EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52020AE4987

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew” [COM(2020) 569 final — 2020/260 NLE]

EESC 2020/04987

OJ C 123, 9.4.2021, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.4.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/7


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-istabbiliment tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew”

[COM(2020) 569 final — 2020/260 NLE]

(2021/C 123/02)

Relatur:

Louise GRABO

Konsultazzjoni

Kunsill tal-Unjoni Ewropea, 26.10.2020

Bażi legali

Artikoli 187 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 188 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum

Adottata fis-sezzjoni

11.12.2020

Adottata fil-plenarja

27.1.2021

Sessjoni plenarja Nru

557

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

240/0/5

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1

Il-KESE jikkonferma l-validità ta’ din l-inizjattiva strateġika u l-valur miżjud ta’ Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew bħala pass tanġibbli f’konformità mal-istrateġija tal-cloud tal-Unjoni Ewropea kif ukoll bħala parti integrali minn strateġija usa’ tal-UE (inklużi fost affarijiet oħra ċ-ċibersigurtà, is-Suq Uniku Diġitali, is-Soċjetà Ewropea tal-Gigabits, ix-Xjenza Miftuħa, l-UE għas-Saħħa u r-RescEU).

1.2

Il-KESE jqis li l-investimenti eżistenti tal-UE li saru f’dawn l-aħħar snin u anke wara t-tifqigħa tal-pandemija tal-COVID-19 sabiex jinkisbu u jitħaddmu l-aqwa magni tas-supercomputing għadhom mhumiex f’livell ottimali meta mqabbla ma’ dawk tal-kompetituri tagħha (l-Istati Uniti, iċ-Ċina u oħrajn). Huma meħtieġa riżorsi u investimenti addizzjonali, inkluż min-naħa tal-Istati Membri tal-UE, b’mod partikolari dawk li huma inqas avvanzati u/jew involuti fil-qasam. Huwa vitali li dawn ir-riżorsi jiġu kkombinati ma’ programmi koerenti ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE u mal-QFP 2021-2027 li jmiss, inkluża l-Faċilita tal-Fond għall-Irkupru, jekk l-UE trid tikkompeti fl-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fil-livell globali.

1.3

Il-KESE japprova l-approċċ industrijali, fi strateġija mġedda tal-UE industrijali u integrata għall-SMEs, sabiex tiġi żviluppata l-ġenerazzjoni li jmiss ta’ mikroċipep b’konsum baxx tal-enerġija fl-Ewropa, biex l-UE tiddependi inqas fuq l-importazzjonijiet u jiġi żgurat aċċess għal teknoloġija u għarfien tal-ogħla kwalità tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja.

1.4

Il-KESE jistieden lill-Kummissjoni tirdoppja l-isforzi tagħha biex tfassal “pjan direzzjonali pluriennali” li jista’ jiggarantixxi s-sjieda tas-soċjetà ċivili tal-UE u jikkontribwixxi b’mod prattiku għal-livelli rispettivi tal-governanza tal-Impriża Konġunta f’setturi strateġiċi (il-prevenzjoni fil-qasam tas-saħħa, is-sistemi ta’ twissija bikrija, il-programmi pilota dwar it-taħriġ għall-mitigazzjoni tar-riskju ta’ diżastru u ċ-ċibersigurtà). Għal dan il-għan, lil hinn miċ-ċentri ta’ kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u ċ-Ċentri ta’ Innovazzjoni Diġitali eżistenti, huwa urġenti li jiġu integrati l-valur miżjud u r-rwol multiplikatur ta’ Djalogu tas-Soċjetà Ċivili permanenti fil-Gruppi Konsultattivi eżistenti tal-Impriża Konġunta. Il-KESE, minħabba n-natura tiegħu stess, ikun l-imsieħeb ideali sabiex jiġi organizzat annwalment Forum miftuħ ta’ Djalogu tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew akkumpanjat minn kampanji ta’ sensibilizzazzjoni edukattiva bl-involviment attiv ta’ networks xjentifiċi u ta’ għarfien, imsieħba soċjali u ekonomiċi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-midja.

1.5

Il-KESE jqis li jeħtieġ li jinġabar feedback mis-soċjetà ċivili tal-UE biex l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jimmonitorjaw, jispjegaw u jippromovu aħjar il-valur miżjud, fuq terminu qasir u medju, tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u l-vantaġġi u l-opportunitajiet settorjali li tippreżenta bħala strument legali u strateġiku. L-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew mhux biss għandha tkun ta’ benefiċċju għall-komunitajiet xjentifiċi/ta’ riċerka iżda għandha tiggarantixxi wkoll “sjieda” u involviment akbar min-naħa ta’ intermedjarji interessati bħall-istituzzjonijiet pubbliċi, l-imsieħba soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili tal-UE, l-intrapriżi industrijali u dawk żgħar u ta’ daqs medju (SMEs), l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi u l-atturi tal-katina tal-valur fl-iżvilupp tal-applikazzjonijiet tas-softwer, waqt li jiġi pprovdut aċċess għall-infrastruttura, ta’ importanza partikolari għal pajjiżi iżgħar, u jissaħħu l-kontribuzzjonijiet in natura għall-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew.

1.6

Il-KESE jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li tnejn mill-imsieħba tal-Kummissjoni fis-sħubija pubblika-privata kuntrattwali (cPPP) jistgħu jsiru l-ewwel membri privati, li huwa fundamentali biex l-industriji tal-UE jipparteċipaw mill-bidu nett fl-impriża konġunta. Dan huwa partikolarment il-każ fir-rigward tal-mikrointrapriżi u l-SMEs li joffru soluzzjonijiet kompetittivi/adattabbiltà, iżda hemm ir-riskju li jiġu esklużi jew penalizzati mill-akkwist pubbliku jekk ma jkunux koperti b’mod xieraq permezz ta’ kapitolu legali speċifiku u/jew forom ta’ konsorzju eżistenti. Il-KESE jenfasizza l-importanza li tiġi aġġornata d-definizzjoni tal-proċeduri speċifiċi ta’ akkwist pubbliku u tal-kriterji għall-għoti biex jiġi ffaċilitat l-involviment ta’ “raggruppamenti tal-SMEs” eżistenti jew ġodda f’dan ir-Regolament speċifiku tal-UE dwar Impriża Konġunta (1) li jkopri mhux biss is-supercomputers klassiċi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u applikazzjonijiet tas-software, iżda wkoll l-akkwist ta’ kompjuters kwantistiċi/simulaturi.

1.7

Il-KESE jilqa’ l-possibilità li jiġu inklużi aktar imsieħba, iżda jinsisti wkoll li għal kwalunkwe msieħeb ġdid, b’mod partikolari għal dawk minn barra l-UE, għandu jiġi sodisfatt ir-rekwiżit tar-reċiproċità.

1.8

L-UE għandha tisfrutta l-opportunità ppreżentata mill-iżvilupp tat-teknoloġija tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew biex tiżviluppa s-setturi industrijali Ewropej rilevanti sabiex ikunu jistgħu jkopru l-katina kollha tal-produzzjoni (disinn, manifattura, implimentazzjoni u applikazzjoni).

1.9

Bħala mira ta’ nofs it-terminu, l-UE għandha tistabbilixxi li tikseb il-kapaċità li tippjana u tipproduċi l-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja bl-użu tat-teknoloġija Ewropea.

2.   Kummenti ġenerali

2.1

Fl-10 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat il-Komunikazzjoni “Strateġija Industrijali Ġdida għall-Ewropa” li tistabbilixxi strateġija industrijali ambizzjuża għall-Ewropa biex tmexxi ż-żewġ tranżizzjonijiet lejn in-newtralità klimatika u t-tmexxija diġitali. Fil-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ l-iżvilupp ta’ teknoloġiji abilitanti essenzjali li huma strateġikament importanti għall-futur industrijali tal-Ewropa, inkluż teknoloġiji tal-Computers ta’ Prestazzjoni Għolja u kwantistiċi. F’Komunikazzjoni sussegwenti tas-27 ta’ Mejju 2020, bit-titolu “Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss” (2), l-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja ġew identifikati bħala kapaċità diġitali strateġika li ser tkun prijorità għas-sorsi ta’ investiment fl-irkupru tal-Ewropa, bħall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, l-InvestEU, u l-Faċilità għall-Investiment Strateġiku.

2.2

L-applikazzjonijiet tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, li jużaw l-hekk imsejħa “superkompjuters” b’qawwa komputazzjonali għolja ħafna, huma kapaċi jsolvu problemi kumplessi u impenjattivi ħafna. Illum dawn jirrappreżentaw fattur ewlieni għat-tmexxija globali fl-istrateġiji xjentifiċi, industrijali, tar-riskju bijoloġiku u tar-riskju (ċibernetiku) tat-terroriżmu, u għalhekk huma essenzjali għas-sigurtà nazzjonali, id-difiża u l-isfidi ġeopolitiċi u b’mod aktar ġenerali għat-trasformazzjoni diġitali u ekoloġika tas-soċjetà tagħna. L-applikazzjonijiet tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew jirfdu wkoll l-ekonomija tad-data, u permezz tagħhom it-teknoloġiji ewlenin bħall-intelliġenza artifiċjali, l-analitika tad-data u ċ-ċibersigurtà jisfruttaw il-potenzjal enormi tal-big data.

2.3

Barra minn hekk, il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew qed isir ukoll għodda ta’ importanza dejjem akbar fil-livell globali biex jiġi appoġġjat it-teħid ta’ deċiżjonijiet pubbliċi billi jiġu simulati xenarji u jiġu appoġġjati networks komuni globali u reġjonali ta’ tħejjija, rispons u għarfien marbutin mal-katastrofi naturali (eż. tsunamis, għargħar, nirien, terremoti eċċ.) kif ukoll katastrofi antropoġeniċi (eż. riskji industrijali). F’dan il-qafas, is-sistemi tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew jistgħu jużaw u jżidu l-valur miżjud tagħhom meta jseħħu diversi riskji simultanjament, b’impatt negattiv sinifikanti fuq is-soċjetajiet.

2.4

L-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew qed tinvolvi diversi setturi industrijali bil-għan li jinnovaw u jespandu lejn prodotti u servizzi ta’ valur ogħla biex jitqiegħdu fis-swieq interni u globali, u b’hekk jiftħu għal applikazzjonijiet industrijali ġodda flimkien ma’ teknoloġiji diġitali avvanzati oħra.

2.5

L-applikazzjonijiet u l-infrastrutturi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja huma essenzjali fi kważi kull qasam tar-riċerka, mill-fiżika fundamentali sal-bijomediċina, biex jinkiseb fehim xjentifiku aktar profond u jsiru skoperti xjentifiċi rivoluzzjonarji.

2.6

Il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja qiegħed jintuża b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19, ħafna drabi flimkien mal-intelliġenza artifiċjali, biex titħaffef l-iskoperta ta’ mediċini ġodda, jitbassar it-tifrix tal-virus, jiġu ppjanati u jitqassmu riżorsi mediċi skarsi, u jiġu antiċipati l-effettività tal-miżuri ta’ konteniment u x-xenarji ta’ wara l-epidemija.

2.7

Il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja huwa wkoll għodda essenzjali għar-riċerkaturi u għal dawk li jfasslu l-politika biex jindirizzaw l-isfidi soċjetali ewlenin, mit-tibdil fil-klima, il-migrazzjoni, l-iżvilupp intelliġenti u ekoloġiku, u l-agrikoltura sostenibbli sal-mediċina personalizzata u l-ġestjoni tal-kriżijiet fl-UE, flimkien mal-pajjiżi ġirien u terzi.

2.8

Skont id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD) (…) (3), l-Ewropa kienet, u għadha, mexxejja dinjija fl-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, iżda l-infrastruttura tas-supercomputing tagħha qed taqa’ lura fil-klassifika dinjija.

2.9

Indikatur ewlieni aċċettat b’mod wiesa’ għall-kompetittività reġjonali fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja huwa l-għadd ta’ sistemi fil-listi tal-aqwa 10 u tal-aqwa 500 supercomputers dinjija f’kull reġjun dinji.

2.10

Ir-referenza, kif definita fil-Valutazzjoni tal-Impatt dwar l-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew (4), hija din li ġejja: il-problema nru 1 hija li l-UE m'għandhiex l-aħjar supercomputers fid-dinja. Illum, l-ebda wieħed mill-10 superkompjuters ewlenin fid-dinja ma jinsab fl-UE. Kollettivament, l-UE u l-Istati Membri mhumiex qed jinvestu biżżejjed fil-provvista u fl-infrastrutturi tat-teknoloġija tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja meta mqabbla mal-Istati Uniti, iċ-Ċina jew il-Ġappun.

2.11

Fis-snin li ġejjin, ir-rwol ewlieni tal-Ewropa fl-ekonomija tad-data, l-eċċellenza xjentifika tagħha, u l-kompetittività industrijali tagħha ser ikunu jiddependu dejjem aktar fuq il-kapaċità tagħha li tiżviluppa teknoloġiji tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja ewlenin, tipprovdi aċċess għal infrastrutturi tas-supercomputing u tad-data ta’ klassi dinjija, u żżomm l-eċċellenza attwali tagħha fl-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja. Biex dan iseħħ, huwa essenzjali li jkun hemm approċċ strateġiku pan-Ewropew permezz tal-Impriżi Konġunti.

2.12

L-ewwel Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew ġiet stabbilita f’Ottubru 2018 bħala qafas ġuridiku u finanzjarju li jiġbor flimkien ir-riżorsi tal-UE, ta’ 32 pajjiż, u ta’ żewġ membri privati: il-Pjattaforma Ewropea tat-Teknoloġija għall-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja (ETP4HPC) u l-Big Data Value Association (BDVA).

2.13

Sa issa, l-Impriża Konġunta użat fondi mill-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020 għall-investimenti strateġiċi tagħha. Wara 20 xahar ta’ operat, din żiedet sostanzjalment l-investiment ġenerali fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fil-livell Ewropew u bdiet twettaq il-missjoni tagħha biex l-Ewropa tikseb lura l-pożizzjoni tagħha bħala potenza ewlenija fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja. Sa tmiem l-2020, ser tniedi infrastruttura tas-supercomputing u tad-data ta’ klassi dinjija li tkun aċċessibbli għall-utenti pubbliċi u privati fl-Ewropa kollha. L-investimenti tagħha qed jappoġġjaw ukoll liċ-Ċentri ta’ Kompetenza tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja madwar l-Ewropa kollha, li jiżguraw li l-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja jkun disponibbli b’mod wiesa’ fl-Unjoni u jipprovdu servizzi u riżorsi speċifiċi għall-innovazzjoni industrijali (inklużi l-SMEs) u għall-iżvilupp tal-ħiliet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, għar-riċerka u għall-innovazzjoni f’teknoloġiji u f’applikazzjonijiet kritiċi tal-hardware u tas-software tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja. Dan ser iżid il-kapaċità tal-UE li tipproduċi teknoloġija innovattiva tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja.

2.14

Ir-Regolament tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew fl-2018 (5) stabbilixxa mira li jintlaħaq l-istadju li jmiss tas-supercomputing, il-prestazzjoni fuq skala eksa. Ara l-preambolu fit-taqsima 12: “L-Impriża Konġunta għandha titwaqqaf u tibda topera sa mhux aktar tard mill-bidu tal-2019 biex tintlaħaq il-mira li l-Unjoni jkollha infrastruttura fuq skala preeksa sal-2020 u sabiex jiġu żviluppati t-teknoloġiji u l-applikazzjonijiet meħtieġa bl-għan li jinkisbu l-kapaċitajiet fuq skala eksa bejn l-2023 u l-2025”. Din iż-żieda fil-qawwa komputazzjonali tinkiseb ukoll bit-tnedija tal-kompjuters kwantistiċi u bit-trasformazzjoni lejn teknoloġiji fuq skala posteksa.

2.15

Ir-Regolament propost hu essenzjalment kontinwazzjoni tal-inizjattiva eżistenti stabbilita skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488, li jintroduċi modifiki biex ir-Regolament jiġi adattat għall-Programmi tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) li jmiss, iżda wkoll biex ikun jirrifletti l-prijoritajiet tal-Kummissjoni, u biex ikun possibbli li l-Impriża Konġunta tuża finanzjament mill-programmi tal-QFP il-ġdid għall-2021-2027.

2.16

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea (SWD(2020) 179 final) janalizza l-iżvilupp tal-fatturi soċjoekonomiċi u teknoloġiċi ewlenin u tar-rekwiżiti tal-utenti li jaffettwaw l-evoluzzjoni futura tal-infrastrutturi, tat-teknoloġiji u tal-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tad-data fl-UE u madwar id-dinja, u jqis il-prijoritajiet politiċi tal-UE għall-2020-2025.

2.17

Il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja jintuża f’aktar minn 800 applikazzjoni xjentifika, industrijali u tas-settur pubbliku li għandhom rwol ewlieni biex isaħħu l-kapaċità tal-innovazzjoni tal-industrija, javvanzaw ix-xjenza u jtejbu l-kwalità tal-ħajja tan-nies. Illum l-Ewropa tinsab fuq quddiem nett fl-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja f’firxa wiesgħa ta’ oqsma bħall-mediċina personalizzata, it-tbassir tat-temp, id-disinn ta’ ajruplani, karozzi, materjali u mediċini ġodda, kif ukoll l-enerġija, l-inġinerija u l-manifattura.

2.18

Il-governanza u l-allokazzjoni tad-drittijiet tal-vot tal-Impriża Konġunta proposta jibqgħu l-istess bħal dawk definiti fir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488. L-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew ser tkompli timplimenta l-pjan direzzjonali strateġiku tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja kif definit fl-aġendi strateġiċi pluriennali dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni żviluppati mill-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (RIAG) tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u mill-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura (INFRAG) tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, ikkomplementat mill-Aġenda dwar ir-Riċerka Strateġika tal-membri privati tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, biex tiġi stabbilita l-ekosistema tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-Impriża Konġunta skont il-QFP 2021-2027 hi EUR [XXX], flimkien ma’ mill-anqas ammont ugwali ta’ kontribuzzjonijiet totali mill-istati parteċipanti u mill-membri privati tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew. L-Impriża Konġunta ser tuża dawn il-fondi primarjament biex timplimenta l-attivitajiet tagħha skont il-ħames pilastri deskritti hawn fuq.

2.19

L-eżiti ewlenin għall-Impriża Konġunta proposta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew fl-għaxar snin li ġejjin mistennija jkunu jinkludu:

infrastruttura Ewropea, federata, sigura u interkonnessa tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tad-data b’supercomputers ta’ skala medja u b’mill-anqas żewġ sistemi ta’ klassi dinjija fuq skala eksa u żewġ sistemi fuq skala posteksa ta’ klassi dinjija (tal-anqas waħda minn kull kategorija mibnija b’teknoloġija Ewropea);

infrastrutturi ibridi tal-computing li jintegraw sistemi avvanzati tal-computing;

simulaturi kwantistiċi u kompjuters kwantistiċi f’infrastrutturi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja;

infrastruttura sigura bbażata fuq il-cloud tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tad-data għall-utenti privati Ewropej;

kapaċitajiet u servizzi mħaddma bil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja bbażati fuq spazji pubbliċi Ewropej tad-data għax-xjenzati, għall-industrija u għas-settur pubbliku;

elementi importanti tat-teknoloġija tal-ġenerazzjoni li jmiss (hardware u software) u l-integrazzjoni tagħhom f’arkitetturi innovattivi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja għal sistemi fuq skala eksa u posteksa;

Ċentri ta’ Eċċellenza fl-applikazzjonijiet tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u l-industrijalizzazzjoni ta’ software tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, b’algoritmi, b’kodiċijiet u b’għodod ġodda ottimizzati għall-ġenerazzjonijiet futuri ta’ supercomputers;

bankijiet tat-test u pjattaformi pilota industrijali fuq skala kbira għall-applikazzjonijiet u għas-servizzi tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u tad-data f’setturi industrijali ewlenin;

Ċentri nazzjonali ta’ Kompetenza fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja li jiżguraw kopertura wiesgħa tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fl-UE, b’servizzi u b’riżorsi speċifiċi għall-innovazzjoni industrijali (inkluż l-SMEs);

żieda sinifikanti fil-ħiliet u fl-għarfien espert dwar il-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja għall-forza tax-xogħol tal-Ewropa;

ħażna msaħħa tad-data, kapaċitajiet tal-ipproċessar, u servizzi ġodda, f’oqsma ta’ interess pubbliku madwar l-Istati Membri.

2.20

Kisbiet ewlenin minn impriżi konġunti:

L-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew żiedet sostanzjalment il-livell u l-kwalità tal-investimenti fil-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja fil-livell Ewropew fi sforz uniku u koordinat mal-Istati Membri.

Sa tmiem l-2020, l-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew ser tipprovdi lill-UE bl-aqwa supercomputers fid-dinja.

L-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew ser jipprovdi sors Ewropew ta’ teknoloġiji ewlenin.

Provvista u suq Ewropej tat-teknoloġija tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja.

L-istrateġija tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u l-impatt tagħha fuq il-katina tal-valur tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja.

3.   Xejriet tas-suq u tagħlimiet ewlenin miksuba

3.1

Id-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni Ewropea jippreżenta l-aħħar ċifri tas-suq tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew u jipprovdi ħarsa ġenerali lejn it-tagħlimiet ewlenin miksuba mill-attivitajiet tal-Impriża Konġunta s’issa.

3.2

Tagħlimiet meħuda mill-governanza u l-amministrazzjoni tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew: l-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew diġà kisbet esperjenza ta’ ħidma konkreta, b’diskussjonijiet estensivi fost il-partijiet ikkonċernati dwar il-governanza, l-amministrazzjoni u aspetti operattivi oħra. Eżempji jinkludu:

it-13-il laqgħa tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew bil-parteċipazzjoni regolari ta’ delegati mill-Kummissjoni Ewropea u mit-32 stat parteċipanti;

il-Gruppi Konsultattivi tal-Impriża Konġunta (il-Grupp Konsultattiv għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Grupp Konsultattiv għall-Infrastruttura) diġà kellhom bosta laqgħat u ġew appoġġjati bl-involviment attiv taż-żewġ membri privati (ETP4HPC u BDVA);

l-għażla tat-tmien siti ospitanti u t-tnedija tal-proċedura ta’ akkwist għat-tmien supercomputers tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, u t-tnedija tas-sejħiet tal-Impriża Konġunta tal-2019 u tal-2020.

3.3

Hemm 22 aspett ta’ implimentazzjoni li minnhom it-tagħlimiet ewlenin li ttieħdu s’issa jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej:

semplifikazzjoni tal-iskema ta’ kofinanzjament;

it-tagħqid tal-fondi tal-UE u dawk nazzjonali fl-attivitajiet differenti tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew jeħtieġ li jiġi ssemplifikat u ottimizzat;

ir-rakkomandazzjonijiet jinkludu sett uniku ta’ kriterji ta’ eliġibbiltà għall-parteċipazzjoni (minflok 32 kriterju nazzjonali differenti ta’ eliġibbiltà);

l-implimentazzjoni tal-ġestjoni ċentrali tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kollha (ħlief f’każijiet debitament ġustifikati), f’konformità mal-Artikolu 8(1)(c) tar-Regolament propost li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa u l-flessibbiltà fl-introduzzjoni ta’ perċentwali differenti ta’ finanzjament nazzjonali u tal-UE biex jingħataw fondi lill-parteċipanti fl-attivitajiet tar-riċerka u l-innovazzjoni;

aktar flessibbiltà fil-kontribuzzjoni tal-membri privati u atturi privati oħra għall-attivitajiet tal-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew, b’mod partikolari billi jiġu inklużi forom ġodda ta’ kooperazzjoni, pereżempju bil-kofinanzjament ta’ infrastruttura speċifika tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja għall-użu industrijali.

4.   Kummenti speċifiċi

4.1

Il-maġġoranza tal-imsieħba tal-proġetti huma minn organizzazzjonijiet ta’ riċerka (75 % tal-finanzjament totali tal-proġetti tat-Teknoloġiji Futuri u Emerġenti), li l-interess primarju tagħhom mhuwiex l-industrijalizzazzjoni tar-riżultati miksuba. Sforzi ta’ taħriġ imtejba u sostnuti ser ikunu wkoll fattur ewlieni fl-isfruttar sħiħ mhux biss tas-supercomputers li jmiss fuq skala preeksa u fuq skala eksa ffinanzjati mill-Impriża Konġunta tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja Ewropew iżda wkoll tal-ġenerazzjonijiet futuri tal-informatika. Il-bidla minn Computing ta’ Prestazzjoni Għolja ċċentrat fuq is-simulazzjonijiet lejn l-integrazzjoni tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja f’kontinwità sħiħa tal-infrastruttura tal-IT, minn Edge għal Computing ta’ Prestazzjoni Għolja, hija sfida ewlenija. Dan ikun jeħtieġ l-iżvilupp ta’ relazzjoni b’saħħitha bejn il-komunità tal-Computing ta’ Prestazzjoni Għolja u ekosistemi oħra bħall-big data, l-intelliġenza artifiċjali u l-Internet tal-Oġġetti. L-Ewropa tista’ tkun mexxejja dinjija hawnhekk jekk jitkompla l-momentum maħluq mill-Orizzont 2020.

Brussell, is-27 ta’ Jannar 2021.

Christa SCHWENG

Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2018/1488 tat-28 ta' Settembru 2018 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Computing ta' Prestazzjoni Għolja Ewropew (ĠU L 252, 8.10.2018, p. 1).

(2)  Il-mument tal-Ewropa: Tiswija u Tħejjija għall-Ġenerazzjoni li Jmiss — COM(2020) 456 final.

(3)  Equipping Europe for world-class High Performance Computing in the next decade — SWD(2020) 179 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(4)  Equipping Europe for world-class High Performance Computing in the next decade — SWD/2020/179 final (mhux disponibbli bil-Malti).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 201/1488.


Top