EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021IE2454

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Riforma tal-qafas fiskali tal-UE għal irkupru sostenibbli u tranżizzjoni (opinjoni fuq inizjattiva proprja)

EESC 2021/02454

OJ C 105, 4.3.2022, p. 11–17 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

4.3.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 105/11


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar Riforma tal-qafas fiskali tal-UE għal irkupru sostenibbli u tranżizzjoni

(opinjoni fuq inizjattiva proprja)

(2022/C 105/03)

Relatur:

Dominika BIEGON

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

25.3.2021

Bażi legali

Artikolu 32(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

 

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-Koeżjoni Ekonomika u Soċjali

Adottata fis-sezzjoni

5.10.2021

Adottata fil-plenarja

20.10.2021

Sessjoni plenarja Nru

564

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

168/3/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Ir-regoli fiskali Ewropej jeħtieġu reviżjoni: in-nuqqasijiet kienu diġà ovvji wara l-kriżi finanzjarja tal-2008/2009 u l-pandemija tal-COVID-19 tippreżenta sfidi saħansitra aktar serji għall-qafas fiskali attwali. F’Opinjonijiet preċedenti, il-KESE laqa’ r-rieżami tal-governanza ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea. F’din l-Opinjoni, il-KESE jtenni l-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa ta’ riformi u jistieden lill-Kummissjoni tkompli malajr ir-reviżjoni tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, li bħalissa waqfet. Qabel ma jidħol fis-seħħ il-qafas rivedut, il-Kummissjoni għandha tressaq linji gwida għal perjodu ta’ tranżizzjoni, li matulu ma għandhiex tinbeda l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, u bil-possibbiltà li tintuża l-“klawżola dwar avvenimenti mhux tas-soltu” fuq bażi speċifika skont il-pajjiż.

1.2.

Kwalunkwe qafas fiskali futur jeħtieġ li a) isaħħaħ l-investimenti pubbliċi, b) jippermetti flessibbiltà aktar ċiklika u c) jippermetti flessibbiltà akbar u differenzjazzjoni speċifika għall-pajjiżi fir-rigward tal-perkorsi ta’ aġġustament tad-dejn, filwaqt li fl-istess ħin jiggarantixxi s-sostenibbiltà fiskali. Reviżjoni tal-qafas fiskali tal-UE mhijiex meħtieġa biss għall-finijiet ta’ stabbilizzazzjoni tal-ekonomija fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju. Hija wkoll ta’ importanza vitali sabiex tiġi ffinanzjata t-trasformazzjoni soċjoekoloġika tal-ekonomija tagħna, u b’hekk ikunu żgurati livell massimu ta’ impjiegi, impjiegi ta’ kwalità għolja u tranżizzjonijiet ġusti.

1.3.

B’mod aktar speċifiku, il-proposta ewlenija tal-KESE għar-reviżjoni tal-qafas fiskali hija li tiġi introdotta regola tad-deheb għall-investimenti pubbliċi, li l-KESE kien diġà ppreżenta f’Opinjonijiet preċedenti, flimkien ma’ regola tal-infiq. Minbarra dan, il-KESE jilqa’ l-proposta magħmula mill-Bord Fiskali Ewropew (EFB) fir-rigward tad-differenzjazzjoni speċifika għal kull pajjiż individwali tal-perkorsi ta’ aġġustament fiskali.

1.4.

Fl-aħħarnett, il-KESE jinnota li l-politika fiskali hija l-qasam klassiku tal-politika parlamentari u d-deċiżjonijiet tagħha jaffettwaw l-istruttura sħiħa tan-nefqa u d-dħul tal-Istat. Għalhekk, kemm il-parlamenti nazzjonali kif ukoll il-Parlament Ewropew jeħtieġ li jingħataw rwol prominenti fil-qafas futur tal-governanza ekonomika tal-UE.

1.5.

B’mod simili, hemm bżonn li s-soċjetà ċivili tiġi involuta aktar fis-Semestru Ewropew kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. B’dan il-mod, tista’ tiġi stabbilita politika ekonomika bilanċjata, fejn l-interessi kollha jiġu rrikonċiljati. Dan huwa partikolarment il-każ għall-governanza tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fejn l-involviment tas-soċjetà ċivili ma kienx sodisfaċenti (1). Il-prinċipju tas-sħubija, li ilu tradizzjoni fil-governanza tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, għandu jservi bħala pjan ta’ azzjoni għal mekkaniżmu effettiv tal-involviment tas-soċjetà ċivili.

2.   Sfond: Sfidi ġodda wara l-pandemija tal-COVID-19

2.1.

Ir-regoli fiskali Ewropej jeħtieġu reviżjoni. Qabel il-kriżi, il-valutazzjoni (2019) tal-Bord Fiskali Ewropew (2) dwar il-qafas fiskali tal-UE ġustament indikat żewġ problemi ewlenin: il-ewwel nett, r-regoli fiskali għandhom it-tendenza li jkunu proċikliċi: wara l-kriżi finanzjarja tal-2008-2009, il-konsolidazzjoni fiskali waslet kmieni wisq minħabba tħassib kbir dwar is-sostenibbiltà, li wassal lill-ekonomija Ewropea f’reċessjoni doppja. It-tieni, l-investiment pubbliku fl-UE kien l-ewwel fil-mira tat-tnaqqis fl-infiq. Meta wieħed iqabbel ir-rata medja ta’ investiment tal-gvern għall-2015-2019 mal-medja ta’ qabel il-kriżi (2005-2009), 20 minn 27 Stat Membru raw tnaqqis fir-rati tagħhom, għal xi wħud sa 50 %, tant li l-valur tal-istokk tal-kapital pubbliku, immarkat minn ċifri netti negattivi ta’ investiment pubbliku, mar għall-agħar bejn l-2013 u l-2017 fiż-żona tal-euro.

2.2.

Il-pandemija tal-COVID-19 tippreżenta sfidi saħansitra aktar serji għall-qafas fiskali tal-UE: it-tnaqqis ekonomiku flimkien ma’ miżuri ta’ politika biex jittaffa l-impatt soċjali u ekonomiku tal-pandemija wasslu għal żidiet kbar fid-defiċit u fid-dejn tal-gvern għal-livelli tal-PDG f’ħafna Stati Membri (3). L-istimi mill-Bord Fiskali Ewropew (2020) (4) juru li jekk ir-regoli fiskali tal-UE jiġu attivati mingħajr tibdil wara t-tneħħija tal-klawżola liberatorja ġenerali, il-perkors mistenni għat-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn ikun ta’ piż eċċessiv għal xi Stati Membri, b’konsegwenzi ekonomiċi, soċjali u politiċi negattivi sinifikanti li jipperikolaw l-irkupru ekonomiku fl-UE.

2.3.

Riforma tar-regoli fiskali tal-UE mhijiex meħtieġa biss għall-finijiet ta’ stabbilizzazzjoni tal-ekonomija fuq terminu qasir sa medju. Hija wkoll ta’ importanza vitali sabiex tiġi ffinanzjata t-trasformazzjoni soċjoekoloġika tal-ekonomija tagħna, u b’hekk ikunu żgurati livell massimu ta’ impjiegi, impjiegi ta’ kwalità għolja u tranżizzjonijiet ġusti. Sabiex jintlaħqu l-miri klimatiċi tal-UE, hija meħtieġa modernizzazzjoni profonda tal-istokk kapitali. Ekonomija sostenibbli teħtieġ espansjoni enormi tal-investimenti pubbliċi, inkella l-ekonomiji Ewropej se jkunu qed jiffaċċjaw riskji fiskali relatati mal-klima (5). Fl-istess ħin, jeħtieġ li tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali. F’Opinjonijiet preċedenti, il-KESE diġà ssottolinja l-ħtieġa li tiġi introdotta regola tad-deheb għall-investiment pubbliku fil-qafas fiskali tal-UE (6). Dawn il-ħtiġijiet għadhom validi: biex l-Ewropa tilħaq il-miri klimatiċi u ambjentali tagħha għall-2030, il-Kummissjoni Ewropea dan l-aħħar stmat li d-diskrepanza globali fil-finanzjament hija ta’ madwar EUR 470 biljun fis-sena sal-2030 (7). Kif ġie enfasizzat ġustament “il-mobilizzazzjoni tal-iskala meħtieġa ta’ finanzjament se tkun sfida politika sinifikanti”, u ovvjament l-investiment pubbliku se jkollu rwol kritiku x’jaqdi, mhux l-inqas ukoll sabiex jiskatta l-investiment privat. Ir-riforma tal-qafas fiskali tal-UE trid tqis dawn il-kunsiderazzjonijiet.

2.4.

Il-KESE jenfasizza li l-Istati Membri għandhom jiffaċċjaw l-isfida li jnaqqsu l-proporzjonijiet tad-dejn mal-PDG wara l-irkupru ekonomiku biex iżommu biżżejjed spazju fiskali biex jiġġieldu l-kriżi ekonomika li jmiss. Ir-regola tan-nefqa proposta f’din l-Opinjoni (ara l-paragrafi 3.3.2 u 3.3.3) fil-fatt tiżgura li l-Istati Membri jikkonsolidaw il-finanzi pubbliċi tagħhom fi żminijiet tajbin.

2.5.

Il-KESE jissottolinja li reviżjoni tal-qafas fiskali tal-UE jeħtieġ li tqis il-kuntest makroekonomiku attwali. Kemm il-FMI (8) kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea (9) jiddikjaraw li l-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG għandhom jistabbilizzaw fuq perjodu ta’ żmien qasir sa medju bis-saħħa ta’ rati tal-imgħax baxxi u rati ogħla ta’ tkabbir. Is-sostenibbiltà tad-dejn sovran tiddependi mir-rata tat-tkabbir (reali) tal-PDG, il-bilanċ primarju annwali u r-rati tal-imgħax (reali) fuq id-dejn sovran pendenti. Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tqis dawn il-fatturi meta tivvaluta s-sostenibbiltà tad-dejn tal-Istati Membri.

2.6.

Barra minn hekk, il-KESE jisħaq li finanzi pubbliċi sostenibbli jiddependu fil-biċċa l-kbira minn dħul pubbliku affidabbli u tassazzjoni ġusta, inkluż, pereżempju, il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-pjanifikazzjoni fiskali aggressiva. Barra minn hekk, ir-riżorsi proprji l-ġodda mħabbra għandhom jikkontribwixxu għat-tisħiħ tat-tassazzjoni ġusta, kif ukoll għall-ġustizzja soċjali u klimatika. It-trasparenza tad-dħul u l-infiq, l-ikkuntrattar miftuħ u l-involviment kostanti tas-soċjetà ċivili fis-sorveljanza tal-ġestjoni finanzjarja pubblika huma meħtieġa wkoll biex jiġu żgurati finanzi pubbliċi sostenibbli.

2.7.

F’Opinjonijiet preċedenti, il-KESE laqa’ r-rieżami tal-governanza ekonomika tal-Kummissjoni Ewropea u enfasizza l-ħtieġa ta’ reviżjoni (10). Il-KESE ppropona wkoll li l-kwistjoni dwar kif għandha tiġi riformata l-governanza ekonomika tal-UE tiġi diskussa fil-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa. L-adattament tad-dispożizzjonijiet dwar il-governanza ekonomika tat-TFUE għar-realtà ekonomika attwali tal-UE ma għandux ikun tabù. Il-KESE jtenni din is-sejħa, b’mod partikolari fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19. Sabiex jiġi evitat ir-ritorn għar-regoli fiskali qodma u tiġi ġestita bidla lejn governanza ekonomika ffukata fuq il-prosperità, il-KESE jħeġġeġ li l-proċess ta’ rieżami jissokta mill-aktar fis possibbli (11).

3.   Kummenti speċifiċi

3.1.   Ir-riekwilibriju tal-governanza ekonomika tal-UE

3.1.1.

Il-politika fiskali għandha tkun parti minn qafas ta’ governanza usa’ fuq diversi livelli u bilanċjat. Il-KESE jirrakkomanda governanza ekonomika ffukata fuq il-prosperità, fejn il-benesseri soċjali u ekonomiku tan-nies jingħata prijorità sabiex ħadd ma jitħalla jibqa’ lura, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku. Għalhekk, il-Kumitat jappella għal politika ekonomika bilanċjata, li tisħaq fuq l-importanza ta’ firxa ta’ objettivi tal-politika ewlenin u tagħtihom l-istess piż, bħal pereżempju t-tkabbir sostenibbli u inklużiv, livell massimu ta’ impjiegi, xogħol deċenti u tranżizzjonijiet ġusti, tqassim ġust tal-introjtu, is-saħħa pubblika u l-kwalità tal-ħajja, is-sostenibbiltà ambjentali, l-istabbiltà tas-suq finanzjarju, l-istabbiltà fil-prezzijiet, relazzjonijiet kummerċjali bilanċjati sew u finanzi pubbliċi sostenibbli. Dawn l-objettivi huma konsistenti kemm mal-objettivi stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) attwali tan-NU (12).

3.1.2.

Sabiex l-Istati Membri jiġu appoġġjati fit-triq tagħhom lejn ekonomija sostenibbli u inklużiva, mhuwiex biss meħtieġ li jkun hemm aktar flessibbiltà fiskali taħt ċerti kundizzjonijiet. Minbarra dan, iridu jiġu promossi l-inċentivi għar-riformi. Il-qafas attwali ta’ governanza ekonomika tal-UE jikkonsisti fi tliet pilastri a) sorveljanza fiskali b) sorveljanza makroekonomika u c) koordinazzjoni tal-politika soċjali u tal-impjiegi. Għalhekk, diġà għandu enfasi qawwija fuq ir-riformi. Diversi studji empiriċi jenfasizzaw li minkejja r-riformi, il-biċċa l-kbira tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi tal-passat iffukaw fuq it-tisħiħ tal-kompetittività u l-konsolidazzjoni tal-baġits pubbliċi (13). Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE biex ikunu aktar bilanċjati fir-rakkomandazzjonijiet futuri speċifiċi skont il pajjiż: il-parametri referenzjarji fiskali, kif ukoll l-għanijiet klimatiċi tal-UE u l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali għandhom iservu bl-istess mod bħala punti ta’ referenza importanti għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi. Għandha ssir enfasi speċjali fuq ir-riformi li jappoġġjaw it-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika u diġitali (bħal politiki attivi tas-suq tax-xogħol u skemi ta’ tagħlim tul il-ħajja, inklużi programmi biex jingħata taħriġ mill-ġdid ta’ ħiliet u jiġi offrut appoġġ għat-tibdil fil-karriera) u fuq ir-riformi li jiggarantixxu li l-fondi tal-UE jiġu assorbiti b’mod effettiv (bħall-bini ta’ kapaċitajiet tekniċi fl-amministrazzjonijiet pubbliċi għall-ġestjoni ta’ proġetti ta’ investiment, sistemi effettivi u miftuħa ta’ akkwist pubbliku u riformi biex jitneħħew ostakli mhux monetarji oħra għal politika effettiva ta’ investiment).

3.2.   It-tisħiħ tal-investiment pubbliku

3.2.1.

Il-KESE jenfasizza li l-qafas fiskali tal-UE jeħtieġ li jiġi riformat b’mod li jipproteġi aħjar l-investimenti pubbliċi (14). L-effett multiplikatur tal-investiment pubbliku huwa partikolarment għoli, u t-tnaqqis fl-investiment pubbliku għalhekk għandu impatt partikolarment negattiv fuq it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi. It-tnaqqis fl-investiment pubbliku b’mod partikolari, u fl-infiq tal-gvern b’mod aktar ġenerali, huma partikolarment ta’ ħsara fi żminijiet ta’ tnaqqis u reċessjonijiet ekonomiċi (15). Barra minn hekk, ħafna studji jidentifikaw ukoll l-investiment pubbliku bħala sostenn għat-tkabbir fit-tul (16). Żieda fit-tul fl-investimenti pubbliċi tipprovdi wkoll bażi aktar sikura għall-ippjanar tas-settur privat (17).

3.2.2.

Dawn il-fatti jiġġustifikaw approċċ li jittratta l-investimenti pubbliċi b’mod preferenzjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-valutazzjoni tal-konformità tal-Istati Membri mar-regoli fiskali tal-UE. Il-KESE jirrakkomanda “regola tad-deheb” għall-investimenti pubbliċi (18), biex jiġu ssalvagwardjati l-produttività u l-bażi soċjali u ekoloġika għall-benesseri tal-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali. B’mod ġenerali, il-KESE jissuġġerixxi li fi ħdan il-qafas fiskali rivedut, tiġi implimentata r-regola tad-deheb, dak il-kunċett tradizzjonali tal-finanzi pubbliċi (19). Dan ifisser li l-investimenti pubbliċi netti jeħtieġ li jiġu esklużi mill-kalkolu tad-defiċits ewlenin. Jekk tiġi implimentata regola dwar in-nefqa kif mitlub mill-KESE (ara l-paragrafi 3.3.2 u 3.3.3) l-investimenti pubbliċi netti għandhom jiġu esklużi wkoll mil-limitu massimu tan-nefqa pubblika, filwaqt li l-ispejjeż tal-investiment jitqassmu matul il-ħajja kollha tas-servizz, minflok fuq perjodu ta’ erba’ snin, kif inhu l-każ bħalissa. L-investiment pubbliku nett iżid l-istokk kapitali pubbliku u/jew soċjali u jipprovdi benefiċċji għall-ġenerazzjonijiet futuri (20). Il-ġenerazzjonijiet futuri jirtu s-servizzjar tad-dejn pubbliku, iżda bi skambju, jirċievu stokk kapitali pubbliku korrispondenti u miżjud.

3.2.3.

Il-KESE jenfasizza li r-regola tad-deheb twassal għal trattament preferenzjali tal-investimenti pubbliċi skont il-qafas fiskali tal-UE. Dan ma jeħlisx lill-gvernijiet mill-obbligu li jiġġustifikaw u jirbħu maġġoranzi għal proġetti ta’ investiment rilevanti. It-trasparenza u r-responsabbiltà parlamentari għandhom, fi kwalunkwe każ, jinżammu, anke biex jiġi żgurat li jsiru biss dawk l-investimenti pubbliċi li jservu l-ġid komuni.

3.2.4.

Bħala l-ewwel pass, il-KESE jirrakkomanda reviżjoni fundamentali tal-“klawżola ta’ investiment”. L-ewwel nett, il-KESE jissuġġerixxi li l-“klawżola ta’ investiment” fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir għandha tiġi interpretata b’mod aktar flessibbli. S’issa, rarament ġiet invokata primarjament minħabba l-kriterji restrittivi ta’ eliġibbiltà tagħha (21). Dawn il-kriterji ta’ eliġibbiltà għandhom jiġu llaxkati: fil-prinċipju, l-investimenti pubbliċi għandhom jiġġustifikaw devjazzjoni temporanja mill-perkorsi ta’ aġġustament, indipendentement mill-pożizzjoni tal-Istat Membru fiċ-ċiklu ekonomiku u anke jekk dawn l-investimenti jwasslu għal eċċess fuq il-valur ta’ referenza tad-defiċit tal-PDG ta’ 3 %.

3.2.5.

Bħalissa, id-devjazzjonijiet mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju jew mill-perkors ta’ aġġustament lejn dan huma permessi biss jekk ikunu marbuta man-nefqa nazzjonali fuq proġetti kofinanzjati mill-UE (22). Il- KESE jissuġġerixxi definizzjoni usa’ ta’ investimenti. Fl-istess ħin, id-definizzjoni ta’ investimenti jeħtieġ li tkun ċara u prattikabbli biex tiġi evitata l-“kontabilità kreattiva”. Il-gwida tal-Kummissjoni Ewropea lill-Istati Membri fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u d-definizzjoni ta’ investimenti fiha jikkostitwixxu punt tat-tluq tajjeb (23), peress li jinkludu investimenti f’assi tanġibbli iżda wkoll investimenti fis-saħħa, fil-protezzjoni soċjali, fl-edukazzjoni u fit-taħriġ, u investimenti mmirati lejn it-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali.

3.2.6.

Il-KESE jilqa’ t-tassonomija għal attivitajiet sostenibbli. Din tistabbilixxi b’mod ċar dak li jikkwalifika bħala “attività ekonomika ambjentalment sostenibbli”, li min-naħa tiegħu mbagħad jagħmel possibbli li jiġu definiti “investimenti ambjentalment sostenibbli” (24). Għalhekk, il-KESE jirrakkomanda li għal attivitajiet sostenibbli tittieħed it-tassonomija tal-UE li hi żviluppata sew bħala bażi għal evalwazzjoni tas-sostenibbiltà tal-investimenti pubbliċi, flimkien ma’ regola tad-deheb. Barra minn hekk, il-KESE jistenna b’interess il-proposti tal-Kummissjoni dwar l-ibbaġitjar ekoloġiku.

3.3.   Flessibbiltà aktar ċiklika għall-politika fiskali

Ir-riforma tal-metodi ta’ aġġustament ċikliku jew l-introduzzjoni ta’ regola tan-nefqa

3.3.1.

Il-KESE jissottolinja li l-metodu tal-Kummissjoni Ewropea għall-aġġustament ċikliku mhuwiex trasparenti, u huwa sors ta’ proċikliċità. Il-metodu tal-Kummissjoni Ewropea li jiddetermina l-bilanċ strutturali wera li huwa problematiku minħabba li l-output potenzjali kkalkolat huwa influwenzat ħafna mis-sitwazzjoni ekonomika attwali. F’fażijiet ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, pereżempju, l-output potenzjali jiġi rivedut ’l isfel malajr u drastikament, għalkemm dan m’għandux għalfejn jirrifletti l-kundizzjonijiet reali (25). Ir-reviżjoni ’l isfel tal-output potenzjali għandha konsegwenzi severi għad-defiċit strutturali kkalkolat u l-isforzi ta’ konsolidazzjoni identifikati b’mod korrispondenti. Kalkolu tal-output potenzjali inqas sensittiv għall-fluttwazzjonijiet ċikliċi jista’ jiftaħ spazju fiskali konsiderevoli għall-Istati Membri għal politiki ekonomiċi kontroċikliċi. Din il-proposta ta’ riforma tista’ tiġi implimentata faċilment u għandha titqies biss bħala rekwiżit minimu biex ir-regoli fiskali tal-UE jsiru aktar xierqa biex jindirizzaw il-fluttwazzjonijiet ċikliċi. Madankollu, anki jekk jiġi rriformat, id-defiċit strutturali se jibqa’ kunċett estremament kumpless u huwa kważi impossibbli li wieħed jispjega l-kalkolu tiegħu liċ-ċittadini u lill-partijiet ikkonċernati. Minħabba l-problemi tekniċi u l-opaċità tal-kunċett, għandhom jiġu kkunsidrati għażliet alternattivi.

3.3.2.

Għażla alternattiva ta’ riforma hija li l-kunċett ikkontestat tad-defiċit strutturali jiġi abbandunat għalkollox u, minflok, tiġi implimentata regola dwar in-nefqa pubblika f’qafas fiskali rivedut (26). Għall-kuntrarju tad-defiċit aġġustat ċiklikament, in-nefqa pubblika hija osservabbli f’ħin reali u hija kkontrollata direttament mill-gvern. L-investiment pubbliku għandu jiġi ffavorit billi jiġu sseparati l-baġits attwali u ta’ investiment, filwaqt li l-baġit attwali biss jiġi soġġett għal limiti għat-tkabbir tan-nefqa nominali. B’dan il-mod, l-approċċ tar-regola tad-deheb jista’ jiġi kkombinat ma’ regola dwar in-nefqa (27).

3.3.3.

In-nefqa pubblika nominali tiġi kkalkulata netta mill-pagamenti tal-imgħax u netta min-nefqa ċiklika tal-gvern. Il-limiti jistgħu jiġu ddeterminati mir-rata ta’ tkabbir fuq terminu medju tal-output potenzjali reali flimkien mar-rata tal-inflazzjoni fil-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) ta’ 2 %. Jekk il-fatturi ċikliċi jikkawżaw tnaqqis fid-dħul mit-taxxa (f’reċessjoni) jew żieda (f’boom), ir-regola tippromovi l-istabbiltà billi tiżgura li n-nefqa tal-gvern tiżdied biss fil-limiti stipulati. In-nefqa li taqbeż il-limitu stabbilit għandha tkun permessa biss jekk tkun newtrali għall-baġit, jiġifieri jekk l-infiq jitnaqqas bl-istess ammont xi mkien ieħor jew jekk id-dħul mit-taxxa jiżdied. Fil-każ ta’ tnaqqis ġenerali fit-taxxa, ir-rati tat-tkabbir tan-nefqa jkollhom jinkorporaw dan l-irtirar ta’ riżorsi. Il-kombinament propost ta’ regola dwar in-nefqa u regola tad-deheb għall-investiment pubbliku jista’ jkun għodda effettiva biex jiġi limitat l-infiq pubbliku għal livelli sostenibbli, filwaqt li fl-istess ħin jippermetti lill-istabbilizzaturi awtomatiċi joperaw, u jippermetti lill-gvernijiet jieħdu miżuri diskrezzjonali.

Perkorsi ta’ aġġustament tad-dejn flessibbli u speċifiċi għall-pajjiżi

3.3.4.

Il-KESE jappoġġja l-proposta tal-Bord Fiskali Ewropew (2020) (28) biex jiġu introdotti elementi speċifiċi skont il-pajjiż f’qafas fiskali simplifikat. B’mod partikolari, il-KESE jilqa’ s-suġġeriment rigward id-differenzjazzjoni tal-aġġustament fiskali fl-Istati Membri, filwaqt li tinżamm is-sostenibbiltà tad-dejn. Differenzjazzjoni bejn il-pajjiżi tal-istrateġiji għat-tnaqqis tad-dejn għall-PDG għandha tkun ibbażata fuq analiżi ekonomika komprensiva li tqis fatturi bħal-livell inizjali tad-dejn u l-kompożizzjoni tiegħu, id-differenzjali bejn ir-rata tal-imgħax u t-tkabbir bħala kwistjoni ta’ sostenibbiltà, perspettivi ta’ inflazzjoni, l-ispejjeż imbassra tat-tixjiħ u tal-isfidi ambjentali, il-livelli tal-qgħad u tal-faqar, id-distribuzzjoni tal-introjtu u tal-ġid, l-iżbilanċi interni u esterni u, primarjament, jekk l-aġġustament fiskali (eż. is-surplus tal-baġit primarju meħtieġ) huwiex realistiku (29).

3.3.5.

Il-KESE jfakkar li l-valuri ta’ referenza fiskali mhumiex definiti fl-Artikolu 126 tat-TFUE iżda mill-Protokoll Nru 12 fl-Anness tat-Trattat. Għalhekk, dawn il-valuri jistgħu jinbidlu b’vot unanimu fil-Kunsill mingħajr proċedura formali ta’ bidla fit-Trattat. Il-KESE jħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jikkunsidraw li jgħollu l-limitu massimu tad-dejn ta’ 60 % filwaqt li jqisu l-kuntest makroekonomiku attwali u jiżguraw is-sostenibbiltà fiskali.

3.3.6.

Fl-aħħar nett, ta’ min iżid f’dan il-kuntest, li dipendenza totali mill-istabbilizzaturi awtomatiċi nazzjonali fir-reċessjonijiet mhijiex kompletament konformi mal-idea tal-politika kontroċiklika. Id-defiċits fiskali kkawżati minn tnaqqis fl-output u fl-impjiegi ma jikkumpensawx bis-sħiħ it-telf ċikliku u mhumiex biżżejjed biex jiġġieldu bis-sħiħ it-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Dawn huma biss risponsi kontroċikliċi passivi u parzjali u jeħtieġ li jiġu ssupplimentati b’risponsi temporanji diskrezzjonali attivi għal tnaqqis ċikliku li jiġu rtirati f’każ ta’ rilanċi. Fil-passat, firxa ta’ Stati Membri ddeċidew li jkomplu jnaqqsu l-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG b’konsegwenzi ekonomiċi negattivi filwaqt li stimoli fiskali kienu jkunu aktar xierqa. F’qafas fiskali futur, dment li jinżamm l-ambjent ta’ rati tal-imgħax favorevoli, għandhom jiġu permessi defiċits primarji akbar, filwaqt li l-proporzjonijiet tad-dejn għall-PDG jinżammu kostanti jew jitnaqqsu u tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn. Din hija r-raġuni għaliex klawżoli eċċezzjonali jridu jibqgħu l-pedament ta’ kwalunkwe qafas fiskali futur tal-UE u għandhom jiġu adattati kif xieraq.

Id-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja

3.3.7.

Il-KESE jilqa’ l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-qafas fiskali u jwissi kontra “ritorn għan-normal” mgħaġġel wisq peress li dan jista’ jikkawża impuls kontroattiv, li jwassal lill-Istati Membri jnaqqsu l-infiq sabiex jilħqu l-MTOs, kif ġara wara l-2010 bil-konsegwenza li kien hemm reċessjoni doppja. Dan imur kontra l-għan tal-programm tan-Next Generation EU u jista’ jiskatta reċessjoni ġdida.

3.3.8.

Il-KESE jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tkompli tapplika l-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u li tiddiżattiva l-klawżola fl-2023, dment li l-livell ta’ attività ekonomika jilħaq il-livell ta’ qabel il-kriżi (30). Aktar minn hekk, il-KESE jappoġġja l-affermazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea li “sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż se jkomplu jiġu kkunsidrati wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali” (31). Finalment, il-Kummissjoni għandha tressaq linji gwida għal perjodu ta’ tranżizzjoni sakemm jiġi stabbilit il-qafas fiskali l-ġdid, li matulu ma għandha tiġi attivata l-ebda proċedura ta’ defiċit eċċessiv u bil-possibilità li tintuża l-“klawżola dwar avvenimenti mhux tas-soltu” fuq bażi speċifika għall-pajjiżi. Barra minn hekk, il-KESE jitlob lill-Kummissjoni biex tkompli malajr ir-reviżjoni tal-qafas ta’ governanza ekonomika tal-UE, li waqfet. Minflok “ritorn”, il-KESE jirrakkomanda “bidla fid-direzzjoni” lejn qafas rivedut ta’ governanza ekonomika kif indikat hawn taħt (32).

3.4.   Ir-rwol internazzjonali tal-euro

3.4.1.

Il-munita komuni tagħna – l-euro – tgawdi reputazzjoni internazzjonali b’saħħitha u ġiet rikonoxxuta għas-sinifikat globali tagħha bħala munita ta’ riżerva u ta’ negozjar. Ir-reputazzjoni tal-euro bħala munita stabbli u affidabbli tiddependi minn regoli fiskali ċari, li jinftiehmu u infurzabbli li jsaħħu l-investimenti pubbliċi biex ikun hemm modernizzazzjoni tal-istokk kapitali u jiġġeneraw flessibbiltà aktar ċiklika fit-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn. Għalhekk, il-KESE huwa konvint li reviżjoni tar-regoli fiskali m’għandhiex iddgħajjef l-istabbiltà tal-euro bħala l-munita ewlenija ta’ “ankraġġ” tal-Unjoni. Għandha ssir enfasi partikolari fuq il-perċezzjoni tas-suq finanzjarju tal-prospetti fit-tul tal-euro bħala munita globalment importanti matul id-dibattitu dwar ir-reviżjoni tar-regoli fiskali. B’mod ġenerali, ir-reputazzjoni tal-euro tiddependi fuq l-istabbiltà ekonomika, soċjali u politika.

3.5.   It-tisħiħ tar-rwol tal-parlamenti u tas-soċjetà ċivili fil-Governanza Ekonomika tal-UE

3.5.1.

Il-KESE jinnota li l-politika fiskali hija l-qasam klassiku tal-politika parlamentari u d-deċiżjonijiet tagħha jaffettwaw l-istruttura sħiħa tan-nefqa u d-dħul tal-Istat. Għalhekk, kemm il-parlamenti nazzjonali kif ukoll il-Parlament Ewropew jeħtieġ li jingħataw rwol prominenti fil-qafas futur tal-governanza ekonomika tal-UE. Ir-rwol tal-Parlament Ewropew għandu jissaħħaħ fis-Semestru Ewropew permezz ta’ ftehim interistituzzjonali. Fl-istess ħin, il-prinċipju tas-sussidjarjetà u t-tqassim tal-kompetenzi fit-Trattati għandhom jiġu rispettati. Il-parlamenti nazzjonali għandhom iżommu lill-gvernijiet responsabbli għall-politiki fiskali li jsegwu. Għalhekk, jeħtieġ li jkunu involuti b’mod effettiv fis-Semestru Ewropew u fl-implimentazzjoni tal-pjani nazzjonali ta’ rkupru.

3.5.2.

B’mod simili, hemm bżonn li s-soċjetà ċivili tiġi involuta aktar fis-Semestru Ewropew kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE. B’dan il-mod, tista’ tiġi stabbilita politika ekonomika bilanċjata, fejn l-interessi kollha jiġu rrikonċiljati. Dan huwa partikolarment il-każ għall-governanza tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, fejn l-involviment tas-soċjetà ċivili ma kienx sodisfaċenti (33). Il-prinċipju tas-sħubija, li ilu tradizzjoni fil-governanza tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, għandu jservi bħala pjan ta’ azzjoni għal mekkaniżmu effettiv tal-involviment tas-soċjetà ċivili.

3.5.3.

Fil-każ ta’ devjazzjonijiet sinifikanti minn indikaturi li jirrappreżentaw l-objettivi tal-politika ekonomika, għandhom isegwu n-negozjati bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri. Iż-żewġ naħat għandhom jiżviluppaw soluzzjonijiet flimkien u fuq l-istess livell. Minflok ma l-Istati Membri kkonċernati jiġu mhedda b’sanzjonijiet finanzjarji, l-introduzzjoni ta’ inċentivi pożittivi tista’ ttaffi l-problema. Il-promozzjoni ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli trid tkun il-kriterju ewlieni fir-rakkomandazzjonijiet (34).

3.5.4.

Il-KESE jikkritika l-hekk imsejħa “kondizzjonalitajiet makroekonomiċi” fir-Regolament dwar id-dispożizzjonijiet komuni li japplika għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, fir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fit-Trattat Intergovernattiv dwar il-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà li, b’mod ġenerali, jippermettu li l-iżborż tal-fondi tal-UE jitwaqqaf jekk l-Istati Membri jiksru r-regoli fiskali tal-UE jew jikkontribwixxu għal żbilanċi makroekonomiċi. Wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja, dawn il-kondizzjonalitajiet makroekonomiċi jistgħu jikkawżaw impuls kontroattiv, li jwassal lill-Istati Membri jnaqqsu l-infiq sabiex jilħqu miri fiskali. Dan imur kontra l-għan politiku tal-koeżjoni territorjali u l-għanijiet usa’ tal-Programm Next Generation EU.

3.5.5.

Għal irkupru sostenibbli, tibqa’ vitali politika monetarja akkomodanti. Il-Parlament Ewropew jista’ juża r-riżoluzzjonijiet annwali tiegħu dwar il-BĊE u s-seduti trimestrali tiegħu ta’ “djalogu monetarju” mal-BĊE biex jivvota dwar objettivi sekondarji u jiżviluppa proċess li jkun aktar demokratiku, b’linji gwida dwar il-politika makroekonomika u industrijali. Dan jippermetti involviment akbar tal-imsieħba soċjali u taċ-ċittadini, flimkien mal-parlamenti nazzjonali. B’dan il-mod, il-BĊE jirċievi leġittimità mġedda għal sett usa’ ta’ għanijiet. Ikun jista’ jaħdem b’mod effiċjenti, billi juża s-sett sħiħ ta’ għodod tiegħu biex jaħdem lejn sett ċar u politikament definit ta’ objettivi ta’ politika, iggwidat minn istituzzjonijiet demokratiċi. Il-BĊE huwa istituzzjoni pubblika u jista’ jintalab jgħin lill-Istati Membri jiffinanzjaw lilhom infushom fi żminijiet meta r-rati tal-imgħax jogħlew, jew minn perspettiva ta’ stabbiltà tal-prezzijiet jew ta’ impjieg, billi jiffokaw fuq ir-rati tal-imgħax u l-firxiet u permezz ta’ għodod monetarji mmirati.

Brussell, l-20 ta’ Ottubru 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza — X’jaħdem u x’ma jaħdimx? (2021) (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 1).

(2)  Il-Bord Fiskali Ewropew (2019): Assessment of EU fiscal rules with a focus on the six and two-pack legislation. (Il-valutazzjoni tar-regoli fiskali tal-UE b’enfasi fuq il-leġiżlazzjoni tas-“six-pack” u tat-“two-pack”).

(3)  Kummissjoni Ewropea, Tbassir Ekonomiku Ewropew, Rebbiegħa 2021.

(4)  Bord Fiskali Ewropew (2020): Rapport Annwali 2020.

(5)  Finance Watch (2021), Fiscal Mythology Unmasked. Debunking eight tales about European public debt and fiscal rules.

(6)  ĠU C 353, 18.10.2019, p. 32; ĠU C 123, 9.4.2021, p. 12, u ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227.

(7)  Commission Staff Working Document (2020), Identifying Europe’s recovery needs, SWD(2020) 98 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(8)  Rapporti ta’ Monitoraġġ Fiskali tal-FMI, April 2021.

(9)  Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn, Kummissjoni Ewropea, Frar 2021.

(10)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227.

(11)  ĠU C 123, 9.4.2021, p. 12.

(12)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227.

(13)  Crespy, Amandine u Vanheuverzwijn, Pierre (2019), “What Brussels means by structural reforms: empty signifier or constructive ambiguity?”, Comparative European Politics, Vol. 17, Ħarġa 1, pp. 92–111; Hacker, Björn (2019): A European Social Semester? The European Pillar of Social Rights in Practice. Brussell, ETUI.

(14)  Ara wkoll il-Bord Fiskali Ewropew (2019).

(15)  Kummissjoni Ewropea (2016), Report on Public Finances in EMU 2016, Dokument Istituzzjonali Nru 045; J-M Fournier (2016), The positive effect of public investment on potential growth, Dipartiment tal-Ekonomija tal-OECD, Dokument ta’ Ħidma Nru 1347.

(16)  Fiscal Monitor tal-FMI (2020), Policies for the Recovery.

(17)  H. Bardt, S. Dullien, M. Hüther u K. Rietzler (2020), For a sound fiscal policy. Enabling public investments, Dokument ta’ politika tal-IW Nru 6/2020, Institut der deutschen Wirtschaft (IW), Köln.

(18)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227.

(19)  A. Truger (2020), Reforming EU Fiscal Rules: More Leeway, Investment Orientation and Democratic Coordination, Intereconomics, 55(5).

(20)  Ara wkoll P. Bom u J. Ligthart (2014), What have we learned from three decades of research on the productivity of public capital?, Journal of Economic Surveys, 28(5), 889-916.

(21)  J. Valero (2019), New investment clause fails to win EU member state support, Euractiv. Ara l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni (2015) L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir, COM(2015) 012 final.

(22)  Kummissjoni Ewropea (2015).

(23)  Kummissjoni Ewropea (2021), Guidance to Member States. Recovery and resilience plans, SWD(2021) 12 final, part 2/2 (mhux disponibbli bil-Malti).

(24)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 103.

(25)  A. Truger (2015), Austerity, cyclical adjustment and the remaining leeway for expansionary fiscal policies within the current EU fiscal framework, Journal for a Progressive Economy, 6, 32-37.

(26)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227.

(27)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227.

(28)  Il-Bord Fiskali Ewropew (2020).

(29)  Il-Bord Fiskali Ewropew (2020).

(30)  Kummissjoni Ewropea (2021): Il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna COM(2021) 500 final.

(31)  Kummissjoni Ewropea (2021): Sena mit-tifqigħa tal-COVID-19: rispons tal-politika fiskali, COM(2021) 105 final.

(32)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227.

(33)  Riżoluzzjoni tal-KESE dwar L-involviment tas-soċjetà ċivili organizzata fil-Pjani Nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza — X’jaħdem u x’ma jaħdimx? (2021) (ĠU C 155, 30.4.2021, p. 1).

(34)  ĠU C 429, 11.12.2020, p. 227.


Top