EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0291

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari

COM/2020/291 final

Brussell, 6.7.2020

COM(2020) 291 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW

dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2014/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta' titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari


1.Daħla

Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa libertà fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea u wieħed mill-pilastri tas-suq intern. Dan huwa minqux fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dan id-dritt ġie żviluppat aktar permezz tal-liġi sekondarja, b’mod partikolari r-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni. Kompla jiġi żviluppat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Element essenzjali fl-iffaċilitar tal-moviment liberu tal-ħaddiema huwa l-preservazzjoni tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom, fosthom il-pensjonijiet. Il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema fir-rigward tal-pensjonijiet hija garantita minn skemi statutorji tas-sigurtà soċjali flimkien ma’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari marbuta mal-kuntratt tax-xogħol. Il-kompetenza primarja għal din taqa’ f’idejn is-sistemi nazzjonali tas-sigurtà soċjali.

Biex tipproteġi d-drittijiet tal-persuni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu, l-UE adottat miżuri, fi stadju bikri ħafna abbażi tal-Artikolu 48 tat-TFUE, bil-għan li tipproteġi d-drittijiet tas-sigurtà soċjali tal-ħaddiema li jiċċaqilqu fl-Unjoni Ewropea u tal-membri tal-familja tagħhom, l-hekk imsejħa Regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali 1 . Madankollu, fil-prinċipju, dawn ir-Regolamenti jikkonċernaw biss l-iskemi statutorji ta’ pensjonijiet u ma japplikawx għall-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari 2 . Għalhekk, kien essenzjali li jiġu adottati regoli speċifiċi dwar id-drittijiet għal pensjoni supplimentari.

Bħala l-ewwel pass fit-tneħħija tal-ostakli għall-moviment liberu relatati mal-pensjonijiet supplimentari, mhux koperti mir-Regolamenti tal-UE dwar il-koordinazzjoni msemmija hawn fuq, id-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE 3 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità tistabbilixxi ċerti drittijiet għall-membri ta’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari. Skont din id-Direttiva, id-drittijiet għall-pensjoni akkwiżiti ta’ persuna li ma tibqax tagħmel kontribuzzjonijiet għal skema ta’ pensjoni supplimentari minħabba li tiċċaqlaq fi Stat Membru ieħor għandhom jinżammu fl-istess livell bħal dak ta’ persuna li tibqa’ fl-istess Stat Membru iżda, bl-istess mod, ma għadhiex tagħmel kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjoni. Il-benefiċjarji ta’ skema ta’ pensjoni supplimentari huma intitolati li jirċievu l-benefiċċji tagħhom fi kwalunkwe Stat Membru.

Madankollu, ir-Rapport 4 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 98/49/KE kkonkluda li d-Direttiva kienet biss l-ewwel miżura li tikkontribwixxi għat-tneħħija tal-ostakli għall-moviment liberu tal-ħaddiema fir-rigward tal-pensjonijiet supplimentari, iżda kien għad baqa’ xi ostakli. Il-Kummissjoni għalhekk ippreżentat “Proposta għal Direttiva dwar it-titjib fit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni komplimentari” 5 .

Id-Direttiva 2014/50/UE dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta’ titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari (id-Direttiva dwar il-Pensjonijiet Supplimentari 6 , minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva”) ġiet adottata fis-16 ta’ April 2014 7 . Dan jista’ jitqies bħala t-tieni pass fit-tneħħija tal-ostakli għall-moviment liberu b’rabta mal-pensjonijiet supplimentari u fl-iffaċilitar ulterjuri tal-mobilità tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri.

Id-Direttiva għandha l-għan li tippromwovi l-mobilità tal-ħaddiema billi tnaqqas l-ostakli maħluqa minn ċerti regoli li jikkonċernaw skemi ta’ pensjonijiet supplimentari marbuta ma’ relazzjoni ta’ impjieg. Il-pensjonijiet supplimentari qed isiru dejjem aktar importanti f’ħafna Stati Membri bħala mezz biex jiġi żgurat il-livell tal-għajxien f’età avvanzata. Għalhekk huwa importanti li jiġu stabbiliti ċerti rekwiżiti minimi għall-akkwist u għall-preservazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni biex jitnaqqsu l-ostakli għal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri.

Ir-rekwiżiti tad-Direttiva jikkonċernaw b’mod partikolari:

   Il-kundizzjonijiet tal-akkwist tad-drittijiet taħt skemi ta’ pensjonijiet supplimentari:

Id-Direttiva tistabbilixxi perjodu massimu ta’ stennija, jiġifieri perjodu qabel ma ħaddiem ikun jista’ jsir membru ta’ skema ta’ pensjoni u perjodu massimu ta’ vestiment, jiġifieri perjodu ta’ sħubija attiva fi skema li warajh jiġi attivat l-intitolament għad-drittijiet akkumulati għal pensjoni supplimentari kif ukoll limitu ta’ età għall-vestiment tad-drittijiet.

   Il-preservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni inattivi:

Id-Direttiva tistabbilixxi d-dritt għall-preservazzjoni effettiva tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari.

   Standards ta’ informazzjoni:

Id-Direttiva tiżgura d-dritt li tinkiseb informazzjoni adegwata, speċjalment dwar l-impatt tal-mobilità fuq id-drittijiet għall-pensjoni.

Id-Direttiva daħlet fis-seħħ fl-20 ta’ Mejju 2014 u l-Istati Membri kellhom jittrasponuha sal-21 ta’ Mejju 2018. Dan il-perjodu ta’ traspożizzjoni relattivament twil ġie pprovdut sabiex l-Istati Membri jingħataw biżżejjed żmien, li tqies neċessarju minħabba l-kumplessità tas-suġġett u n-natura varjata tal-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari fl-Istati Membri individwali.

Skont l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom jikkomunikaw l-informazzjoni kollha disponibbli dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva lill-Kummissjoni sal-21 ta’ Mejju 2019.

L-Artikolu 9(2) tad-Direttiva jirrikjedi li l-Kummissjoni tfassal rapport dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri.

Ir-rapport huwa bbażat prinċipalment fuq il-miżuri nazzjonali li l-Istati Membri kkomunikaw lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva. Ir-referenzi għal-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva jinsabu fuq il-paġna web tal-Eur-Lex 8 . Għal dan ir-rapport intużat informazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva kif ikkomunikata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva. Il-Kummissjoni użat ukoll informazzjoni miġbura min-network tagħha ta’ esperti legali dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali 9 . Il-Kummissjoni kkonsultat ukoll lill-membri tal-Kumitat Konsultattiv dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema 10 billi bagħtitilhom kwestjonarju dettaljat 11 (minn hawn ’il quddiem “il-kwestjonarju”) u wara, l-abbozz tar-rapport. Il-Kummissjoni talbet ukoll kjarifiki dwar miżuri ta’ traspożizzjoni mill-membri tal-Kumitat Tekniku dwar il-Moviment Liberu tal-Ħaddiema 12 .

2.IL-PROĊESS TAT-TRASPOŻIZZJONI

Skont l-Artikolu 8 tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom jittrasponu d-Direttiva sal-21 ta’ Mejju  2018.

Biex l-Istati Membri jiġu megħjuna bit-traspożizzjoni u bl-implimentazzjoni, id-Direttiva ġiet diskussa f’diversi laqgħat tal-kumitati msemmija hawn fuq bejn l-2016 u l-2018.

Madankollu, sal-iskadenza tat-traspożizzjoni, 10 Stati Membru biss kienu nnotifikaw miżuri ta’ traspożizzjoni u ddikjaraw traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva 13 .

F’Lulju 2018, il-Kummissjoni bdiet proċeduri ta’ ksur kontra 10 Stati Membri 14 li, f’dak il-mument, kienu għadhom ma nnotifikawx traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva. F’Jannar 2019, il-Kummissjoni kompliet proċeduri ta’ ksur kontra 4 Stati Membri 15 . Fl-aħħar nett, sa Settembru 2019 l-Istati Membri kollha nnotifikaw traspożizzjoni sħiħa. Għalhekk, il-proċedimenti ta’ ksur ingħalqu.

Il-Kummissjoni bħalissa qed tiffinalizza l-analiżi tagħha tal-konformità tal-miżuri nazzjonali biex tiżgura li d-Direttiva tiġi trasposta b’mod korrett. Bħala parti mill-verifika tal-konformità li għaddejja bħalissa tinsab f’kuntatt mal-Istati Membri dwar il-kwistjonijiet identifikati f’dan ir-rapport.

3.L-IMPLIMENTAZZJONI TAD-DIRETTIVA

Fir-rigward tal-metodu tat-traspożizzjoni tad-Direttiva, skont l-Artikolu 8(1) tad-Direttiva, l-Istati Membri kienu liberi li jew jittrasponu direttament id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-leġiżlazzjoni, fir-regolamenti jew fid-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali, jew li jiżguraw li l-isħab soċjali jintroduċu d-dispożizzjonijiet meħtieġa permezz ta’ ftehim. Jekk it-traspożizzjoni kienet saret permezz ta’ ftehimiet kollettivi, l-Istat Membru kellu jiżgura, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġiżlattivi u amministrattivi xierqa, li l-ħaddiema kollha jingħataw il-protezzjoni sħiħa prevista mid-Direttiva. L-att ta’ traspożizzjoni jew id-dokument uffiċjali ta’ pubblikazzjoni kellhom jinkludu referenza għad-Direttiva.

L-Istati Membri kollha ttrasponew id-Direttiva permezz ta’ liġijiet. Tliet Stati Membri 16 qiesu li l-leġiżlazzjoni eżistenti tagħhom diġà kienet konformi bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva. L-ebda Stat Membru ma semma’ l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva permezz ta’ ftehimiet kollettivi.

Fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni fihom referenza għad-Direttiva. Fi Stat Membru wieħed 17 ir-referenza għad-Direttiva kienet ipprovduta fil-proposta tal-leġiżlazzjoni tal-Gvern. F’dawk l-Istati Membri fejn il-leġiżlazzjoni diġà eżistenti tqieset biżżejjed biex titwettaq l-implimentazzjoni sħiħa ma saret l-ebda referenza għad-Direttiva.

3.1 Skeda ta’ żmien tal-applikabbiltà

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-perjodu ta’ żmien, id-Direttiva tapplika biss għall-perjodi ta’ impjieg li jaqgħu wara l-limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni tagħha 18 , jiġifieri l-21 ta’ Mejju 2018. Għalhekk, l-Istati Membri kienu obbligati li jiżguraw li anki jekk it-traspożizzjoni f’pajjiżhom tlestiet biss wara l-21 ta’ Mejju 2018, il-leġiżlazzjoni kellha effett retroattiv biex tapplika għall-perjodi kollha ta’ impjieg wara l-21 ta’ Mejju 2018.

Il-biċċa l-kbira tal-pajjiżi kkonformaw ma’ din ir-regola. Madankollu, xi ftit pajjiżi ma għamlux dan 19 : fil-Polonja, il-liġi tat-traspożizzjoni daħlet fis-seħħ aktar tard (fis-7 ta’ Ġunju 2018) iżda mingħajr ebda effett retroattiv. Fl-Iżvezja, għalkemm ir-regola dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-perjodu ta’ żmien ġiet ġeneralment rispettata, fir-rigward tal-kalkolu tal-pensjonijiet inattivi tas-superstiti, jitqiesu biss id-drittijiet wara l-1 ta’ Ġunju 2018. Fi Franza, il-liġi tat-traspożizzjoni daħlet fis-seħħ fil-5 ta’ Lulju 2019 iżda ma kellha l-ebda effett retroattiv. Dan japplika għal skemi maħluqa wara l-5 ta’ Lulju 2019 mill-5 ta’ Lulju 2019 filwaqt li fir-rigward tal-iskema li kienet diġà teżisti qabel din id-data, id-dispożizzjonijiet ta’ traspożizzjoni japplikaw biss għal drittijiet li jikkorrispondu għal perjodi ta’ impjieg wara l-1 ta’ Jannar 2020. Fir-Rumanija, il-liġi li tittrasponi d-Direttiva ġiet adottata fit-8 ta’ Lulju 2019 mingħajr effett retroattiv.

3.2 Kamp ta’ applikazzjoni personali

Id-Direttiva tikkonċerna biss lill-ħaddiema u mhux lill-persuni li jaħdmu għal rashom (ara l-Artikoli 1 u 3(b)), għall-kuntrarju tad-Direttiva 98/49/KE li tapplika għaż-żewġ kategoriji ta’ persuni.

Peress li d-Direttiva tistipula biss rekwiżiti minimi 20 , l-Istati Membri huma liberi li jestendu l-protezzjoni pprovduta mid-Direttiva għal persuni li jaħdmu għal rashom. Aktar minn nofs l-Istati Membri 21 ddeċidew li jestendu l-protezzjoni mogħtija mid-Direttiva għall-persuni li jaħdmu għal rashom.

3.3Kamp ta’ applikazzjoni territorjali

L-Artikolu 2(5) tad-Direttiva jiċċara li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva ma japplikawx għall-akkwist u għall-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari tal-ħaddiema li jiċċaqilqu fi Stat Membru wieħed. Madankollu, skont il-Premessa 6 tad-Direttiva, l-Istati Membri jistgħu jikkunsidraw li jużaw il-kompetenzi nazzjonali tagħhom biex jestendu r-regoli ta’ din id-Direttiva għall-membri tal-iskema li jibdlu l-impjieg fi Stat Membru wieħed.

Nofs l-Istati Membri għażlu estensjoni bħal din tal-applikazzjoni tar-regoli tad-Direttiva anki għal sitwazzjonijiet purament domestiċi 22 . L-approċċ ta’ dawn il-pajjiżi jvarja: xi pajjiżi speċifikaw li l-leġiżlazzjoni tapplika wkoll għal sitwazzjonijiet purament domestiċi, pajjiżi oħra għamlu dan b’mod impliċitu biss minħabba li l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom ma tagħmilx distinzjoni bejn sitwazzjonijiet nazzjonali u transfruntiera 23 , pajjiżi oħra ddeċidew li japplikaw regoli simili għal sitwazzjonijiet interni 24 .

3.4Kamp ta’ applikazzjoni materjali

Ir- Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet 25 tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jiddistingwi bejn it-tipi li ġejjin ta’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari, li jistgħu jservu bħala qafas ta’ referenza komuni:

Skemi ta’ pensjonijiet supplimentari:

·L-iskemi ta’ pensjonijiet okkupazzjonali huma skemi marbuta ma’ relazzjoni ta’ impjieg jew attività professjonali. Dawn jistgħu jiġu stabbiliti minn impjegatur wieħed jew aktar, minn assoċjazzjonijiet industrijali jew minn sħab soċjali b’mod konġunt.

·L-iskemi ta’ pensjonijiet personali huma bbażati fuq kuntratt individwali ta’ tfaddil għall-irtirar bejn min ifaddal u l-fornitur tas-servizzi finanzjarji. Xi kultant l-impjegatur jista’ jagħmel kontribuzzjonijiet għall-iskema ta’ pensjoni personali tal-impjegat tiegħu.

Skont id-definizzjoni ta’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari fid-Direttiva, “skemi ta’ pensjonijiet okkupazzjonali” biss jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

L-Artikolu 2 flimkien mal-Artikolu 3 tad-Direttiva jiddefinixxu l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva. L-Artikolu 2 jispeċifika li d-Direttiva tapplika għal skemi ta’ pensjonijiet supplimentari bl-eċċezzjoni ta’ skemi elenkati b’mod eżawrjenti jew imsemmija fiha 26 .

L-Artikolu 3(b) jiddefinixxi l-kunċett ta’ skema ta’ pensjoni supplimentari. Għall-finijiet tad-Direttiva, l-iskema ta’ pensjoni supplimentari għandha tinftiehem bħala “kwalunkwe skema ta’ pensjoni tal-irtirar okkupazzjonali stabbilita f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali u marbuta ma’ relazzjoni ta’ impjieg, maħsuba biex tipprovdi pensjoni supplimentari għal persuni impjegati”. Aktar kjarifika tista’ tinstab fil-Premessa 11, li tiddikjara li d-“Direttiva għandha tapplika għall-iskemi kollha ta’ pensjonijiet supplimentari stabbiliti f’konformità mal-liġi u l-prattika nazzjonali li joffru pensjonijiet supplimentari għall-ħaddiema, bħal kuntratti ta’ assigurazzjoni kollettiva, skemi pay-as-you-go maqbula minn sezzjoni jew fergħa waħda jew aktar, skemi ta’ kapitalizzazzjoni jew wegħdiet ta’ pensjoni sostnuti minn riżervi fil-kotba, jew kwalunkwe arranġament kollettiv jew komparabbli.”

Il-Premessa 14 tiċċara wkoll li “id-Direttiva għandha tapplika biss għal skemi ta’ pensjonijiet supplimentari fejn ikun jeżisti d-dritt permezz ta’ relazzjoni ta’ impjieg u jkun marbut mal-ilħuq tal-età tal-irtirar jew mal-issodisfar ta’ rekwiżiti oħrajn, kif stabbilit fl-iskema jew fil-leġiżlazzjoni nazzjonali”. Id-Direttiva ma tapplikax għal arranġamenti ta’ pensjonijiet individwali, minbarra dawk konklużi permezz ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Għalhekk, l-arranġamenti individwali tal-pensjoni li mhumiex marbuta ma’ impjieg ma jaqgħux taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

Il-pensjonijiet statutorji mhumiex marbuta ma’ relazzjoni ta’ impjieg u għandhom ikunu koperti mir-Regolament (KE) Nru 883/2004; għalhekk, dawn għandhom jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva.

Meta jitqiesu l-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni, jista’ jiġi konkluż li l-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri kollha jkopru l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva. Il-leġiżlazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-Istati Membri 27 tapplika għall-iskemi ta’ pensjonijiet (okkupazzjonali) supplimentari kollha kif definiti mill-Artikolu 3 li mhumiex esklużi bis-saħħa tal-Artikoli 2(1) u 2(2). Xi Stati Membri ma speċifikawx il-kamp ta’ applikazzjoni fil-leġiżlazzjoni tagħhom. Madankollu, jista’ jiġi konkluż mill-kliem ta’ dik il-leġiżlazzjoni li r-regoli dwar il-kamp ta’ applikazzjoni materjali tad-Direttiva ġew rispettati 28 .

3.5 Il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ksib tad-drittijiet għall-pensjoni

Ir-rekwiżit relatat mal-kundizzjonijiet tal-ksib tad-drittijiet tal-ħaddiema mobbli taħt l-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari huwa wieħed mill-aspetti l-aktar importanti tad-Direttiva.

Il-fatt li f’xi skemi ta’ pensjonijiet supplimentari d-drittijiet għall-pensjoni jistgħu jintilfu jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg ta’ ħaddiem tispiċċa qabel ma jkun intemm perjodu minimu ta’ sħubija fl-iskema (“perjodu ta’ vestiment”) jew qabel ma tintlaħaq l-età minima (“età ta’ vestiment”), jista’ jipprevjeni lill-ħaddiema li jiċċaqilqu bejn l-Istati Membri milli jiksbu drittijiet għall-pensjoni adegwati. Ir-rekwiżit ta’ perjodu twil qabel ma ħaddiem ikun jista’ jsir membru ta’ skema ta’ pensjoni (“perjodu ta’ stennija”) jista’ jkollu effett simili. Għalhekk, il-koleġiżlaturi tal-UE ddeċidew li jistabbilixxu ċerti limitazzjonijiet bil-għan li jitneħħew dawn l-ostakli għal-libertà tal-moviment tal-ħaddiema.

Skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva, il-perjodu ta’ stennija u l-perjodu ta’ vestiment magħquda flimkien ma jistgħux ikunu itwal minn 3 snin. Għalhekk, id-drittijiet għall-pensjoni jiġu akkwiżiti (“vestiti”) b’mod irrevokabbli mhux aktar tard minn tliet snin wara r-relazzjoni ta’ impjieg.

L-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari mhumiex permessi jistabbilixxu età minima għall-vestiment tad-drittijiet għall-pensjoni li tkun aktar minn 21 sena. Min-naħa l-oħra, kif spjegat fil-Premessa 17, l-ebda rekwiżit ta’ età minima għas-sħubija fl-iskema ta’ pensjoni supplimentari mhuwa stabbilit mid-Direttiva minħabba li tali limitu ta’ età ma ġiex identifikat bħala ostaklu għall-moviment liberu tal-ħaddiema.

Skont is-sejbiet, dawn ir-rekwiżiti minimi ġodda wasslu għal bidliet fil-limiti rilevanti stabbiliti fil-livell nazzjonali peress li f’xi pajjiżi l-perjodu ta’ stennija u/jew ta’ vestiment kien itwal u l-età ta’ vestiment kienet akbar mir-rekwiżiti l-ġodda tad-Direttiva.

Hemm biss għadd limitat ta’ Stati Membri li ma jippermettu ebda perjodu ta’ stennija jew ta’ vestiment jew età ta’ vestiment. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva, Stat Membru wieħed (il-Belġju) iddeċieda li jkompli jsaħħaħ id-drittijiet tal-ħaddiema li jmorru lil hinn mil-limiti stabbiliti mid-Direttiva u neħħa l-possibbiltà li jiġi pprovdut perjodu ta’ stennija u ta’ vestiment kif ukoll età ta’ vestiment.

Il-perjodu ta’ stennija

Hemm 16-il Stat Membru li jużaw il-perjodu ta’ limitu ta’ tliet snin stabbilit mid-Direttiva (AT, CY, CZ, DK, EE, FR, EL, ES, FI, HU, LU, MT, PL, PT, RO, SE), 6 Stati Membri li jippermettu biss perjodi ta’ stennija ħafna iqsar: BG (6 xhur), IE (sena), LT (sena), SI (sena), SK (sena), UK (tliet xhur) u 5 Stati Membri li ma jippermettu l-ebda perjodu ta’ stennija (HR, BE, DE, IT, NL). Stat Membru wieħed (AT) jipprovdi għal perjodu ta’ stennija ta’ erba’ snin għal kategorija speċifika ta’ ħaddiema (ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija). Stat Membru ieħor (LV) ma jipprovdi l-ebda regola dwar il-perjodu ta’ stennija u, abbażi tal-leġiżlazzjoni kkomunikata mill-awtoritajiet tal-LV, ma jistax jiġi konkluż li dan il-perjodu mhuwiex permess. Fil-fatt, jidher mil-leġiżlazzjoni li l-perjodu ta’ stennija jista’ jiġi definit minn kull pjan tal-pensjoni, u b’hekk jista’ jmur lil hinn mil-limitu ta’ żmien ta’ tliet snin. Dawn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar minn AT u LV ma jidhrux li huma konformi mad-dispożizzjoni tad-Direttiva.

Il-perjodu ta’ vestiment

16-il Stat Membru jużaw il-perjodu ta’ limitu ta’ tliet snin stabbilit mid-Direttiva (AT, CY, CZ, DE, DK, EL  29 , ES, FI, FR, HU, IT, LU, MT, PT, RO, SE), 3 Stati Membri jippermettu perjodu iqsar ta’ vestiment: IE (sentejn), LT (sentejn), UK (sentejn) u 8 Stati Membri ma jippermettu l-ebda perjodu ta’ vestiment (HR, BE, BG, EE, NL, PL, SI, SK). Għal darb’oħra, Stat Membru wieħed (LV) ma jipprovdi ebda regola dwar il-perjodu ta’ vestiment. Peress li ma jistax jiġi konkluż li tali perjodu mhuwiex permess, il-leġiżlazzjoni tista’ ma tkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Il-perjodi ta’ vestiment fil-Ġermanja diġà tnaqqsu minn għaxar snin għal ħames snin fl-2001 u l-età ta’ vestiment ta’ 30 sena tnaqqset. Bis-saħħa tat-traspożizzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali mill-bidu tal-2018, il-ħaddiema għandhom ikunu impjegati minn impjegatur għal tliet snin biss u għandhom jilħqu l-età ta’ 21 sena sabiex iżommu d-drittijiet tagħhom ta’ pensjoni okkupazzjonali. Dan huwa żvilupp pożittiv fir-rigward tad-drittijiet tal-ħaddiema biex jiksbu l-pensjonijiet supplimentari tagħhom.

Kombinazzjoni ta’ perjodi ta’ stennija u ta’ vestiment

Apparti żewġ Stati Membri 30 , l-Istati Membri kollha jirrispettaw il-limitu ta’ tliet snin applikabbli għall-kombinazzjoni ta’ perjodi ta’ stennija u ta’ vestiment. Dawk l-Istati Membri li jippermettu kemm il-perjodu ta’ stennija kif ukoll il-perjodu ta’ vestiment li, jekk jiġu applikati flimkien, jistgħu jaqbżu l-limitu massimu ta’ tliet snin, jistipulaw espressament fil-leġiżlazzjoni tagħhom il-limitu massimu ta’ tliet snin li huwa applikabbli meta dawn iż-żewġ perjodi jiġu kkombinati flimkien (eż. CY, CZ, DK, EL, ES, FI, FR, HU, LU, MT, PT, SE, SI, RO).

Għal Stati Membri oħra, ir-rispett għal din ir-regola jista’ jiġi konkluż indirettament billi waħda mill-kundizzjonijiet tiġi permessa u l-oħra ma tiġix jew meta dawn iż-żewġ perjodi jiżdiedu flimkien, dawn ma jistgħux jirriżultaw f’aktar minn tliet snin (eż. BG, EE, IE, LT, SK, UK).

L-età ta’ vestiment

Hemm grupp kbir ta’ Stati Membri (16) li jippermettu lill-fornituri ta’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari jistabbilixxu età ta’ vestiment: 21 sena (CY, CZ, DE, DK, EE, EL, ES, FI, FR, LT, LU, MT NL, PT, RO u SE). Stat Membru wieħed (BG) jippermetti li jkun hemm età ta’ vestiment ħafna aktar baxxa ta’ 16-il sena. Hemm diversi pajjiżi (9) li ma jippermettux età minima għall-vestiment tad-drittijiet tal-pensjonijiet (IE, IT, PL, SI, SK, UK, HR, HU u BE). 2 oħrajn ma jistipulaw xejn rigward l-età ta’ vestiment fil-leġiżlazzjoni tagħhom (AT, LV), li jqajjem mistoqsijiet dwar jekk l-istabbiliment ta’ età ta’ vestiment għadux permess u jekk iva, f’liema età.

Bħala konklużjoni, jista’ jingħad li maġġoranza kbira tal-Istati Membri ttrasponew b’mod korrett ir-rekwiżiti minimi għall-ksib ta’ drittijiet għal pensjoni supplimentari stabbiliti mid-Direttiva.

Jidher li fi Stat Membru wieħed (LV), il-miżuri nazzjonali ta’ traspożizzjoni ma jipprovdux b’mod espliċitu għal perjodi massimi ta’ stennija u ta’ vestiment u kwalunkwe regola dwar l-età ta’ vestiment, li jimplika li dawn jistgħu jiġu definiti minn kull pjan ta’ pensjoni jew ftehim dwar l-impjieg. Dan jista’ jfisser li, fir-realtà, il-fornituri ta’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet li ma jikkonformawx mad-Direttiva. Stat Membru ieħor (AT) jidher li jippermetti perjodu ta’ stennija ta’ erba’ snin għal kategorija speċifika ta’ ħaddiema.

Id-dritt għar-rimborż tal-kontribuzzjonijiet

Sabiex jiġu protetti d-drittijiet finanzjarji ta’ ħaddiem li se jispiċċa mill-impjieg jekk ikun għadu ma kisibx id-drittijiet għall-pensjoni skont il-perjodu stabbilit tal-vestiment, l-Artikolu 4(1)(c) tad-Direttiva jistipula d-dritt għar-rimborż tal-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-ħaddiem li se jispiċċa mill-impjieg jew imħallsa f’ismu. Għalhekk, il-kontribuzzjonijiet proprji tal-impjegati kif ukoll il-kontribuzzjonijiet imħallsa f’isimhom mill-impjegatur ma jistgħu qatt jintilfu f’każ li l-ħaddiema li se jispiċċaw mill-impjieg jitilqu minn skema ta’ pensjoni qabel id-drittijiet tagħhom jiġu vestiti.

Ħafna Stati Membri ttrasponew ir-regola tar-rimborż b’mod korrett. Xi Stati Membri ma qisux it-traspożizzjoni ta’ din ir-regola fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom bħala neċessarja peress li, minħabba n-nuqqas ta’ eżistenza ta’ perjodu ta’ vestiment, il-kontribuzzjonijiet tal-ħaddiema li se jispiċċaw mill-impjieg jiġu vestiti immedjatament. Madankollu, Stat Membru wieħed ma ttrasponiex ir-regola tar-rimborż, anki jekk il-kontribuzzjonijiet ma jiġux vestiti immedjatament (LV).

Fir-rigward tal-possibbiltà prevista fl-Artikolu 4(2) li s-sħab soċjali jiġu permessi jistipulaw dispożizzjonijiet aktar favorevoli fuq il-perjodi ta’ stennija jew ta’ vestiment jew l-età ta’ vestiment minn dawk ipprovduti fl-Artikolu 4 fi ftehim kollettiv, nofs l-Istati Membri ppermettew dik il-possibbiltà 31 .

3.6 Il-preservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni inattivi (l-Artikolu 5)

Il-preservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni inattivi skont din id-Direttiva hija differenti mill-preservazzjoni tad-drittijiet prevista fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/49/KE. Minn naħa waħda, id-Direttiva 98/49/KE tistabbilixxi l-prinċipju li l-membri li se joħorġu minn skema li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor għandhom jiġu ttrattati bl-istess mod bħall-membri li se joħorġu mill-iskema li jibqgħu fl-istess Stat Membru. Id-Direttiva 2014/50/UE, min-naħa l-oħra, tistabbilixxi d-dritt għall-ħaddiema li se joħorġu minn skema li jiċċaqilqu lejn Stat Membru ieħor biex jippreservaw id-drittijiet inattivi vestiti tagħhom fuq bażi ekwivalenti ma’ membri attivi tal-iskema.

Il-prinċipju bażiku huwa li l-ħaddiema li se jispiċċaw mill-impjieg, dawk li se joħorġu minn skema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema, ma għandhomx jiġu ppenalizzati u, fir-rigward tad-drittijiet vestiti tagħhom, għandhom jiġu ttrattati fuq bażi ġusta fir-rigward ta’ membri attivi fi skema. Il-ħaddiema li se jispiċċaw mill-impjieg għandhom id-dritt li jżommu d-drittijiet għall-pensjoni inattivi tagħhom fl-iskema ta’ pensjoni tal-eks impjegatur. Il-preservazzjoni tista’ tvarja skont in-natura tal-iskema ta’ pensjoni - eż. permezz ta’ indiċjar jew permezz ta’ dħul minn kapital. Xi regoli huma aktar adattati għal skemi b’benefiċċji definiti, filwaqt li oħrajn huma aktar adattati għal skemi ta’ kontribuzzjoni definiti 32 . Barra minn hekk, id-Direttiva tistipula li l-valur inizjali ta’ dawk id-drittijiet għandu jiġi kkalkulat fil-mument li fih tintemm ir-relazzjoni tal-impjieg attwali ta’ ħaddiem li se jispiċċa mill-impjieg.

L-Istati Membri kollha segwew ir-regola ġenerali ta’ preservazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni inattivi peress li kollha għandhom miżuri li jiżguraw li d-drittijiet għall-pensjoni akkwiżiti tal-ħaddiem li se jispiċċa mill-impjieg jistgħu jibqgħu fl-iskema ta’ pensjoni supplimentari li jkunu vestiti fiha.

Fir-rigward tat-trattament ġust tad-drittijiet għall-pensjoni inattivi tal-ħaddiema li se jispiċċaw mill-impjieg u tas-superstiti tagħhom, il-pajjiżi kollha għandhom regoli dwar kif jittrattawhom skont il-valur tad-drittijiet tal-membri attivi fi skema jew b’modi ġusti oħra skont l-Artikolu 5(2) tad-Direttiva.

Il-possibbiltà li jitħalla jsir il-ħlas tad-drittijiet akkwiżiti fil-forma ta’ somma kapitali

Biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta’ ġestjoni tad-drittijiet għall-pensjoni inattivi ta’ valur baxx, l-Artikolu 5(3) jipprovdi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jippermettu skemi ta’ pensjonijiet supplimentari li ma jżommux id-drittijiet akkwiżiti ta’ ħaddiem li se jispiċċa mill-impjieg iżda li titħallas somma kapitali ekwivalenti għall-valur tad-drittijiet għall-pensjoni akkwiżiti lill-ħaddiem li se jispiċċa mill-impjieg. Madankollu, dan huwa possibbli biss bil-kunsens infurmat tal-ħaddiem u biss sakemm il-valur tad-drittijiet għall-pensjoni akkwiżiti ma jaqbiżx limitu stabbilit mill-Istat Membru.

 
Il-maġġoranza tal-Istati Membri ma għamlux użu minn din il-possibbiltà. Il-limiti massimi nazzjonali f’dawk l-Istati Membri
33 li użaw il-possibbiltà li japplikaw din l-eċċezzjoni għar-regoli ta’ preservazzjoni jvarjaw b’mod sinifikanti minn madwar EUR 2 000 fil-Greċja, għal EUR 12 600 fl-Awstrija 34 .

3.7 Rekwiżiti ta’ informazzjoni

L-Artikolu 6 jistabbilixxi l-obbligu għall-Istati Membri li jiżguraw li l-membri attivi fi skema u l-benefiċjarji differiti li eżerċitaw jew għandhom l-intenzjoni li jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ moviment liberu, kif ukoll il-benefiċjarji superstiti, jirċievu, fuq talba, informazzjoni adegwata u xierqa dwar id-drittijiet għal pensjoni supplimentari tagħhom. Uħud minn dawn l-obbligi ta’ informazzjoni diġà ġew stabbiliti fl-Artikolu 7 tad-Direttiva 98/49/KE. L-Artikolu 6(5) tad-Direttiva jirreferi għal rekwiżiti ta’ informazzjoni addizzjonali skont id-Direttiva 2003/41/KE, li ġiet imħassra mid-Direttiva 2016/2341/UE riformulata 35 . Din ir-referenza għandha għalhekk tiġi interpretata bħala referenza għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni stabbiliti fid-Direttiva 2016/2341/UE.

Id-Direttiva tistipula standards minimi differenti ta’ informazzjoni għall-membri attivi fi skema u għall-benefiċjarji differiti. Il-membri attivi fi skema għandhom id-dritt li jiġu infurmati dwar kif it-tmiem tal-impjieg jaffettwa d-drittijiet għal pensjoni supplimentari tagħhom 36 . Il-benefiċjarji differiti u l-benefiċjarji superstiti fil-każ tal-benefiċċji tas-superstiti għandhom id-dritt li jiġu infurmati dwar il-valur jew valutazzjoni tal-valur tad-drittijiet għall-pensjoni inattivi tagħhom u l-kundizzjonijiet li jirregolaw it-trattament ta’ dawn id-drittijiet.

Din l-informazzjoni għandha tingħata fuq talba, b’mod ċar, bil-miktub, u f’perjodu ta’ żmien raġonevoli. L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-iskemi ta’ pensjonijiet jipprovdu din l-informazzjoni mhux aktar minn darba fis-sena.

Skont id-Direttiva, l-informazzjoni mitluba għandha tiġi pprovduta “f’perjodu ta’ żmien raġonevoli”. Filwaqt li ħafna Stati Membri ma stipulaw l-ebda skadenza għall-għoti ta’ informazzjoni, Stati Membri oħra għażlu perjodu ta’ żmien speċifiku, jiġifieri sebat ijiem (BG), għaxart ijiem (ES), ħmistax-il jum (SI), xahar (UK), xahrejn (IE) u sittin jum (PT). Stati Membri oħra jistrieħu fuq kunċetti legali bħal “żmien raġonevoli” (BE, CY, DE, DK, EE, EL, FI, SE) jew l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni “mingħajr dewmien żejjed” (CZ), “f’waqtha” (NL), jew “immedjatament” (PL).

Ħafna Stati Membri użaw il-possibbiltà li jillimitaw l-għoti ta’ informazzjoni fuq talba ta’ persuna għal “darba fis-sena” 37 iżda għadd sinifikanti ta’ Stati Membri oħra ma għamlux dan 38 .

F’ħafna Stati Membri huwa possibbli li l-informazzjoni tiġi pprovduta b’mezzi elettroniċi 39 . F’xi Stati Membri dan la huwa meħtieġ u lanqas ipprojbit 40 filwaqt li xi Stati Membri oħra ma jipprovdux għal din il-possibbiltà 41 .

Fil-Belġju, teżisti bażi tad-data tal-gvern “My Pension, My supplementary Pension” (“Il-Pensjoni tiegħi, il-Pensjoni Supplimentari Tiegħi”). Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet tal-pensjoni kollha, kemm l-assigurazzjonijiet kif ukoll il-fondi tal-pensjonijiet, għandhom jirrapportaw id-drittijiet għall-pensjoni akkumulati kollha għal kull individwu affiljat ma’ din il-bażi ta’ data fuq bażi annwali. Iċ-ċittadini kollha għalhekk jistgħu jsibu l-informazzjoni kollha dwar id-drittijiet għall-pensjoni akkumulati fil-Belġju. Il-Belġju, flimkien ma’ sħab minn pajjiżi oħra tal-UE, jipparteċipa fi proġett pilota biex jitwaqqaf Servizz Ewropew ta’ Rintraċċar għall-pensjonijiet li jippermetti lill-membri jintraċċaw id-drittijiet għall-pensjoni tagħhom akkumulati fi Stati Membri u skemi ta’ pensjonijiet differenti matul il-karriera tagħhom.

 

Minbarra r-rekwiżiti ta’ informazzjoni li għandhom jiġu pprovduti skont id-Direttiva, għandha tingħata aktar informazzjoni minn Jannar 2019 skont id-Direttiva 2016/2341/UE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs)  42 . B’riżultat ta’ dan, għal dawk l-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari li huma pprovduti minn istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali u għalhekk huma koperti mid-Direttiva 2016/2341/UE, ir-rekwiżiti tal-Istati Membri għall-provvista ta’ informazzjoni issa jmorru lil hinn mir-rekwiżiti ta’ informazzjoni skont id-Direttiva 2014/50/UE. Pereżempju, skont id-Direttiva 2016/2341/UE anki qabel ma jidħol f’kuntratt ta’ parteċipant, il-fornitur tal-pensjoni supplimentari huwa attwalment obbligat li jipprovdi l-informazzjoni rilevanti kollha lill-parteċipant potenzjali (membru prospettiv).

B’riżultat ta’ dan, l-informazzjoni dwar id-drittijiet għal pensjoni supplimentari għall-membri attivi, għall-benefiċjarji differiti kif ukoll għall-membri prospettivi hija komprensiva b’mod ġenerali.

3.8Trasferiment ta’ drittijiet għall-pensjoni

Id-Direttiva ma tipprovdix għat-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni akkwiżiti. Madankollu, sabiex tiġi ffaċilitata l-mobilità tal-ħaddiema bejn l-Istati Membri, il-Premessa 24 tħeġġeġ lill-Istati Membri biex itejbu t-trasferibbiltà tad-drittijiet għall-pensjoni akkwiżiti, b’mod partikolari meta jiġu introdotti skemi ġodda ta’ pensjonijiet supplimentari. Aktar minn nofs l-Istati Membri ħadu miżuri dwar it-trasferibbiltà tad-drittijiet għall-pensjoni akkwiżiti jew il-valuri tal-pensjoni akkwiżiti 43 . Xi wħud minn dawn l-Istati Membri stabbiliew ċerti kundizzjonijiet u limitazzjonijiet fuq it-trasferibbiltà, li jistgħu joħolqu impedimenti serji għall-eżerċizzju tat-trasferimenti transfruntiera fil-prattika 44 .

Fl-Awstrija t-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni akkwiżiti huwa possibbli u diversi għażliet huma pprovduti mil-leġiżlazzjoni Awstrijaka. Jekk l-impjegat jiġi trasferit b’mod permanenti għal xogħol barra mill-pajjiż huwa jista’ jittrasferixxi l-ammont vestit lil istituzzjoni tal-pensjoni barranija.

Fil-Greċja, dawk il-persuni li jibdlu l-attività professjonali tagħhom jistgħu jittrasferixxu d-drittijiet akkwiżiti tagħhom għal fond ieħor tal-assigurazzjoni okkupazzjonali (li jopera fil-Greċja jew fi Stat Membru ieħor) jew jistgħu jagħżlu li jżommu d-drittijiet għall-pensjoni akkwiżiti tagħhom fil-fond oriġinali u li jirċievu l-benefiċċju tal-pensjoni minn kull fond hekk kif jirtiraw. Dawn it-trasferimenti jseħħu fil-prattika.

Madankollu, hemm ukoll Stati Membri oħra li ma jipprovdux għal din il-possibbiltà 45 .

Stat Membru wieħed (LU) indika li s-sistemi fiskali differenti ħafna drabi jxekklu lill-ħaddiema milli jwettqu trasferiment transfruntiera peress li dawn jistgħu jiġu ntaxxati fiż-żewġ Stati Membri. Stat Membru ieħor (SK) indika li fin-nuqqas ta’ regoli minimi għat-trasferibbiltà huwa diffiċli ħafna fil-prattika li jiġu trasferiti d-drittijiet għall-pensjoni inattivi u li huma meħtieġa diskussjonijiet ġodda dwar regoli minimi possibbli għat-trasferibbiltà tad-drittijiet għall-pensjoni. Għall-kuntrarju, sieħeb soċjali wieħed (rappreżentant tal-impjegaturi) minn Stat Membru (DE) wera sodisfazzjon dwar il-fatt li ma hemm l-ebda regola komuni dwar it-trasferibbiltà fil-livell tal-UE minħabba li jibżgħu li dan ikun sforz kumpless ħafna.

4.Applikazzjoni tad-Direttiva

Fir-rigward tal-applikazzjoni prattika tad-Direttiva, huwa importanti li wieħed jinnota li r-rwol u l-importanza tal-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari jvarjaw b’mod sinifikanti fost l-Istati Membri.

Ir- Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet 46 tal-Kummissjoni Ewropea u tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali janalizza r-rwol u l-importanza ta’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari (okkupazzjonali) fis-sistemi tal-pensjonijiet nazzjonali tal-Istati Membri.

Kif imfakkar fil-Premessa 9 tad-Direttiva, huwa d-dritt tal-Istati Membri li jorganizzaw is-sistemi tal-pensjonijiet tagħhom stess u l-Istati Membri jżommu r-responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni ta’ sistemi bħal dawn. Meta ttrasponew id-Direttiva, l-Istati Membri ma kinux obbligati jintroduċu leġiżlazzjoni li tipprovdi għat-twaqqif ta’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari. Hemm diversità kbira fis-sistemi nazzjonali tal-pensjonijiet.

Filwaqt li f’ċerti Stati Membri l-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari okkupazzjonali għandhom rwol prominenti fis-sistema tal-pensjonijiet nazzjonali (pereżempju fin-NL, DK, UK, IE, SE) u dawn huma inqas prominenti iżda xorta importanti fi Stati Membri oħra (DE, FR BE), f’madwar nofs l-Istati Membri, l-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari ma ġewx żviluppati f’komponent sinifikanti tas-sistema tal-pensjonijiet nazzjonali u għandhom it-tendenza li jkollhom rwol pjuttost marġinali.

Is-sejbiet ta’ hawn taħt dwar l-applikazzjoni prattika inizjali tad-Direttiva huma bbażati fuq informazzjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva kif ikkomunikata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 9(1) u fuq it-tweġibiet għall-kwestjonarju tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri u mis-sħab soċjali. Il-Kummissjoni rċeviet feedback minn 23 Stat Membru 47 u 8 sħab soċjali 48 .

Sa fejn tissuġġerixxi l-informazzjoni miġbura, ma ġie identifikat l-ebda tilwim quddiem il-qrati nazzjonali dwar id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva fi kwalunkwe Stat Membru.

F’għadd ta’ Stati Membri, il-fornituri ta’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari kellhom jemendaw ir-regoli tagħhom sabiex jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta d-Direttiva. Dan huwa l-każ pereżempju għal skemi ta’ pensjonijiet supplimentari fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu, fl-Italja u fil-Bulgarija. F’pajjiżi oħra fejn id-dispożizzjonijiet dwar il-perjodi ta’ stennija u ta’ vestiment kif ukoll l-età ta’ vestiment kienu diġà konformi mad-Direttiva qabel l-adozzjoni tagħha, ma ġie osservat l-ebda impatt partikolari fuq l-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari.

Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva, l-Istati Membri kellhom l-għażla li jippermettu lis-sħab soċjali jistabbilixxu dispożizzjonijiet differenti, aktar favorevoli, dwar il-perjodu ta’ vestiment jew ta’ stennija jew l-età ta’ vestiment minn dawk stabbiliti fl-Artikolu 4. Nofs l-Istati Membri ma jippermettux li l-ftehimiet kollettivi jistabbilixxu dispożizzjonijiet differenti minn dawk stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom. F’dawk l-Istati Membri fejn din il-possibbiltà hija permessa skont il-liġi nazzjonali 49 , l-ebda Stat Membru ma pprovda informazzjoni dwar tali ftehimiet kollettivi li fil-fatt jistabbilixxu regoli differenti u aktar favorevoli. Fil-prattika, il-ftehimiet kollettivi, fejn jeżistu, jirreplikaw id-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali. Sieħeb soċjali wieħed (minn DE) indika li huwa konxju ta’ ftehim kollettiv wieħed fl-industrija tal-kostruzzjoni li jipprovdi protezzjoni aktar favorevoli għall-ħaddiema minn dik stabbilita mid-Direttiva minħabba li d-drittijiet għal pensjoni supplimentari huma vestiti immedjatament u mhija meħtieġa l-ebda età ta’ vestiment.

Skont it-tweġibiet għall-kwestjonarju, f’xi pajjiżi 50 , id-Direttiva kellha impatt pożittiv fuq il-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari tal-ħaddiema li jitilqu minn pajjiżhom biex jiċċaqilqu fi Stat Membru ieħor. Dan kien il-każ b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri li fihom kellhom jiġu implimentati regoli ġodda aktar stretti sabiex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva.

Fir-rigward tal-impatt tar-rekwiżiti l-ġodda tal-informazzjoni stabbiliti mid-Direttiva, l-impatt tad-Direttiva, flimkien mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2016/2341/UE, kien importanti. L-Istati Membri stabbilew regoli dettaljati, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva rigward ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni dwar id-drittijiet għal pensjoni supplimentari tal-persuni. Huwa pjuttost diffiċli li, f’dan il-punt, wieħed jivvaluta sa liema punt l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għenet biex jiżdied l-għarfien tal-ħaddiema tal-UE rigward il-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari tagħhom f’każ ta’ mobilità intra-UE. Madankollu, il-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati jqisu li l-ħaddiema tal-UE issa huma aktar konxji mid-drittijiet tagħhom.

Kważi l-partijiet ikkonċernati kollha indikaw li ma identifikaw l-ebda diffikultà partikolari li jħabbtu wiċċhom magħha l-ħaddiema mobbli tal-UE meta jużaw id-drittijiet tagħhom li jirriżultaw mid-Direttiva.

Stat Membru wieħed (HR) indika d-diffikultajiet futuri possibbli fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva. Xi kumpaniji tal-pensjoni f’dan il-pajjiż innutaw li tista’ tkun meħtieġa kjarifika biex jiġu determinati l-fatti relatati mat-terminazzjoni tal-impjieg f’termini ta’ dokumentazzjoni tat-terminazzjoni tal-impjieg (biex tingħata prova tar-rilokazzjoni).

Is-sħab soċjali fi Stat Membru ieħor (il-Belġju), kemm it-trade unions kif ukoll ir-rappreżentanti tal-impjegaturi, indikaw li jistgħu jkunu mistennija diffikultajiet fir-rigward ta’ żieda konsiderevoli fil-piż amministrattiv. Madankollu, dan jidher li huwa marbut mar-regoli l-ġodda stabbiliti f’pajjiżhom, li huma aktar stretti minn dawk stipulati mid-Direttiva. Dawn ir-regoli jneħħu kompletament il-possibbiltà li jiġu stabbiliti perjodi ta’ stennija u ta’ vestiment kif ukoll età ta’ vestiment. Fl-istess ħin, ma jippermettux li l-iskemi ta’ pensjonijiet iħallsu lill-benefiċjarji inattivi d-drittijiet għall-pensjoni inattivi tagħhom ta’ valur baxx f’forma ta’ somma kapitali u għalhekk dawn id-drittijiet għandhom jinżammu fl-iskema sakemm il-persuna tkun irtirata. Ir-rappreżentanti tal-impjegaturi fi Stat Membru wieħed (AT) indikaw li fil-prattika huwa diffiċli li wieħed jirċievi l-kunsens tal-benefiċjarju differit biex iħallas id-drittijiet inattivi ta’ valur baxx tiegħu f’forma ta’ kapital sempliċement minħabba n-nuqqas ta’ interess f’din il-kwistjoni.

Fir-rigward tal-valutazzjoni ġenerali tal-impatt tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, f’xi pajjiżi ġie osservat ċertu impatt pożittiv minħabba l-bidliet obbligatorji tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, filwaqt li f’pajjiżi oħra ma ġiet irreġistrata l-ebda influwenza prattika ewlenija. Dan jista’ jkun minħabba l-fatt li l-istandards dwar il-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari kif ukoll ir-rekwiżiti ta’ informazzjoni f’dawn il-pajjiżi kienu diġà konformi fis-sustanza mad-Direttiva qabel l-adozzjoni tagħha. Barra minn hekk, f’ċerti pajjiżi l-kopertura ta’ skemi ta’pensjonijiet supplimentari okkupazzjonali hija baxxa ħafna jew ma teżistix 51 . Għadd importanti ta’ partijiet ikkonċernati ssuġġerew li għadu kmieni wisq biex jiġi vvalutat l-impatt minħabba ż-żmien qasir ħafna ta’ applikazzjoni u n-nuqqas ta’ disponibbiltà ta’ data rilevanti.

Barra minn hekk, is-sejbiet rigward l-applikazzjoni tad-Direttiva għandhom jiġu interpretati b’kawtela peress li t-traspożizzjoni f’xi pajjiżi seħħet biss reċentement. Pereżempju, f’żewġ pajjiżi 52 bi rwol importanti ta’ skemi ta’ pensjonijiet supplimentari fis-sistema tal-pensjonijiet nazzjonali tagħhom, it-traspożizzjoni sħiħa seħħet biss fis-sajf tal-2019.

5.KONKLUŻJONIJIET

B’mod ġenerali, it-traspożizzjoni tad-Direttiva mill-Istati Membri tista’ titqies bħala sodisfaċenti.

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, għadd sinifikanti ta’ Stati Membri estendew il-protezzjoni lil hinn mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva u jipprovdu protezzjoni mhux biss lill-impjegati iżda wkoll lil persuni li jaħdmu għal rashom. Għadd kbir ta’ Stati Membri jkopru wkoll sitwazzjonijiet purament interni ta’ moviment tal-ħaddiema. Madwar nofs l-Istati Membri stabbilew regoli għat-trasferibbiltà tad-drittijiet għall-pensjoni akkwiżiti, u xi Stati Membri jipprovdu wkoll obbligi ta’ informazzjoni estiżi li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti tad-Direttiva.

Fir-rigward tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet individwali tad-Direttiva, l-analiżi tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tal-Istati Membri żvelat biss għadd limitat ta’ kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni li jaffettwaw ftit Stati Membri. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tar-rekwiżiti minimi għall-ksib ta’ drittijiet għal pensjoni supplimentari stabbiliti mid-Direttiva, jiġifieri t-traspożizzjoni tar-regoli dwar il-perjodi ta’ stennija u ta’ vestiment kif ukoll l-età ta’ vestiment.

L-analiżi tat-tweġibiet tal-Istati Membri u tal-partijiet ikkonċernati għall-kwestjonarju dwar it-traspożizzjoni u l-applikazzjoni tad-Direttiva turi li kellhom isiru xi bidliet importanti fir-regoli li kienu jeżistu qabel f’xi Stati Membri. Fi Stati Membri oħra, id-drittijiet li ġew stabbiliti mid-Direttiva kienu diġà garantiti biżżejjed qabel it-traspożizzjoni tad-Direttiva.

Mill-analiżi jidher li d-Direttiva ma ntużatx mill-Istati Membri biex jitnaqqsu l-istandards dwar il-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari jew biex jitnaqqsu r-rekwiżiti ta’ informazzjoni.

It-tweġibiet għall-kwestjonarju jissuġġerixxu li d-Direttiva kellha impatt ġenerali pożittiv għall-partijiet ikkonċernati kollha. Din il-konklużjoni tqis li fiż-żmien tal-adozzjoni tad-Direttiva kien għad hemm ħaddiema fl-Istati Membri li d-drittijiet għal pensjoni supplimentari tagħhom setgħu jintilfu jekk ir-relazzjoni ta’ impjieg tal-ħaddiem tkun intemmet qabel ma jkun lesta perjodu minimu ta’ sħubija fl-iskema (perjodu ta’ vestiment) jew qabel ma l-ħaddiem ikun laħaq l-età minima (età ta’ vestiment). L-impatt tar-regoli tad-Direttiva fl-Istati Membri individwali, madankollu, ivarja ħafna peress li kien hemm ukoll xi Stati Membri li fihom il-leġiżlazzjoni kienet diġà konformi mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva u għalhekk l-impatt ma kienx sinifikanti.

Fir-rigward tar-rekwiżit ta’ informazzjoni stabbilit mid-Direttiva, l-impatt tad-Direttiva, flimkien mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2016/2341/UE dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) kien importanti. F’dan il-punt, huwa diffiċli li jiġi vvalutat il-livell ta’ għarfien tal-ħaddiema tal-UE dwar id-drittijiet għal pensjoni supplimentari tagħhom.

Madankollu huwa ċar li r-rekwiżiti minimi stabbiliti fid-Direttiva, bħal dawk dwar l-akkwist u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari kif ukoll rekwiżiti ta’ informazzjoni aktar dettaljati, ħolqu aktar ċertezza legali u pprovdew aktar għarfien lill-ħaddiema dwar id-drittijiet għal pensjoni supplimentari tagħhom meta (jikkunsidraw li) jiċċaqilqu barra minn pajjiżhom. B’riżultat ta’ dan, hija għandha tikkontribwixxi biex tiffaċilita l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE.

Fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva, l-analiżi turi li d-dispożizzjonijiet li jittrasponu d-Direttiva fl-Istati Membri individwali huma operattivi u sa issa ma kien hemm l-ebda tilwim ġudizzjarju dwar ir-regoli stabbiliti mid-Direttiva. Fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi ma ġiet identifikata l-ebda diffikultà partikolari fir-rigward tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva, ġew irrappurtati biss għadd limitat ħafna ta’ kwistjonijiet fir-rigward tal-Istati Membri individwali.

Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li minħabba d-dewmien fit-traspożizzjoni tad-Direttiva f’ħafna pajjiżi u l-perjodu relattivament qasir tal-applikazzjoni tagħha fil-prattika, mhuwiex possibbli li jinsiltu konklużjonijiet b’saħħithom dwar l-impatt tagħha f’dan l-istadju.

Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva u se tkompli taħdem mal-Istati Membri biex tiżgura li d-Direttiva tiġi trasposta u implimentata b’mod korrett fihom kollha.

Wara l-adozzjoni tad-Direttiva, ittieħdu inizjattivi ta’ politika oħra fil-livell tal-UE bil-għan li jittejjeb il-kontribut tal-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari għal introjti adegwati fix-xjuħija fl-Istati Membri. B’mod partikolari, il-Kummissjoni stabbiliet il-Grupp ta’ Livell Għoli dwar il-pensjonijiet fl-2018 53 , li għandu l-għan li jipprovdi pariri ta’ politika lill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet relatati ma’ modi ta’ titjib tal-provvista, is-sikurezza permezz ta’ regoli prudenzjali, il-bilanċ bejn il-ġenerazzjonijiet, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tal-pensjonijiet (okkupazzjonali u personali) supplimentari fid-dawl tal-isfidi fl-Unjoni u fl-Istati Membri li jaffettwaw l-adegwatezza tal-introjti fix-xjuħija u l-iżvilupp tas-suq tal-pensjonijiet tal-Unjoni. Il-grupp adotta r-Rapport finali tiegħu inklużi Rakkomandazzjonijiet ta’ politika indirizzati lill-UE, lill-Istati Membri u lill-fornituri tal-pensjonijiet f’Diċembru 2019. Il-Kummissjoni se tistudja r-Rapport bir-reqqa biex tiżgura segwitu xieraq tal-politika u tippromwovi u tqassam ir-rapport lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati.

(1)      Dawn huma r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 tad-29 ta’ April 2004 u (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tad-29 ta’ April 2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali.
(2)      Ħlief għal skemi li huma koperti bit-terminu “leġiżlazzjoni” bħal sistemi ta’ sigurtà soċjali kif definiti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu l(l) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 jew li fir-rigward tagħhom Stat Membru jagħmel dikjarazzjoni skont dak l-Artikolu.
(3)      Id-Direttiva tal-Kunsill 98/49/KE tat-29 ta’ Ġunju 1998 dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-pensjoni supplimentari ta’ persuni impjegati u dawk li jaħdmu għal rashom li jiċċaqilqu fi ħdan il-Komunità
(4)      KUMM(2006) 22 finali tas-26. 1. 2006
(5)      KUMM(2005) 507 finali tal-20.10. 2005
(6)      Id-Direttiva 2014/50/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar ir-rekwiżiti minimi sabiex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema minn Stat Membru għal ieħor permezz ta’ titjib fil-ksib u l-preservazzjoni tad-drittijiet għal pensjoni supplimentari, https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2014/50/oj
(7)       https://eur-lex.europa.eu/eli/dir/2014/50/oj
(8)   https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/NIM/?uri=CELEX:32014L0050&qid=1562160328388
(9)   http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=mt&catId=1098 .
(10) Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 21 tar-Regolament 492/2011.
(11) Il-kwestjonarju ffoka fuq il-kjarifika ta’ ċerti kwistjonijiet ta’ traspożizzjoni u fuq l-applikazzjoni prattika tad-Direttiva. 23 gvern tal-Istati Membri u 8 sħab soċjali (organizzazzjonijiet tat-trade unions u organizzazzjonijiet tal-impjegaturi) ipprovdew tweġibiet (sal-aħħar ta’ Jannar 2020).
(12) Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 29 tar-Regolament 492/2011.
(13) DE, EE, FI, HR, HU, LV, LT, SK, SI u SE
(14)

Intbagħtu Ittri ta’ Intimazzjoni lil CZ, CY, EL, ES, FR, IE, LUX, NL, AT u RO

(15) Intbagħtu Opinjonijiet Motivati lil CY, IE, FR u RO
(16) SI, LV u UK
(17) FI
(18) L-Artikolu 2(4) tad-Direttiva
(19) FR, SE, PL u RO
(20) L-Artikolu 7(1) u l-Premessa 28 tad-Direttiva 2014/50/UE
(21) CZ, DE, EL, FI, HU, IT, LT, LU, MT, PT, SK, UK, HR u SI, parzjalment PL u EE
(22) BE, DE, EE, EL, ES, FR, HU, IT, LT, LU, MT, PT, SE, SI u SK
(23) AT, BE, LV u PL
(24) Eż. EE
(25)   https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8084&furtherPubs=yes
(26) Dawn huma: (1) skemi ta’ pensjonijiet supplimentari koperti mir-Regolament (KE) Nru 883/2004; (2) skemi ta’ pensjonijiet supplimentari li, fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva, ma għadhomx jaċċettaw membri attivi ġodda u jibqgħu magħluqa għalihom; (3) skemi ta’ pensjonijiet supplimentari li huma soġġetti għal miżuri li jinvolvu l-intervent ta’ korpi amministrattivi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali jew mill-awtoritajiet ġudizzjarji, li huma maħsuba biex jippreservaw jew jirrestawraw is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom, inklużi l-proċeduri ta’ stralċ; (4) skemi ta’ garanzija ta’ insolvenza, skemi ta’ kumpens u fondi ta’ riżerva tal-pensjonijiet nazzjonali; (5) ħlas ta’ darba magħmul minn impjegatur lil impjegat fi tmiem ir-relazzjoni tal-impjieg ta’ dak l-impjegat li ma jkunx relatat mal-provvista tal-irtirar; (6) il-benefiċċji tal-invalidità u/jew tas-superstiti marbuta mal-iskemi ta’ pensjonijiet supplimentari, bl-eċċezzjoni tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Artikoli 5 u 6 tad-Direttiva 2014/50/UE relatati mal-benefiċċji tas-superstiti.
(27) BE, BG, CY, CZ, DE, DK, EL, ES, FI, FR, IE, HU, IT, LT, LU, LV, MT, NL, PL, RO, SE, SK , UK.
(28)

Dan japplika għal EE, HR, SI

(29) Fil-Greċja, ma jeżisti l-ebda perjodu ta’ vestiment fir-rigward tal-ksib tad-drittijiet tal-pensjoni fil-Fondi tal-Assigurazzjoni Okkupazzjonali.
(30) LV, AT fir-rigward tal-ħaddiema temporanji permezz ta’ aġenzija.
(31) CZ, DE, DK, ES, FI, HR, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SK u SI
(32) “skemi ta’ benefiċċji definiti”, huma dawk l-iskemi fejn il-benefiċċju jiddependi l-aktar mis-snin tal-impjieg u mis-salarju, u fejn l-impjegatur jerfa’ r-riskju tal-investiment; “skemi ta’ kontribuzzjoni definiti” huma dawk l-iskemi fejn il-benefiċċju futur jiddependi l-aktar mill-valur akkumulat ta’ kapital imġemma’ u fejn ir-riskju tal-investiment huwa merfugħ mill-membru tal-iskema.
(33) AT, CY, DE, DK, EL, FI, IT, LU, PT, SE filwaqt li xi pajjiżi, minbarra r-regola ġenerali ta’ preservazzjoni, jippermettu ħlasijiet ta’ ammont f’daqqa ta’ darba (eż. HR, SI u UK)
(34) F’pajjiżi b’limiti ddeterminati f’ammonti assoluti, is-sitwazzjoni hija kif ġej: AT (EUR 12,600), CY (EUR 3,000), DE (limitu tal-pensjoni ta’ kull xahar ta’ EUR 30.45 jew limitu tas-somma kapitali ta’ EUR 3,654), DK (bejn wieħed u ieħor EUR 2,900), EL (mill-2020 l-ammont ta’ EUR 2,000, li se jiġi aġġustat kull sena), FI (limitu ta’ kull xahar ta’ EUR 70). Meta niġu għall-pajjiżi b’limiti stabbiliti f’termini relattivi, dawn ivarjaw ukoll: LU (tliet darbiet il-Paga Minima Soċjali ta’ kull xahar għal ħaddiema bla sengħa li għall-2019 tammonta għal limitu ta’ EUR 6,213.30), SE (ammont bażi ta’ prezz wieħed li jammonta għal madwar EUR 4,347 għall-2019).
(35) Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs), https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32016L2341
(36) Din l-informazzjoni għandha tinkludi b’mod partikolari: (a) il-kundizzjonijiet li jirregolaw il-ksib ta’ drittijiet għal pensjoni supplimentari u l-effett tagħhom meta tintemm ir-relazzjoni ta’ impjieg; (b) il-valur jew valutazzjoni tad-drittijiet għall-pensjoni akkwiżiti (il-valutazzjoni ma għandhiex titwettaq aktar minn 12-il xahar qabel id-data tat-talba); u (c) il-kundizzjonijiet li jirregolaw it-trattament futur tad-drittijiet għall-pensjoni inattivi. Meta l-iskema tippermetti aċċess bikri għad-drittijiet għall-pensjoni akkwiżiti permezz tal-pagament ta’ somma kapitali (eż. permessa mill-Artikolu 5(3) tad-Direttiva), l-informazzjoni pprovduta għandha tinkludi wkoll dikjarazzjoni bil-miktub li l-membru għandu jqis li jieħu parir dwar l-investiment ta’ dik is-somma kapitali għall-provvista tal-irtirar.
(37) AT, BE parzjalment biss minħabba li s-servizz ta’ traċċar tal-“pensjoni tiegħi” jista’ jintuża fi kwalunkwe ħin, CY, CZ, DK, EL, FI, FR, HR, IE, IT, SE
(38) BG, DE, EE, ES, IT, HU, LU, LV, PT, SI, SK u LT
(39) AT, BE, BG, DE, DK, EE, HU, IE, IT, LV, NL, PL, SE, SI, SK, UK u parzjalment FI. Fir-RO, il-provvista ta’ informazzjoni elettronika hija possibbli iżda biss bħala mezz addizzjonali ta’ komunikazzjoni li ma jissostitwixxix il-format stampat obbligatorju.
(40) CY, EL, LU, MT
(41) CZ, ES, FR, LT, PT
(42) Id-Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs), https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32016L2341
(43) AT, BE, DE, EL, ES, IE, HU, LU, LV, NL, PL, PT, RO, SI, SK, UK
(44) EIOPA, Final Report on Good Practices on individual transfers of occupational pension rights (Rapport Finali dwar il-Prattiki Tajba dwar it-trasferimenti individwali tad-drittijiet għall-pensjoni okkupazzjonali), https://www.eiopa.europa.eu/content/final-report-good-practices-individual-transfers-occupational-pension-rights_en
(45) CY, DK, EE, FI, FR, LT, MT, SE
(46) Paġna 79 https://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=en&pubId=8084&furtherPubs=yes
(47) AT, BE, EE, LT, NL, IE, CZ, MT, DE, LUX, HR, BG, IT, RO, PL, PT, SK, SE, SI, EL, DK, ES u HU
(48) Trade unions minn IT, AT, BE u NL, rappreżentanti ta’ impjegaturi minn AT, BE, EE u NL
(49) CZ, DE, DK, ES, FI, HR, MT, NL, PL, PT, RO, SE, SK u SI
(50) Pereżempju, f’DE, IT jew LUX
(51) Pereżempju f’CZ, LT u RO ma teżisti l-ebda skema ta’ pensjoni okkupazzjonali jew f’HU, EE u SK dawn huma rari ħafna.
(52) FR u IE
(53)   https://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetail&groupID=3589&news=1
Top