This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52021IR2601
Opinion of the European Committee of the Regions — EU strategy on the rights of the child and the European Child Guarantee
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal u l-Garanzija Ewropea għat-Tfal
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal u l-Garanzija Ewropea għat-Tfal
COR 2021/02601
ĠU C 61, 4.2.2022, p. 9–14
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
4.2.2022 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 61/9 |
Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal u l-Garanzija Ewropea għat-Tfal
(2022/C 61/03)
|
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
1. |
jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol importanti sabiex jipprovdu servizzi ewlenin u biex jiġġieldu l-faqar. Jinnota wkoll li l-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet ikunu involuti fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni dwar Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal u l-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal; |
2. |
jirrimarka li, fil-passat, il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni kkummenta dwar ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex jiġġieldu l-faqar fost it-tfal u biex jippromovu d-drittijiet tat-tfal; |
3. |
jinnota li l-Istati Membri huma infurmati b’mod adegwat dwar kif il-miżuri Ewropej attwali biex jiġi miġġieled il-faqar fost it-tfal u biex jiġu promossi d-drittijiet tat-tfal huma implimentati f’diversi livelli ta’ gvern lokali u reġjonali; |
4. |
jixtieq jieħu sehem fi djalogu futur dwar il-politika dwar it-tfal u ż-żgħażagħ u l-kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, is-soċjetà ċivili, il-gruppi tad-drittijiet tat-tfal u partijiet interessati rilevanti oħra; |
Kunsiderazzjonijiet ġenerali
5. |
jilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal, li l-għan tagħhom huwa li jħeġġu b’mod effettiv l-isforzi tal-Istati Membri u tal-awtoritajiet lokali u reġjonali biex inaqqsu l-faqar fost it-tfal u jtejbu d-drittijiet tat-tfal biex jiżguraw aktar ġustizzja u inklużività fl-Unjoni, u fir-reġjuni u l-muniċipalitajiet/bliet; Il-prinċipju tas-sussidjarjetà għandu jiġi rispettat fil-proċess; |
6. |
jenfasizza li t-tfal huma l-ewwel u qabel kollox tfal, irrispettivament mill-oriġini etnika, mill-ġeneru, min-nazzjonalità, mill-ambjent soċjali u ekonomiku, mill-kapaċità jew mill-post ta’ residenza tagħhom, u li l-aħjar interessi tat-tfal jridu jitqiesu fil-politiki, fil-proċessi u fil-miżuri kollha li jolqtu lit-tfal fil-livelli kollha. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri jridu jiżguraw li d-drittijiet tat-tfal jingħataw prijorità u jitqiesu, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, fil-politiki, fil-miżuri u fil-programmi interni u esterni kollha tal-UE li jaffettwaw direttament jew indirettament lit-tfal, u li tinżamm il-konsistenza fit-teħid tad-deċiżjonijiet kollha; |
7. |
jindika li t-tfal kollha għandu jkollhom id-dritt għal standard adegwat ta’ għajxien u opportunitajiet indaqs fil-ħajja sa mill-età bikrija tagħhom, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; it-tisħiħ tal-inklużjoni soċjoekonomika tat-tfal u ta’ familthom huwa essenzjali sabiex jitnaqqsu l-faqar u l-iżvantaġġ bejn il-ġenerazzjonijiet. Sabiex jinkiseb dan huwa kruċjalment importanti li jiġi żgurat li jiġu pprovduti protezzjoni u appoġġ adegwati fil-kura tas-saħħa u dik soċjali, kif ukoll li jkun hemm aċċess għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja, u għat-taħriġ u impjiegi għall-familji; |
8. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu appoġġ finanzjarju adegwat u xieraq sabiex jiggarantixxu l-implimentazzjoni effettiva tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal, u jistedinhom ikomplu jindirizzaw l-inugwaljanzi strutturali; |
9. |
jinnota l-importanza tal-awtoritajiet sovranazzjonali, nazzjonali, reġjonali u lokali li jimplimentaw azzjoni koordinata sabiex l-għanijiet tal-inizjattivi tal-Kummissjoni Ewropea jkunu jistgħu jintlaħqu b’mod effettiv; |
10. |
jindika l-importanza ta’ kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li jitħeġġeġ id-djalogu mal-komunitajiet lokali biex jittejjeb il-livell ta’ protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, u li jiġu organizzati kampanji ta’ informazzjoni u promozzjonali stabbiliti fil-livell lokali u reġjonali b’finanzjament tal-UE biex jiżdied l-għarfien tas-soċjetà, b’mod ġenerali, u tat-tfal, b’mod partikolari, dwar id-drittijiet tagħhom; |
Il-Garanzija għat-Tfal
11. |
jindika li jridu jiġu indirizzati l-faqar u l-inklużjoni soċjali ta’ gruppi etniċi differenti u ta’ komunitajiet marġinalizzati sabiex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tad-drittijiet tat-tfal, u li l-faqar u l-esklużjoni soċjali jistgħu jillimitaw b’mod sinifikanti l-opportunitajiet futuri tat-tfal u l-familji tagħhom; |
12. |
jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-azzjonijiet speċifiċi implimentati biex jindirizzaw dan ikunu jimmiraw primarjament l-aktar tfal żvantaġġati: trid tiġi żgurata edukazzjoni ta’ kwalità tajba għat-tfal kollha sabiex it-tfal kollha jingħataw l-istess opportunitajiet biex jiżviluppaw il-potenzjal tagħhom; |
13. |
jenfasizza l-ħtieġa li jiġu definiti prattiki tajbin biex jitnaqqas il-faqar fost it-tfal kif ukoll jitjieb l-aċċess għas-servizzi ewlenin tat-tfal u jiġu infurzati d-drittijiet tat-tfal; jirrakkomanda hawnhekk li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu inklużi fl-isforzi biex ikun hemm sensibilizzazzjoni u jiġu kondiviżi prattiki tajba madwar l-Unjoni, u jissuġġerixxi li jiġu organizzati konferenzi u żjarat ta’ studju internazzjonali, nazzjonali u reġjonali għal dan il-għan; |
14. |
jilqa’ l-proposta għal Network tal-UE għad-Drittijiet tat-Tfal magħmul minn rappreżentanti nazzjonali kif ukoll organizzazzjonijiet internazzjonali u mhux governattivi, rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, u tfal. In-Network huwa maħsub biex isaħħaħ id-djalogu dwar id-drittijiet tat-tfal u t-tagħlim reċiproku bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri, u biex jappoġġja l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-Istrateġija; |
15. |
jinnota bi pjaċir li l-Istati Membri b’rata ta’ tfal f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali ogħla mill-medja tal-UE ser ikollhom jallokaw 5 % tal-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) għall-ġlieda kontra l-faqar fost it-tfal; |
16. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha, u mhux biss lil dawk l-aktar milquta mill-faqar fost it-tfal, jallokaw biżżejjed riżorsi biex jappoġġjaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. F’dan l-ispirtu, jenfasizza l-effetti pożittivi li l-familji bit-tfal jiġu appoġġjati finanzjarjament bħala metodu effettiv biex jiġi indirizzat il-faqar fost it-tfal. L-għan għandu jkun li tiġi żviluppata ekosistema komprensiva ta’ investimenti għat-tfal Ewropej, li tibni fuq il-Garanzija għat-Tfal, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fondi Strutturali u r-riżorsi nazzjonali sabiex jissaħħaħ l-għoti effettiv ta’ servizzi ta’ kwalità tajba u inklużivi għat-tfal kollha; |
17. |
jinnota li n-negozji u l-intraprenditorija soċjali jista’ jkollhom rwol ewlieni fl-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, u jindika l-ħtieġa li jsir investiment fl-iżvilupp ta’ din il-kapaċità, u li jiġi żgurat l-aċċess għall-finanzi, u t-taħriġ intraprenditorjali. Fl-istess ħin, l-iżvilupp ta’ istituzzjonijiet edukattivi u sistemi ta’ għajnuna soċjali fi Stati Membri inqas żviluppati permezz ta’ finanzjament tal-UE huwa essenzjali wkoll għall-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal; |
18. |
jilqa’ l-għanijiet tal-UE dwar l-impjieg, il-ħiliet u l-protezzjoni soċjali, inklużi l-għanijiet relatati mal-faqar fost it-tfal, u jindika li l-istituzzjonijiet tal-UE u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll l-imsieħba soċjali, għandhom responsabbiltà konġunta biex jimplimentaw il-Pilastru tad-Drittijiet Soċjali; |
19. |
japprova l-proposta li jinħatar Koordinatur Nazzjonali tal-Garanzija għat-Tfal (ombudspersons għat-tfal, eċċ.) għal kull Stat Membru, b’riżorsi u setgħat suffiċjenti sabiex jiġu promossi, ikkoordinati u mmonitorjati kwistjonijiet relatati mal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Garanzija għat-Tfal; |
Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal
20. |
jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tfassal strateġija ġdida u komprensiva dwar id-drittijiet tat-tfal; |
21. |
jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej jinsabu f’pożizzjoni unika biex jieħdu azzjoni pożittiva biex jiddefendu d-drittijiet tat-tfal, jippromovu l-iżvilupp tagħhom f’ambjent protettiv u rispettuż fejn jiġu trattati tajjeb, u biex jaġixxu biex jiżguraw li t-tfal jiġu protetti minn kwalunkwe tip ta’ vjolenza, inklużi l-abbuż u n-negliġenza. Għandha tiġi promossa l-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-UE għandha tipprovdi appoġġ għal sħubijiet aktar effettivi bejn dawn l-awtoritajiet, b’mod partikolari bil-għan li tiġi kondiviża l-aħjar prattika; |
22. |
jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal tkun iffinanzjata b’mod xieraq, u li jiġi żgurat li l-finanzjament intern u estern tal-UE, kif ukoll il-baġits nazzjonali, jappoġġjaw b’mod adegwat l-implimentazzjoni tal-prijoritajiet stabbiliti fl-Istrateġija; |
23. |
jissuġġerixxi li, sabiex tiġi implimentata l-inizjattiva, jitfasslu pjan direzzjonali u skeda ta’ żmien aktar preċiża f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, bl-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u l-istituzzjonijiet speċjalizzati fil-livell lokali u reġjonali; |
Protezzjoni soċjali
24. |
jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta inizjattiva biex tappoġġja l-iżvilupp u t-tisħiħ ta’ miżuri integrati għall-protezzjoni tat-tfal. Dawn il-miżuri ser jinkoraġġixxu lill-awtoritajiet u lill-korpi rilevanti kollha biex jaħdmu aħjar flimkien u jikkooperaw; |
25. |
jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali responsabbli jiżguraw protezzjoni soċjali effettiva u aċċessibbli u servizzi ta’ protezzjoni tat-tfal u tal-adolexxenti li jipprovdu ambjent sigur u inklużiv fejn it-tfal u l-adolexxenti jiġu ttrattati tajjeb, u jagħtu attenzjoni lill-miżuri preventivi, l-intervent bikri, u l-appoġġ għall-familji vulnerabbli; |
26. |
jinnota li t-tfal għandhom jiġu kkunsidrati kif dovut fil-qafas ta’ politika tas-Semestru Ewropew li jmiss; |
27. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri biex, fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 165 tat-TFUE, jiggarantixxu aċċess ugwali għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal (ECEC) ta’ kwalità tajba u inklużivi għat-tfal kollha bil-ħsieb li jintlaħqu l-miri ta’ Barċellona għall-parteċipazzjoni, u biex jibdlu l-ECEC minn servizz immexxi mid-domanda f’intitolament għal kull tifel u tifla, minqux fil-liġi Ewropea bħala dritt legali u soċjali; |
Edukazzjoni
28. |
ikompli jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li t-tfal kollha jkollhom aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità tajba, fuq bażi ugwali irrispettivament mill-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, in-nazzjonalità, ir-residenza jew l-istatus tal-immigrazzjoni, il-ġeneru jew l-orjentazzjoni sesswali; jappella lill-pajjiżi biex jieħdu miżuri adatti sabiex jiġġieldu u jindirizzaw il-kawżi tal-assenteiżmu u tfal li jitilqu mill-iskola qabel iż-żmien; |
29. |
jenfasizza r-rwol ta’ limitu minimu ta’ liv tal-ġenituri mħallas bis-sħiħ u benefiċċji tat-tfal. Il-liv tal-ġenituri jista’ jitqassam f’intitolamenti separati għal kull ġenitur u jippermetti l-użu flessibbli tal-liv, inkluż aktar tard fit-tfulija; |
30. |
jirrimarka li l-kwalità tat-taħriġ bażiku tal-għalliema, tal-edukaturi u ta’ professjonisti rilevanti oħra – u li din il-kwalità tiġi aġġornata – hija kruċjalment importanti għall-edukazzjoni, il-benessri u l-inklużjoni tat-tfal kollha; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa għal finanzjament adegwat, stabbli, fit-tul u orjentat lejn il-bżonnijiet għall-iskejjel u l-faċilitajiet għall-indukrar tat-trabi, li jiggarantixxi wkoll il-vijabilità ta’ skejjel iżgħar f’żoni rurali; jistgħu jintużaw ukoll għotjiet ta’ fondi għall-edukazzjoni għal tfal bi status soċjoekonomiku baxx; |
31. |
iqis bħala objettiv ewlieni l-prevenzjoni tad-disparitajiet dejjem jikbru fil-kwalità tal-iskejjel fi ħdan l-Istati Membri u fi ħdan l-Unjoni; |
32. |
jilqa’ l-Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva kif ukoll ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar perkorsi għas-suċċess fl-iskola, li għandha l-għan li tissepara l-livell edukattiv milħuq u miksub mill-istatus soċjali, ekonomiku u kulturali; jappoġġja l-istedina tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess ugwali u effettiv għal għodod diġitali, konnessjoni tal-internet b’veloċità għolja, litteriżmu diġitali, materjal u għodod edukattivi online li jkunu aċċessibbli għat-tfal kollha; fl-istess ħin jenfasizza l-ħtieġa wkoll li fl-istrateġija tiġi inkluża l-provvista ta’ tagħmir għal tfal bi bżonnijiet speċjali, li jgħixu fil-faqar, f’komunitajiet marġinalizzati, bħat-tfal migranti jew Rom, jew f’żoni remoti jew rurali; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġu inklużi linji gwida u taħriġ fil-ħiliet diġitali għat-tfal u l-adoloxxenti soċjalment żvantaġġati u għall-familji tagħhom; jirrakkomanda appoġġ finanzjarju pubbliku għal tagħmir diġitali għat-tfal ikkonċernati; |
33. |
jinkoraġġixxi l-iżvilupp ta’ skejjel attrezzati tajjeb li jippromovu t-talenti, speċjalment fir-reġjuni li qed jiffaċċjaw sfidi soċjali kbar; |
34. |
jenfasizza li t-tagħlim online qatt m’għandu jissostitwixxi b’mod permanenti t-tagħlim wiċċ imb wiċċ, speċjalment meta l-aċċess għat-teknoloġija jkun limitat: it-tagħlim wiċċ imb wiċċ jaqdi rwol importanti fl-interazzjon isoċjali, fl-apprendiment ta’ kwalità tajba u fl-iżvilupp. |
35. |
jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati ħiliet ta’ għajxien indipendenti għaż-żgħażagħ u li jiġi pprovdut taħriġ għall-edukaturi permezz ta’ programmi ta’ għotjiet; |
36. |
jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat il-funzjonament tas-servizzi soċjali għaż-żgħażagħ li jitilqu mis-sistema ta’ protezzjoni tat-tfal, b’mod li dawn jingħataw akkomodazzjoni, taħriġ u assistenza biex jitħeġġu proġetti ta’ ħajja awtonoma, sabiex jintegraw b’mod soċjoprofessjonali; |
37. |
jindika l-ħtieġa li jitmexxew ċentri ta’ żvilupp, u programmi ta’ żvilupp tat-talenti b’xejn għal tfal b’talent li jgħixu f’kundizzjonijiet diffiċli u li jkunu lesti jitgħallmu; |
38. |
jenfasizza li l-istabbilimenti edukattivi għandu jkollhom il-kapaċità li jipprovdu servizzi bażiċi mmirati biex jiżguraw li t-tfal li jattendu dawn l-istabbilimenti edukattivi jkunu b’saħħithom biżżejjed, kemm fiżikament kif ukoll mentalment; |
Vjolenza mwettqa mit-tfal u kontrihom
39. |
iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea, lill-Istati Membri u lir-reġjuni tagħha jintensifikaw il-miżuri biex itemmu l-forom kollha ta’ vjolenza u diskriminazzjoni diretti kontra it-tfal, inklużi l-vjolenza fiżika, sesswali, ekonomika u psikoloġika, l-abbuż, in-negliġenza, it-trattament ħażin u l-vjolenza online, iż-żwieġ furzat, it-traffikar tat-tfal migranti, it-tortura, il-qtil għall-unur, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-inċest, it-tluq bikri mill-iskola, u l-użu tat-tfal bħala suldati; |
40. |
jinnota li l-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal trid tqis l-inizjattivi regolatorji u oħrajn kollha rilevanti għad-drittijiet tat-tfal, sabiex tiġi żgurata l-konsistenza fil-protezzjoni tat-tfal mill-vjolenza, it-traffikar tal-bnedmin u l-abbuż. Il-Kummissjoni hija mħeġġa wkoll tippubblika skeda ta’ żmien preċiża għall-proposti inkwistjoni u tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet jiġu implimentati kif imiss; |
41. |
jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati approċċi preventivi biex tiġi indirizzata l-vjolenza f’kull forma kontra t-tfal fil-livell tal-UE u fl-Istati Membri. Dan jinkludi li jiġu promossi l-isforzi biex jiġi żgurat li t-tfal u l-adolexxenti jiġu trattati tajjeb u li jinħolqu ambjenti protettivi għalihom fl-oqsma kollha fejn it-tfal jgħixu ħajjithom. L-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll l-istituzzjonijiet speċjalizzati lokali u reġjonali għandhom ikunu involuti fl-iżvilupp ta’ approċċi preventivi fil-livell nazzjonali; |
Is-saħħa tat-tfal
42. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jippromovu informazzjoni preċiża dwar it-tilqim sabiex itejbu l-fiduċja fl-istrateġija tat-tilqim u jiżguraw li s-saħħa tat-tfal ma tintlaqatx ħażin mill-konsegwenzi tad-diżinformazzjoni; |
43. |
jilqa’ l-istrateġija għall-irkupru u r-reżiljenza biex jiġi promoss irkupru rapidu u inklużiv mill-pandemija tal-COVID-19; |
44. |
jindika l-ħtieġa li titwettaq valutazzjoni speċifika tal-impatt tal-pandemija fuq is-saħħa mentali tas-subien, il-bniet u l-adolexxenti, biex jissaħħaħ l-investiment fil-kura tas-saħħa mentali u biex jitfasslu strateġiji biex it-tfal u ż-żagħżagħ jiġu protetti mill-mard mentali; |
Id-drittijiet tat-tfal u l-migrazzjoni
45. |
jindika l-ħtieġa li tiġi żgurata sistema ġudizzjarja adattata għat-tfal bi proċeduri adatti u inklużivi li jippermettu li jitqiesu l-ħtiġijiet partikolari tat-tfal, u jinnota l-importanza li jiġi garantit id-dritt tat-tfal li jinstemgħu, li jiġu infurmati b’lingwaġġ ċar u sempliċi, li jista’ jinftiehem faċilment, adattat għall-età tagħhom, il-kapaċità tagħhom li jifhmu u l-livell ta’ żvilupp tagħhom u li jirċievu għajnuna minn rappreżentant legali fejn meħtieġ; |
46. |
jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tappoġġja lill-Istati Membri biex jiżviluppaw alternattivi effettivi u vijabbli għad-detenzjoni tat-tfal matul il-proċeduri tal-migrazzjoni; |
47. |
jenfasizza l-importanza li jingħata appoġġ lit-tfal li huma vittmi ta’ vjolenza domestika billi jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal servizzi tas-saħħa soċjali u mentali, sabiex jiġu ffaċilitati l-irkupru u l-benesseri mentali tagħhom. Barra minn hekk, jinħtieġ li dawn is-servizzi jiġu mobilizzati kontra l-imġiba vjolenti fit-tfal u jiffaċilitaw l-integrazzjoni mill-ġdid taż-żgħażagħ li wettqu vjolenza; |
48. |
jopponi d-detenzjoni tat-tfal għal raġunijiet ta’ migrazzjoni. Il-prinċipju gwida għandu jkun dak tal-aħjar interessi tat-tfal; |
49. |
jappella li t-tfal jiġu ssorveljati mill-qrib f’kull stadju mill-awtorità kompetenti u/jew mis-servizz pubbliku, li d-dmir tagħhom huwa li jipproteġu lit-tfal; |
50. |
jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li taħdem biex il-ktajjen tal-provvista tal-kumpaniji tal-UE jsiru ħielsa mit-tħaddim tat-tfal, b’mod partikolari permezz ta’ inizjattiva leġiżlattiva dwar il-governanza korporattiva sostenibbli. Jitlob il-projbizzjoni tal-importazzjoni ta’ prodotti li jirriżultaw mit-tħaddim tat-tfal; |
51. |
jenfasizza l-importanza li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali u li jiġu miġġielda r-razziżmu u d-diskriminazzjoni kontra t-tfal u l-adolexxenti migranti mhux akkumpanjati; |
Id-dritt tat-tfal li jinstemgħu u jiġu involuti fi kwistjonijiet u deċiżjonijiet li jaffettwawhom
52. |
itenni li t-tfal għandhom jiġu garantiti l-opportunità li jkunu involuti f’deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom u li jinstemgħu b’mod li jkun xieraq għall-età u l-maturità tagħhom, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; |
53. |
jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati attivitajiet ta’ prevenzjoni, jiġifieri l-prevenzjoni tal-alkoħol, it-tabakk u l-użu tad-droga fost iż-żgħażagħ. F’dan ir-rigward, jirrakkomanda l-involviment tal-awtoritajiet lokali, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-istituzzjonijiet speċjalizzati fl-iżvilupp ta’ attivitajiet ta’ prevenzjoni u fis-sensibilizzazzjoni dwar il-perikli tal-alkoħol, it-tabakk u l-użu tad-droga; |
54. |
jenfasizza l-importanza li jkun hemm sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tat-tfal u li jiġi promoss l-involviment tat-tfal fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-livelli kollha; |
55. |
jilqa’ l-Proposta tal-Kummissjoni Ewropea li tippromovi u ttejjeb il-parteċipazzjoni inklużiva u sistematika tat-tfal fil-livell lokali, nazzjonali u tal-UE billi titwaqqaf Pjattaforma għall-Parteċipazzjoni tat-Tfal; |
56. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri u lir-reġjuni jintroduċu, itejbu u jipprovdu biżżejjed riżorsi għal approċċi ġodda u eżistenti għall-parteċipazzjoni tat-tfal fil-livell lokali, reġjonali u nazzjonali; |
57. |
iħeġġeġ lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha jintensifikaw il-promozzjoni tad-djalogu bejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livell nazzjonali u ż-żgħażagħ. F’dan ir-rigward, jipproponi li jiġu organizzati workshops konġunti, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali, bil-għan li jinvolvu liż-żgħażagħ fit-teħid tad-deċiżjonijiet u li jqisu l-fehmiet tagħhom dwar l-iżviluppi fil-politiki li jikkonċernawhom; |
58. |
jilqa’ l-ħatra reċenti, mill-Kummissjoni Ewropea, tal-ewwel Koordinatur Ewropew taż-Żgħażagħ, is-Sinjura Biliana Sirakova, f’konformità mal-proposta fl-Istrateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ 2019-2027 tal-Kummissjoni Ewropea; itenni t-talba tiegħu biex jiġu ppjanati laqgħat regolari bejn il-KtR u l-Koordinatur taż-Żgħażagħ u biex tiġi formalizzata l-kooperazzjoni bejn il-KtR u l-Koordinatur (1); |
KONKLUŻJONIJIET
59. |
jappella li mill-inqas 5 % tal-finanzjament taħt ġestjoni kondiviża tal-FSE+ jiġi allokat għall-appoġġ ta’ proġetti b’rabta mal-Garanzija Ewropea għat-Tfal, u li tinħoloq ekosistema effettiva ta’ investimenti għat-tfal Ewropej li tikkombina l-fondi tal-UE u r-riżorsi nazzjonali. Għandu jinħatar Koordinatur Nazzjonali tal-Garanzija għat-Tfal għal kull Stat Membru bis-setgħat meħtieġa biex jippromovi, jimmonitorja u jirrapporta dwar kwistjonijiet relatati mal-Istrateġija dwar id-drittijiet tat-tfal u l-Garanzija għat-Tfal. It-tfal kollha għandhom jiġu garantiti, f’konformità mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, l-opportunità li jkunu involuti f’deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom u li jinstemgħu b’mod li jkun adattat għall-età u l-maturità tagħhom; |
60. |
jinnota l-ħtieġa li jiġi rikonoxxut u identifikat ir-rwol ewlieni li jaqdu l-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-ġlieda kontra l-faqar u l-protezzjoni tat-tfal minn kull tip ta’ vjolenza, u r-rwol kritiku tagħhom biex jipprevjenu d-diskriminazzjoni u l-esklużjoni soċjali. Dan kien evidenti fl-isforzi lokali biex tiġi indirizzata l-pandemija tal-COVID-19, fejn ħafna reġjuni, bliet u muniċipalitajiet irreaġixxew malajr u implimentaw miżuri biex itaffu l-effetti negattivi fuq il-faqar fost it-tfal, pereżempju billi pprovdew assistenza alimentari lill-familji fil-bżonn b’diversi modi; |
61. |
jinnota li l-Istati Membri u atturi oħra għandhom iħejju għall-ħafna sfidi li jistgħu jkunu mistennija li jinqalgħu wara li tbatti l-pandemija minħabba bidliet fil-kundizzjonijiet tal-għajxien tat-tfal u tal-familji. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol ċentrali biex jipprovdu servizzi ewlenin immirati fil-proposta tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal. Għalhekk huwa essenzjali li l-awtoritajiet u r-reġjuni lokali jiġu involuti bħala msieħba ewlenin fl-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-Garanzija għat-Tfal, billi jippromovu l-governanza f’diversi livelli, u jiżviluppaw responsabbiltà konġunta u strateġiji kkoordinati għal-livelli lokali, nazzjonali u tal-UE. |
Brussell, it-12 ta’ Ottubru 2021.
Apostolos TZITZIKOSTAS
Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
(1) Opinjoni tal-KtR dwar Il-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà u l-istrateġija l-ġdida tal-UE dwar iż-żgħażagħ COR-2018-03892-00-00-AC-TRA.