IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 8.4.2020
COM(2020) 148 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar il-valutazzjoni tal-applikazzjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE
I
Introduzzjoni
Fl-10 ta’ Marzu 2020, il-Kapijiet ta’ Stat jew ta’ Gvern tal-Unjoni Ewropea enfasizzaw il-ħtieġa għal approċċ Ewropew konġunt fir-rigward tal-CO19 u kordinazzjoni mill-qrib mal-Kummissjoni Ewropea.
Fis-16 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill dwar “Restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali lejn l-UE”. F’din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni rrakkomandat lill-Kunsill Ewropew biex jaġixxi bil-ħsieb tal-adozzjoni rapida, mill-Kapijiet ta’ Stat jew mill-Gvern tal-Istati Membri ta’ Schengen flimkien mal-kontropartijiet tagħhom tal-Istati Assoċjati ta’ Schengen, ta’ restrizzjoni temporanja fuq vjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi fiż-żona UE+.
Fis-17 ta’ Marzu 2020, dawk l-Istati qablu dwar azzjoni kordinata fil-fruntieri esterni bbażata fuq dik ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni. Minn dakinhar, l-Istati Membri kollha tal-UE (bl-eċċezzjoni tal-Irlanda) u l-Istati Assoċjati ta’ Schengen ħadu deċiżjonijiet nazzjonali biex jimplimentaw ir-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar.
Ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar tapplika għal vjaġġar kollu mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn iż-żona UE+. Fl-istess ħin, biex jiġi żgurat li d-drittijiet taċ-ċittadini tal-UE u taċ-ċittadini tal-Istati Assoċjati ma’ Schengen, il-membri tal-familja tagħhom u taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jgħixu legalment fl-UE jiġu osservati, dawn il-gruppi huma eżenti mill-applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar għall-finijiet ta’ ritorn lejn djarhom. Sabiex jiġi limitat l-impatt tar-restrizzjoni fuq il-funzjonament tas-soċjetajiet tagħna għall-minimu meħtieġ, ġie ddikjarat li l-Istati Membri m’għandhomx japplikaw ir-restrizzjonijiet għal kategoriji speċifiċi ta’ vjaġġaturi b’funzjoni jew ħtieġa essenzjali.
Sabiex tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, fit-30 ta’ Marzu 2020 il-Kummissjoni adottat gwida dwar kif jiġu implimentati r-restrizzjonijiet temporanji fuq l-ivvjaġġar, l-iffaċilitar ta’ ripatrijazzjonijiet minn madwar id-dinja, u dwar kif għandhom jiġu ttrattati l-persuni li l-viżi tagħhom skadew minħabba restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar. Din il-gwida ġiet elaborata b’kontribut mill-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Frontex), iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Europol.
Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2020 irrakkomandat li r-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar tkun tapplika inizjalment għal 30 jum, u li kwalunkwe estensjoni possibbli ta’ dan il-perjodu għandha tiġi vvalutata skont aktar żviluppi. Id-deċiżjonijiet mill-Istati Membri ttieħdu f’dati differenti, iżda l-biċċa l-kbira tagħhom kienu fis-seħħ sal-20 ta’ Marzu 2020, li jfisser li l-perjodu inizjali ta’ 30 jum ta’ applikazzjoni se jintemm fi żmien qasir.
Din l-azzjoni fil-fruntiera esterna kkumplimentat passi u miżuri importanti oħra meħuda mill-Istati Membri biex inaqqsu l-firxa ta’ COVID-19 u jirrispondu għall-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa, inkluża varjetà ta’ konfinamenti, restrizzjonijiet fuq interazzjoni soċjali u miżuri fil-fruntieri interni.
Din il-Komunikazzjoni tivvaluta l-iżviluppi mill-adozzjoni tal-Komunikazzjoni tal-16 ta’ Marzu ’l hawn u jekk hijiex meħtieġa u ġġustifikata estensjoni.
II
Żviluppi minn mindu ġiet adottata l-Komunikazzjoni
L-għan tar-restrizzjonijiet fuq il-fruntiera esterna huwa li jitnaqqas ir-riskju tat-tixrid tal-marda permezz ta’ vjaġġar lejn l-UE. Ix-xahar ta’ Marzu ra tnaqqis drastiku fl-ivvjaġġar globali, kemm lejn l-UE kif ukoll mill-UE, kif ukoll fi ħdan l-UE.
Fil-31 ta’ Marzu 2020, Eurocontrol irrapportat tnaqqis globali ta’ 86,1 % fin-numru ta’ titjiriet, li jfisser 25 948 inqas titjiriet (meta mqabbel mal-31 ta’ Marzu 2019) . It-traffiku globali tal-passiġġieri kien kważi mnaqqas għal żero, it-titjiriet li għad fadal fil-biċċa l-kbira tagħhom limitati għal titjiriet ta’ merkanzija u titjiriet ta’ ripatrijazzjoni.
Xejra simili ta’ traffiku tal-passiġġieri tidher f’modi oħra ta’ trasport, bħal fit-trasport bil-vapur, bil-kowċ u bil-ferrovija. Pereżempju, il-bastimenti tal-kruċieri issa waqfu joperaw b’mod effettiv fuq vjaġġi ġodda minn bastimenti tal-kruċieri minn kmieni f’Marzu, u għalhekk it-tnaqqis huwa ta’ 100 % meta mqabbel mas-sena li għaddiet, peress li issa mhemmx attività minn bastimenti tal-kruċieri, ħlief għal bastimenti li jirritornaw fil-port.
Minbarra dawn l-iżviluppi rigward it-tnaqqis tal-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni, l-UE u l-Istati Assoċjati ta’ Schengen kollha ħadu miżuri fit-territorju tagħhom biex jillimitaw it-tixrid ulterjuri tal-virus, u xi wħud introduċew saħansitra kontroll fuq il-fruntieri interni. Il-miżuri ta’ konteniment ivarjaw fis-severità skont is-sitwazzjoni tas-saħħa fil-pajjiż, iżda b’mod ġenerali, il-miżuri implimentati għandhom l-għan li jillimitaw il-firxa tal-virus billi jnaqqsu l-interazzjoni soċjali għall-minimu.
L-introduzzjoni mill-ġdid tal-kontrolli fil-fruntieri interni, flimkien ma’ miżuri differenti madwar l-UE li jaffettwaw l-operat normali tal-industrija u tas-servizzi, kellha impatt serju fuq il-funzjonament tas-suq intern. Dawn il-miżuri jaffettwaw il-katina tal-provvista, bi prodotti vitali bħall-ikel, il-mediċini u t-tagħmir protettiv li ma laħqux id-destinazzjonijiet tagħhom jew li waslu b’dewmien sinifikanti. Sabiex tindirizza din il-problema u tillimita kemm jista’ jkun kwalunkwe impatt fuq il-funzjonament tas-suq intern, il-Kummissjoni ilha taħdem bla heda mal-Istati Membri, billi mmobilizzat ir-riżorsi kollha meħtieġa u żgurat il-kordinazzjoni fil-livell tal-UE. Hija ppreżentat ukoll gwida prattika biex tiżgura l-fluss kontinwu ta’ tali oġġetti vitali madwar l-UE permezz ta’ korsiji ħodor, biex tiffaċilita l-merkanzija bl-ajru u biex tiggarantixxi l-eżerċizzju tal-moviment liberu tal-ħaddiema.
III
Estensjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar għaż-żona UE+
Ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2020 kienet li jiġu applikati miżuri għal 30 jum, bil-possibbiltà ta’ estensjoni ta’ dan il-perjodu.
L-esperjenza tal-Istati Membri u pajjiżi oħra esposti għall-pandemija, turi li l-miżuri applikati biex tiġi miġġielda l-firxa tal-pandemija jeħtieġu aktar minn 30 ġurnata biex ikunu effettivi u jipproduċu r-riżultati mixtieqa. Dan bħalissa huwa kkonfermat mis-sitwazzjoni fi ħdan l-UE. Is-sitwazzjoni epidemjoloġika fi ħdan l-UE marret għall-agħar mis-16 ta’ Marzu. Is-sitwazzjoni attwali tindika żieda kontinwa fl-għadd ta’ każijiet ġodda u mwiet irrappurtati fiż-żona tal-UE+. Ir-riskju li tiżdied it-trażmissjoni komunitarja huwa vvalutat miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard bħala moderat jekk ikunu fis-seħħ miżuri ta’ mitigazzjoni u għoli ħafna jekk ikunu fis-seħħ miżuri ta’ mitigazzjoni insuffiċjenti, filwaqt li r-riskju li l-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura soċjali se tinqabeż fil-ġimgħat li ġejjin jiġi vvalutat bħala għoli, anke b’miżuri ta’ mitigazzjoni fis-seħħ.
Il-pandemija kompliet tinfirex ukoll barra mill-UE, inkluż f’pajjiżi li normalment ikollhom miljuni ta’ nies li jivvjaġġaw lejn u mill-UE kull sena. Is-sitwazzjoni f’ħafna pajjiżi terzi se tkompli tevolvi matul il-ġimgħat li ġejjin, skont il-miżuri meħuda u l-kapaċitajiet ta’ dawk il-pajjiżi biex jitrażżan it-tixrid tal-virus.
Sabiex jiġu kkomplementati l-isforzi tal-UE u tal-Istati ta’ Schengen biex jiġi mrażżan it-tixrid ulterjuri tal-virus fi ħdan iż-żona UE+, kif ukoll biex jiġi evitat li l-virus jinfirex aktar bejn l-UE u pajjiżi oħra, qed tkompli tkun meħtieġa azzjoni parallela u kkordinata fil-fruntieri esterni taż-żona UE+. Azzjoni bħal din se tkun aspett essenzjali ta’ strateġija ta’ ħruġ miftiehma mill-UE u t-tneħħija gradwali tal-miżuri ta’ konteniment fi ħdan iż-żona UE+.
L-azzjoni fil-fruntieri esterni tista’ tkun effettiva biss jekk tiġi deċiża u implimentata mill-fruntieri esterni kollha tal-UE u l-Istati ta’ Schengen, bl-istess data tat-tmiem, b’mod uniformi.
Il-Kummissjoni għalhekk tistieden lill-Istati Membri ta’ Schengen u lill-Istati Assoċjati ta’ Schengen biex jestendu b’mod kordinat l-applikazzjoni tar-restrizzjoni għall-ivvjaġġar fuq vjaġġar mhux essenzjali minn pajjiżi terzi lejn iż-żona UE+ bi 30 jum ieħor, sal-15 ta’ Mejju 2020. Jenħtieġ li kwalunkwe estensjoni oħra ta’ dan il-perjodu terġa’ tiġi vvalutata, skont l-iżviluppi tas-sitwazzjoni epidemjoloġika.
Jenħtieġ li l-ambitu tal-estensjoni tar-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar jkun l-istess bħal dak stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Marzu 2020. Meta japplikaw ir-restrizzjoni temporanja fuq l-ivvjaġġar, l-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu l-Linji Gwida tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Marzu 2020. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tfakkar fil-punt 15 tal-Komunikazzjoni tagħha dwar l-implimentazzjoni ta’ Korsiji Ħodor tat-23 ta’ Marzu 2020 u tappella lill-Istati u lill-atturi kollha msemmija fiha biex ikomplu l-koperazzjoni u japplikaw il-linji gwida ta’ implimentazzjoni dwar il-korsiji ħodor kemm jista’ jkun fil-fruntieri esterni.
Ir-restrizzjonijiet fuq vjaġġar mhux essenzjali fil-fruntieri esterni tal-UE u l-miżuri meħuda fit-territorju tal-Istati Membri tal-UE u l-Istati Assoċjati ma’ Schengen għandhom għan komuni li jrażżnu l-interazzjoni soċjali sabiex jitnaqqas it-tixrid tal-virus u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-kura tas-saħħa. Biex dawn il-miżuri jitneħħew bl-aktar mod effettiv, jenħtieġ li din it-tneħħija tkun ibbażata fuq approċċ kordinat u gradwali tal-UE.