EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0512

Rakkomandazzjoni għal RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja tal-2020

COM/2020/512 final

Brussell, 20.5.2020

COM(2020) 512 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja tal-2020


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-Italja tal-2020 u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Italja tal-2020

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 121(2) u l-Artikolu 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fis-17 ta’ Diċembru 2019, il-Kummissjoni adottat l-Istrateġija Annwali dwar it-Tkabbir Sostenibbli, li ta bidu għas-Semestru Ewropew tal-2020 għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika. Hija ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Fis-17 ta’ Diċembru 2019, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lill-Italja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2020 għall-Italja 3 ġie ppubblikat fis-26 ta’ Frar 2020. Huwa vvaluta l-progress tal-Italja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fid-9 ta’ Lulju 2019 4 , is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Italja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha wkoll ġew ippubblikati fis-26 ta’ Frar 2020. L-analiżi tal-Kummissjoni wasslitha għall-konklużjoni li l-Italja għaddejja minn żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi. B’mod partikolari, id-dejn pubbliku għoli u d-dinamiċi tal-produttività dgħajfin fit-tul jimplikaw riskji b’rilevanza transfruntiera, f’kuntest ta’ qgħad għoli u livell li għadu għoli ta’ self improduttiv.

(3)Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa uffiċjalment iddikjarat it-tifqigħa tal-COVID-19 bħala pandemija dinjija. Din hija emerġenza serja tas-saħħa pubblika għaċ-ċittadini, għas-soċjetajiet u għall-ekonomiji. Qed tpoġġi s-sistemi tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni qawwija b’mod li tfixkel il-katini ta’ provvista globali, tikkawża volatilità fis-swieq finanzjarji, tagħti skossi fid-domanda tal-konsumatur u jkollha effetti negattivi f’diversi setturi. Qed thedded l-impjiegi tan-nies, id-dħul tagħhom u n-negozju tal-kumpaniji. Hija tat xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu riperkussjonijiet serji fl-Unjoni Ewropea. Fit-13 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni 5 li tappella għal rispons ekonomiku kkoordinat għall-kriżi, li tinvolvi l-atturi kollha fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni.

(4)Diversi Stati Membri ddikjaraw stat ta’ emerġenza jew introduċew miżuri ta’ emerġenza. Jenħtieġ li kwalunkwe miżura ta’ emerġenza tkun strettament proporzjonata, meħtieġa, limitata fiż-żmien, u f’konformità mal-istandards Ewropej u internazzjonali. Dawn għandhom ikunu soġġetti għal sorveljanza demokratika u għal stħarriġ ġudizzjarju indipendenti.

(5)Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir 6 . Il-klawżola, kif stipulata fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku. Fil-Komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkondividiet mal-Kunsill il-fehma tagħha li, minħabba t-tnaqqis serju mistenni fir-ritmu ekonomiku li jirriżulta mit-tifqigħa tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet attwali jippermettu l-attivazzjoni tal-klawżola. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. L-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti għal tluq temporanju mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju, dment li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Għall-parti korrettiva, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta. Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Dan jippermetti lill-Istati Membri li jitbiegħdu mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw filwaqt li jippermettu lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex iwettqu l-miżuri ta’ kordinazzjoni tal-politika meħtieġa fil-qafas tal-Patt.

(6)It-tkomplija tal-azzjoni hija meħtieġa biex tiġi limitata u kkontrollata l-firxa tal-pandemija, tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistemi nazzjonali tas-saħħa, jittaffew il-konsegwenzi soċjoekonomiċi permezz ta’ miżuri ta’ appoġġ għan-negozji u għall-unitajiet domestiċi u jiġu żgurati kundizzjonijiet adegwati ta’ saħħa u sikurezza fil-post tax-xogħol bl-għan tar-rilanċ tal-attività ekonomika. Jenħtieġ li l-Unjoni tuża b’mod sħiħ id-diversi għodod li għandha għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġa l-isforzi tal-Istati Membri f’dawk l-oqsma. B’mod parallel, jenħtieġ li l-Istati Membri u l-Unjoni jaħdmu flimkien biex iħejju l-miżuri meħtieġa biex jerġgħu lura għal funzjonament normali tas-soċjetajiet u tal-ekonomiji tagħna u għal tkabbir sostenibbli, billi jintegraw fost l-oħrajn it-tranżizzjoni ekoloġika u t-trasformazzjoni diġitali, u jieħdu t-tagħlimiet kollha mill-kriżi.

(7)Il-kriżi tal-COVID-19 enfasizzat il-flessibbiltà li s-suq uniku joffri biex jadatta għal sitwazzjonijiet straordinarji. Madankollu, sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni rapida u bla xkiel għall-fażi ta’ rkupru u l-moviment liberu tal-merkanzija, tas-servizzi u tal-ħaddiema, malli ma jibqgħux indispensabbli jridu jitneħħew il-miżuri eċċezzjonali li jipprevjenu s-suq uniku milli jiffunzjona b’mod normali. Il-kriżi attwali wriet il-ħtieġa għal pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet fis-settur tas-saħħa, li jinkludu b’mod partikolari strateġiji ta’ xiri mtejba, ktajjen ta’ provvista diversifikati u riżervi strateġiċi ta’ provvisti essenzjali. Dawn huma elementi ewlenin għall-iżvilupp ta’ pjanijiet usa’ ta’ tħejjija għall-kriżijiet.

(8)Il-leġiżlatur tal-Unjoni diġà emenda l-oqfsa leġislattivi 7 rilevanti biex jippermetti lill-Istati Membri jimmobilizzaw ir-riżorsi mhux użati kollha mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej sabiex ikunu jistgħu jindirizzaw l-effetti eċċezzjonali tal-pandemija tal-COVID-19. Dawk l-emendi se jipprovdu flessibbiltà addizzjonali, kif ukoll proċeduri simplifikati. Sabiex jittaffew il-pressjonijiet ta’ flussi tal-flus, l-Istati Membri jistgħu jgawdu wkoll minn rata ta’ kofinanzjament ta’ 100 % mill-baġit tal-Unjoni fis-sena kontabilistika 2020-2021. L-Italja hija mħeġġa tagħmel użu sħiħ minn dawk il-possibbiltajiet biex tgħin lill-individwi u lis-setturi l-aktar milquta mill-isfidi.

(9)Il-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija x’aktarx li jkunu mqassma b’mod irregolari madwar ir-reġjuni u t-territorji Taljani minħabba d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali li ilhom jeżistu, il-potenzjal ta’ kompetittività diverġenti u l-grad ta’ reżiljenza fit-turiżmu. Dan jinvolvi riskju ta’ tkabbir tad-disparitajiet reġjonali u territorjali fl-Italja, b’mod li jaggrava x-xejriet diverġenti bejn ir-reġjuni inqas żviluppati u dawk aktar żviluppati, bejn il-periferiji soċjali u l-bqija taż-żoni urbani kif ukoll bejn xi żoni urbani u żoni rurali. Flimkien mar-riskju ta’ żarmar temporanju tal-proċess ta’ konverġenza bejn l-Istati Membri, is-sitwazzjoni attwali titlob risponsi ta’ politika mmirati.

(10)Fit-30 ta’ April 2020, l-Italja ppreżentat il-Programm ta’ Stabbiltà tagħha tal-2020.

(11)L-Italja bħalissa tinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn.

(12)Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2020, il-Gvern qed jippjana li l-bilanċ nominali jiddeterjora minn defiċit ta’ 1,6 % tal-PDG) fl-2019 għal defiċit ta’ 10,4 % tal-PDG fl-2020. Id-defiċit huwa proġettat li jonqos għal 5,7 % tal-PDG fl-2021. Wara li stabbilizza ruħu għal 134,8 % fl-2019, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika mal-PDG huwa mistenni li jiżdied għal 155,7 % fl-2020 skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Il-prospetti makroekonomiċi u fiskali huma milquta minn inċertezza kbira minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Hemm riskji speċifiċi għal kull pajjiż sottostanti għall-proġettazzjonijiet baġitarji, jiġifieri d-daqs konsiderevoli tal-garanziji pubbliċi u l-volatilità tar-rendimenti sovrani.

(13)B’reazzjoni għall-pandemija tal-COVID-19, u bħala parti minn approċċ koordinat tal-Unjoni, l-Italja adottat miżuri baġitarji biex iżżid il-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija, u tipprovdi għajnuna lil dawk l-individwi u s-setturi li ntlaqtu b’mod partikolari. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020, dawn il-miżuri baġitarji kienu jammontaw għal 4,5 % tal-PDG fl-2020. Il-miżuri jinkludu kura tas-saħħa u protezzjoni ċivili msaħħa, skemi ta’ supplimentazzjoni tal-pagi estiżi u appoġġ finanzjarju għal persuni li jaħdmu għal rashom u ditti. Barra minn hekk, l-Italja daħħlet miżuri li, filwaqt li ma għandhomx impatt baġitarju dirett, se jikkontribwixxu biex jappoġġaw il-likwidità għan-negozji, inklużi differimenti ta’ taxxa u garanzija għal self. B’mod ġenerali, il-miżuri meħuda mill-Italja huma konformi mal-linji gwida stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar rispons ekonomiku kkoordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ dawk il-miżuri, segwita mill-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, se tikkontribwixxi għall-ippreservar tas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(14)Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2020 tal-Kummissjoni skont politiki mhux mibdula, il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika tal-Italja huwa mbassar li jkun ta’ -11,1 % tal-PDG fl-2020 u ta’ -5,6 % fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali huwa pproġettat li se jilħaq il-158,9 % tal-PDG fl-2020 u l-153,6 % fl-2021.

(15)Fl-20 ta’ Mejju 2020, il-Kummissjoni ħarġet rapport imħejji skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat minħabba n-nuqqas ta’ konformità tal-Italja mar-regola tad-dejn fl-2019 u l-ksur ippjanat tal-limitu massimu tad-defiċit ta’ 3 % tal-PDG fl-2020. B’mod ġenerali, l-analiżi tissuġġerixxi li ma hemm l-ebda evidenza suffiċjenti li tikkonkludi li l-kriterju tad-dejn kif definit fit-Trattat u fir-Regolament (KE) Nru 1467/1997 huwa jew mhuwiex sodisfat, meta l-kriterju tad-defiċit mhuwiex sodisfat.

(16)Il-pandemija tal-COVID-19 poġġiet is-sistema tas-saħħa nazzjonali taħt pressjoni bla preċedent, li tixhed dgħufijiet strutturali u l-ħtieġa li tiżdied it-tħejjija b’reazzjoni għal avvenimenti ta’ kriżi. Minkejja li n-nefqa medja tal-UE fuq is-saħħa hija inqas mill-medja tal-UE, is-sistema tas-saħħa tal-Italja hija kkaratterizzata minn servizzi universali speċjalizzati ħafna kif ukoll servizzi universali ta’ kwalità tajba u ġeneralment irnexxielha tipprovdi kura aċċessibbli. Madankollu, speċjalment fil-bidu tal-pandemija, il-frammentazzjoni tal-governanza tas-sistema tas-saħħa, u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet ċentrali u reġjonali naqqsu r-ritmu tal-implimentazzjoni ta’ uħud mill-miżuri ta’ konteniment. Ir-reazzjoni tas-sistemi tas-saħħa reġjonali għall-kriżi kienet ibbażata primarjament fuq mobilizzazzjoni straordinarja, b’mod partikolari tal-forza tax-xogħol tas-saħħa u tas-servizzi soċjali lokali. Dan ikkumpensa l-limiti tal-infrastruttura fiżika, l-għadd ta’ ħaddiema tas-saħħa u l-investiment f’dawn l-aħħar snin bl-għan li jittejbu l-istrutturi u s-servizzi. Il-gvern Taljan għamel sforzi kbar biex itaffi l-firxa tal-virus, itaffi l-pressjoni fuq l-isptarijiet u jiġġenera aktar kapaċità ta’ kura. Issa qed tiġi żviluppata strateġija ta’ konteniment fit-tul biex jiġi żgurat ritorn sikur għal attività produttiva. Minbarra li jitjiebu l-proċessi ta’ governanza u l-pjanijiet ta’ tħejjija għall-kriżijiet, jenħtieġ li l-politiki ta’ wara l-COVID-19 ikollhom l-għan li jtaffu d-diskrepanza fl-investiment pubbliku fil-kura tas-saħħa. Fit-terminu medju u fit-tul, l-iżvilupp ta’ pjan ta’ investiment strateġiku se jkun kruċjali biex titjieb ir-reżiljenza tas-sistema tas-saħħa Taljana, u biex tiġi garantita l-provvista kontinwa ta’ kura aċċessibbli. Fid-dawl tal-proġettazzjonijiet attwali tal-forza tax-xogħol tas-saħħa, jenħtieġ li tingħata prijorità lill-iżvilupp ta’ politiki biex jissolvew il-konġestjonijiet fit-taħriġ, fir-reklutaġġ u fiż-żamma tal-forza tax-xogħol tas-saħħa.

(17)Il-miżuri ta’ lockdown adottati b’reazzjoni għall-kriżi tas-saħħa qed ikollhom impatt negattiv qawwi fuq is-suq tax-xogħol u l-kundizzjonijiet soċjali. Qabel il-kriżi, is-sitwazzjoni soċjali kienet qed titjieb bil-mod, anki jekk ir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali, il-faqar fost dawk li jaħdmu u l-inugwaljanza fl-introjtu baqgħu għoljin u b’distakki reġjonali kbar. Minħabba l-impatt tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-konsegwenzi tagħha, jenħtieġ li x-xbieki ta’ sikurezza soċjali jissaħħu biex jiżguraw sostituzzjoni ta’ introjtu adegwat, irrispettivament mill-istatus ta’ impjieg tagħhom, inklużi dawk li qed jiffaċċjaw diskrepanzi fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali. It-tisħiħ tas-sostituzzjoni u tas-sostenn fl-introjtu huwa partikolarment rilevanti għal ħaddiema atipiċi u persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli. Il-provvista ta’ servizzi mmirati lejn l-inklużjoni soċjali u tas-suq tax-xogħol hija wkoll importanti. L-iskema l-ġdida ta’ introjtu minimu, li pprovdiet benefiċċji matul is-sena li għaddiet għal aktar minn miljun unità domestika (EUR 513, bħala medja), tista’ ttaffi l-effetti tal-kriżi. Madankollu, it-tqassim tagħha lil gruppi vulnerabbli jista’ jittejjeb. Fuq bażi temporanja, il-gvern introduċa “dħul ta’ emerġenza” addizzjonali għall-appoġġ ta’ unitajiet domestiċi li s’issa mhumiex eliġibbli għad-dħul minimu. In-nies impjegati fl-ekonomija sewda, b’mod partikolari f’setturi bħall-agrikoltura, l-industrija tal-ikel u l-akkomodazzjoni, jirriskjaw ukoll li jiffaċċjaw lakuni fl-aċċess għall-protezzjoni soċjali u l-appoġġ għad-dħul. B’reazzjoni għal din l-isfida, il-gvern reċentement iffaċilita r-regoli għal-legalizzazzjoni tal-istatus ta’ impjieg ta’ ħaddiema mhux iddikjarati u għall-kisba jew għall-estensjoni ta’ permessi ta’ residenza għall-migranti li jaħdmu. Ix-xejriet demografiċi negattivi u l-eżodu ta’ mħuħ jirriskjaw ukoll li jxekklu l-prospetti ta’ tkabbir. Minbarra l-kundizzjonijiet aktar diffiċli tas-suq tax-xogħol, in-nuqqas ta’ servizzi tal-kwalità huwa l-mutur tad-depopolazzjoni fir-reġjuni tan-Nofsinhar u fiż-żoni rurali. It-titjib tal-aċċess għas-servizzi elettroniċi huwa essenzjali, speċjalment f’kuntest ta’ mobilità limitata.

(18)Mindu faqqgħet il-kriżi, l-Italja qed tieħu passi biex tnaqqas l-impatt fuq l-impjiegi. L-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar, (Cassa integrazione), kellhom rwol ewlieni u huma mistennija li jagħmlu hekk fil-futur. L-eliġibbiltà ġiet estiża biex tinkludi mikrointrapriżi żgħar u s-setturi ekonomiċi u l-impjegati kollha. Barra minn hekk, inħolqot skema (temporanja) separata għal ħaddiema għal rashom. Qabel il-kriżi il-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol komplew jitjiebu. Fl-2019, ir-rata ta’ impjieg laħqet l-64 %, l-ogħla rata qatt irreġistrata. Madankollu, din kienet għadha ferm taħt il-medja tal-Unjoni. Ir-rata tal-qgħad kienet persistentement għolja, kif ukoll indikaturi oħra ta’ staġnar fis-suq tax-xogħol, u hija mistennija li tiżdied aktar għal 11,8 % fl-2020 u tirkupra għal 10,7 % fl-2021, skont it-tbassir tal-Kummissjoni. Is-sehem ta’ kuntratti temporanji kien ukoll għoli, anki jekk sa minn nofs l-2018 il-ħolqien tal-impjiegi kien xprunat minn impjiegi permanenti. Għall-ġejjieni, sabiex jiġi promoss l-irkupru sostenibbli u inklużiv, l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta’ żgħażagħ u nisa inattivi hija kruċjali. Ittieħdu xi passi biex jissaħħu s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi u jiġu integrati aħjar mas-servizzi soċjali, mat-tagħlim għall-adulti u mat-taħriġ vokazzjonali. Madankollu, il-kapaċità ta’ kollokament tagħhom għadha dgħajfa u tvarja ħafna minn reġjun għal ieħor. L-involviment ta’ min iħaddem ukoll jibqa’ marġinali. Billi l-miżuri ta’ lockdown qed jitneħħew progressivament, arranġamenti ta’ xogħol flessibbli u telexogħol jistgħu jappoġġaw kumpaniji u ħaddiema. B’reazzjoni għall-kriżi, il-gvern adotta miżuri temporanji li għandhom l-għan li jirrikonċiljaw il-ħajja privata u dik tax-xogħol, bħat-trawwim ta’ xogħol intelliġenti u liv speċjali u li jipprovdi vawċers għal baby-sitting. Minkejja l-isforzi reċenti, il-miżuri biex jiġu promossi l-opportunitajiet indaqs u l-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, kif ukoll il-provvista ta’ servizzi affordabbli ta’ edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal u servizzi ta’ kura fit-tul, għadhom dgħajfa u ftit li xejn integrati.

(19)L-emerġenza attwali turi wkoll il-ħtieġa li jittejbu t-tagħlim u l-ħiliet diġitali, inkluż għall-adulti tal-età tax-xogħol u t-tagħlim mill-bogħod. L-investiment fl-edukazzjoni u fil-ħiliet huwa essenzjali biex jiġi promoss irkupru intelliġenti u inklużiv u jibqa’ jaħdem għaż-żamma tat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. F’dak ir-rigward, l-eżiti tal-edukazzjoni u tat-taħriġ ikomplu jirrappreżentaw sfida prinċipali għall-Italja. Hemm diskrepanzi kbar bejn ir-reġjuni fil-kisba ta’ ħiliet bażiċi u r-rata ta’ tluq bikri mill-iskola hija ferm ogħla mill-medja tal-Unjoni (13,5 % kontra 10,3 % fl-2019), b’mod partikolari għall-istudenti mhux imwielda fl-Unjoni (33 %). F’kuntest ta’ limitazzjonijiet għal mobilità, id-disparitajiet reġjonali u territorjali jirriskjaw li jiġu aggravati. F’dak id-dawl, huwa partikolarment importanti li jsir investiment fit-tagħlim mill-bogħod, kif ukoll fl-infrastruttura diġitali u fil-ħiliet tal-edukaturi u ta’ dawk li jitgħallmu. L-Italja għandha wkoll sehem aktar baxx ta’ gradwati fix-xjenza u l-inġinerija meta mqabbla mal-medja tal-Unjoni, u l-kisba terzjarja għadha baxxa ħafna (27,6 % fl-2019). Barra minn hekk, l-intrapriżi Taljani jinvestu inqas f’taħriġ dwar it-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għall-impjegati tagħhom, meta mqabbla ma’ pajjiżi pari. Ir-rata baxxa ta’ parteċipazzjoni ta’ adulti b’livell baxx ta’ kwalifiki fit-taħriġ hija wkoll kwistjoni ta’ tħassib, minħabba n-numru dejjem jonqos ta’ impjiegi li jeħtieġu kwalifiki baxxi. It-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid jibqgħu kruċjali bħal dejjem biex il-ħaddiema jingħataw il-ħiliet rilevanti fis-suq tax-xogħol u biex tiġi promossa tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija aktar diġitali u sostenibbli.

(20)Il-kriżi saħħet il-ħtieġa li jiġi appoġġat l-aċċess għal finanzjament għall-kumpaniji. L-Italja adottat diversi skemi biex tappoġġa l-fluss ta’ likwidità għal ditti, fosthom fil-Qafas Temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID-19 8 . L-implimentazzjoni effettiva ta’ tali skemi, inkluż permezz ta’ garanziji mgħoddija mis-sistema bankarja, hija kruċjali biex jiġi żgurat li d-ditti kollha, u b’mod partikolari l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) u dawk fl-aktar setturi u żoni ġeografiċi milquta kif ukoll ditti innovattivi, jibbenefikaw minnhom. Fil-proċess tat-tfassil u tal-implimentazzjoni ta’ dawk il-miżuri, jenħtieġ li titqies ir-reżiljenza tas-settur bankarju. Għotjiet diretti u inċentivi għal finanzjament ibbażat fuq is-suq jistgħu jappoġġaw ukoll il-likwidità ta’ SMEs u ditti innovattivi. Id-ditti innovattivi (ta’ spiss mingħajr kollateral) jkollhom aktar diffikultajiet biex jaċċessaw il-kreditu, u l-kriżi attwali tista’ taggrava s-sitwazzjoni. Id-differiment tat-taxxa u tal-kontribuzzjonijiet soċjali lill-Istat għen biex jitjiebu l-flussi tal-flus tad-ditti. Madankollu, jenħtieġ li jiġi evitat id-dewmien fil-pagamenti approvati, kemm jekk minn amministrazzjonijiet għal negozji kif ukoll minn negozju għal negozju, billi huma ta’ xkiel għal-likwidità tad-ditti kollha, b’mod partikolari ta’ dawk li huma iżgħar.

(21)Biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku, se jkun importanti li l-proġetti ta’ investiment pubbliku maturi jiġu ffinanzjati b’mod aktar qawwi fil-bidu, u li jiġi promoss l-investiment privat, inkluż permezz ta’ riformi rilevanti. L-investiment b’appoġġ għat-tranżizzjoni ekoloġika se jkun partikolarment importanti biex jappoġġa l-irkupru u jżid ir-reżiljenza futura. L-Italja hija vulnerabbli ħafna għal temp estrem u diżastri idroġeoloġiċi, fosthom n-nixfa u n-nirien. It-trasformazzjoni tal-Italja lejn ekonomija newtrali għall-klima se teħtieġ investiment privat u pubbliku kbir, fuq perjodu ta’ żmien sostnut, b’mod partikolari fil-produzzjoni l-ġdida tal-enerġija rinnovabbli, l-infrastruttura tal-elettriku, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, fost oħrajn. L-investimenti ekoloġiċi biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima huma stabbiliti fil-Pjan Nazzjonali dwar l-Enerġija u l-Klima tal-Italja. Dawn huma essenzjali biex tiġi indirizzata t-theddida rappreżentata mit-tibdil fil-klima, filwaqt li jkun hemm rwol fundamentali fl-irkupru tal-Italja u tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħha. L-investimenti ambjentali huma wkoll kruċjali biex jitnaqqas l-impatt fuq is-saħħa tal-bniedem mit-tniġġis tal-arja fl-ibliet Taljani, speċjalment fil-Baċir tal-Po. Pereżempju, l-implimentazzjoni ta’ inizjattivi ta’ mobilità sostenibbli bħat-tiġdid ta’ xarabanks pubbliċi lokali, tirrappreżenta eżempju biex jiġu indirizzati kemm il-konġestjoni kif ukoll it-tniġġis tal-arja. Id-defiċits infrastrutturali għall-immaniġġar tal-ilma u tal-iskart, b’mod partikolari fir-reġjuni tan-Nofsinhar, iwasslu għal impatti ambjentali u fuq is-saħħa b’kostijiet konsiderevoli u bi dħul mitluf mit-taxxa għall-ekonomija Taljana. B’mod aktar ġenerali, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima hija rilevanti għall-infrastruttura kollha, inkluża l-infrastruttura tas-saħħa. Dan jeħtieġ strateġiji ta’ adattament. L-indirizzar ta’ sfidi ambjentali u tat-tibdil fil-klima, bħalma huma r-riskji idroloġiċi, il-mobilità urbana sostenibbli, l-effiċjenza enerġetika, l-ekonomija ċirkolari u t-trasformazzjoni industrijali, jirrappreżentaw opportunità biex titjieb il-produttività filwaqt li jiġu evitati prattiki mhux sostenibbli. Fl-istess ħin, l-investiment fi proġetti bħal dawn jista’ jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi u jsostni l-irkupru ta’ wara l-kriżi. L-ipprogrammar tal-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta għall-perjodu 2021-2027 jista’ jgħin lil Italja tittratta xi wħud mill-isfidi li toffri t-tranżizzjoni lejn ekonomija li tkun newtrali fejn tidħol il-klima, b’mod partikolari fl-oqsma koperti mill-Anness D tar-rapport tal-pajjiż tal-2020 9 . Dan jippermetti lill-Italja tagħmel l-aħjar użu minn dak il-fond.

(22)Il-lockdown minħabba t-tifqigħat tal-COVID-19 enfasizza l-importanza tal-investiment fid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u wera r-rilevanza tal-infrastrutturi diġitali. Il-livelli baxxi ta’ intensità diġitali u l-għarfien diġitali ta’ ditti fl-Italja, speċjalment l-SMEs u l-mikrointrapriżi, żammewhom milli joffru arranġamenti ta’ kummerċ elettroniku u telexogħol u milli jipprovdu u jużaw għodod diġitali matul il-konfinament. L-investiment fid-diġitalizzazzjoni u fil-ħiliet permezz ta’ implimentazzjoni kontinwa u f’waqtha ta’ politiki nazzjonali mmirati huwa essenzjali biex jissaħħu l-mudelli tan-negozju elettroniku u biex il-kumpaniji jiġu megħjuna jadattaw, kif ukoll biex tingħata spinta lill-produttività u lill-kompetittività. L-aċċess għal infrastruttura diġitali rapida u affidabbli wera li huwa essenzjali biex jiġu żgurati servizzi essenzjali li huma pprovduti fil-Gvern, fl-edukazzjoni, fis-saħħa u fil-mediċina, u huwa kruċjali għall-monitoraġġ u għall-kontroll tal-epidemija. L-Italja għadha lura fil-kopertura tal-fibra sal-binja f’żoni rurali. Jenħtieġ li jiġu adottati miżuri speċjali biex tiġi indirizzata dik id-diskrepanza, kif ukoll biex titħeġġeġ aktar implimentazzjoni.

(23)Sistema ta’ riċerka u innovazzjoni effiċjenti hija r-riżultat ta’ appoġġ politiku kontinwu, koerenti u bbażat fuq l-evidenza, flimkien ma’ investimenti u kapital uman adegwat. Il-kriżi attwali wriet b’mod ċar li l-iskambju rapidu ta’ data bejn ir-riċerkaturi, inkluż l-aċċess għar-riżultati u għall-evidenza mingħajr ħlas għall-utent u x-Xjenza Miftuħa, jeħtieġ aktar tisħiħ. Dawn tal-aħħar, flimkien ma’ xjenza / kooperazzjoni fin-negozju huma b’mod ċar strumentali biex jiksbu riżultati ta’ riċerka, inklużi dawk meħtieġa dwar it-tilqim u t-terapiji, dwar is-suq, b’mod li jibnu fuq is-saħħa tal-Italja fis-settur industrijali u tar-riċerka medika.

(24)Amministrazzjoni pubblika effettiva hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-miżuri adottati biex tiġi indirizzata l-emerġenza u l-appoġġ għall-irkupru ekonomiku ma jiġux implementati bil-mod. L-iżborż ta’ benefiċċji soċjali, miżuri ta’ likwidità, u ta’ frontloading ta’ investimenti, eċċ. jista’ ma jkunx effettiv jekk ikun imfixkel minn ostakli fis-settur pubbliku. Id-dgħufijiet jinkludu proċeduri twal, fosthom dawk tal-ġustizzja ċivili, il-livell baxx ta’ diġitalizzazzjoni u l-kapaċità amministrattiva dgħajfa. Il-proċeduri u l-kontrolli jeħtieġ li jiġu indirizzati malajr, f’kuntest fejn ir-riżorsi pubbliċi qed jiżdiedu b’mod sinifikanti biex jappoġġaw l-attività ekonomika. Id-diġitalizzazzjoni fost l-amministrazzjonijiet pubbliċi kienet irregolari qabel il-kriżi. L-interazzjoni online bejn l-awtoritajiet u l-pubbliku ġenerali kienet baxxa. Is-sehem ta’ proċeduri amministrattivi mmaniġġati minn reġjuni u muniċipalitajiet li jistgħu jinbdew u jitlestew kompletament b’mod diġitali għadu baxx. Il-kriżi esponiet ukoll in-nuqqas ta’ interoperabbiltà tas-servizzi diġitali pubbliċi. Sabiex jiġi ffaċilitat ir-rispons tan-negozju tal-amministrazzjoni pubblika, jeħtieġ li jittejbu u jiġu ssimplifikati r-regolamenti settorjali, filwaqt li jenħtieġ li jitneħħew l-ostakli għall-kompetizzjoni. Fl-aħħar nett, sistema ġudizzjarja effettiva hija kruċjali għal ekonomija attraenti ta’ investiment u favorevoli għan-negozju u se tkun kruċjali fil-proċess ta’ rkupru, anki billi tippermetti oqfsa effettivi ta’ salvataġġ u rkupru.

(25)Filwaqt li r-rakkomandazzjonijiet attwali jiffukaw fuq l-indirizzar tal-impatti soċjoekonomiċi tal-pandemija u fuq l-iffaċilitar tal-irkupru ekonomiku, ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż tal-2019 adottati mill-Kunsill fit-9 ta’ Lulju 2019 koprew ukoll riformi li huma essenzjali biex jiġu ttratati l-isfidi strutturali fuq perjodu medju sa dak twil. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet jibqgħu pertinenti u se jkomplu jiġu mmonitorjati matul iċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew tas-sena d-dieħla. Dan japplika wkoll għal rakkomandazzjonijiet rigward politiki ekonomiċi relatati mal-investiment. Dawn ir-rakkomandazzjonijiet tal-aħħar għandhom jitqiesu għall-ipprogrammar strateġiku tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni ta’ wara l-2020, inkluż għal miżuri ta’ mitigazzjoni u l-istrateġiji ta’ ħruġ fir-rigward tal-kriżi attwali.

(26)Il-miżuri adottati mill-gvern Taljan biex jappoġġaw lill-unitajiet domestiċi u lill-korporazzjonijiet huma wkoll ta’ benefiċċju għall-ippreservar tal-kapitalizzazzjoni tas-settur bankarju u tar-reżiljenza fl-ambjent operattiv diffiċli attwali. Minkejja l-miżuri ta’ mitigazzjoni adottati inkluża l-flessibbiltà prudenzjali mogħtija minn superviżuri bankarji, it-tifqigħa tal-COVID-19 qed tħabbat ukoll il-kwalità tal-assi tal-banek madwar l-Unjoni, u hija mistennija tkompli tagħmel dan fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, inkluż fl-Italja. B’riżultat ta’ dan, l-isforzi għat-tnaqqis tas-self improduttiv (NPL, non-performing loan) qed iħallu impatt, minħabba wkoll it-tnaqqis fl-attività tal-qorti u fl-attivitajiet ta’ ristrutturazzjoni tal-assi indeboliti. F’dak ir-rigward, it-trawwim ta’ soluzzjonijiet sostenibbli għall-mutwatarji vijabbli milquta mill-kriżi, inkluż billi jiġu evitati automatizzati legali, huwa prerekwiżit importanti għas-salvagwardja tal-kwalità tal-assi. Sadanittant, l-iżgurar ta’ rapportar preċiż ta’ deterjorament tal-kwalità tal-assi u standards ta’ kreditu prudenti jista’ jgħin biex jiġi appoġġat il-funzjonament tas-suq sekondarju għall-NPL u jillimita l-effetti negattivi fuq inizjattivi eżistenti ta’ disponiment tal-NPL.

(27)Il-prevenzjoni u s-sanzjoni effikaċi tal-korruzzjoni jistgħu jaqdu rwol importanti biex jiġi żgurat l-irkupru tal-Italja wara l-kriżi. It-trasparenza fis-settur pubbliku u l-kontrolli msaħħa kontra l-korruzzjoni, b’mod partikolari, jistgħu jevitaw tentattivi mill-kriminalità organizzata li jinfiltraw il-ħajja ekonomika u dik finanzjarja, li jgħawġu l-proċeduri ta’ akkwist pubbliku u, b’mod usa’, li jiddevjaw ir-riżorsi pubbliċi meħtieġa għall-investiment. Fl-istess ħin, jenħtieġ li l-proċeduri tal-akkwist pubbliku jibqgħu effiċjenti, filwaqt li jiġi bbilanċjat il-bżonn ta’ monitoraġġ skrupluż bil-ħtieġa tat-tempestività. Iż-żmien għat-tlestija fi qrati tal-appell kriminali għadu jqajjem tħassib, iżda riformi komprensivi biex jiġu ssimplifikati l-proċeduri kriminali qed jiġu diskussi fil-Parlament. Il-qafas ta’ kontra l-korruzzjoni fl-Italja ġie msaħħaħ reċentement iżda jeħtieġ li jitlesta, anki permezz ta’ sanzjonijiet kontra uffiċjali pubbliċi eletti f’każ ta’ kunflitti ta’ interess.

(28)Is-Semestru Ewropew jipprovdi l-qafas għal koordinazzjoni kontinwa tal-politika ekonomika u tal-impjiegi fl-Unjoni, li jista’ jkun ta’ kontribut għal ekonomija sostenibbli. . Billi tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet ta’ hawn taħt, l-Italja tikkontribwixxi għall-progress fl-SDG u għall-isforz komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà kompetittiva fl-Unjoni.

(29)Il-koordinazzjoni mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja hija kruċjali biex jinkiseb irkupru rapidu mill-impatt ekonomiku tal-COVID-19. Jenħtieġ li l-Italja, bħala Stat Membru li l-munita tagħha hija l-euro – u b’kunsiderazzjoni tal-gwida politika mill-Grupp tal-Euro – tiżgura li l-politiki tagħha jibqgħu konsistenti mar-rakkomandazzjonijiet taż-Żona tal-Euro u kkoordinati ma’ dawk tal-Istati Membri l-oħra taż-Żona tal-Euro.

(30)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2020, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Italja u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2020. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Italja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Italja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(31)Fid-dawl ta’ dik il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 u l-opinjoni 10 tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni (1) hawn taħt.

(32)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-[Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 u] l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020. Ir-rakkomandazzjonijiet preżenti jqisu l-ħtiġijiet li tiġi indirizzata l-pandemija u jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku bħala l-ewwel pass meħtieġ biex ikun jista’ jsir aġġustament tal-iżbilanċi. Ir-rakkomandazzjonijiet li jindirizzaw direttament l-iżbilanċi makroekonomiċi identifikati mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet (1), (2), (3) u (4),

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Italja tieħu azzjoni fl-2020 u fl-2021 biex:

1.F’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tindirizza b’mod effettiv il-pandemija, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru sussegwenti. Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, isssegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq perjodu medju u tiżgura s-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment. Issaħħaħ ir-reżiljenza u l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa, fl-oqsma tal-ħaddiema tas-saħħa, il-prodotti mediċi kritiċi u l-infrastruttura. Issaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali.

2.Tipprovdi sostituzzjoni ta’ dħul adegwat u aċċess għal protezzjoni soċjali, b’mod partikolari għal ħaddiema atipiċi. Tnaqqas l-impatt tal-kriżi fuq l-impjiegi, inkluż permezz ta’ arranġamenti flessibbli tax-xogħol u appoġġ attiv għall-impjieg. Isaħħaħ it-tagħlim u l-ħiliet mill-bogħod, inklużi dawk diġitali.

3.Tiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta’ miżuri li jipprovdu likwidità lill-ekonomija reali, inkluż lill-intrapriżi żgħar u medji, lil ditti innovattivi u lil ħaddiem għal rashom, u li tevita ħlasijiet tard. Tiffinanzja fil-bidu tal-perjodu tagħhom proġetti maturi ta’ investiment pubbliku u tippromwovi l-investiment privat biex jitrawwem l-irkupru ekonomiku. Tiffoka fuq l-investiment għat-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali, b’mod partikolari għall-produzzjoni nadifa u effiċjenti u l-użu tal-enerġija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, it-trasport pubbliku sostenibbli, il-ġestjoni tal-iskart u tal-ilma kif ukoll l-infrastruttura diġitali msaħħa biex jiġi żgurat il-forniment ta’ servizzi essenzjali.

4.Ittejjeb l-effiċjenza tas-sistema ġudizzjarja u l-effettività tal-amministrazzjoni pubblika.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    SWD(2020) 511 final.
(4)    ĠU C 301, 5.9.2019, p. 117.
(5)    COM(2020) 112 final.
(6)    COM(2020) 123 final.
(7)

   Ir-Regolament (UE) 2020/460 tal-Parlament Ewopew u tal Kunsill tat-30 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 508/2014 fir-rigward ta’ miżuri speċifiċi biex jiġu mmobilizzati investimenti fis-sistemi tal-kura tas-saħħa tal-Istati Membri u f’setturi oħra tal-ekonomiji tagħhom b’reazzjoni għat-tifqigħa COVID‐19 (Inizjattiva ta’ Investiment b’Reazzjoni għall-Coronavirus) (ĠU L 99, 31.3.2020, p. 5) u r-Regolament (UE) 2020/558 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2020 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1301/2013 u (UE) Nru 1303/2013 rigward miżuri speċifiċi biex tingħata flessibbiltà eċċezzjonali għall-użu tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej b’reazzjoni għat-tifqigħa ta’ COVID-19 (ĠU L 130, 24.4.2020, p. 1).

(8)    ĠU C 91I, 20.3.2020, p. 1-9.
(9)    SWD(2020) 511 final.
(10)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.
Top