EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0682

Proposta għal DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea

COM/2020/682 final

Brussell, 28.10.2020

COM(2020) 682 final

2020/0310(COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea

{SEC(2020) 362 final} - {SWD(2020) 245 final} - {SWD(2020) 246 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-iżgurar li l-ħaddiema fl-UE jaqilgħu pagi adegwati hu essenzjali għall-garanzija ta’ kundizzjonijiet adegwati tax-xogħol u tal-għajxien, kif ukoll biex jinbnew ekonomiji u soċjetajiet ġusti u reżiljenti f’konformità mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tagħha. Pagi adegwati huma komponent essenzjali tal-mudell tal-UE ta’ ekonomija soċjali tas-suq. Il-konverġenza fost l-Istati Membri f’dan il-qasam tikkontribwixxi għall-wegħda ta’ prosperità kondiviża fl-Unjoni.

F’Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni pproklamaw il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali (minn hawn ’il quddiem il-Pilastru) biex iwettqu l-wegħda tal-Ewropa ta’ prosperità, progress u konverġenza, u biex jagħmlu l-Ewropa soċjali realtà għal kulħadd. Il-prinċipju 6 tal-Pilastru dwar il-“Pagi” jitlob pagi minimi adegwati kif ukoll l-iffissar ta’ pagi trasparenti u prevedibbli, skont il-prattiki nazzjonali u fir-rispett tal-awtonomija tas-sħab soċjali. L- Aġenda Strateġika għall-2019-2024 , li ntlaħaq qbil dwarha fil-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2019, talbet l-implimentazzjoni tal-Pilastru fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali.

Il-Linji Gwida Politiċi għall-Kummissjoni 2019-2024 ħabbru Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi implimentat bis-sħiħ il-Pilastru, inkluża inizjattiva dwar pagi minimi ġusti. Il-Komunikazzjoni tal-14 ta’ Jannar 2020 dwar il-bini ta’ “Ewropa Soċjali b’Saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti” 1 stabbiliet pjan direzzjonali għat-tħejjija tal-Pjan ta’ Azzjoni u kkonfermat l-impenn li jkun hemm inizjattiva dwar il-pagi minimi fost l-azzjonijiet ewlenin li għandhom jiġu segwiti fil-livell tal-UE f’dan il-kuntest. Fl-istess jum bdiet l-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni mas-sħab soċjali dwar kif jiġu żgurati pagi minimi adegwati għall-ħaddiema fl-Unjoni 2 .

Fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni ta’ Settembru 2020, il-President von der Leyen iddikjarat li: “Il-verità hija li għal wisq nies, ix-xogħol ma għadux iħallas. Id-dumping fil-pagi qed jeqred id-dinjità tax-xogħol, jippenalizza l-imprendituri li jħallsu pagi deċenti u jagħmlu distorsjoni fil-kompetizzjoni ġusta fis-Suq Uniku. Huwa għalhekk li l-Kummissjoni se tippreżenta proposta legali biex tappoġġja l-Istati Membri biex jistabbilixxu qafas għall-pagi minimi. Kulħadd irid ikollu aċċess għall-pagi minimi, sew permezz ta' ftehim kollettiv inkella permezz ta' pagi minimi nazzjonali.” 

Kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar, inkluż permezz ta’ pagi minimi adegwati, huma ta’ benefiċċju kemm lill-ħaddiema kif ukoll lin-negozji fl-Unjoni. L-indirizzar ta’ differenzi kbar fil-kopertura u l-adegwatezza tal-pagi minimi jikkontribwixxi għat-titjib tal-ġustizzja fis-suq tax-xogħol tal-UE, għall-istimolu tat-titjib fil-produttività u għall-promozzjoni tal-progress ekonomiku u soċjali. Il-kompetizzjoni fis-Suq Uniku jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-innovazzjoni u t-titjib fil-produttività, kif ukoll fuq standards soċjali għoljin.

Fid-diċennji reċenti, il-pagi baxxi ma laħqux ma’ pagi oħrajn f’ħafna Stati Membri. Xejriet strutturali li qed isawru mill-ġdid is-swieq tax-xogħol bħall-globalizzazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u ż-żieda f’forom ta’ xogħol mhux standard, speċjalment fis-settur tas-servizzi, wasslu għal żieda fil-polarizzazzjoni tal-impjiegi li mbagħad twassal għal sehem dejjem akbar ta’ impjiegi b’pagi baxxi u b’livell baxx ta’ ħiliet, u kkontribwiet għall-erożjoni tal-istrutturi tradizzjonali tan-negozjar kollettiv. Dan wassal għal aktar faqar fost dawk li jaħdmu u għal inugwaljanza fil-pagi.

Ir-rwol tal-pagi minimi jsir saħansitra aktar importanti f’perjodi ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku. Il-kriżi tal-COVID-19 laqtet b’mod partikolari setturi b’sehem ogħla ta’ ħaddiema b'pagi baxxi bħall-bejgħ bl-imnut u t-turiżmu u kellha impatt iktar qawwi fuq il-gruppi żvantaġġati tal-popolazzjoni. L-iżgurar li l-ħaddiema fl-Unjoni jkollhom aċċess għal opportunitajiet ta’ impjiegi, u għal pagi minimi adegwati huwa essenzjali biex nappoġġjaw irkupru ekonomiku sostenibbli u inklużiv.

Il-protezzjoni tal-paga minima tista’ tiġi pprovduta permezz ta’ ftehimiet kollettivi (bħalma hu l-każ f’6 Stati Membri) jew permezz ta’ pagi minimi statutorji stabbiliti bil-liġi (bħalma hu l-każ f’21 Stat Membru).

Meta tiġi ffissata f’livelli adegwati, il-protezzjoni tal-paga minima tiżgura għajxien deċenti għall-ħaddiema, tgħin biex issostni d-domanda domestika, issaħħaħ l-inċentivi għax-xogħol, u tnaqqas il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-inugwaljanza fit-tarf ta’ isfel tad-distribuzzjoni tal-pagi. Il-protezzjoni tal-paga minima tappoġġja wkoll l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, peress li aktar nisa milli rġiel jaqilgħu il-paga minima jew madwarha.

Madankollu, ħafna ħaddiema bħalissa mhumiex protetti b’pagi minimi adegwati fl-UE.

Fil-maġġoranza tal-Istati Membri li għandhom pagi minimi statutorji nazzjonali, il-pagi minimi huma baxxi wisq meta mqabbla ma’ pagi oħrajn jew biex jipprovdu għajxien deċenti, avolja żdiedu f’dawn l-aħħar snin. Il-pagi minimi statutorji nazzjonali 3 huma inqas minn 60% tal-paga medjana grossa u/jew 50% tal-paga medja grossa kważi fl-Istati Membri kollha 4 . Fl-2018, il-paga minima statutorja nazzjonali ma kinitx tipprovdi dħul biżżejjed għal persuna waħda b’paga minima biex tilħaq il-limitu tar-riskju ta' faqar f’disa’ Stati Membri. Barra minn hekk, gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema huma esklużi mill-protezzjoni tal-pagi minimi statutorji nazzjonali. Stati Membri b’kopertura għolja ta’ negozjar kollettiv għandhom it-tendenza li jkollhom sehem baxx ta’ ħaddiema b’pagi baxxi u għandhom pagi minimi għoljin. Madankollu, anke fi Stati Membri li jiddependu esklussivament fuq in-negozjar kollettiv, xi ħaddiema m’għandhomx aċċess għall-protezzjoni tal-paga minima. Is-sehem ta’ ħaddiema mhux koperti huwa bejn 10% u 20% f’erba’ pajjiżi, u 55% f’pajjiż wieħed.

F'dan l-isfond, id-Direttiva proposta għandha l-għan li tiżgura li l-ħaddiema fl-Unjoni jkunu protetti b’pagi minimi adegwati li jippermettulhom għajxien deċenti kull fejn ikunu qed jaħdmu. Biex jintlaħaq dan l-objettiv ġenerali, il-proposta tistabbilixxi qafas biex tittejjeb l-adegwatezza tal-pagi minimi u biex jiżdied l-aċċess tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima. Dawn l-objettivi huma rilevanti kemm għas-sistemi tal-paga minima statutorja kif ukoll għal dawk li jiddependu fuq in-negozjar kollettiv. Id-Direttiva proposta hija mfassla biex tikseb dawn l-objettivi filwaqt li tqis u tirrispetta bis-sħiħ l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi nazzjonali, il-kompetenzi nazzjonali, l-awtonomija tas-sħab soċjali u l-libertà kuntrattwali. Hija mfassla wkoll b’mod li tissalvagwardja l-aċċess għall-impjiegi u tqis l-effetti fuq il-ħolqien tax-xogħol u l-kompetittività, inkluż għall-SMEs. Hija tipprovdi biżżejjed flessibbiltà biex jitqiesu l-iżviluppi soċjali u ekonomiċi, inklużi l-produttività u x-xejriet tal-impjiegi.

Biex tilħaq dawn l-objettivi, id-Direttiva proposta għandha l-għan li tippromwovi n-negozjar kollettiv dwar il-pagi fl-Istati Membri kollha. In-negozjar kollettiv għandu rwol ewlieni għall-protezzjoni tal-paga minima adegwata. Il-pajjiżi b’kopertura għolja ta’ negozjar kollettiv għandhom it-tendenza li juru sehem aktar baxx ta’ ħaddiem b'paga baxxa, għandhom pagi minimi ogħla meta mqabbla mal-paga medjana, għandhom inqas inugwaljanza fil-pagi u għandhom pagi ogħla minn tal-oħrajn. Fl-Istati Membri fejn il-protezzjoni tal-paga minima hi pprovduta esklussivament permezz ta’ ftehimiet kollettivi, l-adegwatezza tagħha u s-sehem ta’ ħaddiema protetti huma determinati direttament mill-karatteristiċi u l-funzjonament tas-sistema ta’ negozjar kollettiv. Fl-Istati Membri b’pagi minimi statutorji, in-negozjar kollettiv għandu wkoll effett qawwi fuq l-adegwatezza tal-paga minima. Billi jaffettwa l-iżviluppi ġenerali fil-paga, in-negozjar kollettiv jiżgura pagi ogħla mil-livell minimu ffissat bil-liġi u jwassal għal titjib f’dawn tal-aħħar. Hu jimbotta wkoll żidiet fil-produttività.

Għall-pajjiżi fejn jeżistu pagi minimi statutorji, id-Direttiva proposta għandha l-għan li tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw il-kundizzjonijiet biex il-pagi minimi statutorji jiġu ffissati f’livelli adegwati, filwaqt li jiġu kkunsidrati l-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi kif ukoll id-differenzi reġjonali u settorjali. Il-kriterji, iddefiniti b’mod ċar u stabbli u li għandhom l-għan li jippromwovu l-adegwatezza, flimkien ma’ qafas ta’ governanza li jipprovdi għal aġġornamenti regolari u f’waqthom u għal involviment effettiv tas-sħab soċjali, jgħinu biex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji. Id-Direttiva proposta għandha wkoll l-għan li tikseb aktar titjib fl-adegwatezza billi tillimita għal minimu l-applikazzjoni ta’ varjazzjonijiet fir-rati tal-paga minima statutorja għal gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema jew ta’ tnaqqis mir-remunerazzjoni.

Fl-aħħar nett, il-ħaddiema jistgħu ma jkunux protetti b’mod adegwat mill-pagi minimi minħabba nuqqas ta’ konformità mal-ftehimiet kollettivi eżistenti jew mad-dispożizzjonijiet legali nazzjonali. L-iżgurar tal-konformità u l-infurzar effettiv huwa essenzjali għall-ħaddiema biex jibbenefikaw minn aċċess effettiv għall-protezzjoni tal-paga minima u għan-negozji biex ikunu protetti minn kompetizzjoni inġusta. Għalhekk, id-Direttiva proposta għandha l-għan li tippromwovi l-konformità kif ukoll li ssaħħaħ l-infurzar u l-monitoraġġ fl-Istati Membri kollha b’mod proporzjonat, biex ma toħloqx piż amministrattiv eċċessiv u sproporzjonat għan-negozji tal-Unjoni, inklużi l-intrapriżi żgħar u medji u l-mikrointrapriżi.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Il-Linja Gwida 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512/UE 5 titlob lill-Istati Membri, inklużi dawk b’pagi minimi statutorji nazzjonali, biex jiżguraw involviment effettiv tas-sħab soċjali fl-iffissar tal-pagi, jipprevedu pagi ġusti li jippermettu standard tal-għajxien deċenti u jippermettu rispons adegwat tal-pagi għall-iżviluppi fil-produttività, bl-għan li jkun hemm konverġenza ’l fuq. Il-Linja Gwida titlob ukoll lill-Istati Membri biex jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi. Hi titlob ukoll lill-Istati Membri u s-sħab soċjali jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkollhom pagi adegwati u ġusti billi jibbenefikaw minn ftehimiet kollettivi jew pagi minimi statutorji adegwati, u filwaqt li jitqies l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu. L-għan ġenerali tal-proposta huwa li jiġi żgurat li l-ħaddiema fl-Unjoni jkunu protetti b’pagi minimi adegwati. L-għanijiet tagħha jinkludu l-promozzjoni tan-negozjar kollettiv, l-appoġġ tal-involviment tas-sħab soċjali, u l-istabbiliment ta’ kriterji ċari u stabbli, li jappoġġjaw l-adegwatezza tal-paga minima statutorja.

Id-Direttiva 2019/1152/UE 6 titlob li l-ħaddiema jiġu infurmati dwar l-aspetti essenzjali tal-impjiegi tagħhom inkluża r-remunerazzjoni. Id-Direttiva proposta tipprevedi li l-Istati Membri jistabbilixxu kriterji ċari u stabbli, jiżguraw aġġornamenti regolari u f'waqthom tal-pagi minimi statutorji, kif ukoll involviment effettiv tas-sħab soċjali, u b’hekk l-iżviluppi fil-paga minima statutorja jsiru aktar trasparenti.

Id-Direttiva 2014/67/UE 7 tipprevedi titjib fl-aċċess għall-informazzjoni għall-ħaddiema stazzjonati, b’mod partikolari, billi tistabbilixxi siti web nazzjonali uffiċjali uniċi dwar l-istazzjonar. Hi tirrikjedi wkoll, li l-informazzjoni rilevanti tkopri r-rati minimi differenti ta’ ħlas u l-elementi kostitwenti tagħhom f’każ li t-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg ikunu stabbiliti permezz ta’ ftehimiet kollettivi skont id-Direttiva 96/71. Id-Direttiva 2014/67/UE tipprevedi wkoll l-istabbiliment ta’ mekkaniżmu ta’ responsabbiltà subkuntrattwali li jkopri tal-anqas is-settur tal-kostruzzjoni u r-rati minimi ta’ ħlas. Aċċess faċli għall-informazzjoni dwar ir-rati minimi statutorji ta’ ħlas kif previst fid-Direttiva 2014/67/UE jappoġġja l-objettivi ta’ din il-proposta, jiġifieri li tiġi żgurata protezzjoni tal-paga minima adegwata fl-UE. Billi ssaħħaħ l-infurzar ta’ oqfsa għal paga minima statutorja, tappoġġja l-iżvilupp ta’ monitoraġġ u sistemi ta’ ġbir ta' data affidabbli u billi tipprovdi aċċess għal mekkaniżmi effettivi għas-soluzzjoni tat-tilwim u d-dritt għal rimedji lill-ħaddiema, id-Direttiva proposta tikkontribwixxi wkoll għall-objettivi tad-Direttiva 2014/67/UE.

Id-Direttiva 2006/54/KE 8 għandha l-għan li tiżgura l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol. Billi l-maġġoranza ta’ dawk li jaqilgħu paga minima huma nisa, din il-proposta tappoġġja l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u t-tnaqqis tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi billi tistabbilixxi qafas għal pagi minimi adegwati fl-UE. Għalhekk, id-Direttiva proposta tikkontribwixxi indirettament għall-implimentazzjoni effettiva tal-objettivi tal-politika tad-Direttiva 2006/54/KE.

Id-Direttiva 2000/78/KE 9 tipprojbixxi d-diskriminazzjoni diretta jew indiretta fl-impjiegi, b’mod partikolari abbażi tal-età, fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol inkluża l-paga (l-Artikolu 3(c)). Hi tippermetti differenzi fit-trattament jekk ikunu oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati b’għan leġittimu bħal politika tal-impjiegi jew objettivi ta’ taħriġ vokazzjonali. Id-Direttiva proposta hija konsistenti ma’ dan l-approċċ peress li tirrikjedi li l-varjazzjonijiet fir-rati tal-pagi minimi statutorji jinżammu għal minimu u, jekk ikunu rilevanti u jkunu oġġettivament u raġonevolment iġġustifikati b’għan leġittimu, ma jkunux diskriminatorji, ikunu proporzjonati u limitati fiż-żmien.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol 10 tqiegħed il-promozzjoni tal-impjiegi ta’ kwalità permezz ta’ appoġġ adegwat għad-dħul u politiki inklużivi tas-suq tax-xogħol, inklużi l-paga u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, fil-qalba tal-azzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri, bl-għan li jiġi evitat il-faqar fost dawk li jaħdmu. Id-Direttiva proposta għandha l-għan li ttejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tnaqqas il-faqar fost dawk li jaħdmu billi tistabbilixxi qafas għal livelli adegwati ta’ paga minima u aċċess għall-protezzjoni tal-paga minima, ipprovdut permezz ta’ ftehimiet kollettivi jew stabbilit b’dispożizzjonijiet legali.

Id-Direttiva proposta tirreferi direttament għall-“klawżola soċjali” tad-Direttiva 2014/24/UE 11 dwar l-akkwist pubbliku, li tista’ tinsab ukoll fid-Direttiva 2014/23/UE 12 relatata u fid-Direttiva 2014/25/UE 13 . Il-“klawżola soċjali” imsemmija tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-obbligi tal-liġi tax-xogħol applikabbli fit-twettiq tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku. Għal dan il-għan, id-Direttiva proposta tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti pubbliċi jew ta’ konċessjoni l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-pagi ffissati permezz tal-ftehimiet kollettivi rilevanti jew mal-pagi minimi statutorji kull fejn jeżistu. Dan jista’ jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-infurzar tar-rekwiżiti stabbiliti fil-“klawżola soċjali” tad-Direttivi msemmija hawn fuq.

Il-kontenut tal-atti msemmija hawn fuq ġie analizzat u kkunsidrat kif xieraq matul il-proċess ta’ tħejjija ta’ din id-Direttiva proposta. B'riżultat ta’ dan, il-proposta hija, fuq naħa waħda, koerenti mad-dispożizzjonijiet eżistenti u, fuq in-naħa l-oħra, tintroduċi żviluppi leġiżlattivi neċessarji biex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni.

Konsistenza ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni

Id-Direttiva proposta se tikkontribwixxi għall-għanijiet tal-Unjoni li tippromwovi l-benesseri tal-popli tagħha, tiżviluppa ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna (l-Artikolu 3 tat-TFUE) u tippromwovi kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol imtejba (l-Artikolu 151 tat-TFUE). Hi tindirizza wkoll id-drittijiet stabbiliti fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fir-rigward tad-dritt tal-ħaddiema għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa (l-Artikolu 31). Id-Direttiva proposta tikkontribwixxi bl-istess mod għall-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li ġejjin:

·Il-Prinċipju 6 (Pagi): F’konformità ma’ dan il-prinċipju, il-proposta hija maħsuba biex tiżgura pagi minimi adegwati, biex il-ħaddiema fl-Unjoni jkollhom id-dritt għal pagi ġusti li jipprovdu livell ta' għajxien deċenti, b’rispett sħiħ tat-tradizzjonijiet nazzjonali u l-awtonomija tas-sħab soċjali. Hi tipprevedi wkoll li l-pagi minimi statutorji jiġu ffissati b’mod trasparenti u prevedibbli.

·Il-Prinċipju 8 (Djalogu soċjali u involviment tal-ħaddiema): Il-proposta għandha l-għan li tippromwovi n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi bil-ħsieb li titrawwem il-protezzjoni tal-paga minima pprovduta permezz ta’ ftehimiet kollettivi u tippromwovi l-involviment tas-sħab soċjali fl-iffissar, l-aġġornament u l-implimentazzjoni ta’ pagi minimi statutorji.

·Il-Prinċipju 2 (Ugwaljanza bejn il-ġeneri): Minħabba li l-maġġoranza ta’ dawk li jaqilgħu paga minima huma nisa, billi tappoġġja pagi minimi adegwati, il-proposta se tappoġġja l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi.

·Il-Prinċipju 3 (Opportunitajiet Indaqs): Kulħadd għandu d-dritt għal trattament u opportunitajiet indaqs fir-rigward tal-impjiegi irrispettivament mill-ġeneru, l-età, l-oriġini razzjali jew etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità jew l-orjentazzjoni sesswali. Bl-għan li tiżgura aċċess għal protezzjoni tal-paga minima adegwata għall-ħaddiema fl-Unjoni, il-proposta se tgħin biex jiġi żgurat trattament indaqs u jitrawmu l-opportunitajiet indaqs fl-impjiegi.

Id-Direttiva proposta hija koerenti wkoll mal-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew. F’konformità mal-Linja Gwida 5 dwar l-Impjiegi, l-inizjattiva tappoġġja t-talba li saret lill-Istati Membri fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021 14 biex jadottaw miżuri biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. Barra minn hekk, hi tappoġġja wkoll l-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2020 15 , li skontha, fil-kuntest ta’ firdiet soċjali dejjem jikbru, l-iżgurar li kull ħaddiem fl-Unjoni jaqla’ paga minima ġusta huwa objettiv ta’ politika importanti. Hi konsistenti wkoll mar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż maħruġa lil xi Stati Membri mill-2011 ’l hawn 16 . 

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Id-Direttiva proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 153(1)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni (TFUE), li jippreskrivi l-Unjoni biex tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, fi ħdan il-limiti tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità (Artikolu 5(3) u 5(4) TUE). Peress li ma fihiex miżuri li jaffettwaw direttament il-livell tal-paga, hi tirrispetta bis-sħiħ il-limiti imposti fuq l-azzjoni tal-Unjoni bl-Artikolu 153(5) TFUE.

L-Artikolu 153(2) jippermetti l-istabbiliment ta’ rekwiżiti minimi permezz tad-direttivi, filwaqt li jevita l-impożizzjoni ta’ restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp ta’ intrapriżi żgħar u medji.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklussiva)

L-aċċess għal paga minima li tiggarantixxi livell ta’ għajxien deċenti huwa element kruċjali ta’ kundizzjonijiet adegwati tax-xogħol. Filwaqt li l-paga fil-livell nazzjonali taqa’ b’mod inekwivoku taħt il-kompetenza tal-Istati Membri, id-differenzi kbar fl-istandards għall-aċċess għal paga minima adegwata jagħmlu parti mill-kundizzjonijiet tax-xogħol, u joħolqu diskrepanzi importanti fis-Suq Uniku, li jistgħu jiġu indirizzati l-aħjar fil-livell tal-Unjoni.

Il-ħaddiema fil-maġġoranza tal-Istati Membri huma affettwati minn adegwatezza insuffiċjenti u/jew lakuni fil-kopertura tal-protezzjoni tal-paga minima. Dawn il-problemi jaffettwaw lill-ħaddiema kemm fil-pajjiżi b’pagi minimi statutorji kif ukoll f’dawk li jiddependu fuq in-negozjar kollettiv. Barra minn hekk, fil-futur x’aktarx li jiġu affettwati aktar ħaddiema minħabba t-tnaqqis sekulari fin-negozjar kollettiv u minħabba polarizzazzjoni dejjem tiżdied tas-swieq tax-xogħol. B’ħarsa ’l quddiem, dan joħloq sfidi għall-bini ta’ kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku u biex jiġi żgurat li l-kompetizzjoni tkun ibbażata fuq standards soċjali għoljin, fuq l-innovazzjoni u fuq it-titjib fil-produttività.

Il-politiki dwar il-paga minima kienu soġġetti għal sorveljanza multilaterali fi ħdan is-Semestru Ewropew, u l-UE ħarġet gwida politika lil Stati Membri magħżula. Madankollu, filwaqt li matul l-aħħar snin diversi Stati Membri ħadu passi biex itejbu s-sistemi tal-paga minima tagħhom, l-azzjoni nazzjonali ma kinitx biżżejjed biex tindirizza l-problema tan-nuqqas ta’ adegwatezza u/jew kopertura tal-protezzjoni tal-paga minima. Mingħajr azzjoni politika fil-livell tal-UE, il-pajjiżi individwali ftit li xejn se jħossuhom inklinati li jtejbu s-sistemi tal-iffissar tal-pagi minimi minħabba l-perċezzjoni li dan jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-kompetittività tal-ispejjeż esterni tagħhom.

Azzjoni fil-livell tal-UE tkun aktar effettiva biex issaħħaħ is-sistemi tal-iffissar tal-pagi minimi minn azzjoni fil-livell nazzjonali. Din se tistabbilixxi aspettattivi aktar ċari, tiżgura li l-progress ma jkunx parzjali jew irregolari, u ssaħħaħ il-fiduċja fost l-Istati Membri u s-sħab soċjali. Din se tgħin tipprovdi l-momentum neċessarju għar-riforma tal-mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi minimi fil-livell nazzjonali. Azzjoni fil-livell tal-UE għalhekk se tikkontribwixxi għall-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku billi tgħin biex jiġu indirizzati differenzi kbar fil-kopertura u l-adegwatezza tal-pagi minimi li mhumiex ġustifikati mill-kundizzjonijiet ekonomiċi sottostanti. Dan ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti b’azzjoni mhux ikkoordinata mill-Istati Membri.

Id-Direttiva proposta tistabbilixxi qafas għal standards minimi u tirrispetta l-kompetenzi tal-Istati Membri biex jistabbilixxu standards ogħla, mingħajr preġudizzju għar-rwol li l-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali, skont it-tradizzjonijiet nazzjonali u b’rispett sħiħ tal-libertà kuntrattwali tas-sħab soċjali. F'konformità mal-Artikolu 153(2) (b) tat-TFUE, id-Direttiva proposta se tappoġġja u tikkomplementa l-attivitajiet tal-Istati Membri permezz ta' rekwiżiti minimi għal implimentazzjoni gradwali.

Proporzjonalità

Id-Direttiva proposta tipprevedi standards minimi u b’hekk tiżgura li l-livell ta’ intervent jinżamm għall-minimu neċessarju sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-proposta. L-Istati Membri li diġà għandhom fis-seħħ dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn dawk imressqa f’din id-Direttiva proposta mhux se jkollhom ibiddlu s-sistemi tagħhom għall-iffissar tal-paga minima. L-Istati Membri jistgħu wkoll jiddeċiedu li jmorru lil hinn mill-istandards minimi stipulati f’din id-Direttiva proposta.

Il-proposta tirrispetta t-tradizzjonijiet nazzjonali stabbiliti sew fl-iffissar tal-paga minima. B’mod partikolari, hi tirrispetta bis-sħiħ il-kompetenzi tal-Istati Membri u tas-sħab soċjali biex jiddeterminaw il-livell tal-pagi minimi tagħhom f’konformità mal-Artikolu 153(5) tat-TFUE. Il-protezzjoni tal-paga minima se tkompli tiġi pprovduta permezz ta’ ftehimiet kollettivi jew permezz ta’ dispożizzjonijiet legali, b’rispett sħiħ tal-kompetenzi nazzjonali u l-libertà kuntrattwali tas-sħab soċjali.

Barra minn hekk, id-Direttiva proposta tippermetti lill-Istati Membri jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tagħha, b’mod partikolari dawk relatati man-negozjar kollettiv u l-pagi minimi statutorji, filwaqt li tqis iċ-ċirkostanzi ekonomiċi nazzjonali tagħhom u l-ispeċifiċitajiet tas-sistemi tagħhom tal-iffissar tal-paga minima.

Għalhekk, il-proposta tħalli kemm jista’ jkun lok għal deċiżjonijiet nazzjonali, filwaqt li xorta waħda tilħaq l-objettivi tat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol billi tistabbilixxi qafas biex il-ħaddiema fl-Unjoni jkollhom aċċess għall-protezzjoni tal-paga minima. Il-prinċipju tal-proporzjonalità huwa rispettat meta wieħed iqis id-daqs u n-natura tal-problemi identifikati.

Għażla tal-istrument

L-Artikolu 153(2) (b) tat-TFUE flimkien mal-Artikolu 153(1) (b) tat-TFUE jipprevedi b'mod espliċitu li d-Direttivi għandhom jintużaw sabiex jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi li jikkonċernaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol li għandhom jiġu implimentati gradwalment mill-Istati Membri.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

F’konformità mal-Artikolu 154 tat-TFUE, il-Kummissjoni wettqet konsultazzjoni f’żewġ fażijiet mas-sħab soċjali dwar azzjoni possibbli tal-UE fil-qasam tal-pagi minimi:

·Fl-ewwel fażi, bejn l-14 ta’ Jannar u l-25 ta’ Frar 2020, il-Kummissjoni kkonsultat lis-sħab soċjali dwar il-bżonn għal inizjattiva dwar il-pagi minimi, u d-direzzjoni possibbli tagħha 17 .

·Fit-tieni fażi, bejn it-3 ta’ Ġunju u l-4 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni kkonsultat lis-sħab soċjali dwar il-kontenut u l-istrument legali tal-proposta prevista 18 .

L-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema ġeneralment qablu mal-objettivi u l-kontenut possibbli tal-inizjattiva, kif identifikati fid-dokument tat-tieni fażi tal-konsultazzjoni. Huma enfasizzaw li t-tradizzjonijiet nazzjonali u l-awtonomija tas-sħab soċjali għandhom jiġu rispettati. L-organizzazzjoni tal-impjegaturi ġeneralment urew appoġġ għall-biċċa l-kbira tal-objettivi u d-direzzjoni possibbli ta’ inizjattiva tal-UE, iddikjarati fid-dokument ta’ konsultazzjoni. Madankollu, uħud minnhom esprimew dubji dwar il-valur miżjud ta’ azzjoni regolatorja tal-UE fir-rigward tal-iffissar tal-paga minima fid-dawl tad-diversità tal-oqfsa nazzjonali u enfasizzaw li l-kompetenzi tal-Istati Membri u/jew tas-sħab soċjali jeħtieġ li jiġu rispettati bis-sħiħ.

Filwaqt li t-trade unions talbu lill-Kummissjoni biex tipproponi Direttiva b’rekwiżiti minimi vinkolanti, ebda waħda mill-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi ma kienet favur direttiva vinkolanti fil-qasam tal-pagi minimi.

Ma kien hemm ebda qbil fost is-sħab soċjali biex jidħlu f’negozjati biex jikkonkludu ftehim fil-livell tal-Unjoni, kif previst fl-Artikolu 155 tat-TFUE.

Inġabru wkoll il-fehmiet tal-pubbliku permezz tat-tweġibiet għall-Ewrobarometru Standard 92 (Ħarifa 2019), li kien jinkludi mistoqsijiet dwar il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea (inkluża l-paga minima).

Twettqu skambji ta’ fehmiet immirati mal-Istati Membri permezz tal-Kumitati tal-Kunsill li ġejjin: il-Kumitat tal-Impjiegi, il-Kumitati tal-Protezzjoni Soċjali u l-Kumitat tal-Politika Ekonomika 19 . Il-Parlament Ewropew 20 u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 21 adottaw ukoll opinjonijiet ta’ rilevanza għal inizjattiva tal-UE dwar pagi minimi adegwati 22 .

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni kkuntrattat studji minn esperti esterni biex tiġbor evidenza li ntużat biex tappoġġja l-valutazzjoni tal-impatt. Dawn kienu jinkludu:

·L-istudju “Indexation of statutory minimum wage” (L-Indiċjar tal-paga minima statutorja) minn Diane Delaurens u Etienne Wasmer 23 ;

·L-istudju “Effects of statutory minimum wages on small and medium-sized enterprises” (L-effetti tal-pagi minimi statutorji fuq l-intrapriżi żgħar u medji) minn Attila Lindner, University College London 24

·L-istudju “Effects of collectively agreed minimum wages in the Nordic countries” (L-effetti tal-pagi minimi miftiehma kollettivament fil-pajjiżi Nordiċi) minn Per Skedinger, Research Institute of Industrial Economics (IFN) 25 .

Il-Kummissjoni użat ukoll il-kuntratti eżistenti tagħha biex tiġbor evidenza li ntużat b’appoġġ għal din il-valutazzjoni tal-impatt. Dawn kienu jinkludu:

·Sett ta’ rapporti ta’ esperti dwar is-sistemi tal-iffissar tal-paga minima tal-Istati Membri tal-UE (rapport espert wieħed għal kull Stat Membru) ipprovdut miċ-Ċentru Ewropew ta’ Għarfien Espert (ECE);

·Simulazzjonijiet, fi ħdan il-qafas ta’ kuntratt eżistenti, bil-mudell tal-OECD tal-benefiċċji tat-taxxa dwar l-indikaturi tal-adegwatezza u l-effetti ta’ inċentiv tal-pagi minimi.

Fi ħdan il-qafas ta’ kooperazzjoni eżistenti mal-Eurofound, il-Kummissjoni talbet u rċeviet:

·Tliet rapporti tal-pajjiżi dwar l-iffissar u l-adegwatezza tal-pagi minimi kif ukoll dibattiti ta’ politika relatati li jiffukaw, rispettivament, fuq l-Awstrija, l-Italja u Ċipru.

Il-valutazzjoni tal-Kummissjoni bbażat ruħha wkoll fuq l-immappjar ta’ politiki fi Stati Membri, u r-rieżami tal-letteratura u d-dibattiti ta’ politika fil-qasam. Barra minn hekk, ġew ipprovduti inputs analitiċi minn Direttorati Ġenerali differenti tal-Kummissjoni Ewropea 26 . B’mod partikolari, twettqet analiżi ta’ mikrosimulazzjoni tal-impatti ekonomiċi, soċjali u fiskali tal-pagi minimi bl-użu tal-mudell Euromod. Barra minn hekk, twettqu simulazzjonijiet ibbażati fuq mudelli għall-valutazzjoni tal-impatt makroekonomiku tal-pagi minimi bl-użu tal-mudell QUEST. Fl-aħħar nett, twettqet analiżi tal-karatteristiċi tal-persuni li jaqilgħu il-paga minima jew paga baxxa abbażi ta’ data individwali anonimizzata mill-istħarriġiet tal-EU-SILC u l-EU-SES.

Valutazzjoni tal-impatt

Skont il-politika dwar Regolamentazzjoni Aħjar il-Kummissjoni wettqet Valutazzjoni tal-Impatt ta’ diversi opzjonijiet ta’ politika. Din il-ħidma ġiet sostnuta minn konsultazzjoni strutturata fi ħdan il-Kummissjoni permezz ta’ Grupp ta’ Direzzjoni Bejn is-Servizzi.

Il-Valutazzjoni tal-Impatt ġiet ippreżentata lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (RSB) u diskussa miegħu. Ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-RSB fl-ewwel opinjoni (negattiva) tiegħu tat-2 ta’ Ottubru 2020 kienu indirizzati b’mod partikolari permezz ta’: (i) distinzjoni aħjar sa liema punt il-problemi, l-objettivi speċifiċi, is-soluzzjonijiet proposti, u l-impatti tagħhom japplikaw għat-tipi differenti ta’ sistemi tal-iffissar tal-pagi minimi; (ii) aktar kjarifikazzjoni dwar kif l-analiżi tal-problema tivvaluta l-inadegwatezza tal-pagi minimi fl-Istati Membri; (iii) aktar sostanzjar ta’ kif l-inizjattiva leġiżlattiva hija konformi mal-bażi ġuridika magħżula u mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità; u (iv) kjarifikazzjoni tar-raġunament wara l-kompożizzjoni tal-pakketti ta’ politika vvalutati. Biex jindirizza r-riżervi mqajma mill-Bord fit-tieni opinjoni tiegħu (opinjoni pożittiva b’riżervi) tal-14 ta’ Ottubru 2020, ir-Rapport dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt kompla jiċċara numru ta’ elementi: ir-raġunament wara l-kompożizzjoni tal-pakketti ta’ opzjonijiet, l-aktar miżuri rilevanti għas-suċċess ta’ kull pakkett ta’ opzjonijiet, l-impatti fuq l-SMEs, l-għażla tal-pakkett preferut u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-pajjiżi li jiddependu fuq in-negozjar kollettiv 27 .

Matul il-ħidma tal-Valutazzjoni tal-Impatt, ġiet ikkunsidrata firxa ta’ miżuri fl-oqsma importanti kollha biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ adegwatezza u l-lakuni fil-kopertura tal-pagi minimi. Il-Valutazzjoni tal-Impatt eżaminat tliet pakketti ta’ politika, kull wieħed minnhom magħmul minn taħlita ta’ miżuri differenti. Wara valutazzjoni tal-effettività, l-effiċjenza u l-koerenza tagħhom, ġie identifikat pakkett preferut.

Il-pakkett preferut jitlob lill-Istati Membri kollha biex jappoġġjaw in-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi, b’mod partikolari meta l-kopertura tan-negozjar kollettiv tkun baxxa, kif ukoll biex isaħħu l-infurzar tal-pagi minimi u l-monitoraġġ tal-adegwatezza u l-kopertura tagħhom. Barra minn dan, għall-Istati Membri b’pagi minimi statutorji, huwa jirrikjedi l-użu ta’ kriterji ċari u stabbli biex jiggwidaw l-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi u rwol imsaħħaħ tas-sħab soċjali. Barra minn hekk, huwa jillimita l-użu tat-tnaqqis u l-varjazzjonijiet fil-pagi minimi statutorji għal minimu strett.

Dan il-pakkett ġie vvalutat fil-Valutazzjoni tal-Impatt bħala l-aktar wieħed effettiv, effiċjenti u koerenti. L-analiżi kwantitattiva mwettqa fuq xenarju bbażat fuq żieda ipotetika tal-pagi minimi għal 60% tal-paga medjana grossa turi li din ittejjeb l-adegwatezza tal-pagi minimi f’madwar nofs l-Istati Membri. Bejn 10 u 20 miljun ħaddiem jistgħu jibbenefikaw minn dan it-titjib. F’diversi pajjiżi, titjib fil-protezzjoni tal-paga minima jirriżulta fi tnaqqis tal-faqar fost dawk li jaħdmu u tnaqqis fl-inugwaljanza b’aktar minn 10% u tnaqqis fid-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi b’5% jew aktar 28 . Huma mistennija wkoll itejbu l-inċentivi għax-xogħol, kif ukoll jappoġġjaw l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jgħinu biex titnaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi peress li l-maġġoranza ta’ dawk li jaqilgħu paga minima (madwar 60% fl-UE) huma nisa.

L-impatti ekonomiċi mistennija jinkludu żieda fil-kostijiet lavorattivi għall-kumpaniji, żieda fil-prezzijiet u, sa ċertu punt, inqas profitti. L-impatt fuq il-kumpaniji se jittaffa b’żidiet fil-konsum ta’ dawk li jaqilgħu pagi baxxi, li jappoġġjaw id-domanda domestika. Il-kumpaniji, b’mod partikolari l-SMEs, se jibbenefikaw ukoll minn żidiet fil-pagi minimi aktar gradwali u prevedibbli, li se jtejbu l-ambjent tan-negozju.

L-impatt negattiv possibbli fuq l-impjiegi huwa mistenni li jkun limitat. Dan se jibqa’ taħt 0.5% tal-impjiegi totali fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, iżda se jilħaq 1% fi tliet Stati Membri 29 . Il-benefiċċji ta’ protezzjoni mtejba tal-paga minima għall-ħaddiema kkonċernati se jkunu ferm akbar mill-impatt negattiv possibbli fuq l-impjiegi fuq dawn il-ħaddiema.

Barra minn dan, l-impatti fuq il-kompetittività aggregata huma mistennija li jkunu żgħar. Il-pakkett preferut jinkludi biżżejjed flessibbiltà biex jippermetti lill-Istati Membri jiddeterminaw il-pass tat-titjib tal-adegwatezza tal-pagi minimi fid-dawl tal-kundizzjonijiet u r-riskji ekonomiċi, inkluż għal setturi, reġjuni u SMEs speċifiċi.

Drittijiet fundamentali

L-objettivi tad-Direttiva proposta huma konformi mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-Artikolu 31 (1) dwar kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u xierqa, li jistipula li “Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu”. Il-proposta tiffaċilita wkoll l-eżerċizzju tad-drittijiet rikonoxxuti fl-Artikolu 23 30 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jirreferi b’mod speċifiku għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, peress li tiffaċilita t-tnaqqis tad-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma tirrikjedix riżorsi addizzjonali mill-baġit tal-Unjoni Ewropea.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

L-Istati Membri jridu jittrasponu d-Direttiva sentejn wara l-adozzjoni u jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-miżuri ta’ eżekuzzjoni nazzjonali permezz tad-Bażi tad-Data MNE. F’konformità mal-Artikolu 153(3) tat-TFUE, jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni tad-Direttiva.

Biex tivvaluta l-effettività tal-inizjattiva, il-Kummissjoni se tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-valutazzjoni tagħha tal-iżviluppi fl-adegwatezza u l-kopertura tal-protezzjoni tal-paga minima abbażi tad-data annwali u l-informazzjoni li għandhom jiġu pprovduti mill-Istati Membri. Barra minn dan, il-progress għandu jiġi mmonitorjat fil-qafas tal-proċess tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fil-livell tal-UE (is-Semestru Ewropew). F'dan il-kuntest, il-Kumitat tal-Impjiegi se jeżamina kull sena s-sitwazzjoni tan-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi u l-adegwatezza tal-protezzjoni tal-paga minima fl-Istati Membri abbażi tar-rapporti prodotti mill-Kummissjoni.

Il-Kummissjoni tinsab lesta li tipprovdi appoġġ tekniku lill-Istati Membri, b’mod partikolari permezz tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 31 u l-Fond Soċjali Ewropew Plus 32 , biex jimplimentaw id-Direttiva.

Il-Kummissjoni se twettaq ukoll evalwazzjoni tad-Direttiva ħames snin wara t-traspożizzjoni tagħha. Barra minn hekk, wara dan il-Kummissjoni se tippreżenta rapport li jagħmel rieżami tal-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Kapitolu I – Dispożizzjonijiet ġenerali 

Artikolu 1 – Suġġett

Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi s-suġġett tad-Direttiva, jiġifieri l-istabbiliment ta’ qafas fil-livell tal-Unjoni biex jiġi żgurat li l-pagi minimi jiġu ffissati f’livell adegwat u li l-ħaddiema jkollhom aċċess għall-protezzjoni tal-paga minima, fil-forma ta’ paga minima statutorja jew fil-forma ta’ pagi ffissati permezz ta’ ftehimiet kollettivi.

L-Artikolu jiċċara wkoll li d-Direttiva ma tinterferixxix mal-libertà tal-Istati Membri li jiffissaw pagi minimi statutorji jew jippromwovu l-aċċess għall-protezzjoni tal-paga minima pprovduta permezz ta’ ftehimiet kollettivi, skont it-tradizzjonijiet nazzjonali u b’rispett sħiħ tal-libertà kuntrattwali tas-sħab soċjali. Hu jiċċara aktar li d-Direttiva ma timponi ebda obbligu li tiġi introdotta paga minima statutorja fl-Istati Membri fejn din ma teżistix jew li l-ftehimiet kollettivi jiġu applikati b’mod universali.

Artikolu 2 – Kamp ta’ applikazzjoni

Dan l-Artikolu jiċċara l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, li jinkludi l-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definita mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika f’kull Stat Membru, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Dan l-approċċ għall-kamp ta' applikazzjoni personali tad-Direttiva proposta ġie segwit ukoll għall-finijiet tad-Direttivi 2019/1152 u 2019/1158. Hu jippermetti li jiġu indirizzati r-riskji li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva proposta numru dejjem jikber ta’ ħaddiema f’forom ta’ impjiegi mhux standard, bħall-ħaddiema domestiċi, il-ħaddiema fuq talba, il-ħaddiema intermittenti, il-ħaddiema li jitħallsu b'vawċer, il-ħaddiema b’impjieg indipendenti fittizju, il-ħaddiema tal-pjattaformi, it-trainees u l-apprendisti. Id-Direttiva proposta se tapplika għal ħaddiema bħal dawn, sakemm jissodisfaw il-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-definizzjoni ta’ “ħaddiem”.

Artikolu 3 – Definizzjonijiet

Din id-dispożizzjoni tiddefinixxi numru ta’ termini u kunċetti meħtieġa għall-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Artikolu 4 - Promozzjoni ta’ negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi

Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li żżid il-kopertura tan-negozjar kollettiv. Għal dan il-għan, l-Istati Membri huma rikjesti li jieħdu azzjoni biex jippromwovu l-kapaċità tas-sħab soċjali li jinvolvu ruħhom f’negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi, u biex jinkoraġġixxu negozjati kostruttivi, sinifikanti u infurmati dwar il-pagi.

Barra minn hekk, tirrikjedi li fl-Istati Membri fejn il-kopertura tan-negozjar kollettiv (kif definit fl-Artikolu 3) ma tilħaqx mill-inqas 70% tal-ħaddiema, jipprevedu qafas għan-negozjar kollettiv u jistabbilixxu pjan ta’ azzjoni għall-promozzjoni tan-negozjar kollettiv.

Kapitolu II – Pagi minimi statutorji

Id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu japplikaw biss għal Stati Membri b’pagi minimi statutorji.

Artikolu 5 – Adegwatezza

Biex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-paga minima statutorja, din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri b’pagi minimi statutorji jipprevedu l-elementi li ġejjin: kriterji nazzjonali għall-iffissar u l-aġġornament tal-paga minima statutorja ddefiniti b’mod stabbli u ċar; aġġornamenti regolari u f’waqthom; u l-istabbiliment ta’ korpi konsultattivi.

Il-kriterji nazzjonali għandhom jinkludu mill-inqas il-kapaċità tal-akkwist tal-pagi minimi, il-livell ġenerali tal-pagi grossi u d-distribuzzjoni tagħhom, ir-rata ta’ tkabbir tal-pagi grossi, u l-iżviluppi fil-produttività tax-xogħol. Huma għandhom jiġu ddefiniti skont il-prattiki nazzjonali, jew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fid-deċiżjonijiet tal-korpi kompetenti jew fi ftehimiet bejn tliet partijiet. L-Istati Membri huma mitluba wkoll li jużaw valuri ta’ referenza indikattivi biex jiggwidaw il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji, bħal dawk użati b’mod komuni fil-livell internazzjonali 33 .

Artikolu 6 - Varjazzjonijiet u tnaqqis

Biex tiġi promossa l-adegwatezza tal-pagi minimi għall-gruppi kollha ta’ ħaddiema, din id-dispożizzjoni titlob lill-Istati Membri, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, biex jillimitaw l-użu tal-varjazzjonijiet fil-paga minima statutorja u l-applikazzjoni tagħhom fiż-żmien u l-firxa.

L-artikolu jipprevedi wkoll il-protezzjoni tal-pagi minimi statutorji kontra tnaqqis mhux ġustifikat jew sproporzjonat. Xi tnaqqis fil-pagi minimi statutorji jista’ tabilħaqq ikun ġustifikat b’għan leġittimu, pereżempju meta ordnat minn awtorità ġudizzjarja. Tnaqqis ieħor, bħal dak relatat mat-tagħmir meħtieġ biex jitwettaq impjieg jew tnaqqis ta’ allowances in natura, bħall-akkomodazzjoni, jista’ ma jkunx ġustifikat jew ikun sproporzjonat.

Artikolu 7 - Involviment tas-sħab soċjali fl-iffissar u l-aġġornament tal-paga minima statutorja

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi involviment effettiv u f’waqtu tas-sħab soċjali fl-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni fil-korpi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 5. Hi tirrikjedi li l-Istati Membri jinvolvu s-sħab soċjali fid-definizzjoni tal-kriterji msemmija fl-Artikolu 5, l-aġġornamenti tal-pagi minimi, l-istabbiliment ta’ varjazzjonijiet u tnaqqis imsemmija fl-Artikolu 6, u l-ġbir tad-data u t-twettiq ta’ studji fil-qasam.

Minbarra li jikkontribwixxi għall-iżgurar u l-preservazzjoni tal-adegwatezza tal-paga minima, involviment f’waqtu u effettiv tas-sħab soċjali jikkostitwixxi wkoll element ta’ governanza tajba li jippermetti proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet infurmat u inklużiv.

Artikolu 8 – Aċċess effettiv tal-ħaddiema għal pagi minimi statutorji

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu l-azzjoni meħtieġa, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, biex jiżguraw aċċess effettiv tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima statutorja. L-azzjoni rikjesta se tikkonsisti b’mod partikolari fit-tisħiħ tas-sistema ta’ kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, tipprovdi gwida għall-awtoritajiet tal-infurzar, u tagħti lill-ħaddiema informazzjoni adegwata dwar il-pagi minimi statutorji applikabbli.

Kapitolu III - Dispożizzjonijiet orizzontali

Artikolu 9 – Akkwist pubbliku

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li, fit-twettiq tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku u ta’ konċessjoni, l-operaturi ekonomiċi (inkluża l-katina tas-sottokuntrattar minn hemm ’il quddiem) jirrispettaw il-pagi minimi applikabbli miftiehma b’mod kollettiv u l-pagi minimi statutorji fejn dawn jeżistu. In-nuqqas ta’ rispett tad-dispożizzjonijiet dwar il-pagi minimi statutorji jew il-pagi ffissati permezz ta’ ftehimiet kollettivi jista’ tabilħaqq iseħħ fl-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti, li jirriżulta f’ħaddiema li jitħallsu inqas mill-protezzjoni tal-paga minima applikabbli.

L-obbligu stabbilit f’din id-dispożizzjoni jaqa’ fi ħdan obbligi applikabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol stabbiliti fl-Artikoli 18(2) u 71(1) tad-Direttiva 2014/24/UE dwar l-akkwist pubbliku, l-Artikoli 36(2) u 88(1) tad-Direttiva 2014/25/UE dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u postali u l-Artikoli 30(3) u 42(1) tad-Direttiva 2014/23/UE dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni. Il-kjarifikazzjoni u r-referenza espliċita għad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq huma maħsuba biex jappoġġjaw u jsaħħu l-implimentazzjoni fil-qasam tal-pagi minimi.

Artikolu 10 – Monitoraġġ u ġbir ta' data

Din id-dispożizzjoni tirreferi għall-istabbiliment ta’ sistema effettiva ta’ monitoraġġ u ta’ ġbir ta’ data. L-Istati Membri huma rikjesti li jagħtu l-kompitu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jiżviluppaw għodod effettivi u affidabbli għall-ġbir tad-data, li għandhom jippermettu lill-Istati Membri jirrappurtaw kull sena d-data rilevanti relatata mal-kopertura u mal-adegwatezza lill-Kummissjoni. 

Id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni rigward il-ftehimiet kollettivi u d-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-pagi tkun trasparenti u disponibbli għall-pubbliku.

Bil-ħsieb li timmonitorja l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva, din id-dispożizzjoni tipprevedi wkoll li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tagħha tal-iżviluppi fl-adegwatezza u l-kopertura tal-pagi minimi abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri. Barra minn hekk, abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni, il-Kumitat tal-Impjiegi se jkollu l-kompitu li jeżamina l-promozzjoni tan-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi u l-adegwatezza tal-pagi minimi fl-Istati Membri, fil-qafas tal-proċess ta’ koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fil-livell tal-UE.

Artikolu 11 - Dritt għal rimedju u protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi negattivi

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għal forom speċifiċi ta’ rimedju u soluzzjoni tat-tilwim previsti, fejn applikabbli, fil-ftehimiet kollettivi, il-ħaddiema u r-rappreżentanti tagħhom ikollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż għal kumpens adegwat, kif ukoll protezzjoni effettiva minn kwalunkwe forma ta’ detriment f’każ li jiddeċiedu li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom meta jinkisru d-drittijiet tagħhom fir-rigward tal-protezzjoni tal-paga minima stabbilita. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li tingħata protezzjoni lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tagħhom minn trattament jew konsegwenzi negattivi mill-impjegatur, li jista’ jiskoraġġixxi lill-ħaddiema milli jressqu lmenti meta d-drittijiet tagħhom jinkisru.

Artikolu 12 – Penali

Din id-dispożizzjoni tirrikjedi li l-Istati Membri jipprevedu penali effettivi, proporzjonati u dissważivi għal ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali li jistabbilixxu l-protezzjoni tal-paga minima.

Kapitolu IV — Dispożizzjonijiet finali

Artikolu 13 – Implimentazzjoni

Din id-dispożizzjoni tenfasizza li, skont l-Artikolu 153(3) tat-TFUE, l-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni tad-Direttiva, meta s-sħab soċjali jitolbu li jagħmlu dan u sakemm l-Istati Membri jieħdu l-passi neċessarji kollha biex jiżguraw li fi kwalunkwe mument jistgħu jiggarantixxu r-riżultati mitluba skont din id-Direttiva.

Artikolu 14 - Tixrid tal-informazzjoni

Din id-dispożizzjoni għandha l-għan li tiżgura s-sensibilizzazzjoni fl-Istati Membri dwar id-drittijiet mogħtija minn din id-Direttiva, kif ukoll dwar dispożizzjonijiet oħra diġà eżistenti fl-istess qasam.

Artikolu 15 – Evalwazzjoni u rieżami

Din id-dispożizzjoni tistipula li l-Kummissjoni se twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva ħames snin wara t-traspożizzjoni tagħha. Il-Kummissjoni se tirrapporta lill-koleġiżlatur minn hemm ’il quddiem billi tagħmel rieżami tal-implimentazzjoni tad-Direttiva u, jekk tqis li jkun meħtieġ, tagħmel proposti biex tirrevediha u taġġornaha.

Artikolu 16 – Nonrigressjoni u dispożizzjonijiet aktar favorevoli

Din hija dispożizzjoni standard li tippermetti lill-Istati Membri jipprovdu livell ta' protezzjoni iktar għoli minn dak iggarantit mid-Direttiva proposta, u li timpedixxi l-użu tagħha biex jitbaxxew l-istandards eżistenti fl-istess oqsma.

Artikolu 17 - Traspożizzjoni

Dawn huma dispożizzjonijiet standard li jistabbilixxu l-perjodu massimu li l-Istati Membri għandhom sabiex jittrasponu d-Direttiva fil-liġi nazzjonali u jikkomunikaw it-testi rilevanti lill-Kummissjoni (sentejn) u l-obbligu għall-Istati Membri li jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.

Artikolu 18 – Dħul fis-seħħ

Din hi dispożizzjoni standard li tistipula li d-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali.

Artikolu 19 - Destinatarji

Din hi dispożizzjoni standard dwar id-destinatarji, li tagħmilha ċara li d-Direttiva hi indirizzata lill-Istati Membri.

2020/0310 (COD)

Proposta għal

DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar pagi minimi adegwati fl-Unjoni Ewropea

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 153 (2), flimkien mal-punt (b) tal-Artikolu 153 (1) tiegħu

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 34 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 35 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-għanijiet tal-Unjoni huma, fost l-oħrajn, li tippromwovi l-benesseri tal-popli tagħha u li taħdem għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa bbażat fuq ekonomija soċjali tas-suq kompetittiva ħafna.

(2)L-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 36 jipprevedi d-dritt ta’ kull ħaddiem għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu.

(3)Il-Karta Soċjali Ewropea tistabbilixxi li l-ħaddiema kollha għandhom id-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. Hi tirrikonoxxi d-dritt tal-ħaddiema kollha għal remunerazzjoni ġusta suffiċjenti għal standard ta’ għajxien deċenti għalihom u għall-familji tagħhom. L-Artikolu 4 tal-Karta jirrikonoxxi r-rwol ta’ ftehimiet kollettivi konklużi liberament kif ukoll ta’ mekkaniżmi ta’ ffissar tal-pagi minimi statutorji, biex jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv ta’ dan id-dritt.

(4)Il-Kapitolu II tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat f’Gothenburg fis-17 ta’ Novembru 2017, jistabbilixxi sett ta’ prinċipji biex iservu ta’ gwida lejn l-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. Il-prinċipju Nru 6 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jafferma mill-ġdid id-dritt tal-ħaddiema għal pagi ġusti li jipprovdu standard tal-għajxien deċenti. Jipprovdi wkoll li pagi minimi adegwati għandhom ikunu żgurati, b’mod li dawn jipprovdu għas-sodisfazzjoni tal-bżonnijiet tal-ħaddiema u tal-familji tagħhom, filwaqt li jissalvagwardjaw l-aċċess għall-impjiegi u l-inċentivi li jfittxu xogħol. Barra minn dan, ifakkar li l-faqar fost min għandu xogħol għandu jiġi evitat u li l-pagi kollha għandhom jiġu ffissati b’mod trasparenti u prevedibbli u fir-rispett tal-awtonomija tas-sħab soċjali.

(5)Il-Linja Gwida 5 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/1512/UE dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri 37 titlob lill-Istati Membri biex jiżguraw involviment effettiv tas-sħab soċjali fl-iffissar tal-pagi, jipprovdu pagi ġusti li jippermettu standard tal-għajxien deċenti u jippermettu rispons adegwat tal-pagi għall-iżviluppi fil-produttività, bl-għan li jkun hemm konverġenza ’l fuq. Il-Linja Gwida titlob ukoll lill-Istati Membri biex jippromwovu d-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi. Hi titlob ukoll lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali biex jiżguraw li l-ħaddiema kollha jkollhom pagi adegwati u ġusti billi jibbenefikaw minn ftehimiet kollettivi jew pagi minimi statutorji adegwati, u filwaqt li jitqies l-impatt tagħhom fuq il-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u l-faqar fost dawk li jaħdmu. L-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021 38 tiddikjara li l-Istati Membri jenħtieġ li jadottaw miżuri biex jiżguraw kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti. Barra minn hekk, l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli 2020 39 fakkret li fil-kuntest ta’ firdiet soċjali dejjem jikbru, hu importanti li jiġi żgurat li kull ħaddiem jaqla’ paga adegwata. Inħarġu wkoll diversi Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi lil xi Stati Membri fil-qasam tal-pagi minimi. Madankollu, il-pajjiżi individwali ftit li xejn se jħossuhom inklinati li jtejbu s-sistemi tal-iffissar tal-pagi minimi tagħhom minħabba l-perċezzjoni li dan jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-kompetittività tal-ispejjeż esterni tagħhom.

(6)Kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien aħjar, inkluż permezz ta’ pagi minimi adegwati, huma ta’ benefiċċju kemm lill-ħaddiema kif ukoll lin-negozji fl-Unjoni u huma prerekwiżit biex jinkiseb tkabbir inklużiv u sostenibbli. L-indirizzar ta’ differenzi kbar fil-kopertura u l-adegwatezza tal-protezzjoni tal-paga minima jikkontribwixxi għat-titjib tal-ġustizzja tas-suq tax-xogħol tal-UE u jippromwovi progress ekonomiku u soċjali u konverġenza ’l fuq. Il-kompetizzjoni fis-Suq Uniku jenħtieġ li tkun ibbażata fuq standards soċjali għoljin, innovazzjoni u titjib fil-produttività li jiżguraw kundizzjonijiet ekwi.

(7)Meta jiġu ffissati f’livelli adegwati, il-pagi minimi jipproteġu d-dħul ta’ ħaddiema żvantaġġati, jgħinu biex jiġi żgurat għajxien deċenti, u jillimitaw it-tnaqqis fid-dħul matul żminijiet ħżiena, kif rikonoxxut fil-Konvenzjoni 131 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar l-istabbiliment ta’ sistema għall-iffissar tal-paga minima. Il-pagi minimi jikkontribwixxu għas-sostenn tad-domanda domestika, isaħħu l-inċentivi għax-xogħol, inaqqsu l-inugwaljanzi fil-pagi u l-faqar fost dawk li jaħdmu.

(8)Hemm probabbiltà ogħla li l-ħaddiema nisa, żgħażagħ u dawk b’livell baxx ta’ ħiliet u l-persuni b’diżabilità jaqilgħu paga minima jew paga baxxa minn gruppi oħra ta’ ħaddiema. F’perjodi ta’ tnaqqis fir-ritmu ekonomiku, bħall-kriżi tal-COVID-19, ir-rwol tal-pagi minimi fil-protezzjoni tal-ħaddiema b’paga baxxa qed isir dejjem aktar importanti u huwa essenzjali li jiġi appoġġjat irkupru ekonomiku sostenibbli u inklużiv. L-indirizzar tal-paga minima jikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inaqqas id-differenza bejn il-ġeneri fil-pagi u fil-pensjonijiet kif ukoll joħroġ lin-nisa mill-faqar. 

(9)Il-pandemija tal-COVID-19 qed ikollha impatt sinifikanti fuq is-settur tas-servizzi u l-kumpaniji ż-żgħar, li t-tnejn li huma għandhom sehem għoli ta’ ħaddiema li jaqilgħu il-paga minima. Barra minn hekk, il-pagi minimi huma importanti wkoll fid-dawl tax-xejriet strutturali li qed isawru mill-ġdid is-swieq tax-xogħol u li huma kkaratterizzati dejjem aktar minn sehem għoli ta’ xogħol mhux standard u prekarju. Dawn ix-xejriet wasslu għal żieda fil-polarizzazzjoni tal-impjiegi li tirriżulta f’sehem dejjem jikber ta’ impjiegi b’pagi baxxi u b’livell baxx ta’ ħiliet fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, kif ukoll għal inugwaljanza akbar fil-pagi f’xi wħud minnhom.

(10)Għalkemm il-protezzjoni tal-paga minima teżisti fl-Istati Membri kollha, f’xi wħud minnhom din il-protezzjoni ġejja minn dispożizzjonijiet leġiżlattivi (“pagi minimi statutorji”) u permezz ta’ ftehimiet kollettivi filwaqt li f’oħrajn hija pprovduta esklussivament permezz ta’ ftehimiet kollettivi.

(11)Il-protezzjoni tal-paga minima ffissata permezz ta’ ftehimiet kollettivi f’impjiegi b'paga baxxa fil-biċċa l-kbira tal-każijiet hija adegwata; il-pagi minimi statutorji huma baxxi meta mqabbla ma’ pagi oħrajn fl-ekonomija f’diversi Stati Membri. Fl-2018, il-paga minima statutorja nazzjonali ma kinitx tipprovdi dħul biżżejjed għal persuna waħda b’paga minima biex tilħaq il-limitu tar-riskju ta' faqar f’disa’ Stati Membri. Barra minn hekk, l-użu ta’ rati ta’ paga minima mnaqqsa (varjazzjonijiet) u t-tnaqqis mill-pagi minimi statutorji jaffettwaw b’mod negattiv l-adegwatezza tagħhom.

(12)Mhux il-ħaddiema kollha fl-Unjoni huma protetti b’pagi minimi. F’xi Stati Membri xi ħaddiema, għalkemm huma koperti, fil-prattika jirċievu remunerazzjoni taħt il-paga minima statutorja minħabba n-nuqqas ta’ rispett tar-regoli eżistenti. B’mod partikolari, instab li dan in-nuqqas ta’ konformità jaffettwa l-aktar lin-nisa, lill-ħaddiema żgħażagħ, lill-persuni b’diżabilità u lill-ħaddiema agrikoli. Fi Stati Membri fejn il-protezzjoni tal-paga minima hi pprovduta biss permezz ta’ ftehimiet kollettivi, is-sehem tal-ħaddiema mhux koperti huwa stmat li jvarja minn 2% sa 55% tal-ħaddiema kollha.

(13)Filwaqt li negozjar kollettiv b’saħħtu fil-livell tas-settur jew transindustrijali jikkontribwixxi biex tiġi żgurata protezzjoni adegwata tal-paga minima, f’dawn l-aħħar deċennji l-istrutturi tradizzjonali tan-negozjar kollettiv tnaqqru, parzjalment minħabba bidliet strutturali fl-ekonomija lejn setturi inqas junjonizzati u minħabba t-tnaqqis fis-sħubija fil-unions relatat maż-żieda ta’ forom ta’ xogħol atipiċi u ġodda.

(14)Il-Kummissjoni kkonsultat lill-maniġment u lill-ħaddiema fi proċess f’żewġ fażijiet fir-rigward ta’ azzjoni possibbli biex jiġu indirizzati l-isfidi relatati mal-protezzjoni ta’ pagi minimi adegwati fl-Unjoni, skont l-Artikolu 154 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Ma kien hemm ebda ftehim bejn is-sħab soċjali biex jidħlu f’negozjati fir-rigward ta’ dawn il-kwistjonijiet. Madankollu, hu importanti li tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex jiġi żgurat li l-ħaddiema fl-Unjoni jkunu protetti b’pagi minimi adegwati, filwaqt li jitqiesu l-eżiti tal-konsultazzjoni tas-sħab soċjali.

(15)Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi rekwiżiti minimi fil-livell tal-Unjoni biex jiġi żgurat kemm li l-pagi minimi jiġu stabbiliti f’livell adegwat u kif ukoll li l-ħaddiema jkollhom aċċess għall-protezzjoni tal-paga minima, fil-forma ta’ paga minima statutorja jew fil-forma ta’ pagi ffissati permezz ta’ ftehimiet kollettivi kif iddefinit għall-finijiet ta’ din id-Direttiva,

(16)B’rispett sħiħ tal-Artikolu 153(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, din id-Direttiva la għandha l-għan li tarmonizza l-livell tal-pagi minimi fl-Unjoni kollha u lanqas li tistabbilixxi mekkaniżmu uniformi għall-iffissar tal-pagi minimi. Hi ma tinterferixxix mal-libertà tal-Istati Membri li jiffissaw pagi minimi statutorji jew jippromwovu l-aċċess għall-protezzjoni tal-paga minima pprovduta permezz ta’ ftehimiet kollettivi, skont it-tradizzjonijiet u l-ispeċifiċitajiet ta’ kull pajjiż u b’rispett sħiħ tal-kompetenzi nazzjonali u l-libertà kuntrattwali tas-sħab soċjali. Din id-Direttiva ma timponix obbligu fuq l-Istati Membri fejn il-protezzjoni tal-paga minima hija żgurata esklussivament permezz ta’ ftehimiet kollettivi biex jintroduċu paga minima statutorja u lanqas biex jagħmlu l-ftehimiet kollettivi applikabbli b’mod universali. Ukoll, din id-Direttiva ma tistabbilixxix il-livell tal-paga, li jaqa’ fi ħdan il-libertà kuntrattwali tas-sħab soċjali fil-livell nazzjonali u fi ħdan il-kompetenza rilevanti tal-Istati Membri.

(17)Din id-Direttiva jenħtieġ li tapplika għall-ħaddiema li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, minn ftehimiet kollettivi jew minn prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru, billi jiġu kkunsidrati l-kriterji stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għad-determinazzjoni tal-istatus ta’ ħaddiem. Diment li jissodisfaw dawn il-kriterji, il-ħaddiema domestiċi, il-ħaddiema fuq talba, il-ħaddiema intermittenti, il-ħaddiema li jitħallsu bil-vawċers, il-ħaddiema b’impjieg indipendenti fittizju, il-ħaddiema tal-pjattaformi, it-trainees u l-apprendisti jistgħu jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Il-persuni li ġenwinament jaħdmu għal rashom ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva peress li ma jissodisfawx dawk il-kriterji. L-abbuż tal-istatus ta’ persuni li jaħdmu għal rashom, kif definit fil-liġi nazzjonali, sew fil-livell nazzjonali jew f’sitwazzjonijiet transkonfinali, huwa forma ta’ xogħol iddikjarat b’mod falz li sikwit ikun assoċjat ma’ xogħol mhux iddikjarat. Impjieg indipendenti fittizju jseħħ meta persuna tkun iddikjarata bħala impjegata għal rasha filwaqt li tissodisfa l-kundizzjonijiet li jikkaratterizzaw relazzjoni ta’ impjieg, sabiex jiġu evitati ċerti obbligi legali jew fiskali. Dawn il-persuni jenħtieġ jiġu koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Direttiva. Id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ impjieg jenħtieġ li tkun iggwidata mill-fatti relatati mat-twettiq effettiv tax-xogħol u mhux mid-deskrizzjoni mill-partijiet tar-relazzjoni.

(18)Negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi li jiffunzjona tajjeb huwa mezz importanti biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jkunu protetti b’pagi minimi adegwati. Fl-Istati Membri b’pagi minimi statutorji, in-negozjar kollettiv jappoġġja l-iżviluppi ġenerali fil-pagi u għalhekk jikkontribwixxi għat-titjib tal-adegwatezza tal-pagi minimi. Fl-Istati Membri fejn il-protezzjoni tal-paga minima hija pprovduta esklussivament permezz ta’ negozjar kollettiv, il-livell tagħha kif ukoll is-sehem ta’ ħaddiema protetti huma determinati direttament mill-funzjonament tas-sistema ta’ negozjar kollettiv u l-kopertura tan-negozjar kollettiv. Negozjar kollettiv b'saħħtu u li jiffunzjona tajjeb flimkien ma’ kopertura għolja ta’ ftehimiet kollettivi settorjali jew transindustrijali jsaħħu l-adegwatezza u l-kopertura tal-pagi minimi.

(19)F’kuntest ta’ tnaqqis fil-kopertura tan-negozjar kollettiv, hu essenzjali li l-Istati Membri jippromwovu n-negozjar kollettiv biex jittejjeb l-aċċess tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima pprovduta permezz ta’ ftehimiet kollettivi. Stati Membri b’kopertura għolja ta’ negozjar kollettiv għandhom it-tendenza li jkollhom sehem baxx ta’ ħaddiema b’pagi baxxi u għandhom pagi minimi għoljin. Stati Membri b’sehem żgħir ta’ dawk li jaqilgħu paga baxxa għandhom rata ta’ kopertura ta’ negozjar ’il fuq minn 70%. Bl-istess mod, il-maġġoranza tal-Istati Membri b’livelli għoljin ta’ pagi minimi meta mqabbla mal-paga medjana għandhom kopertura ta’ negozjar kollettiv ta’ aktar minn 70%. Għalkemm l-Istati Membri kollha għandhom jiġu mħeġġa jippromwovu l-ftehim kollettiv, dawk li ma jilħqux dan il-livell ta’ kopertura, f’konsultazzjoni u/jew bi ftehim mas-sħab soċjali, għandhom jipprevedu jew, fejn diġà jeżisti, isaħħu qafas ta’ proċeduri faċilitattivi u arranġamenti istituzzjonali li jippermettu l-kundizzjonijiet għal ftehim kollettiv. Tali qafas għandu jiġi stabbilit bil-liġi jew bi ftehim bejn tliet partijiet.

(20)Hemm bżonn ta’ regoli, proċeduri u prattiki soda għall-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji biex ikunu pprovduti pagi minimi adegwati, filwaqt li jiġu salvagwardjati l-impjiegi u l-kompetittività tal-kumpaniji inklużi l-intrapriżi żgħar u medji. Huma jinkludu għadd ta’ elementi biex jippreservaw l-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji, inklużi kriterji u indikaturi għall-valutazzjoni tal-adegwatezza, aġġornamenti regolari u f’waqthom, l-eżistenza ta’ korpi konsultattivi u l-involviment ta’ sħab soċjali. Involviment f’waqtu u effettiv ta’ dawn tal-aħħar hu element ieħor ta’ governanza tajba li jippermetti proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet infurmat u inklużiv.

(21)Il-pagi minimi huma meqjusin bħala adegwati jekk ikunu ġusti fir-rigward tad-distribuzzjoni tal-pagi fil-pajjiż u jekk jipprovdu standard ta’ għajxien deċenti. L-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji hija ddeterminata fid-dawl tal-kundizzjonijiet soċjoekonomiċi nazzjonali, inklużi t-tkabbir fl-impjiegi, il-kompetittività kif ukoll l-iżviluppi reġjonali u settorjali. L-adegwatezza tagħhom jenħtieġ li tiġi vvalutata tal-inqas fir-rigward tal-kapaċità tal-akkwist tagħhom, tal-iżviluppi fil-produttività u r-relazzjoni tagħhom mal-livelli tal-paga grossa, id-distribuzzjoni u t-tkabbir. L-użu ta’ indikaturi użati b'mod komuni fil-livell internazzjonali, bħal 60% tal-paga medjana grossa u 50% tal-paga medja grossa, jistgħu jgħinu biex jiggwidaw il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-paga minima fir-rigward tal-livell tal-pagi grossi.

(22)Biex tiġi promossa l-adegwatezza tal-pagi minimi għall-gruppi kollha ta’ ħaddiema, il-varjazzjonijiet u t-tnaqqis mill-pagi minimi statutorji jenħtieġ li jiġu limitati għal livell minimu, filwaqt li jiġi żgurat li s-sħab soċjali jiġu kkonsultati kif xieraq fid-definizzjoni tagħhom. Xi tnaqqis fil-pagi minimi statutorji jista’ jkun ġustifikat b’għan leġittimu, inklużi ammonti sopravvalutati mħallsa jew tnaqqis ordnat minn awtorità ġudizzjarja. Tnaqqis ieħor, bħal dak relatat mat-tagħmir meħtieġ biex jitwettaq impjieg jew tnaqqis ta’ allowances in natura, bħall-akkomodazzjoni, jista’ ma jkunx ġustifikat jew ikun sproporzjonat.

(23)Sistema effettiva ta’ infurzar, inklużi kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, hi neċessarja biex tiżgura l-funzjonament tal-oqfsa nazzjonali tal-paga minima statutorja. Biex tissaħħaħ l-effettività tal-awtoritajiet tal-infurzar, hi meħtieġa wkoll kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, inkluż biex jiġu indirizzati sfidi kritiċi bħal dawk relatati mas-sottokuntrattar, il-ħaddiema b’impjieg indipendenti fittizju jew is-sahra mhux irreġistrata. Barra minn hekk, il-ħaddiema jenħtieġ li jkollhom aċċess faċli għal informazzjoni xierqa dwar il-pagi minimi statutorji applikabbli biex jiġi żgurat livell adegwat ta’ trasparenza u prevedibbiltà fir-rigward tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom.

(24)L-implimentazzjoni effettiva tal-protezzjoni tal-paga minima ffissata permezz ta’ dispożizzjonijiet legali jew ipprovduta permezz ta’ ftehimiet kollettivi hija essenzjali fit-twettiq tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku u ta’ konċessjoni. In-nuqqas ta’ rispett tal-ftehimiet kollettivi li jipprovdu l-protezzjoni tal-paga minima f’settur speċifiku jista’ tabilħaqq iseħħ fl-eżekuzzjoni ta’ tali kuntratti jew fil-katina tas-sottokuntrattar minn hemm ’il quddiem, li jirriżulta f’ħaddiem li jitħallsu inqas mil-livell ta’ paga miftiehem fil-ftehimiet kollettivi. Biex jiġu evitati sitwazzjonijiet bħal dawn, l-operaturi ekonomiċi jridu japplikaw għall-ħaddiem tagħhom il-pagi ffissati permezz tal-ftehimiet kollettivi għas-settur u għaż-żona ġeografika rilevanti biex jikkonformaw ma’ obbligi applikabbli fil-qasam tal-liġi tax-xogħol, skont l-Artikoli 18(2) u 71(1) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-akkwist pubbliku 40 , l-Artikoli 36(2) u 88(1) tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 41 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, tal-enerġija, tat-trasport u postali u l-Artikoli 30(3) u 42(1) tad-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 42 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni.

(25)Monitoraġġ affidabbli u l-ġbir tad-data huma kruċjali biex tiġi żgurata protezzjoni effettiva tal-pagi minimi. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-valutazzjoni tagħha tal-iżviluppi fl-adegwatezza u l-kopertura tal-protezzjoni tal-paga minima abbażi tad-data annwali u l-informazzjoni li għandhom jiġu pprovduti mill-Istati Membri. Barra minn dan, il-progress jenħtieġ li jiġi mmonitorjat fil-qafas tal-proċess tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fil-livell tal-Unjoni. F’dak il-kuntest, il-Kumitat tal-Impjiegi jenħtieġ li jeżamina kull sena s-sitwazzjoni fl-Istati Membri abbażi tar-rapporti prodotti mill-Kummissjoni u għodod oħra ta’ sorveljanza multilaterali bħall-valutazzjoni komparattiva.

(26)Il-ħaddiema jenħtieġ li jkunu f’pożizzjoni li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom meta jinkisru d-drittijiet tagħhom relatati mal-protezzjoni tal-paga minima stabbilita. Sabiex jiġi evitat li l-ħaddiema jiġu mċaħħda mid-drittijiet tagħhom, u mingħajr preġudizzju għal forom speċifiċi ta’ rimedju u soluzzjoni tat-tilwim previsti fil-ftehimiet kollettivi, inklużi sistemi ta’ soluzzjoni tat-tilwim kollettiv, l-Istati Membri jenħtieġ li jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li jkollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż għal kumpens adegwat, kif ukoll protezzjoni effettiva minn kwalunkwe forma ta’ detriment f’każ li jiddeċiedu li jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

(27)Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq evalwazzjoni li tipprovdi l-bażi għal rieżami dwar l-implimentazzjoni effettiva ta’ din id-Direttiva. Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew jenħtieġ li jiġu infurmati bir-riżultati ta’ tali rieżami.

(28)Ir-riformi u l-miżuri adottati mill-Istati Membri biex jippromwovu protezzjoni adegwata tal-paga minima tal-ħaddiema, filwaqt li huma passi fid-direzzjoni t-tajba, ma kinux komprensivi u sistematiċi. Barra minn hekk, il-pajjiżi individwali ftit li xejn se jħossuhom inklinati li jtejbu l-adegwatezza u l-kopertura tal-pagi minimi minħabba l-perċezzjoni li dan jista’ jaffettwa b’mod negattiv il-kompetittività tal-ispejjeż esterni tagħhom. Minħabba li l-għanijiet ta' din id-Direttiva ma jistgħux jinkisbu b'mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala jew l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista' tadotta miżuri, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit fl-istess Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jintlaħqu dawk l-għanijiet.

(29)Din id-Direttiva tistabbilixxi rekwiżiti minimi, u għalhekk tħalli l-prerogattiva tal-Istati Membri sabiex jintroduċu u jżommu dispożizzjonijiet iktar favorevoli l-istess. Id-drittijiet akkwistati skont il-qafas legali nazzjonali eżistenti jenħtieġ li jkomplu japplikaw, diment li ma jkunux introdotti dispożizzjonijiet aktar favorevoli minn din id-Direttiva. L-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva ma tistax tintuża biex jitnaqqsu d-drittijiet eżistenti għall-ħaddiema, u lanqas ma tista’ tikkostitwixxi raġunijiet validi għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta' protezzjoni mogħtija lill-ħaddiema fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

(30)Fl-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva l-Istati Membri jenħtieġ li jevitaw li jimponu restrizzjonijiet amministrattivi, finanzjarji u legali b’tali mod li jżommu lura l-ħolqien u l-iżvilupp tal-mikrointrapriżi, dawk żgħar u medji. L-Istati Membri huma għalhekk mistiedna jevalwaw l-impatt tal-att ta’ traspożizzjoni tagħhom fuq l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju biex jiżguraw li dawn ma jiġux affettwati b’mod sproporzjonat, filwaqt li tingħata attenzjoni speċifika lill-mikrointrapriżi u lill-piż amministrattiv, u jippubblikaw ir-riżultati ta’ dawn il-valutazzjonijiet. Jekk jinstab li l-mikrointrapriżi, l-intrapriżi żgħar u medji huma affettwati b’mod sproporzjonat, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jintroduċu miżuri biex jappoġġjaw lil dawn l-intrapriżi biex jaġġustaw l-istrutturi ta’ remunerazzjoni tagħhom għar-rekwiżiti l-ġodda.

(31)L-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku 43 u l-Fond Soċjali Ewropew Plus 44 huma disponibbli għall-Istati Membri biex jiżviluppaw jew itejbu l-aspetti tekniċi tal-oqfsa tal-paga minima, inkluż dwar il-valutazzjoni tal-adegwatezza, il-monitoraġġ u l-ġbir ta' data, it-twessigħ tal-aċċess, kif ukoll dwar l-infurzar u t-tisħiħ tal-kapaċitajiet ġenerali relatati mal-implimentazzjoni tal-oqfsa msemmija.

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

KAPITOLU I

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett

1.Bil-għan li jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien fl-Unjoni, din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għal:

(a)l-iffissar ta’ livelli adegwati ta’ pagi minimi;

(b)l-aċċess tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima, fil-forma ta’ pagi ffissati permezz ta’ ftehimiet kollettivi jew fil-forma ta’ paga minima statutorja fejn din teżisti.

Din id-Diretiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għar-rispett sħiħ tal-awtonomija tas-sħab soċjali, kif ukoll għad-dritt tagħhom li jinnegozjaw u jikkonkludu ftehimiet kollettivi.

2.Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-għażla tal-Istati Membri li jiffissaw pagi minimi statutorji jew jippromwovu l-aċċess għall-protezzjoni tal-paga minima pprovduta permezz ta’ ftehimiet kollettivi.

3.Xejn f’din id-Direttiva ma għandu jinftiehem li jimponi obbligu fuq l-Istati Membri fejn l-iffissar tal-paga huwa żgurat esklussivament permezz ta’ ftehimiet kollettivi biex jintroduċu paga minima statutorja u lanqas biex jagħmlu l-ftehimiet kollettivi applikabbli b’mod universali.

Artikolu 2

Kamp ta’ applikazzjoni

Din id-Direttiva tapplika għall-ħaddiema fl-Unjoni li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg kif definit mil-liġi, mill-ftehimiet kollettivi jew mill-prattika fis-seħħ f’kull Stat Membru, fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-iskopijiet ta' din id-Direttiva, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“paga minima” tfisser ir-remunerazzjoni minima li impjegatur hu mitlub iħallas lill-ħaddiema għax-xogħol imwettaq matul perjodu partikolari, ikkalkulata fuq il-bażi ta’ żmien jew ta’ output;

(2)“paga minima statutorja” tfisser paga minima stabbilita mil-liġi, jew minn dispożizzjonijiet legali vinkolanti oħra;

(3)“negozjar kollettiv” tfisser in-negozjati kollha li jsiru bejn impjegatur, grupp ta’ impjegaturi jew organizzazzjoni tal-impjegaturi waħda jew aktar, fuq naħa waħda, u organizzazzjoni tal-ħaddiema waħda jew aktar, fuq in-naħa l-oħra, biex jiġu ddeterminati l-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-termini tal-impjieg; u/jew ir-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-impjegaturi u l-ħaddiema; u/jew ir-regolamentazzjoni tar-relazzjonijiet bejn l-impjegaturi jew l-organizzazzjonijiet tagħhom u organizzazzjoni jew organizzazzjonijiet tal-ħaddiema;

(4)“ftehim kollettiv” tfisser il-ftehimiet kollha bil-miktub rigward il-kundizzjonijiet tax-xogħol u t-termini tal-impjieg konklużi mis-sħab soċjali bħala riżultat ta’ negozjar kollettiv;

(5)“kopertura tan-negozjar kollettiv” tfisser is-sehem ta’ ħaddiema fil-livell nazzjonali li għalihom japplika ftehim kollettiv;

Artikolu 4

Promozzjoni ta’ negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi

1.Bl-għan li tiżdied il-kopertura tan-negozjar kollettiv l-Istati Membri, f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali, għandhom jieħdu tal-inqas il-miżuri li ġejjin:

(a)jippromwovu l-bini u t-tisħiħ tal-kapaċità tas-sħab soċjali biex jinvolvu ruħhom f’negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi fil-livell settorjali jew transindustrijali;

(b)jinkuraġġixxu negozjati kostruttivi, sinifikanti u infurmati dwar il-pagi fost is-sħab soċjali;

2.L-Istati Membri fejn il-kopertura tan-negozjar kollettiv hi inqas minn 70% tal-ħaddiema kif definit skont it-tifsira tal-Artikolu 2 għandhom barra minn hekk jipprevedu qafas li jippermetti l-kundizzjonijiet għan-negozjar kollettiv, jew bil-liġi wara konsultazzjoni tas-sħab soċjali jew bi ftehim magħhom, u għandhom jistabbilixxu pjan ta’ azzjoni biex jippromwovu n-negozjar kollettiv. Il-pjan ta' azzjoni għandu jsir pubbliku u għandu jiġi nnotifikat lill-Kummissjoni Ewropea.

KAPITOLU II

PAGI MINIMI STATUTORJI

Artikolu 5

Adegwatezza

1.L-Istati Membri b’pagi minimi statutorji għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li l-iffissar u l-aġġornament tal-pagi minimi statutorji jkunu ggwidati minn kriterji stabbiliti biex jippromwovu l-adegwatezza bil-għan li jinkisbu kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti, il-koeżjoni soċjali u l-konverġenza ’l fuq. L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu dawn il-kriterji skont il-prattiki nazzjonali tagħhom, jew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti, fid-deċiżjonijiet tal-korpi kompetenti jew fi ftehimiet bejn tliet partijiet. Il-kriterji għandhom jiġu definiti b’mod stabbli u ċar.

2.Il-kriterji nazzjonali msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jinkludu fost l-oħrajn l-elementi li ġejjin:

(a)il-kapaċità tal-akkwist tal-pagi minimi statutorji, filwaqt li jitqiesu l-għoli tal-ħajja u l-kontribuzzjoni tat-taxxi u l-benefiċċji soċjali;

(b)il-livell ġenerali tal-pagi grossi u d-distribuzzjoni tagħhom;

(c)ir-rata ta’ tkabbir tal-pagi grossi;

(d)l-iżviluppi fil-produttività tax-xogħol.

3.L-Istati Membri għandhom jużaw valuri ta’ referenza indikattivi biex jiggwidaw il-valutazzjoni tal-adegwatezza tal-pagi minimi statutorji fir-rigward tal-livell ġenerali tal-pagi grossi, bħal dawk użati b’mod komuni fil-livell internazzjonali.

4.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw l-aġġornamenti regolari u f’waqthom tal-pagi minimi statutorji sabiex jippreservaw l-adegwatezza tagħhom.

5.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu korpi konsultattivi biex jagħtu pariri lill-awtoritajiet kompetenti dwar kwistjonijiet relatati mal-pagi minimi statutorji.

Artikolu 6

Varjazzjonijiet u tnaqqis

1.L-Istati Membri jistgħu jippermettu rati differenti tal-paga minima statutorja għal gruppi speċifiċi ta’ ħaddiema. L-Istati Membri għandhom iżommu dawn il-varjazzjonijiet għal livell minimu, u jiżguraw li kwalunkwe varjazzjoni ma tkunx diskriminatorja, tkun proporzjonata, tkun limitata fiż-żmien jekk rilevanti, u tkun oġġettivament u raġonevolment iġġustifikata b’għan leġittimu.

2.L-Istati Membri jistgħu jippermettu tnaqqis bil-liġi li jnaqqas ir-remunerazzjoni mħallsa lill-ħaddiema għal livell inqas mill-paga minima statutorja. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan it-tnaqqis mill-pagi minimi statutorji jkun meħtieġ, ġustifikat b’mod oġġettiv u proporzjonat.

Artikolu 7

Involviment tas-sħab soċjali fl-iffissar u l-aġġornament tal-paga minima statutorja

L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jiżguraw li s-sħab soċjali jkunu involuti b’mod f’waqtu u effettiv fl-iffissar u l-aġġornament tal-paga minima statutorja, inkluż permezz tal-parteċipazzjoni f’korpi konsultattivi msemmija fl-Artikolu 5(5) u b'mod partikolari fir-rigward ta’:

(a)l-għażla u l-applikazzjoni tal-kriterji u l-valuri ta’ referenza indikattivi msemmija fl-Artikolu 5 (1) (2) u (3) għad-determinazzjoni tal-livelli tal-paga minima statutorja;

(b)l-aġġornamenti tal-livelli tal-paga minima statutorja msemmija fl-Artikolu 5(4);

(c)l-istabbiliment ta’ varjazzjonijiet u tnaqqis fil-pagi minimi statutorji msemmija fl-Artikolu 6;

(d)il-ġbir tad-data u t-twettiq ta’ studji għall-informazzjoni tal-awtoritajiet li jiffissaw il-paga minima statutorja;

Artikolu 8

Aċċess effettiv tal-ħaddiema għal pagi minimi statutorji

L-Istati Membri, f’kooperazzjoni mas-sħab soċjali, għandhom jieħdu l-miżuri li ġejjin biex itejbu l-aċċess tal-ħaddiema għall-protezzjoni tal-paga minima statutorja kif xieraq:

(1)isaħħu l-kontrolli u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-ispettorat tax-xogħol jew il-korpi responsabbli għall-infurzar tal-pagi minimi statutorji. Il-kontrolli u l-ispezzjonijiet għandhom ikunu proporzjonati u nondiskriminatorji;

(2)jiżviluppaw gwida għall-awtoritajiet tal-infurzar biex jimmiraw b’mod proattiv negozji mhux konformi;

(3)jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-pagi minimi statutorji tkun disponibbli għall-pubbliku b’mod ċar, komprensiv u faċilment aċċessibbli.

KAPITOLU III

DISPOŻIZZJONIJIET ORIZZONTALI

Artikolu 9

Akkwist pubbliku

Skont id-Direttiva 2014/24/UE, id-Direttiva 2014/25/UE u d-Direttiva 2014/23/UE, l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri xierqa biex jiżguraw li fit-twettiq tal-kuntratti ta’ akkwist pubbliku jew ta’ kuntratti ta’ konċessjoni l-operaturi ekonomiċi jikkonformaw mal-pagi ffissati permezz ta’ ftehimiet kollettivi għas-settur u ż-żona ġeografika rilevanti u mal-pagi minimi statutorji fejn dawn jeżistu.

Artikolu 10

Monitoraġġ u ġbir ta’ data

1.L-Istati Membri għandhom jagħtu l-kompitu lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom biex jiżviluppaw għodod effettivi għall-ġbir tad-data biex jimmonitorjaw il-kopertura u l-adegwatezza tal-pagi minimi.

2.L-Istati Membri għandhom jirrappurtaw lill-Kummissjoni fuq bażi annwali, qabel l-1 ta’ Ottubru ta’ kull sena, id-data li ġejja:

(a)għall-pagi minimi statutorji:

(i)il-livell tal-paga minima statutorja u s-sehem tal-ħaddiema koperti biha;

(ii)il-varjazzjonijiet eżistenti u s-sehem tal-ħaddiema koperti bihom;

(iii)it-tnaqqis eżistenti;

(iv)ir-rata ta’ kopertura ta’ negozjar kollettiv.

(b)għall-protezzjoni tal-paga minima pprovduta biss permezz ta’ ftehimiet kollettivi:

(i)id-distribuzzjoni f’deċili ta’ tali pagi ponderata mis-sehem ta’ ħaddiema koperti;

(ii)ir-rata ta’ kopertura ta’ negozjar kollettiv;

(iii)il-livell tal-pagi għall-ħaddiema li ma għandhomx protezzjoni tal-paga minima pprovduta permezz ta’ ftehimiet kollettivi u r-relazzjoni tagħha mal-livell tal-pagi ta’ ħaddiema li għandhom tali protezzjoni minima.

L-Istati Membri għandhom jipprovdu l-istatistika u l-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu diżaggregata skont il-ġeneru, l-età, id-diżabilità, id-daqs tal-kumpanija u s-settur.

L-ewwel rapport għandu jkopri s-snin [X, Y, Z: it-tliet snin qabel is-sena tat-traspożizzjoni] u għandhom jitwasslu sa [l-1 ta’ Ottubru YY: sena wara t-traspożizzjoni]. L-Istati Membri jistgħu jħallu barra statistika u informazzjoni li ma tkunx disponibbli qabel [id-data tat-traspożizzjoni].

Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri biex jipprovdu aktar informazzjoni fuq bażi ta’ każ b’każ fejn tqis li tali informazzjoni tkun neċessarja għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni effettiva tad-Direttiva.

3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-informazzjoni dwar il-protezzjoni tal-paga minima, inklużi l-ftehimiet kollettivi u d-dispożizzjonijiet dwar il-pagi fihom, tkun trasparenti u aċċessibbli għall-pubbliku.

4.Il-Kummissjoni għandha tivvaluta d-data trażmessa mill-Istati Membri fir-rapporti msemmija fil-paragrafu 2, u għandha tirrapporta kull sena lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.Abbażi tar-rapport maħruġ mill-Kummissjoni, il-Kumitat tal-Impjiegi stabbilit skont l-Artikolu 150 tat-TFUE għandu jwettaq kull sena eżami tal-promozzjoni tan-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi u tal-adegwatezza tal-pagi minimi fl-Istati Membri.

Artikolu 11

Dritt għal rimedju u protezzjoni kontra trattament jew konsegwenzi negattivi

1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, mingħajr preġudizzju għal forom speċifiċi ta’ rimedju u soluzzjoni tat-tilwim previsti, fejn applikabbli, fi ftehimiet kollettivi, il-ħaddiema, inklużi dawk li r-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom tkun intemmet, ikollhom aċċess għal soluzzjoni tat-tilwim effettiva u imparzjali u dritt għal rimedju, inkluż kumpens adegwat, fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tagħhom relatati mal-pagi minimi statutorji jew mal-protezzjoni tal-paga minima pprovduta minn ftehimiet kollettivi.

2.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipproteġu lill-ħaddiema, inklużi dawk li huma rappreżentanti tal-ħaddiema, minn kwalunkwe trattament negattiv mill-impjegatur u minn kwalunkwe konsegwenza negattiva li tirriżulta minn ilment imressaq quddiem l-impjegatur jew li tirriżulta minn kwalunkwe proċediment mibdi bil-għan li tiġi infurzata l-konformità mad-drittijiet relatati mal-pagi minimi statutorji jew mal-protezzjoni tal-paga minima pprovduti minn ftehimiet kollettivi.

Artikolu 12

Penali

L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-regoli dwar il-penali applikabbli għall-ksur ta' dispożizzjonijiet nazzjonali. Il-penali previsti għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

KAPITOLU IV

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 13

Implimentazzjoni

L-Istati Membri jistgħu jafdaw lis-sħab soċjali bl-implimentazzjoni ta' din id-Direttiva, meta s-sħab soċjali flimkien jitolbu li jagħmlu dan. Meta jagħmlu dan, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi neċessarji kollha biex jiżguraw li r-riżultati li din id-Direttiva trid tikseb ikunu ggarantiti f'kull mument.

Artikolu 14

Tixrid ta’ informazzjoni

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, flimkien mad-dispożizzjonijiet rilevanti diġà fis-seħħ relatati mas-suġġett kif stabbilit fl-Artikolu 1, jinġiebu għall-attenzjoni tal-ħaddiema u l-impjegaturi, inklużi l-SMEs.

Artikolu 15

Evalwazzjoni u rieżami

Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni tad-Direttiva sa [ħames snin wara d-data tat-traspożizzjoni]. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jagħmel rieżami tal-implimentazzjoni tad-Direttiva u tipproponi, fejn xieraq, emendi leġiżlattivi.

Artikolu 16

Nonrigressjoni u dispożizzjonijiet aktar favorevoli

1.Din id-Direttiva ma għandhiex tikkostitwixxi raġuni valida għat-tnaqqis tal-livell ġenerali ta’ protezzjoni diġà mogħti lill-ħaddiema fl-Istati Membri.

2.Din id-Direttiva ma għandhiex taffettwa l-prerogattiva tal-Istati Membri li japplikaw jew li jintroduċu liġijiet, regolamenti jew dispożizzjonijiet amministrattivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema jew li jinkoraġġixxu jew jippermettu l-applikazzjoni ta’ ftehimiet kollettivi li huma aktar favorevoli għall-ħaddiema.

3.Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal kwalunkwe dritt ieħor mogħti lill-ħaddiema b’atti legali oħra tal-Unjoni.

Artikolu 17

Traspożizzjoni

1.L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri neċessarji biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva sa [sentejn mid-data tad-dħul fis-seħħ] Huma għandhom minnufih jgħarrfu lill-Kummissjoni f'dak ir-rigward.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk il-miżuri, dawn għandhom ikollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati mit-tali referenza waqt il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kif għandha ssir referenza bħal din.

2.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert b’din id-Direttiva.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 19

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni, Ewropa Soċjali B’Saħħitha għal Tranżizzjonijiet Ġusti, COM(2020)14 final.
(2)    Dokument ta’ Konsultazzjoni, L-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni mas-Sħab Soċjali skont l-Artikolu 154 tat-TFUE dwar azzjoni possibbli li tindirizza l-isfidi relatati ma’ pagi minimi ġusti, C(2020) 83 final.
(3)    L-indikaturi u l-valuri ta’ referenza relatati jirreferu għall-pagi minimi ta’ kull xahar.
(4)    L-indikaturi tal-adegwatezza użati b'mod komuni fil-livell internazzjonali, eż. l-indiċi Kaitz, iqabblu l-paga minima mal-paga medjana jew il-paga medja. Barra minn hekk, standard ta’ għajxien deċenti definit mill-Kunsill tal-Ewropa jqabbel il-paga minima netta mal-paga medja netta.
(5)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1512/UE tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar il-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri.
(6)    Id-Direttiva (UE) 2019/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni Ewropea.
(7)    Id-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE  dwar l-istazzjonament ta’ ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern (“ir-Regolament tal-IMI”).
(8)    Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (tfassil mill-ġdid);
(9)    Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta' Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol.
(10)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tal-persuni esklużi mis-suq tax-xogħol (2008/867/KE).
(11)    Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE..
(12)    Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni..
(13)    Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE.
(14)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2020) 575 final.
(15)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2019) 650 final.
(16)    Ara l-Anness A12.11 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(17)    Dokument ta’ Konsultazzjoni, L-ewwel fażi ta’ konsultazzjoni mas-Sħab Soċjali skont l-Artikolu 154 tat-TFUE dwar azzjoni possibbli li tindirizza l-isfidi relatati ma’ pagi minimi ġusti, C(2020) 83 final.
(18)    Dokument ta’ Konsultazzjoni, It-tieni fażi tal-konsultazzjoni tas-Sħab Soċjali dwar azzjoni possibbli li tindirizza l-isfidi relatati ma’ pagi minimi ġusti, C(2020) 3570 final, akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal SWD(2020) 105 final.
(19)    Ara l-Anness A.2.3 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(20)    Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta’ Ottubru 2019 dwar L-Impjiegi u l-politiki soċjali taż-żona tal-euro, 2019/2111.
(21)    L-Opinjoni tal-KESE tat-18 ta’ Settembru 2020 dwar Il-pagi minimi deċenti fl-Ewropa kollha, SOC/632.
(22)    Ara l-Anness A.2.4 tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(23)    Studju prodott minn kuntrattur estern, ikkummissjonat f’nofs l-2019 għall-finijiet tat-tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(24)    Studju prodott minn kuntrattur estern, ikkummissjonat f’nofs l-2019 għall-finijiet tat-tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt
(25)    Studju prodott minn kuntrattur estern, ikkummissjonat f’nofs l-2019 għall-finijiet tat-tħejjija tal-Valutazzjoni tal-Impatt
(26)    Id-Direttorat Ġenerali għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, id-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, u l-Istitut Konġunt tar-Riċerka.
(27)    Ara l-Anness I tal-Valutazzjoni tal-Impatt.
(28)    Ir-riżultati medji tal-impatti fuq l-Istati Membri għax-xenarju fejn il-paga minima tiżdied għal 60% tal-paga medjana grossa jew għal 50% tal-paga medja grossa. Ara l-Anness A.12.2 fil-Valutazzjoni tal-Impatt.
(29)    Is-sensittività tal-impjiegi għaż-żidiet fil-pagi ġiet stmata abbażi tar-riżultat medju ta’ 48 studju internazzjonali kkumpilati minn Dube, A. (2019): “Impacts of minimum wages: review of the international evidence” (Impatti tal-pagi minimi: rieżami tal-evidenza internazzjonali). Rapport imħejji għall-Kummissjoni tar-Renju Unit dwar il-Pagi Baxxi.
(30)    L-Artikolu 23 (Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li “L-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel trid tiġi żgurata fl-oqsma kollha, inkluż fl-impjieg, ix-xogħol u l-paga. Il-prinċipju ta' ugwaljanza m'għandux jimpedixxi li jinżammu fis-seħħ jew jiġu adottati miżuri maħsuba biex jagħtu vantaġġi speċifiċi lis-sess mhux rrappreżentat biżżejjed.”.
(31)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, (COM (2020) 409 final).
(32)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus, COM/2018/ 382 final.
(33)    L-indikaturi tal-adegwatezza użati b'mod komuni fil-livell internazzjonali, eż. l-indiċi Kaitz, iqabblu l-paga minima mal-paga medjana jew il-paga medja. Barra minn hekk, standard ta’ għajxien deċenti definit mill-Kunsill tal-Ewropa jqabbel il-paga minima netta mal-paga medja netta. Hu frekwenti wkoll tqabbil bejn il-paga minima u r-rata ta' riskju ta' faqar.
(34)    ĠU C , , p. .
(35)    ĠU C , , p. .
(36)    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 2012/C 326/02 ĠU C326/391 tas-26.10.2012.
(37)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2020/1512/UE tat-13 ta’ Ottubru 2020 dwar il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 344, 19.10.2020, p. 22–28).
(38)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2020) 575 final.
(39)    Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni COM(2019) 650 final.
(40)    Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65).
(41)    Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 243).
(42)    Id-Direttiva 2014/23/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-għoti ta' kuntratti ta' konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, p. 1).
(43)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Mejju 2020 dwar l-istabbiliment tal-Istrument ta’ Appoġġ Tekniku, (COM (2020) 409 final)
(44)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Soċjali Ewropew Plus, COM/2018/ 382 final.  
Top