EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE2589

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impjieg mhux standard u l-kooperattivi ta’ pjattaforma fit-trasformazzjoni diġitali tal-industrija” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2021/02589

OJ C 152, 6.4.2022, p. 38–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

6.4.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 152/38


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “L-impjieg mhux standard u l-kooperattivi ta’ pjattaforma fit-trasformazzjoni diġitali tal-industrija”

(Opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 152/06)

Relatur:

Giuseppe GUERINI

Korelatur:

Erwin DE DEYN

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.3.2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-sezzjoni

10.11.2021

Adottat fil-plenarja

8.12.2021

Sessjoni plenarja Nru

565

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

219/0/10

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

L-ekonomija tal-pjattaformi diġitali tirrappreżenta fenomenu li qed jespandi b’mod rapidu, li jmur lil hinn mill-fruntieri tal-Unjoni Ewropea nnifisha. Hekk kif dan il-fenomenu qed jikber, żdiedu wkoll diversi forom ta’ relazzjonijiet ta’ impjieg għal persuni li jaħdmu fuq dawn il-pjattaformi. Impjieg indipendenti, relazzjonijiet ta’ kollaborazzjoni mhux kontinwi, kuntratti ta’ impjieg individwalizzati. F’dan il-kuntest, il-kooperattivi tal-ħaddiema jistgħu jkunu għodda interessanti biex ir-relazzjonijiet ta’ impjieg stabbiliti permezz ta’ pjattaformi diġitali jsiru aktar stabbli.

1.2.

Minħabba l-importanza ta’ dan il-fenomenu, il-KESE jqis li huwa utli u neċessarju li l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri jikkoordinaw l-implimentazzjoni ta’ regoli adatti sabiex jiġi żgurat bilanċ bejn il-ħtieġa għall-innovazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema tal-pjattaformi diġitali, kif diġà qed isir għall-konsumaturi u għall-utenti fl-abbozz ta’ regolamenti dwar l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali.

1.3.

Il-pjattaformi diġitali qed jippromovu l-iżvilupp ta’ forom ġodda ta’ intrapriżi li jistgħu jwessgħu l-possibbiltajiet għall-parteċipazzjoni attiva ta’ bosta persuni fis-swieq diġitali ġodda. Fost dawn il-forom ta’ intrapriża, il-mudell kooperattiv huwa partikolarment adattat sabiex tiġi promossa l-parteċipazzjoni inklużiva fil-governanza tal-pjattaformi diġitali.

1.4.

Il-mudell kooperattiv jippermetti l-iżvilupp ta’ intrapriżi mwaqqfa minn ħaddiema li jaħdmu għal rashom li l-aspirazzjoni tagħhom hija li jżommu l-awtonomija u l-kreattività, filwaqt li fl-istess ħin itejbu l-introjtu tagħhom, il-kundizzjonijiet ta’ xogħolhom u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali, filwaqt li jevitaw forom ta’ impjieg mhux standard.

1.5.

Il-KESE jinnota li l-mudell kooperattiv jista’ jikkombina l-karatteristiċi tal-pjattaformi diġitali mal-mudell organizzattiv tax-xogħol assoċjat, iżda jippermetti wkoll, fejn il-kundizzjonijiet jippermettu li dan isir, li l-membri jżommu l-istatus ta’ impjegati, bis-salvagwardji kollha previsti għall-ħaddiema skont il-ftehimiet kollettivi ta’ xogħol.

1.6.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea, u lill-Istati Membri tal-UE u lill-atturi tad-djalogu soċjali, jipprevedu inizjattivi li jistgħu jħeġġu l-iżvilupp ta’ kooperattivi ta’ pjattaforma li, permezz ta’ teknoloġiji ġodda, jaġixxu biex jappoġġjaw l-ispirtu intraprenditorjali billi jlaqqgħu flimkien lill-ħaddiema żgħażagħ u lill-intraprendituri f’kooperattiva.

1.7.

L-implimentazzjoni effettiva ta’ dawn l-inizjattivi teħtieġ l-involviment tal-partijiet interessati kollha; għaldaqstant, id-djalogu soċjali jista’ jkollu rwol ewlieni, u għalhekk il-KESE huwa lest li jaqdi rwol fil-promozzjoni tal-kooperattivi tal-pjattaformi.

1.8.

Il-pjattaformi diġitali ma jirrikonoxxux il-fruntieri tal-art. Barra minn hekk, il-prinċipju tal-pajjiż ta’ oriġini japplika fit-territorju Ewropew tagħna. Is-suċċess ta’ dawn l-inizjattivi jiddependi minn fehim u applikazzjoni komuni ta’ dawn il-kwistjonijiet. Il-KESE jitlob li tingħata attenzjoni lir-riskju ta’ frammentazzjoni tas-suq intern, li tippenalizza kemm il-pjattaformi kif ukoll l-impjegati tagħhom.

1.9.

Il-KESE jqis li l-istrateġija Ewropea għat-tranżizzjoni diġitali għandha tipprevedi inizjattivi li jappoġġjaw it-twaqqif ta’ kooperattivi li jimmaniġġjaw il-pjattaformi diġitali. Dan irawwem is-sjieda kollettiva tas-servizzi diġitali, tad-data u tal-infrastruttura teknoloġika, biex b’hekk ikun hemm diversifikazzjoni akbar tal-ambjent ekonomiku u l-firxa tad-demokrazija ekonomika.

1.10.

Il-KESE jinnota li l-kooperattivi, bħala organizzazzjonijiet awtonomi ta’ persuni li jingħaqdu b’mod volontarju biex jissodisfaw il-ħtiġijiet soċjali, ekonomiċi u kulturali komuni tagħhom permezz ta’ organizzazzjoni demokratika u parteċipattiva, joffru soluzzjoni interessanti għall-problemi ta’ governanza u kontroll demokratiku tal-pjattaformi diġitali.

1.11.

Il-KESE jappella biex il-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar ir-regolamentazzjoni tal-ħaddiema tal-pjattaformi jitfasslu b’enfasi u approċċ miftuħ għall-innovazzjoni, li jwasslu għall-appoġġ tal-kompetittività tal-intrapriżi, mingħajr ma jitwarrab il-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema. B’mod partikolari, billi jiġi żgurat li l-persuni li jaħdmu għal pjattaformi diġitali jitħarrġu u jingħataw is-setgħa għal fehim u kontroll aħjar dwar kif jiġu applikati l-algoritmi li jirregolaw l-ingaġġ tal-ħaddiema.

2.   Introduzzjoni u kuntest

2.1.

Fil-proċess ta’ trasformazzjoni rapida tal-ekonomija u tal-intrapriżi, id-diġitalizzazzjoni għandha rwol strateġiku ewlieni, tant li hija mifruxa fis-setturi kollha tal-attività, u tkopri ċ-ċiklu kollu tal-katina tal-valur tal-prodotti u s-servizzi, filwaqt li tinvolvi kemm intrapriżi kbar kif ukoll intrapriżi żgħar u mikro. Il-konsegwenzi għad-dinja tax-xogħol, f’termini ta’ opportunitajiet u sfidi ġodda, huma sinifikanti kemm f’termini ta’ kontenut kif ukoll ta’veloċità li biha jseħħu l-bidliet.

2.2.

Qed jitfaċċaw modi ġodda ta’ xogħol u mudelli ġodda ta’ organizzazzjoni tal-intrapriżi bħala riżultat tat-trasformazzjoni diġitali rapida. Ix-xogħol fuq pjattaforma diġitali, inter alia, jeħtieġ soluzzjonijiet ġodda u flessibbli li l-oqfsa legali attwali mhux dejjem huma kapaċi li jirregolawhom.

2.3.

It-trasformazzjoni rapida li għaddejja żvelat lakuni fiċ-ċertezza legali, u għaldaqstant, id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma importanti bħala qafas għan-negozjar ta’ regoli ġodda għax-xogħol fuq pjattaformi diġitali. Bosta Stati Membri ħadu passi biex jiċċaraw l-istatus tal-impjieg ta’ persuni li jaħdmu fuq pjattaformi diġitali. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tirregola l-kwistjoni b’mod li tinkoraġġixxi ftehimiet li jistgħu jadattaw kemm għall-bidliet fis-suq tax-xogħol kif ukoll, u fl-istess ħin jipprovdu s-salvagwardji meħtieġa għall-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema.

2.4.

Għalkemm il-fenomenu tal-“pjattaformi diġitali” jkopri varjetà wiesgħa ta’ mudelli li jistgħu jinkludu networks soċjali, siti web tal-kummerċ elettroniku, siti web ta’ intermedjazzjoni finanzjarja jew aċċess għar-riżorsi u d-data u l-ġestjoni tagħhom, f’din l-Opinjoni se nieħdu perspettiva marbuta speċifikament max-xogħol, u se nirreferu b’mod partikolari għal intrapriżi li joperaw permezz ta’ applikazzjonijiet jew siti web. B’mod partikolari, se nagħtu ħarsa lejn il-formula speċifika tal-pjattaformi diġitali f’forma kooperattiva.

2.5.

Il-Kummissjoni Ewropea qed tesplora l-implikazzjonijiet għall-kundizzjonijiet tal-ħaddiema tal-pjattaformi permezz ta’ konsultazzjoni, li l-ewwel fażi tagħha nfetħet fl-24 ta’ Frar, u t-tieni fażi bejn il-15 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Settembru 2021. B’dawn il-konsultazzjonijiet, il-Kummissjoni titlob lill-imsieħba soċjali jaqsmu l-fehma tagħhom dwar jekk huwiex meħtieġ li tittieħed azzjoni leġiżlattiva. Il-konsultazzjoni tidentifika seba’ oqsma fejn tista’ tittieħed azzjoni: 1) status fl-impjieg, 2) kundizzjonijiet tax-xogħol, 3) aċċess għall-protezzjoni soċjali, 4) aċċess għal rappreżentanza u negozjar kollettiv, 5) dimensjoni transfruntiera, 6) ġestjoni algoritmika, 7) taħriġ permanenti u opportunitajiet ta’ impjieg għall-persuni li jaħdmu fuq il-pjattaformi.

2.6.

Il-pjattaformi diġitali jibnu “spazju virtwali” fejn iseħħu l-interazzjonijiet u l-iskambji, li huma ħafna aktar minn sempliċi tqabbil bejn il-provvista u d-domanda, li jistgħu jeżerċitaw setgħa ta’ kontroll dejjem aktar irfinuta u influwenza fil-konfront tal-ħaddiema, il-fornituri u l-utenti, billi joffru servizzi ġodda għall-klijenti u għażliet ġodda għall-impjieg. Dan huwa possibbli permezz tal-użu ta’ sistemi ta’ tfassil ta’ profili u l-użu estensiv ta’ data, bl-applikazzjoni ta’ sistemi ta’ intelliġenza artifiċjali u algoritmi determinati minn dawk li jirregolaw il-pjattaformi.

2.7.

Permezz ta’ politika ta’ kummerċjalizzazzjoni sofistikata li ġġiegħel lill-persuni li jinteraġixxu fuq il-pjattaformi jħossuhom li huma l-protagonisti ta’ proċess orizzontali bejn il-pari, il-pjattaformi jippreżentaw u jiddefinixxu lilhom infushom bħala spazji fejn diversi partijiet jiltaqgħu sabiex jistabbilixxu relazzjoni diretta jew mingħajr medjazzjoni, madankollu fil-verità l-pjattaformi qatt ma jkunu kompletament deċentralizzati jew newtrali; minflok huma stess huma partijiet attivi fl-intermedjazzjoni, b’ġerarkija stabbilita sew iżda spiss mhux ovvja.

2.8.

Għalkemm hemm korp komprensiv ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE li jkopri diversi forom ta’ impjieg, il-pjattaformi mhux dejjem jadattaw faċilment għall-applikazzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn l-oqfsa regolatorji. L-informazzjoni, id-djalogu soċjali u t-tagħlim reċiproku għandhom jiġu mħeġġa sabiex jiġi ffaċilitat u appoġġjat żvilupp robust u sostenibbli ta’ pjattaformi diġitali sabiex jiżdiedu l-kooperazzjoni u l-fiduċja bejn l-atturi tas-suq diġitali. Id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv huma aktar kapaċi li jirregolaw aħjar sitwazzjonijiet li jinbidlu malajr minn azzjoni leġiżlattiva mgħaġġla li tista’ xxekkel l-innovazzjoni.

2.9.

Huwa ċar li fi kwalunkwe każ regolamentazzjoni tajba għandha tħalli spazju għall-innovazzjonijiet kbar li jistgħu jiġu mit-teknoloġiji diġitali u għar-rikonoxximent tad-drittijiet tal-ħaddiema f’dawn il-forom ġodda ta’ organizzazzjoni tax-xogħol. Li naġixxu fuq il-bidla jfisser li niggwidaw b’mod attiv il-mudell ta’ żvilupp, li, fil-fehma tagħna, irid jiffoka speċifikament fuq l-ambjent u s-soċjetà.

2.10.

Fil-kuntest tat-trasformazzjoni diġitali li qed isseħħ madwar id-dinja, għandha tittieħed azzjoni adatta fil-livelli kollha biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ tranżizzjoni diġitali sostenibbli, regolata minn qafas regolatorju Ewropew adegwat u ċar għad-diversi atturi fis-suq diġitali, b’mod partikolari dawk involuti fil-pjattaformi. L-istituzzjonijiet Ewropej bdew jaħdmu fuq din il-kwistjoni b’diversi modi (1), u l-KESE diġà adotta diversi Opinjonijiet dwar kwistjonijiet ta’ taxxa (2), ir-regolamentazzjoni tas-suq diġitali (3) u kwistjonijiet fil-qasam tax-xogħol (4).

2.11.

F’kuntest ġenerali ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jinbidlu, għadd dejjem akbar ta’ nies huma f’pożizzjoni li jipprovdu servizzi permezz ta’ impjieg indipendenti fuq pjattaformi diġitali, kif enfasizzat fil-valutazzjoni tal-impatt ippubblikata mill-KE f’Jannar 2021 (5). In-nuqqas ta’ qafas regolatorju adegwat jista’ jħeġġeġ forom mhux xierqa ta’ impjieg indipendenti, li bħala tali jrid jissodisfa ċerti kriterji li jinkludu: l-awtonomija, l-espressjoni ħielsa tar-rieda tal-partijiet li jipparteċipaw, l-awtodeterminazzjoni fl-organizzazzjoni tax-xogħol, u l-indipendenza.

2.12.

L-analiżi tal-Kummissjoni Ewropea turi li l-persuni li jaħdmu fuq pjattaformi jista’ ma jkollhomx informazzjoni u fehim adegwati dwar kif jiġu applikati l-algoritmi biex jittieħdu ċerti deċiżjonijiet li jista’ jkollhom impatt fuq il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. In-nuqqas ta’ fehim u informazzjoni jista’ jkun problematiku, b’mod partikolari fil-kuntest tas-sorveljanza diġitali u l-ġestjoni tad-data meta d-disinn u l-ġestjoni algoritmiċi jaffettwaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol. Huwa għalhekk li d-djalogu soċjali huwa essenzjali.

2.13.

L-intrapriżi u l-ħaddiema jeħtieġu għarfien u ċertezza legali fir-rigward tal-kuntratti ta’ impjieg applikabbli għall-ħaddiema tal-pjattaformi, li jiżguraw kundizzjonijiet ta’ paga deċenti, u aċċess għall-protezzjoni soċjali u negozjar kollettiv. Iċ-ċarezza hija meħtieġa wkoll fir-rigward tal-kriterji għall-istatus ta’ min iħaddem u ta’ persuni li jaħdmu għal rashom. Il-KESE għamel dikjarazzjoni ċara dwar dawn il-kwistjonijiet fl-Opinjoni tiegħu SOC 645/2021 dwar Xogħol ġust fl-ekonomija tal-pjattaformi, mitluba mill-Presidenza Ġermaniża tal-Kunsill tal-UE fit-tieni nofs tal-2020.

2.14.

Fl-ekonomija tal-pjattaformi diġitali, kif tirrikonoxxi l-Kummissjoni stess, il-kooperattivi ħolqu b’suċċess mudelli li joffru l-opportunità li jikkombinaw b’mod pożittiv l-intraprenditorija, id-drittijiet soċjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol adegwati (6).

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-bidliet qawwija u rapidi assoċjati mad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u l-ħajja soċjali qed joħolqu esiġenzi ġodda għall-flessibbiltà u l-veloċità tal-adattament, li jwessgħu wkoll l-għażla ta’ forom awtonomi ta’ xogħol. F’xi drabi, madankollu, iwasslu għal forom ġodda ta’ frammentazzjoni u kompartamentalizzazzjoni tax-xogħol, mhux biss bħala proċess maqsum f’fażijiet (bħal fil-ktajjen klassiċi tal-assemblaġġ), iżda wkoll maqsum f’termini spazjali u temporali, li spiss iċajpru d-distinzjoni bejn il-ħin tax-xogħol u tal-ħajja privata tal-persuni involuti f’xi wħud minn dawn il-proċessi.

3.2.

Dawn l-aspetti huma parti minn fenomenu kumpless, li jirrigwarda wkoll lil professjonisti bi kwalifiki għolja, li jiġu fdati b’partijiet mill-proċess ta’ produzzjoni permezz ta’ kuntratti indipendenti jew “professjoni libera”. Eżempju ta’ dan huwa l-qasam tal-programmaturi tal-kompjuter, l-analisti tad-data u l-iżviluppaturi tal-applikazzjonijiet, jew il-fornituri kollha ta’ servizzi komplementari li qed isiru dejjem aktar deċentralizzati.

3.3.

Il-kriżi tal-COVID-19 uriet li l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni kif suppost tar-regoli tal-UE u dawk nazzjonali, li jirrikonoxxu l-ħtieġa għall-protezzjoni tal-ħaddiema taħt l-hekk imsejħa “kuntratti atipiċi” (7), għadhom ta’ sfida f’ħafna Stati Membri.

3.4.

L-emerġenza ta’ pjattaformi diġitali bħala għodda għar-reklutaġġ ta’ ħaddiema f’ħafna każijiet irriżultat fl-użu ta’ tip ta’ kuntratti relatati mal-impjieg indipendenti, anke fejn l-attivitajiet fil-verità ma twettqux b’mod awtonomu u indipendenti. Kien hemm ukoll każijiet fejn dan l-approċċ kien intiż aktar biex jitrażżnu l-ispejjeż tax-xogħol milli biex tiġi massimizzata l-awtonomija fl-organizzazzjoni tax-xogħol. Dan żied ukoll l-għadd ta’ tilwim legali fil-qrati f’diversi pajjiżi Ewropej. Huwa evidenti li tali fenomenu li qed jinbidel malajr ma jistax jiġi regolat permezz ta’ mezzi ġudizzjarji u litigazzjoni, iżda jeħtieġ li jinstabu soluzzjonijiet fattibbli li jifhmu u jinterpretaw sew il-bidliet profondi li għaddejjin bħalissa.

3.5.

F’dan il-kuntest, il-mudell kooperattiv jippermetti l-iżvilupp ta’ intrapriżi mwaqqfa minn ħaddiema li jaħdmu għal rashom (bħall-kooperattivi ta’ ħaddiema li jaħdmu għal rashom) li l-aspirazzjoni tagħhom hija li jżommu l-awtonomija u l-kreattività, filwaqt li fl-istess ħin itejbu l-introjtu tagħhom, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-aċċess għall-protezzjoni soċjali. Barra minn hekk, l-aktar mudell kooperattiv klassiku (il-kooperattivi tal-ħaddiema) jista’ jikkombina l-karatteristiċi tal-pjattaformi diġitali mal-mudell organizzattiv tax-xogħol assoċjat, li huwa kkaratterizzat minn struttura demokratika u s-salvagwardji previsti għall-impjegati minn kuntratti ta’ impjieg skont id-dritt nazzjonali tax-xogħol.

3.6.

Kooperattiva ta’ pjattaforma hija impriża kooperattiva u mmexxija demokratikament, bl-involviment tal-partijiet interessati, li torganizza l-produzzjoni u l-iskambju ta’ oġġetti u servizzi permezz ta’ infrastruttura tal-IT u protokolli li jinteraġixxu ma’ apparati differenti, kemm fissi kif ukoll mobbli.

3.7.

Bħal kull kooperattiva, il-kooperattivi ta’ pjattaforma huma proprjetà ta’ u mmexxija minn dawk li huma l-aktar dipendenti fuqhom, f’dan il-każ il-ħaddiema, l-utenti u partijiet interessati oħra. Naturalment, dan isir billi jitqies il-qafas kuntrattwali adatt tal-impjegati tal-kooperattiva, kemm f’każ li dawn jaħdmu bħala impjegati, kif ukoll f’każijiet fejn dawn jiksbu l-istatus ta’ persuni li jaħdmu għal rashom.

3.8.

Il-mudell kooperattiv, kif ukoll il-karatterizzazzjoni tal-forma korporattiva u r-relazzjoni bejn l-atturi, għandu influwenza deċiżiva fuq il-flussi tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-algoritmu operattiv, u jista’ wkoll iqassam aħjar il-benefiċċji fost il-produtturi/il-fornituri tas-servizzi, u jinkludi liċ-ċittadini/lill-konsumaturi fil-governanza, fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u fil-qsim tal-benefiċċji, kif irrakkomandat reċentement fl-Opinjoni KESE NAT/794 (8).

3.9.

F’dan ir-rigward, it-trawwim tal-ħolqien ta’ intrapriżi ġodda, li jikkombinaw dawn il-ħaddiema f’kooperattivi, jista’ jgħin biex jiġu żviluppati forom ġodda ta’ intrapriża. L-aggregazzjoni hija ta’ benefiċċju għal dawk involuti f’dawn l-attivitajiet, kemm f’termini ta’ espansjoni tal-opportunitajiet ta’ negozju (kemm bejniethom kif ukoll esternament), kif ukoll f’termini ta’ mutwalizzazzjoni tal-kostijiet u l-benefiċċji. Ħafna drabi, meta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tippermetti dan, kooperattivi bħal dawn jippermettu lill-membri tagħhom li jaħdmu għal rashom li jkollhom aċċess għal sistemi ta’ protezzjoni soċjali eżistenti.

3.10.

L-intraprenditorija, il-ħiliet intraprenditorjali u l-intraprenditorija awtonoma huma xpruni ewlenin għat-tkabbir. Madankollu, huwa diffiċli li persuna tistabbilixxi intrapriża waħedha u fuq kollox li ż-żgħażagħ jagħmlu dan. Għal din ir-raġuni, huwa interessanti li jiġu żviluppati dawn il-forom ta’ kooperattivi li, grazzi għat-teknoloġiji ġodda, jistgħu jappoġġjaw il-propensità intraprenditorjali permezz tal-aggregazzjoni ta’ ħaddiema żgħażagħ f’kooperattivi irrispettivament mill-istatus legali tagħhom (impjegati jew jaħdmu għal rashom).

3.11.

Il-liġijiet tax-xogħol u s-sistemi tas-sigurtà soċjali li żviluppaw f’konformità mal-impjieg standard ma jidhrux li huma kapaċi jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-ħaddiema li jaħdmu b’kuntratti atipiċi, iżda li madankollu jeħtieġu protezzjoni soċjali u forom adegwati ta’ negozjar kollettiv. Ħafna mill-isfidi ppreżentati llum mit-trasformazzjoni tax-xogħol u mid-diġitalizzazzjoni ħeġġew lill-kooperattivi biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema li mhumiex qed jiġu ssodisfati mill-arranġamenti istituzzjonali attwali. Fl-istess ħin qed jistinkaw biex iżidu r-realizzazzjoni personali tal-ħaddiema billi jħeġġu lill-impjegati jkunu parti mis-siedja.

3.12.

Fir-rigward ta’ dawk il-ħaddiema li jixtiequ jiggarantixxu l-awtonomija tagħhom (jiġifieri li ma jitqiesx il-fenomenu ta’ “impjieg indipendenti fittizju”), reċentement tfaċċaw mudelli kooperattivi ġodda b’reazzjoni għaż-żieda sinifikanti fil-forom ġodda ta’ xogħol. Dawn il-forom ġodda ta’ kooperattivi jistgħu jkunu għodda eċċellenti biex jitrawwem tixrid akbar tal-ħiliet intraprenditorjali u l-kondiviżjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji. B’mod partikolari, bis-saħħa ta’ teknoloġiji ġodda, xi forma ta’ ekonomija ġdida bħall-hekk imsejħa ekonomija tal-pjattaformi tista’ tisfrutta l-mudell kooperattiv sabiex bosta ħaddiema li jaħdmu għal rashom ikunu jistgħu jsiru wkoll sidien ta’ dawn il-pjattaformi, u b’hekk tiġi evitata l-atomizzazzjoni tal-kompiti (9).

3.13.

L-idea bażi ta’ kooperattivi ta’ pjattaformi hija ċara: mudelli ġodda tal-intrapriżi bbażati fuq l-Internet u pjattaformi online li jkunu jistgħu jiġu kkombinati mal-mudell kooperattiv sabiex jikkonferixxu sjieda u kontroll fuq dawk il-persuni li jużaw u jaħdmu permezz tal-pjattaformi online. Dawn il-forom innovattivi ta’ intrapriżi jistgħu jżidu l-impjiegi tajbin fl-ekonomija tal-pjattaformi u jagħmlu l-ekonomija diġitali aktar parteċipattiva.

3.14.

B’hekk, il-pjattaformi diġitali kooperattivi joħolqu “mudell ta’ intrapriża” bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali, siti web u applikazzjonijiet mobbli distribwiti, li jibbażaw il-funzjonament tagħhom fuq proċess demokratiku tat-teħid tad-deċiżjonijiet u s-sjieda kondiviża tal-partijiet ikkonċernati.

3.15.

B’dan il-mod, il-forma legali ta’ kooperattiva, organizzata fuq pjattaformi diġitali, effettivament tikkontribwixxi wkoll għall-organizzazzjoni ta’ aġenziji għall-iskambju u l-kondiviżjoni tad-data, li jistgħu jintużaw dejjem aktar mill-kumpaniji, u b’mod partikolari l-SMEs, li jistgħu jsibuha aktar diffiċli biex jistabbilixxu intermedjarji għall-ġestjoni u l-iskambju tad-data, li jippermettu pereżempju lill-SMEs aggregati biex iżommu l-governanza ta’ dawn l-istrutturi.

3.16.

Il-Kummissjoni Ewropea wkoll ħasbet dwar dan il-potenzjal, fil-fatt, fl-Artikolu 9 tal-proposta għal Regolament dwar il-governanza Ewropea tad-data, ippreżentata fil-25 ta’ Novembru 2020, jipprevedi b’mod espliċitu l-possibbiltà li jiġu organizzati “servizzi tal-kooperattivi tad-data”, kif indikat ukoll mill-KESE fl-Opinjoni tiegħu INT/921 (10).

3.17.

Dwar il-funzjoni ta’ demokratizzazzjoni tal-ekonomija diġitali li l-kooperattivi jistgħu jwettqu, hemm ukoll referenza importanti fir-Rapport tan-NU dwar l-Ekonomija Diġitali 2019 (11), u aktar reċenti f’rapport tal-ILO (12).

3.18.

Huwa importanti li l-persuni li jaħdmu fuq pjattaformi jingħataw l-għodod biex ikunu jistgħu jorjentaw il-karrieri tagħhom u jkollhom aċċess għall-iżvilupp professjonali u l-iżvilupp tal-ħiliet. Kif osservat il-Kummissjoni, irrispettivament mill-istatus tal-impjieg tal-persuni li jaħdmu u/jew li jipprovdu servizzi fuq pjattaformi diġitali, dawn għandhom jiġu appoġġjati permezz ta’ taħriġ kontinwu u taħriġ mill-ġdid, kif ukoll għandu jkollhom aċċess għall-protezzjoni soċjali u b’mod partikolari għall-protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.

3.19.

Il-mudell tal-pjattaformi diġitali, inkluż f’forma kooperattiv, jista’ jiġi applikat biex jiżviluppa u jtejjeb l-aċċessibbiltà għal offerti ta’ tagħlim mill-bogħod, li jistgħu jiffaċilitaw it-tagħlim personalizzat.

3.20.

It-tixrid wiesa’ tal-għodod għad-diġitalizzazzjoni mhux biss tal-attivitajiet tax-xogħol, iżda ta’ ħafna aspetti tal-ħajja ta’ kuljum, jeħtieġ kapaċità wiesgħa ta’ taħriġ fil-qasam tal-ħiliet diġitali bażiċi. L-atturi tad-djalogu soċjali u l-istituzzjonijiet Ewropej għandhom iħeġġu l-iskambju tal-aħjar prattiki f’dan il-qasam bil-ħsieb li jiġi promoss it-tagħlim reċiproku u titqajjem kuxjenza dwar il-potenzjal tad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija. It-taħriġ kontinwu għall-ħaddiema impjegati għandu jsib il-qafas primarju tal-promozzjoni fid-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv.

Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  https://www.eurofound.europa.eu/data/platform-economy/dossiers.

(2)  Opinjoni tal-KESE dwar It-tassazzjoni tal-ekonomija kollaborattiva – obbligi ta’ rappurtar (opinjoni addizzjonali) (ĠU C 364, 28.10.2020, p. 62).

(3)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Att dwar is-Swieq Diġitali (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 64).

(4)  Opinjoni tal-KESE dwar id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol, (SOC/572) (ĠU C 283, 10.8.2018, p. 39).

(5)  Valutazzjoni tal-Impatt tal-Bidu – Collective bargaining agreements for self-employed – scope of application of EU competition rules (Ftehimiet ta’ negozjar kollettiv għal persuni li jaħdmu għal rashom – kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE), 6 ta’ Jannar 2021 (mhux disponibbli bil-Malti). See https://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/have-your-say/initiatives/12483-Collective-bargaining-agreements-for-self-employed-scope-of-application-EU-competition-rules_en.

(6)  Eżempju emblematiku huwa l-kooperattivi affiljati mal-Federazzjoni CoopCycle. Dawn huma kooperattivi ta’ kurrieri bir-rota/ħaddiema tal-kunsinna, li huma impjegati tal-kooperattiva tagħhom stess. Huma jingħaqdu ma’ kooperattivi simili fi bliet oħra, jużaw l-istess software għat-tranżazzjonijiet u jlaqqgħu flimkien ħaddiema, fornituri u utenti: https://coopcycle.org/en/

(7)  Ix-xogħol atipiku huwa kunċett li qed jingħata attenzjoni politika dejjem akbar, b’mod partikolari f’dawn l-aħħar deċennji. Ara pereżempju l-istudju All For One: https://cecop.coop/works/cecop-report-all-for-one-reponse-of-worker-owned-cooperatives-to-non-standard-employment.

(8)  Opinjoni tal-KESE dwar Id-Diġitalizzazzjoni u s-Sostenibbiltà – status quo u l-ħtieġa għal azzjoni mill-perspettiva tas-soċjetà ċivili (ĠU C 429, 11.12.2020, p. 187).

(9)  https://cecop.coop/works/cecop-report-all-for-one-reponse-of-worker-owned-cooperatives-to-non-standard-employment.

(10)  Opinjoni tal-KESE dwar l-Att dwar il-Governanza tad-Data (ĠU C 286, 16.7.2021, p. 38).

(11)  https://unctad.org/system/files/official-document/der2019_en.pdf.

(12)  https://www.ilo.org/global/research/global-reports/weso/2021/lang--en/index.htm.


Top