EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020XR0140

Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020

OJ C 141, 29.4.2020, p. 1–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/1


Riżoluzzjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020

(2020/C 141/01)

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI (KtR),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea dwar L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020 (1);

wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Ottubru 2019 dwar is-Semestru Ewropew 2019 u fid-dawl tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2020 (2);

Is-Semestru Ewropew jintegra l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli

1.

jilqa’ l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020 bħala l-punt ta’ tluq għall-integrazzjoni tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) fis-Semestru Ewropew, li jipprovdi lil dan tal-aħħar bil-perspettiva meħtieġa fuq perjodu ta’ żmien itwal u fokus usa’ lil hinn minn tħassib purament ekonomiku;

2.

iqis li l-użu tal-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli bħala għodda ta’ koordinazzjoni tal-politika biex jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku Ewropew se jirrikjedi bidla profonda fil-governanza u fil-mentalità li takkumpanja l-proċess tas-Semestru Ewropew kollu kemm hu u li terġa’ ssir enfasi fuq is-sjieda tas-Semestru fuq il-post;

3.

jenfasizza li l-ksib tal-SDGs jimplika li jiġu indirizzati b’mod olistiku d-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli (il-kompetittività, l-inklużività, l-ambjent, il-governanza tajba) li huma akbar mill-Patt Ekoloġiku; it-twettiq tal-SDGs se jirrikjedi koerenza politika biex jiġu indirizzati kompromessi u sfidi distributtivi. Dan jinkludi wkoll it-tisħiħ tad-dimensjonijiet kulturali u soċjali tal-ħolqien tal-għarfien, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-innovazzjoni. Is-Semestru Ewropew għandu jippermetti lil-livelli kollha tal-gvern u l-partijiet interessati rilevanti, li jaħdmu fi sħubija, jidentifikaw u jindirizzaw dawn il-kompromessi, jevitaw il-ħsieb kompartimentalizzat u jiżguraw koerenza, filwaqt li jintegraw l-SDGs fl-oqsma ta’ politika kollha;

4.

jilqa’ l-aħbar li r-Rapporti tal-Pajjiżi u l-Programmi Nazzjonali ta’ Riforma se jkollhom taqsimiet speċifiċi li jimmonitorjaw l-SDGs u jivvalutaw il-politiki relatati, u li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż se jittrattaw il-kontributi speċifiċi tal-pajjiżi għall-SDGs; jinnota li jeħtieġ li l-integrazzjoni tal-SDGs fis-Semestru Ewropew tqis il-punti ta’ tluq territorjali differenti u teħtieġ bażi statistika xierqa għall-monitoraġġ tal-SDGs fil-livell reġjonali;

5.

jitlob skedi ta’ żmien ċar u miri ċari u li huma marbuta biż-żmien u li jistgħu jitkejlu biex jintlaħqu l-SDGs, fir-rigward tal-azzjonijiet previsti kemm fil-Patt Ekoloġiku kif ukoll fl-Istrateġija Annwali għall-Iżvilupp Sostenibbli; jenfasizza li tali miri u skedi ta’ żmien għandhom jiġu stabbiliti permezz ta’ proċess imħallat minn fuq għal isfel u minn isfel għal fuq li fih il-livelli kollha tal-gvern u l-partijiet interessati rilevanti għandhom jaħdmu fi sħubija;

6.

jikkondividi l-orjentazzjoni ġenerali tar-rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri taż-żona tal-euro, iżda jinnota li dawn jagħtu biss appoġġ modest għall-ambizzjonijiet tal-ekoloġizzazzjoni u tal-inklużjoni tal-SDGs u l-Patt Ekoloġiku, u li ma jagħmlux enfasi biżżejjed fuq l-isfidi tal-politika li jirriżultaw minn differenzi territorjali reali tal-punti tat-tluq;

7.

jinnota li l-Pjan ta’ Investiment għal Ewropa Sostenibbli huwa maħsub biex jimmobilizza EUR 1 triljun ta’ investiment sostenibbli matul l-għaxar snin li ġejjin; madankollu jiddispjaċih li, fil-biċċa l-kbira, il-Pjan huwa ġabra ta’ miżuri, inizjattivi u għodod ta’ finanzjament preeżistenti jew ippjanati minn qabel, li issa tqiegħdu taħt titlu komuni; għaldaqstant jinsab imħasseb li dan il-Pjan jista’ ma jkunx kapaċi jimmobilizza r-riżorsi finanzjarji u l-koordinazzjoni meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-SDGs fl-Ewropa sal-2030; f’dan ir-rigward jitlob li ssir valutazzjoni ulterjuri tal-ispejjeż reali assoċjati mat-tranżizzjoni lejn żvilupp sostenibbli u għal pjan aktar dettaljat dwar il-finanzjament tagħhom; għandha ssir enfasi biex tingħata attenzjoni speċjali biex jitħeġġu inizjattivi pubbliċi-privati ta’ innovazzjoni li jkunu xprunati mill-bliet u r-reġjuni;

8.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi rivedut il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, sabiex tkun tista’ ssir kontabbiltà divrenzjata tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jiġi ffinanzjat l-investiment pubbliku mil-livelli kollha ta’ gvern biex jiġi implimentat il-Patt Ekoloġiku;

9.

jaqbel li r-riformi strutturali fl-Istati Membri fl-oqsma ta’ politika strateġiċi rilevanti għall-implimentazzjoni tal-objettivi tat-Trattat u tal-politiki tal-UE huma kruċjali għall-konverġenza u l-kompetittività tal-UE, inkluż l-approfondiment tas-suq uniku. Is-Semestru Ewropew jipprovdi qafas utli biex jitrawmu dawn ir-riformi, dment li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-riformi strutturali eliġibbli għall-finanzjament tal-UE jiġi definit skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà u dment li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jkunu involuti fih bħala imsieħba sħaħ;

Id-dimensjoni territorjali tas-Semestru Ewropew

10.

jilqa’ l-enfasi li saret fuq id-disparitajiet reġjonali li dejjem qed jiżdiedu u l-isfidi relatati għat-tkabbir u l-koeżjoni madwar u fi ħdan l-Istati Membri; jenfasizza li d-differenzi fil-punti ta’ tluq jaffettwaw b’mod qawwi l-mod li bih l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom ifasslu u jimplimentaw il-politiki ta’ sostenibbiltà tagħhom; jenfasizza li d-differenzi territorjali għandhom jiġu indirizzati permezz ta’ politiki bbażati fuq il-post, appoġġjati minn valutazzjonijiet tal-impatt territorjali;

11.

jenfasizza r-rilevanza akbar tar-Rapporti tal-Pajjiżi, b’mod partikolari l-Anness D tagħhom, li se jiggwida l-politiki ta’ investiment fil-livell reġjonali u lokali, inklużi dawk iffinanzjati mill-Politika ta’ Koeżjoni u l-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta; jenfasizza li, skont ir-riżultati ta’ stħarriġ tal-KtR tal-assoċjazzjonijiet nazzjonali li jirrappreżentaw il-bliet u r-reġjuni quddiem il-gvernijiet nazzjonali tagħhom, l-awtoritajiet lokali u reġjonali ma kinux involuti biżżejjed mill-gvernijiet nazzjonali tagħhom fit-tħejjija u d-diskussjoni tal-Anness D fil-livell politiku, u li ħafna drabi l-Anness D ma jagħtix stampa ċara tal-ħtiġijiet ta’ investiment tagħhom;

12.

jenfasizza li jinħtieġu konsistenza u koordinazzjoni b’saħħithom bejn is-Semestru Ewropew u l-politika ta’ koeżjoni biex jintlaħqu l-objettivi ta’ sostenibbiltà u inklużjoni soċjali tal-Patt Ekoloġiku; l-ispejjeż tat-tranżizzjoni lejn żvilupp sostenibbli m’għandhomx jiġġarbu minn dawk l-aktar vulnerabbli; għalhekk il-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta jrid jipprovdi appoġġ imfassal apposta lill-persuni u lir-reġjuni l-aktar milquta, b’mod partikolari dawk b’dipendenza għolja fuq il-karburanti fossili – bħal fil-każ ta’ reġjuni b’sistemi tal-enerġija iżolati – u l-industriji li jużaw ħafna enerġija u dawk li qegħdin ibatu l-konsegwenzi soċjali u ekonomiċi tal-bidla fil-mudell tal-enerġija wara li jkunu laħqu l-impenji tagħhom tad-dekarbonizzazzjoni; barra minn hekk, jilqa’ b’sodisfazzjon il-governanza bbażata fuq ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni tal-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta u jitlob li jkun hemm kriterji ta’ allokazzjoni ċari u oġġettivi;

Id-dimensjoni soċjali tas-Semestru Ewropew

13.

jappoġġja l-integrazzjoni tal-SDGs fl-ippjanar tal-istrateġija ekonomika sostenibbli, speċjalment peress li fil-biċċa l-kbira l-miri jaqblu mal-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali; jilqa’, għalhekk, il-Komunikazzjoni reċenti dwar “Ewropa soċjali b’saħħitha għal tranżizzjonijiet ġusti” (3) u jappella għal preżentazzjoni rapida tal-pjan ta’ azzjoni biex jiġi implimentat il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali;

14.

jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi aktar azzjonijiet biex titnaqqas id-differenza bejn l-impjiegi tal-irġiel u n-nisa u d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

15.

jilqa’ l-inklużjoni ta’ dimensjoni reġjonali fl-aħħar Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi, li jirrifletti t-“Tabella ta’ Valutazzjoni Soċjali Reġjonali Ewropea” tal-KtR ta’ Settembru 2019;

16.

jikkondividi t-tħassib tal-Kummissjoni dwar l-effetti negattivi ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ u sfidi demografiċi oħra bħad-densità baxxa tal-popolazzjoni, id-dispersjoni tal-popolazzjoni, it-tnaqqis fin-numru ta’ żgħażagħ u t-tnaqqis fir-rata tat-twelid, u jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-suġġeriment inkluż fl-Opinjoni tal-KtR dwar “It-tibdil demografiku: proposti dwar il-kejl u l-indirizzar tal-effetti negattivi tiegħu fir-reġjuni tal-UE” u fl-Opinjoni tal-KtR dwar “Ir-reazzjoni tal-UE għall-isfida demografika”;

Il-governanza tas-Semestru Ewropew

17.

jinnota li l-mudell ta’ tkabbir tal-UE jista’ biss jikkontribwixxi b’suċċess għall-objettivi globali minquxa fl-SDGs u l-Patt Ekoloġiku jekk tiġi żgurata koordinazzjoni xierqa mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Itenni l-ħtieġa li tiżdied is-sjieda tas-Semestru Ewropew fuq il-post sabiex isir aktar effettiv fir-rigward tal-għan ġdid u ambizzjuż tal-UE li twettaq l-SDGs, mhux l-inqas minħabba li skont l-OECD, 65 % tal-169 mira tal-SDGs ma jistgħux jinkisbu mingħajr involviment u koordinazzjoni sħaħ mal-awtoritajiet lokali u reġjonali. Biex is-Semestru jwettaq il-wegħdiet tiegħu, il-livelli kollha tal-gvern u l-partijiet interessati rilevanti għandhom jiġu involuti bħala msieħba, lil hinn mill-prattiki attwali li fi-biċċa l-kbira tagħhom huma bbażati fuq konsultazzjonijiet fl-istadji finali tal-proċess tas-Semestru. Dan l-approċċ ta’ sħubija għandu jiġi adottat b’mod urġenti u jillokalizza l-implimentazzjoni tal-SDGs lejn l-objettivi u l-miri bbażati fuq il-post u perjodi ta’ żmien relatati; dan jirrikjedi aktar enfasi fuq l-impenji operazzjonali għall-SGDs u r-rieżami lokali voluntarja tal-proċessi ta’ implimentazzjoni tal-SDGs;

18.

jenfasizza li s-Semestru Ewropew issa jagħti gwida dwar l-ipprogrammar ta’ investimenti li għandhom jiġu kofinanzjati mill-Fondi SIE, u dwar l-Istrument Baġitarju propost għall-Konverġenza u l-Kompetittività. Iwissi, madankollu, kontra r-riskju tal-approċċ ċentralizzat minn fuq għal isfel tas-Semestru Ewropew li jpoġġi restrizzjonijiet żejda fuq l-approċċ deċentralizzat minn isfel għal fuq tal-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE u politiki bbażati fuq il-post; jitlob ukoll li jkun hemm konsistenza bejn l-approċċ ta’ programmazzjoni pluriennali tal-Politika ta’ Koeżjoni u s-Semestru Ewropew;

19.

iħeġġeġ lill-UE biex tikkoordina b’mod effettiv il-proċessi ta’ governanza tas-Semestru Ewropew u tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE abbażi tal-istess prinċipji ta’ sħubija u ta’ governanza f’diversi livelli; ifakkar fl-Opinjoni tiegħu dwar ir-rabtiet bejn il-politika ta’ koeżjoni u s-Semestru Ewropew; itenni l-proposta tiegħu għal Kodiċi ta’ Kondotta (4) għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fis-Semestru Ewropew bħala imsieħba sħaħ, simili għall-Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-sħubija fir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2014-2020; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-użu ta’ politiki ffinanzjati mill-UE għall-bini tal-kapaċità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u jfakkar fl-Opinjoni reċenti tiegħu dwar dan is-suġġett (5); jiddispjaċih li r-Rapport annwali ta’ segwitu dwar l-implimentazzjoni tal-Programm ta’ Appoġġ għal Riformi Strutturali 2018 ma jipprovdix data dwar l-użu tal-programm mill-awtoritajiet lokali u reġjonali;

20.

iżid li l-SDGs stess jirrikjedu l-involviment attiv tal-partijiet interessati, inklużi l-awtoritajiet lokali u reġjonali. Għalhekk, wara t-tmiem tal-mandat tal-pjattaforma tal-partijiet interessati tal-UE dwar l-SDGs, għandhom jiġu definiti forom ġodda ta’ involviment tal-partijiet interessati fl-implimentazzjoni tal-SDGs, mhux l-inqas permezz tas-Semestru Ewropew, li jkunu ugwalment ambizzjużi;

21.

jagħti struzzjonijiet lill-President sabiex jibgħat din ir-Riżoluzzjoni lill-Kummissjoni Ewropea, lill-Parlament Ewropew, lill-Presidenza Kroata tal-Kunsill u lill-President tal-Kunsill Ewropew.

Brussell, it-12 ta’ Frar 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  https://ec.europa.eu/info/publications/2020-european-semester-annual-sustainable-growth-strategy_mt

(2)  https://webapi2016.cor.europa.eu/v1/documents/cor-2019-03856-00-00-res-tra-mt.docx/content

(3)  COM(2020) 14 final.

(4)  Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar “It-titjib tal-governanza tas-Semestru Ewropew: Kodiċi ta’ Kondotta għall-involviment tal-awtoritajiet lokali u reġjonali”. Relatur: Rob Jonkman (NL/ECR). Adottata fil-11 ta’ Mejju 2017 (ĠU C 306, 15.9.2017, p. 24).

(5)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Intejbu l-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għat-tisħiħ tal-investimenti u r-riformi strutturali fl-2021–2027. Relatur: Manuela Bora (IT/PES). Aadottata fl-4 ta’ Diċembru 2019 (ĠU C 79, 10.3.2020, p. 25).


Top