li l-azjendi setgħu jibbenefikaw minn għajnuna ad hoc mill-Kummissjoni fid-dawl tal-kriżi ekonomika kkawżata mill-COVID-19; |
21. |
jinnota, barra minn hekk, li l-biċċa l-kbira tal-għajnuna mill-Istat, bl-esklużjoni tal-għajnuna speċifika għall-kriżi tal-COVID-19, ingħatat prinċipalment fl-ambitu tal-pjani ta’ żvilupp rurali, u b’mod partikolari, għal miżuri lil hinn mill-objettivi tal-Anness I tat-Trattat (prodotti agrikoli); |
22. |
jieħu nota tal-fatt li l-proċedura għall-inklużjoni tal-għajnuna mill-Istat fil-programmi għall-iżvilupp rurali kienet kumplessa; |
23. |
jinnota li, għalkemm ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) biex jinkisbu l-objettivi tal-iżvilupp rurali, u l-linji gwida għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fis-setturi tal-agrikoltura, tal-forestrija u taż-żoni rurali 2014-2020 huma simili ħafna, il-miżuri ta’ żvilupp rurali mhux dejjem huma kompletament konformi mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat; |
24. |
jieħu nota tal-fatt li l-konsultazzjoni li nediet il-Kummissjoni żvelat li xi aspetti tar-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat saru obsoleti; |
25. |
jenfasizza li l-objettiv li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni għall-impriżi kollha fl-Unjoni Ewropea jibqa’ objettiv fundamentali; |
26. |
jinnota li xi miżuri għandhom jinżammu u jiġu adattati, b’mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskju; |
27. |
jinnota li fir-rigward tas-settur tal-forestrija, l-għajnuna ġiet użata b’mod predominanti għal miżuri ta’ żvilupp rurali u li, minħabba r-rwol importanti tal-foresti, se jkun meħtieġ li l-għajnuna tkun aktar faċli biex tiġi implimentata; |
28. |
iqis li huwa neċessarju li l-azjendi agrikoli u tal-forestrija jiġu appoġġjati fit-tranżizzjoni ekoloġika, speċjalment il-mikrointrapriżi, il-bdiewa żgħar lokali u l-katini tal-provvista tal-ikel li, fid-dawl tal-prezzijiet tal-ikel għoljin kif ukoll l-ispejjeż ta’ produzzjoni, bħall-enerġija u l-fertilizzanti, li ġew affettwati wkoll mill-gwerra fl-Ukrajna, li waħedhom ma jkunux jistgħu jlaħħqu ma’ dawn il-konsegwenzi; f’dan ir-rigward, jilqa’ l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel; |
29. |
l-armonizzazzjoni tal-kriterji relatati mal-obbligi ta’ informazzjoni u pubbliċità, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskadenzi għan-notifika tad-dettalji tal-iskemi ta’ għajnuna soġġetti għar-Regolamenti ta’ Eżenzjoni ta’ Kategorija; |
30. |
jenfasizza li r-riforma tal-PAK li għadha kif ġiet adottata hija bbażata fuq il-prinċipju tas-sussidjarjetà, u għalhekk, huwa importanti li r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat jirrispettaw ukoll dan il-prinċipju mingħajr ma fl-istess ħin idgħajfu l-kompetizzjoni bejn il-bdiewa fi Stati Membri differenti; |
31. |
iqis li huwa fundamentali li jiġi ppreservat dan il-prinċipju tas-sussidjarjetà, speċjalment fir-rigward tar-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma l-eqreb għat-territorji li jaqdu rwol essenzjali fil-ġestjoni tal-miżuri fil-livell lokali. |
Għaldaqstant, jissuġġerixxi:
Semplifikazzjoni
32. |
li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jibgħatu, kull sena, notifiki relatati mal-avvenimenti li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastri naturali, mard tal-annimali, mard tal-pjanti jew infestazzjonijiet, peress li jekk ikunu rikonoxxuti bħala tali mill-awtoritajiet nazzjonali, ma jkunux jeħtieġu li jiġu nnotifikati wkoll lill-Kummissjoni; |
33. |
li l-Istati Membri ma jkunux obbligati jippubblikaw informazzjoni dwar benefiċjarji individwali ta’ għajnuna inqas minn EUR 75 000 għall-produzzjoni agrikola, u inqas minn EUR 500 000 għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti agrikoli; |
34. |
li l-proċeduri relatati mal-parti tal-valutazzjoni komuni għall-għajnuna notifikata ma jsirux aktar onerużi; |
35. |
li jkun hemm il-possibbiltà li tingħata għajnuna għall-investiment permezz tar-Regolament dwar l-Eżenzjoni ta’ Kategorija Agrikola (ABER) (6), anke għal prodotti minn settur wieħed, b’mod partikolari fejn tali għajnuna tkun maħsuba biex ittaffi l-konsegwenzi ta’ avvenimenti komparabbli ma’ diżastri naturali jew biex jingħata kumpens għall-ħsara kkawżata minn mard tal-annimali jew tal-pjanti jew minn pesti; |
36. |
li jiġi previst approċċ ta’ punt uniku ta’ kuntatt għan-notifika tal-għajnuna mill-Istat fil-pjani strateġiċi nazzjonali msemmija fir-Regolament (UE) 2021/2115; |
37. |
li tiġi definita lex specialis għall-applikazzjoni tar-Regolament de minimis fl-agrikoltura minħabba d-differenzi bejn is-settur agrikolu u s-setturi l-oħra. B’mod partikolari, jappella sabiex il-limitu tal-għajnuna de minimis jiżdied għal EUR 50 000 fuq perjodu ta’ tliet snin, u li jiġi previst ammont (eż. EUR 1 000) li taħtu tiġi eskluża l-applikazzjoni tar-Regolament de minimis (ammonti żgħar ħafna ta’ għajnuna); |
38. |
li jiġi emendat ir-Regolament de minimis għas-settur agrikolu b’tali mod li jkun aktar sempliċi, b’mod partikolari biex jitneħħa l-kontroll tar-rekwiżit ta’ impriża unika; |
39. |
li d-definizzjoni ta’ impriża f’diffikultà titħalla f’idejn l-Istati Membri; |
40. |
li jiġu ssemplifikati l-proċeduri amministrattivi għall-għajnuna lill-awtoritajiet lokali, speċjalment meta dawn ikunu benefiċjarji ta’ miżuri ta’ għajnuna mill-Istat. Jeħtieġ b’mod partikolari, li ma jiġux ikkwalifikati bħala impriżi kbar; |
41. |
li jiġu stabbiliti proċeduri aktar sempliċi għall-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex primarjament jimmaniġġjaw il-ħtiġijiet u l-emerġenzi lokali u reġjonali; |
42. |
li jiġu ssemplifikati l-proċeduri għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat għall-azzjonijiet ta’ reklamar u promozzjoni, b’mod partikolari biex attivitajiet ta’ promozzjoni istituzzjonali ġenerali li ma jirreferux għal marki kummerċjali speċifiċi u li ma jħeġġux lill-konsumaturi jixtru prodott jitqiesu bħala MHUX għajnuna; |
43. |
fir-rigward tal-għażliet ta’ spejjeż issemplifikati, li sal-lum huma kompatibbli mar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biss meta jkunu koperti minn miżuri ta’ għajnuna kkofinanzjati b’fondi tal-UE, jeħtieġ li dawn ikunu jistgħu jintużaw irrispettivament mill-fatt li jkun hemm kofinanzjament Ewropew. Jidher li ma hemm l-ebda ġustifikazzjoni valida biex ikomplu jiġu applikati metodi differenti għall-kalkolu tal-ispejjeż eliġibbli skont is-sors tal-finanzjament tal-iskema ta’ għajnuna; |
Ekoloġizzazzjoni
44. |
li l-azjendi agrikoli u tal-forestrija, speċjalment il-mikrointrapriżi, jiġu appoġġjati fit-tranżizzjoni ekoloġika; |
45. |
li tiġi żgurata flessibbiltà adegwata fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat f’każ ta’ kriżi, bħal dik maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, billi jiġu previsti limiti massimi adatti u konsistenti ta’ għajnuna biex jiġi żgurat li l-bdiewa jkunu jistgħu jkomplu jipproduċu l-ikel u l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn prezzijiet ġusti għall-konsumatur, billi jiġu ssemplifikati wkoll il-proċeduri għall-implimentazzjoni u l-għoti tal-għajnuna, filwaqt li titnaqqas il-burokrazija, b’mod partikolari fir-rigward tal-benefiċjarji finali; |
46. |
li jiġu ssemplifikati ċerti proċeduri għall-għoti ta’ għajnuna mill-Istat fir-rigward tal-investimenti fil-produzzjoni ta’ enerġija rinnovabbli, b’mod partikolari fir-rigward tad-daqs tal-inċentiv: |
47. |
li jiġu introdotti rati ogħla ta’ investiment għall-SMEs agrikoli li jinvestu fit-tranżizzjoni ekoloġika; |
48. |
li tinħoloq għajnuna ad hoc għas-sekwestru tal-karbonju f’art agrikola biex il-bdiewa jiġu mħallsa għal dan il-kompitu importanti; |
49. |
iqis li l-frammentazzjoni tal-azjendi agrikoli hija fattur negattiv kontra l-possibbiltà li wieħed jibqa’ fis-suq, u li tingħata bidu għat-tranżizzjoni ekoloġika fil-qasam tal-agrikoltura; |
Il-koeżjoni territorjali
50. |
iqis li huwa essenzjali li jiġi definit mill-ġdid il-kunċett ta’ SMEs fis-settur agrikolu, u li tiġi riveduta d-definizzjoni ta’ mikrointrapriża stabbilita fl-Anness I, Artikolu 2(3) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014, biex tinħoloq definizzjoni ad hoc għas-settur agrikolu, minħabba n-natura speċifika tas-settur, u għalhekk jipproponi li jiġi definit tip ġdid ta’ mikrointrapriża fl-agrikoltura; |
51. |
li jiġu appoġġjati SMEs agrikoli u tal-forestrija f’żoni muntanjużi, f’żoni interni u fir-reġjuni ultraperiferiċi fir-rwol tagħhom ta’ protezzjoni u ħarsien tal-pajsaġġ; |
52. |
li jiġu inċentivati l-SMEs fis-settur agrikolu, li jikkonformaw mal-parametri stabbiliti fil-punt 50 u li jinsabu f’żoni muntanjużi, interni jew żvantaġġati kif definiti mill-Istati Membri fil-pjani strateġiċi nazzjonali tagħhom, għar-rwol tagħhom fil-konservazzjoni u l-ħarsien tal-ħabitats; |
53. |
jitlob ukoll li jkun possibbli li azjendi f’żoni muntanjużi għoljin ikunu jistgħu jakkwistaw art għal ammont li jaqbeż l-10 % tan-nefqa eliġibbli totali għall-operazzjoni kkonċernata, kif stabbilit fl-Artikolu 73(3)(c) tar-Regolament (UE) 2021/2115, sabiex tkun possibbli l-konsolidazzjoni tal-art meħtieġa biex l-azjendi agrikoli jinżammu ekonomikament attivi u sabiex dawn iwettqu l-kompiti tagħhom għall-ħarsien u l-protezzjoni tal-pajsaġġ; |
54. |
li s-settur tal-forestrija jkun jista’ jibbenefika mill-proċedura ta’ eżenzjoni min-notifika lil hinn mill-appoġġ tal-pjani strateġiċi nazzjonali; |
55. |
fir-rigward tas-settur tal-forestrija wkoll, li l-appoġġ infrastrutturali jista’ jitqies bħala għajnuna MHUX prestabbilita fir-rigward ta’ investimenti mhux produttivi; |
56. |
li jiġu emendati r-regoli attwali dwar il-ġestjoni tar-riskju, b’mod partikolari billi jitbaxxa l-livell limitu ta’ ħsara għad-definizzjoni ta’ avvenimenti li jistgħu jiġu assimilati ma’ diżastri naturali għal 20 % kif previst fir-Regolament (UE) 2021/2115; |
57. |
li jiżdied il-limitu ta’ kumpens għal assigurazzjoni ssussidjata u għodod oħra għall-ġestjoni tar-riskju kif previst fl-Artikolu 76 tar-Regolament (UE) 2021/2115. Dan il-limitu għandu jkun kompatibbli maż-żamma tal-ispiża attwali tal-assigurazzjoni għall-azjendi agrikoli; |
58. |
li l-għajnuna għall-kumpens għal ħsara kkawżata minn annimali protetti tkun eżentata min-notifika; |
59. |
li, għal ħsara bħal din, ikun possibbli li jingħata kumpens għal telf ta’ dħul, kif diġà previst fir-rigward ta’ ħsara li tirriżulta f’telf ta’ tagħmir tal-produzzjoni; |
60. |
li, minbarra l-ħsara kkawżata minn annimali protetti, jista’ jiġi previst ukoll kumpens għal annimali oħra, u li d-definizzjoni ta’ dawn l-annimali titħalla f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, peress li l-inċidenza tvarja minn pajjiż għal ieħor; |
61. |
li miżuri ta’ promozzjoni istituzzjonali li ma jirreferux għal marki kummerċjali speċifiċi jitqiesu bħala MHUX għajnuna. |
62. |
li jingħata biżżejjed appoġġ għal negozji ġodda mhux agrikoli f’żoni rurali, bil-limitu massimu għall-ammont limitat ta’ għajnuna allinjat mal-limitu massimu għal negozji ġodda agrikoli (EUR 100 000). M’hemm l-ebda raġuni għal divrenzjar li jippenalizza d-diversifikazzjoni f’azjendi mhux agrikoli, peress li dawn huma ammonti żgħar ħafna; |
63. |
bil-għan li jiġu megħjuna l-SMEs li jibbenefikaw minn proġetti ta’ żvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) jew minn proġetti tal-Grupp Operazzjonali, jappella sabiex:
|
Brussell, it-28 ta’ April 2022.
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Apostolos TZITZIKOSTAS
(1) Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487).
(2) Ara Commission Staff Working Document: Evaluation of the instruments applicable to State aid in the agricultural and forestry sectors and in rural areas [mhux disponibbli bil-Malti].
(3) Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 435, 6.12.2021, p. 1).
(4) ĠU C 440, 18.12.2020, p. 20.
(6) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta' għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f'żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1).