IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.5.2020
COM(2020) 531 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI
Il-Lussemburgu
Rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
EUR-Lex Access to European Union law
This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52020DC0531
REPORT FROM THE COMMISSION Luxembourg Report prepared in accordance with Article 126(3) of the Treaty on the Functioning of the European Union
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI Il-Lussemburgu Rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI Il-Lussemburgu Rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
COM/2020/531 final
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 20.5.2020
COM(2020) 531 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI
Il-Lussemburgu
Rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI
Il-Lussemburgu
Rapport imħejji f’konformità mal-Artikolu 126(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea
1. Introduzzjoni
Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni qablet mal-Kunsill fil-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku qawwi mistenni li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti għal tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fi żmien medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan iħalli lill-Istati Membri jitbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.
Id-data notifikata mill-awtoritajiet Lussemburgiżi fil-31 ta’ Marzu 2020 u sussegwentement ivvalidata mill-Eurostat 1 turi li l-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika fil-Lussemburgu laħaq surplus ta’ 2,2% tal-PDG fl-2019, filwaqt li d-dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika kien ta’ 22,1 % tal-PDG. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, il-Lussemburgu qed tippjana defiċit ta’ 8,5 % tal-PDG fl-2020, filwaqt li d-dejn ippjanat li jilħaq it-28,7 % tal-PDG.
Id-defiċit ippjanat għall-2020 jipprevedi evidenza prima facie tal-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv kif definit fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.
F’dan l-isfond, il-Kummissjoni għalhekk ħejjiet dan ir-rapport, li janalizza l-konformità tal-Lussemburgu mal-kriterji tad-defiċit fit-Trattat. Il-kriterju tad-dejn jista’ jitqies li ġie ssodisfat billi l-proporzjon tad-dejn fl-2019 huwa taħt il-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat. Ir-rapport iqis il-fatturi rilevanti kollha u jikkunsidra kif xieraq ix-xokk ekonomiku kbir marbut mal-pandemija tal-COVID-19.
Tabella 1. Defiċit u dejn tal-amministrazzjoni pubblika (% tal-PDG)
2016 |
2017 |
2018 |
2019 |
2020 COM |
2021 COM |
|
Bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika |
1,8 |
1,3 |
3,1 |
2,2 |
-4,8 |
0,1 |
Dejn gross tal-amministrazzjoni pubblika |
20,1 |
22,3 |
21,0 |
22,1 |
26,4 |
25,7 |
Sors: Eurostat, it-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni Ewropea
2.Kriterju tad-defiċit
Fuq il-bażi tal-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tal-Lussemburgu fl-2020 huwa ppjanat li jilħaq it-8,5 % tal-PDG, 'il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat.
L-eċċess ippjanat fuq il-valur referenzjarju tat-Trattat fl-2020 huwa eċċezzjonali, minħabba li jirriżulta minn tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku. Filwaqt li jitqies l-impatt tal-pandemija tal-COVID-19, it-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni jipprevedi tnaqqis fil-PDG reali ta’ 5,4 % għall-2020.
L-eċċess ippjanat fuq il-valur referenzjarju tat-Trattat ikun temporanju, fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, li jipprojetta li d-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jonqos taħt it-3 % tal-PDG fl-2021. Madankollu, dawk il-projezzjonijiet huma mdawra b’livell eċċezzjonalment għoli ta’ inċertezza.
Kollox ma’ kollox, id-defiċit ippjanat għall-2020 huwa 'l fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat. L-eċċess ippjanat huwa kkunsidrat bħala eċċezzjonali kif definit fit-Trattat u fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li n-natura tal-eċċess qed titqies attwalment bħala waħda temporanja. Għalhekk, l-analiżi tissuġġerixxi li prima facie l-kriterju tad-defiċit għall-fini tat-Trattat u tar-Regolament (KE) Nru 1467/97 mhuwiex issodisfat.
3.Fatturi rilevanti
L-Artikolu 126(3) tat-Trattat jistipula li, jekk Stat Membru ma jissodisfax il-ħtiġijiet ta’ wieħed minn dawn il-kriterji jew tat-tnejn li huma, il-Kummissjoni jkollha tħejji rapport. Dan ir-rapport għandu “jqis ukoll jekk id-defiċit tal-Gvern ikunx jeċċedi n-nefqa tal-Gvern f'investiment u jqis il-fatturi l-oħra kollha rilevanti, inkluża l-pożizzjoni ekonomika u tal-estimi għall-futur medju tal-Istat Membru”.
Dawn il-fatturi huma ċċarati aktar fl-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, li jistipula wkoll li “kwalunkwe fattur ieħor li, fl-opinjoni tal-Istat Membru kkonċernat huwa rilevanti sabiex tkun ivvalutata b’mod komprensiv il-konformità mal-kriterji tad-defiċit u d-dejn u li l-Istat Membru ressaq quddiem il-Kunsill u l-Kummissjoni” jeħtieġ li jingħata l-kunsiderazzjoni dovuta.
Fis-sitwazzjoni attwali, fattur addizzjonali ewlieni li għandu jitqies fir-rigward tal-2020 huwa l-impatt ekonomiku tal-pandemija tal-COVID-19, li għandha impatt sostanzjali ħafna fuq is-sitwazzjoni baġitarja u tirriżulta f’perspettiva inċerta ħafna. Il-pandemija wasslet ukoll għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali.
3.1. Il-pandemija tal-COVID-19
Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal xokk ekonomiku kbir li qed ikollu impatt negattiv sinifikanti madwar l-Unjoni Ewropea kollha. Il-konsegwenzi għat-tkabbir tal-PDG se jiddependu kemm fuq kemm se ddum il-pandemija kif ukoll fuq il-miżuri li qed jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali f’livell Ewropew u dinji biex titnaqqas il-firxa tagħha, jiġu protetti l-kapaċitajiet ta’ produzzjoni u tiġi appoġġata d-domanda aggregata. L-Istati Membri diġà adottaw jew qed jadottaw miżuri baġitarji biex iżidu l-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa tagħhom u jipprovdu l-għajnuna liċ-ċittadini u lis-setturi partikolarment milquta. Ġew adottati wkoll miżuri ta’ appoġġ ta’ likwidità sinifikanti u garanziji oħra. Soġġetti għal informazzjoni aktar dettaljata, l-awtoritajiet kompetenti tal-istatistika jridu jeżaminaw jekk dawn il-miżuri jinvolvux impatt immedjat fuq il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika jew le. Flimkien mat-tnaqqis fl-attività ekonomika, dawn il-miżuri se jikkontribwixxu għal pożizzjonijiet ta’ defiċit u ta’ dejn tal-Gvern sostanzjalment ogħla.
3.2 Il-pożizzjoni ekonomika fi żmien medju
L-attività ekonomika kibret bi 2,3 % fl-2019, li kien inqas minn dak tas-sena ta’ qabel. Qabel it-tifqigħa tal-pandemija, il-PDG kien għadu mistenni jikber bi 2,7 % fl-2020. Madankollu, wara t-tifqigħa tal-pandemija u l-miżuri tas-saħħa adottati biex jitrażżan it-tixrid tal-virus, partijiet sħaħ tal-ekonomija kellhom jieqfu, filwaqt li oħrajn qed joperaw b’kapaċità ħafna aktar baxxa. L-attività ekonomika hija pprojettata li tiċkien f’daqqa fl-2020. Dan huwa fattur mitiganti fil-valutazzjoni tal-konformità tal-Lussemburgu mal-kriterju tad-defiċit għall-2020.
Barra minn hekk, l-inċertezza relatata mal-perjodu ta’ żmien li se tieħu l-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt ekonomiku tagħha, tqiegħed livell eċċezzjonali ta’ inċertezza fuq il-perspettiva makroekonomika fil-futur qrib. Bħala ekonomija miftuħa żgħira, l-evoluzzjoni tal-attività ekonomika fil-Lussemburgu se tiddependi ħafna fuq il-prestazzjoni ekonomika tas-sħab kummerċjali ewlenin tagħha. Barra minn hekk, id-dipendenza qawwija tal-ekonomija fuq is-settur finanzjarju, li tirrappreżenta sehem kbir tal-PDG, se tkompli tkabbar l-inċertezza dwar id-daqs tat-tnaqqis, l-inċertezza li hija wkoll ir-riżultat tal-volatilità kbira fis-swieq finanzjarji.
3.3 Il-pożizzjoni baġitarja fi żmien medju
Fuq il-bażi tad-data tal-eżitu u t-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni, il-Lussemburgu qabeż l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2019.
Il-programm ta’ Stabbiltà tal-2020 għal-Lussemburgu jipprojetta deterjorament kbir fil-finanzi pubbliċi minn surplus ta’ 2,2 % tal-PDG fl-2019 għal defiċit ta’ 8,5 % tal-PDG fl-2020 fil-kuntest tal-pandemija tal-Covid-19. Il-Gvern adotta pakkett ta’ appoġġ komprensiv li jammonta għal 5,5 % tal-PDG, li jikkonsisti minn miżuri għall-preservazzjoni tal-impjiegi, appoġġ lill-impriżi f’diffikultà u infiq addizzjonali fuq il-kura tas-saħħa. L-ammont ta’ 5,5 % tal-PDG jinkludi wkoll self li jitħallas lura u parti mill-posponimenti tat-taxxa fuq it-taxxi diretti, li jkollhom impatt baġitarju dirett skont l-awtoritajiet. Id-defiċit jirrifletti wkoll tnaqqis mistenni fuq in-naħa tad-dħul li jirrifletti prinċipalment tnaqqis fit-taxxi diretti u indiretti. Il-perspettiva fiskali fi żmien medju tibqa’ soġġetta għal livell għoli ta’ inċertezza.
3.4 Fatturi oħra ppreżentati mill-Istat Membru
Fil-11 ta’ Mejju 2020, l-awtoritajiet Lussemburgiżi bagħtu ittra bil-fatturi rilevanti skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97. L-analiżi ppreżentata fit-taqsimiet preċedenti diġà tkopri b’mod wiesa’ l-fatturi ewlenin ippreżentati mill-awtoritajiet. Fl-ittra tagħhom, l-awtoritajiet Lussemburgiżi enfasizzaw li l-projezzjonijiet baġitarji tagħhom huma bbażati fuq suppożizzjonijiet prudenti ħafna kemm għad-dħul kif ukoll għall-infiq. Intużaw elastiċitajiet aktar baxxi minn dawk tas-soltu għall-projezzjonijiet tad-dħul sabiex jipprovdu għal-livell għoli ta’ inċertezza.
4.Konklużjonijiet
Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika tal-Lussemburgu għall-2020 huwa ppjanat li jilħaq it-8,5 % tal-PDG, 'il fuq u mhux qrib il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat. L-eċċess ippjanat fuq il-valur referenzjarju huwa kkunsidrat bħala eċċezzjonali u attwalment meqjus temporanju.
Skont it-Trattat u l-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, dan ir-rapport eżamina wkoll fatturi rilevanti.
B’mod ġenerali, billi d-defiċit ippjanat huwa ferm ’il fuq minn 3 % tal-PDG u meta jitqiesu l-fatturi rilevanti kollha, l-analiżi tissuġġerixxi li l-kriterju tad-defiċit kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 mhuwiex issodisfat.