Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019XC0909(01)

Pubblikazzjoni ta’ notifika tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni ta’ Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

OJ C 304, 9.9.2019, p. 7–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.9.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/7


Pubblikazzjoni ta’ notifika tal-approvazzjoni ta’ emenda standard għal Speċifikazzjoni ta’ Prodott għal isem fis-settur tal-inbid, kif imsemmi fl-Artikolu 17(2) u (3) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33

(2019/C 304/06)

Din in-notifika hija ppubblikata skont l-Artikolu 17(5) tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/33 (1).

NOTIFIKA TAL-APPROVAZZJONI TA’ EMENDA STANDARD

“Lessini Durello”/“Durello Lessini”

Numru ta’ referenza: PDO-IT-A0447-AM02

Id-data tan-notifika: 21.5.2019

DESKRIZZJONI TAL-EMENDA APPROVATA U R-RAĠUNIJIET GĦALIHA

1.   Kategorija tal-inbid u metodu ta’ produzzjoni

Deskrizzjoni u raġunijiet

L-ispeċifikazzjonijiet għall-metodu ta’ produzzjoni qegħdin jiġu miżjuda mal-kategoriji tal-prodott koperti mid-denominazzjoni:

“Lessini Durello spumante” metodu Charmat u metodu klassiku

“Lessini Durello spumante” riserva, metodu klassiku.

Din l-emenda qiegħda ssir biex l-inbid frizzanti prodott bil-metodu klassiku jiġi rilaxxat għall-konsum qabel jiġi ssodisfat ir-rekwiżit ta’ 36 xahar fuq il-ħmira għall-kategorija “riserva”. Id-domanda għal inbejjed frizzanti magħmula bil-metodu klassiku, li jipprovdi togħma friska u vivaċi pjaċevoli bi struttura akbar, qiegħda dejjem aktar tiżdied.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 1 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 1.3 tad-Dokument Uniku (Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed).

2.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid - test miktub mill-ġdid

Deskrizzjoni u raġunijiet

Għall-kategorija “Lessini Durello Spumante”, tħassru r-referenza għar-rilaxx tal-kategoriji tal-prodott għall-konsum b’informazzjoni dwar il-kontenut taz-zokkor u r-referenza għall-fatt li l-fermentazzjoni ssir esklussivament f’tankijiet magħluqin.

It-test jeħtieġ li jinkiteb mill-ġdid sabiex jirrifletti l-emendi formali għal dawk ir-referenzi fl-artikoli speċifiċi l-oħrajn tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 5 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 1.3 tad-Dokument Uniku (Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed).

3.   Il-karatteristiċi dwar il-konsum — informazzjoni dwar il-metodi ta’ produzzjoni għall-kategoriji individwali tal-prodott, varjazzjonijiet fil-kontenut ta’ zokkor u fil-qawwa alkoħolika

Deskrizzjoni u raġunijiet

Id-diversi metodi użati għall-produzzjoni tal-inbejjed frizzanti ġew speċifikati għad-diversi kategoriji tal-prodott koperti mid-denominazzjoni. “Lessini Durello Spumante” metodu Charmat u metodu klassiku u “Lessini Durello Spumante riserva” metodu klassiku;

Ġiet introdotta r-referenza għal kontenut ta’ zokkor “dosaggio żero” għall-kategoriji kollha.

Il-qawwa alkoħolika skont il-volum għall-kategorija “Lessini Durello Spumante riserva” tnaqqset minn 12,00 % għal 11,50 %.

L-emendi li saru jidentifikaw id-diversi kategoriji tal-prodott u jipprovdu deskrizzjoni dettaljata tal-karatteristiċi organolettiċi tagħhom; il-karatteristiċi fiżikokimiċi indikati, li jirriżultaw mit-testijiet enoloġiċi, jikkonfermaw il-kwalità tal-prodotti koperti mid-denominazzjoni.

Għall-inbejjed frizzanti prodotti permezz tal-metodu klassiku u maturati bil-ħmira għal bejn disa’ xhur u 36 xahar, iddaħħlet deskrizzjoni organolettika speċifika li tiddistingwi lil din il-kategorija ta’ prodott mill-kategorija “Lessini Durello spumante riserva”.

Ġiet introdotta r-referenza għal kontenut ta’ zokkor “dosaggio żero” għall-kategoriji kollha.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 6 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott u t-Taqsima 1.3 tad-Dokument Uniku (Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed).

4.   L-ippakkjar — żdiedet il-possibbiltà li jintużaw fliexken li jesgħu sa 15-il litru.

Deskrizzjoni u raġunijiet

L-emenda li ddaħħlet iżżid il-kapaċità massima tal-fliexken użati għall-inbejjed koperti mid-denominazzjoni minn disa’ litri għal 15-il litru.

Ir-raġuni għall-emenda introdotta hija biex ikunu jistgħu jintużaw fliexken f’format kbir biex tiġi ssodisfata d-domanda tas-suq.

L-emenda tikkonċerna l-Artikolu 8 tal-Ispeċifikazzjoni tal-Prodott iżda ma ssarraf fl-ebda bidla fid-Dokument Uniku.

DOKUMENT UNIKU

1.   Isem/ismijiet

Lessini Durello

Durello Lessini

2.   Tip ta’ indikazzjoni ġeografika

DOP - Denominazzjoni ta’ Oriġini Protetta

3.   Kategoriji tal-prodotti tad-dwieli

5.

Inbid frizzanti ta’ kwalità

4.   Deskrizzjoni tal-inbid/inbejjed

Inbid frizzanti “Lessini Durello” jew “Durello Lessini”, metodu Charmat

Din il-kategorija tal-prodott b’ragħwa fina u persistenti għandha kulur safrani ċar lewn it-tiben b’laqtiet ħodor u b’aroma delikata, bi ftit ħjiel ta’ frott; it-togħma hija friska, pjaċevoli u armonjuża b’kontenut ta’ zokkor residwu li jvarja minn “dosaggio żero” għal semixott.

Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum hija ta’ 11 %, u l-estratt minimu bla zokkor huwa ta’ 14 g/l.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

6,5 grammi għal kull litru espressa bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

“Lessini Durello” jew “Durello Lessini” spumante, metodu klassiku

Din il-kategorija ta’ prodott b’ragħwa fina u persistenti għandha kulur safrani ċar lewn it-tiben b’intensità varjata. L-aroma tinkludi ħjiliet delikati ta’ ħmira. It-togħma hija pjaċevolment qawwija u armonjuża b’kontenut ta’ zokkor residwu li jvarja minn “dosaggio żero” sa semixott. Il-qawwa alkoħolika totali minima skont il-volum hija ta’ 11,5 %, u l-estratt minimu mingħajr zokkor huwa ta’ 15 g/l.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

 

Aċidità totali minima

5,5 grammi għal kull litru espressa bħala aċidu tartariku

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

“Lessini Durello” jew “Durello Lessini” spumante riserva, metodu klassiku

Din il-kategorija tal-prodott b’ragħwa fina u qawwija tvarja fil-kulur minn isfar lewn it-tiben li jvarja fl-intensità għal isfar dehbi b’laqtiet ta’ ram xi kultant. L-aroma tinkludi noti kumplessi u maturi. It-togħma hija armonjuża b’kontenut ta’ zokkor residwu li jvarja minn “dosaggio żero” sa semixott. Estratt minimu mingħajr zokkor: 15 g/l.

Karatteristiċi analitiċi ġenerali

Qawwa alkoħolika totali massima (f’% tal-volum)

 

Qawwa alkoħolika proprja minima (f’% tal-volum)

11,5

Aċidità totali minima

 

Aċidità volatili massima (f’milliekwivalenti għal kull litru)

 

Total massimu ta’ diossidu tal-kubrit (f’milligrammi għal kull litru)

 

5.   Prattiki tal-produzzjoni tal-inbid

a.   Prattiki enoloġiċi essenzjali

XEJN

b.   Rendimenti massimi

Durella

112-il ettolitru għal kull ettaru

6.   Definizzjoni taż-żona ġeografika demarkata

Iż-żona ta’ produzzjoni għall-inbejjed koperti mid-denominazzjoni ta’ oriġini rreġistrata “Lessini Durello” jew “Durello Lessini” tinkludi:

(a)

Il-provinċja ta’ Verona: It-territorju kollu tal-muniċipalitajiet ta’: Vestenanova, San Giovanni Ilarione u parti mit-territorju tal-muniċipalitajiet ta’: Montecchia di Crosara, Roncà, Cazzano di Tramigna, Tregnago, Badia Calavena.

(b)

Il-provinċja ta’ Vicenza: it-territorju kollu tal-muniċipalitajiet ta’ Arzignano, Castelgomberto, Chiampo, Brogliano, Gambugliano, Trissino u parti mill-muniċipalitajiet ta’ Cornedo, Costabissara, Gambellara, Isola Vicentina, Malo, Marano Vicentino, Monte di Malo, Montebello Vicentino, Montecchio Maggiore, Montorso Vicentino, Nogarole Vicentino, San Vito di Leguzzano, Schio, Zermeghedo.

Il-fruntiera taż-żona hija kif ġej: fil-Lvant, tibda fil-fruntiera mal-provinċja ta’ Vicenza, fil-lokalità ta’ Calderina f’punt ta’ elevazzjoni ta’ 36 m, issegwi t-triq li twassal għal Roncà, waqt li tgħaddi mil-lokalitajiet ta’ Binello u Momello. Taqsam min-nofs il-villaġġ ta’ Roncà u tkompli tul it-triq li taqsam it-triq provinċjali ta’ Monteforte Montecchia sal-fruntiera tal-muniċipalità ta’ Montecchia di Crosara. Hija ssegwi l-fruntiera ta’ din il-muniċipalità sal-punt ta’ elevazzjoni ta’ 64 m u mbagħad it-triq li għal darb’oħra twassal għat-triq provinċjali fin-Nofsinhar tal-kooperattiva tal-inbid f’Montecchia di Crosara. Tkompli għal distanza qasira lejn it-Tramuntana tul it-triq provinċjali ta’ Val d’Alpone sal-pont li jaqsam ix-xmara tal-muntanja li ġġib l-istess isem u mbagħad tul it-triq muniċipali li tgħaddi mil-lokalitajiet ta’ Molino, Castello u San Pietro fin-Nofsinhar tal-villaġġ ta’ Montecchia di Corsara. Imbagħad tkompli sax-xmara tal-muntanja Rio Albo (punt ta’ elevazzjoni ta’ 85 m) li tiddelimita ż-żona, sa punt ta’ elevazzjoni ta’ 406 m fin-Nofsinhar ta’ Corgnano u Tolotti, fejn tiltaqa’ mal-fruntiera muniċipali ta’ Cazzano di Tramigna. Imbagħad issegwi t-triq muniċipali lejn Marsiglio u ssegwi l-elevazzjoni ġeodetika sa Rio V. Brà u V. Magragna sal-punt ta’ elevazzjoni ta’ 149 m fil-lokalità ta’ Caliari. Mil-lokalità ta’ Caliari din tkompli fid-direzzjoni tat-Tramuntana tul it-triq li twassal għal Campiano sal-lokalità ta’ Panizzolo (elevazzjoni ta’ 209 m) fejn hija tiltaqa’ max-xmara tal-muntanji Tramigna; hija ssegwi lit-Tramigna fid-direzzjoni tat-Tramuntana sal-fruntiera tal-muniċipalità ta’ Tregnano u mbagħad timxi tulha għal distanza qasira fid-direzzjoni tal-Punent, fejn tiltaqa’ mal-lokalità ta’ Rovere (elevazzjoni ta’ 357 m u mbagħad 284 m). Testendi tul it-triq li twassal għal Tregnano, waqt li tgħaddi qrib il-punt ta’ elevazzjoni ta’ 295 m fejn tidħol fil-villaġġ ta’ Tregnano u taqsmu fit-triq prinċipali sal-punt ta’ elevazzjoni ta’ 330 m. Minn hemm, hija tidħol fit-triq muniċipali lejn Marcemigo, taqsam dan il-villaġġ u toħroġ fil-lokalità ta’ Morini (elevazzjoni ta’ 481 m). Imbagħad il-fruntiera ssegwi t-triq provinċjali lejn San Mauro di Saline (elevazzjoni ta’ 523 m). Testendi tul it-triq provinċjali lejn San Mauro di Saline (elevazzjoni ta’ 523 m). Issegwi t-triq provinċjali lejn S. Mauro di Saline fid-direzzjoni tat-Tramuntana sal-lokalità ta’ Bettola li tinsab fuq il-fruntiera mal-muniċipalità ta’ Badia Calavena. Mil-lokalità ta’ Bettola hija ssegwi t-triq muniċipali li tinżel fil-wied, waqt li tgħaddi mil-lokalitajiet ta’ Canovi, Valle, Antonelli, Riva, Fornari u tidħol fit-territorju ta’ Badia Calavena. Mill-punt ta’ elevazzjoni ta’ 451 m hija ssegwi t-triq muniċipali fid-direzzjoni tal-Lvant, waqt li toħroġ mil-lokalità ta’ Colli (elevazzjoni ta’ 734 m) fejn tiltaqa’ mal-fruntiera ta’ Vestenanova (elevazzjoni ta’ 643 m). Dejjem fit-triq muniċipali, hija tgħaddi mill-villaġġ ta’ Castelvero, u tissokta sa Vestenavecchia segwit minn Vestenanova centro. Tkompli sas-Siveri fuq it-triq muniċipali, sakemm tasal sal-lokalità ta’ Alberomato. Minn hemmhekk, hija tgħaddi l-villaġġ ta’ Bacchi u tiltaqa’ mal-fruntiera tal-provinċja ta’ Vincenza. Hija ssegwi l-fruntieri provinċjali fid-direzzjoni tat-Tramuntana sa elevazzjoni ta’ 474 m ’il fuq mil-livell tal-baħar u mbagħad tul il-fruntiera tat-Tramuntana tal-muniċipalità ta’ Chiampo fid-direzzjoni tal-Lvant u mbagħad dik tan-Nofsinhar, sal-intersezzjoni bejn dik il-fruntiera u t-triq provinċjali li tgħaqqad lil Chiampo ma’ Nogarole Vicentino (elevazzjoni ta’ 468 m ’il fuq mil-livell tal-baħar). Hija tkompli tul din it-triq u taqbeż il-villaġġ ta’ Nogarole u tissokta tul it-triq ta’ Selva di Trissino sa Capitello eżatt wara l-punt ta’ elevazzjoni ta’ 543 m, fejn iddur lejn ix-xellug tul il-mogħdija li twassal għall-akwedott. Hija tgħaddi tul din il-mogħdija u minn ġo Prizzi sakemm, f’elevazzjoni ta’ 530 m, tiltaqa’ mat-triq lejn Cornedo, li hija ssegwi minn ġo Pellizzari u Duello sa salib it-toroq mat-triq muniċipali li tagħti għal Caliari, Stella u Ambrosi, waqt li tgħaddi mill-villaġġ ta’ Grigio qabel ma terġa’ tingħaqad għal darb’oħra mat-triq provinċjali lejn Cornedo. F’Cornedo hija tingħaqad mal-awtostrada statali 246, li hija ssegwi kważi sal-pont ta’ Nori qabel ma ddur lejn il-Lvant fuq it-triq muniċipali li testendi tul Colombara, Bastianci, Muzzolon u Milani (elevazzjoni ta’ 547 m). Minn hemm issegwi t-trejqa fid-direzzjoni tal-Grigal sa Crestani (elevazzjoni ta’ 532 m). Imbagħad tgħaddi tul it-triq muniċipali li twassal għal Mieghi, Milani (elevazzjoni ta’ 626 m), Casare di Sopra, Casare di Sotto u Godeghe sa salib it-toroq mat-triq muniċipali ta’ Monte di Malo-Monte Magrè, li hija ssegwi sa Monte Magrè. Minn hemmhekk hija ssegwi t-triq lejn Magrè sa elevazzjoni ta’ 294 m, tkompli fil-Majjistral għal elevazzjoni ta’ 218 m, testendi tul it-triq ta’ Valfreda sa Raga (elevazzjoni ta’ 414 m), u mbagħad tkompli sal-fruntiera muniċipali bejn Schio u Torrebelvicino, li hija ssegwi sal-punt ta’ elevazzjoni ta’ 216 m. Minn hemm issegwi x-xmara Leogra sal-pont fuq l-awtostrada statali 46, filwaqt li tkompli tul it-triq tax-xmara sal-punt ta’ elevazzjoni ta’ 188 m. Imbagħad issegwi l-awtostrada statali 46 Schio-Vicenza sal-lokalità ta’ Fonte di Castelnovo. Hija taqsam din il-lokalità u mbagħad issegwi t-triq ta’ Costabissara, waqt li tgħaddi mil-lokalitajiet ta’ Ca’ de Tommasi u Pilastro.

Il-fruntiera taż-żona mbagħad issegwi t-triq muniċipali minn Costabissara sa Creazzo, waqt li tgħaddi barra l-lokalità ta’ S. Valentino sakemm tasal sal-fruntiera tan-Nofsinhar tal-muniċipalità ta’ Costabissara. Imbagħad tmur lejn il-Punent sal-fruntiera tan-Nofsinhar tal-muniċipalità ta’ Costabissara, sa salib it-toroq mat-triq minn Gamgubliano fid-direzzjoni ta’ Sovizzo, tul it-triq ta’ Valdiezza. Hija ssegwi t-triq lejn Castelgomberto sakemm tiltaqa’ mat-triq għall-villaġġi ta’ Busa, Pilotto u Vallorona fuq in-naħa tax-xellug. Fejn is-sinjal biex wieħed jieqaf, hija ssegwi t-triq ta’ Sinistra, u terġa’ tingħaqad magħha wara li tkun qabżet salib it-toroq tal-villaġġ ta’ Monteschiavi. F’salib it-toroq għal Contrà Callorona, Rubbo u Spinati hija taqbeż it-triq għal dawn il-villaġġi u tkompli dritt sakemm finalment tasal sat-triq ta’ Vallorona. Hija tkompli fuq il-lemin, billi ssegwi l-profil tal-għolja lejn Valdimolino. Hija tkompli tul it-triq li minn Montecchio Maggiore tmur lejn Sant’Urbano (triq Cavallara). Imbagħad taqbad it-triq ta’ Bastian sal-intersezzjoni mat-triq minn Castelgomberto. Hija tkompli tul it-triq ta’ Bernuffi, fejn iddur fuq il-lemin sal-villaġġ ta’ Sant’Urbano. F’salib it-toroq iddur fuq ix-xellug u timxi tul it-triq ta’ Sovizzo Alto sa Casa Cattana, fejn iddur fuq il-lemin tul it-triq ta’ Caussa, fejn fit-tarf tagħha ddur għal darb’oħra lejn il-lemin tul it-triq (villaġġ ta’ Carbonara) sakemm tasal sal-lokalità ta’ Bastia Bassa, fejn tissokta sal-lokalità ta’ Campestrini u mbagħad Villa Cordellina. Minn hemm iddur fuq il-lemin sal-intersezzjoni mal-awtostrada statali 246, u ddur fuq ix-xellug fit-triq ta’ Montorso. Is-sit tal-kastelli ta’ Romeo u Ġuljetta huwa inkluż f’din iż-żona.

Il-fruntiera mbagħad issegwi t-triq ta’ Montecchio Maggiore u Montorso sal-pont li jgħaddi fuq ix-xmara Chiampo. Hija taqsam ix-xmara u tkompli fid-direzzjoni tan-Nofsinhar sat-triq ta’ Zermeghedo waqt li tgħaddi minn ġo Mieli. Mill-intersezzjoni tat-triq Mieli hija tkompli fuq ix-xellug lejn il-lokalità ta’ Belloccheria. Iż-żona demarkata hija meqjusa li hija dik li ssegwi l-profil tal-għolja sa salib it-toroq ma’ via Perosa. Minn hemm, tkompli lejn il-villaġġ ta’ Montebello tul via Castelleto sal-intersezzjoni mat-triq ta’ Mira. Minn hemm, tgħaddi tul it-triq ta’ Contrada Selva sal-intersezzjoni ta’ Casa Cavazza u mbagħad tul it-triq ta’ Zermeghedo.

Il-fruntiera ssegwi t-triq ta’ Agugliana u tkompli fid-direzzjoni ta’ La Guarda. Madwar 300 metru ‘l bogħod minn dan il-villaġġ, iddur fuq il-lemin tul it-trejqa li tgħaqqadha mal-fruntiera ma’ Gambellara, u tkompli lejn it-Tramuntana sal-punt ta’ elevazzjoni ta’ 143 m.

Imbagħad tinżel tul it-triq sekondarja li twassal għal Gambellara, li taqsam fid-direzzjoni tal-Punent tul it-triq minn Gambellara għal Calderina fejn terġa’ tingħaqad mad-demarkazzjoni taż-żona inizjali fil-provinċja ta’ Verona.

7.   Varjetà (varjetajiet) tad-dwieli ewlenin li minnhom jinkiseb l-inbid

Durella B.

8.   Deskrizzjoni tar-rabta/rabtiet

Lessini Durello/Durello Lessini

Is-sistema ta’ tkabbir tradizzjonali “Pergola Veronese” tippermetti lid-Durella (varjetà ta’ għeneb antika indiġena għaż-żona) biex issir bl-aħjar mod possibbli. Flimkien mal-fatt li l-art tiżżerżaq ’l isfel u li l-ħamrija hija ta’ oriġini vulkanika, din il-karatteristika tagħti lill-inbejjed l-aċidità li hija karatteristika għal dan l-inbid frizzanti. Id-Durello huwa kkaratterizzat minn noti ta’ minerali u żnied, xi drabi b’togħmiet ħfief sa qawwija ta’ tuffieħ aħdar. L-aromi huma kumplessi, li jfakkru fl-oriġini minerali iżda bi ħjiliet tal-baħar ta’ jodju u kubrit.

9.   Rekwiżiti oħra applikabbli (imballaġġ, tikkettar, rekwiżiti oħra)

XEJN

Link għall-ispeċifikazzjoni tal-prodott

https://www.politicheagricole.it/flex/cm/pages/ServeBLOB.php/L/IT/IDPagina/13964


(1)  ĠU L 9, 11.1.2019, p. 2.


Top