EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020IR4616

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tnedija mill-ġdid tas-setturi kulturali u kreattivi

COR 2020/04616

OJ C 106, 26.3.2021, p. 38–43 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

26.3.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 106/38


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — It-tnedija mill-ġdid tas-setturi kulturali u kreattivi

(2021/C 106/08)

Relatur:

Relatur: Giuseppe VARACALLI (IT/Renew Europe), Kunsillier Komunali ta’ Gerace (RC)

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

ifakkar li l-pandemija tal-COVID-19 żvelat b’mod drammatiku l-idea li lkoll nappoġġjaw, jiġifieri li l-kultura tista’ tirrappreżenta l-aħjar soluzzjoni għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u sostenibbli tal-Ewropa. Min-naħa l-oħra, ir-realtà tas-setturi kulturali u kreattivi saret ċara wkoll. Għalkemm it-terminu “setturi kulturali u kreattivi” huwa vag, u l-linji bejn l-arti u l-kultura ffinanzjata jew issussidjata minn fondi pubbliċi u l-ħaddiema mill-qasam kulturali u kreattiv li jsostnu lilhom infushom mhumiex ċari, bħalma mhumiex ċari l-limiti tas-settur innifsu, din l-Opinjoni tiffoka b’mod partikolari fuq dawk l-operaturi tas-settur li fil-prinċipju jew jirċievu ftit appoġġ mis-settur pubbliku jew ma jirċievu xejn. Kważi fil-pajjiżi kollha, dan is-settur fil-parti l-kbira tiegħu huwa magħmul minn intrapriżi żgħar, artisti indipendenti u professjonisti indipendenti oħrajn mill-qasam kreattiv, huwa vulnerabbli u ħafna drabi prekarju, u kien wieħed mis-setturi li ntlaqat l-agħar mill-kriżi tal-pandemija, kif enfasizzat mill-KtR fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-prijoritajiet għall-2020-2025;

2.

ifakkar li waħda mill-kundizzjonijiet komuni tas-setturi kulturali u kreattivi hija l-ħolqien ta’ “ġemgħat”, jiġifieri tgawdija kollettiva – li għamlithom soġġetti għal lockdown li għadu ma spiċċax għal ċerti setturi u għall-attivitajiet b’rabta ma’ dawk is-setturi, u li qed iwassal għal telf kbir ekonomiku u ta’ impjiegi; madankollu, premessa addizzjonali hija li dawn huma marbutin intrinsikament mal-progress, ir-riċerka u t-tkabbir, kif ukoll mal-wirt kulturali tanġibbli u intanġibbli. Ifakkar li l-ħaddiema tal-attivitajiet artistiċi li jsiru live huma fost il-kategoriji l-aktar milquta mill-kriżi ġġenerata mill-pandemija tal-COVID-19. Dawn huma persuni u familji li qegħdin fil-periklu li ma jkollhomx iktar dħul u li ma jkunux jistgħu jibqgħu jgħixu. Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lill-gvernijiet nazzjonali biex jappoġġjaw lill-ħaddiema ta’ dan is-settur, billi jiżguraw li l-fondi tal-programm Ewropa Kreattiva jilħqu lill-forom kollha tas-settur kulturali u kreattiv u lil dawk kollha involuti fil-ħolqien tiegħu, irrispettivament mit-tip ta’ impjieg tagħhom, u li flimkien mal-Istati Membri jinstab mod li dan l-appoġġ jieħu l-forma ta’ introjtu minimu ta’ sussistenza;

3.

jenfasizza li l-Artikoli 6 u 167 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jistabbilixxu li l-kompetenzi tal-UE fil-qasam tal-kultura huma ta’ appoġġ, koordinazzjoni jew ikkompletar tal-azzjoni tal-Istati Membri. B’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, il-KtR jappoġġja l-inizjattivi tal-UE f’dan il-qasam ta’ kompetenza, peress li dawn jenfasizzaw id-dimensjoni transfruntiera u Ewropea importanti ta’ dan is-settur. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom kompetenzi importanti fir-rigward tad-djalogu kulturali u interkulturali; fl-eqqel tal-pandemija, dawn l-awtoritajiet għandhom jikkoordinaw ukoll in-networks kulturali multidimensjonali lokali u reġjonali li jinvolvu l-partijiet interessati ewlenin kollha. Din l-Opinjoni hija abbozzata f’konformità mal-barometru reġjonali u lokali annwali tal-UE;

4.

jenfasizza l-importanza li l-arti u l-kultura jkunu ħielsa u indipendenti, u jisħaq fuq il-valur intrinsiku tal-produzzjoni kulturali u artistika; jemmen ukoll li dawn iridu jiġu promossi bħala faċilitaturi ewlenin għat-tisħiħ tal-identità Ewropea u t-tisħiħ tal-funzjoni soċjali tagħha, u jagħmel appell sabiex il-kultura u l-arti jingħataw rwol aktar prominenti fid-dibattitu dwar il-ġejjieni tal-UE; dan jiżgura wkoll li s-setturi kulturali u kreattivi jitqiesu bħala prijorità fil-livell nazzjonali, permezz ta’ sinerġiji ma’ politiki oħrajn u finanzjamenti strutturali fil-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss;

5.

jipproponi djalogu kostanti mal-organizzazzjonijiet tas-setturi kulturali u kreattivi sabiex ikunu jistgħu jiġu żviluppati sistemi ta’ appoġġ li jkunu jistgħu jintużaw faċilment, li jippermettu mobilizzazzjoni li trawwem l-innovazzjoni u l-edukazzjoni, f’ekosistema territorjali dinamika: billi jinħolqu fondi ad hoc għall-ħolqien ta’ networks, tiġi rregolata l-mobbiltà tal-operaturi kulturali, jinbnew kanali ddedikati u pjattaformi tal-IT li jospitaw il-profili tal-artisti, assoċjazzjonijiet u operaturi kulturali, eċċ. biex jgħinuhom joperaw f’livell internazzjonali (bħal fil-każ tal-Europass), u jiffaċilitaw il-pubblikazzjoni tas-sejħiet, il-miżuri, l-azzjonijiet speċifiċi u l-azzjonijiet imfasslin apposta kollha li jippermettu lill-artisti individwali u l-operaturi fis-settur jaċċessawhom u jużawhom b’mod aktar faċli, filwaqt li jitqies li s-setturi kulturali u kreattivi jimpjegaw fil-biċċa l-kbira ħaddiema li jaħdmu għal rashom u ħaddiema prekarji u jinvolvu prinċipalment intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), kemm jekk bi skopijiet kummerċjali jew mingħajr skop ta’ qligħ;

6.

jiġbed l-attenzjoni li l-gvernijiet reġjonali jkunu infurmati – anke b’mod aktar effettiv – dwar il-miżuri u l-inizjattivi implimentati għas-setturi kulturali u kreattivi fl-UE, b’monitoraġġ akbar tas-setturi kulturali u kreattivi fil-livell lokali u reġjonali f’dan il-perjodu u b’rikonoxximent tal-kompetenzi reġjonali u lokali fil-politiki kulturali bil-għan li jkun hemm tqassim ġust tal-fondi diretti allokati lis-settur, peress li l-istituzzjonijiet lokali huma aktar konxji mill-istrutturi bażiċi. Punt tat-tluq jista’ jkun il-pjattaforma li diġà teżisti https://creativesunite.eu, kif ukoll l-isfruttament sħiħ tal-potenzjal tad-desks tal-Ewropa Kreattiva;

7.

ifakkar fl-“importanza li jiġu sfruttati l-opportunitajiet diġitali biex il-kultura tiġi promossa b’mod interattiv u biex jiġu attirati l-gruppi kollha tas-soċjetà, speċjalment iż-żgħażagħ, bħala l-kustodji u l-promoturi futuri tal-wirt kulturali” (1). Jenfasizza wkoll il-ħtieġa għal aktar fondi tal-UE biex jiġu kkofinanzjati dawn l-attivitajiet ta’ diġitalizzazzjoni. Dan huwa aktar u aktar pertinenti waqt il-pandemija attwali, li fil-qasam tal-kultura b’mod ġenerali, ħareġ fid-dieher id-distakk diġitali li jeżisti minħabba raġunijiet ġeografiċi, ekonomiċi u ġenerazzjonali;

8.

jafferma mill-ġdid li “l-kultura għandha tkun fil-qofol tar-relazzjonijiet internazzjonali tal-UE […] u ħarġu fid-dieher forom alternattivi u approċċi ġodda. Dawn jinkludu d-diplomazija kulturali” (2). Huwa tal-fehma wkoll li d-diplomazija kulturali Ewropea għandha tiffoka fuq il-promozzjoni tal-Ewropa u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, inkluż permezz ta’ skambji edukattivi u kulturali, li jindirizzaw lill-opinjoni pubblika u lill-pajjiżi terzi, b’interess ċar għall-promozzjoni ta’ immaġni pożittiva tal-Ewropa u l-Istati Membri tagħha, inkluż ir-reġjuni tagħhom, bħala mod biex tissaħħaħ l-identità u għalhekk jissaħħu l-koeżjoni soċjali u d-djalogu. Sabiex tinżamm din il-pożizzjoni fuq quddiem nett tal-forom differenti tal-espressjoni kulturali tal-Ewropa fiż-żmien ta’ wara l-COVID-19, jeħtieġ li ssir bidla fundamentali b’aktar għarfien dwar x’għandna u xi rridu nippromovu, inkluż permezz ta’ mezzi alternattivi u virtwali, iżda fuq kollox tal-potenzjal kreattiv u tal-kapaċità ta’ interazzjoni ma’ setturi oħrajn (fertilizzazzjoni trasversali) f’kull qasam tal-arti u l-kultura. Il-pandemija tal-COVID-19 ġegħlitna nifhmu l-importanza tat-tisħiħ u l-iżvilupp tad-diplomazija kulturali tal-UE u li nkunu kapaċi nikkompetu billi noffru firxa akbar ta’ prodotti kulturali u aktar innovazzjoni fix-xena dinjija, li rat qawwiet emerġenti ġodda, inkluż fl-isfera kulturali; is-sitwazzjoni ekonomika kkawżata mill-COVID-19 enfasizzat l-importanza tan-networking u tal-promozzjoni ta’ tours fl-arti tal-ispettaklu, iċ-ċirkli u l-wirjiet bħala mod ta’ kondiviżjoni ta’ proġetti lil hinn mill-fruntieri lokali u reġjonali; għal dan il-għan, għandu jitfassal network għal kull sottosettur tal-arti sabiex ikun jista’ jibda jippjana t-tours u l-itinerarji fl-2022;

9.

jenfasizza, fl-istess ħin, l-importanza kontinwa li jiġi promoss l-aċċess tradizzjonali għall-wirt oriġinali, sabiex jiġi promoss u ppreservat il-wirt artistiku, storiku u Ġudeo-Kristjan komuni tal-Ewropa;

10.

jittama li jiġu promossi s-sejħiet għal proposti tal-Unjoni Ewropea biex jiġu ppremjati proġetti li jippromovu r-rwol soċjali tal-kultura, kif ukoll l-esperimentazzjoni, tal-innovazzjoni fl-arti viżiva kontemporanja, immirati lejn ir-riġenerazzjoni ta’ żoni urbani periferiċi, rurali jew żvantaġġati, ta’ skejjel, sptarijiet, postijiet ta’ kenn u ħabsijiet, billi jingħataw premjijiet lill-artisti u lill-professjonisti kreattivi għat-twettiq ta’ proġett kulturali Ewropew fuq skala kbira, li, minn naħa waħda, iħaddan l-arti kontemporanja u l-innovazzjoni, min-naħa l-oħra, jipproduċi outputs li kapaċi jinteraġixxu b’mod oriġinali, innovattiv u sensittiv għall-gruppi fil-mira, għall-kollettività, filwaqt li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ kwalità tal-ħajja;

11.

iħeġġeġ li jsiru diskussjonijiet ma’ Stati Membri individwali biex jiġi żgurat li jiġu stabbiliti għodod li jinterċettaw, fil-kumplessità tas-setturi kulturali u kreattivi, id-diversitajiet tal-ħafna kategoriji, li mhux kollha jgawdu minn miżuri protettivi għall-ħaddiema. Jappella biex tiġi kkunsidrata sistema ta’ protezzjoni soċjali standard, li tippermetti l-aċċess għall-għajnuniet u s-sussidji f’każ ta’ sitwazzjonijiet partikolari li jinqalgħu, billi tadatta s-sistema eżistenti u tagħmilha inqas riġida u obsoleta, u billi tipprovdi oqfsa regolatorji ġodda adattati għall-mekkaniżmi l-ġodda għall-ħolqien, il-produzzjoni u d-distribuzzjoni tas-settur, u billi tiffoka fuq il-kreattività, sabiex jiġi rikonoxxut il-professjonalità tal-operaturi; Għal dan il-għan, huwa essenzjali li l-korp ta’ impjegati li jaħdmu fl-amministrazzjoni pubblika jinkludi, fejn mhumiex rappreżentati, persuni bi kwalifiki fl-arti drammatika u fergħat kreattivi oħrajn sabiex ikunu jistgħu jgħinu fl-iżvilupp ta’ programmi trasversali fl-irreċtar, is-settur awdjoviżiv u t-teatru, jiġifieri li jħaddnu l-perspettiva tal-industrija kreattiva;

12.

jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat qafas leġiżlattiv ċar li jkun jinkludi b’mod ċar is-saħħa u s-sikurezza tal-ħaddiema kulturali u l-artisti kollha fl-ambjent tax-xogħol tagħhom u li jitqiesu bis-sħiħ il-kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji tas-setturi kulturali u kreattivi, matul dan il-perjodu ta’ pandemija, matul il-perjodu kollu tal-irkupru u l-konsegwenzi tal-pandemija;

Rabta mal-prijoritajiet politiċi

13.

jinsab imħasseb dwar id-destin tas-setturi kulturali u kreattivi, minkejja l-miżuri orizzontali u settorjali li daħħlu fis-seħħ sa mill-bidu tal-pandemija tal-COVID-19;

14.

jilqa’ l-ftehim dwar il-Programm Ewropa Kreattiva li ntlaħaq f’Diċembruż 2020 bejn il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, b’mod partikolari l-appoġġ ta’ EUR 2,2 biljun għall-artisti. Ftehim bħal dan jirrikonoxxi l-importanza tas-setturi kulturali u kreattivi u jipprovdi żieda sinifikanti għal settur li se jeħtieġ assistenza b’saħħitha matul il-fażi ta’ rkupru;

15.

jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li ssir enfasi fuq attivitajiet kulturali sostenibbli, li jħeġġu l-investiment mingħajr limitu ta’ età f’artisti u ħaddiema kulturali oħrajn li jesprimu valuri bħad-demokrazija, il-kosmopolitaniżmu, l-integrazzjoni soċjali, l-inklużjoni u s-sensibilizzazzjoni ambjentali, u fuq l-użu tal-arti fl-ispazji pubbliċi, jippromovu t-tnedija u t-tnedija mill-ġdid tal-arti permezz ta’ programmi tal-UE u jiffaċilitaw l-aċċess għal firxa ta’ strumenti ta’ appoġġ finanzjarju sostenibbli, bħas-sussidji pubbliċi, il-kapital ta’ riskju u l-aċċess għall-kreditu fuq termini ta’ ħlas lura favorevoli fit-tul;

16.

jilqa’ d-deċiżjoni li tiġi ffaċilitata l-parteċipazzjoni ta’ proġetti kulturali fuq skala żgħira fil-Programm Ewropa Kreattiva billi tinkiseb semplifikazzjoni sostanzjali tal-proċeduri burokratiċi, l-aktar fl-istadju tal-applikazzjoni; jirrakkomanda, barra minn hekk, l-integrazzjoni tal-investimenti fil-kultura tad-diversi fondi tal-UE, filwaqt li jiġu ssemplifikati l-proċeduri involuti u biex fejn previst tiġi estiża l-possibbiltà ta’ kofinanzjament sa 80 % għal proġetti minn operaturi żgħar, filwaqt li l-fondazzjonijiet, il-banek u l-istituzzjonijiet jitħallew ikopru l-ammont li jifdal. Għal dan il-għan jingħaqad mat-talba tal-Parlament Ewropew għal “appoġġ imdaqqas u primarju bbażat fuq l-għotjiet għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi sabiex jiġi żgurat l-għajxien tal-komunitajiet lokali” u jaqbel dwar il-ħtieġa li “jallokaw għas-setturi u l-industriji kulturali u kreattivi, skont il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, mill-inqas 2 % tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ddedikata għall-irkupru” (3). Jappella sabiex is-setturi kulturali u kreattivi jiddaħħlu fl-ambitu ta’ REACT-EU, filwaqt li jinsisti fuq il-ħtieġa li l-kultura tiġi integrata fil-politiki nazzjonali għall-implimentazzjoni ta’ REACT-EU, u l-istrument tal-UE għall-appoġġ temporanju biex jittaffew ir-riskji ta’ qgħad f’emerġenza (SURE), u b’hekk jiġi evitat li l-piż tal-ispejjeż tal-kultura jaqa’ fuq il-baġits tal-bliet u r-reġjuni, li diġà qed ibatu matul il-pandemija tal-COVID-19, u jappella għall-użu tal-finanzjament kaskata (cascade funding), mekkaniżmu diġà previst mill-Kummissjoni Ewropea taħt l-isem “Appoġġ Finanzjarju lil Partijiet Terzi”;

17.

jaqbel mal-ħtieġa li jiġi stabbilit portal uniku tal-UE, li jgħaqqad l-informazzjoni mill-programmi kollha tal-UE li qed jiffinanzjaw il-wirt kulturali (4);

18.

jilqa’ bi pjaċir l-interess dejjem jikber u l-impenn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ewropa kollha biex jippromovu viżjonijiet u azzjonijiet kondiviżi fl-Istati Membri. Jittama li inizjattivi simili għal dawk miksuba mill-“Karta ta’ Agrigento” (5), iffirmata minn mijiet ta’ sindki, mill-presidenti tar-reġjuni Taljani u kondiviża minn assoċjazzjonijiet partikolarment rappreżentattivi u mill-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni (6), jistgħu jseħħu wkoll f’pajjiżi oħra;

19.

jittama li s-settur tal-wirt kulturali jkun jista’ dejjem jippermetti l-parteċipazzjoni, minkejja r-restrizzjonijiet li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19, is-sostenibbiltà, il-protezzjoni u l-innovazzjoni, l-erba’ pilastri li fuqhom tfasslu l-inizjattivi tas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali u li, fid-dawl tal-kriżi tal-COVID-19, iż-żidiet fil-fondi għal Ewropa Kreattiva se jsiru strutturali u jiġu ġestiti direttament mill-awtoritajiet reġjonali;

20.

il-professjonisti fil-qasam tal-wirt kulturali jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex jissensibilizzaw lill-komunità kollha li s-settur huwa ta’ benefiċċju vitali għall-ekonomija, il-kultura, l-ambjent u s-soċjetà;

21.

jappoġġja rwol akbar għall-ħallieqa, l-artisti, il-persunal tekniku u atturi oħrajn fil-qasam kulturali u tal-wirt, u mhux jiġu kkunsidrati biss bħala “mezzi” għat-tkabbir tal-ekonomija u l-kompetittività. Fil-fatt, is-sitwazzjoni tal-COVID-19 kompliet tenfasizza l-ħtieġa li l-kultura għandha tiġi implimentata fis-sistema edukattiva b’mod trasversali u kurrikulari. F’dan ir-rigward, l-inklużjoni tal-arti tal-ispettaklu fil-ħinijiet tal-iskola hija ta’ importanza kbira;

22.

jinsab partikolarment imħasseb dwar in-nuqqas li qed jiżdied ta’ ħaddiema tas-sengħa, professjonisti tar-restawr u esperti tal-wirt. Jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jinkludu l-preservazzjoni ta’ prattiki siewja u għarfien ta’ valur f’inizjattivi futuri għall-preservazzjoni tal-wirt kulturali;

Dimensjoni lokali jew reġjonali speċifika

23.

iħeġġeġ, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għall-komplementarjetà u s-sussidjarjetà – il-prinċipju gwida tal-UE fil-qasam tar-relazzjonijiet kulturali – azzjoni akbar mill-Istati Membri billi jiġu appoġġjati jew ikkoordinati azzjonijiet sabiex jiġi definit approċċ strateġiku Ewropew għat-tnedija mill-ġdid tas-setturi kulturali u kreattivi;

24.

jirrikonoxxi r-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali bħala atturi indispensabbli sabiex jiġu promossi, jitħeġġu u jiġu appoġġjati l-attivitajiet kulturali relatati, fost oħrajn, mal-mużika, l-arti viżiva, il-folklor, l-arti tal-ispettaklu, l-arti awdjoviżiva, il-pubblikazzjonijiet, il-wirt kulturali eċċ. permezz ta’ għotjiet li jgħinu biex jittejbu l-kundizzjonijiet tal-benefiċjarji matul ix-xhur meta jkunu magħluqin jew ikun hemm nuqqas ta’ faċilitajiet fi spazji pubbliċi minħabba l-miżuri tas-saħħa tal-COVID-19, kif ukoll permezz ta’ miżuri oħrajn ta’ appoġġ bħall-għoti ta’ spazji għal attivitajiet kulturali mingħajr ħlas jew l-iffaċilitar tal-użu ta’ żoni pubbliċi;

25.

ifakkar li, meta nitkellmu dwar il-kultura u l-kreattività, mhux dejjem nittrattaw oġġetti tanġibbli; fil-fatt, xi kultant il-kultura u l-kreattività jiġu trażmessi b’mod intanġibbli, u b’hekk l-artist isir hu stess xogħol tal-arti, xi ħaġa li sseħħ permezz tal-kant, iż-żfin, l-akrobati, il-mużiċisti u l-mima, l-atturi u l-ekwilibristi. Kull wieħed minnhom iwassal it-tradizzjonijiet, id-drawwiet u l-użanzi, inissel emozzjonijiet, iqanqal sentimenti, jippromovi t-territorju, jiġbed it-turisti, jegħleb kull tip ta’ ostaklu psikoloġiku, iżda xi drabi ma jirnexxilux jegħleb dawk strutturali li bħalissa jinsabu aggravati mill-pandemija. L-esperjenza tal-professjonisti tal-wirt kulturali hija ġid pubbliku uniku li huwa essenzjali biex jinkisbu l-kwalità, il-valorizzazzjoni u s-sostenibbiltà fil-protezzjoni u l-preservazzjoni tal-wirt kulturali. Dan jeħtieġ azzjoni strateġika mill-awtoritajiet sabiex jiġu protetti l-ekosistemi kulturali differenti;

26.

jirrimarka u jittama li l-UE tieħu azzjoni biex tagħti bidu għal kooperazzjoni xierqa bejn l-Istati Membri, biex tappoġġja, tippromovi u terġa’ tagħti spinta lill-għadd kbir ta’ kategoriji relatati mas-setturi kulturali u kreattivi, li ġew imrażżna mill-pandemija tal-COVID-19. Kull waħda għandha karatteristiċi differenti u teħtieġ spazji u trattamenti differenti, iżda lkoll jikkontribwixxu għall-ħolqien ta’ opportunitajiet fit-territorji għat-turiżmu u għall-iżvilupp soċjali, ekonomiku u kulturali tat-territorji: Fost bosta eżempji hawnhekk insibu: il-wirt kulturali, kemm tanġibbli, li jinkludi l-ġestjoni estremament kumplessa ta’ monumenti u siti arkeoloġiċi – inklużi dawk ta’ taħt l-ilma – mużewijiet, arkivji u libreriji; u dawk mhux tanġibbli – btajjel reġjonali u lokali, gastronomija u artiġjanat; forom ta’ disseminazzjoni, li jvarjaw minn konferenzi għal avvenimenti bħall-kapitali Ewropej tal-kultura; l-arti u l-wirjiet tal-ispettaklu, il-mużika u ż-żfin, mill-opra u ċ-ċirkli sal-artisti tat-triq; l-industrija kreattiva, inklużi l-films, il-pubblikazzjoni, id-disinn, ir-reklamar, u r-radju u t-televiżjoni, il-grafika, l-iskultura, il-pittura u l-arkitettura; u istituzzjonijiet u fondazzjonijiet kulturali;

27.

iħeġġeġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw il-fondi tal-UE u d-diversi programmi u miżuri biex jippromovu l-artisti individwali, speċjalment dawk li huma inqas magħrufa iżda diġà attivi fis-settur, billi jiżviluppaw opportunitajiet għal avvenimenti u skambji, illum anke fuq bażi virtwali, li jistgħu joħorġu fid-dieher ir-rikkezza tal-potenzjal kreattiv moħbi fir-reġjuni, u b’hekk jagħmlu lil dawk l-artisti, bħalma kienu ħafna fil-passat, ambaxxaturi u promoturi tal-kulturi tagħhom stess. Meta jingħaqdu bejniethom, dawn kapaċi joħolqu laqta ta’ Ewropa magħquda, filwaqt li xi drabi jżommu karatteristiċi li huma speċifiċi għal kull pajjiż u reġjun individwali. Jappella għal kooperazzjoni b’saħħitha mal-uffiċċji nazzjonali ta’ Ewropa Kreattiva biex jiżdiedu l-għarfien u l-informazzjoni fuq il-post, u anke biex tiġi ffaċilitata l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni fi ħdan il-qafas ta’ dan il-programm;

28.

jappoġġja bis-sħiħ id-deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew li jpoġġu l-kooperazzjoni transfruntiera bħala prijorità għall-fergħa kulturali, sabiex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transnazzjonali u d-dimensjoni transfruntiera tal-ħolqien, iċ-ċirkolazzjoni u l-viżibbiltà tax-xogħlijiet Ewropej, kif ukoll il-mobbiltà tal-operaturi kulturali u kreattivi. Huwa lest li jikkontribwixxi għall-abbozzar ta’ “Status ta’ artist Ewropew”, f’kooperazzjoni mal-Parlament Ewropew, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-artisti tar-reġjuni Ewropej l-aktar imbiegħda. Jaqbel mal-Parlament Ewropew dwar il-ħtieġa li “jiġu protetti l-impjiegi fis-settur tal-wirt kulturali, li jiġu appoġġjati l-professjonisti tar-restawr u l-esperti tal-wirt, u li jiġu mgħammra bl-għodod li għandhom bżonn biex jipproteġu s-siti ta’ wirt Ewropew” (7); jinnota wkoll li l-professjonisti tal-wirt kulturali, li jaħdmu f’ambjenti interdixxiplinari u transsettorjali u jikkombinaw approċċi tradizzjonali, kreattivi u innovattivi għas-salvagwardja tal-wirt insostitwibbli tal-Ewropa għall-ġenerazzjonijiet futuri, m’għandhomx jintesew; jappella, għalhekk, li titrawwem aktar mobilità billi nippermettu li l-professjonisti tal-wirt kulturali jivvalidaw il-firxa sħiħa tal-għarfien u l-ħiliet formali u mhux formali tagħhom;

29.

itenni dak li dejjem kien ċar għall-operaturi kulturali: il-bliet u t-territorji li jafu jivvalorizzaw l-istorja tagħhom, jirrakkuntaw, iġeddu u jfasslu mill-ġdid lilhom infushom, filwaqt li jagħtu spazju għal ekonomiji ħfief, kreattivi u sostenibbli, isiru attraenti mhux biss għat-turisti u s-setturi ekonomiċi tagħhom, iżda wkoll għan-negozji stabbiliti hemmhekk, għall-valur tal-proprjetà immobbli taż-żoni, għall-bilanċ ġenerazzjonali u interkulturali, f’soċjetajiet strutturalment diġà multietniċi u multireliġjużi;

30.

jappella li r-reġjuni jiġu appoġġjati fl-isforzi tagħhom biex jerġgħu jniedu l-arti billi jkunu miftuħa għall-esperimentazzjoni, u biex jieħdu interess fil-proliferazzjoni ta’ proġetti u ideat ġodda li qed naraw f’dan iż-żmien meta hija meħtieġa bidla fundamentali biex nerġgħu nagħtu l-ħajja s-setturi kulturali u kreattivi. Ir-riġenerazzjoni ta’ żoni u reġjuni urbani għandha tinvolvi proġetti sempliċi li jagħmluha aktar faċli għal kulħadd li jikseb għarfien, u dan għandu jinkludi żoni periferiċi, ir-reġjuni inqas żviluppati u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, billi tiġi integrata u involuta l-infrastruttura kulturali eżistenti jew ippjanata fir-reġjun, u jiġu implimentati pjani ta’ protezzjoni u konservazzjoni għall-wirt storiku ta’ dawn iż-żoni;

31.

iqis li huwa neċessarju li jitfasslu soluzzjonijiet kreattivi ta’ rkupru, tħaddim mill-ġdid, interpretazzjoni mill-ġdid u ġestjoni taż-żoni nfushom, li jistgħu jvarjaw minn operazzjonijiet virtwali u intanġibbli fir-rigward tal-ambjent, interventi fiżiċi fil-postijiet, bl-użu, pereżempju, tal-arti viżiva, tal-ispettaklu u relazzjonali, tal-arti applikata, tal-komunikazzjoni, tal-manifattura diġitali u tar-realtà virtwali, li jinvolvu l-komunitajiet permezz ta’ attivitajiet li jrawmu l-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ta’ networks relazzjonali, b’karatteristiċi ta’ applikabbiltà u sostenibbiltà. Eżempju ta’ dan huwa r-rotta artistika “Fiumara d’Arte”: sensiela ta’ xogħlijiet fil-beraħ minn artisti famużi mad-dinja kollha, li, permezz ta’ avvenimenti partikolari, isiru katalisti għal talenti ġodda u għalhekk jingħataw l-opportunità li jsiru magħrufa. B’dan il-mod tiġi żviluppata l-kultura lokali u jissaħħu l-identità u l-ispeċifiċità tagħha, filwaqt li jinħoloq valur uniku, mhux trasferibbli u bbażat fuq il-post, fejn il-fatturi kulturali huma rilevanti anke fil-livell Ewropew;

32.

ifakkar fil-fehmiet diġà espressi dwar l-inizjattiva tal-“Kapitali Ewropea tal-Kultura”, li għenet biex jiġu enfasizzati r-rikkezza, id-diversità u l-aspetti komuni tal-kulturi Ewropej. Huwa meqjus neċessarju li din l-inizjattiva u inizjattivi oħrajn jitkomplew, li, bħaċ-“ċertifikat tal-patrimonju Ewropew”, jistgħu jiġu sfruttati aktar. Fil-fatt, huwa importanti li jiġi żviluppat għarfien kulturali u kreattiv speċjalment fil-ġenerazzjoni żagħżugħa, mingħajr ma jiġu sottovalutati t-turiżmu u t-turiżmu tal-iskejjel, setturi li ntlaqtu ħażin daqs is-setturi kulturali u kreattivi, u li ma jistgħux joperaw b’mod virtwali;

33.

jenfasizza l-importanza tax-xogħol volontarju fil-protezzjoni tal-wirt kulturali, u għaldaqstant, jilqa’ s-sejħa mmirata għal wirt kulturali fl-ambitu tal-Korp Ewropew ta’ Solidarjetà;

Kummenti ġenerali

34.

iqis li huwa neċessarju li fl-Ewropa kollha jiġi promoss it-tixrid tal-kreazzjoni artistika u kulturali, u l-promozzjoni internazzjonali tal-artisti, il-kuraturi, il-kritiċi u ħaddiema kulturali oħrajn, kif ukoll il-kreaturi konnessi ma’ dixxiplini oħrajn, permezz ta’ sejħiet għal proposti li jenfasizzaw ir-rwol soċjali tal-arti u l-kultura u li jinvolvu l-awtoritajiet lokali, ir-reġjuni, l-istituzzjonijiet kulturali fis-sens strett, l-iskejjel, l-isptarijiet, il-postijiet ta’ kenn u l-ħabsijiet, biex jaġixxu bħala mexxejja ta’ proġetti mmirati lejn ir-riġenerazzjoni ta’ binjiet u żoni urbani periferiċi jew vulnerabbli. Il-proġetti għandhom jinvolvu kollaborazzjoni bejn entitajiet Ewropej ta’ nazzjonalitajiet differenti u fażi ta’ promozzjoni f’diversi Stati tal-UE, il-produzzjoni ta’ xogħlijiet li kapaċi jinteraġixxu bejniethom b’mod oriġinali, innovattiv u bbażat fuq il-komunità, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta’ mudelli ġodda ta’ kwalità tal-ħajja u bidla xierqa fil-pass għal demokratizzazzjoni ġenwina tal-kultura u għal żieda fil-parteċipazzjoni taċ-ċittadini; għandhom jiġu promossi wkoll il-forom ġodda ta’ innovazzjoni tal-ġestjoni kulturali, billi jissaħħu l-inkubaturi tal-proġetti u l-inizjattvi kulturali;

35.

jappoġġja l-ħtieġa li jiġu prodotti xogħlijiet ġodda, iżda fuq kollox li l-arti u l-kultura jintużaw biex jiġu appoġġjati objettivi soċjali aktar integrati, strutturati u aktar effiċjenti, anke fi kriżijiet tas-suq li huma kemm sistemiċi kif ukoll b’riżultat tal-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari, abbażi tal-iskema tal-“Art Bonus” stabbilita mill-Gvern Taljan, li wasslet għal prattiki tajbin ta’ sponsorizzazzjoni, jappella sabiex jitnedew sejħiet u kompetizzjonijiet biex tiġi promossa l-kummissjoni ta’ xogħlijiet ta’ artisti u ħaddiema oħrajn mill-qasam kulturali kontemporanji Ewropej minn individwi privati u negozji, li għalihom ix-xerrej huwa obbligat li joffri perjodu ta’ żmien fiss li fih ix-xogħlijiet artistiċi jkunu esebiti għall-pubbliku f’mużewijiet u anke bħala parti minn tour;

36.

jenfasizza, fir-rigward ta’ “raggruppamenti kulturali” jew id-“distretti kreattivi”, li l-kriżi tal-COVID-19 għamlitha neċessarja li l-bliet u r-reġjuni jitqiegħdu fiċ-ċentru tan-networks tal-għarfien sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-moviment ħieles tal-ideat, il-kapital u l-persuni fl-ekonomija diġitali globali. L-appoġġ mill-awtoritajiet lokali u reġjonali huwa vitali għall-iżvilupp ta’ raggruppamenti bħal dawn, iżda dawn jeħtieġ li jkollhom rabta wkoll ma’ networks ta’ għarfien Ewropej u globali integrati u skalabbli biex tissaħħaħ l-effettività tagħhom. Għalhekk, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jappoġġjaw finanzjarjament lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, kif ukoll lill-atturi lokali għat-twettiq ta’ tali proġetti;

37.

jitlob li s-setturi kulturali u kreattivi jiġu ttrattati bħala industrija ta’ beni primarji, sabiex, f’każ ta’ avvenimenti straordinarji ġodda bħall-pandemija tal-COVID-19, dawn ma jiġux penalizzati minn lockdown. Għalhekk jeħtieġ li jkun hemm previżjoni u jitfasslu linji gwida komuni biex dawn ikunu jistgħu jkomplu joperaw, għalkemm b’restrizzjonijiet f’termini ta’ aċċessibbiltà;

38.

jilqa’ b’interess l-inizjattiva Bauhaus Ewropew Ġdid imħabbar mill-President von der Leyen, bħala parti mill-“mewġa ta’ rinnovazzjoni”, filwaqt li jqis li huwa neċessarju li titrawwem estetika Ewropea ġdida bbażata fuq ħtieġa soċjali ta’ sbuħija, fuq l-interkonnessjonijiet bejn ir-realtajiet eżistenti, ir-riġenerazzjoni u l-ambjent, u fuq l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ materjali ambjentalment sostenibbli, billi nieħdu bħala eżempju l-ħidma li saret mis-“Superstudio Group” ta’ Milan;

39.

itenni għal dan il-għan is-sejħa preċedenti tiegħu għal “żieda tal-investiment fil-kultura u fi pjani biex il-wirt kulturali, inkluż dak mitluq jew abbandunat, jintuża kif ukoll jiġi konservat u mifrux “fi ħdan l-Aġenda Urbana Ġdida 2030. Dan ifisser li jiġu sfruttati bis-sħiħ l-inizjattivi innovattivi promossi mill-muniċipalitajiet u l-proċessi ta’ kooperazzjoni promossi mill-atturi reġjonali” (8).

Brussell, il-5 ta’ Frar 2021.

Apostolos TZITZIKOSTAS

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni


(1)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kultura f’Unjoni aktar ambizzjuża: ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet (ĠU C 141, 29.4.2020, p. 39).

(2)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Lejn Strateġija tal-UE dwar ir-relazzjonijiet kulturali internazzjonali (ĠU C 207, 30.6.2017, p. 95).

(3)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa (2020/2708(RSP)).

(4)  Abbozz ta’ Rapport tal-Kumitat CULT tal-Parlament Ewropew, 2019/2194 (INI).

(5)  Il-Karta ta’ Agrigento, iffirmata f’Ruma fit-30 ta’ Ottubru 2019, għandha l-għan li tippromovi politiki effettivi biex isir użu aħjar mill-wirt kulturali tal-UE (http://www.anci.it/wp-content/uploads/Carta-di-Agrigento-per-una-nuova-Agenda-europea-della-Cultura.pdf).

(6)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kultura f’Unjoni aktar ambizzjuża: ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet (ĠU C 141, 29.4.2020, p. 39).

(7)  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ Settembru 2020 dwar l-irkupru kulturali tal-Ewropa (2020/2708(RSP)).

(8)  Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kultura f’Unjoni aktar ambizzjuża: ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet (ĠU C 141, 29.4.2020, p. 39).


Top