Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0123

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir

    COM/2020/123 final

    Brussell, 20.3.2020

    COM(2020) 123 final

    KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL

    dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir


    Il-pandemija tal-COVID-19 wasslet għal xokk ekonomiku kbir li diġà qed ikollu impatt negattiv sinifikanti fl-Unjoni Ewropea. Il-konsegwenzi għat-tkabbir tal-PDG se jiddependu kemm fuq it-tul tal-pandemija kif ukoll fuq it-tul tal-miżuri li qed jittieħdu mill-awtoritajiet nazzjonali u fil-livell Ewropew biex titrażżan il-firxa tagħha, biex jiġu mħarsa l-kapaċitajiet tal-produzzjoni u biex tiġi appoġġata d-domanda aggregata. Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Marzu 2020 dwar ir-rispons ekonomiku koordinat għat-tifqigħa tal-COVID-19, abbażi fuq analiżi tax-xenarji, il-Kummissjoni ppreżentat xenarju ekonomiku li juri li l-PDG fi prezzijiet kostanti jista’ jonqos b’1 % fl-UE fl-2020. Il-Kummissjoni indikat li ma setgħux jiġu esklużi xenarji aktar negattivi marbutin ma’ impatt aktar profond tal-pandemija. L-iżviluppi minn dakinhar ’l hawn jindikaw li tali xenarji negattivi saru probabbli. Tabilħaqq, jekk nassumu li l-kriżi tas-saħħa ddum sal-bidu ta’ Ġunju jew aktar, it-tnaqqis fl-attività ekonomika fl-2020 jista’ jkun kumparabbli mar-reċessjoni tal-2009, l-agħar sena tal-kriżi ekonomika u finanzjarja.

    L-Istati Membri diġà adottaw jew qed jadottaw miżuri baġitarji, u qed jiġu adottati aktar miżuri biex tiżdied il-kapaċità tas-sistemi tas-saħħa u tingħata għajnuna liċ-ċittadini u lis-setturi partikolarment milquta. Qed jiġu adottati wkoll miżuri sinifikanti ta’ appoġġ ta’ likwidità u garanziji oħra, minkejja li dawn ma għandhomx impatt immedjat fuq il-bilanċ tal-gvern ġenerali.

    Il-Kummissjoni qed timmonitorja dawn il-miżuri mill-qrib, li flimkien mat-tnaqqis fl-attività ekonomika se jikkontribwixxu għal defiċits baġitarji sostanzjalment akbar. Il-Kummissjoni u l-Kunsill diġà ċċaraw li għall-miżuri marbutin mat-tifqigħa tal-COVID-19 se tiġi applikata l-flessibilità kollha disponibbli fil-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Speċifikament, minħabba li l-kriżi hija avveniment li huwa barra mill-kontroll tal-gvernijiet, u li għandha impatt kbir fuq il-finanzi pubbliċi, tapplika d-dispożizzjoni dwar avvenimenti mhux tas-soltu tal-Patt. Dan jimplika li l-impatt fuq il-baġit tal-miżuri msemmija hawn fuq se jiġi eskluż meta l-Kummissjoni tivvaluta l-konformità mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Se ssir valutazzjoni, inkluż dwar l-ammonti eliġibbli, abbażi tad-data osservata kif ipprovduta mill-Istati Membri.

    Madankollu, l-iskala tal-isforz fiskali meħtieġ biex jipproteġi liċ-ċittadini u lin-negozji tal-Unjoni mill-konsegwenzi ta’ din il-kriżi, u biex jipproteġi l-ekonomija wara l-pandemija, jeħtieġ l-użu ta’ flessibilità ħafna aktar wiesgħa fl-ambitu tagħha skont il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.

    L-UE trid tkompli tirrispondi malajr, bis-saħħa u b’mod koordinat għal din il-kriżi li qed tevolvi rapidament. Fil-vidjokonferenza mal-membri tal-Kunsill Ewropew tas-17 ta’ Marzu 2020, il-President tal-Kummissjoni ħabbret l-attivazzjoni imminenti tal-hekk imsejħa klawżola liberatorja ġenerali. Il-klawżola ġiet introdotta bħala parti mir-riforma “six-pack” tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2011, li ħadet tagħlimiet mill-kriżi ekonomika u finanzjarja. B’mod partikolari, dik l-esperjenza enfasizzat il-ħtieġa għal dispożizzjonijiet speċifiċi fir-regoli fiskali tal-UE biex jippermettu devjazzjoni temporanja kkoordinata u ordnata mir-rekwiżiti normali għall-Istati Membri kollha f’sitwazzjoni ta’ kriżi ġġeneralizzata kkawżata minn tnaqqis fir-ritmu ekonomiku taż-żona tal-euro jew tal-UE kollha kemm hi.

    Il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament (KE) 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku.

    Il-klawżola liberatorja ġenerali tippermetti lill-Istati Membri jieħdu miżuri baġitarji biex jindirizzaw sitwazzjoni bħal din b’mod adegwat, fi ħdan il-proċeduri preventivi u korrettivi tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Speċifikament, għall-parti preventiva, l-Artikoli 5(1) u 9(1) tar-Regolament (KE) 1466/97 jgħidu li “f’perjodi ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku għaż-żona euro jew l-Unjoni kollha, l-Istati Membri jistgħu jitħallew jiddevjaw temporanjament mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq perjodu medju ta’ żmien, sakemm dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju ta’ żmien”. Għall-parti korrettiva, l-Artikoli 3(5) u 5(2) jistipulaw li f’każ ta’ tnaqqis serju fir-ritmu ekonomiku fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni kollha kemm hi, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi wkoll, fuq rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, li jadotta trajettorja fiskali riveduta.

    Il-valutazzjoni li ġejja tal-programmi ta’ stabbiltà u konverġenza tal-Istati Membri, il-previżjoni tar-rebbiegħa, u l-proposta sussegwenti tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi mill-Kunsill se jipprovdu opportunità biex niżguraw tali koordinazzjoni neċessarja u li nistabbilixxu l-gwida biex tinkiseb pożizzjoni fiskali xierqa ta’ appoġġ fil-livell nazzjonali u aggregat.

    Abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, u minħabba t-tnaqqis qawwi fir-ritmu ekonomiku, il-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet biex tiġi attivata l-klawżola liberatorja ġenerali huma ssodisfati, għall-ewwel darba mindu ġiet inċepita fl-2011, u titlob lill-Kunsill japprova din il-konklużjoni biex tingħata ċ-ċarezza lill-Istati Membri.

    Il-klawżola liberatorja ġenerali ma tissospendix il-proċeduri tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Se tippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jieħdu l-miżuri ta’ koordinazzjoni tal-politika fil-qafas tal-Patt, filwaqt li jitilqu mir-rekwiżiti baġitarji li normalment japplikaw.

    Top