EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0047

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL li jivvaluta r-regoli dwar il-fatturazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

COM/2020/47 final

Brussell, 10.2.2020

COM(2020) 47 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

li jivvaluta r-regoli dwar il-fatturazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud

{SWD(2020) 29 final}


1.Introduzzjoni

Fuq il-bażi tal-Artikolu 237 tad-Direttiva 2006/112/KE 1 (id-Direttiva tal-VAT), il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta’ valutazzjoni ġenerali, abbażi ta’ studju ekonomiku indipendenti, dwar l-impatt tar-regoli dwar il-fatturazzjoni applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2013 u b’mod partikolari kemm fil-fatt wasslu għal tnaqqis fil-piżijiet amministrattivi għan-negozji. Huwa f’dan il-qafas li l-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni tar-regoli dwar il-fatturazzjoni.

L-evalwazzjoni kienet appoġġjata minn studju indipendenti mmexxi mill-grupp ta’ konsulenza Economisti Associati u wasslet għar-Rapport Finali li ġie ppubblikat fi Frar 2019 2 .

L-evalwazzjoni vvalutat ir-regoli dwar il-fatturazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/45/UE 3 (it-Tieni Direttiva dwar il-Fatturazzjoni jew SID) u b’mod partikolari jekk ikkontribwewx għall-erba' objettivi ġenerali li kienu ġew inizjalment stabbiliti, jiġifieri: i) it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji ii) it-tnaqqis tal-frodi tal-VAT/l-impatt fuq l-attivitajiet ta’ kontroll iii) il-funzjonament xieraq tas-Suq Intern u iv) il-promozzjoni tal-SMEs.

L-evalwazzjoni segwiet il-ħames kriterji ta’ evalwazzjoni tal-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar 4 : rilevanza, effikaċja, effiċjenza, koerenza u Valur Miżjud tal-UE.

2.Traspożizzjoni u implimentazzjoni tad-Direttiva

Biex jistabbilixxi punt tat-tluq għall-evalwazzjoni, il-konsulent wettaq analiżi ta’ kif it-Tieni Direttiva dwar il-Fatturazzjoni ġiet trasposta u implimentata mill-Istati Membri. Din l-analiżi ffokat fuq jekk l-Istati Membri ttrasponewx id-Direttiva b’mod korrett u kejlet sa liema punt il-qafas legali nazzjonali nbidel minħabba d-Direttiva. Għal raġunijiet ta’ ċarezza, is-sommarju tal-analiżi ppreżentat hawn taħt huwa maqsum fi tliet oqsma tematiċi.

2.1.Fatturazzjoni elettronika

Id-Direttiva introduċiet tliet bidliet ewlenin fil-qafas legali tal-UE għall-fatturi elettroniċi (fatturi-e): (i) definizzjoni ġdida ta’ fattura elettronika; (ii) il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika; u (iii) il-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-fatturi fuq il-karta u dawk elettroniċi. Il-bidliet iddaħħlu bl-istess mod madwar l-UE kollha. Anki meta d-dispożizzjonijiet nazzjonali jvarjaw kemxejn mit-test tad-Direttiva, jidher li ma hemm l-ebda problema ta’ traspożizzjoni inkorretta.

B’mod aktar partikolari fir-rigward tad-definizzjoni ta’ fattura elettronika, il-maġġoranza l-kbira tal-Istati Membri (24) introduċew definizzjoni ta’ fattura elettronika fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom li tirrifletti dik fid-Direttiva. F’erba’ Stati Membri jew id-definizzjoni ma ġietx introdotta jew hija kemxejn differenti minn dik inkluża fid-Direttiva tal-VAT. Fir-rigward tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, dan ġie traspost b’mod uniformi u l-ebda Stat Membru ma jeħtieġ l-użu ta’ teknoloġija tal-fatturazzjoni elettronika ddefinita. Għalkemm erba' Stati Membri jaċċettaw biss is-soluzzjonijiet ta’ fatturazzjoni elettronika msemmija b’mod espliċitu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali, l-għażliet previsti huma definiti b’mod wiesa' biżżejjed biex jiżguraw il-libertà tal-għażla tal-kontribwenti. Biex jiġi garantit il-prinċipju tat-trattament ugwali , ir-rekwiżiti leġiżlattivi għal fatturi elettroniċi li jmorru lil hinn minn dawk li jeżistu għall-fatturi fuq il-karta tneħħew fl-Istati Membri kollha 5 .

2.2.Ħruġ u kontenut tal-fatturazzjoni

Is-SID introduċiet għadd ta’ tibdiliet fil-qasam tal-ħruġ u tal-kontenut tal-fatturi. Is-SID emendat tliet sistemi ta’ fatturazzjoni speċifiċi: l-awtofatturar, il-fatturi simplifikati u l-fatturi fil-qosor. Is-SID introduċiet ukoll tibdil fir-rekwiżiti għall-fatturazzjoni applikabbli għal tranżazzjonijiet transfruntiera bil-ħsieb li jitnaqqsu l-piżijiet u tiżdied l-armonizzazzjoni. It-tibdil ewlieni jittratta r-regoli applikabbli dwar il-fatturazzjoni, iż-żmien tal-ħruġ tal-fatturi u l-kontenut tal-fatturi transfruntiera.

B’mod ġenerali, id-Direttiva turi livell tajjeb ħafna ta’ traspożizzjoni. Ir-rekwiżiti obbligatorji tas-SID kollha ġew trasposti fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali. Barra minn hekk, fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali l-Istati Membri introduċew ukoll tibdil li ma kienx obbligatorju għall-Istati Membri. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri introduċew xi tibdil ieħor bħala simplifikazzjonijiet addizzjonali, għalkemm fil-verità ma kinux previsti mid-Direttiva, iżda ma jikkontradixxuhiex.

Ta’ min isemmi li fil-każ tal-ħruġ u tal-kontenut tal-fatturi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta’ xi Stati Membri kienet diġà konformi mas-SID. Għaldaqstant, il-firxa tat-tibdil tiddependi minn kif kienet imfassla l-leġiżlazzjoni nazzjonali preċedenti. Għalhekk id-Direttiva ma kellhiex impatt uniformi fuq id-diversi oqfsa legali nazzjonali. Huwa għalhekk li għall-fini tal-valutazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet ingħataw prijorità abbażi tal-firxa tat-tibdil legali (jiġifieri l-għadd ta’ Stati Membri li fihom ikkawżaw tibdil fil-qafas legali nazzjonali) u l-perċezzjoni tal-prattikanti tal-VAT dwar jekk dawn kinux affettwaw l-imġiba tal-kumpaniji. Din il-prijoritizzazzjoni wriet li t-tibdil fir-rigward tal-ġurisdizzjoni applikabbli (l-Artikolu 219a tad-Direttiva tal-VAT), il-fatturi simplifikati (l-Artikoli 220a, 226b, 238 tad-Direttiva tal-VAT), iż-żmien biex jinħarġu l-fatturi (l-Artikolu 222 tad-Direttiva tal-VAT) u l-awtofatturar (l-Artikolu 224 tad-Direttiva tal-VAT) kien meqjus sostantiv, filwaqt li t-tibdil l-ieħor li ġabet magħha s-SID kien meqjus li kellu impatt żgħir 6 .

2.3.Regoli oħra dwar il-fatturazzjoni

Is-SID introduċiet bidla speċifika waħda mmirata lejn l-SMEs, l-hekk imsejħa kontabilità abbażi tal-ħlasijiet ikkombinata għal ċerti mikrointrapriżi. L-analiżi tat-traspożizzjoni tad-dispożizzjoni dwar il-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet ma turi l-ebda diskrepanza bejn ir-regoli tal-UE u l-oqfsa legali nazzjonali. Bidliet oħra jittrattaw ir-regoli dwar il-ħlas tal-VAT għall-provvisti u għall-akkwisti intra-Komunitarji ta’ merkanzija u t-traspożizzjoni tagħhom wasslet għal approċċ armonizzat fl-Istati Membri f’dan ir-rigward.

3.Impatti ewlenin tat-Tieni Direttiva dwar il-Fatturazzjoni

3.1.It-tnaqqis tal-piż amministrattiv

It-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji mis-SID seħħ prinċipalment minħabba ż-żewġ settijiet ta’ dispożizzjonijiet li ġejjin: (i) ir-rekwiżiti dwar il-fatturazzjoni elettronika u (ii) il-ħruġ u l-kontenut tal-fatturi, li ssimplifikaw u armonizzaw ir-rekwiżiti dwar il-fatturazzjoni.

Fir-rigward tal-fatturazzjoni elettronika, ġie rikonoxxut ir-rwol pożittiv tas-SID. Huwa ċar li s-SID kienet waħda mill-fatturi li mill-2014 stimulaw l-użu akbar tal-fatturazzjoni elettronika fost in-negozji tal-UE. Abbażi tal-istudju, l-akbar impatt tas-SID fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv huwa dovut għall-adozzjoni akbar tal-fatturazzjoni elettronika mhux strutturata 7 , minħabba simplifikazzjonijiet li ħeġġew lill-kumpaniji jaqilbu minn fatturi fuq il-karta għall-PDFs 8 . Is-SID ma għamlitx distinzjoni bejn fatturi elettroniċi strutturati 9 u dawk mhux strutturati. Minħabba n-nuqqas ta’ distinzjoni bejn iż-żewġ formati ta’ fatturi elettroniċi u minħabba li infurzat il-prinċipju tan-newtralità teknoloġika, id-Direttiva ma stimulatx direttament l-użu ta’ fatturi li jistgħu jiġu proċessati awtomatikament u għalhekk ma wasslitx għal żieda fl-użu ta’ fatturi elettroniċi strutturati.

Mil-lat kwantitattiv 10 , huwa stmat li d-Direttiva naqqset il-piżijiet amministrattivi fuq il-kumpaniji b’EUR 1,04 biljun bejn l-2014 u l-2017 u li madwar EUR 920 miljun minnhom għandhom jiġu attribwiti għall-adozzjoni ta’ fatturazzjoni mhux strutturata 11 . Il-kumpaniji mikro 12 kienu dawk li bbenefikaw l-aktar minn dan l-impatt tas-SID, minħabba li adottaw il-fatturi elettroniċi mhux strutturati peress li ma kinux mgħammra biex jittrattaw ir-rekwiżiti tal-fatturazzjoni elettronika strutturata.

Rigward ir-reviżjoni tal-ħruġ u tal-kontenut tal-fatturi, it-tnaqqis fil-piż ġie vvalutat bħala wieħed pjuttost limitat. Id-dispożizzjoni li kellha l-akbar impatt fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv kienet is-sistema ssimplifikata tal-fatturazzjoni (f’termini kwantitattivi vvalutata madwar EUR 38 miljun fis-sena 13 ).

3.2.L-impatt fuq is-Suq Intern

Is-SID tat kontribut pożittiv għall-appoġġ tal-funzjonament tas-suq intern prinċipalment dovut għall-fatturi elettroniċi u għall-fatturazzjoni transfruntiera.

L-ewwel nett, id-data miġbura fl-istudju turi li, filwaqt li fl-2014 wieħed minn kull erba’ negozjanti intra-UE ħareġ fatturi elettroniċi, dan l-ammont żdied għal tlieta minn kull erba’ negozjanti fl-2018. Dan jimplika li s-SID neħħiet il-problemi li għamlu l-fatturazzjoni elettronika transfruntiera aktar diffiċli u għalhekk ikkontribwiet b’mod ċar għall-użu akbar tal-fatturi elettroniċi fi tranżazzjonijiet transfruntiera.

It-tieni, is-SID introduċiet erba' bidliet sinifikanti ulterjuri għar-regoli applikabbli dwar il-fatturi transfruntiera: (i) ir-regoli l-ġodda dwar is-sistemi ta’ fatturazzjoni applikabbli (l-Artikolu 219a); (ii) il-limitu ta’ żmien uniformi għall-ħruġ ta’ fatturi għal tranżazzjonijiet intra-UE (l-Artikolu 222); (iii) ir-regoli l-ġodda dwar il-kambju tal-munita (l-Artikoli 91 u 230); u (iv) il-kontenut simplifikat ta’ fatturi għal tranżazzjonijiet transfruntiera soġġetti għar-reverse charge (l-Artikolu 226a). Barra minn hekk, ir-regoli l-ġodda dwar l-awtofatturar (l-Artikolu 224) issimplifikaw ukoll l-użu ta’ din is-sistema għal tranżazzjonijiet transfruntiera. Dan it-tibdil żied iċ-ċertezza legali tar-regoli dwar il-fatturazzjoni applikabbli għal tranżazzjonijiet intra-UE.

L-impatt tad-dispożizzjonijiet l-oħra tas-SID fuq is-Suq Intern huwa meqjus bħala wieħed aktar limitat minħabba li ma affettwax il-proċessi tal-fatturazzjoni u għalhekk għaddew pjuttost inosservati min-negozji.

3.3.Ir-rwol tad-Direttiva fil-promozzjoni tal-SMEs

Il-parti l-kbira tal-miżuri tas-SID huma ta’ natura ġenerali li japplikaw kemm għall-intrapriżi l-kbar kif ukoll għall-SMEs. Madankollu, is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tal-qafas regolatorju jwasslu għal tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi u għalhekk il-miżuri għandhom il-potenzjal li jkunu partikolarment ta’ benefiċċju għall-SMEs, li, minħabba d-daqs iżgħar tagħhom, normalment ikollhom aktar diffikultajiet biex jikkonformaw mal-obbligi tat-taxxa minn kumpaniji kbar.

Is-SID kellha impatt pożittiv fuq l-SMEs minħabba l-użu aktar mifrux tal-fatturazzjoni elettronika mhux strutturata. Dan l-impatt pożittiv kien aktar sinifikanti fuq l-SMEs u fuq il-mikrointrapriżi milli fuq il-kumpaniji l-kbar. L-SMEs ibbenefikaw minn madwar 55 % tat-tnaqqis fil-piż minħabba l-użu aktar mifrux tal-fatturazzjoni elettronika mhux strutturata. Id-differenza fit-tnaqqis tal-piż, li għadha sinifikanti, hija attribwita lill-kumpaniji l-kbar peress li l-kumpaniji l-kbar joħorġu għadd viżibbilment ogħla ta’ fatturi.

Is-SID emendat ukoll żewġ sistemi ta’ fatturazzjoni mmirati kompletament jew parzjalment lejn l-SMEs, jiġifieri l-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet u l-fatturi simplifikati, u b’hekk ikkontribwiet għall-użu aktar mifrux tagħhom. Wara t-tibdil introdott mis-SID għadd ta’ Stati Membri introduċew jew wessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tas-sistema tal-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet. Ġie stmat li madwar 60,000 mikrointrapriża addizzjonali bbenefikaw mill-iskema tal-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet bis-saħħa tas-SID. Kollox ma’ kollox, l-adozzjoni tal-iskema għadha limitata minħabba l-fatt li l-għażla tal-iskema tal-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet teħtieġ tibdil fil-proċess tal-kontabilità li f’ċerti każijiet jista' jwassal għal tariffi ogħla ta’ konsulenza. Globalment l-iffrankar tal-kostijiet minħabba l-adozzjoni akbar tal-iskema tal-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet iġġenerata mis-SID, ġie stmat li jlaħħaq it-EUR 33 miljun għall-għaxar Stati Membri li fihom il-bidliet jistgħu jiġu attribwiti għas-SID. Madankollu l-importanza tal-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet tmur ferm lil hinn minn sempliċi tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi. Kellha rwol importanti ħafna għall-kumpaniji mikro matul il-kriżi ekonomika meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi ddeterjoraw u l-ħlasijiet saru aktar diffiċli.

Fir-rigward tal-fatturi simplifikati, minħabba t-tibdil li ġabet magħha s-SID, is-sistema ġiet introdotta f’għadd ta’ Stati Membri filwaqt li Stati Membri oħra wessgħu l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha. Is-sistema tal-fatturazzjoni ssimplifikata ġiet ivvalutata bħala dik bl-akbar impatt fuq it-tnaqqis tal-piż amministrattiv mid-dispożizzjonijiet kollha dwar il-ħruġ u l-kontenut tal-fatturi (ara t-taqsima aktar ’il fuq3.1). Madankollu, l-użu ta’ fatturi simplifikati jibqa' fil-biċċa l-kbira limitat għal setturi speċifiċi tan-negozju, bħall-akkomodazzjoni, ir-ristoranti, il-kummerċ bl-imnut, il-pompi tal-petrol u s-servizzi tat-trasport u għalhekk it-tnaqqis tal-piż mhuwiex wieħed sostanzjali.

3.4.Il-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT

Fl-intier tagħha, id-Direttiva kienet maħsuba wkoll biex tappoġġa l-attivitajiet ta’ kontroll tat-taxxa, u eventwalment trawwem titjib fil-konformità mal-VAT. B’mod partikolari s-SID emendat żewġ dispożizzjonijiet għal dan il-għan: i) il-limitu ta’ żmien għall-ħruġ ta’ fatturi għal tranżazzjonijiet intra-UE u ii) ir-regoli dwar il-ħlas tal-VAT fuq provvisti u akkwisti intra-UE. Madankollu, ma hemm l-ebda evidenza ta’ xi impatt sinifikanti tas-SID fuq il-kontroll tat-taxxa jew fuq il-konformità mal-VAT. L-opinjonijiet espressi mill-awtoritajiet tat-taxxa jikkonfermaw li l-effetti tas-SID f’dak li għandu x’jaqsam mal-konformità mal-VAT huma, jekk affattu, pjuttost limitati. L-awtoritajiet tat-taxxa u l-partijiet ikkonċernati huma tal-fehma li ma tantx hemm aktar x’jista’ jinkiseb permezz tar-regoli dwar il-fatturazzjoni fil-qasam tal-kontroll tat-taxxa. Peress li l-informazzjoni mill-fatturazzjoni mhijiex faċilment disponibbli għall-awtoritajiet tat-taxxa, bħalissa l-fokus tagħhom huwa fuq sistemi li jiżguraw rapportar f’ħin reali li jippermettu analiżi aħjar tar-riskji u kontrolli aktar immirati. Fl-istess ħin, huwa rassikuranti li s-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti dwar il-fatturazzjoni u l-fatturazzjoni elettronika ma kellhomx impatt negattiv fuq l-attivitajiet ta’ kontroll tat-taxxa.

4.Nuqqasijiet ewlenin tad-Direttiva

Il-valutazzjoni tar-regoli dwar il-fatturazzjoni wriet nuqqas wieħed fis-SID u xi kwistjonijiet emerġenti li huma deskritti hawn taħt.

4.1.In-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-BCAT

Fil-kuntest tal-fatturazzjoni elettronika, is-SID introduċiet il-kunċett tal-Kontrolli tan-Negozju li joħolqu Rekord tal-Awditjar (BCAT) affidabbli bħala mezz biex tingħata prova tal-Integrità u tal-Awtentiċità (I&A) tal-fattura elettronika. Dan il-kunċett għadu meqjus bħala wieħed kumpless, li mhuwiex interpretat b'mod uniformi mill-awtoritajiet tat-taxxa u li mhuwiex qed jiġi applikat sew mill-operaturi ekonomiċi madwar l-UE. Il-partijiet ikkonċernati jaraw dan bħala nuqqas tas-SID.

Is-SID (fl-Artikolu 233) tistabbilixxi l-prinċipju tal-libertà tal-evidenza għall-operaturi ekonomiċi sabiex jagħtu prova tal-Integrità u tal-Awtentiċità tal-fatturi elettroniċi. Madankollu, fil-prattika l-uniċi metodi użati jinkludu: (i) il-firma elettronika; (ii) l-Iskambju Elettroniku ta’ Data (EDI); u (iii) il-BCAT. Konsegwentement, il-BCAT jaħdem bħala l-metodu standard biex tingħata prova tal-I&A tal-fattura elettronika għall-kumpaniji kollha li ma għażlux li jużaw firem elettroniċi jew EDI. Dan jimplika li l-biċċa l-kbira tal-kumpaniji, jekk mhux il-kumpaniji kollha, li jiskambjaw fatturi elettroniċi bħala PDF mhux iffirmati għandu jkollhom sistema ta’ BCAT fis-seħħ. Madankollu, il-konformità min-naħa tal-kumpaniji u l-infurzar min-naħa tal-awtoritajiet tat-taxxa kienu limitati, u saħansitra assenti f’xi Stati Membri. B’mod ġenerali, il-partijiet ikkonċernati jqisu li fid-Direttiva hemm nuqqas ta’ definizzjoni prattika tal-BCAT. Kien hemm xi gwida inkluża fil-leġiżlazzjoni sekondarja tal-Istati Membri kif ukoll fin-Noti ta’ Spjegazzjoni mħejjija mill-Kummissjoni Ewropea. Minkejja dawn l-isforzi, l-operaturi ekonomiċi ma jqisux il-gwida pprovduta dwar il-BCAT bħala waħda adegwata u ċara biżżejjed. Dan iwassal għal dubji dwar kif din l-għażla għandha tiġi applikata fil-prattika u jekk hijiex se tiġi aċċettata waqt awditjar tat-taxxa.

4.2.Il-kumplessità tar-regoli dwar l-arkivjar

Aspett emerġenti possibbli jirreferi għar-regoli dwar l-arkivjar. Is-SID ma inkludietx dispożizzjonijiet dwar l-arkivjar. Mit-traspożizzjonijiet tad-Direttiva ’l hawn, il-kumplessità u l-frammentazzjoni regolatorja tar-regoli dwar l-arkivjar ma żdidux bl-istess mod. Dan minħabba l-fatt li ċerti Stati Membri adottaw regoli dettaljati ħafna dwar l-arkivjar elettroniku ta’ dokumenti fiskali, li ovvjament japplikaw ukoll għall-fatturi elettroniċi. Kważi 40 % tal-partijiet ikkonċernati jqisu li r-regoli nazzjonali dwar l-arkivjar ta’ fatturi elettroniċi huma ta’ piż u diffiċli li jiġu rispettati.

4.3.4.3 Rekwiżiti nazzjonali ta’ rapportar elettroniku

Kwistjoni oħra li tfaċċat wara l-adozzjoni tas-SID iżda li ma tirriżultax minnha hija l-introduzzjoni minn diversi Stati Membri ta’ rekwiżiti biex jippreżentaw dikjarazzjonijiet elettroniċi dwar ċerti tranżazzjonijiet domestiċi. L-Istati Membri introduċew dan ir-rapportar biex jindirizzaw attivitajiet frodulenti. Il-partijiet ikkonċernati jaraw riskju ta’ nuqqas ta’ armonizzazzjoni u żieda fil-piżijiet amministrattivi minħabba l-proliferazzjoni ta’ tali rekwiżiti nazzjonali ta’ rapportar elettroniku.

5.Konklużjonijiet u t-triq possibbli ’l quddiem

Il-valutazzjoni tad-Direttiva hija fil-biċċa l-kbira tagħha pożittiva, peress li appoġġat b’mod effettiv is-simplifikazzjoni u l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-fatturazzjoni u l-fatturazzjoni elettronika madwar l-UE kollha. Is-SID ikkontribwiet għall-adozzjoni tal-fatturazzjoni elettronika mhux strutturata, it-tnaqqis tal-piżijiet amministrattivi fuq in-negozji, iż-żieda fiċ-ċertezza tad-dritt għall-operaturi ekonomiċi u l-funzjonament xieraq tas-suq intern. Id-dispożizzjonijiet tas-SID jibqgħu rilevanti u xierqa għall-ħtiġijiet tal-partijiet ikkonċernati jiġifieri regoli aktar ċari, aktar sempliċi u aktar armonizzati fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni elettronika.

F’xi oqsma, bħat-titjib tal-attivitajiet ta’ kontroll tat-taxxa u l-promozzjoni tal-SMEs, il-kisbiet kienu pożittivi iżda ma laħqux il-potenzjal tagħhom.

Il-valutazzjoni identifikat ukoll nuqqas wieħed li jirriżulta mis-SID, jiġifieri n-nuqqas ta’ ċarezza dwar il-BCAT. Barra minn hekk, ħarġu xi kwistjonijiet oħra li mhumiex ġejjin mis-SID iżda li ġew imposti fuq livell nazzjonali, bħar-regoli kumplessi dwar l-arkivjar u r-rekwiżiti nazzjonali ta’ rapportar elettroniku.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-BCAT, se jkun hemm bżonn li jingħataw aktar kjarifiki sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas imsemmi hawn fuq. Madankollu, hemm dubju kemm tali kjarifiki jistgħu jingħataw fit-test leġiżlattiv. Dan għaliex l-intenzjoni tal-BCAT huwa li jiġu inklużi diversi tipi ta’ proċessi tan-negozju differenti u kwalunkwe definizzjoni li tiġi inkluża fid-Direttiva tispiċċa tillimita l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u hemm ir-riskju li din tisfa obsoleta minħabba l-avvanzi teknoloġiċi. Barra minn hekk, minħabba l-introduzzjoni tar-rekwiżiti dwar ir-rapportar elettroniku jidher li l-awtoritajiet tat-taxxa qed jagħtu inqas importanza lil regoli stretti dwar l-Integrità u l-Awtentiċità (I&A). Fl-aħħar nett, hemm ir-riskju li n-negozji jitgħabbew b’piż addizzjonali, speċjalment l-SMEs. Għalhekk, jista' jiġi esplorat jekk il-kjarifika tal-BCAT tistax tinkiseb aħjar min-Noti ta’ Spjegazzjoni tal-Kummissjoni u mill-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fl-Istati Membri. Din tista' tkun akkumpanjata minn xi kjarifiki addizzjonali dwar id-definizzjoni legali ta’ fatturi elettroniċi.

Dwar ir-regoli ta’ arkivjar, qasam li n-negozji jqisu bħala wieħed kumpless, intervent fil-livell tal-UE jkun diffiċli minħabba li r-rekwiżiti dettaljati dwar il-ħżin ta’ fatturi jiġu stabbiliti mill-Istati Membri. Bl-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet diġitali, ir-riflessjoni f’dan il-qasam tista' tiffoka pereżempju fuq jekk l-iżvilupp ta’ standard għal servizz tal-cloud Ewropew għall-ħżin ta’ fatturi jistax ikun utli.

Fir-rigward tal-kontroll tat-taxxa, skont l-awtoritajiet tat-taxxa u l-partijiet ikkonċernati, ir-regoli attwali dwar il-fatturazzjoni huma allinjati tajjeb mal-ħtiġijiet tal-attivitajiet ta’ kontroll tat-taxxa u fil-fatt ma tantx hemm aktar x’jista’ jinkiseb mir-regoli dwar il-fatturazzjoni sabiex ikompli jittejjeb il-kontroll tat-taxxa. Għalhekk kwalunkwe emenda possibbli tad-Direttiva tal-VAT għal dan il-għan mhux se jkollha wisq valur miżjud. Minflok, ħafna awtoritajiet tat-taxxa bħalissa qed jeżaminaw modi kif jistgħu jiksbu aċċess għad-data ta’ tranżazzjoni mingħajr il-ħtieġa ta’ aċċess fiżiku jew elettroniku għall-fatturi, biex b’hekk jiġu introdotti rekwiżiti ta’ rapportar elettroniku effettiv u f’ħin reali.

Il-fokus ewlieni ta’ titjib ulterjuri possibbli għall-promozzjoni tal-SMEs għandu jkun fuq il-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet. Madankollu, il-partijiet ikkonċernati jqisu l-iskema ta’ kontabilità abbażi tal-ħlasijiet bħala waħda ġeneralment pożittiva u ma ġiet senjalata l-ebda kwistjoni emerġenti.

F’termini tat-tnaqqis limitat fil-piż amministrattiv, dan huwa prinċipalment attribwit għall-adozzjoni aktar baxxa ta’ fatturi elettroniċi strutturati. Din kienet l-għażla ta’ politika li saret fis-SID. Approċċ aktar radikali li jqis biss il-fatturi elettroniċi strutturati bħala dokumenti validi jkun jeħtieġ li tiġi emendata l-leġiżlazzjoni eżistenti.

Bħala konklużjoni, l-awtoritajiet tat-taxxa u l-partijiet ikkonċernati jqisu li r-regoli dwar il-fatturazzjoni introdotti mis-SID jaħdmu sew u ma ġiet identifikata l-ebda kwistjoni ewlenija. Fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-frodi u fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u t-tendenzi reċenti f’ċerti Stati Membri dwar il-fatturazzjoni elettronika u dwar ir-rapportar elettroniku, il-Kummissjoni flimkien mal-Istati Membri se tesplora jekk il-potenzjal tal-fatturazzjoni elettronika jistax joħroġ aktar fil-livell tal-UE. Il-Kummissjoni se tniedi wkoll riflessjoni dwar ir-rekwiżiti tar-rapportar elettroniku u b’mod partikolari dwar l-impatt fuq is-suq intern ikkawżat mir-regoli differenti applikabbli fl-Istati Membri.

(1)

   Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)

     Report on the evaluation of Invoicing Rules of Directive 2006/112/EC (Ir-Rapport dwar l-evalwazzjoni tar-Regoli dwar il-Fatturazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE): https://op.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/745fa4fe-2db0-11e9-8d04-01aa75ed71a1

(3)

     Id-Direttiva 2010/45/UE tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2010 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tar-regoli dwar il-fatturazzjoni, ĠU L 189/1, 22.7.2010. 

(4)

     Għal aktar informazzjoni jekk jogħġbok ara: https://ec.europa.eu/info/law/law-making-process/planning-and-proposing-law/better-regulation-why-and-how/better-regulation-guidelines-and-toolbox_mt

(5)

         Għal aktar dettalji dwar it-traspożizzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar il-fatturazzjoni elettronika ara l-kapitolu 3.1.1. tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni.

(6)

     Ara t-taqsima 3.1.2. tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal.

(7)

     Il-fatturi elettroniċi mhux strutturati jirreferu għal fatturi li jiġu trażmessi elettronikament mingħajr format preskritt jew speċifiku, eż. email b’PDF mehmuż jew faks mibgħuta f’format elettroniku u mhux fuq il-karta.

(8)

   Format ta’ Dokument Portabbli, format ta’ fajl li jikkonverti u jibgħat dokumenti elettroniċi fil-format maħsub

(9)

     Il-fatturi elettroniċi strutturati jirreferu għal fatturi li jinħarġu, jiġu trażmessi u jiġu riċevuti f’format elettroniku strutturat li jippermetti l-ipproċessar awtomatiku u elettroniku tagħhom.

(10)

     Fir-rigward tal-kalkoli, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 5.2 u t-Taqsima 6 tar-Rapport Finali dwar l-Evalwazzjoni tar-Regoli dwar il-Fatturazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE.

(11)

     Il-bqija tat-tfaddil ġej minn fatturazzjoni simplifikata u skema tal-kontabilità abbażi tal-ħlasijiet.

(12)

     Skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-definizzjoni ta’ intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju ((C(2003/1422), intrapriża mikro hija definita bħala intrapriża li timpjega inqas minn 10 persuni u li l-fatturat annwali u/jew li t-total tal-karta tal-bilanċ annwali tagħha ma jaqbiżx iż-EUR 2 miljuni.

(13)

     Fir-rigward tal-kalkoli, jekk jogħġbok ara t-Taqsima 6.2.2. tar-Rapport Finali dwar l-Evalwazzjoni tar-Regoli dwar il-Fatturazzjoni tad-Direttiva 2006/112/KE.

Top