Accept Refuse

EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0459

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni ta’ kodiċi ta' kondotta għall-Membri tat-Tribunal, tat-Tribunal tal-Appell, u għall-medjaturi

COM/2019/459 final

Brussell, 11.10.2019

COM(2019) 459 final

2019/0216(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni ta’ kodiċi ta' kondotta għall-Membri tat-Tribunal, tat-Tribunal tal-Appell, u għall-medjaturi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni dwar kodiċi ta' kondotta għall-Membri tat-Tribunal, tat-Tribunal tal-Appell, u għall-medjaturi li għandu jiġi applikat f’tilwim li jirriżulta mill-Kapitolu Tmienja (Investiment) tal-Ftehim.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra

Il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu l-għan li jilliberalizza u li jiffaċilita l-kummerċ u l-investiment, kif ukoll li jippromwovi relazzjoni ekonomika aktar mill-qrib bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada (“il-Partijiet”). Il-Ftehim ġie ffirmat fit-30 ta' Ottubru 2016, u beda jiġi applikat b'mod proviżorju mill-21 ta’ Settembru 2017.

2.2.Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment

Il-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment, li jindirizza, fost l-oħrajn, kwistjonijiet li jikkonċernaw l-investiment transfruntier, huwa stabbilit skont l-Artikolu 26.2.1(b) tal-Ftehim. F’konformità mal-Artikolu 8.44.1 tal-Ftehim, il-Kumitat tas-Servizzi u l-Investiment jipprovdi forum lill-Partijiet biex jikkonsultaw dwar kwistjonijiet relatati mal-Kapitolu Tmienja (Investiment) tal-Ftehim, inkluż diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fl-implimentazzjoni tal-Kapitolu Tmienja (Investiment) tal-Ftehim u titjib possibbli ta' dan il-Kapitolu, b'mod partikolari fid-dawl tal-esperjenza u l-iżviluppi f'fora internazzjonali oħrajn u skont ftehimiet oħra tal-Partijiet.

F'konformità mal-Artikolu 26.2.4 tal-Ftehim, il-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment jiltaqa’ darba fis-sena, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fil-Ftehim, jew jekk il-kopresidenti jiddeċiedu mod ieħor. Laqgħat addizzjonali jistgħu jiġu organizzati wara t-talba ta’ Parti jew tal-Kumitat Konġunt CETA. Il-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment huwa kopresedut mir-rappreżentanti tal-Partijiet. Huwa jistabbilixxi l-iskeda tal-laqgħat u l-aġenda b’kunsens reċiproku. Jista’ jistabbilixxi u jimmodifika r-regoli ta’ proċedura tiegħu, jekk iqis li dan ikun xieraq. Jista’ jipproponi abbozzi ta’ deċiżjonijiet mill-Kumitat Konġunt CETA, jew jieħu deċiżjonijiet meta l-Ftehim jipprevedi dan.

F’konformità mar-Regola 10.2 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat Konġunt CETA u tal-Kumitati Speċjalizzati, inkluż il-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment 1 , fil-perjodu bejn il-laqgħat, il-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment jista’ jadotta deċiżjonijiet jew rakkomandazzjonijiet permezz tal-proċedura bil-miktub jekk il-Partijiet tal-Ftehim jiddeċiedu b’kunsens reċiproku. Għal dak il-għan, it-test tal-proposta jitqassam bil-miktub mill-kopresidenti lill-membri tal-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment skont ir-Regola 7, b'limitu ta' żmien li fih il-membri jkunu jistgħu jgħarrfu bi kwalunkwe riżervi li jista’ jkollhom jew emendi li jixtiequ jagħmlu. Proposti adottati jkunu kkomunikati skont ir-Regola 7 ladarba l-limitu taż-żmien ikun għadda u rrekordjati fil-minuti tal-laqgħa li jmiss.

2.3.L-att previst tal-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment

Il-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment se jadotta deċiżjoni li tikkonċerna kodiċi ta’ kondotta għall-Membri tat-Tribunal, tat-Tribunal tal-Appell, u l-medjaturi, li jiġi applikat f’tilwim li jirriżulta mill-Kapitolu Tmienja (Investiment) tal-Ftehim (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jissupplementa r-regoli applikati skont l-Artikolu 8.30 (Etika) tal-Ftehim.

L-att previst se jkun vinkolanti fuq il-Partijiet.

3.Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni

Kif previst fil-paragrafu 6 (f) tal-Istrument Interpretattiv Konġunt tal-Ftehim, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha u l-Kanada qablu li jagħtu bidu minnufih għal ħidma ulterjuri fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ir-riżoluzzjoni tat-tilwim dwar l-investiment tal-Ftehim, l-hekk imsejħa “Sistema ta' Qorti tal-Investiment” 2 .

Skont l-Artikolu 8.44.2 tal-Ftehim, “[i]l-Kumitat tas-Servizzi u l-Investiment għandu, bi qbil mal-Partijiet, u wara li jkunu tlestew ir-rekwiżiti u l-proċeduri interni rispettivi tagħhom, jadotta kodiċi ta' kondotta għall-Membri tat-Tribunal biex jiġi applikat f'tilwim li jirriżulta minn dan il-Kapitolu, li jista' jissostitwixxi jew jissupplimenta r-regoli fis-seħħ, u jista' jindirizza suġġetti inkluż:(a) l-obbligi dwar id-divulgazzjoni; (b) l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Membri tat-Tribunal; kif ukoll (c) il-kunfidenzjalità. Il-Partijiet għandhom jagħmlu l-aħjar sforz tagħhom biex jiżguraw li l-kodiċi ta' kondotta jiġi adottat mhux aktar tard mill-ewwel jum tal-applikazzjoni proviżorja jew id-dħul fis-seħħ ta' dan il-Ftehim, skont il-każ, u f'kwalunkwe każ mhux aktar tard minn sentejn wara tali data”.

Il-Paragrafu 6 (f) tal-Istrument Interpretattiv Konġunt dwar il-Ftehim jirreferi espliċitament għal “aktar ħidma fuq kodiċi ta' kondotta biex ikomplu jiżguraw l-imparzjalità tal-membri tat-Tribunali”.

Barra minn hekk, id-Dikjarazzjoni Nru 36 mill-Kummissjoni u l-Kunsill, imdaħħla fil-Minuti tal-Kunsill fl-okkażjoni tal-adozzjoni mill-Kunsill tad-deċiżjoni li jiġi awtorizzat l-iffirmar tas-CETA f’isem l-Unjoni, tipprevedi: “[i]r-rekwiżiti etiċi għall-membri tal-Qrati, diġà previsti fis-CETA, ser jiġu żviluppati fid-dettall, mill-aktar fis possibbli u fi żmien xieraq biex l-Istati Membri jkunu jistgħu jikkunsidrawhom fil-proċessi ta’ ratifika tagħhom, f’Kodiċi ta’ Kondotta obbligatorju u vinkolanti (li huwa diġà previst fis-CETA). Dan il-kodiċi ser jinkludi b’mod partikolari: regoli ta’ kondotta speċifiċi applikabbli għall-kandidati għall-ħatra bħala Membru tal-Qorti Ġenerali jew tal-Qorti tal-Appell dwar il-pjan, b’mod partikolari, fir-rigward tal-iżvelar tal-attivitajiet kriminali passati jew preżenti li jista’ jkollhom impatt fuq il-ħatra tagħhom jew fuq il-qadi ta’ dmirijiethom; regoli ta’ kondotta speċifiċi applikabbli għall-membri tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Appell għat-tul tal-mandat tagħhom; regoli ta’ kondotta speċifiċi applikabbli għall-membri tal-Qorti Ġenerali u tal-Qorti tal-Appell għat-tul tal-mandat tagħhom; inkluż il-projbizzjoni li jeżerċitaw ċerti funzjonijiet jew professjonijiet speċifiċi għal perijodu speċifiku ta’ żmien wara t-tmiem tal-mandat tagħhom; mekkaniżmu ta’ sanzjoni f’każ ta’ ksur tar-regoli ta’ kondotta li jkun effettiv u jirrispetta bis-sħiħ l-indipendenza tas-setgħa ġudizzjarja” 3 .

L-att previst jimplimenta dawn l-impenji bis-sħiħ billi jinkludi regoli etiċi ddettaljati għall-Membri tat-Tribunal, tat-Tribunal tal-Appell u l-medjaturi. B’mod speċifiku, il-kodiċi ta' kondotta jinkludi dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltajiet lejn il-proċess (l-Artikolu 2 tal-att previst); obbligi ta’ divulgazzjoni (l-Artikolu 3); l-indipendenza, l-imparzjalità, u obbligi oħrajn (l-Artikolu 4); l-obbligi ta’ Membri preċedenti (l-Artikolu 5); obbligi ta’ konfidenzjalità (l-Artikolu 6); l-obbligi dwar it-trasparenza fir-rigward tal-ħin u l-ispejjeż iddedikati għall-proċedimenti (l-Artikolu 7); is-sanzjonijiet (l-Artikolu 8); l-obbligi tal-medjaturi (l-Artikolu 9); u l-istabbiliment ta’ Kumitati Konsultattivi (l-Artikolu 10). L-att previst se jidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim (l-Artikolu 11).

Din il-proposta toqgħod ma’ inizjattivi oħrajn dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema ta' Qorti tal-Investiment tas-CETA. Speċifikament, minn Ġunju 2018, il-Kummissjoni kienet qed taħdem mal-Istati Membri fil-Kumitat tal-Politika Kummerċjali dwar is-Servizzi u l-Investiment tal-Kunsill u mal-Kanada dwar pakkett ta’ erba’ abbozzi ta’ deċiżjonijiet rigward:

regoli li jistabbilixxu kwistjonijiet amministrattivi u organizzazzjonali rigward il-funzjonament tat-Tribunal tal-Appell f’konformità mal-Artikolu 8.28.7 tal-Ftehim;

kodiċi ta’ kondotta għall-Membri tat-Tribunal, tat-Tribunal tal-Appell u l-medjaturi f’konformità mal-Artikolu 8.44.2 tal-Ftehim;

regoli għall-medjazzjoni biex jintużaw mill-partijiet litiganti f’konformità mal-Artikolu 8.44.3(c) tal-Ftehim; u

regoli dwar il-proċedura għall-adozzjoni ta’ interpretazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 8.31.3 u 8.44.3(a) tal-Ftehim.

Il-ħidma ulterjuri fuq oqsma oħrajn tal-implimentazzjoni tas-Sistema ta’ Qorti tal-Investiment tkompli. Kif previst fil-paragrafu 6(f) tal-Istrument Interpretattiv Konġunt tal-Ftehim, “[l]-għan komuni huwa li jikkonkludu l-ħidma bid-dħul fis-seħħ tas-CETA”.

Għaldaqstant, huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment dwar l-att previst sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f’isem l-Unjoni f’sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali bis-saħħa tar-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatur tal-Unjoni” 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment huwa korp imwaqqaf bi ftehim, speċifikament il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”).

L-att li l-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment huwa mitlub jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti għall-Partijiet skont id-dritt internazzjonali f’konformità mal-Artikolu 26.2.4 tal-Ftehim.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali tad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għaldaqstant, il-bażijiet ġuridiċi sostantivi tad-deċiżjoni proposta huma l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) TFUE.

4.3.Konklużjoni

Jenħtieġ li l-bażijiet ġuridiċi tad-deċiżjoni proposta jkunu l-Artikolu 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Lingwi awtentiċi u l-pubblikazzjoni tal-att previst

Minħabba li l-att tal-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment se jimplimenta l-Ftehim fir-rigward tar-riżolviment tat-tilwim dwar l-investiment bejn l-investituri u l-istati, huwa xieraq li jiġi adottat fil-lingwi awtentiċi kollha tal-Ftehim 5 u li jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara li jiġi adottat.

2019/0216 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni ta’ kodiċi ta' kondotta għall-Membri tat-Tribunal, tat-Tribunal tal-Appell, u għall-medjaturi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikoli 207(3) u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 6 tipprevedi l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”). Il-Ftehim ġie ffirmat fit-30 ta' Ottubru 2016.

(2)Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 7 tipprevedi l-applikazzjoni proviżorja ta’ partijiet tal-Ftehim, inkluż l-istabbiliment tal-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment. Il-Ftehim ilu jiġi applikat b'mod proviżorju mill-21 ta' Settembru 2017.

(3)Skont l-Artikolu 26.2.4 tal-Ftehim, il-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment jista’ jieħu deċiżjonijiet meta l-Ftehim jipprevedi dan.

(4)F’konformità mal-Artikolu 8.44.2 tal-Ftehim, il-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment se jadotta deċiżjoni dwar kodiċi ta’ kondotta għall-Membri tat-Tribunal, tat-Tribunal tal-Appell, u għall-medjaturi, li għandu jiġi applikat f’tilwim li jirriżulta mill-Kapitolu Tmienja (Investiment) tal-Ftehim.

(5)Għalhekk huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment abbażi tal-abbozz tad-deċiżjoni mehmuż tal-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment dwar kodiċi ta' kondotta sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehim,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’Isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment fir-rigward ta’ adozzjoni ta’ kodiċi ta' kondotta għall-Membri tat-Tribunal, tat-Tribunal tal-Appell u għall-medjaturi għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni tal-Kunsill.

Artikolu 2

1.Id-Deċiżjoni tal-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment għandha tkun adottata fil-lingwi awtentiċi kollha tal-Ftehim.

2.Id-Deċiżjoni adottata mill-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Deċiżjoni Nru 001/2018 tal-Kumitat Konġunt CETA tas-26 ta’ Settembru 2018 li tadotta r-Regoli ta' Proċedura tiegħu u tal-Kumitati Speċjalizzati (ĠU L 190, 27.7.2018, p. 13), disponibbli fis-sit web tad-DĠ TRADE fuq: http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2019/february/tradoc_157677.pdf .
(2)    Strument Interpretattiv Konġunt dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 3).
(3)    Dikjarazzjonijiet li għandhom jiddaħħlu fil-minuti tal-Kunsill (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 9).
(4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014 fil-Kawża C-399/12, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(5)    Skont l-Artikolu 30.11 (Testi awtentiċi) tal-Ftehim, il-Ftehim huwa miktub f’żewġ kopji bil-Bulgaru, bil-Kroat, biċ-Ċek, bid-Daniż, bl-Olandiż, bl-Ingliż, bl-Estonjan, bil-Finlandiż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bil-Grieg, bl-Ungeriż, bit-Taljan, bil-Latvjan, bil-Litwan, bil-Malti, bil-Pollakk, bil-Portugiż, bir-Rumen, bis-Slovakk, bis-Sloven, bl-Ispanjol u bl-Iżvediż, u kull verżjoni hija ugwalment awtentika.
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/37 tat-28 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar f'isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1).
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/38 tat-28 ta' Ottubru 2016 dwar l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (ĠU L 11, 14.1.2017, p. 1080).
Top

Brussell, 11.10.2019

COM(2019) 459 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment stabbilit skont il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni ta’ kodiċi ta' kondotta għall-Membri tat-Tribunal, tat-Tribunal tal-Appell, u għall-medjaturi


HEMŻA

ABBOZZ TAD-

DEĊIŻJONI Nru [.../2019] TAL-KUMITAT GĦAS-SERVIZZI U L-INVESTIMENT

ta’…

li tadotta kodiċi ta’ kondotta għall-Membri tat-Tribunal, tat-Tribunal tal-Appell, u għall-medjaturi

Il-KUMITAT GĦAS-SERVIZZI U L-INVESTIMENT TAS-CETA,

Wara li kkunsidra l-Artikolu 26.2.1(b) tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv bejn il-Kanada, minn naħa waħda, u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”),

Billi l-Artikolu 8.44.2 tal-Ftehim jipprevedi li l-Kumitat għas-Servizzi u l-Investiment tas-CETA għandu jadotta kodiċi ta’ kondotta biex jiġi applikat f’tilwim li joħroġ mill-Kapitolu Tmienja tal-Ftehim, li jista’ jissostitwixxi jew jissupplementa r-regoli f’applikazzjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)id-definizzjonijiet fl-Artikolu 1.1 (Definizzjonijiet ta' applikazzjoni ġenerali) tal-Kapitolu Wieħed (Definizzjonijiet ġenerali u dispożizzjonijiet inizjali) tal-Ftehim;

(b)id-definizzjonijiet fl-Artikolu 8.1 (Definizzjonijiet) tal-Kapitolu Tmienja (Investiment) tal-Ftehim;

(c)“assistent” tfisser persuna, għajr persuna impjegata mis-Segretarjat tal-ICSID, li, skont it-termini tal-ħatra ta’ Membru, tassisti lill-Membru fir-riċerka tiegħu jew tappoġġah fid-dmirijiet tiegħu;

(d)“kandidat” tfisser persuna li tkun issottomettiet applikazzjoni jew li mod ieħor tkun konxja li hija tkun qed tiġi kkunsidrata li tintgħażel bħala Membru;

(e)“medjatur” tfisser persuna li tmexxi medjazzjoni f’konformità mal-Artikolu 8.20 (Medjazzjoni) tal-Ftehim; u

(f)“Membru” tfisser Membru tat-Tribunal jew tat-Tribunal tal-Appell stabbilit skont it-Taqsima F (Riżoluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment bejn l-investituri u l-istati) tal-Kapitolu Tmienja (Investiment) tal-Ftehim.

Artikolu 2

Responsabbiltajiet għall-Proċess

Il-Kandidati, il-Membri u l-Membri preċedenti għandhom jevitaw aġir mhux xieraq jew id-dehra ta’ aġir mhux xieraq, u għandhom josservaw standards għoljin ta’ mġiba sabiex l-integrità u l-imparzjalità tal-mekkaniżmu għas-soluzzjoni tat-tilwim tkun preservata.

Artikolu 3

Obbligi ta’ Divulgazzjoni

1.Il-kandidati għandhom jiżvelaw lill-Partijiet kull interess, relazzjoni jew kwistjoni fl-imgħoddi jew fil-preżent li aktarx jaffettwaw, jew li jistgħu raġonevolment jitqiesu li jaffettwaw, l-indipendenza jew l-imparzjalità tagħhom, li joħolqu jew li jista’ jitqies raġonevolment li joħolqu kunflitt dirett jew indirett ta’ interess, jew li jagħtu jew li jista’ raġonevolment jitqies li jagħtu dehra ta’ aġir mhux xieraq jew preġudizzju. Għal dan il-għan, il-kandidati għandhom jagħmlu l-isforzi raġonevoli kollha sabiex isiru konxji ta’ kull interess, relazzjoni u kwistjoni ta' dan it-tip. L-iżvelar ta’ interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet fl-imgħoddi għandu jkopri mill-inqas l-aħħar ħames snin qabel ma kandidat jippreżenta applikazzjoni jew li b’mod ieħor isir jaf li jkun qed jitqies biex jintgħażel bħala Membru.

2.Il-Membri għandhom jikkomunikaw kwistjonijiet li kkonċernaw ksur reali jew potenzjali ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta bil-miktub lill-Partijiet u, meta jkun rilevanti għal tilwima, lill-partijiet litiganti.

3.F’kull ħin, il-Membri għandhom ikomplu jagħmlu kull sforz raġonevoli biex isiru konxji ta' kwalunkwe interess, relazzjoni jew kwistjoni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. Il-Membri għandhom f’kull ħin jiżvelaw tali interessi, relazzjonijiet jew kwistjonijiet tul il-qadi ta’ dmirijiethom billi jinfurmaw lill-Partijiet u, fejn ikun rilevanti, lill-partijiet litiganti.

4.Sabiex jiġi żgurat li tingħata informazzjoni rilevanti mill-kandidati u mill-Membri, l-iżvelar għandu jsir permezz ta’ formola standardizzata bil-possibbiltà li jiżdied jew jew li jiġi inkluż kwalunkwe dokument, u f’konformita ma’ kwalunkwe proċeduri oħrajn stabbiliti mill-Partijiet.

Artikolu 4

Indipendenza, Imparzjalità, u Obbligi Oħrajn tal-Membri

1.Minbarra l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 2 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Membri għandhom ikunu u għandhom jidhru li huma indipendenti u imparzjali, u għandhom jevitaw kunflitti ta’ interess diretti u indiretti.

2.Il-Membri ma għandhomx ikunu influwenzati mill-interess proprju, il-pressjoni esterna, konsiderazzjonijiet politiċi, appelli mill-pubbliku, lealtà lejn Parti, parti litiganti jew kwalunkwe persuna oħra involuta jew li tkun qed tieħu sehem fil-proċediment, biża’ minn kritika, jew relazzjonijiet jew responsabbiltajiet finanzjarji, ta’ negozju, professjonali, familjari jew soċjali.

3.Il-Membri ma għandhomx, direttament jew indirettament, jidħlu f’xi obbligu, jaċċettaw xi benefiċċju, jidħlu f’xi relazzjoni, jew jakkwistaw xi interess finanzjarju li aktarx jaffettwa jew jidher li jaffettwa l-indipendenza jew l-imparzjalità tagħhom.

4.Il-Membri ma għandhomx jagħmlu kuntatti ex parte rigward il-proċediment.

5.Il-Membri għandhom iwettqu dmirijiethom bir-reqqa u bil-ħeffa tul il-proċediment u għandhom jagħmlu dan b’ġustizzja u diliġenza.

6.Il-Membri għandhom jikkunsidraw biss il-kwistjonijiet li jitqajmu fil-proċediment u li huma meħtieġa għal deċiżjoni jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ u ma għandhomx jiddelegaw dan id-dmir lil ħaddieħor.

7.Il-Membri għandhom jieħdu l-passi xierqa kollha biex jiżguraw li l-assistenti tagħhom ikunu konxji tal-Artikoli 2 (Responsabbiltajiet għall-Proċess), 3(2) u (3) (Obbligi ta’ divulgazzjoni), 4(1)-(5) (Indipendenza, Imparzjalità, u Obbligi Oħra tal-Membri), 5(1) u (3) (Membri preċedenti) u 6 (Kunfidenzjalità) ta’ din id-Deċiżjoni u li jimxu magħhom, mutatis mutandis. 

8.Il-membri għandhom iqisu kif xieraq attivitajiet oħrajn ta’ soluzzjoni tat-tilwim skont il-Ftehim u, b’mod partikolari, ta’ deċiżjonijiet jew deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ mit-Tribunal tal-Appell. 

Artikolu 5

Obbligi ta’ Membri preċedenti

1.Il-Membri preċedenti għandhom jevitaw azzjonijiet li jistgħu joħolqu d-dehra li kienu ppreġudikati fit-twettiq ta’ dmirijiethom jew li kisbu xi vantaġġ bis-saħħa tad-deċiżjonijiet jew id-deċiżjonijiet ta’ arbitraġġ tat-Tribunal jew tat-Tribunal tal-Appell.

2.Il-Membri għandhom jintrabtu li għal perjodu ta’ tliet snin wara t-tmiem tal-mandat tagħhom, huma ma għandhomx jaġixxu bħala rappreżentanti ta’ xi parti litiganti f’tilwim dwar l-investiment quddiem it-Tribunal jew it-Tribunal tal-Appell.

3.Mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li jkomplu jservu f’diviżjoni sal-għeluq tal-proċedimenti ta’ dik id-diviżjoni, il-Membri għandhom jintrabtu li wara tmiem il-mandat tagħhom, ma għandhom jinvolvu ruħhom:

(a)bl-ebda mod f’tilwim dwar l-investiment li kienu pendenti quddiem it-Tribunal jew it-Tribunal tal-Appell qabel tmiem il-mandat tagħhom;

(b)bl-ebda mod f’tilwim dwar l-investiment direttament u ċarament marbutin ma’ tilwim, inkluż tilwim konkluż, li jkunu ttrattaw bħala Membri tat-Tribunal jew tat-Tribunal tal-Appell.

4.Jekk il-President tat-Tribunal jew tat-Tribunal tal-Appell jiġi mgħarraf, jew isir jaf b’mod ieħor li Membru preċedenti huwa allegat li jkun aġixxa b’mod inkonsistenti mal-obbligi stabbiliti fil-paragrafi minn 1 sa 3 ta’ dan l-Artikolu, jew kwalunkwe parti oħra minn din id-Deċiżjoni meta kien Membru, huwa għandu jeżamina l-kwistjoni, jagħti opportunità lill-Membru preċedenti li jinstema’ u, wara l-verifika, jinforma b’dan:

(a)lill-korp professjonali jew xi istituzzjoni oħra li magħha dak il-Membru preċedenti jkun affiljat;

(b)lill-Partijiet,

(c)jekk tinvolvi tilwima speċifika, lill-partijiet litiganti; u

(d)lill-President ta’ xi qorti jew tribunal internazzjonali oħrajn rilevanti fid-dawl tal-bidu tal-miżuri xierqa.

Il-President tat-Tribunal jew tat-Tribunal tal-Appell għandu jagħmel pubblika d-deċiżjoni tiegħu li jieħu l-azzjonijiet imsemmija fis-subparagrafi (a) sa (d) hawn fuq, flimkien mar-raġunijiet għaliha.

Artikolu 6

Kunfidenzjalità

1.Il-Membri u l-Membri preċedenti fl-ebda mument ma għandhom jiżvelaw jew jużaw xi informazzjoni mhux pubblika li tikkonċerna proċedimenti jew li tkun inkisbet waqt proċedimenti ħlief għall-finijiet ta' dak il-proċediment u fl-ebda każ, ma għandhom jiżvelaw jew jużaw l-ebda tali informazzjoni biex jiksbu vantaġġ personali jew vantaġġ għal ħaddieħor jew biex jaffettwa ħażin l-interessi ta’ ħaddieħor.

2.Il-Membri ma għandhomx jiżvelaw ordni, deċiżjoni jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ jew partijiet minnhom qabel il-pubblikazzjoni tagħhom f’konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ trasparenza tal-Artikolu 8.36 (Trasparenza tal-proċedimenti) tal-Ftehim.

3.Il-Membri jew il-Membri preċedenti ma għandhom jiżvelaw l-ebda deliberazzjoni tat-Tribunal jew tat-Tribunal tal-Appell, jew il-fehmiet ta’ xi Membru, ħlief f’ordni, deċiżjoni, jew deċiżjoni ta’ arbitraġġ.

Artikolu 7

Spejjeż

Kull Membru għandu jżomm rekord u jagħti rendikont finali tal-ħin dedikat għall-proċedura u tal-ispejjeż tiegħu, kif ukoll il-ħin u l-ispejjeż tal-assistent tiegħu.

Artikolu 8

Sanzjonijiet

1.Għal ċertezza akbar, id-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta għandhom jiġu applikati flimkien mal-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 8.30.1 tal-Ftehim, u l-proċeduri previsti fl-Artikolu 8.30, il-paragrafi 2 u 3 u l-Artikolu 8.30.4 tal-Ftehim għandhom japplikaw għal ksur ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta.

2.Għal aktar ċertezza, il-Kumitat Konġunt CETA għandu jipprovdi opportunità lill-Membru li jinstema’ qabel tinħareġ xi deċiżjoni skont l-Artikolu 8.30.4 tal-Ftehim.

Artikolu 9

Medjaturi

1.Ir-regoli stipulati f’din id-Deċiżjoni li japplikaw għall-kandidati għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għal persuni li huma konxji li qed jiġu kkunsidrati għall-ħatra bħala medjaturi.

2.Ir-regoli stipulati f’din id-Deċiżjoni li japplikaw għall-Membri għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-medjaturi mid-data li fiha jinħatru bħala medjaturi sad-data li fiha:

(a)il-partijiet litiganti jadottaw soluzzjoni bi qbil reċiproku;

(b)il-medjatur jipprovdi dikjarazzjoni bil-miktub li fiha jirriżenja mid-dmirijiet tiegħu bħala medjatur; jew

(c)il-parti litiganti, jew iż-żewġ partijiet litiganti, jipprovdu notifika bil-miktub permezz ta’ ittra trażmessa lill-medjatur u lill-parti litiganti l-oħra li permezz tagħha jiġi terminat il-medjatur jew tintemm il-proċedura ta’ medjazzjoni, skont liem waħda tiġi l-ewwel.

3.Ir-regoli stipulati f’din id-Deċiżjoni li huma applikabbli għall-Membri preċedenti għandhom japplikaw, mutatis mutandis, għall-medjaturi preċedenti.

Artikolu 10

Kumitati Konsultattivi

1.Il-President tat-Tribunal u l-President tat-Tribunal tal-Appell għandhom it-tnejn ikunu assistiti minn Kumitat Konsultattiv biex tiġi żgurata l-applikazzjoni xierqa ta’ dan il-kodiċi ta’ kondotta, tal-Artikolu 8.30 (Etika) tal-Ftehim u għall-eżekuzzjoni ta’ kwalunkwe kompitu ieħor, kull fejn previst.

2.Il-Kumitati Konsultattivi għandhom ikunu komposti mill-Viċi President rispettiv u miż-żewġ Membri l-aktar anzjani tat-Tribunal jew tat-Tribunal tal-Appell.

Artikolu 11

Id-dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata u għandha tidħol fis-seħħ fid-data tad-dħul fis-seħħ tat-Taqsima F (Riżoluzzjoni ta' tilwim dwar l-investiment bejn l-investituri u l-istati) tal-Kapitolu Tmienja (Investiment) tal-Ftehim, soġġett għall-iskambju mill-Partijiet ta’ notifiki bil-miktub, permezz ta’ mezzi diplomatiċi, li jikkonfermaw li jkunu temmew ir-rekwiżiti u l-proċeduri interni neċessarji.

Magħmul fi … fi …

Top