EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020PC0071

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-56 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija

COM/2020/71 final

Brussell, 26.2.2020

COM(2020) 71 final

2020/0031(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-56 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta għandha x’taqsam mad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (“il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID”) tal-Organizzazzjoni għall-Ġarr Internazzjonali bil-Ferrovija (l-OTIF), b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ ċerti emendi fid-dispożizzjonijiet tekniċi u amministrattivi mniżżla fl-Anness tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (il-COTIF), li mistennija jiġu deċiżi mill-Kumitat imsemmi.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF)

Il-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata fil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“COTIF”), hija ftehim internazzjonali li kemm l-Unjoni kif ukoll 26 Stat Membru huma Partijiet Kontraenti għalih (Ċipru u Malta biss mhumiex).

L-Unjoni Ewropea ngħaqdet mal-COTIF bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 1 . L-Anness III ta’ dik id-Deċiżjoni jistabbilixxi l-arranġamenti interni għall-Kunsill, għall-Istati Membri u għall-Kummissjoni waqt proċedimenti skont l-OTIF. Skont il-punt 3.1 tal-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE, fejn punt fl-aġenda jikkonċerna kwistjonijiet ta’ kompetenza esklużiva tal-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tivvota f’isem l-Unjoni.

2.2.Ir-Regolament dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)

Skont l-Artikolu 7 tagħha, il-COTIF tkopri wkoll, fost l-oħrajn, l-Appendiċijiet imsemmija fl-Artikolu 6 tagħha. Dawn jinkludu r-”Regolament dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Merkanzija Perikoluża bil-Ferrovija (RID)”, li jifforma l-Appendiċi C tal-Konvenzjoni. Ir-RID japplika sakemm ma jsirux dikjarazzjonijiet skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-COTIF 2 .

Ir-RID jimmira li jirregola t-trasport internazzjonali ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija bejn l-Istati Membri tal-OTIF li japplikaw ir-regoli tar-RID (l-Istati Kontraenti tar-RID) 3 .

2.3.Il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID

Il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID huwa korp imwaqqaf mill-Artikolu 13(1)(d) tal-COTIF. Skont l-Artikolu 18 tal-COTIF, il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID għandu jieħu deċiżjonijiet dwar proposti bil-għan li jimmodifikaw il-Konvenzjoni. Il-Kumitat huwa magħmul minn rappreżentanti tal-Istati Membri tal-OTIF li japplikaw ir-RID, kif ukoll rappreżentanti tal-Unjoni.

2.4.L-att previst tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID

Fis-27 ta’ Mejju 2020, waqt is-56 sessjoni tiegħu, il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID mistenni jadotta sett ta’ emendi li jaġġornaw l-Anness tar-RID skont il-progress tekniku u xjentifiku (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jiżgura t-trasport sikur u sigur tal-oġġetti perikolużi bil-ferrovija, billi jaġġorna, fost l-oħrajn, il-lista tal-oġġetti perikolużi permessi għat-trasport, l-istruzzjonijiet ta’ ppakkjar, il-lista ta’ standards applikabbli, kif ukoll rekwiżiti tekniċi oħra applikabbli għal mezzi differenti ta’ konteniment.

Id-dispożizzjonijiet internazzjonali dwar it-trasport tal-oġġetti perikolużi huma stabbiliti f’organizzazzjonijiet internazzjonali varji, bħall-OTIF, iżda wkoll il-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) u korpi speċjalizzati oħra tan-Nazzjonijiet Uniti, bħas-Sottokumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport tal-Oġġetti Perikolużi tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-Nazzjonijiet Uniti (ECOSOC). Minħabba li r-regoli jridu jkunu kompatibbli ma’ xulxin, ġiet żviluppata sistema internazzjonali kumplessa għall-koordinazzjoni u l-armonizzazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet involuti f’dan ix-xogħol. Id-dispożizzjonijiet jiġu adattati wara ċiklu ta’ sentejn.

Matul il-preparazzjoni ta’ dawn l-emendi ġew ikkonsultati firxa kbira ta’ esperti mis-settur pubbliku u privat. Matul l-iżvilupp ta’ dawn l-emendi saru l-laqgħat tekniċi li ġejjin:

fis-Sottokumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-ECOSOC tan-NU:

(1)fil-51 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mit-3 sas-7 ta’ Lulju 2017;

(2)fit-52 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mis-27 ta’ Novembru sas-6 ta’ Diċembru 2017;

(3)fit-53 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mill-25 ta’ Ġunju sal-4 ta’ Lulju 2018;

(4)fl-54 sessjoni tiegħu f’Ġinevra, mis-26 ta’ Novembru sal-4 ta’ Diċembru 2018;

fil-Laqgħa Konġunta tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID tal-OTIF-UNECE u l-Grupp ta’ Ħidma dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi:

(1)fis-sessjoni tiegħu tal-ħarifa tal-2018 f’Ġinevra, mis-17 sal-21 ta’ Settembru 2018;

(2)fis-sessjoni tiegħu tar-rebbiegħa tal-2019 f’Bern, mit-18 sat-22 ta’ Marzu 2019;

(3)fis-sessjoni tiegħu tal-ħarifa tal-2019 f’Ġinevra, mis-17 sas-26 ta’ Settembru 2019;

(4)sessjoni oħra tal-Laqgħa Konġunta se ssir f’Bern, mis-16 sal-20 ta’ Marzu 2020;

fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID:

(1)fl-10 sessjoni tiegħu fi Krakovja, mill-21 sat-23 ta’ Novembru 2018;

(2)fil-11 sessjoni tiegħu fi Vjenna, mill-25 sad-29 ta’ Novembru 2019.

F’dawn il-laqgħat, il-proposti individwali għall-emendi ġew analizzati u pproċessati mill-kumitati ta’ esperti msemmija hawn fuq. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, intlaħaq appoġġ unanimu tal-azzjoni rakkomandata. Ċerti proposti ġew rakkomandati mill-maġġoranza tal-esperti.

L-Artikolu 38 tal-COTIF jistabbilixxi li għall-finijiet tal-eżerċizzju tad-dritt tal-vot u tad-dritt għal oġġezzjoni stipulati fl-Artikolu 35§2 u 35§4, organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika bħall-Unjoni Ewropea għandu jkollha għadd ta’ voti daqs l-għadd tal-voti tal-membri tagħha li huma wkoll Stati Membri tal-Organizzazzjoni.

Skont l-Artikolu 35 tal-COTIF, ladarba l-Kumitat ta’ Esperti tar-RID jiddeċiedi, l-emendi għandhom jidħlu fis-seħħ għall-Partijiet Kontraenti kollha fl-ewwel jum tas-sitt xahar wara dak li matulu s-Segretarju Ġenerali jkun innotifika dwarhom lill-Partijiet Kontraenti. Parti Kontraenti tista’ tifformola oġġezzjoni fi żmien erba’ xhur mid-data tan-notifika. F’każ ta’ oġġezzjoni minn kwart tal-Partijiet Kontraenti, l-emenda ma għandhiex tidħol fis-seħħ.

Sakemm ma jitqajmux għadd biżżejjed ta’ oġġezzjonijiet mill-Partijiet, l-emendi kkonċernati skont din il-proposta huma mistennija jidħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2021 u jkunu vinkolanti għall-Unjoni u għall-Istati Membri, u b’hekk isiru parti integrali mill-acquis tal-Unjoni.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

3.1.Kompetenza esklużiva tal-UE.

L-Appendiċi tal-Anness I tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE tas-16 ta’ Ġunju 2011 fiha lista tal-istrumenti tal-Unjoni li permezz tagħhom l-Unjoni eżerċitat il-kompetenza tagħha, u li kienu fis-seħħ fiż-żmien tal-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-UE u l-OTIF. Id-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi 4 tinsab fuq il-lista.

L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/68/KE jipprevedi li l-Anness tar-RID għandu japplika għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija fi ħdan l-Istati Membri jew bejniethom, għajr dawk l-Istati Membri li ma għandhomx sistema ferrovjarja. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE rigward il-pajjiżi terzi jistabbilixxi li “it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR 5 , ir-RID jew l-ADN 6 , ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi.”

Għal dan il-għan, il-Kummissjoni ngħatat is-setgħa li tadotta l-Anness II, it-Taqsima II.1 tad-Direttiva 2008/68/KE permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, skont l-Artikolu tad-Direttiva.

3.2.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed

L-emendi għar-RID jaqgħu għalkollox fi ħdan il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni, u jeħtieġ li tiġi stabbilita pożizzjoni tal-Unjoni.

L-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill jipprevedi, fl-Artikolu 1a, lista tal-emendi previsti.

Kif issemma aktar ’il fuq, matul il-preparazzjoni ta’ dawn l-emendi ġew ikkonsultati firxa kbira ta’ esperti mis-settur pubbliku u privat. Ħafna drabi, l-azzjoni rakkomandata ġiet maqbula b’mod unanimu.

Skont il-punt 2.4 tal-Anness III tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE, il-Kumitat dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi, imwaqqaf bid-Direttiva 2008/68/KE, kellu diskussjoni preliminari dwar l-emendi previsti fil-laqgħa tiegħu tas-16 ta’ Diċembru 2019, u l-proposta ntlaqgħet tajjeb mill-parteċipanti kollha.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni organizzat laqgħat ta’ koordinazzjoni tal-UE fl-istadji kollha tal-proċess ta’ negozjati fuq dawn l-emendi.

L-emendi previsti jitqiesu xierqa għat-trasport bla periklu ta’ oġġetti perikolużi b’mod kosteffettiv, filwaqt li jitqies il-progress teknoloġiku, u għalhekk jistgħu jiġu appoġġjati.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregolaw is-sede kkonċernata. Huwa jinkludi wkoll l-istrumenti li ma jkollhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 7 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-att li l-Kumitat ta’ Esperti tar-RID huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti fuq l-Unjoni skont id-dritt internazzjonali, skont l-Artikolu 6 tar-RID, li skontu l-Anness li se jiġi mmodifikat se jifforma parti integrali mir-Regolament.

Barra minn hekk, skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2008/68/KE, l-Anness tar-RID għandu japplika għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija fi ħdan l-Istati Membri jew bejniethom, għajr dawk l-Istati Membri li ma għandhomx sistema ferrovjarja. L-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/68/KE rigward il-pajjiżi terzi jistabbilixxi li “it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi għandu jiġi awtorizzat kemm-il darba jkun konformi mar-rekwiżiti tal-ADR, l-RID jew l-ADN, ħlief jekk ikun indikat mod ieħor fl-Annessi”.

L-att previst ma jissupplimentax u ma jemendax il-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament fuq l-għan u fuq il-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-għan u l-kontenut ewlenin tad-Deċiżjoni għandhom x’jaqsmu mat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bil-ferrovija.

Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva tad-Deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 91 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Peress li d-Deċiżjoni tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID se temenda l-Anness tar-RID, jixraq li l-informazzjoni dwar l-eżitu tal-laqgħa tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tagħha.

2020/0031 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-56 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Unjoni ngħaqdet mal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999 (“COTIF”), permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103/UE 8 1.

(2)L-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Ċipru u Malta, huma Stati Kontraenti għall-COTIF.

(3)Skont l-Artikolu 6 tal-COTIF, it-traffiku ferrovjarju internazzjonali, u l-ammissjoni ta’ materjal ferrovjarju fit-traffiku internazzjonali, għandhom ikunu ggvernati minn regoli li jinsabu elenkati fl-istess Artikolu, speċifikament ir-“Regolamenti dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bil-Ferrovija (RID)”, li jifforma l-Appendiċi C tal-Konvenzjoni.

(4)Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 2 tistabbilixxi rekwiżiti għat-trasport ta’ oġġetti perikolużi bit-triq, bil-ferrovija jew bil-passaġġi fuq l-ilmijiet interni fi ħdan l-Istati Membri jew bejniethom, billi tirreferi għar-RID.

(5)Skont l-Artikolu 13(1)(d) tal-COTIF, il-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (“il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID”) tal-Organizzazzjoni għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (“OTIF”) jista’ adotta emendi għall-Anness tar-RID.

(6)Il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID, fis-56 sessjoni tiegħu fis-27 ta’ Mejju 2020, se jadotta emendi biex jadatta l-Anness tar-RID skont il-progress xjentifiku u tekniku.

(7)Jixraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat ta’ Esperti tar-RID, peress li l-emendi tar-RID se jkunu vinkolanti għall-Unjoni.

(8)L-emendi previsti jikkonċernaw standard tekniċi, bil-għan li jkun żgurat it-trasport sikur u effiċjenti ta’ oġġetti perikolużi filwaqt li jitqies il-progress xjentifiku u tekniku fis-settur, kif ukoll l-iżvilupp ta’ sustanzi u oġġetti ġodda li jistgħu joħolqu periklu matul it-trasport tagħhom.

(9)L-emendi previsti jitqiesu xierqa għat-trasport bla periklu ta’ oġġetti perikolużi b’mod kosteffettiv, u għalhekk jistgħu jiġu appoġġjati,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni waqt is-56 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi (“il-Kumitat ta’ Esperti tar-RID”) tal-Organizzazzjoni għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (“OTIF”), fil-qafas tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata bil-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, hija stabbilita fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kumitat ta’ Esperti tar-RID jistgħu jaqblu fuq bidliet minuri fid-dokumenti msemmija fl-Anness, mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Mal-adozzjoni, id-deċiżjonijiet tal-Kumitat ta' Esperti tar-RID għandhom jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, b'indikazzjoni tad-data tad-dħul fis-seħħ tagħhom.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103 tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1.
(2)    L-Artikolu 42(1) tal-COTIF.
(3)    Bħalissa hemm 50 Stat Kontraenti tal-OTIF u 45 Stat Membru tar-RID.
(4)    Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.
(5)    Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi bit-Triq, konkluż f’Ġinevra fit-30 ta’ Settembru 1957.
(6)    Ftehim Ewropew dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti Perikolużi fuq Passaġġi tal-Ilma Interni, konkluż f’Ġinevra fis-26 ta’ Mejju 2000.
(7)    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafu 61 sa 64.
(8) 1    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/103 tas-16 ta’ Ġunju 2011 dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija dwar l-Adeżjoni tal-Unjoni Ewropea mal-Konvenzjoni li tirrigwarda t-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija (COTIF) tad-9 ta’ Mejju 1980, kif emendata mill-Protokoll ta’ Vilnius tat-3 ta’ Ġunju 1999, ĠU L 51, 23.2.2013, p. 1.
(9) 2     Id-Direttiva 2008/68/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Settembru 2008 dwar it-trasport intern ta’ oġġetti perikolużi, ĠU L 260, 30.9.2008, p. 13.
Top

Brussell, 26.2.2020

COM(2020) 71 final

ANNESS

ta’

Deċiżjoni tal-Kunsill

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-56 sessjoni tal-Kumitat ta’ Esperti dwar it-Trasport ta’ Oġġetti Perikolużi tal-Organizzazzjoni Intergovernattiva għat-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija fir-rigward ta’ ċerti emendi tal-Appendiċi C tal-Konvenzjoni dwar it-Trasport Internazzjonali bil-Ferrovija


ANNESS

Proposta

Dokument ta’ referenza

Kwistjoni

Kummenti

Il-pożizzjoni tal-UE

1.

OTIF/RID/CE/GTP/2019/6

Testi konsolidati adottati mil-Laqgħa Konġunta tal-2018 u tal-2019 u mill-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-Kumitat ta’ Esperti tar-RID f’Novembru 2018

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-OTIF biex jiġi adottat it-test kif emendat

Qbil mal-emendi kif riveduti fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti

2.

Idem

Emendi pendenti li jeħtieġu aktar analiżi mill-Grupp ta’ Ħidma Permanenti

-

-

3.

Idem

Dawk li qed jappellaw għal fehma komuni mil-Laqgħa Konġunta tal-UNECE-OTIF

Jeħtieġ li jiġi ffaċilitat trasport multimodali effiċjenti

Qbil mal-emendi kif irrakkomandati mil-Laqgħa Konġunta

4.

OTIF/RID/CE/GTP/2019/8

Aġġornament ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-OTIF biex jiġi adottat it-test kif emendat

Qbil mal-emendi kif riveduti mill-Grupp ta’ Ħidma Permanenti

5.

OTIF/RID/CE/GTP/2019/10

Is-107 sessjoni tal-WP.15 (Ġinevra, 11-15 ta’ Novembru 2019)

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-OTIF biex jiġi adottat it-test kif emendat

Qbil mal-emendi kif riveduti mill-Grupp ta’ Ħidma Permanenti

6.

OTIF/RID/CE/GTP/2019/ INF.4 + INF.10 + INF.12

Ir-reżistenza għal-istress tal-vaguni b’tankijiet skont ir-RID 6.8.2.1.2

Kunsens tekniku fil-Grupp ta’ Ħidma Permanenti tal-OTIF biex jiġi adottat it-test kif emendat

Qbil mal-emendi kif riveduti mill-Grupp ta’ Ħidma Permanenti

Top