EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0476

Proposta għal DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

COM/2019/476 final

Brussell, 16.10.2019

COM(2019) 476 final

2019/0229(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (minn hawn ’il quddiem “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta mill-Kummissjoni, jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura li biha tinġabar il-VAT jew sabiex jiġu pprevenuti ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-12 ta’ April 2019, l-Italja talbet estensjoni tad-deroga mill-Artikoli 168 u 26(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT li tapplika bħalissa. B’mod partikolari, l-Italja qed titlob awtorizzazzjoni biex tkompli tidderoga mill-Artikolu 168 billi tillimita għal 40 % id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri imposta fuq in-nefqa marbuta mal-vetturi tat-triq bil-mutur li ma jintużawx esklużivament għal finijiet ta’ negozju. Barra minn hekk, l-Italja qed titlob awtorizzazzjoni biex tkompli tidderoga mill-Artikolu 26(1)(a) billi teżenta mill-VAT l-użu għal finijiet privati ta’ vetturi inklużi fl-assi tan-negozju ta’ persuna taxxabbli, fejn tali vetturi jkunu soġġetti għal restrizzjoni tad-dritt għat-tnaqqis.

F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Italja permezz ta’ ittra bid-data tat-13 ta’ Mejju 2019. Permezz ta’ ittra bid-data tal-14 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li kellha l-informazzjoni kollha li kienet tqis meħtieġa biex tevalwa t-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

L-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT jipprevedi li persuna taxxabbli hija intitolata li tnaqqas il-VAT imposta fuq ix-xiri ta’ merkanzija jew servizzi użati għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli fl-Istat Membru fejn isiru dawn it-tranżazzjonijiet. L-Artikolu 26(1)(a) tal-istess Direttiva jistipula li l-użu ta’ merkanzija li tifforma parti mill-assi tan-negozju għall-użu privat, għandu jitqies bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas jekk il-VAT fuq it-tali merkanzija kienet eliġibbli għat-tnaqqis.

Fil-każ ta’ vetturi tat-triq bil-mutur li jiffurmaw parti mill-assi tan-negozju, l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ hawn fuq fiha għadd ta’ diffikultajiet prattiċi, b’mod partikolari minħabba li mhuwiex faċli li ssir distinzjoni bejn l-użu privat u dak tan-negozju ta’ dawn il-vetturi. F’każijiet fejn jinżammu rekords dwar l-użu ta’ tali vetturi, dawn iżidu piż addizzjonali kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjonijiet f’termini taż-żamma u l-kontroll tagħhom. Barra minn hekk, l-applikazzjoni ta’ dawk id-dispożizzjonijiet tista’ żżid ir-riskju li jkun hemm tentattivi ta’ abbuż jew ta’ frodi tal-VAT, b’mod partikolari permezz tas-sottorappurtar tal-użu privat ta’ dawn il-vetturi.

Bħalissa l-Italja hija awtorizzata li tidderoga mill-Artikolu 168 tad-Direttiva tal-VAT billi tillimita għal 40 % id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri ta’ vettura, inklużi l-kuntratti ta’ muntaġġ u oħrajn simili, il-manifattura, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-leasing jew il-kiri, il-modifika, it-tiswija jew il-manutenzjoni, u l-infiq fuq provvisti jew servizzi mogħtija b’rabta mal-vetturi u mal-użu tagħhom, inklużi l-lubrikanti u l-karburant, sakemm il-vettura inkwistjoni ma tintużax esklużivament għal finijiet ta’ negozju. Id-deroga tkopri l-vetturi bil-mutur kollha minbarra t-tratturi agrikoli u forestali, li normalment jintużaw biex iġorru l-persuni jew il-merkanzija bit-triq u li jkollhom piż massimu totali ta’ inqas minn 3.5 tunnellati u inqas minn disa’ sits, inkluż is-sit tas-sewwieq. Għall-kuntrarju, id-deroga ma tkoprix in-nefqa marbuta totalment man-negozju tal-persuna taxxabbli. Dan ikun il-każ għal vetturi li jagħmlu parti mill-istokk ta’ merkanzija tal-persuna taxxabbli fl-eżerċizzju tal-attività tagħha, u l-vetturi li jintużaw bħala taksis, kif ukoll il-vetturi li jintużaw għat-tagħlim mill-iskejjel tas-sewqan, u dawk li jintużaw għall-kiri jew għal-leasing jew mir-rappreżentanti tal-bejgħ.

Bl-istess mod, l-Italja hija awtorizzata li tidderoga mill-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT billi teżenta mill-VAT l-użu għal finijiet privati ta’ vetturi li jiffurmaw parti mill-assi tan-negozju ta’ persuna taxxabbli fejn dawn il-vetturi jkunu koperti mid-deroga ta’ hawn fuq.

L-awtorizzazzjoni għall-miżuri ta’ deroga msemmija hawn fuq ingħatat l-ewwel darba mill-Kunsill permezz tad-Deċiżjoni 2007/441/KE tat-18 ta’ Ġunju 2007 2 sal-31 ta’ Diċembru 2010. Sussegwentement, il-miżuri ta’ deroga ġew imtawla tliet darbiet wara t-talba tal-Italja: Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2010/748/UE tad-29 ta’ Novembru 2010 3 estendiethom għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-31 ta’ Diċembru 2013; Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/679/UE tal-15 ta’ Novembru 2013 4 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2014 sal-31 ta’ Diċembru 2016; u fl-aħħar, id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2016/1982/UE tat-8 ta’ Novembru 2016 5 għall-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2017 sal-31 ta’ Diċembru 2019;

It-talba attwali tal-Italja biex id-deroga tittawwal aktar sal-31 ta’ Diċembru 2022 hija bbażata fuq l-istess raġunijiet bħal dawk ippreżentati fit-talbiet preċedenti. It-talba hija akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal applikat fuq id-dritt għat-tnaqqis, kif meħtieġ mill-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2007/441/KE.

L-informazzjoni pprovduta mill-Italja turi li r-rata attwali ta’ 40 % għadha xierqa għax tikkorrispondi maċ-ċirkostanzi attwali tal-ekonomija Taljana fir-rigward tal-proporzjon tal-użu tan-negozju u tal-użu privat tal-vetturi tat-triq bil-mutur ikkonċernati. Skont ir-rapport tal-Italja, l-ekonomija Taljana hija ddominata minn mikrointrapriżi, li jirrappreżentaw 99 % tad-ditti Taljani u jammontaw għal madwar 5.2 miljun persuna taxxabbli. Dan jiżvela d-diffikultà li jaffaċċjaw l-awtoritajiet biex jivverifikaw l-użu privat u tan-negozju tal-vetturi bil-mutur li huma l-proprjetà ta’ mikrointrapriżi bħal dawn. Il-predominanza tal-mikrointrapriżi tiġġustifika wkoll l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ simplifikazzjoni li jiżguraw il-konformità mal-obbligi tat-taxxa.

L-Italja tirrapporta li dawk il-mikrointrapriżi għandhom fatturat minimu u fil-biċċa l-kbira tal-każijiet impjegat wieħed biss, għalhekk jista’ jiġi preżunt b’mod sinifikanti li l-vetturi kkonċernati jintużaw għal skopijiet privati. Huwa stmat li r-rata medja tal-użu privat minn persuni taxxabbli Taljani ta’ vetturi korporattivi soġġetti għad-deroga hija ta’ madwar 60 %. Dan huwa spjegat mill-predominanza tal-mikrointrapriżi, li jippossjedu l-biċċa l-kbira tal-vetturi korporattivi li jiċċirkolaw fl-Italja. Barra minn hekk, ditti akbar (b’fatturat ta’ aktar minn EUR 5 miljun) jirrappreżentaw biss 1 % tat-total, u jallokaw il-biċċa l-kbira tal-vetturi korporattivi tagħhom lill-impjegati u lid-diretturi bħala benefiċċju supplimentari. F’dan ir-rigward, huwa mfakkar li l-ħlas tat-taxxa fuq dan il-benefiċċju supplimentari jaqa’ f’idejn l-impjegat (jew id-direttur) li jgawdi minnu u li għalhekk juża l-vettura tan-negozju għal finijiet personali u familjari matul is-sena kollha. Skont l-Italja, l-użu li mhuwiex tan-negozju tal-vetturi ta’ kumpaniji akbar jammonta wkoll għal aktar minn 50 %.

Biex tiġġustifika l-adegwatezza tal-perċentwal ta’ 40 %, l-Italja tirreferi wkoll għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-228/05 Stradasfalti 6 , li sostniet li r-restrizzjoni tad-dritt għat-tnaqqis tan-nefqa marbuta mal-vetturi bil-mutur li kienet fis-seħħ preċedentement fl-Italja ma kinitx konformi mal-leġiżlazzjoni tal-UE. B’riżultat ta’ din is-sentenza, l-Italja kienet obbligata li tistabbilixxi proċedura għall-preżentazzjoni ta’ talbiet għar-rimborż tal-VAT li ma tnaqqsitx. Il-leġislatur Taljan iddeċieda li l-kontribwenti setgħu jitolbu rimborż b’żewġ modi differenti: jew permezz tal-proċedura ta’ “preżentazzjoni analitika”, billi jagħtu evidenza li r-rata perċentwali tat-tnaqqis li għaliha ntalab ir-rimborż kienet xierqa, jew permezz ta’ proċedura ta’ “preżentazzjoni online”, li tagħti rimborż b’rata fissa ta’ 40 %. L-Italja tiddikjara li 95 % tat-talbiet għar-rimborż segwew il-proċedura ta’ “preżentazzjoni online”. Fil-fehma tagħha, din hija konferma li l-partijiet interessati stess jirrikonoxxu l-adegwatezza ta’ din ir-rata perċentwali għax-xenarju ekonomiku tal-Italja.

Huwa minnu li biex tiġi stabbilita distinzjoni bejn l-użu privat u dak tan-negozju tal-vetturi korporattivi, dan ikun jinvolvi kostijiet onerużi u sproporzjonati biex jinżammu r-rekords xierqa b’paragun mal-benefiċċji li jista’ jkun hemm, b’mod partikolari fir-rigward tal-kummerċjanti waħdiena u l-mikrointrapriżi. Dan jista’ jwassal ukoll għal tilwim legali bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-persuni taxxabbli li jirriżulta fi spejjeż addizzjonali.

Jidher li r-rata perċentwali ta’ 40 % tirrifletti adegwatament l-użu effettiv tan-negozju ta’ vetturi bħal dawn. Fil-fatt, l-applikazzjoni ta’ rata ogħla jew ta’ rata aktar baxxa twassal għal diskrepanzi kbar wisq bejn ir-rata stabbilita u l-użu effettiv tal-vetturi għall-attivitajiet tan-negozju u għal finijiet privati. Din ir-rata hija simili għall-perċentwal użat fi Stati Membri oħra.

Il-miżuri adottati bid-Deċiżjoni 2007/441/KE jitqiesu bħala kompromess sodisfaċenti bejn ir-regoli adottati u ż-żamma tar-rekords li hija għalja, li tieħu ħafna ħin u li hija pjuttost ineffettiva, dejjem sabiex jiġi kkonfermat li vettura partikolari kienet tabilħaqq użata għal attivitajiet tan-negozju.

Il-miżuri ta’ deroga mhumiex mistennija li jaffettwaw b’mod sinifikanti l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa tal-Italja miġbur fl-istadju tal-konsum finali. Bl-istess mod, mhumiex mistennija li jaffettwaw ħażin ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jirriżultaw mill-VAT.

Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, u minħabba li l-qafas legali tal-UE u s-sitwazzjoni fattwali baqgħu l-istess, l-estensjoni mitluba tal-miżuri ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2022 tidher li hija ġġustifikata. Għalhekk, qed jiġi propost li t-talba tintlaqa’. F’każ li l-Italja tkun tixtieq titlob estensjoni oħra lil hinn mill-2022, hija għandha tressaq talba għal estensjoni sal-1 ta’ April 2022, flimkien ma’ rapport li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni tal-perċentwal applikata.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Derogi simili b’rabta mad-dritt ta’ tnaqqis ingħataw lil Stati Membri oħra.

L-Artikolu 176 tad-Direttiva tal-VAT jistipula li l-Kunsill għandu jiddetermina n-nefqa li minnha ma tistax titnaqqas il-VAT. Sa dak iż-żmien, dan jawtorizza lill-Istati Membri jżommu l-esklużjonijiet li kienu fis-seħħ skont il-liġijiet nazzjonali fl-1 ta’ Jannar 1979. Fuq din il-bażi, hemm għadd ta’ dispożizzjonijiet “stand still” li jirrestrinġu d-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fir-rigward ta’ vetturi bil-mutur korporattivi.

L-inizjattivi preċedenti biex jiġu stabbiliti regoli dwar liema kategoriji ta’ nefqa jistgħu jkunu soġġetti għar-restrizzjoni fuq id-dritt għat-tnaqqis ma rnexxewx 7 . Sakemm dawk ir-regoli jiġu armonizzati fil-livell tal-UE, derogi bħal din huma meqjusa xierqa.

Għalhekk, il-miżura proposta hija konsistenti mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva tal-VAT.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT huwa l-unika bażi ġuridika possibbli.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-proposta hija fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li jrid jintlaħaq, jiġifieri s-simplifikazzjoni tal-ġbir tat-taxxa u l-prevenzjoni ta’ ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa. B’mod partikolari, minħabba l-potenzjal li n-negozji jissottodikjaraw ir-responsabbiltà tagħhom u minħabba l-iċċekkjar oneruż għall-awtoritajiet tat-taxxa tad-data dwar il-kilometraġġ, ir-restrizzjoni ta’ 40 % tissimplifika l-proċedura tal-ġbir tal-VAT u tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa inter alia minħabba żamma skorretta tar-rekords.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill.

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, huwa possibbli li tingħata deroga mir-regoli komuni tal-VAT biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill, li jaġixxi b’mod unanimu fuq proposta tal-Kummissjoni. Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument xieraq billi tista’ tiġi indirizzata lil Stat Membru individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ma saret l-ebda konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati. Il-proposta attwali hija bbażata fuq talba li saret mill-Italja u tikkonċerna biss lil dan l-Istat Membru partikolari.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għandha l-għan li tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u li tipprevjeni l-evażjoni tal-VAT. Għalhekk, hija għandha impatt potenzjalment pożittiv kemm għan-negozji kif ukoll għall-amministrazzjonijiet. Il-miżuri ta’ deroga ġew identifikati mill-Italja bħala l-aktar soluzzjoni xierqa. Il-miżuri huma komparabbli ma’ derogi oħra tal-passat u attwali li ngħataw lil Stati Membri oħra.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma għandhiex konsegwenzi għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET GĦALL-BAĠIT

Il-proposta mhi se jkollha l-ebda impatt negattiv fuq il-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni stabbilita sal-31 ta’ Diċembru 2022.

F’każ li l-Italja tqis estensjoni oħra tal-miżuri ta’ deroga lil hinn mill-2022, jenħtieġ li tressaq talba għal estensjoni lill-Kummissjoni flimkien ma’ rapport li jinkludi rieżami tal-limitu ta’ perċentwal mhux aktar tard mill-1 ta’ April 2022.

2019/0229 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li temenda d-Deċiżjoni 2007/441/KE li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 8 , u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi d-dritt ta’ persuna taxxabbli għat-tnaqqis tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imposta fuq il-provvisti ta’ merkanzija u ta’ servizzi li jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħha. L-Artikolu 26(1)(a) ta’ dik id-Direttiva jittratta l-użu ta’ assi tan-negozju minn persuna taxxabbli jew il-persunal tagħha għal finijiet privati jew, b’mod aktar ġenerali, għal finijiet oħra minbarra dawk tan-negozju tagħha bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas.

(2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE 9 tawtorizza lill-Italja biex tillimita d-dritt taħt l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE li tnaqqas il-VAT għal 40 % fil-każ tal-VAT imposta fuq ċerta nefqa fuq ċerti vetturi tat-triq bil-mutur li ma jintużawx esklużivament għal finijiet ta’ negozju. Għall-vetturi soġġetti għal dak il-limitu ta’ 40 %, l-Italja hija meħtieġa teżenta lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu għall-finijiet privati tagħhom bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas f’konformità mal-Artikolu 26(1)(a) tad-Direttiva 2006/112/KE. Id-Deċiżjoni 2007/441/KE, li ġiet estiża diversi drabi, mistennija tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2019.

(3)Permezz tal-ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-12 ta’ April 2019, l-Italja talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżuri ta’ deroga awtorizzati mid-Deċiżjoni 2007/441/KE (“il-miżuri ta’ deroga”) għal perjodu ieħor sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(4)Permezz tal-ittra bid-data tat-13 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, bit-talba li għamlet l-Italja. Permezz ta’ ittra bid-data tal-14 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Italja li hija kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba.

(5)Flimkien mat-talba, l-Italja ressqet rapport lill-Kummissjoni, f’konformità mal-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni 2007/441/KE, li jinkludi rieżami tal-limitu tal-perċentwal applikat fuq id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT. Fuq il-bażi tal-informazzjoni attwalment disponibbli, l-Italja ssostni li rata ta’ 40 % għadha ġġustifikata. L-Italja ssostni wkoll li s-sospensjoni tar-rekwiżit li tiġi ddikjarata l-VAT fuq l-użu privat ta’ vettura bil-mutur soġġetta għal dak il-limitu ta’ 40 % għadha meħtieġa biex jiġi żgurat li l-miżura tkun kompluta u konsistenti. Dan jipprevjeni t-tassazzjoni doppja. Dawk il-miżuri ta’ deroga huma ġġustifikati mill-ħtieġa li tiġi ssimplifikata l-proċedura għall-ġbir tal-VAT u li tiġi prevenuta tal-evażjoni tat-taxxa li tirriżulta miż-żamma skorretta tar-rekords u minn dikjarazzjonijiet foloz tat-taxxa.

(6)Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri ta’ deroga tkun limitata għaż-żmien meħtieġ biex tiġi evalwata l-effettività tal-miżuri ta’ deroga u l-adegwatezza tal-perċentwal. Għalhekk, jenħtieġ li l-Italja tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżuri ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2022.

(7)Jenħtieġ li tiġi stabbilita data ta’ skadenza biex tintalab awtorizzazzjoni għal kwalunkwe estensjoni oħra tal-miżuri ta’ deroga lil hinn mill-2022 li l-Italja tista’ tqis meħtieġa. Jenħtieġ li l-Italja tkun meħtieġa tressaq rapport flimkien ma’ kull talba għal estensjoni bħal din, li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni tal-perċentwal applikat fuq id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT.

(8)Il-miżuri ta’ deroga se jkollhom biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali ta’ taxxa miġbura fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollhom impatt negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mill-VAT.

(9)Id-Deċiżjoni 2007/441/KE għalhekk jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Id-Deċiżjoni 2007/441/KE hija emendata kif ġej:

(1)L-Artikolu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 6

Kwalunkwe talba għall-awtorizzazzjoni tal-estensjoni tal-miżuri ta’ deroga awtorizzati b’din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-1 ta’ April 2022. It-talba għandha jkollha magħha rapport li jinkludi rieżami tar-restrizzjoni tal-perċentwal applikata fuq id-dritt tat-tnaqqis tal-VAT abbażi ta’ din id-Deċiżjoni.”.

(2)L-Artikolu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

Artikolu 7

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2022.”.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    ĠU L 165, 27.6.2007, p. 33.
(3)    ĠU L 318, 4.12.2010, p. 45.
(4)    ĠU L 316, 27.11.2013, p. 37.
(5)    ĠU L 305, 12.11.2016, p. 30.
(6)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-14 ta’ Settembru 2006 fil-Kawża C-228/05, Stradasfalti Srl vs. Agenzia delle Entrate - Ufficio di Trento, ECLI:EU:C:2006:578.
(7)    KUMM (2004) 728 finali – Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 77/388/KEE bl-għan li jiġu ssimplifikati l-obbligazzjonijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU C 24, 29.1.2005, p. 10) irtirata fil-21 ta’ Mejju 2014 (ĠU C 153, 21.05.2014, p.3).
(8)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(9)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/441/KE tat-18 ta’ Ġunju 2007 li tawtorizza lir-Repubblika Taljana sabiex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikoli 26(1)(a) u 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 165, 27.6.2007, p. 33).
Top