EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0456

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss

COM/2020/456 final

Brussell, 27.5.2020

COM(2020) 456 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI EMPTY

Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss

{SWD(2020) 98 final}


 Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss

1.Introduzzjoni

Il-coronavirus heżżeż l-Ewropa u d-dinja sal-qalba tagħhom, ittestja s-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-benesseri tagħna, is-soċjetajiet u l-ekonomiji tagħna u l-mod kif ngħixu u naħdmu flimkien. Nies tilfu l-għeżież tagħhom u l-impjiegi tagħhom, filwaqt li pjanijiet u l-ġejjieni ma għadhomx fiċ-ċert. L-Ewropa kienet iffaċċjata minn sfida għas-saħħa pubblika li malajr saret l-aktar kriżi ekonomika drastika fl-istorja tagħha. U diġà qed naraw l-effett profond li l-virus se jħalli fuq ir-relazzjonijiet tagħna u l-politika u l-ġeopolitika tagħna. Madankollu, fi żminijiet diffiċli ta’ spiss tinħoloq opportunità. Issa huwa ż-żmien biex l-Unjoni Ewropea tagħna terġa’ tqum fuq saqajha u nimxu 'l quddiem flimkien biex insewwu l-ħsara li ħalliet il-kriżi u nħejju ġejjieni aħjar għall-ġenerazzjoni ta’ warajna.

Huwa fl-interess komuni tagħna li nappoġġaw lil dawk l-aktar milquta, insaħħu s-Suq Uniku tagħna u ninvestu fil-prijoritajiet Ewropej kondiviżi tagħna. Fl-Unjoni tagħna, euro investit f’pajjiż wieħed huwa euro investit għal kulħadd. Irkupru kollettiv u koeżiv li jaċċellera t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali biss isaħħaħ il-kompetittività, ir-reżiljenza u l-pożizzjoni tal-Ewropa bħala attur globali. Din hija r-raġuni għaliex is-solidarjetà, il-koeżjoni u l-konverġenza jridu jixprunaw l-irkupru tal-Ewropa. L-ebda persuna, l-ebda reġjun, l-ebda Stat Membru ma għandu jitħalla barra.

Sa minn meta bdiet il-pandemija, l-UE u l-Istati Membri tagħha ħadu miżuri bla preċedent biex jipproteġu l-ħajjiet u l-għajxien. L-UE appoġġat l-isforzi nazzjonali biex tiġi indirizzata l-kriżi tas-saħħa u jittaffa l-impatt ekonomiku. Illiberat kull euro disponibbli fil-baġit tiegħu biex tiġġieled il-virus. Hija użat il-flessibbiltà sħiħa fir-regoli baġitarji u tal-għajnuna mill-Istat u pproponiet li toħloq SURE, strument ġdid biex jgħin lin-nies jibqgħu jaħdmu.

Dan kien parti minn pakkett tal-ewwel rispons li jista’ jipprovdi b’mod immedjat aktar minn nofs triljun euro f’appoġġ għall-ħaddiema, għan-negozji żgħar u għall-ekonomiji tal-Istati Membri. Flimkien mal-miżuri meħuda mill-Bank Ċentrali Ewropew, ir-rispons tal-UE sa issa jagħti lill-Istati Membri saħħa mingħajr preċedent biex jgħinu lil dawk li l-aktar għandhom bżonn. Dawn kienu miżuri xierqa li ttieħdu fiż-żmien opportun iżda nafu li dan lanqas biss se jkun biżżejjed biex jagħti l-ewwel spinta lill-ekonomiji tagħna.

Biex l-ekonomija terġa’ tibda tiċċaqlaq, l-ewwel trid terġa’ tinbena l-fiduċja. In-nies irid ikollha fiduċja fil-postijiet li jaħdmu, jixtru u jissoċjalizzaw fihom. Jeħtieġ li jkollhom ċertezza u serħan il-moħħ f’dak li għandu x’jaqsam mal-għajxien tagħhom u mal-futur tagħhom. Kwalunkwe rkupru se jiddependi fuq il-kapaċità tagħna li nneħħu l-miżuri ta' konteniment gradwalment u b’mod sostenibbli, fuq il-kapaċità tagħna li ngħixu mal-virus u fuq li jkollna fehim ċar tas-sitwazzjoni madwar l-Ewropa kollha.

Din il-kriżi hija differenti minn kwalunkwe oħra li qatt kellna quddiemna. Hija ta’ natura fixkiela u qed tevolvi fin-natura. U ħafna mill-effetti u mill-elementi tagħha se jkomplu jaffettwawna b’modi mhux mistennija jew mhux previsti. Dak li nafu huwa li l-azzjoni meħtieġa meħuda mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiġu evitati mijiet ta’ eluf ta’ mwiet għandha prezz. L-Ewropa kollha ġiet affettwata u l-għeluq ekonomiku jfisser li l-impjiegi, id-dħul u kumpaniji sodi tpoġġew f’riskju b’modi li ma rajniex fil-kriżijiet ta’ qabel.

Filwaqt li l-virus huwa l-istess fl-Istati Membri kollha, l-impatt u l-potenzjal għall-irkupru jidhru li huma differenti ħafna. Il-pajjiżi u r-reġjuni b’ekonomiji li jiddependu fuq is-servizzi b’kuntatt dirett mal-klijenti, l-esportazzjonijiet jew għadd kbir ta’ negozji żgħar se jintlaqtu ħafna agħar minn ħadd ieħor. U filwaqt li kull Stat Membru appoġġa kemm jista’ jkun lill-ħaddiema u lill-kumpaniji tiegħu, mhux kulħadd jista’ jagħmel dan bl-istess mod. Dan joħloq ir-riskju ta’ rkupru żbilanċjat, kundizzjonijiet mhux ekwi u t-twessigħ tad-disparitajiet. U juri l-ħtieġa u l-valur ta’ rispons Ewropew.

L-għażliet li nagħmlu llum se jiddefinixxu l-futur ta’ għada għall-ġenerazzjoni li jmiss. L-investiment enormi meħtieġ biex jingħata spinta lill-ekonomiji tagħna jrid itaffi l-piż minn fuq daharhom u mhux iżidu. Din hija r-raġuni għaliex il-pjan ta’ rkupru tal-UE għandu jiggwida u jibni Ewropa aktar sostenibbli, reżiljenti u aktar ġusta għall-ġenerazzjoni li jmiss.

L-isfidi ġenerazzjonali tagħna - it-transizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali - issa saru aktar importanti minn qabel bdiet il-kriżi. Permezz tal-irkupru, se ngħaġġlu ’l quddiem bit-tranżizzjoni ekoloġika u b’dik diġitali. Se nsaħħu l-awtonomija strateġika tagħna filwaqt li nippreżervaw il-benefiċċji ta’ ekonomija miftuħa. Se nappoġġaw lis-sħab tagħna madwar id-dinja u se jkunu l-mexxejja ta’ forma mġedda u msaħħa ta’ multilateraliżmu li hemm bżonn fid-dinja.

Biex tilqa’ l-isfida straordinarja u biex tipprepara futur aħjar, il-Kummissjoni llum qed tipproponi strument ta’ rkupru ġdid, imsejjaħ NextGenerationEU, f'baġit fit-tul tal-UE msaħħaħ. B’kollox il-Pjan ta’ Rkupru Ewropew se jqiegħed EUR 1,85 triljun 1 biex jgħin tingħata spinta lill-ekonomija tagħna u biex jiżgura li l-Ewropa tieħu skoss 'il quddiem.

L-irkupru x’aktarx li se jkun twil, iżda l-ħtiġijiet huma immedjati. Ftehim rapidu dwar dawn il-proposti se jkun dikjarazzjoni b’saħħitha ta’ unità, solidarjetà u sens ta’ direzzjoni komuni Ewropej. L-irkupru tal-Ewropa se jkun l-isforz ta’ tim, minn kull wieħed u waħda minna bħala individwi, sħab soċjali, soċjetà ċivili, negozju, reġjuni, pajjiżi u istituzzjonijiet. Dan huwa l-mument tal-Ewropa u dan huwa l-waqt li jinħatfu flimkien. 

2.L-anotomija tal-kriżi ekonomika

Biex nifhmu dak li teħtieġ tagħmel l-Ewropa biex tirkupra, l-ewwel irid ikollna stampa ċara ta’ dak li qed niffaċċjaw. Kull previżjoni jew konklużjoni definittiva f’dan l-istadju tal-kriżi inevitabbilment tkun miżgħuda bl-inċertezza. Madankollu, diġà huwa ċar li l-perspettiva ekonomika hija mimlija riskji u li r-riċessjoni fl-Ewropa tista’ tkun profonda, dannuża u fit-tul jekk ma niħdux azzjoni deċiżiva issa.

Ir-restrizzjonijiet imposti biex jitrażżan it-tixrid tal-virus naqqas ir-ritmu tal-ħajja ekonomika - f’xi każijiet kważi waqfu ħesrem. Il-ktajjen tal-provvista u l-linji tal-produzzjoni ġew imfixkla u l-kummerċ fil-prodotti u s-servizzi ġie interrott. L-infiq domestiku u l-investiment privat waqgħu fl-inqas livelli storiċi. L-ekonomija tal-Ewropa u l-biċċa l-kbira mill-ekosistemi industrijali tagħha kellhom joperaw fi frazzjoni tal-kapaċità tagħhom.

Flimkien, dawn il-fatturi mistennija jwasslu għal tnaqqis qawwi fl-ekonomija tal-UE. Iċ-ċifri huma ċari u l-kobor tal-ħsara huwa bla preċedent. L-istimi jissuġġerixxu li l-Prodott Domestiku Gross tal-UE (PDG) naqas b’madwar 15 % fit-tieni kwart tal-2020 meta mqabbel mal-istess żmien tas-sena l-oħra. B’mod ġenerali, l-ekonomija tal-UE mistennija tonqos b’aktar minn 7 % fl-2020. Madankollu, ix-xenarju agħar possibbli ta’ tieni mewġa u ta’ miżuri ta' lockdown estiżi jista’ jwassal għal tnaqqis ta’ sa 16 % fil-PDG din is-sena.

Filwaqt li l-ekonomija hija mistennija li tirritorna għat-tkabbir fl-2021, l-irkupru inizjali se jkun parzjali u l-impatt se jinħass sew min-nies u min-negozji. Ħafna nies x’aktarx se jonqsilhom id-dħul tagħhom u l-impjiegi tagħhom se jkunu f’riskju. Il-qgħad huwa mistenni li jiżdied għal 9 % fl-UE u se jolqot b’mod sproporzjonat liż-żgħażagħ u lil dawk b’ħiliet baxxi, b’xogħol temporanju u li jgħixu f’unitajiet domestiċi aktar foqra. Il-faqar u l-inugwaljanzi x’aktarx li se jiżdiedu, li juri l-importanza ta’ rkupru soċjali u inklużiv. Il-likwidità u l-aċċess għall-finanzi se jkunu sfida kontinwa għall-kumpaniji, u b’mod partikolari għan-negozji ż-żgħar. Se jkun meħtieġ li r-riskju tal-insolvenzi jiġi mitigat biex jiġu evitati effetti sekondarji agħar.

L-impatt ekonomiku tal-kriżi se jvarja ħafna bejn il-partijiet differenti tal-ekonomija. In-negozji li jipprovdu servizzi b’kuntatt mal-klijenti jew li jiddependu fuq postijiet tax-xogħol u żoni ta’ klijenti ffullati huma l-aktar affettwati. L-ewwel stimi tal-Kummissjoni juru li t-turiżmu, l-ekonomija soċjali u l-ekosistemi kreattivi u kulturali jistgħu jaraw tnaqqis ta’ aktar minn 70 % fil-fatturat fit-tieni kwart tal-2020. Is-settur tat-tessuti, tat-trasport, tal-industriji intensivi fl-enerġija u s-settur tal-enerġija rinnovabbli se jintlaqtu wkoll b’mod qawwi. L-ekosistemi b’kunfidenza ogħla tal-konsumatur, bħall-manifattura, il-bejgħ bl-imnut jew is-saħħa x’aktarx li jirkupraw aktar malajr, filwaqt li oħrajn jistgħu jaffaċċjaw problemi ekonomiċi fit-tul.

L-impatt u l-potenzjal tal-irkupru jiddependu wkoll fuq l-istruttura ekonomika jew demografika ta’ kull pajjiż, pereżempju b’dawk li għandhom għadd kbir ta’ intrapriżi żgħar u medji (SMEs) jintlaqtu agħar. Jiddependi wkoll fuq l-abbiltà u l-kapaċità tagħhom li jassorbu u jirreaġixxu għax-xokk, b’mod partikolari b’għajnuna mill-Istat. Dan għandu impatt konsiderevoli fuq is-Suq Uniku u jwessa’ d-diverġenzi u d-disparitajiet bejn l-Istati Membri. Dan huwa rifless mill-fatt li r-reċessjoni se tkun qrib l-10 % f’xi pajjiżi, meta mqabbla ma’ medja ta’ bejn 6-7,5 % fi bnadi oħra.

Din l-istampa, li hija ppreżentata f’aktar dettall fil-valutazzjoni tal-ħtiġijiet ma’ din il-Komunikazzjoni 2 , turi l-ħtieġa għal investiment u finanzjament enormi. F’dan l-istadju tal-kriżi huwa ferm diffiċli li tingħata ċifra definittiva tal-ħtiġijiet ta’ investiment. Madankollu, il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet tistma li se jkun meħtieġ EUR 1,5 triljun ta’ investiment pubbliku u privat addizzjonali fl-2021 u fl-2022 biex l-Ewropa taqbad it-triq tal-irkupru sostenibbli.

3.investiment fil-ġenerazzjoni li jmiss

Il-valutazzjoni tal-ħtiġijiet turi l-ħtieġa għal investiment massiv fuq skala u b’veloċità, inkluż investiment sostanzjali pubbliku u privat fil-livelli nazzjonali. Jekk jitħalla f’idejn il-pajjiżi individwali biss, l-irkupru x’aktarx ikun irregolari, mhux ugwali u inġust. Dan huwa riskju reali ħafna f’partijiet oħra tad-dinja. Iżda fl-Unjoni tagħna fejn in-nies, in-negozji u l-ekonomiji jiddependu minn xulxin, l-Ewropa tinsab f’pożizzjoni unika biex tkun tista’ tinvesti f’irkupru sostenibbli u fil-futur. Dan l-investiment se jkun ġid komuni għall-ġejjieni kodiviż tagħna u se juri l-valur veru u tanġibbli li wieħed ikun parti mill-Unjoni.

Imfassal għall-koeżjoni, il-konverġenza u s-solidarjetà, il-baġit tal-UE huwa strument lest. Jaħdem sew, trasparenti u fdat minn kulħadd. Magħmul biex jinvesti fi programmi u prijoritajiet miftehma b’mod komuni u jiżgura li dawk li jeħtieġu aktar appoġġ jiksbu l-investiment li jeħtieġu biex ilaħħqu.

Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni llum qed tipproponi strument ta’ rkupru ġdid ta’ EUR 750 biljun, NextGenerationEU, inkorporat f’baġit tal-UE potenti, modern u fit-tul. Din hija proposta storika u ta’ darba li tirrifletti l-iskala u d-daqs tal-isfida li qed inħabbtu wiċċna magħha. It-tqassim sħiħ ta’ kif dan se jaħdem huwa stabbilit fil-Komunikazzjoni ta’ akkumpanjament 3 , kif ukoll fit-testi legali adottati llum. Il-karatteristiċi prinċipali huma dawn:

Kif se jinġabru l-flus

Il-flus għal NextGenerationEU se jinġabru billi temporanjament il-limitu massimu tar-riżorsi proprji jogħla għal 2 % tal-Introjtu Nazzjonali Gross tal-UE. Dan se jippermetti lill-Kummissjoni tuża l-klassifikazzjoni tal-kreditu b’saħħitha ħafna tagħha biex tissellef EUR 750 biljun mis-swieq finanzjarji għal NextGenerationEU.

Il-fondi miġbura se jkollhom jitħallsu lura permezz tal-baġits futuri tal-UE - mhux qabel l-2028 u mhux wara l-2058. Biex tgħin ħalli dan isir b’mod ġust u kondiviż, il-Kummissjoni se tipproponi għadd ta’ riżorsi proprji ġodda. Dawn jistgħu jinkludu riżorsa proprja ġdida bbażata fuq l-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet, Mekkaniżmu ta' Aġġustament tal-Karbonju fil-Fruntiera u riżorsa proprja bbażata fuq l-operat tal-kumpaniji l-kbar. Din tista’ tinkludi wkoll taxxa diġitali ġdida, li tibni fuq il-ħidma mwettqa mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (Organisation for Economic Co-operation and Development, OECD). Il-Kummissjoni tappoġġa attivament id-diskussjonijiet immexxija mill-OECD u l-G20 u tinsab lesta biex taġixxi jekk ma jintlaħaq l-ebda ftehim dinji. Dawn se jkunu apparti l-proposti tal-Kummissjoni għal riżorsi proprji bbażati fuq Taxxa fuq il-Valur Miżjud simplifikata u fuq il-plastiks mhux riċiklati.

Minbarra NextGenerationEU, il-Kummissjoni qed tipproponi baġit tal-UE msaħħaħ, li jammonta għal EUR 1 100 biljun bejn l-2021-2027.

L-investiment tal-flus

Il-flus kollha li jinġabru permezz ta’ NextGenerationEU u tal-baġit il-ġdid tal-UE se jgħaddu minn programmi tal-UE. Dan ifisser li kull euro ta’ investiment se jkun disponibbli biex l-Ewropa tirpilja, biex jitħaffu t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u tinbena soċjetà aktar ġusta u aktar reżiljenti. Dan ifisser ukoll li hemm trasparenza sħiħa u akkontabbiltàdemokratika għall-Parlament Ewropew u l-Kunsill Il-flus minn NextGenerationEU se jiġu investiti fi tliet pilastri, permezz ta’ EUR 500 biljun f’għotjiet u EUR 250 biljun f’self lill-Istati Membri.

L-ewwel pilastru huwa appoġġ lill-Istati Membri biex jinvestu u jwettqu riformi biex jindirizzaw il-kriżi:

üFaċilità ġdida għall-Irkupru u r-Reżiljenza b’baġit ta’ EUR 560 biljun — distribwita f’għotjiet u self. Din se tappoġġa lill-Istati Membri jimplimentaw l-investimenti u r-riformi li huma essenzjali għall-irkupru sostenibbli. L-Istati Membri se jfasslu l-pjanijiet ta’ rkupru nazzjonali mfassla apposta tagħhom stess, fuq il-bażi tal-prijoritajiet ta’ investiment u riforma identifikati bħala parti mis-Semestru Ewropew, f’konformità mal-Pjanijiet Nazzjonali tal-Klima u l-Enerġija, Pjanijiet ta’ Tranżizzjoni Ġusta u Ftehimiet ta’ Sħubija u Programmi Operattivi permezz tal-fondi tal-UE.

üInizjattiva ġdida, REACE-UE, se tipprovdi żieda għall-appoġġ ta’ koeżjoni lill-Istati Membri, b’baġit ta’ EUR 55 biljun . Din se tkun disponibbli mill-2020 u se titqassam skont koeffiċjent ta’ allokazzjoni ġdid li jqis l-impatt tal-kriżi. Dan se jiżgura li ma jkunx hemm interruzzjoni fil-finanzjament għal miżuri ewlenin ta’ tiswija ta’ kriżijiet u appoġġ lill-persuni l-aktar fil-bżonn. Se tappoġġa l-ħaddiema u l-SMEs, is-sistemi tas-saħħa u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali u se tkun disponibbli għas-setturi kollha, mit-turiżmu sal-kultura.

üBiex tappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika, il-Kummissjoni qed tipproponi li tipprovdi finanzjament addizzjonali għall-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Il-programmi tal-politika ta’ koeżjoni se jissaħħu wkoll fil-perjodu tal-baġit tal-UE li jmiss, anki biex ikun hemm aktar flessibbiltà.

It-tieni pilastru se jkun biex jagħti l-ispinta tal-bidu lill-ekonomija tal-UE billi jinċentiva l-investiment privati.

üStrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza ġdid se jimmobilizza riżorsi privati biex jipprovdi appoġġ urġenti lil kumpaniji li huma altrimenti b’saħħithom. L-investiment se jiġi gwidat lejn kumpaniji fis-setturi, fir-reġjuni u fil-pajjiżi l-aktar affettwati. Dan se jgħin biex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi għal dawk l-Istati Membri li huma inqas kapaċi joffru sostenn permezz tal-għajnuna mill-Istat. Dan l-istrument jista’ jibda jaħdem mill-2020 u se jkollu baġit ta’ EUR 31 biljun, bil-għan li jimmobilizza aktar minn EUR 300 biljun f’appoġġ għas-solvenza. Se jiġu żviluppati linji gwida biex jgħinu lill-investimenti jiġu allinjati mal-prijoritajiet tal-UE.

üIl-Kummissjoni qed tipproponi li ttejjeb InvestEU, il-programm ta’ investiment ewlieni tal-UE, billi aktar milli tirdoppja l-kapaċità tiegħu.

üMinbarra dan ta’ hawn fuq, se tinħoloq Faċilità ta’ Investiment Strateġiku, f'InvestEU. Din se tkun tista’ tisfrutta EUR 150 biljun ta’ investiment bis-saħħa tal-EUR 15-il biljun li se jitpoġġew fiha minn NextGenerationEU. Din se tinvesti fit-tisħiħ tal-awtonomija strateġika u r-reżiljenza tagħna fit-teknoloġiji ewlenin u l-katini ta’ valur kollha.

It-tielet pilastru huwa dwar li nisiltu l-lezzjonijiet tal-kriżi:

üIl-Kummissjoni qed tipproponi li jinħoloq Programm tas-Saħħa EU4Health indipendenti ġdid, b’baġit ta’ EUR 9,4 biljun. Dan se jinvesti fil-prevenzjoni, fit-tħejjija għall-kriżijiet, fl-akkwist ta’ mediċini u tagħmir vitali, kif ukoll biex jitjiebu r-riżultati fit-tul fejn tidħol is-saħħa. Għadd ta’ programmi ewlenin oħra se jissaħħu sabiex jinsiltu l-lezzjonijiet mill-kriżi, b’mod partikolari r-rescEU u Orizzont Ewropa.

üBiex jiġu appoġġati aħjar is-sħab dinjija tagħna, se jissaħħu kemm l-Istrument ta' Viċinat, ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta' Kooperazzjoni Internazzjonali kif ukoll l-Istrument għall-Għajnuna Umanitarja.

Minbarra t-tliet pilastri tal-infiq permezz tal-Istrument ta’ Rkupru, il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll li ssaħħaħ għadd ta’ programmi oħra fil-baġit tal-UE, meta mqabbla ma’ dak li kien ġie diskuss mill-Kunsill Ewropew fi Frar. Dawn jinkludu l-Politika Agrikola Komuni, il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, il-Programm għas-Suq Uniku, u l-programmi li jappoġġaw il-kooperazzjoni dwar it-taxxa u d-dwana, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, Erasmus+, il-Programm Ewropa Diġitali, il-Fond għas-Sigurtà Interna, il-Fond Ewropew għad-Difiża, il-Fond għall-Migrazzjoni u l-Ażil, il-Fond għall-Ġestjoni Integrata tal-Fruntieri u l-assistenza ta’ qabel l-adeżjoni.

4.tiswija u tħejjija tal-ġenerazzjoni li jmiss: il-prinċipji fundamentali tal-politika

Din il-kriżi li ħolqot ħafna tfixkil u tibdiliet hija l-ewwel u qabel kollox traġedja umana. Lil hinn mill-isforzi kontinwi biex tiġi indirizzata d-dimensjoni tas-saħħa, l-UE trid tagħti prijorità lid-dimensjoni soċjali, b’mod partikolari billi timplimenta l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. Irridu ninvestu fil-protezzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi u nrawmu s-sostenibbiltà kompetittiva tagħna billi nibnu Ewropa aktar ġusta, aktar ekoloġika u aktar diġitali. Irridu nsewwu l-ħsara mill-kriżi fi żmien qasir b’mod li jinvesti wkoll fil-futur fit-tul tagħna. Biex dan jinkiseb, l-UE issa trid turi ċ-ċarezza fl-għanijiet tagħha u ċ-ċertezza tad-direzzjoni permezz tal-politiki tagħha.

4.1.Il-Patt Ekoloġiku Ewropew: l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija tal-Ewropa għat-tkabbir. Biex niżguraw li nużawha fil-potenzjal kollu tagħha, huwa essenzjali li NextGenerationEU jmexxi s-sostenibbiltà kompetittiva tagħna. Jenħtieġ li l-investimenti pubbliċi fl-irkupru jirrispettaw il-ġurament ekoloġiku li “ma jagħmlu l-ebda ħsara”. Jenħtieġ li l-prijoritajiet identifikati fis-Semestru Ewropew, fil-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima (National Energy and Climate Change Plans, ECPs) u l-Pjanijiet ta’ Tranżizzjoni Ġusta jiggwidaw dan l-investiment. Il-linji gwida għall-investiment għall-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza l-ġdid se jirriflettu wkoll il-ħtieġa li jiġu prijoritizzati l-investimenti ekoloġiċi. Dan se jkun appoġġat minn 25 % tal-baġit tal-UE li jintefaq fuq investimenti klimatiċi u finanzjament addizzjonali għal Orizzont Ewropa, li jirrifletti r-rwol kruċjali tar-riċerka u l-innovazzjoni biex titmexxa l-bidla lejn ekonomija nadifa, ċirkolari, kompetittiva u newtrali għall-klima.

Iċ-ċertezza u l-prevedibbiltà fit-tul huma essenzjali biex l-investiment privat meħtieġ jiżblokka ruħu. Dan jaċċentwa l-importanza tal-Liġi dwar il-Klima u l-proposti li ġejjin għal miri aktar ambizzjużi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet għall-2030. It-tassonomija ta’ finanzi sostenibbli tal-UE se tiggwida l-investiment fl-irkupru tal-Ewropa biex tiżgura li jkunu konformi mal-ambizzjonijiet fit-tul tagħna. Din se tkun appoġġata permezz ta’ Strateġija Mġedda dwar il-Finanzjament Sostenibbli aktar tard din is-sena. Sabiex jiġi żgurat li l-interessi ambjentali u soċjali jkunu kompletament inkorporati fl-istrateġiji tan-negozju, il-Kummissjoni se tippreżenta inizjattiva ġdida fl-2021 dwar il-governanza korporattiva sostenibbli.

Jenħtieġ li dan l-investiment jgħin biex il-Patt Ekoloġiku Ewropew isir magna li toħloq l-impjiegi. L-ilħuq tal-miri eżistenti tal-2030 dwar il-klima u l-enerġija jista’ jżid 1 % tal-PDG u joħloq kważi miljun impjieg ekoloġiku ġdid. L-investiment f’ekonomija aktar ċirkolari għandu l-potenzjal li joħloq ta’ mill-inqas 700 000 impjieg ġdid sal-2030 fl-Ewropa u tgħin lill-UE tnaqqas id-dipendenza fuq fornituri esterni u żżid ir-reżiljenza tagħha għal problemi ta’ provvista dinjija.

Barra milli jipprovdi ċertezza fit-tul, l-irkupru ekoloġiku jrid jgħin ukoll biex tingħata spinta lill-ekonomija tal-Ewropa u fil-livell lokali malajr. Il-Mewġa ta’ Rinnovazzjoni li ġejja se tiffoka fuq il-ħolqien ta’ impjiegi fil-kostruzzjoni, ir-rinnovazzjoni u industriji oħrajn li jirrikjedu ħafna ħaddiema. Permezz ta’ appoġġ regolatorju u finanzjarju, bħal sezzjoni tal-infrastruttura sostenibbli b’daqs irduppjat fl-InvestEU, l-għan se jkun li r-rata ta’ rinnovazzjoni tal-inqas tirdoppja r-rata ta’ rinnovazzjoni annwali tal-istokk tal-bini eżistenti. L-Istati Membri se jkunu jistgħu jużaw ukoll fondi mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għal dan l-għan, f’konformità mal-prijoritajiet identifikati fis-Semestru Ewropew jew fl-NECPs. Dan se jgħin biex jiġu ffrankati l-flus fuq il-kontijiet tal-enerġija, jipprovdi kundizzjonijiet ta’ għajxien aktar tajbin għas-saħħa u jnaqqas il-faqar enerġetiku.

Fl-istess spirtu, il-Kummissjoni se tiffoka wkoll fuq l-iżblokkar tal-investiment fit-teknoloġiji nodfa u fil-ktajjen tal-valur, b’mod partikolari permezz ta’ finanzjament addizzjonali għal Orizzont Ewropa. Il-Faċilità ġdida ta’ Investiment Strateġiku se tinvesti fit-teknoloġiji ewlenin għat-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, bħat-teknoloġiji rinnovabbli u ta’ ħżin tal-enerġija, l-idroġenu nadif, il-batteriji, il-qbid u l-ħżin tal-karbonju u l-infrastruttura tal-enerġija sostenibbli. Il-ħidma tal-Alleanza Ewropea tal-Batteriji se tiġi aċċellerata u l-Istrateġija u l-Alleanza l-ġdida dwar l-Idroġenu Nadif se tidderieġi u tikkoordina t-tkabbir rapidu tal-produzzjoni u l-użu tal-idroġenu nadif fl-Ewropa. Il-Kummissjoni se tagħmel ukoll proposti biex tagħti spinta lill-użu tal-enerġija rinnovabbli offshore u biex tintegra aħjar is-sistema tal-enerġija.

Il-kriżi wriet ukoll ir-rwol kruċjali li għandu t-trasport, b’rotot tat-trasport u loġistiċi interrotti bejn il-modi kollha li jolqtu l-ktajjen tal-valur u l-ekonomiji tagħna. Biex jinħolqu aktar impjiegi, se jkun hemm ukoll enfasi fuq l-aċċellerazzjoni tal-produzzjoni u l-użu ta’ vetturi u bastimenti sostenibbli kif ukoll fjuwils alternattivi. Il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, InvestEU u fondi oħra se jappoġġaw il-finanzjament tal-installazzjoni ta’ miljun punt tal-iċċarġjar, tiġdid ta’ flotta nadifa mill-bliet u l-kumpaniji, infrastruttura tat-trasport sostenibbli u jippermettu l-qalba lejn mobbiltà urbana nadifa. Jenħtieġ li l-investiment pubbliku biex jibda l-irkupru tas-settur tat-trasport jiġi b’impenn mill-industrija li tinvesti f’mobilità aktar nadifa u aktar sostenibbli. 

Il-protezzjoni u r-ritorn tal-bijodiversità u tal-ekosistemi naturali huma essenzjali biex tingħata spinta lir-reżiljenza tagħna u biex jiġu evitati t-tfaċċar u t-tixrid ta’ tifqigħat futuri. Dan jerġa’ jirdoppja l-importanza tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 li kienet adottata reċentement u l-Istrateġija tal-UE li jmiss għall-Foresti. Permezz tal-InvestEU, kapital naturali ġdid u inizjattiva tal-ekonomija ċirkolari se jimmobilizzaw mill-inqas EUR 10 biljun tul l-10 snin li ġejjin.

Il-politika Agrikola Komuni u l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt se jappoġġaw il-bdiewa u s-settur agrikolu tagħna biex jirnexxu u jkomplu jipprovdulna l-ikel affordabbli, nutrittiv, sikur u sostenibbli li neħtieġu, filwaqt li jsaħħu l-ktajjen tal-provvista tagħna u jindirizzaw il-kwistjonijiet esposti waqt il-kriżi. Minħabba r-rwol vitali tal-bdiewa u ż-żoni rurali fit-tranżizzjoni ekoloġika, il-Kummissjoni llum qed tipproponi li ssaħħaħ il-baġit tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali bi EUR 15-il biljun.

Ħafna nies, reġjuni u setturi li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi se jkollhom ukoll jagħmlu bidla akbar minn dik tal-biċċa l-kbira. Għalhekk il-Kummissjoni llum qed tipproponi li ssaħħaħ il-Fond ta’ Tranżizzjoni Ġusta b’ammont addizzjonali ta’ EUR 32,5 biljun. Dan il-finanzjament se jintuża biex itaffi l-impatti soċjoekonomiċi tat-tranżizzjoni, jappoġġa t-tagħlim ta’ ħiliet ġodda, jgħin lill-SMEs joħolqu opportunitajiet ekonomiċi ġodda, u jinvesti fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Il-Kummissjoni qed tagħmel ukoll proposti biex tistabbilixxi faċilità ġdida ta’ self għas-settur pubbliku li tifforma t-tielet pilastru tal-Mekkaniżmu ta’ Tranżizzjoni Ġusta. Dan se jkun appoġġat minn EUR 1,5 biljun mill-baġit tal-UE u EUR 10 biljun f’self mill-Bank Ewropew tal-Investiment.

4.2Suq uniku aktar fond u aktar diġitali

Il-pandemija u l-konsegwenzi tagħha fuq ħajjitna u fuq l-ekonomiji tagħna enfasizzaw l-importanza tad-diġitalizzazzjoni fl-oqsma kollha tal-ekonomija u s-soċjetà tal-UE. It-teknoloġiji l-ġodda żammew in-negozji u s-servizzi pubbliċi tagħna għaddejjin, u żguraw li l-kummerċ seta’ jkompli. Għenuna lkoll nibqgħu konnessi, naħdmu mill-bogħod u nsostnu t-tagħlim tat-tfal tagħna.

Fuq medda twila ta’ żmien, dan x’aktarx li jiskatta bidliet permanenti u strutturali fil-ħajja soċjetali u ekonomika: aktar xogħol mid-dar, tagħlim elettroniku, kummerċ elettroniku, gvern elettroniku. Dan jenfasizza l-potenzjal li tiġi żviluppata e-ID — identità elettronika pubblika — aċċettata b’mod universali biex tippermetti aċċess sempliċi, fdat u sikur għal servizzi pubbliċi diġitali transfruntiera.

Erba’ elementi se jkunu kruċjali għal irkupru diġitali, u se jgħinu biex tiġi stimulata l-innovazzjoni kompetittiva u biex l-utenti jingħataw għażla akbar.

L-ewwel nett, se jkollna bżonn ninvestu f’aktar konnettività u f’konnettività aħjar. It-tiftiħ rapidu tal-5G se jkollu effetti konsegwenzjali fuq is-soċjetà diġitali kollha u se jżid l-awtonomija strateġika tal-Ewropa. Dan se jappoġġa sforzi usa’ biex tinbena infrastruttura li tista’ tittratta proċessi u applikazzjonijiet emerġenti u futuri. Huwa se jipprovdi wkoll il-wisa’ tal-banda meħtieġa għas-saħħa, l-edukazzjoni, it-trasport, il-loġistika u l-midja li huma essenzjali għar-reżiljenza, il-kompetittività u l-irkupru ekonomiku tagħna.

It-tieni, se jkollna bżonn preżenza industrijali u teknoloġika aktar qawwija f’partijiet strateġiċi tal-katina tal-provvista diġitali. Hekk kif sar ċar kemm huma importanti l-konnettività u t-teknoloġiji diġitali, aħna mfakkra wkoll dwar l-importanza tas-sigurtà tat-teknoloġija. Dan jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li l-Ewropa jkollha sovranità fuq it-teknoloġija fejn hija importanti, kif ukoll li l-kummerċ miftuħ u l-fluss tal-innovazzjoni jibqgħu għaddejjin.

F’dan l-ispirtu, l-investiment ta’ rkupru se jiġi dirett lejn il-kapaċitajiet diġitali strateġiċi, fosthom l-intelliġenza artifiċjali, iċ-ċibersigurtà, il-komunikazzjoni sigura, l-infrastruttura tad-data u l-cloud, in-networks 5G u 6G, is-superkompjuters, il-quantum u l-blockchain. Din se tkun prijorità fil-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-InvestEU u l-Faċilità ta’ Investiment Strateġiku. Il-linji gwida għall-investiment għall-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza l-ġdid se jirriflettu wkoll il-ħtieġa li jiġu prijoritizzati l-investimenti diġitali. Dan se jgħin ukoll biex jitnaqqas id-distakk diġitali tal-Ewropa, li beda jidher aktar matul il-kriżi.

It-tielet, irridu nibnu ekonomija tad-data reali bħala mutur għall-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. Id-data toffri opportunitajiet għan-negozji biex jiżviluppaw prodotti u servizzi. Biex jagħmlu l-aħjar użu minn dan, neħtieġu spazji komuni Ewropej tad-data f’setturi u oqsma ewlenin, inkluż b’appoġġ għall-industrija Ewropea, l-implimentazzjoni tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, is-saħħa, il-mobilità u l-amministrazzjoni pubblika.

Biex dan kollu jsir, il-Kummissjoni se tippreżenta azzjoni leġiżlattiva dwar il-qsim tad-data u l-governanza biex tgħin biex jiġu implimentati l-istrutturi t-tajba biex tiġi mmaniġġata l-kondiviżjoni tad-data fost l-Istati Membri u s-setturi, jiġu indirizzati l-ostakli għall-kummerċ diġitali u tagħmel l-Ewropa adatta u kapaċi tikkompeti fil-21 ekonomija dinjija. Dan se jiffaċilita t-twaqqif ta’ spazji komuni tad-data u jsaħħaħ il-governanza dwar kwistjonijiet bħall-portabbiltà tad-data jew l-aċċess għaliha. Dan se jiġi segwit minn Att dwar id-Data, li se jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għal aċċess aħjar u kontroll aħjar tad-data industrijali. Il-Kummissjoni se tipproponi wkoll li s-settijiet tad-data ta’ valur għoli tal-gvern jkunu disponibbli għall-ġid komuni permezz ta’ aċċess aktar miftuħ għar-riċerka, l-innovazzjoni u l-SMEs.

Ir-raba’ element huwa l-ħtieġa għal ambjent kummerċjali aktar ġust u aktar faċli. Il-lockdown estiż ta spinta lix-xiri mill-internet u lill-mudelli ta’ negozju online. Din ix-xejra tista’ biss taċċellera fix-xhur u s-snin li ġejjin, b’aktar kumpaniji jaqilbu għad-diġitali biex jagħmlu n-negozju. Madankollu, l-ambjent online bħalissa huwa ddominat minn għadd ta’ pjattaformi kbar. Il-pożizzjoni tagħhom — u l-aċċess akbar tagħhom għal riżorsi ewlenin tad-data — għandha impatt fuq il-kapaċità tal-kumpaniji Ewropej iżgħar li jiftħu, jespandu jew jagħmlu l-aħjar użu mis-Suq Uniku.

Dawn il-kwistjonijiet iridu jiġu indirizzati jekk l-Ewropa trid tagħmel l-aħjar użu mill-irkupru diġitali. F’dan l-ispirtu, wieħed mill-għanijiet tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali se jkun li jtejjeb il-qafas ġuridiku għas-servizzi diġitali, b’regoli ċari għall-pjattaformi online. Dan se joffri sigurtà akbar għall-konsumaturi online, jipprevjeni l-abbuż tas-saħħa fis-suq mill-pjattaformi u jiżgura suq ġust b’opportunitajiet indaqs għal negozji iżgħar.

Irridu niffukaw ukoll fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u nagħmluha eħfef għall-kumpaniji, speċjalment l-SMEs, biex jużaw għodod diġitali, bħall-firma elettronika. Huma jeħtieġu appoġġ biex ikollhom aċċess aktar faċli għad-data u biex inaqqsu l-burokrazija permezz ta’ soluzzjonijiet diġitali, pereżempju għall-kuntratti. Jenħtieġ li jiġu mħeġġa l-użu ta’ ħwienet li jappoġġaw il-punti uniċi ta’ servizz ta’ appoġġ u s-simplifikazzjoni tal-proċeduri amministrattivi online.

Id-diġitalizzazzjoni tal-akkwist pubbliku, inkluż permezz tal-iżvilupp ta’ sistemi u pjattaformi nazzjonali tal-akkwist elettroniku, se tingħata prijorità. Dan se jkun appoġġat mill-implimentazzjoni sħiħa tal-pakkett tal-liġi tal-kumpaniji biex jiġu ffaċilitati d-diġitalizzazzjoni u l-mobilità tal-kumpaniji u tal-portal diġitali uniku.

Matul l-aħħar ġimgħat rajna wkoll żieda straordinarja f’attakki malizzjużi minn diversi sorsi, li pprovaw jikkapitalizzaw mit-tfixkil ikkawżat mill-pandemija għal raġunijiet kriminali jew ġeopolitiċi. It-titjib tal-kapaċitajiet diġitali tal-infurzar tal-liġi se jippreserva l-kapaċità tagħhom li jipproteġu liċ-ċittadini b’mod effettiv. Id-diġitalizzazzjoni tas-sistemi ġudizzjarji tista’ ttejjeb l-aċċess għall-ġustizzja u l-operat tal-ambjent tan-negozju.

Strateġija taċ-Ċibersigurtà ġdida se tħares lejn kif tista’ tingħata spinta lill-kooperazzjoni, lill-għarfien u lill-kapaċità fil-livell tal-UE. Dan se jgħin ukoll biex l-Ewropa ssaħħaħ il-kapaċitajiet industrijali u s-sħubijiet tagħha, u tħeġġeġ il-ħolqien ta’ SMEs f’dan il-qasam. Dan ser jakkumpanja r-reviżjoni tad-Direttiva dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni u proposta għal miżuri addizzjonali dwar il-Ħarsien tal-Infrastruttura Kritika. Flimkien mal-ħidma li għaddejja dwar iċ-ċibersigurtà bħala parti mill-Unjoni tas-Sigurtà tal-UE, dan sr jżid il-kapaċitajiet fl-Istati Membri u jsaħħaħ iċ-ċibersigurtà globali tal-UE.

4.3.Irkupru ġust u inklużiv

Din il-kriżi hija traġedja umana. L-Ewropa trid tagħmel dak kollu li tista’ biex tiżgura li dak li beda bħala pandemija tas-saħħa — u li saret emerġenza ekonomika — ma ssirx kriżi soċjali sħiħa. Miljuni ta’ nies minn madwar l-UE jew tilfu xogħolhom jew qegħdin fi skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miljuni oħra jistgħu jkunu f’riskju minħabba l-livell għoli ta’ inċertezza.

L-appoġġ biex il-persuni biex jibqgħu jaħdmu, u l-ħolqien ta’ impjiegi ġodda, se jixprunaw l-isforzi tagħna. Fi żmien qasir, l-istrument temporanju l-ġdid biex jiġu mmitigati r-riskji tal-qgħad f’emerġenza (SURE) se jipprovdi EUR 100 biljun biex jgħin lill-ħaddiema jżommu l-introjtu tagħhom u jiżguraw li n-negozji jkunu jistgħu jsalvaw u jżommu l-persunal. Il-Kummissjoni se tibni fuq dan, kif ukoll fuq l-esperjenzi ta’ skemi ġodda ta’ xogħol għal żmien qasir li nħolqu f’ħafna Stati Membri, meta tipproponi strument permanenti fil-futur.

L-Istrument il-ġdid ta’ Appoġġ għas-Solvenza se jgħin biex il-kumpaniji jibqgħu għaddejjin u n-nies jibqgħu jaħdmu. Il-Fond ta’ garanzija pan-Ewropew il-ġdid tal-Bank Ewropew tal-Investiment se jkun jista’ jappoġġa l-SMEs li jimpjegaw madwar żewġ terzi tal-forza tax-xogħol tal-UE. Ir-reġjuni l-aktar affettwati mill-kriżi se jkunu jistgħu jaċċessaw b’mod rapidu u flessibbli permezz tal-inizjattiva l-ġdida REACT-UE. Fiż-żmien minn medju sa itwal, l-isforzi biex jiġi rritornat Suq Uniku li jiffunzjona b’mod sħiħ, kif ukoll l-investiment li sar permezz tan-NextGenerationEU, se joħolqu impjiegi ġodda fl-ekonomija kollha, b’mod partikolari fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Dan kollu jirrifletti l-ħtieġa li l-irkupru jkun ġust u inklużiv. Huwa jrid jindirizza d-disparitajiet u l-inugwaljanzi esposti jew aggravati fil-kriżi u jippromwoviu l-koeżjoni territorjali. Il-punt tat-tluq huwa s-solidarjetà: bejn in-nies, il-ġenerazzjonijiet, ir-reġjuni u l-pajjiżi. Dan jeħtieġ li jsir b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn. Il-gwida tagħna biex dan niksbuh se tibqa’ l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

L-UE se tiżgura li l-ugwaljanza tkun fiċ-ċentru tal-irkupru. Ewropa prospera u soċjali tiddependi minna lkoll, irrispettivament mis-sess, mir-razza jew mill-oriġini etnika, mir-reliġjon jew mit-twemmin, mid-diżabilità, mill-età jew mill-orjentazzjoni sesswali. Dan huwa importanti doppjament fi kriżi li kellha impatt sproporzjonat fuq għadd ta’ gruppi fis-soċjetà.

Li jiġi żgurat li l-ħaddiema kollha fl-UE jaqilgħu għajxien deċenti se jkun essenzjali għall-irkupru. Meta stabbiliti f’livelli adegwati, l-pagi minimi jgħinu lill-ħaddiema vulnerabbli jibnu buffer finanzjarju fiż-żminijiet it-tajbin u jillimitaw it-tnaqqis fl-introjtu matul iż-żminijiet il-ħżiena. Minħabba li n-nisa huma rrappreżentati żżejjed u mħallsa inqas f’ħafna mill-impjiegi fil-front, il-ħtieġa li tiġi eliminata d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, inkluż permezz ta’ miżuri vinkolanti ta’ trasparenza fil-pagi, issir aktar u aktar importanti.

Appoġġ imsaħħaħ għall-impjieg taż-żgħażagħ se jgħin liż-żgħażagħ jibdew jaħdmu, jew isegwu taħriġ jew tip ieħor ta’ edukazzjoni, filwaqt li ekonomija soċjali b’saħħitha tista’ toffri opportunitajiet uniċi biex tgħin lill-aktar vulnerabbli jirritornaw lejn is-suq tax-xogħol.

Il-virus kien ukoll partikolarment aħrax għall-anzjani, li huma l-aktar milquta mill-virus u huma l-aktar seklużi fi djarhom. Il-ħidma li jmiss tal-Kummissjoni dwar it-tixjiħ u dwar il-persuni b’diżabilità se tqis l-esperjenza u l-lezzjonijiet tal-kriżi. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ ukoll li ntaffu l-impatt tal-kriżi fuq it-tfal. Il-Kummissjoni se tipproponi l-Garanzija Ewropea għat-Tfal fl-2021 biex tiżgura li t-tfal kollha jkollhom aċċess għal servizzi bażiċi bħas-saħħa u l-edukazzjoni.

Kulħadd se jibbenefika mill-irkupru tal-Ewropa u kulħadd irid jikkontribwixxi biex dan iseħħ. Biex tiżgura li s-solidarjetà u l-ġustizzja jkunu fil-qalba tal-irkupru, il-Kummissjoni se tintensifika l-ġlieda kontra l-frodi fiskali u prattiki inġusti oħrajn. Dan se jgħin lill-Istati Membri jiġġeneraw id-dħul mit-taxxa meħtieġ biex jirreaġixxu għall-isfidi ewlenin tal-kriżi attwali. Bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva tagħti lin-negozji ġabra unika ta’ regoli biex jikkalkulaw il-bażi għat-taxxa korporattiva fl-UE. Is-simplifikazzjoni tat-taxxa tista’ ttejjeb l-ambjent tan-negozju u tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku.

Il-kriżi hija eżami għas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali tagħna u jeħtieġ li l-investimenti meħtieġa jimlew il-lakuni fil-kopertura li saru evidenti fil-kriżi, pereżempju għal dawk li jaħdmu għal rashom. Dan kien b’mod partikolari l-każ għall-ħaddiema tal-pjattaforma li f’ħafna każijiet ma jkunux koperti mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE u għalhekk għandhom bżonn jiġu provduti b’kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni soċjali adegwata.

Hekk kif l-Ewropa twitti t-triq għall-irkupru lejn ekonomija u soċjetà aktar ekoloġiċi, diġitali u aktar reżiljenti, il-ħtieġa li jittejbu u jiġu adattati l-ħiliet, l-għarfien u l-kompetenzi ssir aktar importanti. Il-kriżi wriet ukoll l-importanza tal-ħiliet diġitali, għat-tfal, l-istudenti, l-għalliema, il-ħarrieġa u kollha kemm aħna biex nikkomunikaw u naħdmu. Il-Kummissjoni se tressaq Aġenda tal-Ħiliet għall-Ewropa u Pjan ta’ Azzjoni aġġornat dwar l-Edukazzjoni Diġitali.

Il-lockdown tas-soċjetà wera wkoll li kien żmien ta’ biża’ u tbatija għall-vittmi tal-vjolenza domestika u l-abbuż, b’evidenza ta’ żieda sostanzjali ta’ każijiet. L-UE se tagħmel dak kollu li tista’ biex tipprevjeni u tiġġieled il-vjolenza sessista, tappoġġa u tipproteġi l-vittmi ta’ tali reati, u żżomm lill-awturi tar-reati responsabbli għall-imġiba abbużiva tagħhom. L-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Vittmi se tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-vittmi tal-vjolenza sessista.

5.Il-bini ta’ unjoni u suq uniku aktar reżiljenti

Il-pandemija serviet biex terġa’ tiġi affermata mill-ġdid l-interdipendenza tal-ekonomiji tagħna u l-importanza ta’ Suq Uniku li jiffunzjona b’mod sħiħ. L-Istati Membri qasmu l-kisbiet mis-Suq Uniku għal kważi 30 sena u, għal xi wħud, il-kummerċ intra-UE jammonta għal aktar minn 70 % tal-esportazzjonijiet. L-ekosistemi industrijali tagħna huma dejjem aktar integrati u konnessi. Ir-riċerka, l-inġinerija, il-manifattura, l-immuntar u l-manutenzjoni ta’ spiss iseħħu f’partijiet differenti tal-Ewropa, u jippermettu lin-negozji jkunu aktar kompetittivi u jiffukaw fuq dak li jagħmlu l-aħjar. Dan se jkun eżattament dak li huwa meħtieġ għall-irkupru tal-Ewropa.

Il-kriżi kissret ukoll partijiet mit-tessuti produttivi tagħna u affettwat katini ta’ provvista kruċjali. Dan it-tfixkil fil-produzzjoni u t-tnaqqis fid-domanda fi Stat Membru wieħed se jkollu impatt sinifikanti f’oħrajn. Jekk ma jiġix indirizzat, dan jista’ jwassal għal għeluq u telf ta’ impjiegi u fl-aħħar mill-aħħar se jxekkel il-kompetittività tagħna u l-veloċità tal-irkupru fi Stati Membri oħra. Minħabba l-iskala u n-natura ta’ din l-isfida, ir-rispons jista’ jkun biss Ewropew.

Dan jibda billi jiġi żgurat li s-Suq Uniku tagħna jerġa’ jibda jaħdem tajjeb. Tlieta mill-erba’ libertajiet intlaqtu b’mod qawwi mill-pandemija: il-persuni, l-oġġetti u s-servizzi. Wara kwistjonijiet inizjali, l-azzjoni deċiżiva meħuda biex jiġi żgurat il-moviment liberu tal-merkanzija u l-prodotti għenet lill-ħwienet tal-merċa tagħna jibqgħu miftuħa u ħafna fabbriki tagħna jkomplu jaħdmu. Il-moviment liberu tal-persuni kien essenzjali biex jippermetti t-trasport, lill-ħaddiema staġjonali u ħaddiema oħra biex iżommu l-ktajjen tal-provvista għaddejjin.

Dawn l-azzjonijiet għenu biex jiżguraw kontinwità tan-negozju bażika iżda l-irkupru se jfisser ristabbiliment sħiħ tal-erba’ libertajiet. Irridu nkomplu nnaqqsu l-piż regolatorju tagħna li jissimplifika r-regoli tas-suq intern tagħna u niżguraw li dawn jiġu infurzati u implimentati bis-sħiħ. It-Task Force il-ġdida dwar l-Infurzar tas-Suq Uniku se tkun essenzjali biex jiġu identifikati u indirizzati l-ostakli li jinħolqu minħabba l-applikazzjoni mhux xierqa jew l-infurzar. Se tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Infurzar tas-Suq Uniku adottat f’Marzu.

Biex jinżammu l-kundizzjonijiet ekwi u biex is-Suq Uniku jinżamm jaħdem, il-Kummissjoni qed tipproponi għodda ġdida, l-Istrument ta’ Appoġġ għas-Solvenza, biex jipprovdi appoġġ lil kumpaniji b’saħħithom li issa jinsabu f’riskju minħabba l-għeluq ekonomiku. Għandhom jiġu appoġġati biex jiksbu aċċess aktar faċli u rapidu għall-finanzi. Dan jenfasizza l-importanza li jiġu kkompletati l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja, li huma elementi ewlenin fl-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Dan se jgħin biex tiġi pprovduta stabbiltà ekonomika u finanzjarja matul l-irkupru u biex tissaħħaħ ir-reżiljenza tagħna għal xokkijiet futuri. Il-Kummissjoni se tislet ukoll il-konklużjonijiet tagħha dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika wara l-kriżi.

Il-kriżi ttestjat ukoll il-qafas tal-kompetizzjoni tal-UE, li ġie adattat malajr biex jippermetti appoġġ nazzjonali indispensabbli b’mod speċjali permezz tal-għajnuna mill-Istat. Fl-istess ħin, huwa importanti li dawn il-flessibbiltajiet temporanji ma jikkawżawx frammentazzjoni fit-tul fis-Suq Uniku. Il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE hija essenzjali biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fl-ekonomija tal-lum, waqt li tingħata spinta lill-innovazzjoni u tingħata aktar għażla lill-konsumaturi. Din tislet l-aqwa elementi tal-kumpaniji tagħna u tippermettilhom li jibqgħu kompetittivi globalment. Hekk kif l-Ewropa tistabbilixxi l-perkors tagħha ta’ rkupru u tħaffef iż-żewġ tranżizzjonijiet, għandna niżguraw li r-regoli tal-kompetizzjoni jibqgħu adatti għad-dinja tal-lum. Biex dan iseħħ, il-Kummissjoni bħalissa qed tirrevedi l-qafas tal-kompetizzjoni tal-UE.

Il-kriżi kixfet ukoll għadd ta’ vulnerabbiltajiet u żieda sinifikanti f’ċerti reati, bħaċ-ċiberkriminalità. Dan juri l-ħtieġa li tissaħħaħ l-Unjoni tas-Sigurtà tal-UE. Bħala parti minn dan, l-Istrateġija tal-Unjoni tas-Sigurtà tal-UE se tindirizza dawn l-isfidi u tibni fuq il-ħidma għal suq intern u soċjetà siguri.

Il-kriżi poġġiet ukoll pressjoni qawwija fuq is-sistemi tal-ażil tal-Istati Membri u fuq il-ġestjoni tal-fruntieri fl-Unjoni Ewropea. Il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil il-ġdid se jfittex li jagħmel il-ġestjoni tal-UE tal-ażil, il-migrazzjoni u l-fruntieri aktar effettiva, aktar ġusta u flessibbli biżżejjed biex twieġeb għall-kriżijiet.  

5.1.Awtonomija strateġika miftuħa u ktajjen tal-valur b’saħħithom

Il-kriżi żvelat ukoll għadd ta’ oqsma fejn l-Ewropa teħtieġ li tkun aktar reżiljenti biex tipprevjeni, tipproteġi u tirreżisti xokkijiet futuri. Aħna dejjem se nkunu impenjati għal kummerċ miftuħ u ġust iżda rridu nkunu konxji tal-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza u tissaħħaħ is-sigurtà tal-provvista, b’mod partikolari għal affarijiet bħal ingredjenti farmaċewtiċi jew materja prima.

Biex isir dan, l-Ewropa trid tiffoka fuq it-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tagħha, is-sigurtà ekonomika u l-potenzjal għall-ħolqien tal-impjiegi. Il-Kummissjoni qed tipproponi Faċilità ġdida ta’ Investiment Strateġiku biex tappoġġa investimenti transkonfinali biex tgħin fit-tisħiħ u l-bini ta’ katini ta’ valur strateġiċi Ewropej. Din se tagħti inċentiv lit-tmexxija industrijali u tan-negozju Ewropea f’għadd ta’ ekosistemi ewlenin, b’mod partikolari dawk marbuta mat-tranżizzjoni doppja ħadra u diġitali. Dan se jsaħħaħ is-Suq Uniku, jirfed l-istrateġija industrijali l-ġdida tal-UE 4 u jikkontribwixxi għal ekonomija aktar ċirkolari.

Strateġija farmaċewtika ġdida se tindirizza r-riskji esposti matul il-kriżi li jaffettwaw l-awtonomija strateġika tal-Ewropa u se tappoġġa wkoll il-bini ta’ produzzjoni farmaċewtika addizzjonali u kapaċitajiet ta’ produzzjoni fl-Ewropa.

Permezz tat-tranżizzjoni għan-newtralità tal-klima, id-dipendenza fuq il-fjuwils fossili disponibbli tirriskja li tiġi sostitwita b’dipendenza fuq materja prima oħra mhux relatata mal-enerġija, li għaliha l-kompetizzjoni globali qed issir aktar intensa. Il-prevenzjoni tal-iskart, l-għoti ta’ spinta lir-riċiklaġġ u ż-żieda fl-użu ta’ materja prima sekondarja se jgħinu biex titnaqqas din id-dipendenza. Investimenti ġodda fir-riċiklaġġ se jgħinu biex jipprovdu materja prima sekondarja strateġika. Pjan ta’ Azzjoni ġdid dwar il-Materja Prima Kritika se jagħti ħarsa wkoll lejn kif jistgħu jissaħħu s-swieq kruċjali b’mod sostenibbli għall-elettromobbiltà, il-batteriji, l-enerġiji rinnovabbli, il-farmaċewtiċi, l-ajruspazju, id-difiża u l-applikazzjonijiet diġitali. Dan se jkun appoġġat mill-implimentazzjoni sħiħa tal-Pjan ta’ Azzjoni għal Ekonomija Ċirkolari.

Il-kummerċ globali u l-katini tal-valur integrati tiegħu se jibqgħu mutur ta’ tkabbir fundamentali u se jkunu essenzjali għall-irkupru tal-Ewropa. F’dan il-kuntest, l-Ewropa se ssegwi mudell ta’ awtonomija strateġika miftuħ. Dan ifisser li tissawwar is-sistema l-ġdida ta’ governanza ekonomika globali u jiġu żviluppati relazzjonijiet bilaterali ta’ benefiċċju reċiproku, filwaqt li nipproteġu lilna nfusna minn prattiki inġusti u abbużivi. Dan se jgħinna wkoll niddiversifikaw u nsaħħu l-ktajjen tal-provvista globali biex nipproteġu ruħna minn kriżijiet futuri u se jgħin biex jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro. F’dan l-ispirtu, l-UE ser twettaq Reviżjoni tal-Politika Kummerċjali biex tiżgura l-fluss kontinwu ta’ oġġetti u servizzi madwar id-dinja u biex tirriforma l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

Fl-istess ħin, l-UE teħtieġ ukoll li tipproteġi l-assi u t-teknoloġiji strateġiċi tagħha minn investimenti diretti barranin li jistgħu jheddu s-sigurtà jew l-ordni pubbliku tagħha, permezz ta’ mekkaniżmu msaħħaħ ta’ skrinjar tal-Investiment Dirett Barrani . F’din il-kriżi, is-sussidji tal-istat minn pajjiżi terzi għandhom il-potenzjal li jkomplu joħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi fis-Suq Uniku. Dan se jiġi indirizzat fil-White Paper li jmiss tal-Kummissjoni dwar strument dwar sussidji barranin. Ftehim rapidu dwar l-Istrument ta’ Akkwist Internazzjonali propost se jkun essenzjali wkoll biex tissaħħaħ il-kapaċità tal-UE li tinnegozja r-reċiproċità u l-ftuħ tas-suq mas-sħab tagħha.

Jekk jippersistu differenzi fil-livelli ta’ ambizzjoni klimatika madwar id-dinja, il-Kummissjoni se tipproponi Mekkaniżmu ta’ Aġġustament fil-Fruntieri tal-Karbonju fl-2021 biex jitnaqqas ir-riskju ta’ rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, b’konformità sħiħa mar-regoli tad-WTO. Din tkun riżorsa proprja ġdida għall-baġit tal-UE, li tgħin biex jitħallsu lura l-fondi miġbura għal NextGenerationEU fil-futur.

5.2.Koordinazzjoni aktar b’saħħitha dwar is-saħħa pubblika u t-titjib tal-ġestjoni tal-kriżijiet

Il-kriżi tas-saħħa pubblika li qed tiffaċċja bħalissa l-Unjoni tagħna wriet is-saħħa, il-ħiliet u l-kuraġġ tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa fl-Ewropa. Madankollu, is-sistemi tas-saħħa pubblika tagħna, li jibqgħu wħud mill-aħjar u l-aktar aċċessibbli fid-dinja, jinsabu taħt pressjoni qawwija. U l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri dwar kwistjonijiet ta’ saħħa ġiet ittestjata wkoll fil-bidu immedjat tal-kriżi.

B’dan il-ħsieb, u sabiex tittejjeb it-tħejjija konġunta għal kwalunkwe kriżi futura tas-saħħa, il-Kummissjoni se tipproponi li ssaħħaħ l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini fil-monitoraġġ tal-produzzjoni u l-provvista ta’ mediċini essenzjali fl-UE biex jiġu evitati l-iskarsezzi. Se tagħti wkoll rwol aktar b’saħħtu liċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) fil-koordinazzjoni tas-sorveljanza, it-tħejjija u r-rispons għall-kriżijiet tas-saħħa.

Il-qafas regolatorju tas-saħħa tal-UE jenħtieġ li jissaħħaħ ukoll u l-użu ta’ akkwisti konġunti għall-provvisti tas-saħħa għandhom jiżdiedu. Dan għandu jikseb tagħlimiet mill-kriżi, fejn l-ewwel ħidma tkun l-akkwist ta’ vaċċini f’terminu immedjat. Se nipproponu wkoll li jinħoloq Spazju Ewropew għad-Data tas-Saħħa biex jiġi promoss l-iskambju ta’ data dwar is-saħħa u biex tiġi appoġġata r-riċerka b’rispett sħiħ tal-protezzjoni tad-data.

Jeħtieġ li jkun hemm sistemi tas-saħħa aktar reżiljenti li jeħtieġu investiment xieraq u appoġġ finanzjarju li jaqbel mar-rwol ewlieni tagħhom. Illum il-Kummissjoni qed tipproponi programm awtonomu EU4Health biex tappoġġa lill-Istati Membri u lill-UE biex jibnu l-kapaċità u t-tħejjija għal kriżijiet futuri tas-saħħa. Dan se jgħin biex ikun hemm viżjoni fit-tul għas-sistemi tas-saħħa pubblika li jaħdmu sew u reżiljenti, b’mod partikolari billi jsir investiment fil-prevenzjoni u s-sorveljanza tal-mard, u billi jitjieb l-aċċess għall-kura tas-saħħa, id-dijanjożi u t-trattament.

Ir-riċerka u l-innovazzjoni se jkunu essenzjali biex jiżdied l-għarfien tagħna dwar il-mard, it-trattamenti u l-vaċċini, u biex insaħħu l-awtonomija u t-tmexxija tagħna fil-ktajjen tal-valur. Din hija r-raġuni għaliex bħala parti mill-baġit fit-tul li jmiss, il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ Orizzont Ewropa biex tappoġġa r-riċerka u l-innovazzjoni fil-qasam tas-saħħa, testendi l-provi kliniċi, ittejjeb l-aċċess għall-infrastruttura tar-riċerka u tgħin biex ix-xjenza soda tiġi ankrata fil-qalba tal-proċess ta’ politika.

Il-kriżi attwali enfasizzat ukoll il-ħtieġa għal koordinazzjoni u rispons għall-kriżijiet fil-livell Ewropew. Filwaqt li l-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri żdiedet malajr wara bidu kajman, hemm bżonn li nitgħallmu mill-kriżi. Dan ifisser li ndaħħlu fis-seħħ tħejjija aktar b’saħħitha għall-kriżijiet u l-ġestjoni ta’ kriżijiet għal xenarji futuri.

Illum il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ rescEU biex tibni l-kapaċità permanenti biex timmaniġġja t-tipi kollha ta’ emerġenzi. Dan se jsaħħaħ il-kapaċità tagħha li tinvesti f’infrastruttura ta’ rispons ta’ emerġenza, f’kapaċità ta’ trasport u f’timijiet ta’ appoġġ ta’ emerġenza. Se toħloq riżervi fil-livell tal-UE ta’ provvisti u tagħmir essenzjali li għandhom jiġu mobilizzati b’reazzjoni għal emerġenzi kbar.

Tagħlima oħra hija l-ħtieġa għal rispons rapidu, flessibbli u koordinat tal-UE għall-kriżijiet. F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ l-għodod ta’ emerġenza tagħha u tagħmilhom aktar flessibbli sabiex ir-riżorsi jkunu jistgħu jintużaw malajr u fuq skala kbira meta jkun meħtieġ. Dan jinkludi l-Fond Ewropew ta’ Solidarjetà u l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni. Ir-Riżerva ta’ Għajnuna għas-Solidarjetà u l-Emerġenza se tissaħħaħ b’mod sinifikanti wkoll biex tippermetti reazzjoni rapida għal kriżijiet kemm fl-UE kif ukoll barra minnha.

6.Irkupru bbażat fuq il-valuri tal-UE u d-drittijiet fundamentali

Il-kriżi qed tittestja l-istil ta’ ħajja tal-Ewropa. Biex ngħinu nsalvaw il-ħajjiet, uħud mil-libertajiet tagħna ġew ristretti. Elementi essenzjali li bihom tiffunzjona s-soċjetà tagħna ħafna drabi ġew sospiżi. Ir-reżiljenza demokratika tagħna ġiet ittestjata. Madankollu, l-Ewropa qatt ma għandha tikkomprometti l-valuri tagħha. L-irkupru jrid ikun ibbażat fuq drittijiet fundamentali u rispett sħiħ tal-istat tad-dritt.

Fid-dawl tal-kriżi, l-Istati Membri kollha kellhom jadottaw miżuri ta’ emerġenza. Il-Kummissjoni għamlitha ċara li l-miżuri ta’ emerġenza jridu jkunu strettament proporzjonati u limitati fiż-żmien u fin-natura tagħhom. Dawn il-miżuri kollha jridu jkunu soġġetti għal skrutinju regolari u d-drittijiet kollha għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ.

Il-kriżi esponiet ukoll għadd ta’ vulnerabbiltajiet fl-istat tad-dritt. Dan kien ivarja mill-istress fuq is-sistemi tal-ġustizzja għal kapaċità mhux uniformi ta’ kontrolli u bilanċi istituzzjonali biex jaħdmu b’mod effettiv. Il-midja u s-soċjetà ċivili ħabbtu wiċċhom ma’ ostakli ġodda biex jaqdu r-rwol tagħhom fid-dibattitu demokratiku. Ir-rapport Annwali dwar l-Istat tad-Dritt tal-Kummissjoni se jħares aktar mill-qrib lejn dan fl-Istati Membri kollha. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-protezzjoni tal-baġit tal-UE kontra nuqqasijiet ġeneralizzati fl-istat tad-dritt hija wkoll fattur ewlieni.

Il-kriżi enfasizzat ukoll it-theddid għad-demokrazija tagħna. Din ġabet magħha “infodemika” ġdida minn dawk li jridu jimmanipulaw l-ispazju pubbliku u jxerrdu messaġġi foloz, propaganda u narrattivi ta’ mibegħda. Filwaqt li tħares il-libertà tal-espressjoni u tappoġġa lill-media, il-Kummissjoni se tindirizza l-isfidi ta’ diżinformazzjoni l-aktar immedjati marbuta mal-pandemija u se tuża wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija biex tieħu t-tagħlimiet u tibni r-reżiljenza għall-futur.

Dan kollu jirrifletti l-bżonn saħansitra aktar importanti li d-demokrazija tagħna tissaħħaħ u titrawwem. Dan jibda billi n-nies jingħataw vuċi akbar fil-futur tagħhom. Permezz tal-Konferenza dwar il-Futur tal-Ewropa, iċ-ċittadini jenħtieġ li jkollhom sehem ewlieni u attiv fl-istabbiliment tal-prijoritajiet tagħna u l-livell ta’ ambizzjoni tagħna fil-bini ta’ Ewropa aktar reżiljenti, sostenibbli u ġusta.

7.Ewropa aktar b’saħħitha fid-dinja

Il-pandemija u l-kriżi ekonomika se jiddefinixxu mill-ġdid il-mod kif is-setgħat dinjija u l-imsieħba jinteraġixxu. It-theddida ta’ erożjoni potenzjali u frammentazzjoni tal-ordni dinji żdiedet b’mod ċar. Fl-istess ħin, virus li ma jafx fruntieri joħloq sfida komuni u jagħmel każ b’saħħtu u urġenti għall-multilateraliżmu msaħħaħ u ordni internazzjonali bbażat fuq ir-regoli. Aktar minn qatt qabel, l-isfidi dinjija jeħtieġu kooperazzjoni internazzjonali u soluzzjonijiet komuni.

Ir-rabtiet bejnietna għandhom bżonn ta’ manutenzjoni kontinwa biex nadattaw għar-realtajiet ġodda u biex niffaċċjaw l-iżviluppi fixkiela tas-Seklu 21. Id-dinja trid tevita “logħba kbira” dinjija biex toħroġ l-ewwel u fuq nett, għad-detriment ta’ oħrajn. Jenħtieġ li niffokaw fuq dak li nistgħu nagħmlu flimkien, mis-sigurtà għall-klima u l-ambjent, mill-ġlieda kontra l-inugwaljanzi għat-tisħiħ tal-kummerċ internazzjonali u tal-istituzzjonijiet internazzjonali.

L-UE qed tmexxi r-rispons dinji, b’ħidma mill-qrib man-Nazzjonijiet Uniti (inklużi l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol), il-G20, il-G7, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji. B’hekk, l-UE u l-Istati Membri tagħha se jkunu jistgħu jingranaw is-saħħa kollettiva tagħhom fix-xena dinja.

F’dan l-ispirtu, il-Kummissjoni ospitat konferenza tad-donaturi biex tindirzza EUR 7,5 biljun għall-iżvilupp ta’ vaċċini, trattamenti u għodod bħala ġid komuni dinja. Kull vaċċin futur irid jiġi prodott mid-dinja, għad-dinja kollha u jkun affordabbli u aċċessibbli għal kulħadd.

Fi żmien itwal, l-UE se tirkupra biss b’suċċess jekk is-sħab tagħna madwar id-dinja jirkupraw ukoll. L-investiment fl-irkupru dinji sostenibbli għalhekk huwa fl-interess tal-UE. Dan se jkun jeħtieġ rispons massiv u koordinat, xprunat mis-solidarjetà, il-ftuħ u t-tmexxija internazzjonali. Bħala potenza ekonomika ewlenija u l-akbar donatur ta’ għajnuna internazzjonali fid-dinja, l-UE dejjem se tkun miftuħa u lesta li tappoġġa s-sħab tagħha. Dan huwa muri b’aktar minn EUR 23 biljun immobilizzati minn Team Europe għall-appoġġ ta’ pajjiżi sħab u organizzazzjonijiet internazzjonali biex jiffaċċjaw l-impatt umanitarju, tas-saħħa, soċjali u ekonomiku tal-kriżi.

L-UE pprovdiet appoġġ lill-imsieħba tagħha u lill-ġirien tagħha matul din il-kriżi u hija lesta li tagħmel aktar. Biex dan iseħħ, illum il-Kummissjoni qed tipproponi li ssaħħaħ l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali billi tistabbilixxih fil-livell ta’ EUR 86 biljun. Strument ta’ Għajnuna Umanitarja msaħħaħ se jiżgura li l-Ewropa tista’ tipprovdi solidarjetà tanġibbli lil dawk l-aktar fil-bżonn. Biex tappoġġa l-imsieħba tagħna fil-Balkani tal-Punent, il-Kummissjoni qed tipproponi li żżid l-għajnuna ta’ qabel l-adeżjoni għal EUR 12,9 biljun.

Minħabba l-kriżi li wasslet għal aktar tensjonijiet ġeostrateġiċi, jeħtieġ li l-Ewropej jieħdu aktar responsabbiltà biex jiżguraw is-sikurezza tagħhom stess. F’kooperazzjoni mas-sħab tagħha, l-UE għandha tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha bħala fornitur tas-sigurtà u pilastru ta’ stabbiltà fl-ordni dinjija. Għal dak il-għan, se tkompli tappoġġa l-multilateraliżmu u tippromwovi b’mod aktar effettiv l-interessi ekonomiċi u strateġiċi tagħha. Hija għandha ssaħħaħ ukoll l-awtonomija teknoloġika u l-kooperazzjoni tagħha fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta’ difiża.

8.Konklużjoni — Il-mument tal-Ewropa

Dan huwa l-mument tal-Ewropa. Ir-rieda tagħna li naġixxu trid tilqa’ l-isfidi li qed niffaċċjaw. L-isforzi nazzjonali waħedhom mhux se jkunu biżżejjed — l-Ewropa tinsab f’pożizzjoni unika biex tkun tista’ tinvesti f’irkupru kollettiv u futur aħjar għall-ġenerazzjonijiet li jmiss.

Dan huwa l-kompitu ġenerazzjonali tagħna. L-investiment li nagħmlu permezz ta’ NextGenerationEU mhux biss se jgħin biex tingħata spinta lill-ekonomiji u biex illum il-ħaddiema, il-kumpaniji u r-reġjuni jiġu appoġġati. Din se tinvesti fil-futur u se tagħmilna aktar reżiljenti sabiex inkunu nistgħu noħorġu aktar b’saħħitna u aktar ‘l quddiem minn qabel. Aħna se naċċelleraw it-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali u niżguraw li n-nies ikunu fil-qalba tal-irkupru.

Il-Kummissjoni Ewropea tistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-koleġiżlaturi biex jeżaminaw malajr dawn il-proposti, bil-ħsieb li jintlaħaq qbil politiku fil-Kunsill Ewropew. Deċiżjoni bikrija tippermetti li l-fondi jkunu disponibbli minnufih u li jiġu indirizzati l-oqsma l-aktar urġenti.

Il-Kummissjoni mbagħad se taħdem mill-qrib mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill biex tiffinalizza ftehim dwar il-qafas futur fit-tul u l-programmi settorjali li jakkumpanjawha. It-tlestija ta’ dan ix-xogħol fil-bidu tal-ħarifa se jfisser li l-baġit il-ġdid fit-tul jista’ jkun operattiv u jmexxi l-irkupru tal-Ewropa fl-1 ta’ Jannar 2021.

L-irkupru tal-Ewropa u l-bini ta’ futur aħjar għall-ġenerazzjoni li jmiss mhux se jkunu faċli u ma jistax isir waħdu. Dan se jkun jeħtieġ rieda politika u kuraġġ u aċċettazzjoni mis-soċjetà kollha. Dan huwa ġid komuni għall-ġejjieni komuni tagħna. 

(1)    Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, l-ammonti jiġu espressi fi prezzijiet kostanti tal-2018.
(2) SWD(2020) 98
(3) COM(2020) 442
(4) COM(2020) 102
Top