EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0111

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità

COM/2020/111 final

Brussell, 13.3.2020

COM(2020) 111 final

2020/0042(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 1 jistabbilixxi r-regoli dwar l-allokazzjoni ta’ slots fl-ajruporti tal-UE. L-Artikolu 10 tiegħu fih regola “tużah jew titilfu”, li abbażi tagħha t-trasportaturi tal-ajru jridu jużaw mill-inqas 80 % tas-slots allokati tagħhom f’perjodu ta’ skedar speċifiku (sajf jew xitwa) sabiex iżommu l-preċedenza fir-rigward tal-istess serje ta’ slots fil-perjodu ta’ skedar korrispondenti tas-sena ta’ wara (l-hekk imsejħa “drittijiet ta’ anterjorità”).

It-tifqigħa tal-virus SARS-CoV-2 qed ikollha impatt serju fuq it-trasportaturi tal-ajru u qed twassal għal tnaqqis sinifikanti fit-traffiku tal-ajru fid-dinja kollha mill-bidu tal-2020. Għat-trasportaturi tal-ajru Ewropej dan l-impatt sar evidenti l-ewwel f’Jannar 2020 għat-titjiriet mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u mir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u lejhom, iżda t-tixrid tal-virus minn Jannar 2020 wassal għal deterjorament aktar ġeneralizzat inkluż fl-Ewropa. Mhuwiex possibbli li wieħed jipprevedi l-evoluzzjoni ulterjuri tal-epidemija jew id-durata tal-impatt tagħha.

Madankollu, minħabba n-nuqqas fid-domanda tal-passiġġieri, it-trasportaturi tal-ajru diġà bdew u qed ikomplu jikkanċellaw it-titjiriet li, għall-perjodi ta’ skedar tax-xitwa 2019-2020 u tas-sajf 2020, se jirriżulta f’użu ta’ slots ta’ taħt il-livell limitu ta’ 80 % impost mir-Regolament.

Wara medja annwali ta’ tkabbir ta’ 3,3 % fl-għadd ta’ passiġġieri fl-Ewropa bejn l-2009 u l-2019, l-Eurocontrol indika tnaqqis ta’ 10 % fl-għadd ta’ titjiriet fl-ewwel ġimagħtejn ta’ Marzu 2020 meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019. Minħabba d-domanda li dejjem qed tonqos ikkawżata mill-kriżi, il-maġġoranza tat-trasportaturi tal-ajru Ewropej qed iżommu l-inġenji tal-ajru l-art. Dan jissuġġerixxi li t-tnaqqis fl-għadd ta’ titjiriet se jkompli. Ix-xejra negattiva sena wara sena testendi fl-istaġun tas-sajf, li għalih, skont l-IATA, it-trasportaturi tal-ajru qed jesperjenzaw tnaqqis ta’ 40-60 % sena wara sena fil-prenotazzjonijiet għall-perjodu bejn Marzu u Ġunju 2020 għal rotot mhux Taljani b’impatt kemxejn akbar fuq ir-rotot ta’ distanza qasira milli fuq dawk ta’ distanza kbira. Il-prenotazzjonijiet fuq ir-rotot Taljani naqsu b’aktar minn 50 % fil-bidu ta’ Marzu 2020 b’fatturi ta’ tagħbija li laħqu l-40 %.

Min-naħa tagħhom, l-ajruporti Ewropej qed jipprevedu telf ta’ 67 miljun passiġġier fl-ewwel trimestru tal-2020. Dan il-fenomenu qed jaffettwa serjament it-trasport tal-ajru fl-Unjoni kollha.

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli bħalissa mill-Eurocontrol, mit-trasportaturi tal-ajru u mill-ajruporti, huwa raġonevoli li wieħed jassumi li s-sitwazzjoni attwali, ikkaratterizzata minn tnaqqis eċċezzjonali fid-domanda, se tibqa’ għaddejja mill-inqas fix-xhur ta’ Marzu, April, Mejju u Ġunju 2020.

Madankollu, skont ir-Regolament dwar is-slots, sabiex tiġi garantita l-allokazzjoni tal-istess slots fir-rigward tal-istess staġun fis-sena ta’ wara, it-trasportaturi tal-ajru huma obbligati li jużaw is-slots mill-inqas fi 80 % taż-żmien fil-perjodu ta’ skedar li ġew allokati għalih. Fin-nuqqas ta’ kwalunkwe miżura li tinnewtralizza, għall-finijiet tal-kalkolu, l-effett taċ-ċirkostanzi attwali, x’aktarx li t-trasportaturi tal-ajru se joperaw ħafna titjiriet b’fatturi ta’ tagħbija baxxi ħafna sabiex jipproteġu d-drittijiet ta’ anterjorità tagħhom, u b’hekk ikunu qed jaggravaw it-telf finanzjarju tagħhom u jkunu qed jikkawżaw impatt negattiv fuq l-ambjent.

Skont ir-Regolament (KEE) Nru 95/93, il-koordinatur tas-slots huwa l-unika persuna responsabbli għall-allokazzjoni tas-slots u huwa obbligat li jaġixxi f’konformità mar-Regolament [l-Artikolu 4(5) tiegħu]. Fir-rigward tal-kompitu tagħhom tal-allokazzjoni tas-slots, il-koordinaturi huma indipendenti u ma huma soġġetti għall-istruzzjonijiet minn ebda parti.

Fiċ-ċirkostanzi deskritti, ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 jenħtieġ li jiġi emendat sabiex jipproteġi d-drittijiet ta’ anterjorità tat-trasportaturi tal-ajru għal dawk is-slots li ma jkunux intużaw fil-perjodu meta s-suq tal-avjazzjoni jkun ġie affettwat l-aktar mit-tifqigħa tas-SARS-CoV-2. Il-perjodu propost ikopri l-perjodu ta’ erba’ xhur bejn Marzu 2020 u Ġunju 2020 għat-titjiriet kollha. Barra minn hekk, minħabba li l-impatt serju tat-tifqigħa tal-virus SARS-CoV-2 sar evidenti l-ewwel fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, huwa propost li d-drittijiet ta’ anterjorità għas-slots użati għas-servizzi tal-ajru minn dawk is-swieq u lejhom jiġu protetti għal perjodu kumplessiv itwal. Il-perjodu addizzjonali jibda mit-23 ta’ Jannar 2020, id-data li fiha l-ewwel ajruport fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina ngħalaq mill-awtoritajiet.

Din l-emenda tista’ ssir fil-forma ta’ regola li biha l-koordinaturi għandhom iqisu s-slots allokati għall-perjodi ta’ referenza inkwistjoni bħallikieku ġew operati. Din ir-regola timmitiga l-effetti tal-kriżi attwali u tipprova ċ-ċertezza tad-dritt lit-trasportaturi tal-ajru għall-partijiet rilevanti tal-perjodi ta’ skedar. Kwalunkwe slot illiberata mit-trasportaturi tal-ajru bħala riżultat ta’ dan tista’ terġa’ tiġi allokata mill-koordinaturi skont il-ħtiġijiet. Min-natura tagħha, kwalunkwe riallokazzjoni bħal din ikollha karattru ad hoc biss u ma taffettwax il-pożizzjoni tat-trasportaturi li, skont ir-regola proposta, ikunu tqiesu li operaw is-slots inkwistjoni.

In-natura taċ-ċirkostanzi attwali tagħmilha diffiċli li wieħed jipprevedi b’xi livell ta’ ċertezza meta s-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika se tirritorna għan-normal u meta se tirritorna l-kunfidenza tal-konsumatur. L-estensjoni tal-miżura proposta għall-istaġun kollu tas-sajf tal-2020 (li jispiċċa fl-24 ta’ Ottubru 2020) tista’ tkun sproporzjonata għall-objettiv definit b’mod ċar jekk is-sitwazzjoni tassew tirritorna għan-normal fil-frattemp. Għal din ir-raġuni huwa propost li tingħata s-setgħa lill-Kummissjoni biex, fejn meħtieġ testendi l-perjodu li matulu jkunu applikabbli l-miżuri, permezz ta’ atti delegati. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tibbaża t-tali deċiżjonijiet fuq l-aktar informazzjoni reċenti disponibbli, ippubblikata mill-Maniġer tan-Netwerk tal-UE fl-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (“Eurocontrol”), u fuq il-parir xjentifiku rilevanti.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 ma jindirizzax il-problemi li qegħdin jiffaċċjaw it-trasportaturi tal-ajru minħabba t-tifqigħa tas-SARS-CoV-2 b’rabta mal-possibbiltajiet tagħhom li jżommu s-slots tagħhom għall-perjodi ta’ skedar suċċessivi. Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament jiġi emendat sabiex jiġu mitigati l-effetti tal-kriżi attwali, sabiex tingħata ċertezza tad-dritt lit-trasportaturi tal-ajru u sabiex tinżamm l-unità tas-sistema Ewropea għall-allokazzjoni tas-slots.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-funzjonament effettiv tas-suq intern fl-avjazzjoni u s-servizzi relatati jiddependu fuq il-prestazzjoni ekonomika tat-trasportaturi tal-ajru. Il-konsegwenzi ekonomiċi negattivi tat-tifqigħa attwali tas-SARD-CoV-2 għat-trasportaturi tal-ajru jistgħu jikkawżaw dannu lis-saħħa finanzjarja tagħhom u jista’ jkollha effetti negattivi serji fuq is-sistema tat-trasport u fuq l-ekonomija b’mod ġenerali. Għalhekk, l-emenda tar-Regolament dwar is-slots biex jiġi indirizzat it-tħassib attwali kbir tat-trasportaturi tal-ajru hija ta’ importanza kruċjali.

Il-miżura sservi wkoll bħala objettiv ta’ sostenibbiltà importanti minħabba li tneħħi l-inċentiv tat-trasportaturi tal-ajru li joperaw titjiriet b’fatturi ta’ tagħbija baxxi unikament biex jipproteġu s-slots tagħhom.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din l-inizjattiva hija bbażata fuq l-Artikolu 100(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Dik id-dispożizzjoni tippermetti l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet adegwati kollha għat-trasport bl-ajru u diġà nqdiet bħala bażi għall-adozzjoni tar-Regolament (KEE) Nru 95/93.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

L-objettivi tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri għar-raġunijiet li ġejjin. Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 ma jippermettix lill-Istati Membri, għal raġunijiet bħal dawk indikati hawnhekk, jobbligaw lill-koordinaturi biex iqisu bħala operati s-slots li ma ntużawx. Dan l-objettiv jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ emenda tar-Regolament innifsu mill-Unjoni.

Proporzjonalità

Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħaq l-objettiv li jitnaqqas l-impatt tat-tifqigħa attwali tas-SARS-CoV-2 għall-finijiet tal-funzjonament tar-Regolament (KEE) Nru 95/93. Għalhekk, il-miżura proposta hija proporzjonata inkluż fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha fil-ħin għat-tipi differenti ta’ destinazzjonijiet.

Għażla tal-istrument

Sabiex jintlaħaq l-objettiv tiegħu, l-istrument legali jrid ikun ta’ applikazzjoni diretta u ġenerali, bħalma huwa r-Regolament (KEE) Nru 95/93 innifsu. Għalhekk, l-istrument legali xieraq huwa Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din hija miżura urġenti li hija r-riżultat tat-tifqigħa f’salt u mhux prevista tal-virus SARS-CoV-2 u t-tixrid konsegwenti tal-marda Covid-19. Għal din ir-raġuni, il-miżura mhijiex rilevanti għall-programm ta’ idoneità regolatorja u ma twettqet l-ebda evalwazzjoni ex post.

Madankollu, din il-miżura hija simili fil-kamp ta’ applikazzjoni u fl-effett tagħha għal emendi preċedenti tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 li rriżultaw minn emerġenzi oħrajn. Fosthom kienu dawn li ġejjin:

fl-2002 wara l-attakki terroristi tan-9/11 (ir-Regolament (KE) Nru 894/2002);

fl-2003 wara l-Gwerra tal-Iraq u t-tifqigħa tas-sindrome Respiratorja Akuta Gravi (SARS) (ir-Regolament (KE) Nru 1554/2003); u

fl-2009 waqt il-kriżi finanzjarja dinjija (ir-Regolament (KE) Nru 545/2009).

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Minħabba l-urġenza tal-kwistjoni ma twettqux konsultazzjonijiet formali mal-partijiet ikkonċernati. Madankollu, kemm l-awtoritajiet tal-Istati Membri u kemm il-partijiet ikkonċernati talbu lill-Kummissjoni biex tadotta proposta għal miżuri xierqa fil-kuntest tar-Regolament (KEE) Nru 95/93.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Kif spjegat, il-ġbir xieraq tal-għarfien espert ma kienx possibbli minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni. Madankollu, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-esperjenza miksuba permezz tal-applikazzjoni u l-emendi tar-Regolament (KEE) 95/93 li kienu jinkludu wkoll konsultazzjonijiet mal-esperti.

Valutazzjoni tal-impatt

Minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni, ma twettqitx valutazzjoni tal-impatt. Din il-miżura hija simili fil-kamp ta’ applikazzjoni u fl-effett tagħha għal emendi preċedenti tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 li rriżultaw minn emerġenzi oħrajn. Din il-miżura hija mfassla biex ittaffi t-telf finanzjarju mġarrab mit-trasportaturi tal-ajru bħala riżultat tar-regola “tużah jew titilfu” u biex tnaqqas l-impatt negattiv fuq l-ambjent.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Mhux applikabbli.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-miżura ma tinkludix arranġamenti speċifiċi ta’ monitoraġġ jew ta’ rapportar, madankollu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tkun obbligata li ssegwi l-evoluzzjoni tat-tifqigħa tas-SARS-CoV-2 u l-impatt tagħha fuq it-trasport tal-ajru u jekk ikun meħtieġ li tingħata s-setgħa tadotta att delegat li jestendi l-perjodi ta’ żmien ikkonċernati mill-miżura.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

L-Artikolu 10a huwa sostitwit b’artikolu ġdid biex il-koordinaturi jkunu obbligati jqisu li għall-finijiet tal-valutazzjoni tal-akkumulazzjoni tad-drittijiet ta’ anterjorità, is-slots allokati għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2020 ikunu ġew operati mit-trasportatur tal-ajru li lilu jkunu ġew allokati inizjalment. Perjodu addizzjonali aktar bikri huwa inkluż fir-rigward tas-slots għat-titjiriet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina jew bejn l-UE u r-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (mit-23 ta’ Jannar 2020). Bħala kundizzjoni, fir-rigward tal-każijiet wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament propost, kwalunkwe slot bħal dawn iridu jiġu rritornati lill-koordinatur tas-slots. Is-slots irritornati li huma riallokati sussegwentement lil trasportaturi oħrajn ma jkunux eliġibbli għall-anterjorità għat-trasportatur tal-ajru li jkun qed joperahom.

L-Artikolu 10a jagħti wkoll is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati jekk il-kriżi marbuta mat-tifqigħa tas-SARS-CoV-2 ma tiġix solvuta u tkompli jkollha impatt negattiv fuq it-trasport tal-ajru, inkluż fuq id-drittijiet ta’ anterjorità għas-slots. Minħabba r-rapidità tal-iżvilupp tat-tifqigħa, jeħtieġ li l-atti delegati jiġu adottati permezz ta’ proċedura ta’ urġenza.

2020/0042 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 3 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)It-tifqigħa tal-marda COVID-19 ikkawżata mis-sindrome respiratorja akuta gravi coronavirus 2 (SARS-CoV-2) wasslet għal tnaqqis kbir fit-traffiku tal-ajru bħala riżultat ta’ tnaqqis sinifikanti fid-domanda u miżuri diretti meħuda mill-Istati Membri kif ukoll mill-pajjiżi terzi biex jikkontrollaw it-tifqigħa. L-impatt serju konsegwenti fuq it-trasportaturi tal-ajru deher minn kmieni, minn Jannar 2020, fir-rigward tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u tar-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina, ilu jinxtered mill-1 ta’ Marzu 2020, u x’aktarx se jaffettwa mill-inqas żewġ perjodi ta’ skedar, dawk tax-xitwa 2019/2020 u tas-sajf 2020.

(2)Dawk iċ-ċirkustanzi huma barra mill-kontroll tat-trasportaturi tal-ajru u l-kanċellazzjoni konsegwenti volontarja jew obbligatorja tas-servizzi tal-ajru mit-trasportaturi tal-ajru hija reazzjoni leġittima għal dawk iċ-ċirkostanzi. B’mod partikolari, il-kanċellazzjonijiet volontarji jipproteġu s-saħħa finanzjarja tat-trasportaturi tal-ajru u jevitaw l-impatt ambjentali ta’ titjiriet vojta jew fil-maġġoranza vojta operati biss biex jinżammu s-slots tal-ajruporti sottostanti.

(3)Iċ-ċifri ppubblikati mill-Maniġer tan-Netwerk tal-UE fl-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (“Eurocontrol”), jindikaw tnaqqis fuq bażi ta’ sena wara sena ta’ madwar 10 % fit-traffiku tal-ajru għar-reġjun Ewropew fl-ewwel nofs ta’ Marzu 2020. It-trasportaturi tal-ajru qegħdin jirrapportaw tnaqqis kbir fil-prenotazzjonijiet u qegħdin jimplimentaw kanċellazzjonijiet sinifikanti ta’ titjiriet fil-perjodi ta’ skedar tax-xitwa 2019-2020 u tas-sajf 2020 bħala riżultat tat-tifqigħa.

(4)Skont l-Artikolu 8(2) flimkien mal-Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93, in-nuqqas ta’ trasportatur tal-ajru li jopera 80 % ta’ serje ta’ slots li ġew allokati lilu f’ajruport ikkoordinat jhedded il-preċedenza storika għal dawn is-slots.

(5)L-Artikolu 10(4) tar-Regolament (KEE) Nru 95/93 jippermetti lill-koordinaturi tas-slots biex, għall-fini tal-kalkolu tal-preċedenza storika, ma jqisx in-nuqqas ta’ utilizzazzjoni tas-slots tal-ajruport għall-perjodi li matulhom it-trasportatur tal-ajru ma jkunx jista’ jopera s-servizzi tal-ajru ppjanati minħabba, pereżempju, l-għeluq tal-ajruporti. Madankollu, dan l-Artikolu ma jindirizzax is-sitwazzjonijiet bħat-tifqigħa tas-SARS-CoV-2. Għalhekk jixraq li tiġi adottata miżura korrispondenti.

(6)Fid-dawl tal-prenotazzjonijiet magħrufa u tal-previżjonijiet epidemjoloġiċi, wieħed jista’ jistenna b’mod raġonevoli f’dan l-istadju li se jseħħ għadd sinifikanti ta’ kanċellazzjonijiet minħabba t-tifqigħa tas-SARS-CoV-2 fil-perjodu bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u mill-inqas it-30 ta’ Ġunju 2020. Jenħtieġ li n-nuqqas ta’ utilizzazzjoni tas-slots allokati għal dan il-perjodu ma jikkawżax lit-trasportaturi tal-ajru jitilfu l-preċedenza storika tagħhom li altrimenti jkunu jgawdu. Għalhekk huwa neċessarju li jiġu definiti l-kundizzjonijiet li skonthom jenħtieġ li s-slots mhux operati jitqiesu bħala slots operati għal dawk il-finijiet, fir-rigward tal-istaġun korrispondenti li jmiss.

(7)Is-slots fl-ajruporti koordinati huma riżorsa ekonomika ta’ valur. Minkejja n-nuqqas ġenerali fit-traffiku tal-ajru, jenħtieġ li l-kanċellazzjoni tas-servizzi tal-ajru ma tipprevjenix l-użu tas-slots tal-ajruport minn trasportaturi tal-ajru oħrajn li xorta jixtiequ jużawhom fuq bażi temporanja mingħajr ma jħallu t-tali slots jakkumulaw xi drittijiet ta’ anterjorità. Għalhekk, meta ma jintużawx mit-trasportatur tal-ajru li ġew allokati għalih, jenħtieġ li s-slots jiġu rritornati lill-koordinatur mingħajr dewmien.

(8)Huwa diffiċli li wieħed jipprevedi l-evoluzzjoni ulterjuri tas-SARS-CoV-2 u l-impatt ulterjuri tiegħu fuq it-trasportaturi tal-ajru. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tanalizza kontinwament l-impatt tas-SARS-CoV-2 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru u jenħtieġ li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li testendi, mingħajr dewmien żejjed, il-perjodu li matulu japplikaw il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament jekk jippersistu l-kundizzjonijiet negattivi.

(9)Sabiex jiġu estiżi l-miżuri stabbiliti f’dan ir-Regolament, jekk dan ikun neċessarju u ġustifikat, jenħtieġ li s-setgħa biex jiġu adottati atti f’konformità mal-Artikolu 290 TFUE tiġi delegata lill-Kummissjoni biex temenda dan ir-Regolament bil-għan li testendi l-perjodu li matulu japplikaw il-miżuri previsti minn dan ir-Regolament. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

(10)Minħabba l-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni li jiġġustifikaw il-miżuri proposti, jixraq li tingħata eċċezzjoni għall-perjodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, li huwa anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika.

(11)Fid-dawl tal-urġenza li tirriżulta miċ-ċirkostanzi ta’ eċċezzjoni li jiġġustifikaw il-miżuri stabbiliti, jixraq li jiġi previst dħul fis-seħħ immedjat ta’ dan ir-Regolament,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KEE) Nru 95/93 huwa emendat kif ġej:

(1)L-Artikolu 10a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 10 a

1.    Għall-finijiet tal-Artikoli 8(2) u 10(2), il-koordinaturi għandhom iqisu s-slots allokati għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sat-30 ta’ Ġunju 2020 bħallikieku ġew operati mit-trasportatur tal-ajru li lilu ġew allokati inizjalment.

2.    Għall-finijiet tal-Artikoli 8(2) u 10(2), il-koordinaturi għandhom iqisu s-slots allokati għall-perjodu mit-23 ta’ Jannar 2020 sad-29 ta’ Frar 2020 bħala li jkunu ġew operati mit-trasportatur tal-ajru li lilu ġew allokati inizjalment, sa fejn jikkonċernaw is-servizzi tal-ajru bejn l-ajruporti fl-Unjoni Ewropea u l-ajruporti fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u fir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong tar-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina.

3.    Fir-rigward tas-slots b’data aktar tard minn ġimgħa wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, il-paragrafu 1 għandu japplika biss meta s-slots mhux użati rilevanti jkunu saru disponibbli għall-koordinatur għar-riallokazzjoni lil trasportaturi tal-ajru oħrajn.

4.    Meta l-Kummissjoni tara, abbażi taċ-ċifri ppubblikati mill-Maniġer tan-Netwerk tal-UE fl-Organizzazzjoni Ewropea għas-Sikurezza tan-Navigazzjoni bl-Ajru (“Eurocontrol”) li t-tnaqqis fil-livell tat-traffiku tal-ajru qed jippersisti meta mqabbel mal-livell fil-perjodu korrispondenti fis-sena preċedenti u x’aktarx se jkompli, u abbażi tal-aħjar data xjentifika disponibbli li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-impatt tat-tifqigħa tas-SARS-CoV-2, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 12a biex temenda l-perjodu speċifikat fil-paragrafu 1 kif xieraq.

5.    Il-Kummissjoni għandha timmonitorja kontinwament is-sitwazzjoni fid-dawl tal-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 4. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli lilha, għandha tippreżenta rapport ta’ sinteżi dwar din il-kwistjoni sal-15 ta’ April 2020. Jekk ikun meħtieġ, għandha tadotta malajr kemm jista’ jkun l-att delegat previst fil-paragrafu 4.

6.    Meta, fil-każ ta’ impatt fit-tul tas-SARS-CoV-2 fuq is-settur tat-trasport tal-ajru fl-Unjoni Ewropea, ikun hemm raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu jirrikjedu dan, il-proċedura prevista fl-Artikolu 12b għandha tapplika għall-atti delegati adottati skont dan l-Artikolu.”

(2)Jiddaħħlu l-Artikoli 12a u 12b li ġejjin:

Artikolu 12a

Eżerċizzju tad-delega

1.    Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l- Artikolu.

2.    Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 10a għandha tingħata lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ sena mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

3.    Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 10a tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.    Qabel ma’ tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti nnominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.    Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

6.    Att delegat adottat skont l-Artikolu 10a għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 12b

Proċedura ta’ urġenza

1.    L-atti delegati adottati taħt dan l-Artikolu għandhom jidħlu fis-seħħ mingħajr dewmien u għandhom japplikaw sakemm ma tkun ġiet espressa l-ebda oġġezzjoni skont il-paragrafu 2. In-notifika ta’ att delegat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għandha tagħti r-raġunijiet li għalihom tkun intużat il-proċedura ta’ urġenza.

2.    Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu joġġezzjonaw għal att delegat f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 12a(6). F’dak il-każ, il-Kummissjoni għandha tħassar l-att immedjatament wara n-notifika tad-deċiżjoni ta’ oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità, ĠU L 14, 22.1.1993, p. 1
(2)    ĠU C , , p. .
(3)    ĠU C , , p. .
Top