EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0143

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI Rispons għall-coronavirus L-użu ta' kull euro disponibbli b'kull mod possibbli għall-ħarsien tal-ħajja u tal-għajxien ta' kuljum

COM/2020/143 final

Brussell, 2.4.2020

COM(2020) 143 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI




Rispons għall-coronavirus







L-użu ta' kull euro disponibbli b'kull mod possibbli għall-ħarsien tal-ħajja u tal-għajxien ta' kuljum


Rispons għall-coronavirus
L-użu ta’ kull euro disponibbli b’kull mod possibbli għall-ħarsien tal-ħajja u tal-għajxien ta’ kuljum

1.Introduzzjoni

Il-pandemija tal-coronavirus qiegħda tkun ta’ prova għall-Ewropa b’modi li qatt ma konna nobsru sa ftit tax-xhur ilu. Din il-kriżi hija l-ewwel u qabel kollox emerġenza tas-saħħa pubblika u l-ħidma tal-Kummissjoni Ewropea hija maħsuba biex issalva l-ħajjiet u tipproteġi l-għajxien ta’ kuljum. F’dan l-ispirtu, iddiriġejna l-isforzi kollha tagħna lejn is-sostenn tal-ħidma erojka tal-ħaddiema tal-kura tas-saħħa u ta’ dawk li jinsabu fuq quddiem li qegħdin jagħtu kura lill-pazjenti jew qegħdin jgħinu lid-dinja tagħna tibqa’ ddur, kif ukoll ta’ dawk kollha li kellhom jieqfu minn xogħolhom jew jibqgħu d-dar biex jipproteġu lil xulxin mill-virus.

Il-profondità u l-firxa ta’ din il-kriżi tenħtieġ rispons bla preċedent kemm fejn tidħol l-iskala, il-ħeffa kif ukoll is-solidarjetà. U hemm bżonn urġenti ta’ sostenn: mix-xiri u t-twassil ta’ tagħmir mediku jew protettiv sa azzjoni biex jiġi żgurat li l-aktar persuni fil-bżonn jibqa’ ikollhom aċċess għall-ikel jew għal ħtiġijiet bażiċi oħra. Mill-iżgurar li n-nies ikollhom dħul u mpjieg li jkunu jistgħu jerġgħu jirritornaw għalih, sa ħidma biex in-negozji jinżammu f’wiċċ l-ilma u biex jiġi żgurat li l-ekonomija tagħna tkun lesta li terġa’ tieħu r-ruħ malajr kemm jista’ jkun.

Din kienet il-forza li mexxiet il-pakkett mifrux bir-rispons tal-Kummissjoni. Dan jinkludi inkoraġġiment għall-industrija biex tkattar il-produzzjoni tal-provvisti, il-ħolqien ta’ riżerva komuni ta’ tagħmir protettiv għal distribuzzjoni immedjata fejn meħtieġ u l-organizzazzjoni ta’ akkwisti konġunti mal-Istati Membri sabiex jiġu ordnati l-provvisti l-aktar urġenti. Twaqqaf tim ta’ esperti minn madwar l-Ewropa biex jiżgura li l-Istati Membri jkollhom l-aħjar għarfien u mal-ewwel ġew injettati fondi għat-trattamenti u l-vaċċini.

Il-Kummissjoni resqet ’il quddiem ukoll biex il-baġit tal-UE isir aktar faċilment disponibbli, biex ir-regoli tagħna dwar l-għajnuna mill-Istat isiru kompletament flessibbli u biex għall-ewwel darba tiġi invokata l-Klawsola Liberatorja Ġenerali fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Flimkien mal-miżuri meħuda mill-Bank Ċentrali Ewropew, dan ir-rispons tal-UE tagħti lill-Istati Membri saħħa fiskali u finanzjarja mingħajr preċedent fl-għoti ta’ għajnuna lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha.

Bħala parti minn dan, fit-13 ta’ Marzu, il-Kummissjoni pproponiet l-Inizjattiva ta’ Investiment fir-Rispons għall-Coronavirus (Coronavirus Response Investment Initiative, CRAII). Din iffokat fuq dak li kien immedjatament meħtieġ, disponibbli u li seta’ jitwettaq. L-inizjattiva daħlet fis-seħħ fi żmien rekord u issa tippermetti lill-Istati Membri jonfqu mill-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni biex isostnu s-sistemi tal-kura tas-saħħa u l-professjonisti, il-ħaddiema ta’ sostenn u lil min iħaddimhom permezz ta’ skemi tax-xogħol b’ħinijiet iqsar u li jsostnu lin-negozji żgħar billi joffrulhom likwidità. Il-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE ġie estiż ukoll biex ikopri l-emerġenzi tas-saħħa pubblika.

Dan se jagħmel differenza fil-prattika. Iżda ma’ kull jum li jgħaddi titnissel il-ħtieġa li jsir aktar. Din hija r-raġuni għaliex illum il-Kummissjoni Ewropea qiegħda tieħu sensiela ta’ miżuri mingħajr preċedent u kuraġġużi. Fil-qalba tal-proposti tal-lum hemm wiegħda sempliċi: Sejrin nużaw kull euro disponibbli li għandna - b’kull mod possibbli - biex nipproteġu l-ħajjiet u l-għajxien ta’ kuljum.

Biex dan iseħħ, illum qegħdin nipproponu li:

üJinħoloq strument ġdid ta’ solidarjetà tal-UE li jiswa EUR 100 biljun biex jgħin lill-ħaddiema jżommu d-dħul tagħhom u li jgħin lin-negozji jżommu l-persunal li għandhom.

üJġibu l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej tagħna flessibbli għal kollox b’mod li kull euro jkun jista’ jiġi dirett biex jappoġġja l-isforzi tas-saħħa pubblika jew biex itaffi l-kriżi ekonomika għan-nies u għan-negozji.

üBiex kull euro disponibbli jiddaħħal fil-baġit tal-UE ta’ din is-sena fi strument ta’ emerġenza biex jingħata appoġġ biex jiġu salvati l-ħajjiet.

Barra minn hekk, se jkun hemm proposti speċifiċi biex jiġi żgurat li l-aktar persuni fil-bżonn ikunu jistgħu jibqgħu jirċievu kunsinni tal-ikel u se jkun hemm appoġġ imfassal apposta għall-bdiewa u s-sajjieda li huma fil-qalba ta’ ħafna mill-komunitajiet lokali tagħna u li qegħdin jgħinu biex il-katina tal-provvista tal-ikel tal-Ewropa tibqa’ għaddejja.

Fi żminijiet ta’ kriżi, ma jistax ikun li nżommu lura, lanqas ma jista’ jkun hemm miżuri li jittieħdu b’nofs qalb, u ma jista’ jkun hemm l-ebda eżitazzjoni. Bil-pakkett tal-lum, l-Ewropa qiegħda turi li se tagħmel minn kollox b’kull ma għandha.

2.Il-protezzjoni tal-għajxien ta’ kuljum: Biex in-nies iżommu l-impjieg tagħhom, u biex il-kumpaniji jibqgħu joperaw

2.1 SURE: Skema mifruxa mal-UE kollha biex jitnaqqsu r-riskji tal-qgħad

Ħafna nies fl-Ewropa qegħdin isofru aktar minn oħrajn sempliċement minħabba dak li jagħmlu jew fejn jgħixu. F’Unjoni ta’ nies u nazzjonijiet li huma kollha milquta mill-istess kriżi, hemm bżonn li nieħdu ħsieb xulxin – kemm jekk sinjuri jew fqar, mil-Lvant jew mill-Punent, min-Nord jew mis-Sud. Dan huwa partikolarment minnu meta niġu biex intaffu d-daqqa ekonomika.

Quddiem kriżi bħal din, l-akbar riskju fosthom kollha hu li nħaddnu politika li tkun kawta żżejjed jew riġida wisq. Din hija r-raġuni għaliex għandna bżonn ta’aktar passi kuraġġużi biex niżguraw li dawk li qegħdin jintlaqtu ħażin, mingħajr ma’ għandhom xi ħtija, jiġu appoġġjati bis-sħiħ biex jgħaddu minn dan is-saram.

Din hija l-premessa ċentrali għall-proposta tal-lum mill-Kummissjoni għal SURE , strument ġdid li se jipprovdi sa EUR 100 biljun f’self lill-pajjiżi fil-bżonn biex jiġi żgurat li l-ħaddiema jirċievu dħul u n-negozji jżommu l-persunal tagħhom. Dan jippermetti li n-nies ikomplu jħallsu l-kera, il-kontijiet u l-ikel tagħhom u jgħin biex ikun hemm l-istabbiltà tant meħtieġa fl-ekonomija.

Is-self huwa bbażat fuq garanziji pprovduti mill-Istati Membri u se jiġi direzzjonat lejn fejn ikun l-aktar meħtieġ b’mod urġenti. L-Istati Membri kollha se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn dan iżda se jkun ta’ importanza partikolari għal dawk l-aktar milquta.

SURE se jsostni skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u miżuri simili biex jgħinu lill-Istati Membri jipproteġu l-impjiegi, l-impjegati u lil dawk li jaħdmu għal rashom kontra r-riskju ta’ tkeċċija u telf ta’ dħul. Id-ditti ser ikunu jistgħu jnaqqsu b’mod temporanju s-sigħat tal-impjegati, li se jkollhom sostenn għad-dħul tagħhom ipprovdut mill-Istat għas-sigħat mhux maħduma. Il-persuni li jaħdmu għal rashom se jirċievu sostituzzjoni tad-dħul fid-dawl tal-emerġenza attwali.

Fil-passat, kien deher ċar li approċċ bħal dan huwa għodda qawwija fi kriżijiet ekonomiċi kbar. Dan kien partikolarment il-każ matul l-aħħar kriżi finanzjarja fejn għen biex jiġi evitat impatt eħrex tar-riċessjoni u għen biex jitħaffef l-irkupru. Skemi bħal dawn kienu diġà fis-seħħ fi 18-il Stat Membru qabel ma faqqa’ l-virus u minn dak iż-żmien ġew estiżi. Mil-lum, l-Istati Membri l-oħra kollha għandhom jew dalwaqt se jintroduċu skemi simili.

2.2 It-twassil ta’ provvisti lil dawk l-aktar fil-bżonn

Hekk kif il-biċċa l-kbira tal-Ewropa qiegħda tipprattika t-tbegħid soċjali sabiex il-virus jixxerred aktar bil-mod, huwa dejjem aktar importanti li dawk li jiddependu minn ħaddieħor għall-aktar ħtiġijiet bażiċi ma jkunux maqtugħa mill-għajnuna.

Dan huwa partikolarment il-każ ta’ dawk l-aktar fil-bżonn fl-Unjoni tagħna li jirċievu għajnuna għall-ikel u oġġetti essenzjali oħra permezz tal-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn. Madankollu, ħafna voluntiera li jwasslu din l-għajnuna ma jistgħux jibqgħu jiġu mobilizzati peress li ħafna drabi dawn jaqgħu fl-aktar grupp f’riskju kieku kellhom jieħdu l-coronavirus. Din hija r-raġuni għaliex illum il-Kummissjoni qiegħda tipproponi flessibbiltà għall-Istati Membri biex jintroduċu metodi ġodda, bħall-użu ta’ kupuni elettroniċi, u biex jixtru tagħmir protettiv għal dawk li jwasslu l-għajnuna.

2.3 Sostenn għall-bdiewa u s-sajjieda tagħna

Is-setturi tal-biedja u tas-sajd tal-Ewropa huma fil-qalba u huma l-fus soċjali ta’ ħafna komunitajiet madwar l-Unjoni tagħna. Dawn għandhom rwol essenzjali biex jipprovdulna l-ikel li nieklu u jiddependu minn sekli ta’ tradizzjoni u għarfien.

Is-sajjieda u dawk li jrabbu l-ħut intlaqtu ħażin mill-kriżi attwali, b’impatt fuq il-ktajjen tal-provvista tal-ikel tagħna u fuq l-ekonomiji lokali sostnuti minn dan is-settur.

Illum il-Kummissjoni qiegħda tressaq proposti legali biex tintroduċi miżuri ta’ flessibbiltà eċċezzjonali fil-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd. Dawn jippermettu lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ lis-sajjieda għall-waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd, jipprovdu sostenn lil dawk involuti fl-akkwakultura fi żmien is-sospensjoni temporanja jew ta’ tnaqqis tal-produzzjoni u jipprovdu sostenn lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi għall-ħażna temporanja tal-prodotti tas-sajd u tal-akkwakultura.

Bl-istess mod, il-bdiewa Ewropej għandhom jiġu appoġġjati matul din il-kriżi biex jiġi żgurat li l-għajxien tagħhom jiġi protett u l-provvista tal-ikel ma tiġix affettwata.

B’dan il-ħsieb, il-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi firxa ta’ miżuri konkreti biex tiżgura li l-bdiewa u l-benefiċjarji l-oħra jkunu jistgħu jiksbu l-appoġġ li jeħtieġu mill-Politika Agrikola Komuni. Dan se jinkludi li l-bdiewa jingħataw aktar żmien biex jippreżentaw l-applikazzjonijiet tagħhom għas-sostenn u aktar żmien biex l-amministrazzjonijiet ikunu jistgħu jipproċessawhom. Biex tgħin iżżid il-fluss tal-flus tal-bdiewa, il-Kummissjoni se tipproponi li żżid il-ħlasijiet bil-quddiem għall-pagamenti diretti u l-pagamenti tal-iżvilupp rurali. Hija ser tikkunsidra wkoll li toffri flessibbiltà addizzjonali fejn jidħlu l-verifiki fuq il-post sabiex tiġi minimizzata l-ħtieġa ta’ kuntatt fiżiku u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv.

3.Il-protezzjoni tal-ekonomiji u tan-nies tagħna: Kull euro mill-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni jsir disponibbli issa

Illum il-Kummissjoni qiegħda twettaq il-wegħda tagħha li kull euro li jista’ jintuża se jintuża malajr. F’dan l-ispirtu, il-flus kollha mhux impenjati mit-tliet Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni – il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta’ Koeżjoni – jkunu jistgħu jiġu mmobilizzati sabiex jiġu indirizzati l-effetti tal-kriżi tas-saħħa pubblika.

Biex dan iseħħ, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi flessibbiltà massima għat-trasferiment bejn il-fondi kif ukoll bejn il-kategoriji ta’ reġjuni. Biex ikun żgurat li l-flus disponibbli kollha jintużaw, bħala eċċezzjoni mhu se jkun hemm l-ebda rekwiżit ta’ kofinanzjament nazzjonali għal kwalunkwe wieħed mill-Fondi tal-Politika ta’ Koeżjoni. Dan huwa pass bla preċedent li jirrifletti l-ħtieġa li l-Istati Membri jużaw il-mezzi kollha disponibbli biex isostnu liċ-ċittadini tagħhom f’dan il-mument.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda tipproponi li ma għandu jkun hemm l-ebda limitu fuq l-infiq skont l-objettivi ta’ politika, jew fuq dawk li huma magħrufa bħala rekwiżiti ta’ konċentrazzjoni tematika. Dan jiggarantixxi li l-fondi jkunu jistgħu jiġu ridiretti lejn fejn huma l-aktar meħtieġa b’mod urġenti.

Biex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, qegħdin jiġu proposti għadd ta’ simplifikazzjonijiet oħra. Dawn jinkludu li Ftehimiet ta’ Sħubija ma jeħtiġux li jiġu emendati, li l-iskadenzi għar-rapporti annwali jiġu posposti u li titħalla li jkun hemm flessibbiltà finanzjarja limitata fl-għeluq tal-programmi. Dan se japplika għall-Fondi kollha tal-Politika ta’ Koeżjoni.

B’dawn il-proposti, l-Istati Membri se jkunu jistgħu jonfqu immedjatament il-flus disponibbli kollha biex isostnu lis-settur tal-kura tas-saħħa madwar ir-reġjuni tal-Ewropa, kif ukoll biex jappoġġjaw l-iskemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u jipprovdu sostenn ta’ likwidità lill-SMEs.

4.Il-protezzjoni tal-ħajjiet: It-tqegħid tal-baġit kollu disponibbli fi strument ta’ emerġenza biex jingħata sostenn lis-settur tal-kura tas-saħħa

L-Unjoni Ewropea qatt ma ffaċċjat kriżi tas-saħħa fuq din l-iskala fl-istorja tagħha jew waħda li qatt infirxet b’din il-ħeffa. B’rispons, l-ewwel prijorità hija li jiġu salvati l-ħajjiet u li jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-sistemi tal-kura tas-saħħa u tal-professjonisti tagħna li qegħdin jagħmlu l-mirakli ta’ kuljum madwar l-Unjoni tagħna.

Il-Kummissjoni qiegħda taħdem qatigħ biex tiggarantixxi l-provvista ta’ tagħmir protettiv u tagħmir respiratorju. Minkejja l-isforzi qawwija ta’ produzzjoni tal-industrija, l-Istati Membri għadhom qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ nuqqasijiet serji f’ċerti oqsma. Barra minn dan, ma għandhomx biżżejjed faċilitajiet ta’ trattament u jistgħu jibbenefikaw mill-fatt li jkunu jistgħu jittrasportaw il-pazjenti lejn żoni b’aktar riżorsi u jibagħtu persunal mediku lejn postijiet l-aktar milquta. Se jkun hemm bżonn ukoll ta’ sostenn għall-ittestjar tal-massa, għar-riċerka medika, għall-użu ta’ trattamenti ġodda, u għall-produzzjoni, ix-xiri u d-distribuzzjoni ta’ vaċċini madwar l-UE.

Illum l-UE qiegħda tipproponi li tuża l-fondi disponibbli kollha mill-baġit tal-UE ta’ din is-sena biex tgħin fl-indirizzar tal-ħtiġijiet tas-sistemi tas-saħħa Ewropej.

Kważi dawn il-flus kollha, 2.7 biljun, se jitqiegħdu fl-Istrument għall-Appoġġ ta’ Emerġenza, bil-EUR 300 miljun li jifdal allokati lil RescEU biex tiġi sostnuta r-riżerva komuni ta’ tagħmir.

Il-proposta se tippermetti appoġġ flessibbli, rapidu u dirett fuq żewġ prijoritajiet ġenerali. L-ewwel waħda hija li tingħata għajnuna fl-immaniġġjar tal-kriżi tas-saħħa pubblika u biex tiġi ggarantita d-disponibbiltà ta’ tagħmir u provvisti vitali, minn ventilaturi għal tagħmir ta’ protezzjoni personali. Dan jista’ jipprovdi wkoll assistenza medika lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli, inklużi dawk fil-kampijiet tar-refuġjati. It-tieni qasam ta’ attenzjoni jkun dak li jitqawwew l-isforzi ta’ ttestjar u trattament. Biex jiġu ffrankati ħin u flus kruċjali, il-proposta tippermetti wkoll li l-Kummissjoni tagħmel akkwist direttament hi f’isem l-Istati Membri.

Din l-inizjattiva hija sforz Ewropew kollettiv biex jiġu salvati l-ħajjiet u biex jingħata appoġġ reċiproku. F’dan l-ispirtu ta’ solidarjetà, huwa għandu jkun miftuħ għal dawk kollha li jkunu jridu jikkontribwixxu billi jżidu mal-fond. Dan jista’ jiġi mill-Istati Membri, mis-settur privat sal-NGOs, mis-soċjetà ċivili saċ-ċittadini jew minn kwalunkwe parti interessata oħra li tixtieq tikkontribwixxi.

5.Il-passi li jmiss: Nerġgħu lura fuq saqajna u nieqfu ma’ xulxin bil-qawwa

Il-pakkett ta’ proposti tal-lum huwa l-ewwel u qabel kollox wieħed dwar l-għoti ta’ sostenn lin-nies. Fost il-problemi li jrid isolvi hemm uħud bħal: kif dawk li qegħdin jaħdmu fuq quddiem f’din is-sitwazzjoni jkollhom it-tagħmir li għandhom bżonn jew kif għandha tingħata għajnuna lill-voluntiera li qegħdin jgħinu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli. B’dak li jipproponi, jagħti għajnuna biex il-ħajja tkun aktar faċli għall-ħaddiema inkwetati dwar l-impjieg tagħhom, l-impjegaturi inkwetati dwar dawk li jaħdmu magħhom, in-negozji ż-żgħar inkwetati dwar il-futur tagħhom, jew dawk li jaħdmu għal rashom, inkwetati dwar id-dħul tagħhom.

Issa rridu nikkonvertu b’urġenza l-proposti f’liġijiet – u ngħaddu minn leġiżlazzjoni għal implimentazzjoni fi żmien rekord. Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib mal-koleġiżlaturi fil-ġimgħat li ġejjin biex tiżgura li dawn il-proposti jkunu jistgħu jibdew jagħmlu differenza fejn huma l-aktar meħtieġa.

Biex tappoġġja dan, il-Kummissjoni diġà qiegħda tagħti sostenn lill-Istati Membri sabiex il-fondi jkunu jistgħu jmorru għal dawk fil-bżonn malajr kemm jista’ jkun. Il-Kummissjoni stabbiliet Task Force tas-CRII bħala punt uniku ta’ servizz għal mistoqsijiet prattiċi u legali. It-timijiet tal-pajjiżi jinsabu għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri biex jipprovdu pariri mmirati dwar kif fondi strutturali mhux użati jistgħu jiġu ridirezzjonati.

Dan il-pakkett huwa l-aħħar parti ta’ dak li jrid ikun sforz enormi kontinwu għall-protezzjoni tal-ħajjiet u tal-għajxien. Dan se jgħin biex inkunu nistgħu nisfruttaw kemm nifilħu l-baġit ta’ din is-sena tal-UE. Madankollu, il-baġit attwali ta’ seba’ snin tal-UE jasal fi tmiemu din is-sena u għad ma hemmx qbil dwar baġit ġdid. Dan qiegħed iseħħ f’mument meta l-UE hemm bżonn li tfassal pjan ta’ rkupru b’mod li r-rota ekonomika tagħha terġa’ tibda ddur u biex il-poplu tagħha jmur lura għax-xogħol kemm jista’ jkun malajr hekk kif il-periklu jitbiegħed. Dan il-pjan se jgħinna wkoll inżidu r-reżiljenza tagħna għall-isfidi l-oħra li qegħdin inkomplu niffaċċjaw.

Huwa biss permezz ta’ baġit tal-UE qawwi u flessibbli fit-tul li dan ikun jista’ jseħħ malajr. Dan huwa l-mument biex naraw li jkollna baġit tal-UE li jista’ jgħin lill-Ewropa terġa’ tqum fuq saqajha u li kulħadd jieqaf ma’ xulxin. Kwalunkwe diskussjoni dwar il-baġit li jmiss issa jeħtieġ li titqies f’dak id-dawl u tkun il-mutur tal-irkupru tal-Ewropa.

Dawn il-proposti juru l-valur veru li wieħed ikun parti minn Unjoni fejn dawk li jistgħu jifilħu ftit aktar jappoġġaw lil dawk li għandhom bżonn ftit aktar. Hekk kif l-Ewropa tibda bil-mod tikkonfronta din il-kriżi u mbagħad tibda triqitha lejn l-irkupru, se jkollha bżonn aktar minn dan l-ispirtu ta’ solidarjetà u se jkollha bżonn investiment enormi u urġenti biex tgħin ħalli l-ekonomija tibda titħarrek u n-nies jaħdmu. Fl-istess ħin, l-UE ser tkompli turi responsabbiltà, solidarjetà u tmexxija fix-xena globali.

Il-pakkett fil-qosor

üIl-Kummissjoni qiegħda tipproponi li toħloq SURE, strument ġdid ta’ solidarjetà tal-UE biex jgħin lill-ħaddiema jżommu d-dħul tagħhom u jgħin lin-negozji jibqgħu f’wiċċ l-ilma u jżommu l-ħaddiema tagħhoml. SURE se jipprovdi għajnuna finanzjarja sa EUR 100 biljun f’self tal-UE u se jkun skema fl-UE kollha għat-taffija tar-riskji tal-qgħad.

üIl-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tadatta l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn biex jiġi żgurat li l-konsenji tal-ikel ikunu jistgħu jkomplu għaddejjin fejn ikunu meħtieġa, filwaqt li jiġi żgurat li jitbiegħed il-periklu għal dawk li jwassluh u dawk li jirċievuh.

üIl-Kummissjoni qiegħda tipproponi miżuri speċifiċi biex tappoġġja lis-sajjieda u lill bdiewa tal-Ewropa li għandhom rwol essenzjali fiż-żamma tal-provvista tal-ikel tagħna u fis-sostenn tal-komunitajiet lokali tagħna.

üIl-Kummissjoni qiegħda tipproponi li tippermetti li kull euro disponibbli mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej jintuża għar-rispons għall-coronavirus. Fi ftit kliem, aktar flessibbiltà minn hekk ma jistax ikun hemm: l-ebda limitu fuq trasferimenti bejn il-fondi jew bejn ir-reġjuni, l-ebda limitu fuq l-infiq skont l-obbjettiv ta’ politika, l-ebda rekwiżiti dwar il-kofinanzjament.

üIl-Kummissjoni qiegħda tipproponi li kull euro disponibbli mill-baġit tal-UE ta’ din is-sena jiġi ridirezzjonat biex jgħin isalva l-ħajjiet permezz ta’ strument ġdid ta’ solidarjetà tal-UE. Dan se jiggarantixxi li EUR 3 biljun jiġu direzzjonati lejn l-għoti ta’ sostenn lill-Istati Membri biex jiġġestixxu l-kriżi tas-saħħa pubblika.

Top