EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52021AE1790

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali” (COM(2021) 70 final)

EESC 2021/01790

ĠU C 374, 16.9.2021, p. 66–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

16.9.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 374/66


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Pjan ta’ Azzjoni għas-sinerġiji bejn l-industriji ċivili, tad-difiża, u spazjali”

(COM(2021) 70 final)

(2021/C 374/11)

Relatur:

Manuel GARCÍA SALGADO

Korelatur:

Jan PIE

Konsultazzjoni

Kummissjoni Ewropea, 26.3.2021

Bażi legali

Artikolu 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Kummissjoni Konsultattiva dwar il-Bidliet Industrijali (CCMI)

Adottata fis-sezzjoni

17.6.2021

Adottata fil-plenarja

8.7.2021

Sessjoni tal-plenarja Nru

562

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

195/0/7

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE jemmen li l-inizjattiva biex jiġu promossi s-sinerġiji bejn l-istrumenti ffinanzjati mill-UE, u li jiġi ffaċilitat ukoll l-arrikkiment reċiproku bejn l-industriji ċivili, tad-difiża u spazjali, tista’ ssaħħaħ l-awtonomija strateġika u s-sovranità teknoloġika Ewropej, ittejjeb is-sigurtà taċ-ċittadini, tkompli tiżviluppa s-suq uniku, u tagħti spinta lill-kompetittività, lit-tkabbir ekonomiku u lill-impjieg. Għalhekk, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ l-għanijiet tal-Pjan ta’ Azzjoni u jappella għal implimentazzjoni rapida, vigoruża u ambizzjuża tal-ħdax-il Azzjoni.

1.2.

L-adozzjoni ta’ teknoloġiji diġitali ġodda u teknoloġiji emerġenti oħra fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà għandha tkun prijorità ewlenija tal-Pjan ta’ Azzjoni. Sabiex tiġi ffaċilitata din l-adozzjoni, għandu jiġi żgurat li l-inizjattivi ċivili rilevanti jqisu l-ħtiġijiet tad-difiża u s-sigurtà mill-bidu nett. Dan jgħin ukoll biex jiġu ottimizzati l-ambitu u l-effiċjenza tal-istrumenti speċifiċi ta’ finanzjament għad-difiża u s-sigurtà.

1.3.

Il-KESE huwa tal-fehma li l-Pjan ta’ Azzjoni m’għandux jillimita lilu nnifsu għall-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet eżistenti għas-sinerġiji. Dan għandu wkoll jindika t-triq lejn it-tranżizzjoni minn approċċ ad hoc għal wieħed aktar sistematiku li joħloq sinerġiji sa mill-ħolqien. Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni tintroduċi forom ġodda ta’ ppjanar integrat fil-programmi rilevanti kollha.

1.4.

Fil-fehma tal-KESE, l-approċċ ta’ rabta bejn il-ħiliet, it-teknoloġiji u l-ktajjen tal-valur jista’ jikseb koerenza akbar u użu aktar strateġiku tal-finanzjament tal-UE. Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tfassal il-programmi korrispondenti tal-UE kif dovut.

1.5.

Il-KESE jemmen li l-Osservatorju tat-Teknoloġiji Kritiċi ppjanat huwa element essenzjali ta’ dan l-approċċ. Sabiex jippromovi l-arrikkiment reċiproku bejn is-setturi ċivili, tad-difiża, tas-sigurtà u spazjali, l-Osservatorju għandu b’mod partikolari jiżviluppa tassonomija teknoloġika komuni applikabbli għas-setturi kollha.

1.6.

Il-KESE jqis li l-Pjan ta’ Azzjoni huwa pilastru tal-Istrateġija Industrijali tal-UE. F’dan ir-rigward, huwa essenzjali li l-pjani direzzjonali tat-teknoloġija jissarfu b’suċċess f’inizjattivi ewlenin industrijali ġenwini. Għalhekk huwa jappella lill-Kummissjoni tiżgura li l-ħidma tal-Osservatorju twassal għal riżultati tanġibbli.

1.7.

Fil-fehma tal-KESE, l-involviment sħiħ tal-partijiet interessati rilevanti, b’mod partikolari l-industrija u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija, huwa essenzjali sabiex il-Pjan ta’ Azzjoni jiġi implimentat b’suċċess. F’dan il-kuntest, il-KESE jilqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tniedi azzjonijiet speċifiċi biex jiġu appoġġjati n-negozji ġodda, l-SMEs u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka u t-teknoloġija biex ixerrdu l-programmi u l-istrumenti tal-UE.

1.8.

Daqstant importanti huwa li l-pubbliku jiġi sensibilizzat dwar id-dividendi ekonomiċi u teknoloġiċi tal-finanzjament tal-UE għad-difiża u s-sigurtà għaċ-ċittadini tal-UE. Biex jinkiseb dan, il-Kummissjoni għandha tniedi kampanji ta’ informazzjoni konkreti li jinvolvu rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

1.9.

Il-KESE jemmen li l-SMEs jaqdu rwol ewlieni fil-proċess ta’ implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni. Għalhekk huwa importanti li jiġi żgurat li jkollhom aċċess għall-miżuri kollha previsti.

1.10.

Storikament, l-innovazzjonijiet fid-difiża ġew adottati minn prodotti ċivili. Illum, it-teknoloġiji emerġenti huma xprunati minn investiment enormi mis-setturi kummerċjali, u t-tixrid teknoloġiku qed imur dejjem aktar fid-direzzjoni opposta, minn ċivili għal tad-difiża. F’dan il-kuntest, id-diġitalizzazzjoni hija ta’ importanza partikolari. Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa fundamentali biex titrawwem l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda diġitali u oħrajn emerġenti fl-ekosistema tad-difiża, tas-sigurtà u spazjali.

1.11.

Għandha tingħata prijorità lir-reklutaġġ, il-lealtà u l-promozzjoni ta’ karrieri speċifiċi tan-nisa fis-setturi tad-difiża u s-sigurtà, kif ukoll jiġu żgurati impjiegi ta’ kwalità u kwalifika għaż-żgħażagħ, sabiex jitrawmu l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’ekosistema li għadha ddominata mill-irġiel.

1.12.

Flimkien mad-drittijiet għall-opportunitajiet indaqs u n-nondiskriminazzjoni, l-impjieg ta’ kwalità tajba huwa parti minn kuntratt soċjali ġdid li għandu jiġi stabbilit maċ-ċittadini Ewropej.

1.13.

Il-fatturi soċjali jeħtieġ li jiġu inkorporati fl-investimenti. Fi kliem ieħor, ir-redditu fuq l-investiment m’għandux jitqies biss f’termini ekonomiċi, iżda wkoll f’termini ta’ aspetti ewlenin bħall-impjieg, u l-ħolqien u l-kwalità tiegħu. Jeħtieġ li l-SMEs ikollhom aċċess għas-settur spazjali, billi jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-fondi ta’ reżiljenza, billi jissaħħu s-sinerġiji anke fit-taħriġ u l-kwalifiki tal-ħaddiema tal-SMEs, kif ukoll il-mobilità tagħhom, billi jissaħħu l-ekosistemi tul il-katina tal-valur, ma jiġux idduplikati r-riżorsi u jiġu kondiviżi mal-pajjiżi kollha fiż-żona tal-UE.

1.14.

Bl-istess mod, anke fil-każ ta’ investimenti ta’ valur strateġiku għoli, għandha tiġi inkorporata l-ħtieġa li jitwettqu valutazzjonijiet u monitoraġġ bi standards definiti tar-responsabbiltà soċjali korporattiva.

1.15.

Jeħtieġ li dawn il-valuri – flimkien mal-obbligu li jiġu rispettati – jiġu inkorporati fl-investiment fil-livell Ewropew, peress li l-ebda qasam ta’ investiment ta’ flus pubbliċi m’għandu jiġi eskluż minn dawn id-dispożizzjonijiet.

2.   Sfond

2.1.

Flimkien mal-ajrunawtika ċivili, l-ispazju, id-difiża u s-sigurtà jiffurmaw ekosistema ta’ teknoloġija avvanzata ta’ importanza strateġika għall-Ewropa. Ħafna kumpaniji f’din l-ekosistema jwettqu attivitajiet kemm ta’ difiża kif ukoll ċivili u huma parti minn ktajjen tal-provvista transfruntiera kumplessi, li jinkludu diversi kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja u SMEs. Din l-ekosistema għandha rekord twil ta’ sinerġiji bejn is-setturi tagħha u ma’ setturi oħra tal-industrija ċivili ta’ teknoloġija avvanzata. It-tfaċċar ta’ teknoloġiji ġodda joffri potenzjal kbir għal sinerġiji futuri.

2.2.

Storikament, l-innovazzjonijiet fid-difiża ġew adottati minn prodotti ċivili. Illum, it-teknoloġiji emerġenti huma xprunati minn investiment enormi mis-setturi kummerċjali, u t-tixrid teknoloġiku qed imur dejjem aktar fid-direzzjoni opposta, minn ċivili għal tad-difiża. F’dan il-kuntest, id-diġitalizzazzjoni hija ta’ importanza partikolari. Il-Pjan ta’ Azzjoni huwa fundamentali biex titrawwem l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji ġodda diġitali u oħrajn emerġenti fl-ekosistema tad-difiża, tas-sigurtà u spazjali.

2.3.

Il-KESE jqis li, sabiex tirkupra mill-kriżi tal-COVID-19 u twassal għas-suċċess tar-rivoluzzjoni teknoloġika kontinwa, l-UE teħtieġ “risettjar” industrijali, abbażi tal-użu ta’ teknoloġiji diġitali avvanzati li se jrawmu t-tkabbir ekonomiku u joħolqu mudell ekonomiku aktar reżiljenti.

2.4.

L-avvanzi teknoloġiċi huma proċess dinamiku kontinwu; l-iskoperti kruċjali dejjem iseħħu iżda huma diffiċli li jitbassru. Konsegwentement, huwa tal-akbar importanza li tiġi inċentivata l-konverġenza ta’ teknoloġiji emerġenti b’użu doppju permezz ta’ proġetti Ewropej fuq skala kbira biex tingħata spinta lill-innovazzjoni, lill-kompetittività u lit-tmexxija teknoloġika f’setturi strateġikament importanti.

2.5.

F’Ottubru 2020, il-Kunsill Ewropew innota li l-kisba ta’ awtonomija strateġika filwaqt li tinżamm ekonomija miftuħa hija objettiv ewlieni tal-Unjoni u talab lill-UE tiżviluppa awtonomija fl-industrija spazjali u bażi industrijali aktar integrata għad-difiża. Dawn l-objettivi huma appoġġjati minn diversi inizjattivi importanti tal-UE, bħall-Fond Ewropew għad-Difiża (1), il-Programm Spazjali (2), Ewropa Diġitali, Orizzont Ewropa, l-Istrateġija dwar l-Unjoni tas-Sigurtà u l-Istrateġija Industrijali l-ġdida. Il-KESE huwa tal-fehma li l-Pjan ta’ Azzjoni dwar is-Sinerġiji jikkostitwixxi rabta bejn dawn l-istrumenti u l-istrateġiji u jappella lill-Kummissjoni Ewropea biex tagħmel l-akbar sforz possibbli fl-implimentazzjoni ambizzjuża u effettiva tal-azzjonijiet proposti.

2.6.

Ir-redditu fuq l-investiment m’għandux jitqies biss f’termini ekonomiċi, iżda wkoll f’termini ta’ aspetti ewlenin bħall-impjiegi, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kwalità tal-impjiegi. Għalhekk, il-KESE jisħaq fuq l-importanza tal-edukazzjoni u l-ħiliet għall-implimentazzjoni b’suċċess tal-Pjan ta’ Azzjoni. Ma jista’ jkun hemm l-ebda innovazzjoni u kompetittività mingħajr forza tax-xogħol b’ħiliet għolja, u l-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda emerġenti se tkun teħtieġ sforzi addizzjonali fit-taħriġ mill-ġdid u fit-titjib tal-ħiliet. Barra minn hekk, l-inizjattivi għat-trawwim ta’ sinerġiji teknoloġiċi bejn is-setturi għandhom jiġu akkumpanjati minn miżuri għall-iffaċilitar tal-mobilità transsettorjali tal-impjegati.

2.7.

Il-KESE jqis id-diversità bħala motivatur essenzjali għall-innovazzjoni u jistieden ukoll lill-Kummissjoni tuża l-Pjan ta’ Azzjoni bħala għodda għat-trawwim tal-inklużjoni u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri f’ekosistema li għadha ddominata mill-irġiel. Kif turi r-riċerka, id-diversità twassal għal teħid aħjar ta’ deċiżjonijiet. Għalhekk, il-preżenza tan-nisa fil-livelli kollha tat-teħid ta’ deċiżjonijiet hija vitali u għandha titrawwem permezz ta’ politiki ta’ reklutaġġ, żamma u avvanz. Barra minn hekk, il-Kumitat jappella għal miżuri biex tiġi miġġielda s-segregazzjoni vertikali u biex tingħata spinta inizjali lit-tfajliet biex isegwu karrieri f’dawn is-setturi, pereżempju billi jiġu attirati lejn is-settur STEM fi stadju bikri fl-aġenda edukattiva.

3.   Kummenti ġenerali

3.1.

Il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kummissjoni Ewropea jirreferi speċifikament għal “sinerġiji” u jenfasizzahom, li jitqiesu “f’ambjent internazzjonali kumpless, fejn l-UE teħtieġ li żżomm il-vantaġġ teknoloġiku tagħha u tappoġġa l-bażi industrijali tagħha”. Fil-kuntest ġeopolitiku l-ġdid, huwa partikolarment importanti li jiġu appoġġjati setturi li jikkontribwixxu għall-awtonomija strateġika u għas-sovranità teknoloġika tal-UE.

3.2.

Il-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-UE għall-2021-2027 iżid b’mod sinifikanti l-investiment fit-teknoloġiji għas-setturi strateġiċi bħad-difiża, is-sigurtà, il-mobilità, is-saħħa, il-ġestjoni tal-informazzjoni, iċ-ċibersigurtà u l-ispazju. Permezz tal-Fond Ewropew għad-Difiża, il-QFP jinkludi għall-ewwel darba programm tal-UE ddedikat speċifikament għal proġetti kooperattivi ta’ difiża. Il-programmi rilevanti tal-QFP ikopru r-riċerka, l-iżvilupp, id-dimostrazzjoni, il-prototipi u l-użu (l-akkwist ta’ prodotti u servizzi innovattivi) b’mod komplementari. Għalhekk, hemm potenzjal enormi għal sinerġiji bejn il-programmi tal-UE. L-isfruttar sħiħ ta’ dawn is-sinerġiji jżid ferm il-valur miżjud tal-investimenti Ewropej u għalhekk irid ikun prijorità ewlenija għall-Kummissjoni.

3.3.

L-infiq pubbliku fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni (R&I) fl-Ewropa għadu ferm taħt il-livell tal-Istati Uniti u taċ-Ċina. L-isforzi tar-R&I huma deċiżivi għall-kompetittività tal-industrija u għall-awtonomija tal-Ewropa. Għalhekk, is-sinerġiji bejn il-programmi tal-UE jridu jottimizzaw ir-redditu fuq l-investiment, iżda mhux jissostitwixxu l-finanzjament tar-R&I. L-Istati Membri jridu jżidu l-isforzi tagħhom ukoll u ma jużawx l-investiment Ewropew bħala skuża biex inaqqsu l-infiq tagħhom stess fuq setturi strateġiċi. Daqstant importanti hija s-sinkronizzazzjoni bejn il-programmi tal-UE, pereżempju bħala parti mis-Semestru Ewropew, u l-programmi nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni, bħala mezz biex jiġi żgurat l-aħjar użu tar-riżorsi.

3.4.

It-teknoloġiji ġodda diġitali u oħrajn emerġenti huma xprunati minn investiment enormi mis-setturi kummerċjali. Fl-istess ħin, dawn huma wkoll faċilitaturi indispensabbli għall-kapaċitajiet tad-difiża u tas-sigurtà. Għalhekk, l-adozzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji fid-difiża u fis-sigurtà għandha tkun prijorità tal-Pjan ta’ Azzjoni. Dan għandu jiżgura li l-programmi ċivili bħall-Inizjattiva Ewropea tal-Cloud Computing, Alleanza Ewropea għall-Idroġenu Nadif u l-Inizjattiva għal Proċessur Ewropew iqisu r-rekwiżiti tad-difiża u tas-sigurtà mill-bidu nett.

3.5.

Is-sinerġiji teknoloġiċi huma possibbli prinċipalment f’Livelli ta’ Tħejjija Teknoloġika (TRLs) aktar baxxi u għall-komponenti u s-sottosistemi. F’oqsma diġitali bħall-intelliġenza artifiċjali, il-computing ta’ prestazzjoni għolja u l-blockchain, ħafna mudelli u teoriji sottostanti huma l-istess għal setturi differenti. Il-kondiviżjoni tal-isforzi fir-riċerka f’dawn il-livelli jaċċellera l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet speċifiċi għas-settur u jillibera r-riżorsi għall-użu tagħhom. Approċċ ġdid ta’ sħubija għall-governanza bejn l-industrija, l-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra jenħtieġ li jiżgura tranżizzjoni ġusta għall-ekosistemi fit-trasformazzjoni diġitali u “ekoloġika” tagħhom. Ser tingħata prijorità biex jinstabu sinerġiji bejn l-ekosistemi u s-setturi li qed jiffaċċjaw l-aktar sfidi importanti biex jinkisbu l-għanijiet ta’ reżiljenza u sostenibbiltà, fit-tliet dimensjonijiet tagħha: ambjentali, soċjali u ta’ governanza. Ser tiġi promossa l-inklużjoni tal-SMEs f’raggruppamenti trans-Ewropej, interdixxiplinari u transsettorjali, li jgħaqqdu l-ktajjen ta’ valur kritiċi tal-ekosistemi ajruspazjali u tad-difiża, b’mod partikolari mal-mobbiltà, il-vetturi u t-trasport, u s-saħħa; jiġu akkumpanjati biex jiġu indirizzati x-xokkijiet u l-vulnerabbiltajiet jew jiġu diversifikati billi jintrabtu ma’ msieħba lokali u transfruntiera ġodda, fi pjani li jaħdmu għall-kompetittività sostenibbli.

3.6.

Is-sinerġiji fil-fażi tar-riċerka mhux se jeliminaw id-differenzi bejn l-applikazzjonijiet speċifiċi għas-settur. Minħabba l-ħtiġijiet differenti tal-konsumatur, il-5G għad-difiża mhux se jkun bħall-5G kummerċjali, u cloud ta’ kumbattiment se jkun differenti minn cloud kummerċjali, anke jekk il-bricks teknoloġiċi bażiċi jkunu simili. L-industriji tad-difiża, tas-sigurtà u spazjali huma indispensabbli għall-adattament u l-integrazzjoni ta’ teknoloġiji emerġenti f’soluzzjonijiet speċifiċi għas-settur.

3.7.

Fil-fehma tal-KESE, l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni trid tqis ukoll id-differenzi bejn is-swieq tad-difiża, tas-sigurtà, dawk spazjali u ċivili. Peress li l-mudelli kummerċjali u l-oqfsa regolatorji mhumiex l-istess, irid jinstab bilanċ dwar il-ftuħ tar-riżultati tar-riċerka, id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, il-garanziji għal investimenti ta’ riskju għoli, l-assigurazzjoni ta’ redditu ekonomiku, eċċ. F’dan ir-rigward, it-teknoloġiji emerġenti se jġibu magħhom ukoll sfidi ġodda, eż. għall-istandardizzazzjoni u l-protezzjoni tad-data.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1.

Il-KESE jemmen li l-Pjan ta’ Azzjoni jrid iqis l-inizjattivi rilevanti għas-sigurtà u d-difiża mmaniġġjati mill-Istati Membri. Eżempji jinkludu l-Boxxla Strateġika, ir-Rieżami Annwali Koordinat dwar id-Difiża (CARD), il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) u l-Patt dwar id-Dimensjoni Ċivili tal-PSDK.

4.2.

Il-KESE jqis ukoll importanti li titqies il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO u li tiġi żgurata b’mod partikolari l-interoperabbiltà bejn l-assi tan-NATO u tal-UE, anke għal komunikazzjonijiet kriptati u siguri. Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom ikomplu jaħdmu mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA), li l-attivitajiet tagħhom għandhom jippromovu s-sinerġiji u l-arrikkiment reċiproku.

4.3.

Il-KESE jilqa’ l-importanza li l-Pjan ta’ Azzjoni jagħti lil proġetti ewlenin. Filwaqt li jlaqqgħu flimkien kumpaniji ta’ kull daqs minn setturi differenti u minn madwar l-UE kollha, dawn l-inizjattivi ewlenin irawmu l-kooperazzjoni transfruntiera u jistgħu jsiru oqfsa effettivi għall-użu konsistenti tal-għodod tal-politika industrijali. Biex l-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali tkun effettiva fit-tranżizzjoni diġitali u dik klimatika kif ukoll biex jiġi żgurat impatt strutturali u fit-tul fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmi ta’ kompetittività sostenibbli assoċjati maċ-ċiklu tas-Semestru Ewropew, aħna nirrakkomandaw li l-miżuri proposti jkunu akkumpanjati minn sistema ta’ governanza b’diversi partijiet, sabiex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-azzjonijiet differenti u biex il-partijiet interessati kollha rilevant jiġu involuti b’mod effettiv.

4.4.

Il-KESE jħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta l-Pjan ta’ Azzjoni kemm f’approċċ fit-tul kif ukoll għal terminu qasir: permezz ta’ approċċ għal terminu qasir, dan għandu jippromovi l-arrikkiment reċiproku bejn l-inizjattivi eżistenti ffinanzjati mill-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni nnifsu jelenka firxa wiesgħa ta’ inizjattivi f’diversi oqsma, mis-sigurtà fl-ispazju għal dik marittima, li jidhru promettenti f’dan ir-rigward.

4.5.

Fl-istess ħin, il-KESE huwa tal-fehma li l-Pjan ta’ Azzjoni m’għandux jillimita lilu nnifsu għall-identifikazzjoni ta’ opportunitajiet eżistenti għas-sinerġiji. Dan għandu wkoll jindika t-triq lejn it-tranżizzjoni minn approċċ ad hoc għal wieħed aktar sistematiku li joħloq sinerġiji sa mill-ħolqien. Il-Pjan ta’ Azzjoni fih diversi elementi li jistgħu jikkontribwixxu biex dan iseħħ: is-sorveljanza tat-teknoloġija transsettorjali, l-ippjanar tal-kapaċitajiet, il-koordinazzjoni mill-qrib tal-programmi ta’ finanzjament, il-pjani direzzjonali tat-teknoloġija, il-valutazzjoni tal-ktajjen tal-valur, eċċ. Biex ikunu effettivi u jkollhom impatt strutturali fit-tul, nirrakkomandaw li l-azzjonijiet proposti għandhom ikunu akkumpanjati minn strutturi ta’ governanza ġodda. Dan jidher neċessarju biex tiġi żgurata l-koerenza bejn l-azzjonijiet differenti u biex il-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jiġu involuti b’mod effettiv.

4.6.

Il-KESE jqis it-trasparenza bħala daqstant importanti. L-għażla tat-teknoloġiji, tal-pjani direzzjonali u tal-programmi ewlenin li għandhom jiġu appoġġjati għandha tkun komprensibbli u bbażata fuq kriterji oġġettivi. Ir-rapport ta’ progress ta’ kull sentejn previst għandu jifformula indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jitkejjel is-suċċess u jinkludi rieżamijiet qabel kull fażi ġdida biex jittejjeb il-proċess u jitwaqqfu l-azzjonijiet jekk ma jkun qed jiġi prodott l-ebda valur. L-aspetti legali u regolatorji għandhom ikunu wkoll parti mill-proċess ta’ evalwazzjoni biex jiġi identifikat jekk u fejn il-bażi ġuridika u d-dispożizzjonijiet tal-programmi tal-UE jkollhom jiġu mmodifikati għat-trawwim u l-isfruttar tas-sinerġiji.

4.7.

Huwa u jħares lejn kull azzjoni fuq bażi individwali, il-KESE huwa tal-fehma li ġejja:

4.7.1.

AZZJONI 1: Qabel tmiem l-2021, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta biex issaħħaħ l-identifikazzjoni bikrija u li tħares ’il quddiem tal-ħtiġijiet u tas-soluzzjonijiet fil-qasam tas-sigurtà interna u l-infurzar tal-liġi billi trawwem approċċi xprunati mill-kapaċità fis-setturi tas-sigurtà, fuq il-bażi tal-aħjar prattiki fis-setturi tad-difiża u tal-ispazju. Mill-perspettiva tal-KESE, din l-azzjoni hija milqugħa ħafna peress li approċċ xprunat mill-kapaċità huwa kruċjali biex tingħeleb il-frammentazzjoni attwali tas-suq Ewropew tas-sigurtà u biex l-utenti finali tas-sigurtà jkunu jinsabu quddiem it-theddid attwali u futur għas-sigurtà. Il-proċess previst għall-ippjanar tal-kapaċitajiet għall-immaniġġjar integrat tal-fruntieri huwa milqugħ tajjeb, iżda l-istabbiliment tiegħu jrid jiġi aċċellerat b’mod konsiderevoli biex ikollu impatt fuq programmi ta’ nfiq relatati qabel it-tmiem tal-QFP attwali. Biex wieħed ilaħħaq mad-diversità tal-utenti finali tas-sigurtà u tingħata ċerta stabbiltà lill-proċessi tal-ippjanar, nirrakkomandaw li, fil-livell tal-UE, jiġu determinat missjonijiet tas-sigurtà li jkunu wiesgħa biżżejjed biex jinkludu rekwiżiti tal-kapaċità differenti u dejjem jevolvu. L-approċċ previst għandu jkun strateġiku u fit-tul, iżda wkoll flessibbli biżżejjed biex ikopri l-possibbiltà ta’ avvenimenti ta’ probabbiltà baxxa iżda ta’ impatt kbir (bħal pandemija) u jirreaġixxi għat-tfaċċar f’daqqa ta’ theddid mhux mistenni.

4.7.2.

AZZJONI 2: Qabel tmiem l-2021 u bil-ħsieb tal-programmi ta’ ħidma tal-2022, il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb il-proċess intern tagħha biex tippromwovi sinerġiji bejn l-industrija tal-ispazju, tad-difiża u l-industriji ċivili relatati billi ttejjeb il-koordinazzjoni tal-programmi u l-istrumenti tal-UE u billi tniedi azzjonijiet biex tiffaċilita l-aċċess għal finanzjament. Il-KESE jqis lil din l-azzjoni bħala waħda mill-elementi ċentrali tal-Pjan ta’ Azzjoni. L-UE għandha tisfrutta s-sinerġiji potenzjali b’mod orizzontali bejn il-programmi tar-R&I (eż. il-Fond Ewropew għad-Difiża u Orizzont Ewropa) biex jitrawwem l-arrikkiment reċiproku, iżda wkoll b’mod vertikali bejn programmi tar-R&I u dawk ta’ użu (eż. riċerka dwar is-sigurtà u l-Fond għas-Sigurtà Interna) biex titrawwem l-adozzjoni tar-riżultati tar-riċerka mis-suq. Id-differenzi fir-regoli u l-kundizzjonijiet għall-programmi jippreżentaw ir-riskju li jsiru ostakli għas-sinerġiji u se jeħtieġu kunsiderazzjoni bir-reqqa ta’ kwistjonijiet legali u tekniċi bħad-DPI. Se jkun partikolarment importanti li jiġu stabbiliti, fil-Kummissjoni, forom ġodda ta’ programmazzjoni u ppjanar integrati biex jiġi żgurat li s-sinerġiji ma jseħħux b’koinċidenza iżda mid-disinn.

4.7.3.

AZZJONI 3: Mit-tieni nofs tal-2021, il-Kummissjoni se tibda tħabbar azzjonijiet immirati għan-negozji ġodda, SMEs u organizzazzjonijiet tar-riċerka u tat-teknoloġija biex tqajjem kuxjenza dwar il-programmi u l-istrumenti tal-UE li joffru opportunitajiet ta’ finanzjament, jipprovdu appoġġ tekniku u taħriġ prattiku, jipprovdu servizzi li jaċċelleraw in-negozju, jippreżentaw soluzzjonijiet innovattivi u jiffaċilitaw id-dħul fis-swieq tad-difiża, tas-sigurtà, tal-ispazju jew swieq ċivili rilevanti oħra. Il-KESE jaqbel li n-negozji ġodda u l-SMEs huma motivaturi kruċjali tal-innovazzjoni u għandhom rwol importanti għas-sinerġiji, peress li dawn spiss joperaw f’setturi differenti u fil-linja diviżorja bejn iċ-ċivil u d-difiża. Fl-istess ħin, dawn normalment ma jkollhomx il-kapaċitajiet li jwettqu proġetti kumplessi u s-saħħa finanzjarja biex joperaw indipendentement fi swieq purament pubbliċi u regolati ħafna bi ħtiġijiet tal-klijenti speċifiċi ħafna. Konsegwentement, dawn jeħtieġu rabtiet b’saħħithom mal-integraturi tas-sistema biex jixprunaw l-innovazzjoni fis-suq. Għalhekk, il-Pjan ta’ Azzjoni għandu jappoġġja l-integrazzjoni ta’ negozji ġodda u SMEs fil-ktajjen tal-provvista transfruntiera u jrawwem ir-rabta bejn l-organizzazzjonijiet ta’ riċerka u teknoloġija u l-industrija.

4.7.4.

AZZJONI 4: Il-Kummissjoni se tiżviluppa pjanijiet direzzjonali teknoloġiċi biex tagħti spinta lill-innovazzjoni fit-teknoloġiji kritiċi għad-difiża, l-ispazju u s-setturi ċivili relatati kif ukoll tistimula l-kooperazzjoni transfruntiera, bl-użu tal-istrumenti rilevanti kollha tal-UE b’mod sinerġetiku. Dawn il-pjanijiet direzzjonali se jkunu bbażati fuq valutazzjoni li ssir kull sentejn minn Osservatorju għat-Teknoloġiji Kritiċi ġdid fil-Kummissjoni. Il-pjanijiet direzzjonali jistgħu jwasslu biex jiġu varati proġetti ewlenin ġodda. Il-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-twaqqif ta’ osservatorju u l-missjoni tiegħu li jiżviluppa pjani direzzjonali tat-teknoloġija li jgħaqqdu flimkien is-setturi tad-difiża u spazjali u l-industriji ċivili relatati. Jilqa’ wkoll l-intenzjoni li jiġu inklużi l-ktajjen tal-valur fil-valutazzjoni, peress li dan iwitti t-triq lejn l-użu koerenti u kkombinat tal-għodod tal-politika industrijali biex jappoġġjaw it-tmexxija teknoloġika f’setturi strateġiċi. Fl-istess ħin, is-suċċess ta’ din l-azzjoni jiddependi minn diversi fatturi. L-osservatorju se jkollu

jiżviluppa rabtiet b’saħħithom ma’ proċessi rilevanti ta’ ppjanar tal-kapaċitajiet;

jimmonitorja b’mod attiv it-tendenzi teknoloġiċi madwar id-dinja u jidentifika fl-aktar stadju bikri possibbli l-iskoperti kruċjali u t-tfixkil teknoloġiku;

jistabbilixxi objettivi, regoli u kriterji għall-valutazzjoni tat-teknoloġiji;

jiżviluppa tassonomija komuni applikabbli għas-setturi rilevanti kollha sabiex jiġi żgurat li l-ispazju, id-difiża u s-sigurtà jitkellmu l-istess “lingwa teknoloġika”.

Fl-aħħar nett, irid jiġi żgurat li l-pjani direzzjonali ġġenerati mill-osservatorju ma jispiċċawx biss biċċa karta, iżda li jiġu tassew implimentati fil-programmi ta’ ħidma u fl-inizjattivi ewlenin. Biex jinkiseb dan kollu, il-KESE jirrakkomanda li l-osservatorju jibni wkoll fuq it-tagħlimiet meħuda minn proċessi eżistenti simili, bħat-Task Force Konġunta (EDA-ESA-KE) dwar it-teknoloġiji spazjali kritiċi.

4.7.5.

AZZJONI 5: Qabel tmiem l-2022, il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ partijiet ikkonċernati ewlenin oħra, se tippreżenta pjan biex tippromwovi l-użu ta’ standards ibridi eżistenti ċivili/tad-difiża u l-iżvilupp ta’ oħrajn ġodda. Il-KESE jqis l-istandards bħala għodda b’saħħitha biex jissawru s-swieq. L-użu ta’ standards ibridi jagħmel sens meta jkun xieraq, u l-eżempji tal-materjali CBRN (kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari) jew ta’ Spazju Ewropew ta’ Data ta’ Sigurtà huma tabilħaqq promettenti. Madankollu, l-isfida hija l-pass kajman fil-proċess ta’ standardizzazzjoni għall-istandards tekniċi, li jidher li qed ikun dejjem aktar diffiċli biex ilaħħaq mal-iżviluppi innovattivi ġodda. Ir-rekwiżiti tal-istandards għandhom ikunu wkoll parti mis-sejħiet ta’ Orizzont Ewropa biex jiġi żgurat li l-innovazzjonijiet il-ġodda jkunu tassew utli għall-utenti finali.

4.7.6.

AZZJONI 6: Fl-ewwel nofs tal-2022, il-Kummissjoni se tniedi, f’kooperazzjoni mal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni u partijiet ikkonċernati oħra, “inkubatur tal-innovazzjoni” biex tappoġġa teknoloġiji ġodda u ssawwar l-innovazzjoni b’użu doppju. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll in-networks transfruntieri tal-innovazzjoni fid-difiża li se jittestjaw ir-rilevanza tat-teknoloġiji mis-settur ċivili u se jappoġġaw l-innovazzjoni responsabbli fil-katini ta’ valur tad-difiża. Dawn l-azzjonijiet se jindirizzaw ukoll il-frammentazzjoni attwali tax-xenarju tal-innovazzjoni fid-difiża ċivili, l-iskarsezza ta’ ħiliet kif ukoll l-għanijiet tal-ugwaljanza u l-inklużjoni. Il-KESE jqis it-twaqqif ta’ inkubatur tal-innovazzjoni b’użu doppju u n-networks tal-innovazzjoni fid-difiża bħala interessanti u ta’ min jiġi esplorat. F’dan il-kuntest, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-obsolexxenza rapida ta’ ħafna teknoloġiji kummerċjali, li ħafna drabi hija ostaklu kbir għall-użu tagħhom f’applikazzjonijiet tad-difiża. Inħeġġu wkoll lill-Kummissjoni trawwem b’mod attiv trasferimenti transsettorjali ta’ teknoloġiji b’miżuri ta’ appoġġ amministrattiv u finanzjarju li jakkumpanjawhom. Peress li din l-azzjoni tiftaħ toroq ġodda, il-KESE jirrakkomanda monitoraġġ attiv u valutazzjoni regolari biex jitkejjel is-suċċess tagħha.

4.7.7.

AZZJONI 7: Minn Ġunju 2021 ’il quddiem, il-Kummissjoni se twaqqaf flimkien mal-Istati Membri ċ-Ċentru ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà, filwaqt li talloka r-riżorsi meħtieġa mill-programmi u l-istrumenti rilevanti tal-UE. Il-Kummissjoni se tfittex li ssaħħaħ is-sinerġiji, l-ispin-ins u l-ispin-offs bejn il-ħidma taċ-Ċentru, il-Fond Ewropew għad-Difiża u l-programm Spazjali tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża bil-għan li jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet u jinħolqu effiċjenzi. Il-KESE jemmen li l-attivitajiet koperti fl-Azzjoni 7 huma essenzjali għas-sovranità tal-Ewropa f’oqsma teknoloġiċi ewlenin. Iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża huma għażliet ovvji għal sinerġiji bejn is-sigurtà, id-difiża u l-ispazju u għandhom tabilħaqq jingħataw prijorità għolja. Il-kooperazzjoni mill-qrib bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-settur privat hija partikolarment importanti f’dan ir-rigward.

4.7.8.

AZZJONI 8: B’seħħ mill-ewwel nofs tal-2022, biex tappoġġa t-teknoloġiji fixkiela, il-Kummissjoni se tippreżenta forom innovattivi ta’ finanzjament biex tippromwovi l-parteċipazzjoni ta’ atturi mhux tradizzjonali, tattira negozji ġodda u tippromwovi l-arrikkiment reċiproku tas-soluzzjonijiet, filwaqt li tibni fuq l-opportunitajiet li joffru l-programmi u l-istrumenti tal-UE inklużi l-Programm Ewropa Diġitali u l-Fond Ewropew għad-Difiża. Il-KESE jilqa’ l-appoġġ ta’ teknoloġiji potenzjalment fixkiela bħala l-komplement loġiku għal approċċ aktar tradizzjonali bbażat fuq il-kapaċitajiet u jissuġġerixxi li dan ikun relatat mill-qrib mal-osservatorju teknoloġiku previst. Il-KESE jappoġġja wkoll l-użu tal-Fond Ewropew għad-Difiża u tal-Programm Ewropa Diġitali għal dawn l-attivitajiet u jirrakkomanda l-iżvilupp ulterjuri ta’ aġenzija Ewropea sħiħa simili għal DARPA (3) fuq perjodu medju.

4.7.9.

AZZJONI 9: Teknoloġiji tad-droni tal-UE. Id-droni (4) jipprovdu bosta illustrazzjonijiet ta’ teknoloġiji użati fl-ajrunawtika kummerċjali, u fl-ispazju, fis-sigurtà u fid-difiża. L-arrikkiment reċiproku huwa essenzjali fit-teknoloġija tad-droni, u l-inklużjoni ta’ droni ċivili u militari fl-ajruspazju għandha wkoll użu doppju. Għalhekk, il-KESE jappoġġja bis-sħiħ it-tnedija ta’ proġett ewlieni tad-droni bħala għażla ovvja u jirrakkomanda li din tiġi appoġġjata bi pjan direzzjonali teknoloġiku speċifiku li jagħti prijorità lill-elementi kostitwenti teknoloġiċi rilevanti skont ir-rilevanza tagħhom għall-awtonomija strateġika Ewropea u s-sovranità teknoloġika.

4.7.10.

AZZJONI 10: Sistema ta’ komunikazzjoni sikura globali tal-UE bbażata fuq l-ispazju. Il-KESE jqis dan il-proġett ewlieni bħala importanti ħafna, peress li jkopri elementi ewlenin tal-awtonomija u s-sovranità teknoloġika Ewropej. Fl-istess ħin, għadu mhux ċar kif dan il-proġett se joħloq jew jibbenefika minn sinerġiji mas-settur tad-difiża. Il-KESE jemmen li għażla waħda għal sinerġiji addizzjonali tkun li jiġu introdotti tagħbijiet utli addizzjonali f’din il-kostellazzjoni. Dan jista’ jinkludi sensuri għas-sorveljanza spazjali, li joħolqu sinerġiji bejn iż-żewġ inizjattivi ewlenin relatati mal-ispazju.

4.7.11.

AZZJONI 11: L-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju. L-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju huwa kruċjali għas-sigurtà tal-assi u tal-infrastrutturi bbażati fuq l-ispazju li huma dejjem aktar importanti għall-funzjonament tas-soċjetajiet moderni. Għalhekk, il-KESE jappoġġja t-tnedija ta’ proġett ewlieni speċifiku għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju. Fl-istess ħin, ninsabu mħassba li din l-inizjattiva hija limitata għal aspetti regolatorji u ta’ standardizzazzjoni, li huma importanti iżda mhux biżżejjed. Għalhekk, il-Kummissjoni għandha tikkunsidra wkoll il-ħolqien ta’ suq għad-data dwar is-sorveljanza spazjali (kif inhu l-objettiv fl-Istati Uniti). Sabiex jiġi żviluppat approċċ kredibbli għall-Immaniġġjar tat-Traffiku fl-Ispazju Ewropew, l-Ewropa għandha wkoll ittejjeb b’mod sinifikanti l-kapaċitajiet tagħha ta’ sorveljanza spazjali (sensuri ġodda, kapaċità ta’ analiżi u kalkolu, eċċ.).

Brussell, it-8 ta’ Lulju 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ir-Regolament (UE) 2021/697 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew għad-Difiża u li jħassar ir-Regolament (UE) 2018/1092 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 149).

(2)  Komunikazzjoni dwar il-Politika Spazjali Ewropea (COM(2021) 208, 21.4.2021).

(3)  Id-Defense Advanced Research Projects Agency (DARPA) hija l-aġenzija ta’ riċerka u żvilupp tad-Dipartiment tad-Difiża tal-Istati Uniti responsabbli għall-iżvilupp ta’ teknoloġiji emerġenti.

(4)  ĠU C 129, 11.4.2018, p. 51.


Top