EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0749

Proposta għal DIRETTIVA TAL-KUNSILL li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-għoti ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tiddetermina t-tifsira tat-termini użati f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva

COM/2020/749 final

Brussell, 18.12.2020

COM(2020) 749 final

2020/0331(CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-għoti ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tiddetermina t-tifsira tat-termini użati f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Bħalissa l-Kummissjoni ma għandha l-ebda kompetenza ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva tal-VAT 1 . L-unika għodda eżistenti biex il-Kummissjoni tippromwovi l-applikazzjoni uniformi tar-regoli tal-UE dwar il-VAT huwa Kumitat konsultattiv maħluq skont l-Artikolu 398 tad-Direttiva tal-VAT, “il-Kumitat tal-VAT”.

Il-Kumitat tal-VAT huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni, u jeżamina kwistjonijiet dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-UE dwar il-VAT li jitressqu mill-Kummissjoni jew minn Stat Membru. Billi dan huwa kumitat konsultattiv, bħalissa l-Kumitat tal-VAT jista’ biss jilħaq qbil dwar linji gwida mhux vinkolanti b’rabta mal-applikazzjoni tad-Direttiva tal-VAT, filwaqt li l-Kunsill biss jista’ jadotta miżuri vinkolanti ta’ implimentazzjoni fuq proposta tal-Kummissjoni (l-Artikolu 397 tad-Direttiva tal-VAT).

L-esperjenza turina li dawn il-linji gwida mhux dejjem jiżguraw l-applikazzjoni uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-VAT. Pereżempju, riċentement il-Kumitat tal-VAT naqas milli jiftiehem linji gwida b’mod unanimu dwar għadd ta’ kwistjonijiet relatati mal-applikazzjoni prattika tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/1910 (id-Direttiva dwar “is-Soluzzjonijiet ta’ Malajr”) 2 . Minħabba f’hekk l-Istati Membri jsegwu approċċi differenti fuq kwistjonijiet bħal:

kemm jekk maħżen ikun stabbiliment fiss ta’ persuna taxxabbli u kemm jekk le (fejn il-maħżen fejn tiġi ttrasportata l-merkanzija fil-qafas ta’ arranġamenti ta’ stokk f’kunsinna kuntrattat ikun il-proprjetà tal-persuna taxxabbli li tittrasferixxi l-merkanzija, jew ikun mikri minnha),

x’jikkwalifika bħala “telf żgħir”, jew it-trattament li jkun irid jingħata għal tali telf żgħir għall-finijiet ta’ arranġamenti ta’ stokk f’kunsinna kuntrattat;

it-tifsira tat-termini “fornitur...li jibgħat jew jittrasporta l-merkanzija jew huwa stess jew permezz ta’ parti terza li taġixxi f’ismu” (l-Artikolu 36a(3) tad-Direttiva tal-VAT).

Riċentement il-Kumitat tal-VAT lanqas ma rnexxielu jaqbel b’mod unanimu dwar linja gwida:

dwar kif il-post fejn jingħata servizz li jkun jikkonsisti f’avveniment li jseħħ f’diversi Stati Membri jenħtieġ li jiġi identifikat għall-finijiet tal-VAT;

dwar jekk il-provvista ta’ merkanzija jew servizzi bejn l-uffiċċju prinċipali ta’ kumpanija stabbilita fi Stat Membru u grupp tal-VAT fi Stat Membru ieħor li jkun jinkludi fergħa ta’ dik l-istess kumpanija tikkostitwix tranżazzjoni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT.

X’aktarx li dawn id-diskrepanzi jirriżultaw f’tassazzjoni doppja u se jinvolvu inċertezza legali u kosti addizzjonali għan-negozji, li normalment jintemmu wara perjodu ta’ żmien konsiderevoli permezz ta’ deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE), li xi kultant twassal għal interpretazzjoni li ma tkunx ġiet kondiviża qabel mill-maġġoranza tal-Istati Membri (bħal pereżempju dwar l-applikazzjoni ta’ “regoli dwar il-kondiviżjoni tal-kosti”) 3 . Jista’ jkun ukoll li, billi d-deċiżjoni tal-QĠUE tkun tirreferi għal sitwazzjoni fattwali konkreta, din ma ssolvix l-inċertezzi kollha. Hekk ġara fir-rigward tat-trattament tal-VAT tal-provvisti bejn uffiċċju prinċipali u l-fergħa tiegħu (flimkien ma’ gruppi tal-VAT): għalkemm id-deċiżjoni tal-QĠUE fi Skandia America 4 solviet għadd ta’ problemi, għad baqa’ dubji dwar it-trattament tal-VAT f’sitwazzjonijiet li ma jkunux jikkorrispondi bl-eżatt mal-fatti tal-każ li tressaq quddiem il-QĠUE.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u kif tħabbar fil-Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li Tappoġġa l-Istrateġija ta’ Rkupru 5 , qed tiġi proposta bidla fid-Direttiva tal-VAT sabiex jinħoloq kumitat li jissorvelja l-adozzjoni ta’ atti ta’ implimentazzjoni f’ċerti oqsma tal-VAT min-naħa tal-Kummissjoni. B’rabta ma’ dan tajjeb li jiġu enfasizzati tliet aspetti:

- L-ewwel nett, il-proċeduri tal-komitoloġija jiġu applikati biss b’rabta ma’ sett limitat ta’ regoli li jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT, li fir-rigward tagħhom hija meħtieġa interpretazzjoni komuni. Kwalunkwe bidla fid-Direttiva tal-VAT għandha tirrekjedi, kif inhu l-każ fil-preżent, qbil unanimu fil-Kunsill.

- It-tieni, billi d-diskrepanzi f’dan il-qasam x’aktarx li jwasslu għal tassazzjoni doppja, distorsjonijiet tal-kompetizzjoni u spejjeż addizzjonali għan-negozji, huwa fl-interess kemm tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa u tan-negozji li jiffaċilitaw l-adozzjoni ta’ interpretazzjonijiet komuni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT. F’dan ir-rigward, il-komitoloġija hija l-approċċ standard li ilu jintuża fid-Dritt tal-UE biex jiġu ffaċilitati dawk l-interpretazzjonijiet komuni. Ta’ min wieħed jinnota li fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta, il-proċeduri standard tal-komitoloġija diġà qegħdin jintużaw għall-kooperazzjoni amministrattiva fuq kwistjonijiet ta’ VAT u ta’ dazji tas-sisa.

- It-tielet, il-Kunsill għandu jżomm il-kompetenzi ta’ implimentazzjoni sakemm dawn ma jkunux jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenza tal-Kummissjoni, kif definita strettament, u partikolarment dwar il-kwistjonijiet sostanzjali li jkunu ta’ sensittività speċjali għall-Istati Membri.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 113 tat-TFUE. Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi unanimament skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tas-sussidjarjetà għaliex il-problema ewlenija li ġiet identifikata hija preċiżament l-applikazzjoni mhux armonizzata mill-Istati Membri ta’ kunċetti li jinsabu fid-Direttiva tal-VAT, li min-naħa tagħha tista’ twassal għal tassazzjoni doppja jew nontassazzjoni, partikolarment f’sitwazzjonijiet transfruntiera. Dawn il-problemi ma jistgħux jiġu indirizzati mill-Istati Membri għal rashom. Il-fatt li ċerti kompetenzi ta’ implimentazzjoni jingħataw lill-Kummissjoni se jwassal biex is-sitwazzjonijiet li jirriżultaw minn interpretazzjonijiet differenti u li joħolqu problemi għan-negozjanti jiġu indirizzati aktar malajr u b’mod aktar effiċjenti. Il-Kummissjoni se tiġi megħjuna f’din il-ħidma minn kumitat, li għandu jkun magħmul minn esperti dwar il-VAT mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-Istati Membri u li għaldaqstant se jitpoġġa f’pożizzjoni li jindirizza dawn il-problemi b’mod konsistenti u rapidu.

Proporzjonalità

Din il-proposta hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità għaliex ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jintlaħqu l-objettivi tat-Trattati, b’mod partikolari il-funzjonament bla xkiel tas-suq uniku, li bħalissa huwa ostakolat mill-interpretazzjoni u l-applikazzjoni diverġenti tal-kunċetti tal-VAT min-naħa tal-Istati Membri.

Għażla tal-istrument

Qed tiġi proposta Direttiva bil-ħsieb li tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT.

3.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE.

4.ELEMENTI OĦRA

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Ir-rwol li qiegħed jiġi propost għall-Kummissjoni assistita minn kumitat jenħtieġ li jiffoka fuq ċerti oqsma fejn hija meħtieġa l-applikazzjoni tal-kunċetti tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-VAT. Fin-nuqqas ta’ din l-applikazzjoni uniformi se jibqgħu jippersistu l-problemi bħat-tassazzjoni doppja jew in-nontassazzjoni.

A] Il-kompetenzi ta’ implimentazzjoni assenjati lill-Kummissjoni u lill-Kunsill: l-Artikolu 397 a tad-Direttiva tal-VAT, f’rabta mal-Artikolu 397 il-ġdid tagħha

(i) l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 397a, f’rabta mat-tieni subparagrafu ta’ dik id-dispożizzjoni u tal-Artikolu 397

L-Artikolu 291 TFUE jipprevedi li, bħala regola ġenerali, “meta jkun hemm bżonn ta’ kondizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti” dawk l-atti jenħtieġ li jagħtu l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni jew, fil-każijiet speċifiċi ġustifikati b’mod xieraq, lill-Kunsill. Il-QĠUE kienet konsistenti fil-fehma tagħha li l-kunċetti użati fid-Direttiva tal-VAT, għajr fl-ammont żgħir ħafna ta’ każi fejn b’mod ċar id-Direttiva tħalli d-definizzjoni tagħhom lill-Istati Membri, huma nozzjonijiet u kunċetti tad-Dritt tal-Unjoni li jirrikjedu interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi 6 .

It-termini tad-Direttiva tal-VAT li fir-rigward tagħhom id-Direttiva tagħmel “referenza espliċita għad-dritt tal-Istati Membri għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni (tagħhom)” huma tassew ftit. Bħala eżempji wieħed jista’ jsemmi l-kunċetti ta’ “art għall-bini” u “art li fuqha jinstab il-bini” (l-Artikolu 12), ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” (l-Artikolu 135(1)(g)), u ta’ provvediment ta’ akkomodazzjoni” (l-Artikolu 135(2)(a)). Skont il-QĠUE, il-parti l-kbira tat-termini u l-kunċetti l-oħra użati fid-Direttiva jeħtieġu interpretazzjoni u applikazzjoni uniformi li, kif inhu stipulat fl-Artikolu 291 TFUE, jenħtieġ li jiddaħħlu fis-seħħ permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni.

L-għoti ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni huwa limitat għad-determinazzjoni tat-tifsira ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT. Min-naħa tiegħu, il-Kunsill iżomm il-kompetenzi ta’ implimentazzjoni tiegħu minbarra dawk li huma definiti bħala kompetenza tal-Kummissjoni. B’mod partikolari, kwalunkwe miżura ta’ implimentazzjoni li l-għan tagħha ma huwiex id-definizzjoni tat-tifsira tat-termini msemmija fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 397a(1) taqa’ fil-kompetenza tal-Kunsill. Barra minn hekk, kwalunkwe miżura ta’ implimentazzjoni dwar id-dispożizzjonijiet fit-Titolu I (“Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”), fit-Titolu VIII (“Rati”) u fit-Titolu XIII (“Derogi”) tad-Direttiva tal-VAT, li kollha kemm huma partikolarment sensittivi għall-Istati Membri, taqa’ b’mod ċar fil-kompetenzi ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill. Fl-aħħar nett, huwa f’idejn l-Istati Membri li jadottaw ir-regoli rilevanti dwar is-suġġetti li huma ċarament esklużi mill-kompetenzi ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 397a(1).

(ii) il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (a), b’rabta mat-tieni subparagrafu

It-Titolu III tad-Direttiva tal-VAT jirreferi għall-persuni taxxabbli. Għadd ta’ dispożizzjonijiet f’dan it-Titolu jkunu jeħtieġu interpretazzjoni uniformi billi d-Direttiva tal-VAT ma tassenjax it-tifsira tat-termini użati fih lil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri: għaldaqstant, pereżempju, il-kunċett ta’ “bażi okkażjonali” (il-paragrafu 2 tal-Artikolu 9) jew il-kunċett ta’ “fieri tal-kummerċ u eżibizzjonijiet” (il-kategorija (8) fl-Anness I).

Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tingħatax il-kompetenza permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:

li teżerċita l-għażliet assenjati mid-Direttiva tal-VAT lil Stat Membru fir-rigward tal-gruppi tal-VAT f’isem Stat Membru, jew li tostakola Stat Membru milli teżerċitahom (l-Artikolu 11); persuni taxxabbli okkażjonali, kriterji alternattivi għal dawk tal-ewwel okkupazzjoni tal-bini u “l-art li fuqha jinstab il-bini” (l-Artikolu 12) u teżenta attivitajiet li jitqiesu bħala attivitajiet ta’ awtoritajiet pubbliċi (il-paragrafu 2 tal-Artikolu 13);

li tistabbilixxi d-definizzjoni ta’ “art għall-bini”, billi d-Direttiva tagħmel referenza espliċita għad-definizzjoni tagħha fid-dritt nazzjonali (il-paragrafu 3 tal-Artikolu 12).

(iii) il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (b),f’rabta mat-tieni subparagrafu

It-Titolu IV tad-Direttiva tal-VAT jindirizza t-tranżazzjonijiet taxxabbli. Huwa ċar li jeħtieġ li l-kunċetti użati fid-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu jiġu applikati b’mod uniformi: għaldaqstant, pereżempju, il-kunċett ta’ “proprjetà tanġibbli” (fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 14), ta’ “assi tan-negozju” (fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 17) u ta’ “wasla” (fil-paragrafu 4 tal-Artikolu 17a). Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tkunx intitolata, permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, li teżerċita kwalunkwe waħda mill-għażliet assenjati lill-Istati Membri f’dan it-Titolu, jew li tipprevjeni lil wieħed mill-Istati Membri milli teżerċitahom. Dawn l-għażliet jirreferu għall-kunċett ta’ “provvista ta’ merkanzija” (fil-paragrafu 3 tal-Artikolu 14, fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 15, l-Artikoli 18 u 19) u l-kunċett tal-provvista ta’ servizzi (fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 26 u fl-Artikoli 27 u 29).

(iv) il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (c), f’rabta mat-tieni subparagrafu

It-Titolu V tad-Direttiva tal-VAT jirreferi għall-post ta’ tranżazzjonijiet taxxabbli. Hawnhekk il-ħtieġa għal applikazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet hija ċara, billi l-interpretazzjonijiet diverġenti tat-termini użati fihom min-naħa tal-Istati Membri x’aktarx li jwasslu għal każijiet ta’ tassazzjoni doppja jew nontassazzjoni. Għaldaqstant, pereżempju l-kunċetti ta’ “merkanzija mibgħuta jew ittrasportata minn jew għan-nom” ta’ fornitur (fl-Artikoli 32 u 33), “installazzjoni jew muntaġġ” (fl-Artikolu 36), “l-ewwel fornitur” u “l-aħħar klijent” (fl-Artikolu 36a), “proprjetà immobbli” (fl-Artikolu 47) u “ristorant jew catering” (fl-Artikolu 55) kollha jeħtieġ li jiġu applikati b’mod uniformi madwar l-Unjoni kollha kemm hi.

Bil-kontra, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tingħatax il-kompetenza permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni li teżerċita, f’isem Stat Membru, jew li tipprevjeni l-eżerċitar min-naħa ta’ Stat Membru, l-għażliet assenjati lill-Istati Membri f’dak it-Titolu (għaldaqstant, pereżempju, l-għażliet dwar l-“użu effettiv u tgawdija” fir-rigward tal-post tal-provvista ta’ ċerti servizzi).

(v) il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (d), f’rabta mat-tieni subparagrafu

It-Titolu VI jittratta avveniment li jagħti lok għal ħlas u impożizzjoni ta’ VAT. Id-dispożizzjonijiet użati f’ dan it-Titolu jeħtieġ li jiġu applikati b’mod uniformi: pereżempju l-kunċetti ta’ “dikjarazzjonijiet suċċessivi ta’ kont”, “ħlasijiet suċċessivi” jew “provvista kontinwa ta’ merkanzija” (l-Artikolu 64) u l-kunċetti ta’ “ħlas fuq kont” u “riċevuta ta’ ħlas” (l-Artikolu 65). Madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tingħatax il-kompetenza li teżerċita l-għażla dwar l-impożizzjoni tal-VAT fuq provvisti kontinwi ta’ merkanzija (it-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 64) f’isem Stat Membru, jew li tipprevjeni Stat Membru milli jeżerċitaha. L-istess japplika għad-derogi permessi lill-Istati Membri fir-rigward tal-impożizzjoni tal-VAT fuq ċerti tranżazzjonijiet jew ċerti kategoriji ta’ persuni taxxabbli (l-Artikolu 66).

(vi) il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (e), f’rabta mat-tieni subparagrafu

It-Titolu VI tad-Direttiva tal-VAT jirreferi għall-ammont taxxabbli ta’ VAT. Id-dispożizzjonijiet użati f’ dan it-Titolu jeħtieġ li jiġu applikati b’mod uniformi: pereżempju l-kunċetti ta’ “stadju ta’ kummerċjalizzazzjoni”, “prezz tax-xiri” jew “prezz tal-kost” (fl-Artikolu 72); “kunsiderazzjoni” u “sussidji marbuta direttament mal-prezz tal-provvista” (fl-Artikolu 73); “ taxxi, dazji, imposti u piżijiet” u “spejjeż inċidentali” (fl-Artikolu 78) u “ roħs fil-prezzijiet u tnaqqis” jew “kont ta’ sospiża” (fl-Artikolu 79). Min-naħa l-oħra, jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tkunx intitolata, permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, li la teżerċita kwalunkwe waħda mill-għażliet assenjati lill-Istati Membri f’dak it-Titolu, u lanqas li tipprevjeni lil wieħed mill-Istati Membri milli jeżerċitahom. Il-Kummissjoni lanqas ma tista’ tingħata kompetenza li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u r-regoli fir-rigward tal-modifika tal-ammont taxxabbli (fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 90) jew tar-rata tal-kambju (fil-paragrafu 2 tal-Artikolu 91).

(vii) il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (f), f’rabta mat-tieni subparagrafu

It-Titolu IX tad-Direttiva tal-VAT jirreferi għall-eżenzjonijiet. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tingħatax il-kompetenza permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:

li tistabbilixxi d-definizzjonijiet, ir-rikonoxximenti u l-awtorizzazzjonijiet fdati lill-Istati Membri fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 132 (bħad-definizzjoni ta’ “professjonijiet mediċi u paramediċi” fil-punt (c) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 132 jew ir-rikonoxximent ta’ korp bħala “ddedikati għall-benessere soċjali” fil-punt (g) tal-istess dispożizzjoni);

li tiddefinixxi l-kunċett ta’ “fondi speċjali ta’ investiment” (il-punt (g) tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 135) u li tistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-limitazzjonijiet għall-eżenzjoni fir-rigward tal-imħatri, il-lotteriji u forom oħrajn ta’ logħob tal-azzard (il-punt (i) tal-paragrafu 1 tal-istess dispożizzjoni);

li tistabbilixxi l-limitazzjonijiet fir-rigward ta’ eżenzjonijiet għal ċerti tranżazzjonijiet trattati bħala esportazzjonijiet u li d-Direttiva tafdahom f’idejn l-Istat Membru ospitanti (l-Artikolu 151).

Barra minn hekk, il-Kummissjoni mhux se jkollha l-kompetenza li la teżerċita f’isem Stat Membru u lanqas li tipprevjeni lil wieħed mill-Istati Membri milli jeżerċita l-għażliet assenjati lilu f’dan it-Titolu. Pereżempju, wieħed jista’ jsemmi l-għażliet dwar l-eżenzjonijiet għal servizzi sportivi u kulturali (it-tieni paragrafu tal-Artikolu 133); esklużjonijiet mill-eżenzjoni dwar il-kiri u l-lokazzjoni ta’ proprjetà immobbli (it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 2 tal-Artikolu 135) u mid-dritt tal-għażla tat-tassazzjoni (l-Artikolu 137) jew mid-deċiżjoni li tiġi applikata kwalunkwe waħda mill-eżenzjonijiet fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet relatati mal-kummerċ internazzjonali (il-Kapitolu 10 ta’ dak it-Titolu).

(viii) il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (g), b’rabta mat-tieni subparagrafu

It-Titolu X tad-Direttiva tal-VAT jirreferi għat-tnaqqis. Il-Kummissjoni jeħtieġ li ma jkollhiex il-kompetenza li la teżerċita f’isem Stat Membru u lanqas li tipprevjeni lil wieħed mill-Istati Membri milli jeżerċita l-għażliet assenjati lilu f’dan it-Titolu: pereżempju, l-għażliet dwar it-tnaqqis proporzjonali (il-paragrafu 2 tal-Artikolu 173); ir-restrizzjonijiet tad-dritt għat-tnaqqis (fl-Artikoli 176 u 177) jew ir-regoli li jirregolaw l-eżerċitar tad-dritt għat-tnaqqis (fl-Artikoli 180 u 181).

(ix) il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (h), b’rabta mat-tieni subparagrafu

It-Titolu XI u l-Anness VI tad-Direttiva tal-VAT jirreferu għall-obbligi tal-VAT. Pereżempju, il-Kummissjoni jkollha l-kompetenza li tiddetermina, permezz ta’ miżuri ta’ implimentazzjoni, il-kunċett ta’ “intervent” (l-Artikolu 192a), il-kunċetti ta’ “xogħol ta’ kostruzzjoni” jew “servizzi ta’ demolizzjoni” (l-Artikolu 199) jew il-kunċett ta’ “rappreżentant tat-taxxa” (l-Artikolu 204). Fuq in-naħa l-oħra, il-Kummissjoni ma tkunx tista’ teżerċita l-għażliet f’dawn id-dispożizzjonijiet f’isem Stat Membru, u lanqas tipprevjeni lil Stat Membru milli jagħmel dan, jiġifieri l-għażla li tiġi applikata inverżjoni tal-ħlas (l-Artikoli 194 jew 199) jew l-għażla li l-persuna taxxabbli taħtar rappreżentant tat-taxxa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma setgħetx tiddefinixxi n-“numru ta’ referenza tat-taxxa” (l-Artikolu 239), billi d-Direttiva tal-VAT tafda dik id-definizzjoni direttament lill-Istati Membri.

(x) il-paragrafu 1, l-ewwel subparagrafu, il-punt (i), f’rabta mat-tieni subparagrafu

It-Titolu XII tad-Direttiva tal-VAT jirreferi għall-iskemi speċjali tat-taxxa. Jenħtieġ li l-Kummissjoni ma tingħatax il-kompetenza li teżerċita kwalunkwe waħda mill-għażliet assenjati lill-Istati Membri f’dan it-Titolu, jiġifieri l-Artikoli 281, 284, 285, 286, 287, 296, 301, 303, 318, 326, 330, 333, 342, 344, 349, 352, 366, 367, 369d, 369h u 369i, f’isem Stat Membru, jew li tipprevjeni Stat Membru milli jeżerċitahom. Il-Kummissjoni lanqas ma għandha tingħata l-kompetenza li tiddetermina l-proċeduri tat-tnaqqis jew tar-rifużjoni tal-VAT fdati lill-Istati Membri fl-Artikolu 303 rigward l-iskema speċjali għall-bdiewa. Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li ma tingħatax kompetenza fl-istipulazzjoni ta’ regoli f’rabta mal-eżerċitar tal-għażliet fl-Artikoli 316 u 324 dwar l-arranġamenti speċjali għal negozjanti taxxabbli.

(xi) il-paragrafu 1, it-tielet subparagrafu

Skont il-paragrafu 3 tal-Artikolu 291, “il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu permezz ta’ regolament skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, għandhom jistabbilixxu minn qabel ir-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-miżuri ta’ kontroll mill-Istati Membri fuq l-eżerċizzju tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni”. Dan sar mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill permezz tar-“Regolament tal-Komitoloġija”, li ġie adottat fi Frar 2011 7 .

Għalkemm fil-prinċipji ikun legalment possibbli li l-leġiżlatur jikkonferixxi l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ kwalunkwe kontroll mill-Istati Membri 8 , din mhijiex l-għażla li qed tittieħed f’din il-proposta. Min-naħa l-oħra, qiegħed jiddaħħal fis-seħħ mekkaniżmu ta’ kontroll fdat f’idejn kumitat. Dan ifisser li fl-eżerċitar tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni tagħha l-Kummissjoni ma tistax taġixxi għal rasha għaliex fi kwalunkwe każ dak l-eżerċitar se jkun jirrekjedi l-opinjoni pożittiva tal-kumitat. Ir-regoli tar-Regolament tal-Komitoloġija dwar il-proċedura ta’ eżami se japplikaw f’dan il-qafas.

(xii) il-paragrafu 2

Ir-regoli adottati mill-Kunsill u li bħalissa jinsabu fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-VAT jibqgħu fis-seħħ minkejja l-għoti ta’ ċerti kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni. Minkejja dan, il-Kummissjoni, assistita minn kumitat u fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi tagħha, se tkun tista’ tadotta r-regoli futuri li jista’ jkollhom l-istess kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjoni attwali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-VAT, li f’tali każ jitħassar mill-Kunsill.

B] Il-kumitat il-ġdid: L-Artikolu 398a tad-Direttiva tal-VAT

L-għoti tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni f’din il-proposta ma jipprekludix il-kontroll min-naħa tal-Istati Membri dwar kif il-Kummissjoni teżerċita dawk il-kompetenzi. Ir-regoli u l-prinċipji li jikkonċernaw il-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-Istati Membri fil-konfront tal-eżerċitar tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni min-naħa tal-Kummssjoni huma stipulati f’leġiżlazzjoni sekondarja, jiġifieri fir-Regolament tal-Komitoloġija. Fir-rigward tal-kwistjonijiet ta’ tassazzjoni, il-“proċedura ta’ eżami” stipulata fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Komitoloġija (fil-qasam tat-tassazzjoni ma hemm l-ebda possibbiltà li tiġi applikata l-“proċedura konsultattiva” msemmija fl-Artikolu 4) tiżgura li l-Kummissjoni ma tkun tista’ tagħmel xejn mingħajr il-qbil tal-Istati Membri fil-kumitat il-ġdid. Huwa biss fil-każ ta’ opinjoni pożittiva tal-kumitat li l-Kummissjoni għandha tkun intitolata li tadotta miżuri ta’ implimentazzjoni; bil-kontra, kemm f’każijiet ta’ opinjoni negattiva kif ukoll meta l-kumitat ma jagħtix opinjoni l-Kummissjoni ma għandhiex ikollha l-kompetenza li tadotta l-att ta’ implimentazzjoni rilevanti.

Id-dispożizzjonijiet dwar l-għamla u l-president tal-kumitat huma stipulati direttament fl-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Komitoloġija. Il-Kumitat tal-VAT għandhom jżomm ir-rwol tiegħu bħala l-korp responsabbli mill-eżami tal-konsultazzjonijiet previsti mid-Direttiva tal-VAT. Qed issir referenza għal dawn il-konsultazzjonijiet fl-Artikoli 11, 27, 102, 155, 164, 167, 177, 191, 238, 281, 318 u 352. Barra minn hekk, il-Kumitat tal-VAT jenħtieġ li jkun jista’ wkoll jeżamina kwalunkwe kwistjoni oħra dwar l-applikazzjoni ta’ dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-VAT, iżda f’dawn l-oqsma se jkollu biss il-kompetenza li joħroġ linji gwida mhux vinkolanti, bħal ma huwa l-każ illum.

2020/0331 (CNS)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-KUNSILL

li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-għoti ta’ kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tiddetermina t-tifsira tat-termini użati f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 9 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 10 ,

Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)Sabiex id-dritt tal-Unjoni jiġi applikat b’mod uniformi u biex ikun hemm konformità mal-prinċipju tal-ugwaljanza, it-termini użati fid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 11 , , li b’mod ċar ma jippermettix lill-Istati Membri li jiddeterminaw it-tifsira u l-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom, jeħtieġu interpretazzjoni uniformi madwar l-Unjoni.

(2)L-interpretazzjonijiet diverġenti tat-termini użati fid-Direttiva 2006/112/KE x’aktarx li jwasslu għal ċirkostanzi ta’ tassazzjoni doppja, u jinkludu inċertezza legali, kosti addizzjonali għan-negozji u distorsjoni tal-kompetizzjoni. L-interpretazzjoni uniformi ta’ dawk it-termini fil-livell tal-Unjoni hija meħtieġa wkoll biex tiġi ffaċilitata l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE mill-amministrazzjonijiet tat-taxxa u min-negozji.

(3)L-Artikolu 291 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jipprevedi li fejn ikun hemm il-bżonn ta’ kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ atti legalment vinkolanti tal-Unjoni, dawk l-atti għandhom jagħtu l-kompetenzi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni jew, f’każijiet speċifiċi u ġġustifikati kif xieraq, lill-Kunsill.

(4)Sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) u biex isir kontribut għall-applikazzjoni aktar uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT, il-Kummissjoni jenħtieġ li tingħata kompetenzi ta’ implimentazzjoni biex tiddetermina t-tifsira ta’ ċerti termini fid-Direttiva 2006/112/KE.

(5)Il-kompetenzi ta’ applikazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni jenħtieġ li ma jimminawx id-diskrezzjoni li jifdal f’idejn l-Istati Membri li jadottaw miżuri ta’ liġi nazzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/112/KE. Għaldaqstant huwa neċessarju li l-kamp ta’ implimentazzjoni tal-kompetenzi ta’ implimentazzjoni mogħtija lill-Kummissjoni jiġi ċċarat kif xieraq.

(6)Il-kompetenzi ta’ implimentazzjoni f’każijiet speċifiċi u ġġustifikati kif xieraq, dwar kwistjonijiet sostanzjali partikolarment sensittivi għall-Istati Membri jenħtieġ li jiġu assenjati lill-Kunsill. Dan ikun partikolarment il-każ dwar kwalunkwe miżura ta’ implimentazzjoni li tista’ tkun neċessarja fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tat-Titolu I (“Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”), tat-Titolu VIII (“Rati”) u tat-Titolu XIII (“Derogi”) tad-Direttiva tal-VAT.

(7)Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni għandha tingħata kompetenzi ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tat-tifsira tat-termini użati f’ċerti dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva. Jenħtieġ li dawk il-kompetenzi jiġu eżerċitati b’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 12 .

(8)Minħabba li l-objettiv ta’ din id-Direttiva, jiġifieri li tiġi żgurata applikazzjoni aktar uniformi tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-VAT, ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jista’ pjuttost jinkiseb biss fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju ta’ sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(9)Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 397 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 397

Il-Kunsill jista’ jadotta, b’azzjoni unanima fuq proposta tal-Kummissjoni:

(a) kwalunkwe miżura neċessarja għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet fit-Titoli I, VIII, XIII, u fl-Annessi III, IV, V u X ta’ din id-Direttiva;

(b) kwalunkwe miżura neċessarja għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet fit-Titoli u fl-Annessi ta’ din id-Direttiva li ma jissemmewx fil-punt (a), sa fejn dawk il-miżuri ma jinvolvux id-determinazzjoni tat-tifsira tat-termini użati fihom.

(2)fil-Kapitolu 1 tat-Titolu XIV, jiżdied l-Artikolu 397 a li ġej:

“Artikolu 397 a

1.    Il-Kummissjoni tista’ tiddetermina t-tifsira tat-termini użati fid-dispożizzjonijiet li ġejjin permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni:

(a)fir-rigward tal-persuni taxxabbli għall-finijiet tal-VAT, id-dispożizzjonijiet fit-Titolu III u l-Anness I;

(b)fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li huma taxxabbli għall-finijiet tal-VAT, id-dispożizzjonijiet fit-Titolu IV;

(c)fir-rigward tal-post ta’ transazzjonijiet taxxabbli, id-dispożizzjonijiet fit-Titolu V u l-Anness II;

(d)fir-rigward tal-avveniment li jagħti lok għal ħlas u l-impożizzjoni ta’ VAT, id-dispożizzjonijiet fit-Titolu VI;

(e)fir-rigward tal-ammont taxxabbli tal-VAT, id-dispożizzjonijiet fit-Titolu VII;

(f)fir-rigward tal-eżenzjonijiet mill-VAT, id-dispożizzjonijiet fit-Titolu IX;

(g)fir-rigward tat-tnaqqis mill-VAT, id-dispożizzjonijiet fit-Titolu X;

(h)fir-rigward tal-obbligi ta’ persuni taxxabbli u ċerti persuni mhux taxxabbli, id-dispożizzjonijiet fit-Titolu XI u l-Anness VI;

(i)fir-rigward tal-iskemi speċjali tat-taxxa, id-dispożizzjonijiet fit-Titolu XII u fl-Annessi VII, VIII u IX.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika fi kwalunkwe waħda mid-dispożizzjonijiet li ġejjin:

(a)dispożizzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jeżerċitaw għażla, sa fejn ikun jikkonċerna d-deċiżjoni li tiġi eżerċitata dik l-għażla kkonċernata;

(b)dispożizzjonijiet li fihom referenza espliċita għal termini li jridu jiġu definiti mill-Istati Membri, sa fejn tkun tikkonċerna d-definizzjoni tat-tifsira ta’ dawk it-termini kkonċernati;

(c)dispożizzjonijiet fejn il-kundizzjonijiet, il-proċeduri u r-regoli jiġu determinati mill-Istati Membri, sa fejn dawk il-kundizzjonijiet, il-proċeduri u r-regoli huma kkonċernati;

(d)dispożizzjonijiet dwar proċeduri għal rikonoxximenti u awtorizzazzjonijiet li jingħataw mill-Istati Membri, sa fejn dawk il-proċeduri huma kkonċernati;

(e)dispożizzjonijiet dwar in-numru ta’ referenza tat-taxxa fl-Artikolu 239.

L-atti ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu adottati skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 398a(2).

2. Meta d-dispożizzjonijiet tal-atti ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottati skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jkollhom l-istess kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-miżuri ta’ implimentazzjoni adottati mill-Kunsill skont l-Artikolu 397 ta’ din id-Direttiva kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285*, il-Kunsill għandu jħassar id-dispożizzjonijiet rilevanti fil-miżuri ta’ implimentazzjoni tiegħu.

_______________________________

* Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

(3)fit-Titolu XIV, it-titolu tal-Kapitolu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“KAPITOLU 2

Kumitati’;

(4)fil-Kapitolu 2 tat-Titolu XIV, jiżdied l-Artikolu 398 a li ġej:

“Artikolu 398 a

1.    Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.    Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011. ’

Artikolu 2

Għaldaqstant, din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006).
(2)    Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/1910 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-armonizzazzjoni u s-simplifikazzjoni ta’ ċerti regoli tas-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri (ĠU L 311 tas-7.12.2018, p. 3-7).
(3)    Is-sentenzi tal-4 ta’ Mejju 2017, il-Kummissjoni vs il-Lussemburgu, C-274/15, EU:C:2017:333; tal-21 ta’ Settembru 2017, DNB Banka, C-326/15, EU:C:2017:719; tal-21 ta’ Settembru 2017, Aviva, C-605/15, EU:C:2017:718; tal-21 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni vs il-Ġermanja, C-616/15, EU:C:2017:721.
(4)    Is-sentenza tal-QĠUE tas-17 ta’ Settembru 2014, Skandia America, C-7/13, ECLI:EU:C:2014:2225.
(5)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill - Pjan ta’ Azzjoni għal Tassazzjoni Ġusta u Sempliċi li Tappoġġa l-Istrateġija ta’ Rkupru, COM(2020) 312 final, 15.7.2020.
(6)    Ara, fost l-oħrajn, is-sentenza tal-27 ta’ Novembru 2003, Zita Modes, C-497/01, ECLI:EU:C:2003:644, il-paragrafi 34 sa 36.
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni, ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(8)    Ara l-premessa (6) tal-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Komitoloġija.
(9)    ĠU C , , p. .
(10)    ĠU C , , p. .
(11)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat- 28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12. 2006, p. 1.).
(12)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
Top