EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021DC0455

Proposta għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar it-tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva

COM/2021/455 final

Brussell, 5.8.2021

COM(2021) 455 final

2021/0255(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar it-tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

{SWD(2021) 219 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

L-aċċess ugwali għal kulħadd għal edukazzjoni ta’ kwalità għolja huwa kruċjali kemm għall-progress ekonomiku kif ukoll għal dak soċjali. Il-politika tal-edukazzjoni jenħtieġ li tippermetti liċ-ċittadini kollha jiksbu l-potenzjal sħiħ tagħhom u jiżviluppaw il-kompetenzi tagħhom permezz tat-tagħlim tul il-ħajja. Dan huwa messaġġ ewlieni ta’ dan li ġej: il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni L-istabbiliment tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 1 ; il-viżjoni għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 2 ; il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 3 ; ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) 4 ; u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-ekwità u l-inklużjoni fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jiġi promoss is-suċċess edukattiv għal kulħadd 5 . Il-kisba ta’ dan l-objettiv saret saħansitra aktar urġenti fid-dawl tal-isfidi għall-edukazzjoni li saru ċ-ċentru tal-attenzjoni matul il-pandemija tal-COVID‑19.

(1)Sfidi li jridu jiġu indirizzati mir-rakkomandazzjoni proposta

L-għeluq ta’ siti li jservu ta’ skejjel u restrizzjonijiet usa’ fis-soċjetà minħabba l-pandemija tal-COVID-19 enfasizzaw l-aspetti b’saħħithom u d-dgħufijiet eżistenti tal-edukazzjoni primarja u sekondarja, inklużi l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (VET). Is-sistemi tal-edukazzjoni u taħriġ urew kapaċità enormi li jinnovaw u li jadottaw approċċi ġodda 6 iżda wkoll nuqqasijiet sinifikanti minħabba li ma kinux lesti biex jieħdu vantaġġ minn ambjenti u għodod ta’ tagħlim differenti.

Għall-istudenti, il-proċess ta’ tagħlim spiss kien aktar bil-mod u anqas profond, u xi drabi ġie ttardjat. Ġeneralment dan sar aktar diffiċli minħabba n-nuqqas ta’ attendenza sistematika fil-klassi u ta’ ritmu, u interazzjoni mill-qrib mal-għalliema u studenti oħra.

Il-benesseri fiżiku, mentali u emozzjonali kien kompromess f’ċerti każijiet peress li ħafna skejjel ma setgħux joffru attivitajiet strutturati jew aċċess għall-faċilitajiet, u s-saħħa u l-motivazzjoni tat-tfal iddependew fuq dak li jistgħu jipprovdu l-familji 7 u l-ambjent domestiku tagħhom.

Ħafna familji u studenti, b’mod partikolari dawk minn gruppi żvantaġġati, ma kellhomx il-kapaċità u r-riżorsi meħtieġa biex ilaħħqu mat-tagħlim fid-dar 8 . Dan wassal għal tħassib kbir għall-istudenti li normalment jirċievu appoġġ immirat għat-tagħlim fl-iskola, ikliet sussidjati u tajbin għas-saħħa 9 , jew aċċess għal varjetà ta’ attivitajiet ekstrakurrikulari, inklużi attivitajiet fiżiċi.

Ħafna sistemi, skejjel u edukaturi ma kinux lesti għal bidla bħal din kemm f’termini ta’ kompetenza diġitali kif ukoll ta’ riżorsi, inklużi l-konnettività u l-infrastruttura 10 . Xi għalliema tal-primarja u tas-sekondarja rrapportaw li ma kellhomx gwida u komunikazzjoni ċari mill-awtoritajiet pubbliċi. Huma rrapportaw ukoll nuqqas ta’ appoġġ u taħriġ dwar it-tfassil tat-tagħlim għal żminijiet meta l-istudenti kollha, jew il-biċċa l-kbira tagħhom, kienu se jkunu qed jitgħallmu mid-dar.

Il-professjonisti importanti tal-edukazzjoni – l-ispeċjalisti li jagħmlu żjarat, l-uffiċjali ta’ kollegament mad-djar, l-edukaturi f’organizzazzjonijiet kulturali, kif ukoll il-ħarrieġa u t-tuturi f’tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol – u r-riżorsi tagħhom ma setgħux jibqgħu jaċċessaw l-iskejjel.

Ix-xjenza, is-suġġetti tal-kurrikulu tal-arti u l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali kollha ġew imfixkla, minħabba d-dipendenza tagħhom fuq l-aċċess għal spazji, laboratorji u tagħmir partikolari u fuq is-superviżjoni minn professjonisti mħarrġa, tipikament kemm għal raġunijiet pedagoġiċi kif ukoll għal raġunijiet ta’ sikurezza.

L-iskejjel iffaċċjaw sfidi fiż-żamma tal-benefiċċji personali u soċjali li huma derivati milli persuna tkun parti minn komunità ta’ skola meta ma kellhomx preżenza fuq il-post.

L-isforz lejn viżjoni ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità aħjar u inklużivi bl-ebda mod ma huwa limitat għall-kuntest tal-COVID-19. L-isfidi attwali għat-tfassil tal-edukazzjoni u t-taħriġ għadhom: il-bini ta’ esperjenzi ta’ tagħlim sinifikanti f’ambjenti differenti u għal studenti ta’ etajiet, ħiliet u ċirkostanzi differenti; l-appoġġ għall-iżvilupp ta’ kompetenza wiesgħa xieraq għall-ħtiġijiet tal-istudenti għas-soċjetà globali llum u fil-futur; l-appoġġ għall-benesseri; u l-appoġġ lill-edukaturi u lill-iskejjel biex jadattaw u jkomplu jtejbu l-approċċi organizzattivi u pedagoġiċi tagħhom stess, għall-benefiċċju tal-istudenti kollha. Sabiex jiġu indirizzati dawn l-isfidi u tittejjeb il-kapaċità, approċċ ta’ tagħlim imħallat jeħtieġ approċċ koerenti mis-sistema tal-edukazzjoni u taħriġ kollha kemm hi bħala parti minn kultura ta’ titjib kontinwu.

(2)L-objettivi tar-rakkomandazzjoni proposta

Din ir-rakkomandazzjoni proposta hija parti mir-reazzjoni immedjata għat-tagħlimiet meħuda mill-pandemija tal-COVID-19, meta ħafna sfidi u inugwaljanzi li kienu jeżistu minn qabel ġew aggravati u nxteħet dawl fuqhom. Ir-rakkomandazzjoni tipproponi miżuri għal perjodu ta’ żmien iqsar biex jiġu indirizzati l-aktar lakuni urġenti osservati sa issa u jingħelbu l-effetti fuq il-ġenerazzjoni żagħżugħa. Fl-istess ħin, se tiddeskrivi t-triq ’il quddiem għat-taħlit ta’ ambjenti u għodod ta’ tagħlim fl-edukazzjoni primarja u sekondarja li jistgħu jgħinu biex jinbnew sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ aktar reżiljenti, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 u maż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, u biex titħejja t-triq biex jintlaħqu l-objettivi tad-Deċennju Diġitali 11 . L-għan huwa li jiżdiedu l-inklużività u l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ u li jittejjeb l-iżvilupp tal-kompetenza wiesgħa tal-istudenti kollha.

Ir-rakkomandazzjoni proposta ma tippromwovix l-integrazzjoni tal-preżenza mnaqqsa tal-edukaturi fit-tagħlim, u lanqas ma tħeġġeġ li jitqattgħu aktar sigħat quddiem skrin. Barra minn hekk, ma taħdimx lejn is-sostituzzjoni f’daqqa u indiskriminata tat-teknoloġiji tal-istampar, tal-karti u tal-lapsijiet mit-teknoloġiji diġitali fl-edukazzjoni primarja u sekondarja 12 . Proliferazzjoni ta’ pjattaformi u mezzi ta’ komunikazzjoni tista’ żżid ir-riskju ta’ għeja diġitali u ta’ burnout organizzazzjonali għall-istudenti, l-edukaturi u l-ġenituri. Minflok, bħala parti mill-irkupru mill-pandemija tal-COVID-19, ir-rakkomandazzjoni proposta tfittex li tappoġġa l-evoluzzjoni u t-titjib kontinwi ta’ edukazzjoni fl-iskola bbilanċjata sew (f’termini ta’ pedagoġija kif ukoll materjali ta’ tagħlim) li tippromwovi kwalità għolja u inklużività, bil-benefiċċju addizzjonali li tkun reżiljenti biżżejjed biex tkampa u tadatta.

(3)Dispożizzjonijiet speċifiċi tar-rakkomandazzjoni

It-tagħlim imħallat fl-edukazzjoni u t-taħriġ formali jseħħ meta skola, edukatur jew student jieħdu aktar minn approċċ wieħed għall-proċess ta’ tagħlim:

it-taħlit tal-ambjenti ta’ sit ta’ skola u tagħlim mill-bogħod; kif ukoll

it-taħlit ta’ għodod differenti għat-tagħlim li jistgħu jkunu diġitali (inkluż online) u mhux diġitali bħala parti mill-kompiti ta’ tagħlim.

Sabiex jiġi żgurat l-aħjar użu tat-tagħlim imħallat, l-għalliema u l-istudenti jridu jkunu mgħammra bl-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet meħtieġa, u jkunu riċettivi għall-użu ta’ għodod diġitali xierqa u għal bidliet fit-tagħlim. L-approċċ ta’ tagħlim imħallat jeħtieġ ukoll li jkun flessibbli biżżejjed biex jippermetti l-adattament għall-ħtiġijiet tal-istudenti u l-libertà tal-edukaturi li jadattawh skont il-kuntest u l-udjenza tagħhom. Il-ħolqien ta’ kundizzjonijiet li jippromwovu t-tagħlim imħallat jiddependi wkoll fuq ir-riżorsi tal-istudenti u l-organizzazzjoni, il-kultura u r-riżorsi tal-iskola, jiġifieri l-aċċess għal ambjenti u għodod xierqa, bi prezz affordabbli u li jiffunzjonaw tajjeb. Biex jinkiseb dan, din ir-rakkomandazzjoni proposta tenfasizza l-ħtieġa li tittieħed azzjoni f’diversi livelli (l-iskola u l-ekosistema lokali tagħha; il-livell tas-sistema tal-edukazzjoni ta’ Stat Membru jew reġjonali; appoġġ kif xieraq fil-livell tal-UE) u għal perjodi ta’ żmien differenti: fuq medda qasira ta’ żmien bħala reazzjoni immedjata għall-pandemija u fuq medda medja ta’ żmien biex dan l-approċċ jintuża għall-promozzjoni ta’ edukazzjoni ta’ kwalità u inklużiva.

(4)Komplementarjetà ma’ inizjattivi oħra

Ir-rakkomandazzjoni proposta hija mfassla biex tikkomplementa inizjattivi oħrajn tal-Kummissjoni li se jindirizzaw sfidi relatati għall-edukazzjoni fl-iskejjel, jiġifieri l-azzjonijiet ippreżentati fil-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 13 u l-inizjattiva Perkorsi għas-Suċċess fl-Iskola taħt iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni biex jgħinu lill-istudenti kollha jilħqu l-profiċjenza fil-ħiliet bażiċi u jtemmu l-edukazzjoni sekondarja tat-tieni livell, l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 14 , u b’mod partikolari r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-VET 15 , li tipproponi viżjoni ta’ politika tal-UE dwar il-VET immodernizzata, inkluż id-diġitalizzazzjoni tagħhom u l-użu ta’ tagħlim imħallat. Ir-rakkomandazzjoni proposta tikkomplementa wkoll inizjattivi oħra taħt il-programm Erasmus+, inklużi l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

·Bażi ġuridika

L-inizjattiva hija konformi mal-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. L-Artikolu 165 jistipula li l-Unjoni trid “tikkontribwixxi għall-iżvilupp ta’ edukazzjoni ta’ kwalità billi tinkoraġġixxi koperazzjoni bejn l-Istati Membri u, jekk ikun meħtieġ, billi tappoġġa u tissupplimenta l-azzjonijiet tagħhom, filwaqt li tirrispetta għal kollox ir-responsabbiltà ta’ l-Istati Membri għal dak li hu kontenut ta’ tagħlim u l-organizzazzjoni ta’ sistemi ta’ edukazzjoni” tagħhom. L-Artikolu 165(2) jispeċifika wkoll li l-azzjoni tal-Unjoni fl-edukazzjoni se tkun immirata, parzjalment, fl-inkoraġġiment tal-iżvilupp ta’ edukazzjoni mill-bogħod. L-Artikolu 166 jipprevedi li l-Unjoni trid timplimenta politika ta’ taħriġ vokazzjonali biex tappoġġa u tissupplimenta l-azzjoni tal-Istati Membri, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ ir-responsabbiltà tal-Istati Membri għall-kontenut u l-organizzazzjoni tat-taħriġ vokazzjonali.

L-inizjattiva ma tipproponi l-ebda estensjoni tas-setgħa regolatorja tal-UE jew impenji vinkolanti fuq l-Istati Membri. L-Istati Membri se jiddeċiedu, skont iċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom, kif se jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni.

·Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-Istati Membri għandhom il-kultura u l-leġiżlazzjoni tagħhom għat-tfassil u l-organizzazzjoni tat-tagħlim. Huma responsabbli bis-sħiħ għall-kontenut tat-tagħlim u għall-organizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom. Madankollu, l-Istati Membri jiffaċċjaw għadd ta’ kwistjonijiet komuni relatati mat-tħejjija tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, kif muri mill-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 fuq l-istudenti, il-familji tagħhom, l-għalliema, il-ħarrieġa u l-mexxejja tal-istituzzjonijiet. Ir-rakkomandazzjoni timmira li tappoġġa lill-Istati Membri fit-tisħiħ tat-tħejjija u r-reżiljenza tas-sistemi tal-edukazzjoni u taħriġ tagħhom, permezz tal-iżvilupp ta’ approċċi ta’ tagħlim imħallat ibbilanċjati tajjeb.

Il-valur miżjud ta’ din ir-rakkomandazzjoni proposta fil-livell tal-UE jinsab fil-kapaċità tal-UE li:

tiffaċilita approċċ komuni lejn soluzzjonijiet fuq medda qasira ta’ żmien għal problemi ffaċċjati matul il-pandemija li wasslu għal jew aggravaw lakuni relatati mal-eżiti tat-tagħlim;

tippromwovi fehim Ewropew komuni tal-opportunitajiet maħluqa mit-tagħlim imħallat, inkluż it-titjib tal-kwalità u l-inklużività tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u l-iżvilupp ta’ kompetenzi wiesgħa u l-benesseri tal-istudenti;

tiffaċilita l-kondiviżjoni tal-għarfien espert ta’ min ifassal il-politika, tar-riċerkaturi u tal-edukaturi u tal-aħjar prattiki fil-livelli tas-sistema u tal-iskejjel;

tappoġġa inizjattivi fil-livell tal-UE biex trawwem l-iżvilupp tal-kompetenzi tal-edukaturi u tal-istudenti f’ambjenti u għodod ta’ tagħlim imħallat; kif ukoll

tħeġġeġ l-investiment fl-oqsma ta’ hawn fuq.

F’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-proposta tiddeskrivi t-triq ’il quddiem għall-ambjenti u għall-għodod tat-tagħlim imħallat fl-edukazzjoni primarja u sekondarja u tagħmel rakkomandazzjonijiet għal dan il-għan.

·Proporzjonalità

La l-kontenut u lanqas il-forma ta’ din ir-rakkomandazzjoni proposta ma jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi tagħha. L-impenji li l-Istati Membri se jieħdu huma ta’ natura volontarja u kull Stat Membru jibqa’ liberu li jiddeċiedi dwar liema approċċ għandu jieħu.

·Għażla tal-istrument

Sabiex jikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi msemmija fl-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, it-Trattat jipprevedi l-adozzjoni mill-Kunsill ta’ rakkomandazzjonijiet, wara proposta mill-Kummissjoni.

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill hija strument xieraq fil-qasam tal-edukazzjoni u taħriġ, fejn l-UE għandha responsabbiltà ta’ appoġġ, u hija strument li ta’ spiss intuża għal azzjoni Ewropea f’dawn l-oqsma. Bħala strument legali, tissenjala l-impenn tal-Istati Membri lejn il-miżuri ppreżentati u tipprovdi bażi politika aktar b’saħħitha għall-kooperazzjoni f’dan il-qasam, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ l-awtorità tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

·Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Mhux applikabbli.

·Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Matul l-2020 u l-2021, il-Kummissjoni Ewropea kkonsultat lil rappreżentanti tal-ministeri għall-edukazzjoni, organizzazzjonijiet ta’ networks Ewropej (edukaturi tal-għalliema, ġenituri, studenti, min iħaddem, trade unions), edukaturi, u membri oħrajn tal-pubbliku. Approċċi u kuntesti addizzjonali kienu utli biex wieħed jifhem aħjar l-isfidi u l-possibbiltajiet f’dan il-qasam: laqgħat online u webinars; stħarriġ lil udjenzi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ fl-iskejjel fil-mira; u proġetti ta’ riċerka.

Fażi importanti kienet il-konsultazzjoni pubblika miftuħa minn Frar sa Settembru 2020 bħala parti mill-ħidma preparatorja għall-Komunikazzjoni dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027. Din iffokat fuq l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19 u ġabret aktar minn 2 700 tweġiba minn 60 pajjiż. Saret ukoll konsultazzjoni mat-tfal tal-iskola Ewropej permezz tal-komunità online eTwinning ta’ għalliema u mexxejja tal-iskejjel.

·Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Il-proposta hija bbażata fuq firxa wiesgħa ta’ rapporti u studji dwar: approċċi pedagoġiċi għall-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin; l-iżvilupp professjonali tal-għalliema u l-kapijiet tal-iskejjel; l-użu tat-teknoloġija diġitali fl-edukazzjoni tal-iskola; u l-governanza tal-edukazzjoni tal-iskola. Għal aspetti speċifiċi, tliet konsulenti esperti li tqabbdu taħt il-qafas tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020 16 taw kontribut ukoll. Ir-rieżami ħa nota tar-rapporti u tal-istudji mill-OECD, mill-UNESCO u mill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll tal-ħidma taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea (speċjalment fil-qasam tal-approċċi pedagoġiċi għall-iżvilupp tal-kompetenzi ewlenin, l-użu tat-teknoloġija diġitali fl-edukazzjoni fl-iskejjel, u l-esperjenzi ta’ tagħlim tat-tfal u tal-familji matul l-istadji bikrija tal-pandemija). Din l-informazzjoni hija inkluża fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjaha.

·Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba l-approċċ komplementari tal-attivitajiet għall-inizjattivi tal-Istati Membri, in-natura volontarja tal-attivitajiet proposti u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-impatti mistennija, ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt. L-iżvilupp tal-proposta kien infurmat minn studji preċedenti, il-konsultazzjoni mal-Istati Membri u l-konsultazzjoni pubblika.

·Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Mhux applikabbli.

·Drittijiet fundamentali

Din ir-rakkomandazzjoni proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri d-dritt tal-edukazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 14, u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali, stabbilit fl-Artikolu 8. Id-data personali trid tiġi pproċessata b’mod ġust għal skopijiet speċifiċi, abbażi tal-kunsens tal-persuna kkonċernata jew ta’ xi bażi leġittima oħra stabbilita mil-liġi; barra minn hekk, kulħadd għandu d-dritt ta’ aċċess għad-data li tkun inġabret dwaru, u d-dritt li tiġi rettifikata. Il-miżuri se jitwettqu f’konformità mal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 17 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data).

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din l-inizjattiva mhux se teħtieġ riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

·Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Biex tappoġġa l-implimentazzjoni, il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, materjal ta’ gwida speċifiku, manwali u materjali konkreti oħrajn, abbażi ta’ evidenza, attivitajiet ta’ tagħlim bejn il-pari u identifikazzjoni ta’ prattiki tajba. Dawn se jimlew il-lakuni identifikati fl-appoġġ għall-iżvilupp ta’ approċċ ta’ tagħlim imħallat fil-livell tal-iskola u tas-sistema.

Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li tirrapporta dwar l-użu tar-rakkomandazzjoni fil-kuntest tal-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn minnha.

·Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhux applikabbli.

·Deskrizzjoni tar-rakkomandazzjoni u tad-dokument ta’ ħidma tal-persunal

L-abbozz ta’ rakkomandazzjoni jipproponi gwida u azzjoni li jistgħu jiġu segwiti mill-Istati Membri sabiex jindirizzaw il-konsegwenzi fuq perjodu ta’ żmien qasir tal-pandemija, u għal approċċ ta’ tagħlim imħallat ibbilanċjat u mmirat tajjeb biex iwassal għal edukazzjoni primarja u sekondarja inklużiva ta’ kwalità għolja. Jistabbilixxi l-impenn tal-Kummissjoni Ewropea li tikkomplementa u tappoġġa l-azzjonijiet tal-Istati Membri f’dan il-qasam.

Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah jiddeskrivi firxa wiesgħa ta’ evidenza minn riċerka riċenti flimkien mal-opinjonijiet u l-esperjenzi tal-partijiet ikkonċernati Ewropej sabiex tiġi appoġġata r-rakkomandazzjoni proposta u jiġu pprovduti eżempji ta’ politiki u proġetti eżistenti f’qasam li qed jiżviluppa b’mod rapidu.

2021/0255 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar it-tagħlim imħallat għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità għolja u inklużiva

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-pandemija tal-COVID-19 affettwat u poġġiet pressjoni bla preċedent fuq is-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ madwar id-dinja u madwar l-Unjoni. Ir-restrizzjonijiet fis-soċjetà ġabu bidliet kbar fit-tagħlim kif ukoll fil-komunikazzjoni u fil-kollaborazzjoni fi ħdan il-komunitajiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ. 18 Dawn kellhom impatt fuq l-istudenti, il-familji tagħhom, l-għalliema, il-ħarrieġa, u l-mexxejja tal-istituzzjonijiet, kif ukoll fuq il-professjonisti fil-komunità li jappoġġaw l-edukazzjoni, bħall-ħaddiema soċjali u l-edukaturi kulturali. L-Istati Membri setgħu jimmobilizzaw malajr l-għażliet u l-appoġġ għat-tagħlim mill-bogħod, b’mod partikolari s-soluzzjonijiet diġitali. Ġew meħuda tagħlimiet dwar opportunitajiet ġodda għall-edukazzjoni, inkluża ż-żieda sinifikanti fil-kompetenzi diġitali tal-għalliema u rabtiet aktar mill-qrib bejn l-iskejjel u l-komunità usa’. Madankollu, ħafna Stati Membri esperjenzaw nuqqasijiet fis-sistema b’nuqqas mifrux ta’ tlestija u riżorsi għall-bidla lejn approċċ differenti għat-tagħlim u l-apprendiment, li enfasizza u aggrava l-inugwaljanzi, id-diskrepanzi u l-ħtiġijiet eżistenti. Is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jindirizzaw dawn u jtejbu wkoll ir-reżiljenza tagħhom, biex ikampaw u jadattaw aħjar għaċ-ċirkostanzi li qed jinbidlu fil-futur.

(2)Il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 jiddeskrivi l-viżjoni tal-Kummissjoni Ewropea għal edukazzjoni diġitali ta’ kwalità għolja, inklużiva u aċċessibbli fl-Ewropa. Huwa sejħa għall-azzjoni għal kooperazzjoni aktar b’saħħitha fil-livell Ewropew biex jittieħdu tagħlimiet mill-pandemija tal-COVID-19 u s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jsiru aktar adattati għall-era diġitali. Dan jenfasizza l-potenzjal tat-teknoloġija li tiffaċilita tagħlim aktar personalizzat, flessibbli u ffukat fuq l-istudenti. Ifittex li jindirizza l-inugwaljanzi fl-edukazzjoni meta jkun hemm nuqqas ta’ kompetenza diġitali, aċċess għal għodod xierqa, u konnettività online affidabbli. Il-pjan jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità diġitali fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

(3)Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 19 jiddikjara bħala l-ewwel prinċipju tiegħu li kulħadd għandu d-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużivi sabiex iżomm u jikseb ħiliet li jippermettu parteċipazzjoni sħiħa fis-soċjetà u tranżizzjonijiet b’suċċess fis-suq tax-xogħol. Il-prinċipju 11 tal-Pilastru jiddikjara li t-tfal li ġejjin minn ambjent żvantaġġat għandhom id-dritt għal miżuri speċifiċi biex jissaħħu l-opportunitajiet indaqs. L-implimentazzjoni effettiva ta’ dawk il-prinċipji tiddependi ħafna fuq id-determinazzjoni u l-azzjoni tal-Istati Membri. L-azzjonijiet fil-livell tal-UE jistgħu jikkomplementaw l-azzjonijiet nazzjonali u l-Kummissjoni ppreżentat il-kontribut tagħha fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. 20 L-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa 21 tiddefinixxi azzjonijiet li jgħinu lill-individwi u lin-negozji jiżviluppaw u jużaw aktar ħiliet u ħiliet aħjar, billi jsaħħu l-kompetittività sostenibbli u jibnu r-reżiljenza biex jirreaġixxu għall-kriżijiet, abbażi tat-tagħlimiet meħuda matul il-pandemija tal-COVID-19; tipproponi wkoll li titrawwem l-edukazzjoni xjentifika fl-azzjonijiet ta’ riċerka u innovazzjoni. Ir-rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal tistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess effettiv u mingħajr ħlas għall-edukazzjoni u l-attivitajiet ibbażati fl-iskola għat-tfal fil-bżonn (jiġifieri f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali). L-Istrateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal titlob li titfassal edukazzjoni inklużiva ta’ kwalità. It-trawwim tal-iżvilupp tal-kompetenzi huwa wieħed mill-għanijiet ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni li tkun tista’ tagħmel l-aqwa użu mill-“potenzjal sħiħ tal-edukazzjoni u tal-kultura bħala muturi tal-impjiegi, tal-ġustizzja soċjali, taċ-ċittadinanza attiva kif ukoll bħala mezz biex tiġi esperjenzata l-identità Ewropea fid-diversità kollha tagħha.” 22

(4)F’dinja li qed tinbidel b’mod rapidu u interkonnessa ħafna, kull persuna teħtieġ firxa wiesgħa ta’ kompetenzi u li tiżviluppahom kontinwament matul il-ħajja. Il-kompetenzi ewlenin kif definiti fil-Qafas Ewropew ta’ Referenza dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim Tul il-Ħajja 23 għandhom l-għan li jistabbilixxu l-pedament għall-kisba ta’ soċjetajiet aktar ugwali u aktar demokratiċi. Dawn jirreaġixxu għall-ħtieġa ta’ tkabbir inklużiv u sostenibbli, koeżjoni soċjali u żvilupp ulterjuri tal-kultura demokratika.

(5)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja 24 tiddikjara li l-iżvilupp tal-kompetenzi huwa ffaċilitat bl-inklużjoni ta’ varjetà ta’ ambjenti u għodod ta’ tagħlim, inkluż it-teknoloġija diġitali, u kompiti fit-tfassil tat-tagħlim; l-għoti ta’ appoġġ lill-persunal edukattiv kif ukoll lil partijiet ikkonċernati oħrajn li jappoġġaw il-proċessi ta’ tagħlim, inklużi l-familji; l-appoġġ u l-iżvilupp ulterjuri tal-valutazzjoni u l-validazzjoni tal-kompetenzi ewlenin miksuba f’kuntesti differenti; u t-tisħiħ tal-kollaborazzjoni fl-edukazzjoni u bejn l-edukazzjoni u oqsma oħra bħala programm ta’ azzjoni aktar komprensiv.

(6)Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (VET) għall-kompetittività sostenibbli, il-ġustizzja soċjali u r-reżiljenza 25 tipproponi viżjoni ta’ politika tal-UE dwar il-VET immodernizzata, inkluż id-diġitalizzazzjoni tagħhom u l-użu ta’ tagħlim imħallat.

(7)Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-għalliema u l-ħarrieġa Ewropej għall-futur 26 jirrikonoxxu li l-għalliema, il-ħarrieġa u l-mexxejja tal-iskejjel huma mutur indispensabbli tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jenħtieġ li jkunu involuti fil-ħolqien ta’ politiki tal-edukazzjoni u t-taħriġ b’awtonomija fl-applikazzjoni ta’ dawn il-politiki fil-prattika iżda li jeħtieġu wkoll l-appoġġ ta’ approċċ komprensiv għall-edukazzjoni inizjali, l-induzzjoni u l-iżvilupp professjonali kontinwu.

(8)Il-pandemija kabbret it-tħassib li ilu jeżisti għall-benesseri fiżiku, mentali u emozzjonali tat-tfal u taż-żgħażagħ. It-tfal u ż-żgħażagħ kollha jenħtieġ li jiġu appoġġati biex igawdu stil ta’ ħajja b’saħħtu u attiv, billi jiġu mħeġġa drawwiet pożittivi tul il-ħajja, u jkollhom l-opportunità li jipparteċipaw f’firxa ta’ attivitajiet sportivi u fiżiċi oħra, li jtejbu l-ħiliet motorji u jagħtu spinta lill-benesseri mentali u emozzjonali. It-tfal u ż-żgħażagħ jeħtieġu wkoll appoġġ għall-benesseri mentali u emozzjonali tagħhom matul it-tagħlim, inklużi kompiti ta’ tagħlim taħt pressjoni akbar u l-fehim tal-imġiba sikura u responsabbli online. Huwa meħtieġ ukoll appoġġ għal dawk l-istudenti li jqattgħu perjodi ta’ ħin twal ’il bogħod mill-appoġġ mill-pari tagħhom jew mill-persunal tal-iskola.

(9)It-tagħlim imħallat fl-edukazzjoni u taħriġ formali jseħħ meta skola, edukatur jew student jieħdu aktar minn approċċ wieħed għall-proċess ta’ tagħlim: it-taħlit tas-sit tal-iskola u ta’ ambjenti fiżiċi oħrajn lil hinn mis-sit tal-iskola (tagħlim mill-bogħod); it-taħlit ta’ għodod differenti għat-tagħlim li jistgħu jkunu diġitali (inkluż online) u mhux diġitali. Bil-ġudizzju professjonali tagħhom, l-għalliema u l-iskejjel se jagħżlu u se jiffaċilitaw l-użu tagħhom bħala parti minn kompiti ta’ tagħlim effettivi u li jinvolvu lill-istudenti, li jappoġġaw l-iżvilupp wiesa’ tal-kompetenzi.

(10)It-tagħlim f’ambjenti differenti, inkluż is-sit tal-iskola, id-dar, l-apert, is-siti kulturali, u l-postijiet tax-xogħol jista’ jkun ta’ motivazzjoni għat-tfal u għaż-żgħażagħ u jtejjeb l-iżvilupp tal-kompetenzi wiesgħa tagħhom. Dan min-naħa tiegħu jista’ jgħinhom jifhmu u jiġu mmotivati mir-rilevanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali għal ħajjithom fis-soċjetà u jżid l-involviment tagħhom fl-isfidi lokali u globali, pereżempju dawk relatati mal-ambjent u t-tibdil fil-klima.

(11)Approċċ ta’ tagħlim imħallat jirrikonoxxi l-valur tal-iskola bħala spazju kondiviż għall-interazzjoni personali u soċjali, li hu nnifsu huwa importanti għat-tagħlim bħala mod kif nifhmu u nagħmlu sens mid-dinja.

(12)Approċċ ta’ tagħlim imħallat jista’ jtejjeb l-iżvilupp tal-kompetenzi wiesgħa, minħabba l-varjetà ta’ kompiti u għodod ta’ tagħlim li jista’ jinvolvi. L-użu tat-teknoloġija diġitali, inkluż il-konnessjoni ta’ apparati online, jista’ jiffaċilita l-interazzjoni tal-istudent ma’ studenti oħra, programmi ta’ tagħlim, u sorsi oħra ta’ informazzjoni, u jista’ jappoġġa t-tagħlim f’ambjenti differenti. L-użu komplementari tat-tagħmir xjentifiku, l-għodod tas-snajja’, realja (oġġetti misjuba u użati fil-ħajja ta’ kuljum), testi ppubblikati, u għodod tal-kitba u tal-arti viżiva jista’ jappoġġa l-kreattività u l-espressjoni personali, kemm fuq livell individwali kif ukoll f’kollaborazzjoni.

(13)L-edukazzjoni hija dritt fundamentali tal-bniedem u dritt tat-tfal. L-aċċess għaliha jrid jiġi ggarantit, indipendentement mill-ambjent li fih isseħħ – is-sit tal-iskola, mill-bogħod, jew taħlita tat-tnejn – u indipendentement miċ-ċirkostanzi personali u soċjali differenti tal-istudenti. Lil hinn mill-pandemija, approċċ ta’ tagħlim imħallat huwa opportunità biex jittejbu l-kwalità, ir-rilevanza u l-inklużività tal-edukazzjoni u t-taħriġ, bħall-provvista ta’ tagħlim aħjar f’żoni rurali u remoti, inkluż ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-komunitajiet gżejjer, u għal studenti oħra li ma jistgħux jattendu s-sit tal-iskola full-time: dawk li huma parti minn komunitajiet ta’ vjaġġaturi; persuni żgħażagħ li jindukraw; dawk bi problemi tas-saħħa jew li jgħixu fi sptarijiet u f’ċentri tal-kura; dawk involuti f’taħriġ ta’ prestazzjoni għolja; u dawk f’taħriġ vokazzjonali jew f’xogħol bi ħlas. L-ambjenti u l-għodod kollha jenħtieġ li jkunu aċċessibbli bl-istess mod għall-gruppi ta’ minoranza, għat-tfal b’diżabilità u minn sfondi soċjoekonomikament żvantaġġjati u ma għandhomx iwasslu għal diskriminazzjoni jew segregazzjoni.

(14)It-tagħlim imħallat jeħtieġ approċċ koerenti u mifrux mas-sistema kollha biex jinħolqu l-kundizzjonijiet abilitanti. Dan jinkludi l-involviment ta’ prattikanti b’għarfien espert differenti u l-promozzjoni tal-kollaborazzjoni mal-komunità, li tħeġġeġ responsabbiltà kondiviża għall-iżvilupp taż-żgħażagħ. L-effettività tal-miżuri tas-sistema biex jappoġġaw it-tagħlim imħallat se tiddependi wkoll fuq l-artikolazzjoni u l-appoġġ tar-relazzjonijiet bejn elementi differenti tal-ekosistema, bejn l-awtoritajiet tal-edukazzjoni, l-industrija tar-riżorsi edukattivi (il-provvista ta’ teknoloġija, il-pubblikazzjoni, u tagħmir ieħor tal-kurrikulu), l-istituzzjonijiet u l-komunitajiet tar-riċerka, l-edukazzjoni u t-taħriġ.

(15)It-tagħlim imħallat huwa prattika stabbilita b’mod mifrux fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali 27 , iżda r-restrizzjonijiet tal-pandemija sfidaw il-kapaċità tal-istituzzjonijiet u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u jibqgħu f’komunikazzjoni mal-ħarrieġa u l-mentors kif ukoll iħallu impatt fuq il-provvista ta’ apprendistati. It-tnaqqis fl-aċċess għall-esperjenzi prattiċi enfasizza l-ħtieġa magħrufa għall-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali biex jittieħed vantaġġ mit-teknoloġija diġitali inkluż l-apparati diġitali u l-pjattaformi ta’ tagħlim, il-portafolli elettroniċi u r-Realtà Awmentata u r-Realtà Virtwali għas-simulazzjonijiet. Dan saħħaħ ukoll il-ħtieġa li nifhmu u li nikkoordinaw kif it-teknoloġiji diġitali jintużaw għat-tagħlim f’ambjenti differenti (eż. fuq il-post fl-iskola jew matul l-esperjenzi prattiċi ta’ xogħol).

(16)L-importanza u r-rilevanza tat-tagħlim mhux formali huma evidenti mill-esperjenzi miksuba permezz tax-xogħol taż-żgħażagħ, ix-xogħol volontarju, u l-parteċipazzjoni f’attivitajiet kulturali, inkluż l-isport għad-dilettanti. It-tagħlim mhux formali għandu rwol importanti fl-appoġġ tal-iżvilupp ta’ ħiliet interpersonali, komunikattivi u konjittivi essenzjali inkluż, fost affarijiet oħra, il-kreattività, li jiffaċilitaw it-tranżizzjoni taż-żgħażagħ lejn l-età adulta, iċ-ċittadinanza attiva u l-ħajja tax-xogħol. 28 L-identifikazzjoni ta’ modi ġodda ta’ tagħlim tinkludi kooperazzjoni aħjar bejn ambjenti ta’ tagħlim formali u mhux formali. 29

(17)Din ir-Rakkomandazzjoni tirrispetta bis-sħiħ il-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità.

B’DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI

(1)Abbażi tat-tagħlimiet meħuda fil-kuntest tal-kriżi tal-COVID-19, jappoġġaw l-irkupru u t-tħejjija tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ billi jindirizzaw il-konsegwenzi tal-pandemija fuq l-istudenti, l-edukaturi u l-professjonisti tal-edukazzjoni kollha u jiżviluppaw approċċ strateġiku aktar fit-tul għat-tagħlim imħallat, f’konformità mal-prezzijiet stabbiliti f’din ir-Rakkomandazzjoni 30 . Jibnu fuq innovazzjonijiet ta’ suċċess introdotti jew ittestjati matul il-pandemija biex jikkondividu u jżidu l-iskala tal-prattiki tajbin.

(2)Jappoġġaw lill-istudenti billi jqisu l-miżuri li ġejjin:

Bħala reazzjoni diretta għall-kriżi

(a)Jipprovdu opportunitajiet ta’ tagħlim addizzjonali u appoġġ immirat lill-istudenti li qed jiffaċċjaw diffikultajiet relatati mat-tagħlim, bi ħtiġijiet edukattivi speċjali, minn gruppi żvantaġġjati jew li b’xi mod ieħor kienu affettwati minn tfixkil fl-iskola. Dan jista’ jinkludi, pereżempju, appoġġ individwalizzat imtejjeb u tutoraġġ personali, sistemi ta’ mentoraġġ (inkluż mentoraġġ bejn il-pari), ħin ta’ tagħlim addizzjonali matul is-sena skolastika u/jew il-perjodu tal-vaganzi, aċċess għal ambjenti ta’ tagħlim addizzjonali, bħal libreriji pubbliċi u spazji komunitarji, u għal servizzi ta’ wara l-iskola b’appoġġ pedagoġiku.

(b)Il-prijoritizzazzjoni tal-benesseri fiżiku u mentali tal-istudenti u tal-familji tagħhom. Dan jista’ jinkludi l-iżvilupp ta’ gwida għas-saħħa mentali; l-inklużjoni ta’ politiki dwar il-benesseri tal-istudenti u kontra l-bullying fl-objettivi tal-iskejjel, proċessi ta’ monitoraġġ u assigurazzjoni tal-kwalità (bħala parti minn assigurazzjoni tal-kwalità regolari jew xogħol ta’ spezzjoni fl-iskejjel jew fil-kuntest ta’ valutazzjonijiet speċifiċi tas-sitwazzjoni fl-iskejjel fil-kuntest tal-pandemija); l-assenjazzjoni ta’ persunal dedikat jew l-iffaċilitar tal-aċċess għal professjonisti kwalifikati u servizzi tas-saħħa mentali u ta’ appoġġ.

(c)It-tisħiħ tal-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali tal-istudenti u l-familji u l-kapaċità diġitali tas-sistemi edukattivi billi jiġi mħeġġeġ l-investiment fil-livell tal-iskola u tal-komunità fl-apparat disponibbli, fil-konnettività u billi jiġu pprovduti opportunitajiet biex jiżdiedu l-ħiliet diġitali, inkluż l-użu tat-teknoloġija kemm għat-tagħlim indipendenti kif ukoll għal dak kollaborattiv. L-implimentazzjoni ta’ investimenti u riformi previsti fil-pjanijiet nazzjonali u tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiġi żgurat li l-istudenti kollha jkunu jistgħu jaċċessaw it-tagħmir u l-opportunitajiet ta’ tagħlim meħtieġa.

Biex jiġu appoġġati l-irkupru u t-tħejjija fit-tul tal-edukazzjoni u t-taħriġ:

(3)L-esplorazzjoni ta’ modi biex jiġi żviluppat approċċ ta’ tagħlim imħallat fl-edukazzjoni primarja u sekondarja għall-benefiċċju tal-istudenti kollha u biex jiġi żgurat impatt pożittiv dejjiemi fuq it-tagħlim u l-apprendiment adattati għall-età, il-kapaċità u l-objettivi tat-tagħlim tal-istudenti. Dan jista’ jinkludi t-tisħiħ tal-iżvilupp tat-taħlit tas-sit tal-iskola u tal-ambjenti ta’ tagħlim mill-bogħod sabiex jinħolqu aktar flessibbiltà u kundizzjonijiet xierqa għal fejn isir it-tagħlim, filwaqt li jitqiesu l-ħtiġijiet differenti li jirriżultaw minn kundizzjonijiet soċjoekonomiċi u tal-akkomodazzjoni differenti; it-tisħiħ tal-iżvilupp u l-inkorporazzjoni ta’ għodod għat-tagħlim, sabiex jiġu pprovduti opportunitajiet għall-investigazzjoni u l-espressjoni, inkluż l-iżvilupp tal-litteriżmu xjentifiku; l-appoġġ għat-tagħlim f’ambjenti differenti; il-ħolqien ta’ bilanċ xieraq bejn it-tagħlim immexxi mill-għalliema u mill-istudenti fuq naħa, u t-tagħlim kollaborattiv u indipendenti fuq l-oħra; l-ittestjar ta’ metodi ta’ tagħlim biex opportunitajiet ġodda jsiru attraenti u s-soluzzjonijiet ta’ tagħlim jsiru aħjar kemm għall-istudenti kif ukoll għall-għalliema.

(4)L-użu tat-tagħlim imħallat bħala mod kif jiġu appoġġati l-awtonomija tal-istudenti u t-tagħlim personalizzat (filwaqt li jitqiesu l-età, il-kapaċità, u l-ħtiġijiet speċifiċi tat-tagħlim tal-istudenti), u kif jiġu żviluppati l-kompetenzi Personali, Soċjali u tat-Tagħlim dwar kif Titgħallem (wieħed mit-tmien Kompetenzi Ewlenin għat-Tagħlim tul il-Ħajja 31 u żviluppat aktar fil-qafas Ewropew LifeComp 32 ).

(5)Jappoġġaw lill-għalliema billi jqisu l-miżuri li ġejjin:

Bħala reazzjoni diretta għall-kriżi:

(a)Jappoġġaw korsijiet, programmi u għodod ta’ titjib tal-ħiliet diġitali 33 għall-għalliema. Jiżviluppaw u jxerrdu moduli u riżorsi pedagoġiċi online u fuq il-post biex jgħinu lill-għalliema jadattaw il-metodi ta’ tagħlim tagħhom għal approċċi mħallta, abbażi tal-esperjenza u tar-rispons tagħhom, u jinvolvu lill-għalliema jużaw għodod u materjali ġodda.

(b)Enfasi dejjem akbar fuq il-benesseri tal-edukaturi, tal-mexxejja tal-iskejjel u ta’ persunal edukattiv ieħor. Dan jista’ jinkludi aċċess iffaċilitat għal professjonisti kwalifikati u servizzi tas-saħħa mentali u ta’ appoġġ, il-promozzjoni tal-organizzazzjoni ta’ appoġġ bejn il-pari biex jittaffa l-istress u opportunitajiet ta’ taħriġ imtejba dwar ir-reżiljenza/il-benesseri mentali fi programmi tal-Edukazzjoni Inizjali tal-Għalliema u tal-Iżvilupp Professjonali Kontinwu.

(c)Jimmobilizzaw jew jirreklutaw persunal addizzjonali biex ikun jista’ jingħata aktar ħin għall-appoġġ individwali fl-iskola u fl-attivitajiet ta’ wara l-iskola.

Biex jiġu appoġġati l-irkupru u t-tħejjija fit-tul tal-edukaturi:

(d)Jintegraw it-tfassil ta’ tagħlim imħallat fi programmi tal-Edukazzjoni Inizjali tal-Għalliema 34 u tal-iżvilupp professjonali kontinwu 35 statutorji biex il-persunal edukattiv jiġi megħjun jadatta t-tfassil tat-tagħlim kif xieraq għall-kuntesti professjonali tiegħu u megħjun ikun kompetenti fl-iffaċilitar tat-tagħlim b’firxa ta’ ambjenti ġewwa u barra, għodod u kompiti.

(e)Jipprovdu aċċess għal ċentri ta’ għarfien espert, u għal riżorsi xierqa li jiggwidaw u jtejbu t-tfassil u l-iffaċilitar tat-tagħlim. Jappoġġaw lill-persunal tal-edukazzjoni u t-taħriġ biex jiżviluppa approċċ ta’ tagħlim imħallat fil-kuntesti speċifiċi tiegħu permezz ta’ skambji tal-persunal u tagħlim bejn il-pari, networks, proġetti ta’ kollaborazzjoni, u komunitajiet ta’ prattika.

(f)Jiżviluppaw gwida dwar approċċi ġodda għall-valutazzjoni u l-eżamijiet finali b’għodod xierqa għal valutazzjoni formattiva u kumulattiva li huma xierqa għal livelli differenti ta’ edukazzjoni u taħriġ u li huma validi bl-istess mod għas-siti tal-iskola u għall-ambjenti tat-tagħlim mill-bogħod.

(g)Iħeġġu lill-persunal edukattiv jipparteċipa fi proġetti u riċerka esploratorji, inkluż l-ittestjar tal-użu tal-kompiti f’ambjenti oħrajn ta’ tagħlim u l-użu tat-teknoloġija diġitali biex tappoġġa t-tagħlim.

(6)Jappoġġaw lill-iskejjel billi jqisu l-miżuri li ġejjin:

Bħala reazzjoni diretta għall-kriżi:

(a)Jipprovdu għodod u riżorsi għat-tagħlim imħallat, kif ukoll gwida lill-iskejjel dwar kif dawn jistgħu jintużaw. 36

(b)Jappoġġaw sħubijiet effettivi għall-infrastruttura u r-riżorsi bejn fornituri tal-edukazzjoni differenti, inkluż min-negozji, l-arti, il-wirt kulturali, l-isport, in-natura, l-edukazzjoni għolja, u l-istituti tar-riċerka, l-industrija tar-riżorsi edukattivi (inklużi t-teknoloġija, il-pubblikazzjoni, u tagħmir ieħor tal-kurrikulu) u r-riċerka edukattiva.

(c)Jappoġġaw lill-iskejjel biex jevalwaw l-istrateġiji u l-prattiki ta’ inklużjoni tagħhom u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrimedjaw in-nuqqasijiet, inkluż billi jagħmlu użu mill-għodod tal-UE. 37

Biex jiġi appoġġat l-irkupru fit-tul u tittejjeb il-kapaċità għal bidla organizzazzjonali

(d)Jinvestu f’konnettività tal-internet b’veloċità għolja fis-siti tal-iskola u fl-ambjenti ta’ tagħlim mill-bogħod, li t-tagħlim online jiddependi minnhom.

(e)Iħallu livell suffiċjenti ta’ awtonomija għat-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-livell tal-iskejjel (mill-bordijiet, il-kapijiet u l-mexxejja tal-iskejjel), sabiex jiġu ffaċilitati l-innovazzjoni, ir-reattività u l-adattament għall-ħtiġijiet lokali.

(f)Jappoġġaw lill-mexxejja tal-iskejjel fil-ġestjoni tal-bidla organizzazzjonali bi żvilupp professjonali u gwida ddedikati għar-rwoli tagħhom. Jappoġġaw lill-iskejjel u lill-fornituri tal-edukazzjoni assoċjati biex jirriflettu fuq approċċ ta’ tagħlim imħallat fi ħdan l-ippjanar strateġiku tagħhom, li jista’ jinkludi l-użu ta’ għodod ta’ awtovalutazzjoni.

(g)Jappoġġaw id-djalogu u n-networking bejn firxa ta’ partijiet ikkonċernati involuti kemm fit-tagħlim fis-sit tal-iskola kif ukoll fit-tagħlim mill-bogħod, sabiex jiġu ġġenerati feedback u ideat għall-iżvilupp futur minn sorsi differenti. Dan jenħtieġ li jinkludi wkoll djalogu, gwida u strateġiji għall-protezzjoni tas-sikurezza, is-sigurtà u l-privatezza tat-tfal fid-dinja diġitali.

(h)Jiffukaw parti mill-mekkaniżmi interni u/jew esterni ta’ rieżami u ta’ assigurazzjoni tal-kwalità ta’ skola fuq it-taħlit ta’ ambjenti u għodod ta’ tagħlim, bl-inkorporazzjoni ta’ evalwazzjoni ta’/permezz ta’ fornituri oħra minbarra l-iskola.

(7)Jagħmlu użu sħiħ mill-fondi u mill-għarfien espert tal-UE għar-riformi u l-investiment fl-infrastruttura, l-għodod u l-pedagoġija biex iżidu r-reżiljenza u t-tħejjija għal skejjel lesti għall-futur, b’mod partikolari Erasmus+, il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR), il-Programm Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa u l-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku.

(8)Jinvestu fil-monitoraġġ, fir-riċerka u fl-evalwazzjoni tal-isfidi tal-politika u l-impatt ta’ dawn l-inizjattivi sabiex jibnu fuq it-tagħlimiet meħuda u jinfurmaw ir-riforma futura tal-politika, inkluż billi jibnu fuq l-esperjenzi tal-istudenti kif ukoll fuq id-data miġbura biex jiġu żviluppati l-aħjar prattiki u soluzzjonijiet tal-IA mfassla apposta għal programmi ta’ tagħlim imtejba.

(9)Jipprovdu qafas xieraq għall-implimentazzjoni ta’ din ir-rakkomandazzjoni billi jqisu l-miżuri li jappoġġaw it-tagħlim imħallat fil-pjanijiet ta’ azzjoni nazzjonali għall-implimentazzjoni tal-Garanzija Ewropea għat-Tfal.

B’DAN JISTIEDEN LILL-KUMMISSJONI BIEX:

1.Tappoġġa l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni billi tiffaċilita t-tagħlim reċiproku u l-iskambji bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha permezz ta’:

1.1.il-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ lejn iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u lil hinn (2021-2030) 38 ;

1.2.iċ-Ċentru Ewropew għall-Edukazzjoni Diġitali l-ġdid u d-Djalogu Strateġiku l-ġdid mal-Istati Membri, li se jiġu stabbiliti taħt il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027 biex jappoġġaw il-kollaborazzjoni transsettorjali dwar l-edukazzjoni diġitali;

1.3.il-pjattaformi u l-komunitajiet online tal-UE għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż School Education Gateway, eTwinning u s-Sett ta’ Għodod Ewropew għall-Iskejjel “Il-promozzjoni tal-edukazzjoni inklużiva u l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola”;

2.Tappoġġa l-iżvilupp ta’ riżorsi, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri, bħal:

2.1.materjal ta’ gwida bbażat fuq l-evidenza dwar it-tfassil tat-tagħlim u l-prattika organizzazzjonali tal-iskejjel f’approċċ ta’ tagħlim imħallat, inkluż dwar għodod diġitali, approċċi għall-valutazzjoni u l-validazzjoni tat-tagħlim u l-protezzjoni tad-data, il-privatezza u s-sikurezza f’kuntest ta’ tagħlim imħallat;

2.2.użu tal-potenzjal tal-Kontenut Edukattiv Diġitali Ewropew li ġej
Qafas li jappoġġa l-ħolqien u l-kondiviżjoni ta’ kontenut edukattiv diġitali ta’ kwalità għolja, li se jiġi żviluppat bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027.

3.Tappoġġa opportunitajiet ta’ żvilupp professjonali għall-persunal edukattiv u għal partijiet ikkonċernati oħra billi:

3.1.tipprovdi korsijiet onlajn miftuħa massivi (MOOCs) dwar it-tagħlim imħallat għall-għalliema, għall-ħarrieġa, għall-mexxejja tal-iskejjel u għall-edukaturi tal-għalliema oħrajn ospitati mill-pjattaforma School Education Gateway u tippromwovi l-użu wiesa’ ta’ dawn il-korsijiet għall-persunal fl-iskejjel;

3.2.tikkondividi prattika tajba minn skambji tal-persunal, proġetti u networks tal-Erasmus+, inkluż permezz tal-komunità online eTwinning, l-Akkademji tal-Għalliema tal-Erasmus+ kif ukoll iċ-Centri ta’ Eċċellenza Vokazzjonali;

3.3.tniedi l-għodda online l-ġdida SELFIE għall-għalliema biex tgħinhom jirriflettu fuq il-kompetenzi diġitali tagħhom u jippjanaw għal aktar titjib. Din tibni fuq l-għodda SELFIE għall-ippjanar diġitali għall-iskola kollha li tista’ tgħin tappoġġa approċċi effettivi ta’ tagħlim imħallat, inkluż fil-VET.

4.Tappoġġa inizjattivi biex jiġu żviluppati u promossi aktar l-opportunitajiet ta’ edukazzjoni inklużiva u ekwitabbli ta’ kwalità u ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd, bħala parti miż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni dwar l-edukazzjoni fl-iskejjel, b’mod partikolari fir-rigward tal-inklużjoni tal-istudenti f’ċirkostanzi differenti li jaffettwaw l-aċċess tagħhom għal ambjenti u għodod partikolari ta’ tagħlim, u l-inklużjoni ta’ dawk li jeħtieġu appoġġ immirat fil-proċess ta’ tagħlim.

5.Tkompli tappoġġa lill-Istati Membri fit-twettiq ta’ riformi sabiex itejbu l-kwalità u l-inklużività tas-sistemi tal-edukazzjoni fl-iskejjel u jappoġġaw il-prontezza diġitali tagħhom f’konformità mal-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027.

6.Tinkludi fokus fuq l-iżvilupp ta’ approċċ ta’ tagħlim imħallat fl-edukazzjoni primarja u sekondarja fl-iskejjel skont il-qafas ta’ rapporti ta’ progress regolari taż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali 2021-2027.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    COM(2017) 250.
(2)     https://ec.europa.eu/education/education-in-the-eu/european-education-area_mt  
(3)    COM(2020) 624.
(4)    ĠU 2021 C 66/1, 26.2.2021.
(5)    https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:52021XG0610(01) 
(6)    Pereżempju, il-leġiżlazzjoni l-ġdida ġiet skattata malajr flimkien mal-għoti ta’ aktar awtonomija lill-awtoritajiet u lill-mexxejja tal-iskejjel fil-livell lokali. Ħafna skejjel iffurmaw jew ġeddew sħubijiet mal-ġenituri, mal-komunitajiet lokali, man-negozji, mal-kumpaniji privati, mal-NGOs, u mal-organizzazzjonijiet kulturali (inkluż il-midja tax-xandir), kif irrapportat fil-konsultazzjoni pubblika miftuħa dwar il-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali.
(7)    Iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea ġabar il-perċezzjonijiet tat-tfal u tal-familji f’disa’ pajjiżi tal-UE għar-rapport tiegħu How families handled emergency remote schooling during the Covid-19 lockdown in spring 2020 .
(8)    Skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa għat-tħejjija tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, il-ġenituri u l-istudenti rrapportaw diffikultajiet partikolari bil-bidla għat-tagħlim ta’ emerġenza mill-bogħod. Il-ġenituri jirrapportaw li t-tfal tagħhom kellhom esperjenza partikolarment ħażina fir-rigward tal-motivazzjoni li jitgħallmu, l-eżamijiet/valutazzjoni u l-feedback, u l-kwalità fqira tal-kontenut tat-tagħlim online. Id-diskrepanzi soċjoekonomiċi bejn l-istudenti ġew identifikati bħala l-isfida ewlenija għall-ġejjien. Ara wkoll l-istudju li se jiġi ppubblikat: Cachia R., Velicu A., Chaudron S., Di Gioia R. & Vuorikari R., “Remote schooling during Covid-19 spring 2020 lockdown. A closer look at European families.”
(9)    L-Iskema tal-Iskejjel tal-UE tippermetti lit-tfal jitgħallmu dwar dieti u stili ta’ ħajja tajbin għas-saħħa. Ara School scheme explained (L-iskema tal-iskejjel spjegata) | Il-Kummissjoni Ewropea (europa.eu)
(10)    Skont ir-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika miftuħa għat-tħejjija tal-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali, 69 % tal-iskejjel primarji u 64 % tal-iskejjel sekondarji ma kellhom l-ebda esperjenza preċedenti ta’ tagħlim mill-bogħod bl-użu ta’ teknoloġiji diġitali. Ir-rispondenti rrapportaw firxa ta’ ostakli u sfidi inkluż in-nuqqas ta’ infrastruttura diġitali u kapaċità diġitali, tfassil batut tat-tagħlim, komunikazzjoni insuffiċjenti bejn l-iskola u d-dar, u nuqqas ta’ kompetenzi diġitali, b’mod partikolari għall-edukaturi.
(11)     https://ec.europa.eu/info/strategy/priorities-2019-2024/europe-fit-digital-age/europes-digital-decade-digital-targets-2030_mt
(12)    Ir-riċerka wriet li dan jista’ jikkawża tnaqqis fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ qari fil-fond tal-istudenti; ara Stavanger Declaration Concerning the Future of Reading (Id-Dikjarazzjoni ta’ Stavanger dwar il-Futur tal-Qari) ( https://ereadcost.eu/wp-content/uploads/2019/01/StavangerDeclaration.pdf ). Id-Dikjarazzjoni, iffirmata fl-2019 minn aktar minn 100 riċerkatur, fiha s-sejbiet ewlenin ta’ erba’ snin ta’ riċerka empirika fil-kuntest tal-evoluzzjoni tal-azzjoni ta’ riċerka dwar COST iffinanzjata mill-UE Evolution of Reading in the Age of Digitalisation (E-READ).
(13)    COM(2020) 624.
(14)    COM(2020) 274 final.
(15)    ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1–16
(16)     Il-Qafas ta’ Kooperazzjoni Politika Ewropea (ET2020) | Edukazzjoni u Taħriġ (europa.eu)
(17)     http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2016.119.01.0001.01.MLT  
(18)    ĠU C 212I, 26.6.2020, p. 9–14
(19)    COM(2017)250
(20)    COM(2021)102
(21)    COM(2020) 274 final.
(22)    COM(2017)673
(23)    ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1–13, Anness
(24)    ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1–13
(25)    ĠU C 417, 2.12.2020, p. 1–16
(26)    ĠU C 193, 9.6.2020, p. 11–19
(27)    L-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali inizjali normalment jitwettqu fil-livell sekondarju tat-tieni livell u fil-livell postsekondarju qabel ma l-istudenti jibdew il-ħajja tax-xogħol. Dawn iseħħu jew f’ambjent ibbażat fl-iskola (prinċipalment fil-klassi) jew f’ambjent ibbażat fuq ix-xogħol, bħal ċentri ta’ taħriġ u kumpaniji, skont is-sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ u l-istrutturi ekonomiċi nazzjonali.
(28)     http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-9624-2017-INIT/mt/pdf  
(29)    2015/C 172/03
(30)    Il-Qafas għat-Tagħlim Imħallat ippreżentat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal jista’ jkun bażi għal azzjonijiet speċifiċi adattati għas-sitwazzjonijiet tal-pajjiżi
(31)    ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1–13
(32)    LifeComp jinkludi tliet oqsma ta’ kompetenza marbutin ma’ xulxin: “Personali”, “Soċjali”, u “Tagħlim dwar kif Titgħallem”. Kull qasam jinkludi tliet kompetenzi: l-Awtoregolamentazzjoni, il-Flessibbiltà, il-Benesseri (Qasam Personali), l-Empatija, il-Komunikazzjoni, il-Kollaborazzjoni (Qasam Soċjali), il-Mentalità ta’ Tkabbir, il-Ħsieb Kritiku, u l-Ġestjoni tat-Tagħlim (Qasam tat-Tagħlim dwar kif Titgħallem). Il-kompetenzi ta’ LifeComp japplikaw għall-oqsma kollha tal-ħajja u jistgħu jinkisbu tul il-ħajja permezz ta’ edukazzjoni formali, informali u mhux formali. https://ec.europa.eu/jrc/en/lifecomp
(33)    F’Ottubru 2021, il-Kummissjoni Ewropea se tniedi l-għodda l-ġdida SELFIE għall-Għalliema li tista’ tappoġġa lill-edukaturi jippjanaw l-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali tagħhom.
(34)    Perjodu ta’ studju formali sabiex wieħed jikseb kwalifika rikonoxxuta u jiġi impjegat bħala għalliem. Dan tipikament jiġi offrut mid-dipartimenti tal-edukazzjoni fl-universitajiet jew istituzzjonijiet indipendenti tal-edukazzjoni tal-għalliema (ara l-glossarju fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal).
(35)    It-tagħlim li l-professjonisti jipparteċipaw fih fi kwalunkwe stadju tal-karriera tagħhom biex itejbu l-prattika tagħhom (ara l-glossarju fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal).
(36)    L-għodda SELFIE tista’ tappoġġa lill-iskejjel biex jirriflettu u jiġbru evidenza dwar is-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet attwali tagħhom. L-għodda hija modulari u tista’ tiġi adattata minn kull skola biex tqis il-kuntest partikolari tagħha.
(37)    Is-Sett ta’ Għodod Ewropew għall-Iskejjel “Il-promozzjoni tal-edukazzjoni inklużiva u l-indirizzar tat-tluq bikri mill-iskola” joffri ħafna riżorsi u eżempji prattiċi, kif ukoll għodda ta’ awtovalutazzjoni għall-iskejjel.
(38)    ĠU C 66, 26.2.2021, p. 1–21
Top