IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 2.4.2020
COM(2020) 171 final
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/265 fir-rigward tal-aġġustamenti għall-ammonti mmobilizzati mill-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-2020 biex jintużaw għall-migrazzjoni, id-dħul ta’ rifuġjati u t-theddid għas-sigurtà, għal miżuri immedjati fil-qafas tat-tifqigħa tal-COVID-19 u għat-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
Fis-27 ta’ Novembru 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iddeċidew li jimmobilizzaw l-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-ammont ta’ EUR 778,1 miljun għall-intestatura 3, Sigurtà u Ċittadinanza, kif propost mill-Kummissjoni (id-Deċiżjoni (UE) 2020/265).
Fis-27 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz ta' baġit emendatorju (ABE) Nru 1/2020. Dan kien jinkludi, fost l-oħrajn , żieda kumplessiva ta’ EUR 423,3 miljun fl-approprjazzjonijiet ta' impenn taħt l-intestatura 3 biex tindirizza l-ħtiġijiet li jirriżultaw minn pressjoni migratorja miżjuda fil-Greċja, biex jiffinanzjaw miżuri immedjati meħtieġa fil-qafas tat-tifqigħa tal-COVID-19 (l-ewwel ħażna ta’ apparat mediku li qatt saret taħt rescEU) u biex jiżdied il-baġit għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Fl-ABE Nru 1/2020 il-Kummissjoni pproponiet li jintuża l-Marġni Globali għall-Impenji (global margin for commitments — GMC) għall-ammont ta’ EUR 350,0 miljun disponibbli mill-2018 biex ikopri parti minn din iż-żieda relatata mal-migrazzjoni. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-parti li jifdal miż-żieda (EUR 73,3 miljun) tiġi ffinanzjata billi l-ammont immobilizzat mill-Istrument ta’ Flessibbiltà jiġi aġġustat skont dan u biex l-iskop tad-Deċiżjoni (UE) 2020/265 jiġi estiż.
Il-Kummissjoni llum qed tippreżenta l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2020, li jinkludi żieda addizzjonali tal-approprjazzjonijiet ta' impenn taħt l-intestatura 3 ta’ EUR 3 000,0 miljun biex ikopru r-riattivazzjoni tal-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza fi ħdan l-Unjoni (Emergency Support Instrument –– ESI) biex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 u biex isaħħaħ aktar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU sabiex tiġi ffaċilitata l-ħażna u l-koordinazzjoni usa’ tad-distribuzzjoni tar-riżorsi essenzjali madwar l-Ewropa. Minħabba n-nuqqas ta’ spazju għal riallokazzjonijiet taħt l-intestatura 3 u f’konformità mal-proposta, ippreżentata llum ukoll, li jiġi emendat ir-Regolament tal-QFP biex jitneħħew il-limitazzjonijiet fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan l-istrument, il-Kummissjoni qed tipproponi fl-ABE Nru 2/2020 l-użu tal-GMC għall-ammont sħiħ disponibbli taħt dan l-istrument speċjali ta’ EUR 2 042,4 miljun biex ikopri din iż-żieda.
Barra minn hekk, din id-deċiżjoni proposta ta’ mobilizzazzjoni tal-Istrument ta’ Flessibbiltà temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/265 tas-27 ta’ Novembru 2019 u tissostitwixxi l-emenda ppreżentata flimkien mal-ABE Nru 1/2020. Il-proposta l-ġdida għaldaqstant tkopri ż-żidiet kombinati tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-intestatura 3 inklużi kemm fl-ABE Nri 1 u 2/2020, iżżid l-ammont totali biex ikun mobilizzat għal EUR 1 094,4 miljun u teżawrixxi l-ammont disponibbli taħt dan l-istrument għall-2020.
Minħabba li l-użu tal-GMC fl-ABE Nru 2/2020 u din id-deċiżjoni ta’ mobilizzazzjoni proposta tal-Istrument ta’ Flessibbiltà mhumiex biżżejjed biex ikopru l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-ESI, il-Kummissjoni qed tagħmel ukoll proposta separata, flimkien mal-ABE Nru 2/2020, biex jiġi mmobilizzat il-Marġni ta' Kontinġenza għall-2020 b’ammont ta’ EUR 714,6 miljun.
L-approprjazzjonijiet ta’ pagament indikattivi li jikkorrispondu mal-mobilizzazzjoni aġġornata tal-Istrument ta’ Flessibbiltà huma ppreżentati fit-tabella ta’ hawn taħt:
(f’miljuni ta’ EUR, bil-prezzijiet kurrenti)
Sena
|
Approprjazzjonijiet ta’ pagament relatati mal-mobilizzazzjoni tal-istrument ta’ flessibbiltà fl-2020
|
2020
|
574,6
|
2021
|
413,7
|
2022
|
66,2
|
2023
|
39,9
|
Total
|
1 094,4
|
Proposta għal
DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Deċiżjoni (UE) 2020/265 fir-rigward tal-aġġustamenti għall-ammonti mmobilizzati mill-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-2020 biex jintużaw għall-migrazzjoni, id-dħul ta’ rifuġjati u t-theddid għas-sigurtà, għal miżuri immedjati fil-qafas tat-tifqigħa tal-COVID-19 u għat-tisħiħ tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, u b’mod partikolari l-punt 12 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1)L-Istrument ta’ Flessibbiltà huwa maħsub biex jippermetti l-finanzjament ta’ nefqa identifikata b’mod ċar li ma setgħetx tiġi ffinanzjata fil-limiti massimi disponibbli ta’ intestatura waħda jew aktar tal-baġit ġenerali tal-Unjoni.
(2)Il-limitu massimu tal-ammont annwali disponibbli għall-Istrument ta’ Flessibilità huwa ta’ EUR 600 000 000 (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013, miżjud, fejn applikabbli mill-ammonti li skadew li saru disponibbli skont it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 ta’ dak l-Artikolu.
(3)Fis-27 ta’ Novembru 2019, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw id-Deċiżjoni (UE) 2020/265 li timmobilizza l-Istrument ta' Flessibbiltà biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 778 074 489 f’approprjazzjonijiet ta' impenn fl-intestatura 3 (Sigurtà u Ċittadinanza) għas-sena finanzjarja 2020 biex jiġu ffinanzjati miżuri fil-qasam tal-migrazzjoni, tar-refuġjati u tas-sigurtà.
(4)L-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2020 jinkludi żieda ta’ approprjazzjonijiet ta' impenn għall-intestatura 3 ta’ EUR 423 300 000 biex tindirizza l-ħtiġijiet li jirriżultaw mill-pressjoni migratorja miżjuda fil-Greċja, biex tiffinanzja miżuri immedjati fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19 u biex tkopri żieda fil-baġit għall-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew. Minn din iż-żieda kumplessiva, EUR 350 000 000 huma koperti mill-użu tal-Marġni Globali għall-Impenji stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013, u EUR 73 300 000 permezz ta’ mobilizzazzjoni addizzjonali tal-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-2020. Huwa neċessarju wkoll li jiġi aġġustat il-profil tal-pagament indikattiv.
(5)L-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 2/2020 jinkludi żieda addizzjonali tal-approprjazzjonijiet ta’ impenn taħt l-intestatura 3 ta’ EUR 3 000 000 000 biex ikopru r-riattivazzjoni tal-Istrument għall-Appoġġ ta' Emerġenza fi ħdan l-Unjoni (Emergency Support Instrument –– ESI) biex jgħin lill-Istati Membri jindirizzaw il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 u biex isaħħaħ aktar il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili/rescEU sabiex tiġi ffaċilitata l-ħażna u l-koordinazzjoni usa’ tad-distribuzzjoni tar-riżorsi essenzjali madwar l-Ewropa. Minn din iż-żieda, EUR 2 042 402 163 huma koperti mill-użu tal-Marġni Globali għall-Impenji stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013, u EUR 243 039 699 permezz ta’ mobilizzazzjoni addizzjonali tal-Istrument ta’ Flessibbiltà għall-2020. Huwa neċessarju wkoll li jiġi aġġustat il-profil tal-pagament indikattiv.
(6)Jenħtieġ għalhekk li d-Deċiżjoni (UE) 2020/265 tiġi emendata skont dan.
(7)Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fl-istess jum tal-emenda tal-baġit tal-2020 minħabba li l-Istrument ta’ Flessibbiltà jippermetti l-finanzjament ta’ xi azzjonijiet li jaqbeż il-limitu massimu stabbilit għall-baġit tal-2020 fil-qafas finanzjarju pluriennali.
ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2020/265 huwa emendat kif ġej: “EUR 778 074 489” hija sostitwita b’“EUR 1 094 414 188”.
It-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1 huwa sostitwit bi: “L-ammonti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jintużaw biex jiffinanzjaw miżuri biex jindirizzaw l-isfidi kontinwi tal-migrazzjoni, tad-dħul ta’ rifuġjati u tat-theddid għas-sigurtà, kif ukoll il-kriżi attwali tas-saħħa fl-Unjoni Ewropea li tirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, u l-ħtiġijiet akbar tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew.”
Fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2, il-punti (a) sa (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:
“(a)
EUR 574 652 355 fl-2020;
(b)
EUR 413 658 806 fl-2021;
(c)
EUR 66 154 477 fl-2022;
(d)
EUR 39 948 550 fl-2023.”
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President