EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020DC0004

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL Dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/1775, dwar il-Kummerċ tal-Prodotti mill-Foki

COM/2020/4 final

Brussell, 10.1.2020

COM(2020) 4 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

Dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/1775, dwar il-Kummerċ tal-Prodotti mill-Foki


1.Introduzzjoni

Ir-reġim tal-UE dwar il-foki

Ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 1 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kummerċ tal-prodotti mill-foki (ir-Regolament Bażiku) jipprojbixxi li l-prodotti mill-foki jitqiegħdu fis-suq tal-UE.

Il-projbizzjoni tal-kummerċ tapplika għall-prodotti mill-foki li jiġu prodotti fl-UE u għall-prodotti mill-foki li jiġu importati. Ir-Regolament Bażiku ġie emendat bir-Regolament (UE) 2015/1775 2 sabiex jiġu riflessi l-eżiti tad-deċiżjonijiet tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) fil-każ tal-prodotti mill-foki tal-KE 3 . B’riżultat ta’ dan, ir-reġim attwali tal-UE dwar il-foki jipprevedi żewġ eċċezzjonijiet għall-projbizzjoni:

1)Huwa jippermetti t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki meta dawn il-prodotti jkunu ġejjin mill-kaċċa li tkun saret mill-Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Bażiku, kif emendat.

L-Artikolu 3(1a) tal-istess Regolament, kif emendat, jipprevedi wkoll li, fil-mument tat-tqegħid tiegħu fis-suq, prodott mill-foki għandu jkun akkumpanjat minn dokument li jiċċertifika l-konformità mal-kondizzjonijiet stipulati biex wieħed jibbenefika mill-eċċezzjoni tal-“Inuit jew komunitajiet indiġeni oħra”. Id-dokument ta’ attestazzjoni jenħtieġ li jinħareġ minn korp rikonoxxut għal dak il-għan mill-Kummissjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1850 4 (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni).

2)Dan jippermetti wkoll li jiġu importati prodotti mill-foki meta dawn ikunu ta’ natura okkażjonali u jkunu jikkonsistu esklussivament minn oġġetti għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom (l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Bażiku, kif emendat).

L-obbligi ta’ rapportar skont ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009, kif emendat

L-Artikolu 7 tar-Regolament Bażiku, kif emendat, jistipula li l-Istati Membri għandhom jippreżentaw lill-Kummissjoni, sal-31 ta’ Diċembru 2018 u kull erba’ snin wara dan, rapport li jiddeskrivi fil-qosor l-azzjonijiet li jkunu ttieħdu għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

Imbagħad, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport dwar l-implimentazzjoni tar-Regolament fi żmien 12-il xahar mit-tmiem ta’ kull perjodu ta’ rapportar. Għalhekk, l-ewwel rapport għandu jiġi ppreżentat sal-31 ta’ Diċembru 2019.

Ir-rapporti ta’ hawn fuq u r-rapport tal-Kummissjoni jenħtieġ li jivvalutaw il-funzjonament u l-effikaċja tar-Regolament fl-ilħuq tal-għan tiegħu. Ir-rapporti jenħtieġ li jivvalutaw ukoll l-impatt fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra. Għal raġunijiet ta’ kompletezza, ir-rapporti jindirizzaw ukoll l-impatt fuq il-popolazzjoni tal-foki.

2.Sfond

Fl-1983, b’reazzjoni għal tħassib ġenerali dwar il-qtil annwali ta’ ċerti frieħ tal-foki, l-UE adottat id-Direttiva tal-Kunsill 83/129/KEE 5 biex tipprojbixxi l-importazzjoni fl-UE ta’ prodotti minn żewġ speċijiet tal-frieħ tal-foki, foki ta’ Greenland (“whitecoats”) u foki bil-kappa (“blue-backs”). Inizjalment din applikat sal-1 ta’ Ottubru 1985. Id-Direttiva 85/444/KEE 6 estendiet il-validità tad-Direttiva 83/129/KEE sal-1 ta’ Ottubru 1989. Fl-1989, l-estensjoni indefinita tad-Direttiva ġiet adottata permezz tad-Direttiva tal-Kunsill 89/370/KEE 7 .

Il-foki jiġu kkaċċjati fl-UE u lil hinn minnha u jintużaw biex jinkisbu prodotti differenti bħal kapsuli tal-Omega-3 u lbies li jinkorpora ġlud tal-foki u fer ipproċessati. Minħabba n-natura ta’ dawk il-prodotti, li jinbiegħu kummerċjalment fi swieq differenti, inkluż fis-suq tal-UE, huwa diffiċli jew impossibbli għall-konsumaturi biex jiddistingwuhom minn prodotti simili mhux derivati mill-foki.

Iċ-ċittadini u l-konsumaturi esprimew tħassib dwar il-preżenza possibbli fis-suq ta’ prodotti miksuba minn annimali li jinqatlu u jitqaxxru b’mod li jikkawża t-tbatija. B’reazzjoni għal dan, diversi Stati Membri adottaw leġiżlazzjoni li tirregola l-kummerċ tal-prodotti mill-foki billi pprojbixxew l-importazzjoni u l-produzzjoni ta’ tali prodotti, filwaqt li ma tqiegħdet l-ebda restrizzjoni fuq il-kummerċ ta’ dawn il-prodotti fi Stati Membri oħra.

Dawn id-differenzi bejn id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jirregolaw il-kummerċ, l-importazzjoni, il-produzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti mill-foki affettwaw b’mod negattiv l-operat tas-suq intern u kkostitwixxew ostakli għall-kummerċ ta’ tali prodotti. Għalhekk, l-UE adottat ir-Regolament (KE) Nru 1007/2009 8 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ir-Regolament Bażiku), b’kunsiderazzjoni tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità. Ir-Regolament Bażiku introduċa projbizzjoni fuq it-tqegħid fis-suq tal-prodotti mill-foki.

Fl-istess ħin, l-UE rrikonoxxiet li l-kaċċa għall-foki kienet parti integrali mis-soċjoekonomija, in-nutrizzjoni, il-kultura u l-identità tal-Inuit u ta’ komunitajiet indiġeni oħra, u li tagħti kontribut kbir għas-sussistenza u l-iżvilupp tagħhom, tipprovdi ikel u introjtu biex issostni l-ħajja u l-għajxien sostenibbli tal-komunità, filwaqt li tippreserva u tkompli l-eżistenza tradizzjonali tal-komunità. L-UE nnotat ukoll li l-kaċċa għall-foki li ssir b’mod tradizzjonali mill-Inuit u minn komunitajiet indiġeni oħra ma qajmitx l-istess tħassib morali pubbliku bħall-kaċċa għall-foki li ssir primarjament għal raġunijiet kummerċjali. Barra minn hekk, ġie ġeneralment rikonoxxut li l-interessi fundamentali, ekonomiċi u soċjali tal-Inuit u ta’ komunitajiet indiġeni oħra jenħtieġ li ma jiġux affettwati b’mod negattiv, f’konformità mad-Dikjarazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Popli Indiġeni tal-2007.

Għalhekk, bħala eċċezzjoni, ir-Regolament Bażiku ppermetta li fis-suq jitqiegħdu prodotti mill-foki li rriżultaw minn kaċċa li kienet issir tradizzjonalment mill-Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra, dment li l-benesseri tal-annimali jitqies kif xieraq u t-tbatija titnaqqas kemm jista’ jkun. L-eċċezzjoni kienet limitata għall-kaċċa li tikkontribwixxi għas-sussistenza ta’ dawk il-komunitajiet.

Ir-Regolament Bażiku ppermetta wkoll, bħala eċċezzjoni, li fis-suq jitqiegħdu prodotti mill-foki meta l-kaċċa ssir għall-għan uniku li r-riżorsi tal-baħar jiġu ġestiti b’mod sostenibbli.

Fl-2010, il-Kanada u n-Norveġja nedew proċeduri għas-soluzzjoni tat-tilwim fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ kontra r-Regolament Bażiku u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 737/2010 inizjali tiegħu. Fl-2013, id-WTO kkonkludiet li, billi ċerti prodotti mill-foki jitħallew jidħlu fis-suq tal-UE permezz tal-eċċezzjonijiet għall-Inuit u għall-ġestjoni tar-riżorsi tal-baħar, ir-reġim tal-UE dwar il-foki kien qed jipproduċi impatt detrimentali fuq l-opportunitajiet kompetittivi tal-prodotti Kanadiżi u Norveġiżi fir-rigward ta’ prodotti importati minn Greenland u ta’ prodotti domestiċi simili tal-UE. Fil-fatt, dak iż-żmien, Greenland biss kienet applikat uffiċjalment għar-rikonoxximent ta’ korp ta’ attestazzjoni.

Sabiex iġġib ir-reġim tagħha konformi mad-deċiżjonijiet tad-WTO, l-UE adottat ir-Regolament (UE) Nru 2015/1775, li mmodifika r-reġim tal-UE dwar il-foki billi neħħa l-eċċezzjoni relatata mal-ġestjoni tar-riżorsi tal-baħar.

Madankollu, it-tneħħija ta’ dik l-eċċezzjoni saret mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-Istati Membri li jkomplu jirregolaw il-kaċċa li ssir bil-għan li r-riżorsi tal-baħar jiġu ġestiti b’mod sostenibbli. Madankollu, din waqqfet lill-Istati Membri milli jippermettu li fis-suq jitqiegħdu prodotti derivati minn tali kaċċa, sakemm ma jaqgħux taħt l-eċċezzjoni tal-“Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”, li baqgħet fis-seħħ. Ir-Regolament emendat saħħaħ ukoll il-koerenza mal-għan tar-Regolament Bażiku billi żied b’mod espliċitu l-kunsiderazzjonijiet tal-benesseri tal-annimali bħala kundizzjoni għall-użu tal-eċċezzjoni.

L-Artikolu 3(3) tar-Regolament (KE) Nru 1007/2009 irrikjeda li l-Kummissjoni toħroġ noti ta’ gwida teknika 9 , li jistabbilixxu lista indikattiva tal-kodiċijiet tan-Nomenklatura Magħquda, li jistgħu jkopru l-prodotti mill-foki, biex jiffaċilitaw l-operazzjonijiet ta’ infurzar mill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti.

Sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni uniformi tar-Regolament Bażiku, ġie adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1850 biex jiġu speċifikati r-rekwiżiti għall-importazzjoni tal-prodotti mill-foki għall-użu personali tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom. Dan jelenka l-kriterji għar-rikonoxximent tal-korpi responsabbli għall-ħruġ ta’ dokumenti li jiddikjaraw il-konformità mal-eċċezzjoni tal-“Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”. Dan jispeċifika wkoll ir-rwol tal-Awtoritajiet Kompetenti tal-Istati Membri għall-kontroll tad-dokumenti ta’ attestazzjoni u r-reġistrazzjoni tad-data inkluża fihom.

3.Rapporti tal-Istati Membri tal-UE

Għal dan l-eżerċizzju, l-Istati Membri tal-UE ngħataw sat-30 ta’ Ġunju 2019 biex jipprovdu r-rapporti nazzjonali tagħhom lill-Kummissjoni, billi jwieġbu kwestjonarju onlajn. Għat-28 Stat Membru tal-UE, il-perjodu ta’ rapportar kien mit-18 ta’ Ottubru 2015 (id-data tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2015/1775) sal-31 ta’ Diċembru 2018.

L-Istati Membri kollha tal-UE ħlief erbgħa (Franza, il-Greċja, il-Lussemburgu u Malta) ipprovdew ir-rapport nazzjonali tagħhom. Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-inputs li waslu. Għalhekk, ir-referenza għal “l-Istati Membri kollha” jenħtieġ li tinftiehem bħala “l-Istati Membri kollha minbarra erbgħa li ma pprovdewx ir-rapport tagħhom”.

a) L-Awtorità Kompetenti

Skont l-Artikolu 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1850, kull Stat Membru għandu jaħtar awtorità kompetenti waħda jew aktar responsabbli biex, fuq talba tal-awtoritajiet doganali, jivverifikaw d-dokumenti ta’ attestazzjoni fir-rigward ta’ prodotti mill-foki importati; jikkontrollaw il-ħruġ tad-dokumenti ta’ attestazzjoni minn korpi rikonoxxuti stabbiliti u attivi f’dak l-Istat Membru, u jżommu kopja tad-dokumenti ta’ attestazzjoni maħruġa għall-prodotti mill-foki li joriġinaw mill-kaċċa għall-foki f’dak l-Istat Membru. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar l-awtoritajiet kompetenti maħtura, u l-Kummissjoni għandha tagħmel il-lista tal-awtoritajiet kompetenti maħtura 10 disponibbli fuq is-sit web tagħha 11 u taġġornaha fuq bażi regolari. L-Istati Membri ntalbu jaġġornaw id-dettalji tagħhom fil-lista ppubblikata jekk ikun meħtieġ.

Il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri taħtar uffiċjalment awtorità kompetenti u tiddefinixxi r-rwol tagħha: li tispezzjona u tivverifika d-dokumenti ta’ attestazzjoni maħruġa mill-korpi rikonoxxuti, filwaqt li tikkoopera ma’ amministrazzjonijiet pubbliċi oħra (bħall-Ministeru tal-Finanzi jew tal-Agrikoltura) u l-awtoritajiet doganali, fosthom li tagħti gwida għall-kontroll fil-fruntieri. Fil-Portugall, l-importazzjoni tal-prodotti mill-foki hija koperta permezz tal-liċenzji maħruġa mill-Awtorità ta’ Ġestjoni skont il-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fl-Ispeċijiet fil-Periklu (CITES).

Bħala nota marġinali fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju, id-Danimarka qajmet dubju dwar il-ħtieġa tal-Artikolu 6.1(b) u (c) fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1850 u r-raba’ kopja tad-dokument ta’ attestazzjoni fl-Anness tiegħu peress li, fil-fehma tagħha, l-Istati Membri ma jistgħux jaħtru korpi rikonoxxuti. Il-Kummissjoni wieġbet li xi Stati Membri għandhom popli li jissodisfaw id-definizzjoni ta’ “Inuit jew komunitajiet indiġeni oħra” u għalhekk jitħallew jikkaċċjaw il-foki għas-sussistenza tagħhom u li jpoġġu l-prodotti mill-foki fis-suq tal-UE. Dawk l-Istati Membri jistgħu japplikaw biex wieħed mill-korpi tagħhom ikun rikonoxxut uffiċjalment għall-ħruġ ta’ dokumenti ta’ attestazzjoni. F’dak il-każ, l-Artikoli 6.1 (b) u (c) ikunu rilevanti, kif ukoll ir-raba’ kopja tad-dokument ta’ attestazzjoni li jenħtieġ li tiġi sottomessa lill-awtorità kompetenti skont l-Artikolu 6.1(c).

b) L-eċċezzjoni tal-“Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”

Id-Danimarka kienet l-uniku Stat Membru li rrapportat li l-prodotti mill-foki tqiegħdu fis-suq tagħha abbażi tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-eċċezzjoni tal-“Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra" prevista fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Bażiku, kif emendat. Matul il-perjodu ta’ rapportar, id-Dwana Daniża rreġistrat l-importazzjonijiet tal-prodotti mill-foki minn Greenland għal valur totali ta’ 2,626,128 krona Daniża u volum totali ta’10,502 kg.

L-ebda wieħed mill-Istati Membri ma ġie kkuntattjat mill-awtoritajiet doganali jew minn korpi oħra tal-infurzar biex jiddeċiedi dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu f’każ ta’ dubji dwar l-awtentiċità jew il-korrettezza ta’ dokument ta’ attestazzjoni jew għal aktar pariri. L-ebda wieħed minnhom ma kellu jirrifjuta li fis-suq tiegħu jitqiegħdu prodotti mill-foki koperti mill-eċċezzjoni tal-“Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra”. Il-Portugall biss kien jeħtieġ, darba, it-traduzzjoni ta’ dokument ta’ attestazzjoni (kopert mill-Artikolu 4 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni) fil-lingwa nazzjonali tiegħu. Fil-Kroazja, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tirrikjedi li d-dokumenti ta’ attestazzjoni jiġu tradotti fil-lingwa nazzjonali.

c) L-użu personali tal-vjaġġaturi jew tal-familji tagħhom

Erba’ Stati Membri (ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Polonja u Spanja) irrapportaw każijiet fejn l-awtoritajiet doganali nnotifikaw lill-awtorità kompetenti dwar problema relatata mal-importazzjoni tal-prodotti mill-foki għal użu personali minn vjaġġaturi jew il-familji tagħhom, kif previst fl-Artikolu 3(2) tar-Regolament Bażiku, kif emendat.



d) It-tqegħid fis-suq fuq bażi oħra

Mhuwiex permess li l-prodotti mill-foki jitqiegħdu fis-suq tal-UE fuq bażi oħra għajr iż-żewġ eċċezzjonijiet imsemmija hawn fuq. L-Estonja u l-Portugall biss ġew innotifikati dwar talba għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti mill-foki għal raġunijiet oħra għajr l-eċċezzjoni tal-“Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra” jew l-użu personali tal-vjaġġaturi u l-familji tagħhom. Fl-Estonja, ġlud tal-foki ikkunzati (1,700 biċċa fl-2016; 1,988 fl-2017 u 2,418 fl-2018) ġew importati għal ipproċessar attiv minn manifattur taż-żraben li mbagħad jerġa’ jesporta l-prodotti pproċessati kollha. Il-Portugall irrifjuta applikazzjoni għall-importazzjoni ta’ prodotti mill-foki għall-kummerċ.

e) Penali

F’konformità mal-Artikolu 6 tar-Regolament Bażiku, l-Istati Membri huma meħtieġa jistabbilixxu regoli dwar penali effettivi, proporzjonati u dissważivi applikabbli għal ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament, u biex jiżguraw li dawn ir-regoli jiġu implimentati.

L-Istati Membri kollha minbarra l-Finlandja għandhom regoli fis-seħħ dwar il-penali applikabbli għall-ksur tar-Regolament Bażiku. Il-Finlandja tinsab fil-proċess li temenda l-leġiżlazzjoni rilevanti biex tinkorpora tali regoli. Dawn il-penali jvarjaw minn multi, konfiska u qerda tal-oġġetti (fis-seħħ fl-Istati Membri kollha minbarra fil-Finlandja), sa ħabs (f’uħud minnhom biss). L-ammont tal-multa normalment ivarja jekk ir-reat ikun sar minn persuna fiżika jew minn persuna legali. It-tabella t’hawn taħt turi l-ammont massimu tal-multi (f’Euro) fl-Istati Membri li kkomunikaw din l-informazzjoni fir-rapport nazzjonali tagħhom. It-tabella mhijiex eżawrjenti iżda madankollu turi differenzi sinifikanti fil-multi imposti mid-diversi Stati Membri.

L-ebda wieħed mill-Istati Membri li pprovda rapport ma impona tali penali matul il-perjodu ta’ referenza, u d-dwana ma kkonfiskatx prodotti mill-foki f’xi wieħed minn dawk l-Istati Membri minħabba li ma kinux konformi mar-Regolament.

f) L-ipproċessar tad-data

Il-Kroazja, il-Finlandja, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja biss qed jużaw sistema elettronika għall-iskambju u r-reġistrazzjoni tad-data li tinsab fid-dokumenti ta’ attestazzjoni, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni. L-ebda wieħed mill-Istati Membri ma kellu x’jirrapporta fir-rigward tal-protezzjoni tad-data personali fl-ipproċessar tad-dokumenti ta’ attestazzjoni, koperti mill-Artikolu 8 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni.

g) L-informazzjoni permezz ta’ tikketta tal-kodiċi QR

Biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-eċċezzjoni tal-“Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra” u biex tittejjeb l-informazzjoni dwar ir-reġim tal-UE dwar il-foki, il-korpi rikonoxxuti msemmija fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament, kif emendat, jistgħu jpoġġu tikketta tal-kodiċi QR fuq il-prodotti mill-foki li huma jkunu ċċertifikaw. Dan il-kodiċi QR huwa marbut ma’ paġna web ta’ EUROPA 12 li tipprovdi informazzjoni rilevanti dwar ir-reġim dwar il-foki.

Disa’ Stati Membri biss (id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Irlanda, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall u s-Slovenja) huma konxji mill-eżistenza ta’ dan il-kodiċi QR, u l-ebda wieħed mill-Istati Membri ma ġie kkuntattjat mill-awtoritajiet doganali jew minn korpi oħra tal-infurzar għal parir relatat ma’ dan il-kodiċi QR.

h) Il-kaċċa għall-foki

Matul il-perjodu tar-rapportar, il-kaċċa għall-foki saret fit-territorju tad-Danimarka, tal-Estonja, tal-Finlandja u tal-Iżvezja.

Fir-rapport tagħhom, dawn l-erba’ Stati Membri ddeskrivew fil-qosor l-iskop tal-kaċċa, il-kundizzjonijiet li bihom saret, il-metodu tal-qtil li ġie applikat, kif il-benesseri tal-annimali tqies kif xieraq, u l-impatt ta’ din il-kaċċa fuq il-popolazzjoni tal-foki, fuq l-ekosistemi u fuq l-attivitajiet tal-bniedem. It-test ta’ hawn taħt juri l-opinjonijiet espressi fl-erba’ rapporti nazzjonali.

Fid-Danimarka, il-foki ma jistgħux jiġu kkaċċjati liberament, iżda tista’ tintalab deroga għall-isparar tal-foki f’raġġ ta’ 100 metru mill-irkaptu tas-sajd meta l-iskop ikun li jiġi evitat li ssirlu ħsara, u dan għandu jsir esklussivament barra l-perjodi tat-trobbija u tal-ħrif. Mill-2018, ingħataw ukoll derogi għall-isparar ta’ foki fi xmajjar, b’impatt pożittiv fuq l-istokkijiet għar-riproduzzjoni ta’ popolazzjonijiet ta’ ħut taħt pressjoni. L-isparar li jirriżulta mid-deroga huwa soġġett għall-użu ta’ azzarin ta’ kalibru approvat, filwaqt li wieħed għandu jgħaddi minn test speċifiku tal-azzarini u jkollu liċenzja Daniża għall-kaċċa. F’Bornholm, il-foki griżi jistgħu jiġu sparati matul is-sena kollha, peress li m’hemmx postijiet ta’ tgħammir f’dik iż-żona, iżda jeħtieġ li l-kaċċaturi jsegwu kors speċifiku tal-kaċċa għall-foki. Il-popolazzjonijiet tal-foki huma mmonitorjati fid-Danimarka b’għadd annwali. Jidher li l-għadd żgħir ta’ foki li ġew ikkaċċjati matul il-perjodu ta’ rapportar (78 foka komuni u foka griża waħda) ma kellu l-ebda impatt fuq id-daqs tal-popolazzjoni, fuq l-imġiba tal-foki b’mod ġenerali, fuq l-ekosistema tal-baħar jew fuq l-opportunitajiet għall-osservazzjoni tal-foki.

Fl-Estonja, il-foki jistgħu jiġu kkaċċjati biex jiġu żgurati ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar u s-sussistenza tal-kaċċaturi u tal-familji mill-komunitajiet lokali tal-gżejjer żgħar tal-Estonja, biex il-wirt kulturali u t-tradizzjonijiet tagħhom jinżammu ħajjin. Il-kaċċa għall-foki hija strettament regolata, skont ir-"Regoli għall-Kaċċa", u l-benesseri tal-annimali jitqies b’mod sħiħ. Dan jista’ jseħħ biss f’żoni tal-kaċċa magħżula, matul l-istaġun tal-kaċċa (mill-15 ta’ April sal-31 ta’ Diċembru), u wara li wieħed ikun għadda minn test tal-isparar. Hemm rekwiżiti speċjali għat-tip ta’ armi u munizzjon li jintużaw, u l-kaċċa minn opri tal-baħar bil-magna hija pprojbita. Il-kwota annwali tal-kaċċa hija limitata għal 1 % tal-popolazzjoni tal-foki, u l-impatt fuq il-popolazzjoni tal-foki u fuq l-ekosistemi huwa marġinali. Fl-2015, 10 foki ġew ikkaċċjati għal kwota ta’ kaċċa ta’ 53. Fl-2016 dan kien 10 għal 42, fl-2017 dan kien 9 għal 45 u fl-2018 dan kien 19 għal 37. Fl-Estonja, il-kaċċa għall-foki griżi reġgħet ġiet permessa mill-2015, filwaqt li qajmet mill-ġdid tradizzjoni antika, peress li l-popolazzjoni tagħhom żdiedet matul is-snin. L-Estonja rrapportat li din il-kaċċa fuq skala żgħira hija meħtieġa biex jitnaqqsu l-ħsarat lis-sajd, iżda mhijiex permessa f’żoni fejn il-foka griża hija protetta.

Fil-Finlandja, il-kaċċa għall-foki hija rregolata mil-leġiżlazzjoni nazzjonali u mil-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE permezz ta’ kwoti sostenibbli tal-kaċċa, staġun tal-kaċċa limitat biż-żmien, u karatteristiċi tekniċi speċifiċi għall-armi u l-munizzjon. Il-kaċċa għall-foki abbażi ta’ liċenzja titwettaq, kemm fuq il-gżejjer kif ukoll fuq il-gżejriet, għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, iżda wkoll biex jiġi evitat li ssir ħsara lis-sajd kummerċjali. F’dawn l-aħħar ftit snin, il-kaċċa fuq is-silġ kienet possibbli biss fil-Baħar Baltiku tat-Tramuntana. Il-maġġoranza tal-kaċċaturi għandhom azzarini moderni speċjali għall-kaċċa tal-foki, u jridu jgħaddu minn eżami, b’kors preċedenti dwar l-etika tal-kaċċa, qabel ma tkun permessa l-kaċċa. L-Aġenzija Finlandiża Wildlife ilha għal diversi snin tħarreġ lill-kaċċaturi fiż-żoni kostali biex japplikaw metodu ta’ qtil letali. Il-Ministeru għall-Agrikoltura u l-Forestrija huwa responsabbli biex jistabbilixxi l-għadd massimu ta’ foki griżi u foki tal-anelli li jistgħu jiġu kkaċċjati b’mod sostenibbli, abbażi tal-aħjar data xjentifika miġbura mill-Istitut tar-Riżorsi Naturali. Ma hija permessa l-ebda kaċċa fuq il-popolazzjonijiet ta’ foki dgħajfa (eż. il-foki tal-anelli ” fil-Golf tal-Finlandja). Minħabba li hemm biss ftit mijiet ta’ kaċċaturi tal-foki - minħabba li l-kaċċa hija għalja u l-jiem xierqa għall-kaċċa huma limitati - huma biss ftit mijiet ta’ foki li jiġu sparati kull sena. Iż-żieda annwali stmata tal-popolazzjoni tal-foki hija ogħla mill-għadd ta’ foki li jiġu kkaċċjati. Il-foki huma alimentaturi opportunistiċi. Hemm evidenza mill-Finlandja u mill-Iżvezja li l-foki jieklu l-ħut mill-irkapti tas-sajd sakemm l-irkapti tas-sajd ma jkunux reżistenti għall-foki. Fir-realtà, nases, fykes (xbieki tas-sajd f’forma ta’ borża twila li tinżamm miftuħa bi ċrieki) jew irkaptu simili biss jistgħu jsiru parzjalment reżistenti għall-foki filwaqt li jinżamm sajd kummerċjali vijabbli. L-istudji jissuġġerixxu li l-foki jieħdu għadd kbir ta’ ħut mill-irkaptu mingħajr ma jħallu evidenza, fejn l-impatt tal-foki fuq il-popolazzjonijiet tal-ħut huwa diffiċli biex jiġi kkwantifikat. Il-foki jieklu minn 3 sa 5 kilos ħut kuljum, li jistgħu jipperikolaw l-ispeċijiet tal-ħut jew il-popolazzjonijiet protetti mil-leġiżlazzjoni tal-UE jew dik nazzjonali. Is-sajd rikreattiv u kummerċjali bl-għeżula naqas bi 30 sa 40 % matul l-aħħar deċennji fl-arċipelagu ta’ barra u saħansitra waqaf kompletament f’ċerti żoni minħabba l-predazzjoni tal-foki. Il-kaċċa għall-foki ssir l-aktar f’żoni tal-baħar fl-arċipelagu ta’ barra meta l-interazzjoni ma’ attivitajiet oħra tal-bniedem tkun negliġibbli. Ir-rapport tal-Finlandja jenfasizza li l-projbizzjoni fuq il-kummerċ tal-prodotti mill-foki tnaqqas il-possibilitajiet li jiġu żviluppati attivitajiet sostenibbli bbażati fuq il-foki bħat-turiżmu. L-effett pożittiv tal-kaċċa qrib l-irkaptu tas-sajd huwa biss temporanju hekk kif jitfaċċaw foki ġodda fi ftit jiem jew anke sigħat. B’mod ġenerali, il-kaċċa għall-foki ma tistax titqies bħala l-uniku mod biex jittaffew il-problemi kkawżati mill-foki.

Fl-Iżvezja, il-kaċċa tal-foki hija permessa u rregolata strettament mill-Aġenzija Żvediża għall-Protezzjoni Ambjentali f’żoni fejn il-popolazzjoni tal-foki li dejjem qed tikber qed tikkawża ħsarat serji lill-irkaptu tas-sajd u qed tiekol il-qabdiet. Il-kwota tal-kaċċa u l-munizzjon li jistgħu jintużaw huma rregolati b’mod strett ukoll. Id-deċiżjonijiet tal-Aġenzija Żvediża għall-Protezzjoni Ambjentali jimplikaw li l-metodu tal-qtil li jintuża jrid jikkawża mewt immedjata, filwaqt li tiġi evitata t-tbatija bla bżonn, u li l-kaċċa għall-foki minn fuq id-dgħajjes tirrikjedi li l-kaċċatur jkun segwa kors ma’ assoċjazzjoni tal-kaċċaturi fl-Iżvezja jew fil-Finlandja, u li d-dgħajsa ma tiċċaqlaqx. L-Att Żvediż dwar il-Kaċċa jistipula wkoll li l-kaċċa ma tistax tikkawża tbatija bla bżonn. Għaddejja riċerka fl-Iżvezja biex jiġi żviluppat tagħmir tas-sajd reżistenti għall-foki. L-għadd ta’ foki kkaċċjati biex jipproteġu s-settur tas-sajd, l-uniku tip ta’ kaċċa permessa, jirrappreżenta biss sehem żgħir ħafna tal-popolazzjoni. Għalhekk, l-Iżvezja rrapportat li l-impatt fuq il-popolazzjoni tal-foki u fuq l-ekosistemi huwa minimu.

i) Valutazzjoni ġenerali

L-Istati Membri ntalbu jipprovdu valutazzjoni ġenerali ta’ tliet aspetti tar-Regolament fit-territorju tagħhom: il-funzjonament tiegħu (il-kapaċità li jwettaq il-funzjoni regolari tiegħu), l-effikaċja (il-kapaċità li jipproduċi riżultat mixtieq) u l-impatt (pereżempju, is-suq mibdul għall-prodotti mill-foki).

Xi Stati Membri (il-Belġju, il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja u s-Slovakkja) semmew li ma jsir l-ebda kummerċ tal-prodotti mill-foki fit-territorju tagħhom u li għalhekk ma jistgħux jivvalutaw il-funzjonament, l-effikaċja u l-impatt tar-Regolament. Oħrajn (Ċipru, il-Ġermanja, in-Netherlands, ir-Rumanija u s-Slovenja) ma pprovdew l-ebda valutazzjoni, allegatament għall-istess raġuni.

Oħrajn (l-Awstrija, il-Kroazja, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, l-Ungerija, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall, Spanja, l-Iżvezja u r-Renju Unit) iqisu li r-Regolament huwa xieraq għall-iskop tiegħu u li s’issa ma esperjenzaw l-ebda problema fir-rigward ta’ dan. Fl-awtoritajiet doganali tagħhom hemm stabbiliti proċeduri biex jimplimentaw ir-Regolament kif suppost. Id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja u l-Iżvezja għamlu xi kummenti konkreti li huma riflessi hawn taħt.

Id-Danimarka qajmet il-fatt li l-kaċċa għall-foki hija ta’ importanza kbira fi Greenland u li l-Gvern Daniż iqis il-ħtieġa li jippromwovi l-fehim tal-kaċċa għall-foki ta’ Greenland bħala professjoni leġittima sostenibbli u li jsaħħaħ l-esportazzjoni tal-prodotti mill-foki minn Greenland, inkluż lejn l-UE. Madankollu, id-Danimarka u Greenland sostnew li, għalkemm il-prodotti mill-foki kkaċċjati mill-Inuit jew minn komunitajiet oħra mhumiex koperti mill-projbizzjoni fuq l-importazzjoni, il-projbizzjoni wasslet għal tnaqqis kbir fil-bejgħ tal-ġlud tal-foki minn Greenland fis-suq tal-UE. Id-Danimarka tixtieq li l-UE tinforma aħjar lill-pubbliku dwar id-dritt ta’ Greenland li tesporta l-ġlud tal-foki (b’ċerti kundizzjonijiet).

L-Estonja hija tal-opinjoni li l-foki kkaċċjati għal skopijiet ta’ mmaniġġjar tar-riżorsi tal-baħar jenħtieġ li jkunu utilizzati bis-sħiħ u li l-bejgħ fuq skala żgħira bħala artiġjanat minn komunitajiet lokali jenħtieġ li jkun permess, sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż tal-kaċċa u jintwerew il-kreattività u t-tradizzjonijiet ta’ dawn il-komunitajiet. Għall-Estonja, l-inabbiltà legali li jinbiegħ anke ammont żgħir ta’ prodotti mill-foki taffettwa t-turiżmu, l-iżvilupp tal-komunitajiet lokali u l-preservazzjoni tat-tradizzjonijiet f’ċerti żoni.

Skont il-Finlandja, l-impatt tar-Regolament mar lil hinn mill-għan intiż tiegħu. Il-projbizzjoni kkontribwiet għall-istat attwali ħażin tas-sajd kostali u naqset b’mod sinifikanti l-valur tal-foki bħala speċi ta’ kaċċa. Bil-projbizzjoni, il-foki li jiġu kkaċċjati jistgħu jintużaw biss mill-kaċċaturi, filwaqt li din tnaqqas ir-rieda li jiġu kkaċċjati foki qrib l-irkaptu tas-sajd, filwaqt li ġġiegħel lill-foki u lis-sajjieda li jkunu rriżenjaw biex jikkoabitaw. Il-popolazzjonijiet tal-foki qed jiżdiedu fil-Baħar Baltiku u jinstabu kullimkien mal-kosta Finlandiża. Il-Finlandja rrapportat li kaċċa għall-foki li titwettaq għall-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar, b’rispett sħiħ tal-benesseri tal-annimali u billi jintużaw il-partijiet kollha tal-annimal maqbud minflok ma jintremew, jenħtieġ li ma tqajjimx tħassib morali pubbliku. Il-foki jistgħu jinqatlu malajr, mingħajr ma tiġi kkawżata tbatija evitabbli, permezz ta’ metodi li jeqirdu l-funzjonijiet sensorji tal-moħħ. Għall-Finlandja, il-kunsiderazzjoni tal-foki bħala riżorsa ta’ valur, billi jkun permess kummerċ imfassal tajjeb tal-prodotti mill-foki, ittejjeb is-sens ta’ sjieda u impenn għall-użu sostenibbli ta’ dawn ir-riżorsi. Il-kummerċ tal-prodotti mill-foki qatt ma kien settur kbir b’fatturat ekonomiku sinifikanti. Madankollu, fiż-żoni kostali, il-kummerċ għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi bħala sors ta’ introjtu u li jrawwem valuri kulturali. Investigazzjoni li twettqet fl-2018 turi li 50 % taċ-ċittadini Finlandiżi għandhom attitudni pożittiva lejn il-kummerċ fuq skala żgħira tal-prodotti mill-foki. Skont l-għadd tal-Baħar Baltiku, il-popolazzjoni totali ta’ foki griżi hija ta’ bejn 40,000 u 54,000 individwu, b’żieda annwali fil-popolazzjoni ta’ 2,300 sa 3,000 foka. 254 foka griża nqabdu fil-Baħar Baltiku bejn l-1 ta’ Ottubru 2018 u l-31 ta’ Lulju 2019. Il-popolazzjoni tal-foki tal-anelli hija ta’ mill-anqas 20 000 individwu, b’żieda annwali ta’ 1,000 individwu. Il-foka griża kienet tokkupa biss iż-żoni tat-Tramuntana tal-Baħar Baltiku imma l-popolazzjoni tagħha li qed tikber issa qed tespandi għall-Baħar Baltiku kollu, filwaqt li qed tinfesta l-istokk tal-merluzz tal-Lvant b’parassiti, u b’hekk qed tiżdied il-mortalità tal-merluzz. Għall-Finlandja, l-UE jenħtieġ li tqis b’mod serju li temenda r-Regolament li jipprojbixxi l-kummerċ ta’ prodotti mill-foki sabiex jitnaqqsu l-effetti soċjoekonomiċi negattivi sinifikanti tal-projbizzjoni fuq is-sajd u fuq il-kultura tal-kaċċa.

L-awtoritajiet Żvediżi u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi għamlu l-kummenti li ġejjin rigward l-impatt tar-Regolament. Il-kaċċa għall-foki dejjem kienet parti mill-kultura u l-istorja Żvediża, u mezz għas-sajd kostali fuq skala żgħira biex jikseb introjtu żejjed mill-bejgħ tal-laħam, tal-ġilda u tal-għadam li jintużaw għall-għodda, l-aċċessorji u l-armi. Bil-projbizzjoni, hemm anqas persuni li qed jikkaċċjaw għall-foki, filwaqt li l-popolazzjoni tal-foki li dejjem qed tikber qed tmur oltre l-Livell Bijoloġiku Sikur u qed tikkawża infezzjonijiet tal-parassiti tal-istokkijiet tal-ħut, kompetizzjoni għall-ħut u l-qerda tal-irkaptu tas-sajd. Tħassib ewlieni enfasizzat mill-Aġenzija Żvediża għall-Protezzjoni Ambjentali huwa li l-projbizzjoni tal-kummerċ fuq ir-reġim attwali dwar il-foki tipprevjeni li l-foki jintużaw bħala riżorsa, kif ukoll li jkun hemm ġestjoni effettiva tal-popolazzjoni tal-foki li dejjem qed tikber u li qed tikkawża ħsarat serji lill-qbid u lill-irkaptu. L-Iżvezja impenjat ruħha li tiżgura status ta’ konservazzjoni favorevoli għall-foki griżi. Għalhekk, għall-Aġenzija Żvediża għall-Ġestjoni tal-Baħar u tal-Ilma, il-pubbliku jista’ jaċċetta l-miżuri meħtieġa biex tiġi implimentata l-ġestjonimeħtieġa tal-popolazzjoni tal-foki li dejjem qed tikber jekk il-kummerċ tal-prodotti mill-foki jerġa’ jkun awtorizzat għar-raġunijiet ta’ hawn fuq. Għall-Iżvezja, sabiex ikun iġġustifikat ir-rimborż għal ħsara kkawżata mill-foki, allokat lis-sajjieda skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-foki griżi jenħtieġ li jitqiesu bħala riżorsa. Il-valur ekonomiku tat-turiżmu tal-kaċċa u l-bejgħ tal-prodotti mill-foki jenħtieġ li jiġu analizzati b’paragun mal-kost tar-rimborż tal-ħsarat ikkawżati mill-foki. Il-Bord tal-Agrikoltura tal-Iżvezja jqis bħala prinċipju ta’ gwida li l-ispeċijiet kollha li jinsabu b’mod naturali fl-Iżvezja jenħtieġ li jiġu ġestiti b’mod sostenibbli fuq perjodu twil ta’ żmien li ma jkollux impatt negattiv fuq l-istatus ta’ konservazzjoni tagħhom. Ir-Reġim tal-UE dwar il-Foki emendat għamel illegali l-użu kummerċjali tal-foki kkaċċjati għall-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi tal-baħar. Għalhekk, filwaqt li l-foki qed jiġu kkaċċjati legalment fil-Baħar Baltiku, il-qabda tista’ tintuża biss fid-dar tal-kaċċatur stess jew tispiċċa bħala skart fil-landfills, li minn perspettiva ambjentali kif ukoll etika dan jista’ jitqies bħala mhux sostenibbli. Din hija r-raġuni għaliex l-Iżvezja tirrapporta li l-kummerċ fuq skala żgħira tal-prodotti mill-foki jenħtieġ li jkun permess. Il-Bord Nazzjonali tal-Kummerċ fakkar li f’negozjati preċedenti l-Iżvezja kienet talbet eċċezzjoni għall-projbizzjoni tal-kummerċ fuq il-prodotti mill-foki. L-assoċjazzjonijiet Żvediżi tas-sajjieda jqajmu l-fatt li l-foki kulma jmur qed jikkawżaw aktar ħsarat lis-settur tas-sajd kostali fuq skala żgħira u li se jkomplu jikkaċċjawhom għal raġunijiet relatati mal-immaniġġjar tar-riżorsi fil-Baħar Baltiku. Dawn jiddeploraw il-fatt li tali riżorsa siewja tinbidel fi skart, peress li l-biċċa l-kbira tal-qabdiet jispiċċaw f’siti tar-rimi, fejn il-kaċċaturi saħansitra jridu jħallsu sabiex jarmu l-qabda tagħhom. Skont l-Assoċjazzjoni tal-Kaċċaturi, il-kaċċa għall-foki hija parti mill-wirt kulturali u mezz biex tiġi protetta d-diversità bijoloġika tal-istokkijiet tal-ħut. Il-kaċċa protettiva li tiġi pprattikata attwalment hija rregolata minn regoli stretti iżda l-kwistjoni reali hija li l-foki li jinqabdu legalment ma jistgħux jintużaw jew jinbiegħu minħabba l-projbizzjoni tal-kummerċ. Għall-Assoċjazzjoni Żvediża tal-Kaċċaturi, il-kaċċa protettiva tirrikjedi investimenti importanti fl-għarfien u fit-tagħmir u ssir il-qasam ta’ ftit esperti speċjalizzati li l-interess tagħhom fil-kaċċa jonqos meta jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet personali tagħhom għal-laħam u l-ġilda.

4.Rapporti mill-korpi rikonoxxuti

Skont l-Artikolu 3.1a tar-Regolament Bażiku, kif emendat, il-prodotti mill-foki li jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-UE skont l-eċċezzjoni tal-“Inuit jew komunitajiet indiġeni oħra” jridu jkunu akkumpanjati minn dokument ta’ attestazzjoni li jinħareġ minn korp rikonoxxut għal dak il-għan mill-Kummissjoni Ewropea, f’konformità mal-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1850 (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni).

S’issa, il-Kummissjoni Ewropea rrikonoxxiet tliet korpi:

-id-Dipartiment tas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura ta’ Greenland 13

- Id-Dipartiment tal-Ambjent, il-Gvern ta’ Nunavut (il-Kanada) 14

- Il-Gvern tat-Territorji tal-Majjistral tal-Kanada 15

Għal dan l-eżerċizzju, il-korpi rikonoxxuti ngħataw sat-30 ta’ Ġunju 2019 sabiex iwieġbu kwestjonarju online. Il-perjodu ta’ rapportar għal Greenland u Nunavut kien mis-26 ta’ Ottubru 2015 sal-31 ta’ Diċembru 2018, u għat-Territorji tal-Majjistral tal-Kanada, mill-14 ta’ Frar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2018.

a) Dokumenti ta’ attestazzjoni

Il-korpi rikonoxxuti ta’ Greenland u Nunavut ħarġu għadd importanti ta’ dokumenti ta’ attestazzjoni matul il-perjodu ta’ rapportar, biex jakkumpanjaw il-prodotti mill-foki tagħhom sabiex dawn ikunu jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-UE. Dawn il-prodotti mill-foki kienu jikkonsistu mill-ġlud bis-suf jew mill-ġlud tal-foki kkunzati/maħduma, minn prodotti magħmula mill-ġlud bis-suf tal-foki kkunzati kummerċjalment, iżda wkoll minn aċċessorji magħmula permezz tal-ġlud bis-suf tal-foki, bħal strixxi għar-ras, kpiepel, papoċċi, furfiċetti jew portmonijiet.

Id-Dipartiment tas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura ta’ Greenland ħareġ dokumenti ta’ attestazzjoni biex jakkumpanjaw prodotti li joriġinaw minn foki tal-anelli, foki ta’ Greenland u foki bil-kappa li tqiegħdu fis-suq tal-UE fid-Danimarka, fl-Iżvezja u fir-Renju Unit. It-tabella ta’ hawn taħt turi l-għadd ta’ unitajiet ta’ prodotti mill-foki minn speċijiet tal-foki partikolari, importati minn dawn it-tliet Stati Membri tal-UE matul it-tliet snin koperti mill-perjodu ta’ rapportar.

Id-Dipartiment tal-Ambjent tal-Gvern ta’ Nunavut (il-Kanada) ħareġ dokumenti ta’ attestazzjoni biex jakkumpanjaw prodotti li joriġinaw minn foki tal-annelli biss, li tqiegħdu fis-suq tal-UE fi Franza, fir-Renju Unit, fil-Polonja, fl-Iżvezja u fl-Estonja. It-tabella ta’ hawn taħt turi l-għadd ta’ unitajiet ta’ prodotti mill-foki tal-anelli importati minn dawn l-Istati Membri tal-UE matul it-tliet snin koperti mill-perjodu ta’ rapportar.

It-tabella ma turix li fl-2018 l-Estonja importat ukoll prodott wieħed mill-foki ta’ Greenland. Għal finijiet ta’ informazzjoni biss, peress li n-Norveġja mhijiex koperta f’dan ir-Rapport, id-Dipartiment tal-Ambjent tal-Gvern ta’ Nunavut ħareġ dokumenti ta’ attestazzjoni biex jakkumpanjaw 377 prodott mill-foki tal-anelli u 23 prodott mill-foki ta’ Greenland li kellhom jitqiegħdu fis-suq Norveġiż fl-2018.

Il-Gvern tat-Territorji tal-Majjistral tal-Kanada ma ħareġ l-ebda dokument ta’ attestazzjoni matul il-perjodu ta’ rapportar tiegħu ta’ sentejn, peress li l-bejgħ tal-ġlud bis-suf tal-foki mhux ipproċessati permezz tal-irkantijiet kien limitat għas-suq domestiku Kanadiż li ma jeħtieġx verifika tal-oriġini. Skont l-entità rikonoxxuta, in-nuqqas ta’ suq/domanda tal-UE huwa dovut għall-projbizzjoni fuq il-foki tal-UE.

It-tliet korpi rikonoxxuti rrapportaw xi kwistjonijiet relatati mad-dokumenti ta’ attestazzjoni.

Għall-korp rikonoxxut ta’ Greenland, l-iżdoganar fil-fruntiera għal pakketti ta’ ġlud tal-foki kkunzati minn Great Greenland Furhouse/Kopenhagen Fur lejn ir-Renju Unit ħa żmien twil b’mod sproporzjonat fil-fruntiera. Dan kien ifisser li xi klijenti ma jridux jixtru aktar ġlud tal-foki, peress ma jistgħux ikunu ċerti jekk humiex se jiksbu l-oġġetti malajr.

Il-korp rikonoxxut ta’ Nunavut identifika diversi kwistjonijiet relatati mad-dokumenti ta’ attestazzjoni u talab lill-UE jekk ikunx aċċettabbli li dan il-korp:

-Joħroġ ċertifikat wieħed għal diversi ġlud bis-suf, peress li s-sistema tal-korp rikonoxxut ta’ Nunavut bħalissa hija stabbilita biex toħroġ ċertifikati għal ġlud bis-suf individwali biss. Ladarba tissolva din il-kwistjoni, Nunavut jixtieq jawtomatizza kompletament il-ħruġ taċ-ċertifikati.

-Joħroġ ċertifikat lill-ħaddiema artiġjanali ta’ Nunavut li jiddikjaraw li f’xogħolhom jintużaw biss ġlud bis-suf tal-foki li jirriżultaw mill-kaċċa li ssir mill-Inuit. Tabilħaqq, prodott wieħed mill-foki jista’ jkun magħmul minn diversi ġlud bis-suf, jew ġilda waħda bis-suf tista’ tiġi pproċessata f’diversi prodotti mill-foki. Uħud mill-ħaddiema artiġjanali jixtru l-ġlud bis-suf minn korpi oħra rikonoxxuti u jikkombinawhom mal-ġlud bis-suf ta’ Nunavut biex jagħmlu l-prodotti finali tagħhom. Il-Gvern ta’ Nunavut jimpenja ruħu li jsegwi dawn l-individwi u li jirrikjedi element ta’ traċċabilità biex jiżgura l-konformità.

-Ma jkunx obbligat jispeċifika l-isem tal-Istat Membru tal-UE fejn il-prodott se jitqiegħed fis-suq. F’ċerti ċirkostanzi, il-prodott jista’ jidħol fl-UE, joħroġ minnha u mbagħad jerġa’ jidħol fiha; f’oħrajn, jista’ jiġi pproċessat fi Stat Membru partikolari iżda l-korp rikonoxxut ma jkunx jaf fejn il-prodott finali se jitqiegħed fis-suq. Il-format attwali taċ-ċertifikat jirrikjedi li l-korp rikonoxxut jinkludi l-isem tal-Istat Membru u dan jenħtieġ li jinbidel għal dħul ġenerali fl-UE.

-L-esplorazzjoni ta’ mezzi oħra biex tiġi ppruvata l-oriġini mill-Inuit għajr ċertifikat fiżiku, pereżempju timbru li jiġi stampat biss fuq il-ġlud bis-suf li jkunu ġew intraċċati u ċċertifikati mill-Gvern ta’ Nunavut, jew tikketti bil-kodiċi QR u timbru bbuzzat ’il barra mill-Gvern ta’ Nunavut, li kważi jkun impossibbli li jiġi imitat.

Il-korp rikonoxxut ta’ Nunavut jixtieq ukoll ikun jaf x’għandu jagħmel jekk individwu jidħol fl-UE kemm bil-prodotti għall-bejgħ kif ukoll b’oġġetti personali magħmula mill-ġlud bis-suf tal-foki.

Għall-korp rikonoxxut tat-Territorji tal-Majjistral, il-kwistjoni ewlenija hija li s-sistema attwali tagħhom tista’ tivverifika biss ċertifikati miktubin bl-idejn għall-ġlud bis-suf sħaħ tal-foki (mhux maħdumin jew ipproċessati). Ma jkunx jista’ jaċċetta prodotti individwali magħmula minn ġilda waħda bis-suf tal-foki jew minn diversi ġlud bis-suf tal-foki, u għalhekk iċ-ċertifikati jeħtieġ li jinħolqu manwalment għal kull oġġett. L-implimentazzjoni tad-dokument ta’ attestazzjoni se tirrikjedi modifiki fis-sistema tagħhom, u dan jimplika finanzjament. Il-foki kollha li jinqatlu mill-Inuit/Inuvialuit f’Nunavut u fit-Territorji tal-Majjistral jenħtieġ li jitqiesu bħala konformi u dawk il-ġlud bis-suf jenħtieġ li jiġu ċċertifikati awtomatikament. Il-mekkaniżmi biex tkun żgurata l-konformità ġew ikkomunikati tajjeb permezz tal-proċess tal-korp ta’ attestazzjoni. Il-penali għan-nuqqas ta’ konformità jeżistu u s’issa ma kinux meħtieġa. Il-korp rikonoxxut tat-Territorji tal-Majjistral jiddeplora n-nuqqas ta’ impenn min-naħa tal-UE biex tipprovdi appoġġ finanzjarju jew tekniku sabiex titħaddem l-eżenzjoni, u jħeġġeġ lill-UE tipprovdi finanzjament immirat tal-proġetti fil-qasam tal-edukazzjoni u s-sensibilizzazzjoni, li jippermetti lill-Inuit/Inuvialuit jiddefendu ruħhom fost il-konsumaturi u l-poplu tal-Ewropa, hekk kif jitfaċċaw f’attivitajiet ekonomiċi.

Il-korpi rikonoxxuti ntalbu jiddeskrivu kif huma mmonitorjaw il-konformità mal-Artikolu 3(1) tar-Regolament Bażiku (kif emendat), li jippermetti t-tqegħid fis-suq biss meta l-prodotti mill-foki jirriżultaw minn kaċċa li titwettaq tradizzjonalment mill-Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra, li tikkontribwixxi għas-sussistenza tagħhom, u b’kunsiderazzjoni xierqa tal-benesseri tal-annimali.

Għal Greenland, id-Dipartiment tas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura rrefera lill-Kummissjoni għall-informazzjoni li għadha valida mogħtija qabel ir-rikonoxximent tiegħu bħala korp ta’ attestazzjoni.

Nunavut jafferma li l-komunità Inuit dejjem qatlet il-foki tradizzjonalment u storikament f’Nunavut, u li l-qbid kollu tal-foki f’Nunavut isir għal finijiet ta’ sussistenza. Ma hemm l-ebda liċenzja kummerċjali maħruġa lill-komunità Inuit fit-territorju. L-Att dwar il-Ħajja Selvaġġa ta’ Nunavut jipprevedi trattament uman tal-foki kkaċċjati u huwa infurzat mill-Uffiċjali tal-Konservazzjoni. Il-ġlud tal-foki jiġu ntraċċati permezz tas-Sistema tal-Intraċċar tal-Fer. Id-Dipartiment tal-Ambjent tal-Gvern ta’ Nonavut ħareġ ċertifikati għall-ġlud bis-suf kollha tal-foki u għall-prodotti kollha mill-foki ċertifikabbli li jikkwalifikaw taħt l-eżenzjoni tal-Komunitajiet Indiġeni. Tliet prinċipji ewlenin ta’ gwida fir-rigward tal-kaċċa għall-foki għall-Inuit u l-Gvern ta’ Nunavut: (1) qbid sostenibbli, fejn ir-riżorsi jiġu protetti minn qbid żejjed u ġestiti biex jinżamm il-post tal-foki fl-ekosistema globali; (2) użu komplet li bih il-laħam jipprovdi l-ikel, filwaqt li l-ġlud jintużaw għall-ħwejjeġ u ż-żejt huwa sors għani ta’ aċidi omega-3; u (3) qbid uman, fejn il-foki jridu jiġu ttrattati b’rispett u jiġu kkaċċjati biss għal dak li hu meħtieġ, u l-qtil innifsu jkun nadif u mgħaġġel.

Għat-Territorji tal-Majjistral, il-Gvern tat-Territorji tal-Majjistral u l-Korporazzjoni Reġjonali ta’ Inuvialuit huma l-uniċi rappreżentanti eliġibbli tal-kulturi/komunitajiet tat-Tramuntana. Għad irid isir studju tas-settur u l-potenzjal tiegħu.

L-ebda wieħed mill-korpi rikonoxxuti ma ltaqa’ ma’ xi każ ta’ nuqqas ta’ konformità. F’Nunavut, il-grupp żgħir ta’ ħaddiema tal-artiġjanat involut isegwi b’mod strett ir-regoli ta’ aċċess għas-suq tal-UE. Il-korp rikonoxxut ta’ Nunavut qassam materjali edukattivi fit-territorju u lil gruppi ewlenin barra minn Nunavut, biex jipprovdi ċarezza dwar il-proċess taċ-ċertifikazzjoni, flimkien mad-dettalji ta’ kuntatt tagħhom.

It-tliet korpi rikonoxxuti qed jiġu vverifikati fuq bażi annwali. Fi Greenland, din il-verifika ma tindirizzax esklussivament il-proċess ta’ ċertifikazzjoni tar-reġim tal-UE dwar il-foki. F’Nunavut, jistgħu jsiru verifiki aktar fil-fond jekk jinqalgħu kwistjonijiet speċifiċi.

It-tliet korpi rikonoxxuti jħejju rapporti ta’ attività regolari. Fi Greenland, fuq bażi annwali. F’Nunavut, jingħataw briefings trimestrali lill-Ministru dwar l-istatus tal-programmi, il-proġetti, l-attivitajiet u l-inizjattivi kollha relatati mal-użu tal-ġlud bis-suf tal-foki. Fit-Territorji tal-Majjistral, jiġu pprovduti rapporti regolari lill-Ministru dwar inizjattivi relatati mal-industrija tal-fer, biex b’hekk jiġu koperti l-prodotti mill-foki, il-bejgħ annwali tal-materja prima, u jiġu appoġġjati l-ekonomiji tradizzjonali. Il-korpi rikonoxxuti ma ntalbu jipprovdu l-ebda dettall dwar il-kontenut ta’ dawn ir-rapporti ta’ attività.

b) L-ipproċessar tad-data

It-tliet korpi rikonoxxuti qed jużaw sistema elettronika għall-iskambju u r-reġistrazzjoni tad-data li tinsab fid-dokumenti ta’ attestazzjoni. Nunavut qed juża s-Sistema tal-Intraċċar tal-Fer għal informazzjoni dwar l-oriġini tal-ġlud bis-suf, u għall-ħruġ taċ-ċertifikati għall-ġlud bis-suf tal-foki.

L-ebda wieħed mill-korpi rikonoxxuti ma kellu problemi biex jirrapporta dwar il-protezzjoni tad-data personali fil-mument tal-ipproċessar tad-dokumenti ta’ attestazzjoni. Għal Nunavut, is-Sistema tat-Intraċċar tal-Fer hija parti minn sistema finanzjarja, u l-kontenut tagħha huwa għalhekk kunfidenzjali.

c) Informazzjoni permezz ta’ tikketta tal-kodiċi QR

Fuq talba minn Greenland, il-Kummissjoni qablet li tpoġġi tikketta tal-kodiċi QR fuq il-prodotti mill-foki, bil-ħsieb li l-konsumaturi jiġu informati aħjar dwar l-eżistenza u l-leġittimità tal-eċċezzjoni tal-Inuit. It-tqegħid fis-suq tal-UE huwa ffaċilitat għal prodott mill-foki li jġorr dak il-kodiċi speċifiku u li jkun akkumpanjat mid-dokument ta’ attestazzjoni tiegħu, maħruġ minn wieħed mill-korpi rikonoxxuti. Dan il-kodiċi QR huwa marbut ma’ paġna web li tipprovdi informazzjoni dwar ir-reġim tal-UE dwar il-foki.

Greenland u Nunavut qed jużaw il-kodiċi QR. Nunavut qed ipoġġih fuq il-ġlud bis-suf tal-foki u anke fuq it-tikketti tal-prodotti, li jintużaw mill-artiġjani u mill-produtturi tal-inġenji. It-Territorji tal-Majjistral għadhom mhumiex qed jużawh minħabba li jeħtieġ li jkun assoċjat ma’ tikkettar jew immarkar tal-prodotti eżistenti u dan jirrikjedi li jiġu modifikati trademarks irreġistrati biex jiġi akkomodat il-kodiċi QR.

d) Valutazzjoni ġenerali

Il-korpi rikonoxxuti pprovdew il-valutazzjoni tagħhom tal-funzjonament u l-effikaċja tal-“eċċezzjoni tal-Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra” fit-territorju tagħhom.

Fi Greenland, id-Dipartiment tas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura jirrikonoxxi l-impenn tal-UE li tirrispetta u tippromwovi d-drittijiet tal-popli indiġeni, inkluż id-dritt li jwettqu liberament l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom. Madankollu, fil-prattika, dawn iqisu li r-reġim tal-UE dwar il-foki qed ikollu effetti negattivi fuq l-Inuit jew fuq komunitajiet indiġeni oħra. Id-Dipartiment jemmen li jeħtieġ li titqajjem sensibilizzazzjoni u li tittejjeb l-informazzjoni liċ-ċittadini Ewropej dwar il-legalità tal-kummerċ tal-prodotti mill-foki kkaċċjati mill-Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra, u b’dan terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi fil-prodotti mill-foki minn Greenland.

Għall-Gvern ta’ Nunavut, l-eċċezzjoni tal-“Inuit jew komunitajiet indiġeni oħra” taħdem kif suppost. Xi kwistjonijiet prattiċi rigward il-ħruġ ta’ ċertifikati xorta jeħtieġ li jiġu solvuti, bi qbil mal-UE. Nunavut jixtieq li ċ-ċertifikat ta’ ġilda bis-suf partikolari jitħalla jintuża għall-prodotti kollha derivati minn dik il-ġilda bis-suf. Dan jixtieq ukoll li jiġi ssimplifikat iċ-ċertifikat innifsu biex titnaqqas l-informazzjoni li manifattur jeħtieġ li jipprovdi (eż. il-pajjiż tat-tqegħid fis-suq), u forsi saħansitra li ċ-ċertifikat jiġi ridott għal tikketti żgħar b’kodiċi QR. L-eżenzjoni tista’ tkun effettiva biex jiġu pprovduti mezzi li bihom il-produtturi Inuit minn Nunavut jista’ jkollhom aċċess għas-suq tal-UE jekk l-isfidi msemmija hawn fuq jiġu indirizzati. Ir-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni imponew piż mhux xieraq u diżinċentiv fuq il-produtturi Inuit u x-xerrejja tal-UE. Nunavut jilqa’ l-appoġġ mill-UE biex iwettaq attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni mal-manifatturi, il-mużewijiet u l-bejjiegħa tal-UE fir-rigward tal-eżistenza u l-funzjonament tal-eżenzjoni. Nunavut jixtieq jappoġġja lill-UE biex tiżgura li d-drittijiet tal-popli indiġeni, is-sovranità tal-ikel u t-tnaqqis tal-faqar ikunu jistgħu jinkisbu u jiġu indirizzati mil-leġiżlazzjoni li ġiet adottata.

Għall-Gvern tat-Territorji tal-Majjistral, il-benefiċċju dirett tal-eċċezzjoni kien limitat ħafna. Il-kostijiet tal-attestazzjoni jkunu ogħla mill-valur tal-prodotti mill-foki li s-sistema hija maħsuba li timmonitorja u tiċċertifika skont ir-Regolament tal-UE u, għalhekk, dawn il-kostijiet ikollhom jiġu imposti fuq l-Inuvialuit/Inuit infushom. L-impatt tal-eċċezzjoni tal-Inuit jittejjeb bil-qabda jekk l-UE taqbel li l-foki kollha li jinqabdu mill-Inuvialuit fit-Territorji tal-Majjistral jitqiesu bħala konformi u għalhekk jiġu ċċertifikati awtomatikament. Tista’ tiġi żviluppata sistema, b’konsultazzjoni mal-UE, biex jiġu identifikati l-ġlud bis-suf u jinħarġu tikketti tal-prodotti. Inkella, il-finanzjament estern ikun meħtieġ biex tinħoloq u tinżamm sistema - konformi mar-rekwiżiti tar-regolament tal-UE - li tippermetti lill-komunità tal-Inuit ikollha aċċess effettiv għas-suq tal-UE. Is-suq domestiku u lokali għall-prodotti mill-foki u għall-materja prima għadu b’saħħtu; madankollu, is-suq tal-esportazzjoni huwa limitat sa kważi ma jeżistix. Il-livell tal-qbid għal finijiet ta’ sussistenza baqa’ pjuttost konsistenti matul is-snin iżda wera tnaqqis qawwi li beda fl-2000, f’konformità mat-tnaqqis fid-domanda u l-volum attwali mibjugħ. Fl-2009, il-Gvern tat-Territorji tal-Majjistral stabbilixxa programm biex itaffi l-effetti tal-projbizzjoni tal-UE fuq il-foki bil-għan li jistabbilizza l-prezzijiet b’appoġġ għall-ekonomija tradizzjonali. F’dawn l-aħħar 10 snin, 16 % biss tal-ġlud bis-suf mhux maħduma nbiegħu barra l-Kanada, b’telf ta’ introjtu potenzjali ta’ 140,000 Dollaru Kanadiż.

Il-korpi rikonoxxuti vvalutaw l-impatt tar-Regolament dwar il-Kummerċ tal-Prodotti mill-Foki fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Inuit jew ta’ komunitajiet indiġeni oħra fit-territorju tagħhom.

Fi Greenland, il-kaċċa u l-kummerċ ta’ prodotti mill-foki huma ta’ importanza soċjoekonomika u kulturali fundamentali għall-komunitajiet Inuit. L-implimentazzjoni tar-reġim tal-UE dwar il-foki kellha impatt kbir fuq il-kaċċa għall-foki, speċjalment fuq iż-żoni remoti u iżolati fit-Tramuntana u l-Lvant ta’ Greenland. Meta mqabbel mal-perjodu ta’ bejn l-2005 u l-2008, jiġifieri qabel ir-reġim tal-UE dwar il-foki, l-għadd ta’ foki maqbuda fi Greenland fil-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2017 juri tnaqqis ta’ 35 %. L-għadd tal-ġlud tal-foki mibjugħa lil Gran Greenland A/S tannery bejn l-2015 u l-2018 naqas b’66 %, filwaqt li l-għadd ta’ ġlud tal-foki mibjugħa fis-suq internazzjonali fl-istess perjodu naqas b’54 % - bl-ogħla tnaqqis ta’ 92 % fl-2010 - u dawk mibjugħa fis-suq nazzjonali bi 38 %. Madankollu, l-għadd ta’ ġlud tal-foki miżmuma għall-użu privat fil-perjodi ta’ bejn l-2005 u l-2008 u l-2014 u l-2017 baqa’ fl-istess livell. Il-Ministeru tas-Sajd, il-Kaċċa u l-Agrikoltura jqajjem dubji dwar il-ħsieb wara r-reġim dwar il-foki u jinnota li l-kaċċa sostenibbli għall-foki b’rispett sħiħ tal-benesseri tal-annimali kienet tkun possibbli mingħajru. Il-Ministeru huwa mħasseb dwar il-fatt li ma twettqet l-ebda valutazzjoni minn qabel, inkluż dwar it-tħassib rikonoxxut taċ-ċittadini Ewropej tal-lum bħala l-ġustifikazzjoni bażika għar-Regolament, u dwar modi alternattivi possibbli li huma anqas restrittivi fil-kummerċ biex jiġi indirizzat it-tħassib potenzjali. Il-Ministeru huwa mħasseb ukoll dwar il-fatt li r-reġim tal-UE dwar il-foki, anke bl-eċċezzjoni tal-Inuit, mhuwiex qed jissodisfa l-kunċett ta’ Ekonomija Blu li l-UE tappoġġja fl-aspetti kollha tal-użu sostenibbli tar-riżorsi ħajjin, minbarra l-ispeċijiet tal-foki.

F’Nunavut u fit-Territorji tal-Majjistral, il-qbid matul is-sena kollha, il-konsum, id-disinn u l-bejgħ tal-prodotti mill-foki huma komponent li ilu jeżisti żmien twil tal-espressjoni kulturali u l-għajxien ekonomiku tas-soċjetà tal-Inuit. Illum il-ġurnata l-komunità tal-Inuit tiddependi fuq il-foki għas-sigurtà alimentari u l-introjtu f’territorju bl-ogħla prezzijiet fuq l-ikel li jinxtara mill-ħwienet u b’opportunitajiet ta’ impjiegi limitati. Il-qbid tal-foki jippermetti lill-komunità tal-Inuit iżżomm ir-rabtiet tagħha mal-art, u tgħaddi l-għarfien u l-ħiliet tradizzjonali lill-ġenerazzjonijiet iżgħar. Il-Gvernijiet ta’ Nunavut u tat-Territorji tal-Majjistral jaħdmu ma’ artiġjani u ma’ assoċjazzjonijiet tal-arti u tas-snajja’ biex jippromwovu l-ekonomija sostenibbli, tradizzjonali u kontemporanja tat-territorju tagħhom, lejn l-indipendenza ekonomika ugwali kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa. In-nisa Inuit jikkummerċjalizzaw l-aktar il-prodotti tagħhom mill-foki lokalment, fil-komunità tagħhom, u ma jesportawhomx lejn l-UE, minkejja li jkunu kompletament konformi mar-Regolament. Ir-raġunijiet primarji jinkludu l-biża’ li jiksru r-Reġim tal-UE dwar il-Foki, l-ostakoli għall-kummerċ li rriżultaw mill-projbizzjoni nnifisha (telf ta’ interess mix-xerrejja, nuqqas ta’ rabtiet ma’ xerrejja potenzjali), l-ebda esperjenza fil-kummerċ internazzjonali, u konfużjoni dwar iċ-ċertifikazzjoni ta’ ġlud bis-suf meta mqabbla ma’ prodotti minn ġlud bis-suf iċċertifikati. S’issa, għal Nunavut, ir-Regolament ma kellux impatt pożittiv fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku tal-Inuit. Ir-reġim tal-UE dwar il-foki fetaħ opportunitajiet, iżda jitqies bħala attività ssorveljata. Il-Gvern ta’ Nunavut jistieden lill-UE biex tiltaqa’ mal-korpi rikonoxxuti u ma’ partijiet interessati oħra implikati sabiex jiddiskutu modi biex ir-rekwiżiti tar-Regolament jitwettqu aħjar bil-għan li jiżdied il-benefiċċju tal-eżenzjoni għall-Inuit f’din id-dinja li qed tinbidel.

It-Territorji tal-Majjistral għadhom qed joħolqu l-ambjent amministrattiv xieraq biex jikkonformaw mal-eċċezzjoni. L-ewwel pass kritiku biex jiġu identifikati l-kapaċità lokali u s-swieq/domanda potenzjali għall-prodotti ġie pospost b’mod indefinit. Ix-xogħol ta’ qabel il-fattibbiltà kien mistenni li jinforma d-deċiżjonijiet strateġiċi dwar l-investiment fi ħdan is-settur u li jħeġġeġ l-iżvilupp tas-settur b’mod rilevanti u sostenibbli, iżda għad irid jitwettaq. Avveniment promozzjonali li ġie organizzat f’Marzu 2019 għen biex jiġu identifikati xi opportunitajiet ġodda tas-suq fost ir-residenti lokali u l-popolazzjonijiet viżitaturi. It-Territorji tal-Majjistral jirrikonoxxu l-fatt li l-UE tirrikonoxxi lill-Inuit bħala soċjetà distinta ta’ importanza kulturali u l-ħtieġa li l-ambjent artiku u l-eżistenza tal-Inuit jiġu protetti bl-istess mod. Madankollu, għalihom, ir-Reġim tal-UE dwar il-Foki qered is-suq tal-UE għall-prodotti mill-foki, u l-impatt negattiv tiegħu fuq l-ekonomiji lokali tal-Inuit/Inuvialuit huwa mifrux. Il-Gvern tat-Territorji tal-Majjistral iħeġġeġ lill-UE tindirizza l-projbizzjoni fuq il-foki f’forum pubbliku u toħroġ stqarrija li tirrikonoxxi l-eżistenza tal-eċċezzjoni tal-Inuit, filwaqt li telenka l-ġurisdizzjonijiet rikonoxxuti sa llum. Il-forum jenħtieġ li jippromwovi d-dritt tal-komunità Inuit li tbiegħ prodotti mill-foki mhux ipproċessati jew ipproċessati fi ħdan l-UE u anke l-fatt li ċ-ċittadini tal-UE jista’ jkollhom b’mod legali prodotti bl-ingrossa/bl-imnut iċċertifikati.

Il-korpi rikonoxxuti ntalbu wkoll jivvalutaw l-impatt fuq ir-Regolament dwar il-foki fit-territorju tagħhom. Il-Ministeru tas-Sajd, tal-Kaċċa u l-Agrikoltura ta’ Greenland jixtieq jenfasizza li l-kummerċ tal-prodotti mill-foki huwa attività leġittima u sostenibbli li jenħtieġ li ma tkunx imxekkla jew stigmatizzata, u li l-benesseri tal-annimali huwa tħassib għall-Inuit jew għal komunitajiet indiġeni oħra. Skont Nunavut u t-Territorji tal-Majjistral, ma kien hemm l-ebda impatt fuq il-popolazzjonijiet tal-foki b’riżultat ta’ dan ir-Regolament, u din l-eċċezzjoni lanqas ma żdiedet il-qbid tagħhom. Il-qbid kien u għadu qed jitwettaq skont ir-regolamenti dwar il-qbid u l-valuri tal-komunità Inuit. Fit-Territorji tal-Majjistral, il-kaċċaturi Inuvialuit/Inuit għal finijiet ta’ sussistenza storikament qabdu l-foki permezz ta’ metodi umani tradizzjonali. Il-foki għadhom qed jinqabdu b’mod sostenibbli bħala sors tajjeb għas-saħħa u affordabbli ta’ proteina u taż-żejt tal-mammiferi omega 3. Il-ġlud bis-suf tagħhom huma maħsuba għall-użu domestiku jew jirrappreżentaw sors ta’ introjtu siewi.

5.Konklużjonijiet

Kif imsemmi hawn fuq, dan ir-rapport huwa bbażat fuq il-kontributi li waslu mill-Istati Membri kollha tal-UE għajr erba’ Stati Membri (Franza, il-Greċja, il-Lussemburgu u Malta), u fuq ir-rapporti pprovduti mit-tliet korpi rikonoxxuti fil-pajjiżi fornituri.

a)Implimentazzjoni mill-Istati Membri tal-UE

Għalkemm, skont l-istatistika pprovduta mill-korpi rikonoxxuti ta’ Greenland u Nunavut, diversi Stati Membri tal-UE importaw prodotti mill-foki koperti mill-eċċezzjoni tal-“Inuit jew komunitajiet indiġeni oħra”, id-Danimarka biss irrapportat li għamlet dan.

Il-maġġoranza tal-Istati Membri ma għandhomx popolazzjonijiet ta’ foki fit-territorju tagħhom. Fl-Istati Membri Nordiċi tal-UE (id-Danimarka, il-Finlandja u l-Iżvezja) u fl-Estonja, il-popolazzjonijiet tal-foki li qed jespandu qed isiru problema għas-sajjieda. Il-foki jitqiesu bħala kawża ta’ ħsarat serji lis-sajd lokali, jieklu l-qabdiet, jeqirdu l-irkaptu tas-sajd u jikkontaminaw l-istokkijiet tal-ħut b’parassiti.

Dawk l-erba’ Stati Membri jawtorizzaw il-kaċċa għall-foki għal raġunijiet ta’ mmaniġġjar tar-riżorsi tal-baħar, dment li jiġu rrispettati regoli stretti fir-rigward tal-kwoti/l-istaġun/iż-żoni tal-kaċċa, it-taħriġ għall-kaċċaturi, il-kunsiderazzjonijiet relatati mal-benesseri tal-annimali, il-metodu ta’ qtil li jintuża, it-tip ta’ azzarini u munizzjon. Huma jiddeploraw il-fatt li l-eċċezzjoni għall-immaniġġjar tar-riżorsi tal-baħar ġiet irtirata mir-Regolament tal-UE dwar il-Kummerċ tal-Prodotti mill-Foki, li dan għamilha illegali biex il-kaċċaturi jpoġġu l-prodotti mill-foki li jirriżultaw fis-suq tal-UE. Huma jqisu li l-fatt li l-kaċċaturi biss jistgħu jużaw il-prodotti mill-foki għall-ħtiġijiet tagħhom stess jiskoraġġixxi l-kaċċa, li jirriżulta fi spejjeż akbar mill-benefiċċji li jistgħu jinkisbu minnha. Huma jsostnu wkoll li l-fatt li mhux il-partijiet kollha tal-foki li jinqabdu jistgħu jintużaw kompletament u li l-karkassi jispiċċaw fil-landfills imur kontra l-prinċipju tal-użu sostenibbli tar-riżorsi. Skont l-Iżvezja, il-foka jenħtieġ li titqies bħala riżorsa, u l-valur ekonomiku tat-turiżmu għall-kaċċa u l-bejgħ tal-prodotti mill-foki jenħtieġ li jiġi analizzat bi tqabbil mal-kost tar-rimborż tal-ħsarat kkawżati mill-foki lis-sajjieda, li huwa previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-erba’ Stati Membri jsostnu li l-kummerċ tal-prodotti mill-foki qatt ma kien settur kbir b’fatturat ekonomiku sinifikanti iżda li, fiż-żoni kostali, il-kummerċ għandu l-potenzjal li jikkontribwixxi bħala sors ta’ introjtu u li jrawwem il-valuri kulturali. Dawn qed jitolbu li mill-anqas ikun permess il-bejgħ fuq skala żgħira bħala artiġjanat mill-komunitajiet lokali, sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż għall-kaċċa u jintwerew il-kreattività u t-tradizzjonijiet ta’ dawn il-komunitajiet. 

Il-popolazzjonijiet tal-foki huma mmonitorjati mill-qrib f’dawn l-erba’ Stati Membri, u l-għadd żgħir ta’ foki li ġew irregolati matul il-perjodu ta’ rapportar kellhom impatt kważi insinifikanti fuq id-daqs u l-istatus ta’ konservazzjoni tal-popolazzjonijiet li qed jikbru tal-foki griżi, tal-foki tal-anelli u tal-foki komuni. Skont dawn l-erba’ pajjiżi, il-kaċċa għall-foki li ssir biex jiġu ġestiti b’mod sostenibbli r-riżorsi tal-baħar, b’rispett sħiħ għall-benesseri tal-annimali u billi jintużaw il-partijiet kollha tal-annimal maqbud minflok ma jintremew, mhix mistennija li tqajjem tħassib morali pubbliku. Inkjesta reċenti turi li 50 % taċ-ċittadini Finlandiżi għandhom attitudni pożittiva lejn il-kummerċ fuq skala żgħira tal-prodotti mill-foki.



b)Implimentazzjoni mill-korpi rikonoxxuti

Il-korpi rikonoxxuti jirrikonoxxu l-impenn tal-UE li tirrispetta u tippromwovi d-drittijiet tal-popli indiġeni, inkluż id-dritt li jwettqu liberament l-attivitajiet ekonomiċi tagħhom, u dawn jixtiequ jappoġġjaw lill-UE biex tiżgura li dawn id-drittijiet, iżda wkoll is-sovranità tal-ikel u t-tnaqqis tal-faqar, ikunu jistgħu jinkisbu u jiġu indirizzati mil-leġiżlazzjoni li ġiet adottata.

Madankollu, għalihom, ir-Reġim tal-UE dwar il-Foki qed ikollu effetti negattivi fuq l-Inuit jew fuq komunitajiet indiġeni oħra, u r-rekwiżiti ta’ ċertifikazzjoni imponew piż u diżinċentiv bla bżonn fuq il-produtturi Inuit u x-xerrejja tal-UE. Greenland tenfasizza li l-kummerċ tal-prodotti mill-foki huwa attività leġittima u sostenibbli li jenħtieġ li ma tkunx imxekkla jew stigmatizzata, u li l-benesseri tal-annimali huwa ta’ tħassib għall-Inuit jew għal komunitajiet indiġeni oħra. It-Territorji tal-Majjistral għadhom qed joħolqu l-ambjent amministrattiv xieraq biex jikkonformaw mal-eċċezzjoni iżda, għalihom, ir-Reġim tal-UE dwar il-Foki qered is-suq tal-UE tal-prodotti mill-foki, u dan se jittejjeb bil-kbir jekk l-UE taqbel li l-foki kollha li jinqabdu mill-Inuit/Inuvialuit jitqiesu bħala konformi u għalhekk jiġu ċċertifikati awtomatikament. Għal Greenland, modi kummerċjali anqas restrittivi biex jiġi indirizzat it-tħassib potenzjali pperċepit miċ-ċittadini Ewropej, u kaċċa sostenibbli għall-foki b’rispett sħiħ tal-benesseri tal-annimali, kienu jkunu possibbli mingħajr ir-Reġim tal-UE dwar il-Foki. Fi Greenland, l-għadd ta’ foki maqbuda u tal-ġlud tal-foki mibjugħa fis-swieq domestiċi jew internazzjonali fil-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2017 juri tnaqqis kbir meta mqabbel mal-perjodu qabel ir-Reġim tal-UE dwar il-Foki.

F’Nunavut u fit-Territorji tal-Majjistral, ma kien hemm l-ebda impatt fuq il-popolazzjonijiet tal-foki b’riżultat tar-Regolament, u din l-eċċezzjoni lanqas ma żiedet il-qbid, li jkompli jsir skont ir-regolamenti dwar il-qbid u l-valuri tal-komunità Inuit. Fit-Territorji tal-Majjistral, il-kaċċaturi Inuvialuit/Inuit għal finijiet ta’ sussistenza għadhom qed jaqbdu l-foki b’mod sostenibbli, permezz ta’ metodi umani tradizzjonali, bħala sors ta’ ikel tajjeb għas-saħħa u affordabbli u sors ta’ introjtu siewi.

Greenland tħeġġeġ lill-UE biex tqajjem sensibilizzazzjoni u ttejjeb l-informazzjoni għaċ-ċittadini Ewropej dwar il-legalità tal-kummerċ tal-prodotti mill-foki maqtula mill-Inuit jew minn komunitajiet indiġeni oħra, u b’hekk terġa’ tinkiseb il-fiduċja tal-konsumaturi. Nunavut jistieden lill-UE biex tiltaqa’ mal-korpi rikonoxxuti u mal-partijiet interessati implikati oħra biex jiddiskutu modi ta’ kif ir-rekwiżiti tar-Regolament jistgħu jitwettqu b’mod aħjar sabiex jiżdied il-benefiċċju tal-eżenzjoni għall-Inuit f’din id-dinja li qed tinbidel. It-Territorji tal-Majjistral jħeġġu lill-UE biex tindirizza l-projbizzjoni fuq il-foki f’forum pubbliku u toħroġ stqarrija li tirrikonoxxi l-eżistenza tal-eċċezzjoni tal-Inuit u d-dritt tal-komunità Inuit li tbiegħ prodotti tal-foki lill-UE u d-dritt taċ-ċittadini tal-UE li jkollhom b’mod legali prodotti mill-foki ċċertifikati.

6.Il-Passi li Jmiss

Minbarra l-mistoqsijiet li saru u t-tħassib li ġie espress mill-erba’ Stati Membri tal-UE affettwati miż-żieda tal-popolazzjoni tal-foki u mit-tliet korpi rikonoxxuti, fl-2020 il-Kummissjoni Ewropea se torganizza laqgħa speċjali tal-“Grupp ta’ Esperti tal-Awtoritajiet Kompetenti tal-Ġestjoni tas-CITES” mill-Istati Membri tal-UE, iddedikata speċjalment għall-kummerċ tal-prodotti mill-foki, u se tistieden lill-korpi rikonoxxuti jissieħbu fil-laqgħa għall-punti fl-aġenda li jittrattaw kwistjonijiet rilevanti għalihom.

(1)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32009R1007

(2)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=uriserv:OJ.L_.2015.262.01.0001.01.MLT

(3)

  http://trade.ec.europa.eu/wtodispute/show.cfm?id=475&code=2  

(4)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32015R1850

(5)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:31983L0129

(6)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/EN/TXT/?uri=CELEX:31985L0444

(7)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:31989L0370

(8)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX%3A32009R1007

(9)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1560955112627&uri=CELEX:52010XC1229(04)

(10)

https://ec.europa.eu/environment/biodiversity/animal_welfare/seals/pdf/comp_authorities.pdf

(11)

https://ec.europa.eu/environment/biodiversity/animal_welfare/seals/seal_hunting.htm

(12)

https://ec.europa.eu/environment/biodiversity/animal_welfare/seals/eu_seal_regime.htm

(13)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1571662742841&uri=CELEX:32015D1027(02)

(14)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1571662612122&uri=CELEX:32015D1027(01)

(15)

https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=CELEX:32017D0265

Top