EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020XC0320(03)
Communication from the Commission Temporary Framework for State aid measures to support the economy in the current COVID-19 outbreak 2020/C 91 I/01
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 2020/C 91 I/01
Komunikazzjoni mill-Kummissjoni Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 2020/C 91 I/01
C/2020/1863
OJ C 91I , 20.3.2020, p. 1–9
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
20.3.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
CI 91/1 |
KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI
Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19
(2020/C 91 I/01)
1. IT-TIFQIGHA TAL-COVID-19, L-IMPATT TAGHHA FUQ L-EKONOMIJA U L-HTIEGA TA’ MIZURI TEMPORANJI
1.1. It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-impatt tagħha fuq l-ekonomija
1. |
It-tifqigħa tal-COVID-19 hija emerġenza gravi tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini u għas-soċjetajiet, u l-Istati Membri kollha tal-Unjoni għandhom rikorrenzi ta’ infezzjonijiet. Hija wkoll xokk maġġuri għall-ekonomiji dinjija u tal-Unjoni u huwa kruċjali li jkun hemm reazzjoni ekonomika kkoordinata mill-Istati Membri u l-istituzzjonijiet tal-UE biex jittaffu dawn ir-riperkussjonijiet negattivi fuq l-ekonomija tal-UE. |
2. |
Dan ix-xokk qiegħed jolqot lill-ekonomija minn naħat differenti. Hemm xokk fil-provvista li huwa kkawżat minn domanda aktar baxxa min-naħa tal-konsumaturi u hemm l-effett negattiv tal-inċertezza fuq il-pjanijiet ta’ investiment u l-impatt tar-restrizzjonijiet fuq il-likwidità tal-impriżi. |
3. |
Id-diversi miżuri ta’ trażżin li ġew adottati mill-Istati Membri, bħall-miżuri ta’ tbegħid soċjali, restrizzjonijiet fuq l-ivjaġġar, kwarantini u projbizzjonijiet tal-moviment huma maħsuba biex jiżguraw li x-xokk ikun wieħed kemm jista’ jkun qasir u limitat. Dawn il-miżuri jħallu impatt immedjat kemm fuq id-domanda kif ukoll fuq il-provvista, u jolqtu lill-impriżi u lill-impjegati, speċjalment fis-setturi tas-saħħa, tat-turiżmu, tal-kultura, tal-bejgħ bl-imnut u tat-trasport. Lil hinn mill-effetti immedjati fuq il-mobbiltà u l-kummerċ, it-tifqigħa tal-COVID-19 qed taffettwa dejjem aktar anki lil impriżi ta’ kull xorta f’kull settur, impriżi żgħar u medji (“SMEs”) kif ukoll lil impriżi kbar. L-impatt qiegħed jinħass ukoll fis-swieq finanzjarji globali, partikolarment bi tħassib dwar il-likwidità. Dawn l-effetti mhumiex se jinħassu fi Stat Membru wieħed partikolari biss u se jħallu impatt ta’ tfixkil fuq l-ekonomija tal-Unjoni kollha kemm hi. |
4. |
Impriżi ta’ kull tip jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas gravi ta’ likwidità fiċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li nħolqu mit-tifqigħa tal-COVID-19. Kemm impriżi solventi kif ukoll dawk anqas solventi jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ nuqqas għall-għarrieda jew saħansitra nixfa totali tal-likwidità. Ir-riskju li qegħdin iħabbtu wiċċhom miegħu l-SMEs huwa ta’ livell partikolari. Għaldaqstant dan jista’ jolqot b’mod serju s-sitwazzjoni ekonomika ta’ bosta impriżi li huma b’saħħithom u s-sitwazzjoni tal-impjegati fuq perjodu qasir u medju, filwaqt li joħloq effetti dejjiema billi jipperikola s-sopravivenza tagħhom. |
5. |
Il-banek u intermedjarji finanzjarji oħra se jkollhom rwol fundamentali fit-trattament tal-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 billi jżommu l-fluss ta’ kreditu fl-ekonomija miftuħ. Jekk il-fluss tal-kreditu jitliġġem b’mod sever, l-attività ekonomika tonqos drastikament hekk kif l-impriżi jibdew isibuha diffiċli biex iħallsu lill-fornituri u lill-impjegati tagħhom. F’dan l-isfond, ikun xieraq li l-Istati Membri jkunu jistgħu jieħdu miżuri biex jinċentivizzaw l-issoktar tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ intermedjarji finanzjarji oħra fir-rwol tagħhom li jkomplu jsostnu l-attività ekonomika fl-UE. |
6. |
L-għajnuna li tingħata lill-impriżi mill-Istati Membri fil-kuntest tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, li tingħata permezz tal-banek bħala intermedjarji finanzjarji, tibbenefika lil dawn l-impriżi direttament. L-għan ta’ għajnuna bħal din mhuwiex iż-żamma jew it-tisħiħ tal-vijabbiltà, tal-likwidità jew tas-solvenza tal-banek. Bl-istess mod, l-għajnuna li tingħata mill-Istati Membri lill-banek skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE bħala kumpens għall-ħsara diretta li tiġġarrab minħabba t-tifqgiħa tal-COVID-19 (1) ma għandhiex l-għan li żżomm jew issaħħaħ il-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza ta’ istituzzjoni jew entità partikolari. Minħabba f’dan, għajnuna bħal din ma tista tiġi kwalifikata bħala għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja la skont id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (il-BRRD) (2), u lanqas skont ir-Regolament 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament SRM) (3), apparti li lanqas ma tkun ivvalutata skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat (4) applikabbli għas-settur bankarju (5). |
7. |
Jekk minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19 il-banek jispiċċaw li jkollhom bżonn sostenn dirett fil-forma ta’ rikapitalizzazzjoni tal-likwidità jew miżura tal-assi indeboliti, irid ikun hemm evalwazzjoni dwar jekk il-miżura tkunx konformi mal-kundizzjonijiet tal-Artikolu 32(4)(d) (i), (ii) jew (iii) tal-BRRD. Fil-każ li jkunu ssodisfati l-kundizzjonijiet tal-aħħar, il-bank li jirċievi tali sostenn dirett ma jitqiesx li jkun qiegħed ifalli jew li x’aktarx ifalli. Sal-livell li tali miżuri jkunu jindirizzaw problemi marbuta mat-tifqigħa tal-COVID-19, ikunu jitqiesu li jaqgħu taħt il-punt 45 tal-Komunikazzjoni Bankarja tal-2013 (6), li tistabbilixxi eċċezzjoni għar-rekwiżit tal-kondiviżjoni tal-piżijiet minn azzjonisti u kredituri subordinati. |
8. |
Jista’ jkun li l-impriżi mhux biss jiffaċċjaw ammont ta’ likwidità insuffiċjenti, iżda jistgħu wkoll iġarrbu dannu sinifikanti minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. In-natura eċċezzjonali tat-tifqigħa tal-COVID-19 tfisser li tali ħsarat ma setgħux jiġu previsti, huma ta’ daqs sinifikanti u għaldaqstant se jpoġġu lill-impriżi f’kundizzjonijiet drastikament differenti mill-kundizzjonijiet tas-suq li normalment joperaw fihom. Anke l-impriżi tas-saħħa, li huma mħejjija sew għar-riskji inerenti għall-ħidma normali tagħhom, jistgħu jsibuha diffiċli f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali, sal-punt fejn il-vijabbiltà tagħhom tista’ tiġi kompromessa. |
9. |
Hemm ir-riskju li t-tifqigħa tal-COVID-19 twassal għal tnaqqis serju li jolqot lill-ekonomija kollha tal-UE, b’impatt fuq in-negozji, l-impjiegi u l-unitajiet domestiċi. Huwa meħtieġ appoġġ pubbliku mmirat sew biex jiġi żgurat li s-swieq ikollhom biżżejjed likwidità, biex tagħmel tajjeb għall-ħsara li se tiġġarrab mill-impriżi tas-saħħa u biex l-attività ekonomika tinżamm għaddejja matul u wara t-tifqigħa tal-COVID-19. Meta wieħed iqis id-daqs limitat tal-baġit tal-UE, ir-rispons ewlieni se jingħata fil-baġits nazzjonali tal-Istati Membri. Ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat jippermettu lill-Istati Membri jieħdu azzjoni rapida u effettiva biex jingħata appoġġ liċ-ċittadini u lill-impriżi, partikolarment lill-SMEs, li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet minħabba t-tifqigħa tal-COVID-19. |
1.2. Il-ħtieġa ta’ koordinazzjoni Ewropea eqreb tal-miżuri nazzjonali ta’ għajnuna
10. |
L-applikazzjoni mmirata u proporzjonata tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat isservi biex tiżgura li l-miżuri nazzjonali ta’ appoġġ ikunu effettivi fl-għajnuna li jagħtu lill-impriżi milquta matul it-tifqigħa tal-COVID-19, iżda wkoll li tippermettilhom jirkupraw mis-sitwazzjoni ta’ bħalissa, fil-kunsiderazzjoni tal-importanza li jinkisbu ż-żewġ tranżizzjonijiet li jimxu biswit xulxin, dik ekoloġika u dik diġitali, skont l-objettivi tal-UE. Bl-istess mod, il-kontroll tal-UE tal-għajnuna mill-Istat jiżgura li s-Suq Intern tal-UE ma jkunx frammentat u li l-kundizzjonijiet jibqgħu ekwi. L-integrità tas-Suq Intern se twassal ukoll għal irkupru aktar rapidu. Jevita wkoll tlielaq ta’ sussidji li jagħmlu l-ħsara, fejn l-Istati Membri aktar għonja jonfqu aktar mill-ġirien tagħhom għad-detriment tal-koeżjoni fl-Unjoni. |
1.3. Il-ħtieġa ta’ miżuri xierqa ta’ għajnuna mill-Istat
11. |
Fil-kuntest tal-isforz kumplessiv tal-Istati Membri biex jindirizzaw l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-ekonomiji tagħhom, din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-possibbiltajiet tal-Istati Membri taħt ir-regoli tal-UE biex jiżguraw il-likwidità u l-aċċess għall-finanzjament min-naħa tal-impriżi, speċjalment dawk l-SMEs li jħabbtu wiċċhom ma’ tnaqqis ħabta u sabta matul dan il-perjodu sabiex jitpoġġew f’pożizzjoni li jirkupraw mis-sitwazzjoni ta’ bħalissa. |
12. |
Fil-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Marzu 2020 dwar rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19 (7) il-Kummissjoni stabbiliet id-diversi opzjonijiet li huma disponibbli għall-Istati Membri lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-kontroll tal-UE tal-għajnuna mill-Istat u li jkunu jistgħu jdaħħlu fis-seħħ mingħajr l-involviment tal-Kummissjoni. Dawn jinkludu miżuri applikabbli għall-impriżi kollha fir-rigward tas-sussidji tal-pagi, tas-sospensjoni tal-pagamenti ta’ taxxi korporattivi u ta’ taxxi fuq il-valur miżjud jew ta’ kontribuzzjonijiet tal-ħarsien soċjali, jew appoġġ finanzjarju dirett lill-konsumaturi b’rabta ma’ servizzi li jiġu kkanċellati jew biljetti li ma jiġux rimborsati mill-operaturi kkonċernati. |
13. |
L-Istati Membri jistgħu wkoll ifasslu miżuri ta’ appoġġ b’konformità mar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa (8) mingħajr l-involviment tal-Kummissjoni. |
14. |
Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, u kif ġie speċifikat aktar fil-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għas-Salvataġġ u r-Ristrutturar, l-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-iskemi ta’ għajnuna li jissodisfaw il-bżonnijiet akuti ta’ likwidità u l-appoġġ lill-impriżi li jkunu qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji, kemm dawk li jiġu kkawżati mit-tifqigħa tal-COVID-19 kif ukoll dawk li jiġu aggravati minħabba fiha (9). |
15. |
Barra minn hekk, abbażi tal-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE l-Istati Membri jistgħu wkoll jikkumpensaw lill-impriżi fis-setturi li jintlaqtu b’mod partikolari mit-tifqigħa (pereż. tat-trasport, tat-turiżmu, tal-kultura, tal-ospitalità u tal-bejgħ bl-imnut) u/jew lill-organizzaturi ta’ avvenimenti kkanċellati għad-danni li jġarrbu minħabba t-tifqigħa. L-Istati Membri jistgħu jinnotifikaw dawn il-miżuri ta’ kumpens għal danni u l-Kummissjoni se tivvalutahom direttament skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE (10). Il-prinċipju ta’ “l-ewwel u tal-aħħar darba” (11) fil-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar ma jkoprix għajnuna li l-Kummissjoni tiddikjara bħala kumpatibbli skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE, peress li l-aħħar tip ta’ għajnuna mhix “għajnuna ta’ salvataġġ, għajnuna għar-ristrutturar jew appoġġ għar-ristrutturar temporanju” fi ħdan it-tifsira tal-punt 71 tal-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar. Għalhekk, l-Istati Membri jistgħu jagħtu kumpens skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE għad-danni kkawżati direttament mit-tifqigħa tal-COVID-19 lill-impriżi li jkunu rċevew għajnuna skont il-Linji Gwida dwar is-Salvataġġ u r-Ristrutturar. |
16. |
Biex dawn il-possibbiltajiet jiġu kkumplimentati, f’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni tistabbilixxi l-miżuri temporanji addizzjonali ta’ għajnuna mill-Istat li tqis li huma kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, li jkunu jistgħu jiġu approvati malajr ħafna hekk kif ikun hemm notifika mill-Istat Membru kkonċernat. Barra minn dan, in-notifika ta’ approċċi alternattivi – kemm jekk skemi ta’ għajnuna kif ukoll jekk miżuri individwali – tibqa’ possibbli. L-għan ta’ din il-Komunikazzjoni huwa li tistabbilixxi qafas li jippermetti lill-Istati Membri jindirizzaw id-diffikultajiet li l-impriżi qegħdin jiffaċċjaw bħalissa filwaqt li titħares l-integrità tas-Suq Intern tal-UE u jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. |
2. L-APPLIKABBILTA TAL-ARTIKOLU 107(3)(B) TAT-TRATTAT DWAR IL-FUNZJONAMENT TAL-UNJONI EWROPEA
17. |
Skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE l-Kummissjoni tista’ tiddikjara li għajnuna li “tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru” tkun kompatibbli mas-suq intern. F’dan il-kuntest, il-qrati tal-Unjoni ddeċidew li t-taħwid irid ikun jaffettwa l-ekonomija kollha kemm hi jew inkella lil parti importanti tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat, u mhux biss l-ekonomija ta’ wieħed mir-reġjuni tiegħu jew ta’ partijiet mit-territorju tiegħu. Barra minn hekk, dan huwa konformi mal-ħtieġa ta’ interpretazzjoni stretta ta’ kwalunkwe dispożizzjoni eċċezzjonali bħall-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE (12). Il-Kummissjoni applikat din l-interpretazzjoni b’mod konsistenti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha (13). |
18. |
Meta wieħed iqis li l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID-19 jolqtu lill-Istati Membri kollha u li l-miżuri ta’ trażżin li jittieħdu mill-Istati Membri jaffettwaw lill-impriżi, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna mill-Istat tkun iġġustifikata u tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, għal perjodu limitat, fejn tintuża biex tirrimedja tnaqqis tal-likwidità għall-impriżi u biex jiġi żgurat li t-tħarbit ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID-19 ma jimminax il-vijabbiltà tagħhom, speċjalment tal-SMEs. |
19. |
F’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni qed tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà li se tapplika fil-prinċipju għall-għajnuna li tingħata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE. Għaldaqstant l-Istati Membri jridu juru li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skont din il-Komunikazzjoni jkunu meħtieġa, xierqa u proporzjonati biex jirrimedjaw tħarbit serju fl-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat u li l-kundizzjonijiet kollha f’din il-Komunikazzjoni jiġu rrispettati bis-sħiħ. |
20. |
L-għajnuna konċessa skont it-Taqsima 3.1 tista tiġi akkumulata jew ma’ għajnuna skont it-Taqsima 3.2 jew it-Taqsima 3.3, u b’għajnuna konċessa skont it-Taqsima 3.5 ta’ din il-Komunikazzjoni (14). |
3. MIZURI TA’ GHAJNUNA MILL-ISTAT TEMPORANJI
3.1. Għajnuna fis-sura ta’ għotjiet diretti, ħlas bil-quddiem ripagabbli jew benefiċċji fuq it-taxxa
21. |
Lil hinn mill-possibbiltajiet li jaqgħu taħt l-Artikolu 107(3)(c) tat-TFUE, l-għoti ta’ ammonti limitati ta’ għajnuna fuq bażi temporanja lill-impriżi li jsibu ruħhom jiffaċċjaw nuqqas ta’ likwidità ħabta u sabta jew saħansitra nixfa totali ta’ likwidità jista’ joffri soluzzjoni xierqa, meħtieġa u mmirata matul iċ-ċirkostanzi ta’ bħalissa. |
22. |
Il-Kummissjoni se tikkunsidra tali għajnuna mill-Istat bħala kumpatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin (id-dispożizzjonijiet speċifiċi għas-settur primarju tal-agrikoltura u s-setturi tas-sajd u tal-akwakultura huma mfissra fil-punt 23):
|
23. |
B’deroga mill-punt 22, fil-każ tas-setturi tal-agrikoltura, is-sajd u tal-akwakultura, japplikaw il-kundizzjonijiet speċifiċi li ġejjin:
|
3.2. Għajnuna fil-forma ta’ garanziji fuq is-self
24. |
Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal-likwidità għal impriżi li jiffaċċjaw nuqqas f’daqqa, il-garanziji pubbliċi fuq is-self għal perjodu u għal ammont tas-self limitati jistgħu jkunu soluzzjoni xierqa, meħtieġa u mmirata matul iċ-ċirkostanzi attwali. |
25. |
Il-Kummissjoni se tikkunsidra tali għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ garanziji pubbliċi ġodda fuq is-self bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE sakemm:
|
3.3. Għajnuna fil-forma ta’ rati tal-imgħax sussidjati għas-self
26. |
Sabiex jiġi żgurat l-aċċess għal-likwidità għal impriżi li jiffaċċjaw nuqqas f’daqqa, ir-rati tal-imgħax sussidjati għal perjodu u għal ammont ta’ self li jkunu limitati jistgħu jkunu soluzzjoni xierqa, meħtieġa u mmirata matul iċ-ċirkostanzi attwali. Fil-każ tal-istess kapital tas-self sottostanti, l-għajnuna mogħtija skont it-Taqsima 3.2 u t-Taqsima 3.3 ma tistax tiġi akkumulata. |
27. |
Il-Kummissjoni se tikkunsidra għajnuna mill-Istat fil-forma ta’ sussidji għal self minn fondi pubbliċi bħala kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE sakemm jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
|
3.4. Għajnuna fil-forma ta’ garanziji u self mgħoddija permezz ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra
28. |
L-għajnuna fil-forma ta’ garanziji pubbliċi u ta’ rati tal-imgħax imnaqqsa skont it-Taqsima 3.2 u t-Taqsima 3.3 ta’ din il-Komunikazzjoni jistgħu jiġu pprovduti lill-impriżi li jiffaċċjaw nuqqas għall-għarrieda ta’ likwidità direttament jew permezz ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u istituzzjonijiet finanzjarji oħra bħala intermedjarji finanzjarji. Fil-każ tal-aħħar, iridu jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt. |
29. |
Filwaqt li tali għajnuna hija direttament immirata lejn impriżi li jkunu qegħdin jiffaċċjaw nuqqas f’daqqa ta’ likwidità u mhux lejn istituzzjonijiet ta’ kreditu jew xi istituzzjonijiet finanzjarji oħra, jista’ jkun li din tkun tikkostitwixxi vantaġġ indirett għal dawn tal-aħħar. Madankollu, tali għajnuna indiretta ma għandhiex l-objettiv li tippreserva jew tirrestawra l-vijabbiltà, il-likwidità jew is-solvenza tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu. Bħala riżultat, il-Kummissjoni tqis li tali għajnuna jenħtieġ li ma tiġix kwalifikata bħala għajnuna finanzjarja pubblika straordinarja skont l-Artikolu 2(1) Nru 28 BRRD u l-Artikolu 3(1) Nru 29 SRM-R, u jenħtieġ li ma tiġix ivvalutata skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat applikabbli għas-settur bankarju (29). |
30. |
Fi kwalunkwe każ, huwa xieraq li jiddaħħlu ċerti salvagwardji fir-rigward tal-għajnuna indiretta possibbli favur l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew istituzzjonijiet finanzjarji oħra biex jiġu limitati xi distorsjonijiet bla bżonn għall-kompetizzjoni. |
31. |
Jenħtieġ li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew xi istituzzjoni finanzjarja oħra, sa fejn ikun assolutament possibbli, jgħaddu l-vantaġġi tal-garanzija pubblika jew tar-rati tal-imgħax issussidjati fuq self lill-benefiċjarji finali. L-intermedjaru finanzjarju għandu jkun fil-pożizzjoni li juri li huwa jħaddem mekkaniżmu li jiggarantixxi li l-vantaġġi jgħaddu sa fejn ikun assolutament possibbli għand il-benefiċjarji finali fil-forma ta’ volumi akbar ta’ ffinanzjar, portafolji aktar riskjużi, rekwiżiti iċken ta’ garanziji, primjums iżgħar ta’ garanzija jew rati tal-imgħax aktar baxxi. Fejn ikun hemm obbligu legali li l-maturità ta’ self eżistenti għall-SMEs tiġi estiża, ma tkun tista’ tiġi imposta l-ebda tariffa ta’ garanzija. |
3.5. Assikurazzjoni għal perjodu qasir ta’ kreditu għall-esportazzjoni
32. |
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni għall-assigurazzjoni għall-esportazzjoni bi kreditu għal żmien qasir (30) (l-“STEC”) tistipula li r-riskji kummerċjabbli ma jistgħux jiġu koperti minn assigurazzjoni tal-kreditu għall-esportazzjoni bis-sostenn tal-Istati Membri (31). Bħala konsegwenza tat-tifqigħa preżenti, ma jistax jiġi eskluż li, f’ċerti pajjiżi, jista’ jkun li l-kopertura għar-riskji kummerċjabbli tkun temporanjament mhux disponibbli (32). |
33. |
F’dan il-kuntest, l-Istati Membri jistgħu juru n-nuqqas ta’ suq billi jipprovdu evidenza biżżejjed dwar in-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ kopertura għar-riskju fis-suq privat tal-assigurazzjoni. L-użu tal-eżenzjoni rigward ir-riskji mhux kummerċjabbli prevista fil-paragrafu 18(d) tal-STEC f’kull każ se jitqies bħala ġustifikat jekk:
|
4. MONITORAGG U RAPPURTAR
34. |
L-Istati Membri huma obbligati li jippubblikaw l-informazzjoni relevanti (33) dwar kull għajnuna individwali konċessa skont din il-Komunikazzjoni fis-sit web komprensiv dwar l-għajnuna mill-Istat fi żmien 12-il xahar wara l-mument tal-konċessjoni. |
35. |
L-Istati Membri jridu jippreżentaw rapporti annwali lill-Kummissjoni (34) |
36. |
Sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri jridu jipprovdu lill-Kummissjoni lista ta’ miżuri li jkunu ttieħdu abbażi ta’ skemi approvati abbażi ta’ din il-Komunikazzjoni. |
37. |
L-Istati Membri jridu jiggarantixxu li tinżamm dokumentazzjoni dettaljata rigward il-konċessjoni tal-għajnuna li jsir provvediment għaliha f’din il-Komunikazzjoni. Tali dokumentazzjoni, li jrid ikun fiha l-informazzjoni kollha neċessarja biex ikun jista’ jiġi stabbilit li jkunu ġew osservati l-kundizzjonijiet neċessarji, trid tinżamm għal 10 snin wara li tkun ingħatat l-għajnuna u tingħata lill-Kummissjoni meta tintalab. |
38. |
Il-Kummissjoni tista’ titlob informazzjoni addizzjonali rigward l-għajnuna mogħtija, sabiex tivverifika jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-miżura ta’ għajnuna ikunux issodisfati. |
5. Dispożizzjonijiet Finali
39. |
Il-Kummissjoni tapplika din il-Komunikazzjomni mid-19 ta’ Marzu 2020, fil-kunsiderazzjoni tal-impatt ekonomiku tat-tifqigħa tal-COVID-19, li kienet tirrikjedi azzjoni immedjata. Din il-Komunikazzjoni hija ġustifikata miċ-ċirkostanzi eċċezzjonali preżenti u mhux se tibqa’ tiġi applikata wara l-31 ta’ Diċembru 2020. Il-Kummissjoni tista’ tirrevediha qabel dik id-data abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet importanti ekonomiċi jew li jolqtu l-politika tal-kompetizzjoni. Fejn ikun ta’ għajnuna, il-Kummissjoni tista’ wkoll tipprovdi kjarifiki ulterjuri dwar il-metodu tagħha fir-rigward ta’ kwistjonijiet partikolari. |
40. |
Il-Kummissjoni tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ din il-Komunikazzjoni fil-konfront tal-miżuri kollha notifikati mid-19 ta’ Marzu 2020, anki jekk il-miżuri kienu ġew notifikati qabel dik id-data. |
41. |
F’konformità man-notifika tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment tar-regoli applikabbli għall-evalwazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat mhux skont il-liġi (35), il-Kummissjoni tapplika dan li ġej għar-rigward ta’ għajnuna mhux notifikata:
|
42. |
Il-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri kkonċernati, se tiżgura li d-deċiżjonijiet jiġu adottati malajr malli jkun hemm in-notifika ċara u kompleta tal-miżuri koperti minn din il-Komunikazzjoni. Jenħtieġ li l-Istati Membri jinformaw lill-Kummissjoni bl-intenzjonijiet tagħhom u jinnotifikaw il-pjanijiet tagħhom li jintroduċu tali miżuri kemm jista’ jkun malajr u bil-mod l-aktar komprensiv possibbli. Il-Kummissjoni se tipprovdi gwida u assistenza lill-Istati Membri f’dan il-proċess. |
(1) Tali għajnuna tista’ tiġi nnotifikata mill-Istati Membri u l-Kummissjoni se tivvalutaha skont l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE.
(2) ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190.
(3) ĠU L 225, 30.7.2014, Artikolu 3(1)(29) tar-Regolament SRM.
(4) Il-Komunikazzjoni dwar ir-rikapitalizzazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fil-kriżi finanzjarja preżenti: limitazzjoni tal-għajnuna għall-minimu meħtieġ u protezzjoni kontra distorsjonijiet ta’ kompetizzjoni mhux mistħoqqa (“Il-Komunikazzjoni dwar ir-Rikapitalizzazzjoni”) (ĠU C 10, 15.1.2009, p. 2), il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar it-trattament ta’ assi indeboliti fis-settur bankarju tal-Komunità (“Il-Komunikazzjoni dwar l-Assi Indeboliti”) (ĠU C 72, 26.3.2009, p. 1), il-Komunikazzjoni fuq ir-ritorn għall-vijabbiltà u l-valutazzjoni ta’ miżuri ta’ ristrutturar fis-settur finanzjarju fil-kriżi attwali taħt ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat (“il-Komunikazzjoni dwar ir-Ristrutturar”) (ĠU C 195, 19.8.2009, p. 9), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, wara l-1 ta’ Jannar 2011, tar-regoli dwar l-gћajnuna mill-Istat favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjara (“il-Komunikazzjoni dwar it-Titwil tal-2010”) (ĠU C 329, 7.12.2010, p. 7), il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Jannar 2012, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-Komunikazzjoni dwar it-Titwil tal-2011”) (ĠU C 356, 6.12.2011, p. 7), il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (“il-Komunikazzjoni dwar il-Banek tal-2013”) (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).
(5) Kwalunkwe miżura għall-appoġġ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jew ta’ istituzzjonijiet finanzjarji oħra li tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fit-tifsira tal-Artikolu 107(1) tat-TFUE li tmur lil hinn minn din il-Komunikazzjoni jew li mhijiex koperta mill-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE ma tridx tiġi notifikata skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat li huma applikabbli għas-settur bankarju.
(6) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni, mill-1 ta’ Awwissu 2013, tar-regoli dwar l-għajnuna mill-istat għal miżuri ta’ appoġġ favur il-banek fil-kuntest tal-kriżi finanzjarja (ĠU C 216, 30.7.2013, p. 1).
(7) Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Bank Ewropew tal-Investiment u lill-Grupp tal-Euro dwar Rispons ekonomiku kkoordinat għall-epidemija tal-COVID-19, COM(2020) 112 final tat-13 ta’ Marzu 2020.
(8) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187 tas-26.6.2014, p. 1).
(9) Il-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturar ta’ impriżi mhux finanzjarji f’diffikultà (ĠU C 249, 31.7.2014, p.1). Il-Kummissjoni awtorizzat diversi skemi f’disa’ Stati Membri differenti.
(10) Ara, pereżempju, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni SA. 56685, id-Danimarka - Skema ta’ Kumpens għall-kanċellazzjoni ta’ avvenimenti relatati mal-COVID-19,
https://ec.europa.eu/competition/state_aid/cases1/202011/285054_2139535_70_2.pdf
(11) Ara t-Taqsima 3.6.1 tal-Linji gwida dwar ir-Ristrutturar u s-Salvataġġ.
(12) Il-Kawżi Magħquda T-132/96 u T-143/96 Freistaat Sachsen, Volkswagen AG u Volkswagen Sachsen GmbH v Commission, ECLI:EU:T:1999:326, il-paragrafu 167.
(13) id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 98/490/EC fil-Każ C 47/96 Crédit Lyonnais (ĠU L 221, 8.8.1998, p. 28), il-punt 10.1; id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2005/345/EC fil-Każ C 28/02 Bankgesellschaft Berlin (ĠU L 116, 4.5.2005, p. 1), il-punti 153 u ta’ wara ; u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/263/EC fil-Każ C 50/06 BAWAG (ĠU L 83, 26.3.2008, p. 7), il-punt 166. Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ NN 70/07 Northern Rock (ĠU C 43, 16.2.2008, p. 1), id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-Każ NN 25/08 Għajnuna ta’ Salvataġġ lil Risikoabschirmung WestLB (ĠU C 189, 26.7.2008, p. 3) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta’ Ġunju 2008 fil-każ ta’ għajnuna mill-Istat C 9/08 SachsenLB (ĠU L 104, 24.4.2009, p. 34), u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Ġunju 2017 fil-każ SA.32544 (2011/C) Ir-ristrutturar ta’ TRAINOSE S.A (ĠU L 186.2018, p.25).
(14) Il-miżuri ta’ għajnuna temporanja li jsir provvediment għalihom f’din il-Komunikazzjoni jistgħu jiġu kumulati b’għajnuna li taqa’ taħt l-ambitu tar-Regolament de minimis (ĠU L 352, 24.12.2013).
(15) Kif stabbilit fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187 tas-26.6.2014, p. 1).
(16) Jekk l-għajnuna tiġi konċessa fil-forma ta’ benefiċċji fuq it-taxxa, din l-iskadenza ma tkunx applikabbli u l-għajnuna titqies bħala konċessa meta tkun dovuta d-dikjarazzjoni tat-taxxa tal-2020.
(17) Kif stabbilit fl-Artikolu 2(6) u l-Artikolu 2(7) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 tal-25 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara ċertu kategoriji ta’ għajnuna fis-setturi tal-agrikoltura u l-forestrija u f’żoni rurali kompatibbli mas-suq intern bl-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 193, 1.7.2014, p. 1).
(18) Il-prodotti elenkati fl-Anness I tar-Regolament Nru 1379/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fil-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1184/2006 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħasar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 104/2000, ĠU L 354, 28.12.2013, p. 1
(19) Il-prodotti kollha elenkati fl-Anness I tat-TFUE bl-eċċezzjoni tal-prodotti tas-settur tas-sajd u tal-akkwakultura, are n-nota preċedenti 18 f’qiegħ il-paġna.
(20) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 717/2014 tas-27 ta’ Ġunju 2014 dwar l-applikazzjoni tal-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna de minimis fis-settur tas-sajd u tal-akkwakultura (ĠU L 90, 28.6.2014, p. 45).
(21) Ir-referenza għad-definizzjoni ta’ “impriża f’diffikultà” li ssir referenza għaliha fil-punt 22 (c) u n-noti 15 u 3- f’qiegħ il-paġna, għandha tinqara bħala li tirreferi għad-definizzjonijiet li hemm fl-Artikolu 2(14) tar-Regolament (UE) Nru 702/2014 u l-Artikolu 3(5) tar-Regolament 1388/2014, rispettivament.
(22) Il-pjan ta’ likwidità jista’ jinkludi kemm il-kapital operatorju kif ukoll il-kosti tal-investiment.
(23) Kif stabbilit fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187 tas-26.6.2014, p. 1).
(24) Ir-rati bażi kkalkulati skont il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU C 14, 19.01.2008, p. 6) u ppubblikata fuq is-sit web tad-DG Kompetizzjoni hawnhekk https://ec.europa.eu/competition/state_aid/legislation/reference_rates.html.
(25) Ir-rata minima tal-imgħax totali (ir-rata bażi flimkien mal-marġni ta’ kreditu) jenħtieġ li tkun ta’ mill-anqas 10 punti bażi fis-sena;
(26) Ir-rata minima tal-imgħax totali (ir-rata bażi flimkien mal-marġni ta’ kreditu) jenħtieġ li tkun ta’ mill-anqas 10 punti bażi fis-sena;
(27) Il-bżonnijiet ta’ likwidità jistgħu jinkludu kemm il-kapital operatorju kif ukoll il-kosti tal-investiment.
(28) Kif stabbilit fl-Artikolu 2(18) tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta’ għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat (ĠU L 187 tas-26.6.2014, p. 1).
(29) Ara l-punt 6 ta’ dan il-Qafas Temporanju.
(30) ĠU C 392, 19.12.2012, p. 1.
(31) Ir-riskji kumerċjabbli huma dawk ir-riskji kummerċjali u politiċi ta’ debituri pubbliċi u mhux pubbliċi stabbiliti f’pajjiżi elenkati fl-Anness tal-STEC, b’perjodu massimu ta’ riskju ta’ anqas minn sentejn.
(32) It-Taqsima 4.2 tal-STEC tiddeskrivi l-eċċezzjonijiet għad-definizzjoni ta’ riskji kummerċjabbli għal riskju temporanju mhux kummerċjabbli, filwaqt li t-Taqsima 4.3 tistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex tiġi pprovduta kopertura għal riskji temporanju mhux kummerċjabbli. It-Taqsima 5 tistabbilixxi r-rekwiżiti proċedurali, b’mod partikolari meta tkun meħtieġa notifika u liema livell ta’ prova jkun meħtieġ.
(33) Tirreferi għall-informazzjoni meħtieġa fl-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta’ Ġunju 2014 u tal-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 702/2014 u l-Anness III tar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1388/2014 tas-16 ta’ Diċembru 2014.