EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0377

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea

COM/2019/377 final

Brussell, 30.8.2019

COM(2019) 377 final

2019/0173(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea 1 (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) daħal fis-seħħ fid-29 ta’ Awwissu 2011 2 u baqa’ jiġġedded b’mod taċitu minn dak iż-żmien ’l hawn. L-aħħar Protokoll tal-Ftehim, li daħal fis-seħħ fit-23 ta’ Mejju 2014, skada fit-22 ta’ Mejju 2018.

Abbażi tad-Direttivi tan-negozjati rilevanti 3 , il-Kummissjoni nnegozjat mal-Gvern tar-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe (minn hawn ’il quddiem imsejħa “São Tomé u Príncipe”) bil-ħsieb li tikkonkludi Protokoll ġdid tal-Ftehim. Wara dawn in-negozjati, fis-17 ta’ April 2019 ġie inizjalat Protokoll ġdid. Il-Protokoll ikopri perjodu ta’ ħames snin mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tiegħu, jiġifieri mid-data tal-iffirmar tiegħu, kif imsemmi fl-Artikolu 15 tiegħu.

L-għan tal-proposta huwa li tawtorizza l-konklużjoni tal-Protokoll.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Skont il-prijoritajiet tar-riforma tal-politika tas-sajd 4 , il-Protokoll il-ġdid joffri opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe skont l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u filwaqt li jħares ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT). Dan il-Protokoll il-ġdid iqis ir-riżultati ta’ evalwazzjoni tal-aħħar Protokoll (tal-2014 sal-2018) u ta’ evalwazzjoni li tħares lejn il-ġejjieni dwar jekk għandux jiġi konkluż Protokoll ġdid. Dawn iż-żewġ evalwazzjonijiet saru minn esperti esterni. Il-Protokoll se jippermetti wkoll lill-Unjoni Ewropea u lil São Tomé u Príncipe jaħdmu aktar mill-qrib bejniethom biex jippromwovu l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe u se jippermettilhom jappoġġaw l-isforzi ta’ São Tomé u Príncipe biex jiżviluppaw is-settur tas-sajd tagħhom, fl-interess taż-żewġ partijiet.

Il-Protokoll jipprevedi opportunitajiet tas-sajd fil-kategoriji li ġejjin:

- 28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friża;

- sitt bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

In-negozjar ta’ Protokoll ġdid tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd ma’ São Tomé u Príncipe jidħol fil-qafas tal-azzjoni esterna tal-Unjoni mal-pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (il-pajjiżi AKP), u jqis b’mod partikulari l-għanijiet tal-Unjoni fil-qasam tal-ħarsien tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika magħżula hija t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li l-Artikolu 43(2) tiegħu jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd, l-Artikolu 218(6)(a)(v) tiegħu jistabbilixxi l-istadju tal-konklużjoni tal-ftehimiet bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi u l-Artikolu 218(7) tiegħu jipprevedi d-dispożizzjonijiet marbutin mal-awtorizzazzjoni tal-emendi tal-Protokoll.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-proposta tidħol fl-ambitu tal-kompetenza esklużiva tal-Unjoni Ewropea.

Proporzjonalità

Il-proposta hija proporzjonata mal-għan li jiġi stabbilit qafas ta’ governanza ġuridiku, ambjentali, ekonomiku u soċjali għall-attivitajiet tas-sajd li l-bastimenti tal-Unjoni jwettqu fl-ilmijiet ta’ pajjiżi terzi, kif stabbilit fl-Artikolu 31 tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd. Hija tikkonforma ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, kif ukoll mad-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna finanzjarja lil pajjiżi terzi stabbiliti fl-Artikolu 32 ta’ dak ir-Regolament.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post tal-Protokoll attwali tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd ma’ São Tomé u Príncipe, kif ukoll evalwazzjoni ex ante tat-tiġdid potenzjali tal-Protokoll. Il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni huma ppreżentati f’dokument ta’ ħidma separat 5 .

Mill-evalwazzjoni ħareġ li s-settur tas-sajd għat-tonn tal-Unjoni huwa interessat ferm fis-sajd f’São Tomé u Príncipe u li t-tiġdid tal-Protokoll jikkontribwixxi biex jissaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza u biex tittejjeb il-governanza tas-sajd fir-reġjun. L-importanza taż-żona ekonomika esklużiva fil-Golf tal-Guinea tikkontribwixxi għar-rilevanza tal-Protokoll il-ġdid previst kemm għas-settur tas-sajd għat-tonn tal-Unjoni kif ukoll għall-pajjiż sieħeb.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

L-Istati Membri, ir-rappreżentanti tas-settur, l-organizzazzjonijiet internazzjonali tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-amministrazzjoni tas-sajd u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili ta’ São Tomé u Príncipe ġew ikkonsultati fil-kuntest tal-evalwazzjoni. Saru wkoll konsultazzjonijiet fil-qafas tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Il-Kummissjoni użat konsulent indipendenti għall-evalwazzjonijiet ex post u ex ante, f’konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31(10) tar-Regolament li jistabbilixxi l-politika komuni tas-sajd.

4.IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali tal-Unjoni Ewropea hija ta’ EUR 840 000, abbażi ta’:

(a) tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 8 000 tunnellata fis-sena, li għalih ġie stabbilit ammont marbut mal-aċċess ta’ EUR 400 000 fis-sena għall-perjodu kollu tal-Protokoll;

(b) appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe ta’ EUR 440 000 fis-sena għall-perjodu kollu tal-Protokoll. Dan l-appoġġ jilħaq l-għanijiet tal-politika nazzjonali b’rabta mal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd kontinentali u tal-baħar ta’ São Tomé u Príncipe għall-perjodu kollu tal-Protokoll.

L-ammont annwali għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn u għall-approprjazzjonijiet ta’ pagament huwa stabbilit fil-proċedura baġitarja annwali, fosthom għal-linja ta’ riżerva għall-protokolli li jkun għadhom ma daħlux fis-seħħ fil-bidu tas-sena 6 .

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

L-arranġamenti dwar il-monitoraġġ huma stabbiliti fil-Protokoll.

Din il-proċedura qed tinbeda b’mod parallel mal-proċeduri marbutin mad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni, tal-Protokoll tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea.

2019/0173 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(2) flimkien mal-Artikolu 218(6)(a)(v) u mal-Artikolu 218(7) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew 7 ,

Billi:

(1)Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2019/.../UE 8 , il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) ġie ffirmat fil-[daħħal id-data tal-iffirmar], suġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data iktar tard.

(2)L-għan tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-Unjoni u lil São Tomé u Príncipe jaħdmu aktar mill-qrib bejniethom biex jippromwovu politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe u li jippermettilhom jappoġġaw l-isforzi ta’ São Tomé u Príncipe biex jiżviluppaw is-settur tas-sajd tagħhom.

(3)Jenħtieġ li l-Protokoll jiġi approvat f’isem l-Unjoni Ewropea.

(4)L-Artikolu 9 tal-Ftehim jistabbilixxi Kumitat Konġunt inkarigat mill-kontroll tal-applikazzjoni tiegħu. Barra minn hekk, skont dak l-Artikolu u skont l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7(2) tal-Protokoll, il-Kumitat Konġunt jista’ japprova ċerti emendi tal-Protokoll. Sabiex tiġi ffaċilitata l-approvazzjoni ta’ dawn l-emendi, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa tapprovahom f’isem l-Unjoni bi proċedura ssimplifikata, b’ċerti kundizzjonijiet sostantivi u proċedurali.

(5)Jenħtieġ li l-Kunsill jistabbilixxi l-pożizzjoni tal-Unjoni dwar l-emendi previsti. Jenħtieġ li l-emendi proposti jiġu approvati sakemm minoranza ta’ Stati Membri li timblokka ma toġġezzjonax għalihom skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(6)Jenħtieġ li l-pożizzjoni li l-Unjoni għandha tadotta fil-Kumitat Konġunt b’rabta ma’ kwistjonijiet oħrajn tiġi ddefinita skont it-Trattati u l-prattiki stabbiliti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) huwa approvat f’isem l-Unjoni.

It-test tal-Protokoll huwa mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni bħala l-Anness I.

Artikolu 2

Skont id-dispożizzjonijiet u l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tapprova, f’isem l-Unjoni, l-emendi tal-Protokoll li l-Kumitat Konġunt stabbilit bl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea għandu jadotta.

Artikolu 3

Il-President tal-Kunsill għandu jaħtar lill-persuna jew lill-persuni li għandhom is-setgħa jagħmlu n-notifika prevista fl-Artikolu 16 tal-Protokoll f’isem l-Unjoni Ewropea sabiex jesprimu l-kunsens tal-Unjoni Ewropea li tintrabat bil-Protokoll.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 205, 7.8.2007, p. 36.
(2)    ĠU L 31, 31.1.2013, p. 1.
(3)    Li ġew adottati waqt il-laqgħa tal-Kunsill tat-Trasport, tat-Telekomunikazzjoni u tal-Enerġija li saret fit-18 ta’ Diċembru 2017.
(4)    ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22.
(5)    SWD(2017) 434 final, 1.12.2017.
(6)    Skont il-Ftehim interistituzzjonali dwar il-kooperazzjoni f’materji tal-baġit (bin-numru ta’ referenza 2013/C 373/01).
(7)    ĠU C , , p. .
Top

Brussell, 30.8.2019

COM(2019) 377 final

ANNESSI

tal-

Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill

dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea


ANNESS 1
PROTOKOLL DWAR L-IMPLIMENTAZZJONI TAL-FTEHIM TA’ SĦUBIJA FIS-SETTUR TAS-SAJD BEJN IR-REPUBBLIKA DEMOKRATIKA TA’ SÃO TOMÉ U PRÍNCIPE U L-KOMUNITÀ EWROPEA

Artikolu 1
Prinċipji

1.L-għan ta’ dan il-Protokoll huwa li jimplimenta l-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn ir-Repubblika Demokratika ta’ São Tomé u Príncipe u l-Komunità Ewropea. Dan il-Protokoll jinkludi Anness u Appendiċijiet li jiffurmaw parti integrali minnu.

2.Iż-żewġ Partijiet għandhom jintrabtu li jippromwovu s-sajd responsabbli fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe abbażi tal-prinċipju tan-nuqqas ta’ diskriminazzjoni. São Tomé u Príncipe għandhom jintrabtu li japplikaw l-istess miżuri tekniċi u ta’ konservazzjoni għall-flotot industrijali barranin kollha li jistadu għat-tonn fiż-żona tas-sajd tagħhom bil-għan li jikkontribwixxu għall-governanza t-tajba tas-sajd.

3.Il-Partijiet għandhom jintrabtu li jiżguraw li dan il-Protokoll jiġi implimentat skont l-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou dwar l-elementi essenzjali marbutin mad-drittijiet tal-bniedem, mal-prinċipji demokratiċi u mal-istat tad-dritt u dwar l-element fundamentali marbut mal-amministrazzjoni t-tajba.

4.Huma għandhom jintrabtu wkoll li jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni ambjentali sostenibbli u b’saħħitha.

5.Il-Partijiet għandhom jintrabtu li jippubblikaw l-informazzjoni dwar kull ftehim li jippermetti lill-bastimenti barranin jidħlu fiż-żona tas-sajd São Tomé u Príncipe u l-informazzjoni dwar l-isforz tas-sajd marbut miegħu, dwar l-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet li jinħarġu u dwar il-qabdiet li jkunu saru, u li jaqsmu din l-informazzjoni bejniethom.

6.Skont l-Artikolu 6 tal-Ftehim, il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jistgħu jwettqu attivitajiet tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe biss jekk ikollhom awtorizzazzjoni tas-sajd maħruġa fil-kuntest ta’ dan il-Protokoll skont il-proċeduri deskritti fl-Anness tiegħu.

Artikolu 2
Perjodu ta’ applikazzjoni u opportunitajiet tas-sajd

1.L-opportunitajiet tas-sajd mogħtija lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea skont l-Artikolu 5 tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd għandhom jiġu stabbiliti għal perjodu ta’ ħames snin li jibda mid-data meta tibda l-applikazzjoni provviżorja biex jippermettu l-qabdiet tal-ispeċijiet li jpassu ħafna (l-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness 1 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar tal-1982, b’mod partikulari t-tonn, il-pixxispad u l-klieb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniċi), bl-eċċezzjoni tal-ispeċijiet protetti jew ipprojbiti mill-ICCAT.

2.L-opportunitajiet tas-sajd għandhom jingħataw lil:

- 28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni;

- sitt bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ.

3.Il-paragrafi 1 u 2 ta’ hawn fuq għandhom japplikaw suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 6, 7 u 9 ta’ dan il-Protokoll.

Artikolu 3
Kontribuzzjoni finanzjarja — metodi ta’ pagament

1.Għall-perjodu msemmi fl-Artikolu 1, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 7 tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd għandha tkun ta’ EUR 4 200 000.

2.Il-kontribuzzjoni finanzjarja tinkludi:

(a)ammont annwali ta’ EUR 400 000 għall-aċċess għaż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe, li huwa ekwivalenti għal tunnellaġġ ta’ referenza ta’ 8 000 tunnellata fis-sena; u

(b)ammont speċifiku ta’ EUR 440 000 fis-sena għall-appoġġ għall-implimentazzjoni tal-politika settorjali tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe.

3.Barra minn hekk, l-ammont stmat tal-imposti ġġenerati matul sena mill-attivitajiet tal-bastimenti awtorizzati skont il-Protokoll, ikkalkulat abbażi tat-tunnellaġġ ta’ referenza indikat fil-paragrafu 2(a), jammonta għal medja ta’ EUR 560 000.

4.Il-paragrafu 2 ta’ hawn fuq għandu japplika suġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 4, 6, 7 u 9 ta’ dan il-Protokoll u tal-Artikoli 12 u 13 tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd.

5.Matul il-perjodu kollu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll, l-Unjoni Ewropea għandha tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2 bir-rata ta’ EUR 840 000 fis-sena, li tikkorrispondi għas-somma tal-ammonti annwali msemmijin fil-paragrafu 2(a) u (b).

6.Jekk il-kwantità totali annwali ta’ qabdiet mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe taqbeż it-tunnellaġġ annwali ta’ referenza indikat fil-paragrafu 2(a), il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali marbuta miegħu għandha tiżdied b’EUR 50 għal kull tunnellata addizzjonali maqbuda.

7.Il-ħlas għall-qabdiet addizzjonali għandu jsir skont il-ftehim dwar ir-rendikont finali previst fit-Taqsima 2 tal-Kapitolu II tal-Anness. Madankollu, l-ammont annwali li l-Unjoni Ewropea tħallas għal dawn il-qabdiet addizzjonali ma jistax jaqbeż id-doppju tal-ammont indikat fil-paragrafu 2(a). Meta l-ammont dovut mill-Unjoni għal dawn il-qabdiet addizzjonali jkun iktar mid-doppju tal-ammont annwali msemmi fil-paragrafu 2(a), l-ammont żejjed għandu jitħallas is-sena ta’ wara.

8.Il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2(a) għandu jsir mhux aktar tard minn 90 jum mid-data tal-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll fl-ewwel sena u sa mhux aktar tard mid-data tal-anniversarju tal-Protokoll fis-snin ta’ wara.

9.L-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe għandu jkollhom diskrezzjoni sħiħa b’rabta mal-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fil-paragrafu 2(a), skont il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba.

10.Il-kontribuzzjoni finanzjarja għandha titħallas f’kontijiet pubbliċi kif ġej: il-kontribuzzjoni prevista fil-paragrafu 2(a) għandha titħallas f’kont tat-Teżor Pubbliku miftuħ mal-Bank Ċentrali ta’ São Tomé u Príncipe; dik prevista fil-paragrafu 2(b) u dik prevista fil-paragrafu 7 għandhom jitħallsu fil-kont tal-Fond għall-iżvilupp tas-sajd u għandhom jiddaħħlu fil-baġit. Kull sena, l-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jgħarrfu lill-Kummissjoni Ewropea bin-numri tal-kontijiet bankarji rilevanti.

Artikolu 4
Appoġġ settorjali

1.L-appoġġ settorjali mogħti fil-kuntest ta’ dan il-Protokoll għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali tas-sajd u għall-iżvilupp tal-ekonomija marittima. L-għan tiegħu hu li jkun hemm ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd u li jiġi żviluppat is-settur, l-iktar permezz tal-affarijiet li ġejjin:

it-titjib tal-monitoraġġ, tal-kontroll u tas-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd;

it-titjib tal-għarfien xjentifiku dwar ir-riżorsi tas-sajd;

it-titjib fil-kwalità tal-prodotti tas-sajd;

l-appoġġ għall-iżvilupp tas-sajd fuq skala żgħira;

it-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali;

l-appoġġ għall-iżvilupp tal-akkwakultura.

2.Sa mhux aktar tard minn tliet xhur minn meta dan il-Protokoll jibda japplika b’mod provviżorju, il-Partijiet għandhom jaqblu, fil-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd, dwar programm settorjali pluriennali u dwar il-metodi tal-applikazzjoni tiegħu, u b’mod partikulari dwar dan li ġej:    

(a)il-linji gwida annwali u pluriennali għall-użu tal-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 3(2)(b);

(b)l-għanijiet annwali u pluriennali li għandhom jintlaħqu sabiex jingħata kontribut għal sajd sostenibbli u responsabbli, filwaqt li jitqiesu l-prijoritajiet li São Tomé u Príncipe esprimew b’rabta mal-politika tas-sajd;

(c)il-kriterji u l-proċeduri li għandhom jintużaw biex jiġu evalwati r-riżultati miksubin fuq bażi annwali.

3.L-emendi fl-għanijiet u fl-azzjonijiet li jinsabu fil-programm settorjali annwali jew pluriennali għandhom jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni Ewropea minn qabel. F’każ li din toġġezzjona għalihom, il-Kumitat Konġunt jista’ jiġi infurmat dwar dan u jintalab jieħu pożizzjoni dwar l-emenda prevista bil-ħsieb li l-Partijiet japprovawha u, jekk ikun hemm bżonn, għandu jagħmel dan permezz ta’ skambju ta’ ittri.

4.Kull sena, iż-żewġ Partijiet għandhom jevalwaw ir-riżultati tal-implimentazzjoni tal-programm settorjali pluriennali abbażi ta’ rapport bil-miktub ipprovdut mill-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe. F’każ li din l-evalwazzjoni tindika li l-kisba tal-għanijiet mhijiex konformi mal-ipprogrammar jew jekk il-Kumitat Konġunt iqis li l-implimentazzjoni mhijiex suffiċjenti, il-pagament tal-kontribuzzjoni finanzjarja jista’ jiġi rivedut jew sospiż.

5.Il-pagament ta’ din il-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jerġa’ jibda wara konsultazzjoni u ftehim bejn iż-żewġ Partijiet malli l-Kumitat Konġunt iqis li jkun sar progress sodisfaċenti fl-implimentazzjoni, jekk ikun hemm bżonn permezz ta’ skambju ta’ ittri. Madankollu, il-kontribuzzjoni finanzjarja speċifika prevista fl-Artikolu 3(2)(b) ma tistax titħallas wara perjodu ta’ sitt xhur minn meta jiskadi l-Protokoll.

Artikolu 5
Kooperazzjoni xjentifika u teknika għal sajd responsabbli

1.Tul il-perjodu li jkopri dan il-Protokoll, l-Unjoni Ewropea u São Tomé u Príncipe għandhom jintrabtu li jikkooperaw biex jissorveljaw il-qagħda tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe.

2.Iż-żewġ Partijiet għandhom jintrabtu li jippromwovu l-kooperazzjoni b’rabta mas-sajd responsabbli fil-livell tar-reġjun tal-Afrika Ċentrali.

3.Iż-żewġ Partijiet għandhom jintrabtu li jħarsu r-rakkomandazzjonijiet u r-riżoluzzjonijiet kollha tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT).

4.Skont l-Artikolu 4 tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd, abbażi tar-rakkomandazzjonijiet u tar-riżoluzzjonijiet li l-ICCAT tadotta u fid-dawl tal-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd dwar miżuri li jistgħu jittieħdu li jkollhom l-għan li jiżguraw ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet tal-ħut koperti minn dan il-Protokoll u li jolqtu l-attivitajiet tal-bastimenti tal-Unjoni Ewropea.

5.Sabiex ikun hemm ġestjoni tajba u konservazzjoni tal-klieb il-baħar, il-Partijiet għandhom jaqblu li jimmonitorjaw mill-qrib il-qabdiet ta’ dawn l-ispeċijiet permezz tal-iskambju tad-data dwar il-qabdiet kif previst fil-Kapitolu III tal-Anness. Meta dan ikun xieraq, il-Kumitat Konġunt għandu jadotta miżuri addizzjonali ta’ ġestjoni li jippermettulu jirregola aħjar l-attivitajiet tal-flotta tal-bastimenti tas-sajd bil-konz.

6.Iż-żewġ Partijiet għandhom jikkollaboraw bejniethom sabiex isaħħu l-mekkaniżmi ta’ kontroll, ta’ spezzjoni u ta’ ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat f’São Tomé u Príncipe.

Artikolu 6
Reviżjoni tal-opportunitajiet tas-sajd u tal-miżuri tekniċi

1.Il-Kumitat Konġunt jista’ jirrevedi l-opportunitajiet tas-sajd imsemmijin fl-Artikolu 1 sakemm din ir-reviżjoni tkun konformi mal-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet tal-ħut koperti minn dan il-Protokoll.

2.F’dan il-każ, il-kontribuzzjoni finanzjarja msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) għandha tiġi aġġustata pro rata temporis u l-emendi għandhom jiddaħħlu f’dan il-Protokoll u fl-Annessi tiegħu.

3.Il-Kumitat Konġunt jista’ jeżamina u, jekk ikun meħtieġ, jadatta jew jemenda, bi qbil reċiproku, id-dispożizzjonijiet marbutin mal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd u l-miżuri tekniċi li jimplimentaw dan il-Protokoll.

Artikolu 7
Opportunitajiet ġodda tas-sajd

1.Biex isir sajd li mhux kopert minn dan il-Protokoll, l-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe jistgħu jitolbu lill-Unjoni Ewropea tqis il-possibbiltà li jsir it-tali sajd. Jekk ma jkunx hemm biżżejjed data dwar il-qagħda tal-istokkijiet, il-Partijiet għandhom jiftehmu bejniethom dwar il-kundizzjonijiet li bihom jista’ jsir vjaġġ tas-sajd esploratorju, filwaqt li jqisu l-aqwa pariri xjentifiċi li jkunu ngħataw lill-esperti xjentifiċi taż-żewġ Partijiet.

2.Skont dawn ir-riżultati, u jekk l-Unjoni Ewropea tesprimi interess f’dan it-tip ta’ sajd, iż-żewġ Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin fil-Kumitat Konġunt qabel ma l-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe jagħtu xi awtorizzazzjoni. Jekk ikun il-każ, il-Partijiet għandhom jaqblu dwar il-kundizzjonijiet li japplikaw għal dawn l-opportunitajiet il-ġodda tas-sajd u għandhom jemendaw dan il-Protokoll u l-Anness tiegħu jekk ikun hemm bżonn.

Artikolu 8
Inċentivi għall-ħatt l-art u l-promozzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-operaturi ekonomiċi

1.Il-Partijiet għandhom jikkooperaw bejniethom biex itejbu l-possibbiltajiet biex il-qabdiet jinħattu l-art fil-portijiet ta’ São Tomé u Príncipe.

2.São Tomé u Príncipe għandhom jagħmlu ħilithom biex jimplimentaw strateġija u inċentivi biex iħeġġu l-ħatt l-art. Bħala parti minn din l-istrateġija, il-flotta tal-Unjoni Ewropea għandha tagħmel ħilitha biex tħott l-art parti mill-qabdiet tagħha, b’mod partikulari l-qabdiet inċidentali.

3.Il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex joħolqu l-kundizzjonijiet favorevoli għall-promozzjoni tar-relazzjonijiet tekniċi, ekonomiċi u kummerċjali bejn l-impriżi u biex jippromwovu ambjent adattat għall-iżvilupp tal-kummerċ u tal-investiment.

Artikolu 9
Sospensjoni tal-implimentazzjoni tal-Protokoll

1.L-implimentazzjoni ta’ dan il-Protokoll tista’ tiġi sospiża fuq inizjattiva ta’ waħda miż-żewġ Partijiet jekk ikun hemm xi waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin jew iktar:

(a)jekk ikun hemm ċirkustanzi mhux tas-soltu, kif iddefinit fl-Artikolu 2(h) tal-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd, li jipprevjenu l-attivitajiet tas-sajd milli jsiru fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe;

(b)jekk ikun hemm tibdil sinifikanti fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politika tas-sajd ta’ waħda mill-Partijiet li jaffettwa d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-Protokoll;

(c)jekk waħda miż-żewġ Partijiet tinnota ksur tal-elementi essenzjali tad-drittijiet tal-bniedem previsti fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta’ Cotonou, wara l-proċedura stabbilita fl-Artikoli 8 u 96 ta’ dak il-Ftehim;

(d)jekk l-Unjoni Ewropea tonqos milli tħallas il-kontribuzzjoni finanzjarja prevista fl-Artikolu 3(2)(a) għal raġunijiet oħrajn minbarra dawk previsti f’dan l-Artikolu;

(e)jekk ikun hemm tilwima serja mhux solvuta bejn iż-żewġ Partijiet dwar l-applikazzjoni jew l-interpretazzjoni ta’ dan il-Protokoll.

2.Biex tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-Protokoll, il-Parti kkonċernata trid tavża bil-miktub l-intenzjoni tagħha, mill-inqas tliet xhur qabel id-data meta din is-sospensjoni tkun se tidħol fis-seħħ.

3.F’każ ta’ sospensjoni, il-Partijiet għandhom ikomplu għaddejjin bil-konsultazzjonijiet sabiex isibu soluzzjoni amikevoli għat-tilwim ta’ bejniethom. Meta tinstab it-tali soluzzjoni, il-Protokoll għandu jerġa’ jibda jiġi applikat u l-ammont tal-kontribuzzjoni finanzjarja għandu jitnaqqas b’mod proporzjonat u pro rata temporis skont it-tul ta’ żmien li matulu kienet sospiża l-applikazzjoni tal-Protokoll.

Artikolu 10
Leġiżlazzjoni applikabbli

1.Il-liġijiet applikabbli ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jirregolaw l-attivitajiet tal-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea li jkunu qed jistadu fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe, sakemm il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd jew dan il-Protokoll flimkien mal-Anness u mal-Appendiċijiet tiegħu ma jipprevedux mod ieħor.

2.L-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jgħarrfu lill-Unjoni Ewropea b’kull bidla jew b’kull liġi ġdida li taffettwa s-settur tas-sajd. Il-bidliet għandhom jibdew japplikaw għall-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fi żmien 60 jum minn meta ssir din in-notifika.

3.Il-Kummissjoni Ewropea għandha tgħarraf lill-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe b’kull bidla jew b’kull liġi ġdida li taffettwa l-attivitajiet tas-sajd tal-flotta tal-Unjoni Ewropea ta’ distanzi twal.

Artikolu 11
Skambju elettroniku tal-informazzjoni

1.São Tomé u Príncipe u l-Unjoni Ewropea għandhom jintrabtu li jibdew iħaddmu u jżommu s-sistemi kompjuterizzati meħtieġa għall-iskambju elettroniku tal-informazzjoni u tad-dokumenti kollha marbutin mal-implimentazzjoni tal-Ftehim.

2.Il-verżjoni elettronika ta’ dokument f’kull każ għandha titqies li hija ekwivalenti għall-verżjoni stampata tiegħu.

3.São Tomé u Príncipe u l-Unjoni Ewropea għandhom jgħarrfu minnufih lil xulxin b’kull ħsara fis-sistema kompjuterizzata. F’dan il-każ, l-informazzjoni u d-dokumenti marbutin mal-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom jintbagħtu b’mod awtomatiku b’mod ieħor ta’ komunikazzjoni.

Artikolu 12
Kunfidenzjalità tad-data

1.São Tomé u Príncipe u l-Unjoni Ewropea għandhom jintrabtu li jittrattaw f’kull ħin id-data personali kollha marbuta mal-bastimenti tal-Unjoni Ewropea u mal-attivitajiet tas-sajd tagħhom miksuba fil-kuntest tal-Ftehim skont il-prinċipji tal-kunfidenzjalità u tal-protezzjoni tad-data.

2.Il-Partijiet għandhom jiżguraw li d-data aggregata marbuta mal-attivitajiet tas-sajd fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe biss titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, skont id-dispożizzjonijiet tal-ICCAT f’dan il-qasam.

3.Id-data li tista’ titqies bħala kunfidenzjali għandha tintuża mill-awtoritajiet kompetenti biss għall-implimentazzjoni tal-Ftehim u għall-finijiet tal-ġestjoni tas-sajd, tal-kontroll u tas-sorveljanza.

4.F’dak li għandu x’jaqsam mad-data personali li tibgħat l-Unjoni, il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi s-salvagwardji x-xierqa u r-rimedji legali skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (ir-Regolament (UE) 2016/679 tas-27 ta’ April 2016).

Artikolu 13
Tul ta’ żmien

Dan il-Protokoll għandu japplika għal perjodu ta’ ħames snin minn meta jibda japplika b’mod provviżorju skont l-Artikolu 15, sakemm ma jintemmx skont l-Artikolu 14.

Artikolu 14
Terminazzjoni

1.F’każ ta’ terminazzjoni ta’ dan il-Protokoll, il-Parti kkonċernata għandha tgħarraf bil-miktub lill-Parti l-oħra li hija jkun beħsiebha tagħmel dan mill-inqas sitt xhur qabel id-data li fiha tkun se tidħol fis-seħħ din it-terminazzjoni.

2.L-għoti tan-notifika kif imsemmi fil-paragrafu ta’ qabel għandu jagħti bidu għall-konsultazzjonijiet bejn il-Partijiet.

Artikolu 15
Applikazzjoni provviżorja

Dan il-Protokoll għandu japplika b’mod provviżorju mid-data tal-iffirmar tiegħu.

Artikolu 16
Dħul fis-seħħ

Dan il-Protokoll għandu jidħol fis-seħħ fid-data meta l-Partijiet jgħarrfu lil xulxin li lestew il-proċeduri meħtieġa għal dak il-għan.



ANNESS

Il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe

KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

1.Ħatra tal-awtorità kompetenti

Għall-finijiet ta’ dan l-Anness u sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, kull referenza għall-Unjoni Ewropea (l-UE) jew għal São Tomé u Príncipe bħala awtorità kompetenti għandha tfisser:

għall-UE: il-Kummissjoni Ewropea, jekk ikun hemm bżonn permezz tad-delegazzjoni tal-UE responsabbli għal São Tomé u Príncipe;

għal São Tomé u Príncipe: id-Direttorat tas-Sajd fil-Ministeru għas-Sajd.

2.Żona tas-sajd

Il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea li jaħdmu fil-kuntest ta’ dan il-Protokoll jistgħu jwettqu l-attivitajiet tagħhom fiż-żona ekonomika esklużiva (iż-ŻEE) ta’ São Tomé u Príncipe, ħlief għaż-żoni riżervati għas-sajd fuq skala żgħira u għas-sajd semi-industrijali.

Il-koordinati taż-ŻEE huma dawk li ġew innotifikati lin-Nazzjonijiet Uniti fis-7 ta’ Mejju 1998.

São Tomé u Príncipe għandhom jgħarrfu lill-Unjoni Ewropea mingħajr dewmien b’kull bidla fiż-żona tas-sajd.

3.Żoni li fihom ma jistax isir sajd u tbaħħir

Għandha tkun ipprojbita mingħajr eċċezzjoni kull attività tas-sajd fiż-żona maħsuba li tintuża b’mod konġunt minn São Tomé u Príncipe u n-Niġerja. Il-koordinati ta’ din iż-żona huma mogħtija fl-Appendiċi 1.

4.Kont bankarju

Qabel ma jidħol fis-seħħ il-Protokoll, São Tomé u Príncipe għandhom jibagħtu lill-UE d-dettalji tal-kont jew tal-kontijiet bankarji li fihom għandhom jitħallsu l-ammonti finanzjarji li l-bastimenti tas-sajd għandhom iħallsu skont il-Ftehim. L-ammonti li jridu jitħallsu b’rabta mat-trasferimenti bankarji għandhom iħallsuhom is-sidien tal-bastimenti.

5.Punti ta’ kuntatt

Iż-żewġ Partijiet għandhom jgħarrfu lil xulxin bil-punti ta’ kuntatt rispettivi tagħhom li jippermettu li tiġi skambjata l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll, b’mod partikulari dwar il-kwistjonijiet marbutin mal-iskambju tad-data aggregata dwar il-qabdiet u dwar l-isforz tas-sajd, dwar il-proċeduri marbutin mal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd u dwar l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali.

6.Lingwi ta’ ħidma

Il-Partijiet jaqblu li, sa fejn ikun possibbli, il-lingwi ta’ ħidma li għandhom jintużaw fil-laqgħat maħsubin biex jiġi implimentat dan il-Protokoll għandhom ikunu l-Portugiż u l-Franċiż.

KAPITOLU II
AWTORIZZAZZJONIJIET TAS-SAJD

Għall-finijiet tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness, it-terminu “awtorizzazzjoni tas-sajd” għandu jkun ekwivalenti għat-terminu “liċenzja tas-sajd” fil-leġiżlazzjoni ta’ São Tomé u Príncipe.

Taqsima 1: Proċeduri applikabbli

1.Prerekwiżiti biex tinkiseb awtorizzazzjoni tas-sajd

Il-bastimenti eliġibbli biss jistgħu jiksbu awtorizzazzjoni biex jistadu fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe.

Sabiex bastiment ikun eliġibbli, sid il-bastiment, il-kaptan u l-bastiment innifsu ma jridux ikunu pprojbiti milli jistadu f’São Tomé u Príncipe. Huma jridu jkunu f’qagħda regolari mal-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe, fis-sens li jridu jkunu ssodisfaw kull obbligu preċedenti li jkun ġej mill-attivitajiet tas-sajd tagħhom f’São Tomé u Príncipe fil-kuntest tal-ftehimiet dwar is-sajd konklużi mal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, huma jridu jkunu konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2017/2403 dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotot tas-sajd esterni.

2.Talba għal awtorizzazzjoni tas-sajd

L-awtoritajiet kompetenti tal-Unjoni Ewropea għandhom jibagħtu talba lill-Ministeru għas-Sajd ta’ São Tomé u Príncipe, b’mod elettroniku, għal kull bastiment li jkun jixtieq jistad skont il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd, mill-inqas 15-il jum tax-xogħol qabel jibda l-perjodu ta’ validità mitlub, u għandhom jibagħtu kopja ta’ din it-talba lid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea responsabbli għal São Tomé u Príncipe.

It-talbiet għandhom jintbagħtu lill-Ministeru għas-Sajd fuq formoli mfasslin skont il-mudell mogħti fl-Appendiċi 2.

Kull talba għal awtorizzazzjoni tas-sajd għandu jkollha magħha d-dokumenti li ġejjin:

prova li tħallsu l-ħlas b’rata fissa bil-quddiem u l-kontribuzzjonijiet b’rata fissa għall-osservaturi għall-perjodu ta’ validità tagħha;

ritratt riċenti bil-kulur tal-bastiment, meħud mill-ġenb;

kopja taċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni tal-bastiment;

jekk ikun il-każ, kull dokument ieħor meħtieġ skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli għal dak it-tip ta’ bastiment, innotifikat minn São Tomé u Príncipe fil-Kumitat Konġunt.

L-imposta annwali b’rata fissa għandha titħallas fl-istess kont tat-Teżor Pubbliku li jintuża għall-kontribuzzjoni prevista fl-Artikolu 3(2)(a).

L-imposti jinkludu t-taxxi nazzjonali u lokali kollha minbarra t-taxxi tal-portijiet u l-ispejjeż għall-provvista tas-servizzi.

L-ispeċijiet fil-mira jridu jiġu indikati b’mod ċar f’kull talba għal awtorizzazzjoni tas-sajd.

It-talba għal awtorizzazzjoni tas-sajd tista’ tinkludi notifika dwar l-intenzjoni li jinqatgħu b’mod parzjali x-xewk tal-klieb il-baħar abbord il-bastiment u li jsiru ħidmiet oħrajn abbord il-bastiment, bħat-tiswija tal-ħut.

3.Ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

Il-Ministeru għas-Sajd ta’ São Tomé u Príncipe għandu joħroġ l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd fi żmien 15-il jum tax-xogħol minn meta jirċievi d-dokumenti kollha msemmijin fil-punt 2 ta’ hawn fuq.

L-awtorizzazzjonijiet oriġinali għandhom jintbagħtu lill-Unjoni permezz tad-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea responsabbli għal São Tomé u Príncipe.

L-awtorizzazzjoni għandha tispeċifika l-ispeċijiet jew il-kategoriji li jistgħu jiġu mistada (it-tonn, il-pixxispad u l-klieb il-baħar awtorizzati).

Sabiex ma jkunx hemm dewmien fil-possibbiltà tal-bastimenti li jistadu fiż-żona, għandha tintbagħat kopja tal-awtorizzazzjoni tas-sajd lis-sidien tal-bastimenti b’mod elettroniku. Din il-kopja tista’ tintuża għal perjodu massimu ta’ 60 jum mid-data tal-ħruġ tal-awtorizzazzjoni tas-sajd. Matul dan il-perjodu, il-kopja se titqies bħala ekwivalenti għall-oriġinal.

4.Sostituzzjoni tal-awtorizzazzjoni tas-sajd b’mod eċċezzjonali

L-awtorizzazzjoni tas-sajd għandha tinħareġ f’isem bastiment speċifiku u ma għandhiex tkun tista’ tiġi ttrasferita. Madankollu, fuq talba tal-Unjoni Ewropea u f’każ ta’ prova ta’ forza maġġuri, l-awtorizzazzjoni tas-sajd ta’ bastiment tista’ tiġi rtirata u tista’ tinħareġ awtorizzazzjoni tas-sajd ġdida għal bastiment ieħor tal-istess kategorija għall-bqija tal-perjodu ta’ validità, skont proċeduri li jridu jiġu ddefiniti.

Sid il-bastiment għandu jirritorna l-awtorizzazzjoni tas-sajd inizjali lill-Ministeru għas-Sajd ta’ São Tomé u Príncipe. L-awtorizzazzjoni tas-sajd għall-bastiment li se jissostitwixxi lill-ieħor għandha tibda tgħodd minn dik id-data. São Tomé u Príncipe għandhom jgħarrfu lill-Unjoni Ewropea bit-trasferiment tal-awtorizzazzjoni tas-sajd u bid-data minn meta din tibda tgħodd.

5.Żamma abbord tal-awtorizzazzjoni tas-sajd

L-awtorizzazzjoni tas-sajd trid tinżamm abbord il-ħin kollu, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-punt 3 ta’ din it-Taqsima.

6.Bastimenti ta’ appoġġ

Fuq talba tal-Unjoni Ewropea u wara analiżi mill-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe, dan il-pajjiż jawtorizza lill-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd sabiex jiġu megħjuna minn bastimenti ta’ appoġġ.

Il-bastimenti ta’ appoġġ ma jistgħux ikunu mgħammra għas-sajd. It-tali appoġġ la jista’ jinkludi l-provvista tal-fjuwil u lanqas it-trażbord tal-qabdiet.

Il-bastimenti ta’ appoġġ għandhom ikunu suġġetti għall-istess proċedura għat-trażmissjoni tat-talbiet għal awtorizzazzjoni tas-sajd imsemmija f’dan il-Kapitolu, sa fejn din tkun tapplika għalihom. São Tomé u Príncipe għandhom jistabbilixxu l-lista tal-bastimenti ta’ appoġġ awtorizzati u jibagħtuha minnufih lill-Unjoni Ewropea.

Għandha titħallas imposta annwali ta’ EUR 3 500 għal dawn il-bastimenti, li trid titħallas lill-Fond għall-iżvilupp tas-sajd imsemmi fl-Artikolu 3 tal-Protokoll.

Taqsima 2: Imposti u ħlasijiet bil-quddiem

1.L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom ikunu validi għal sena.

2.Għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni u għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ, l-imposta f’euro għal kull tunnellata maqbuda fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe hija ta’ EUR 70 għall-perjodu kollu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll.

3.L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd għandhom jinħarġu wara li jitħallsu l-imposti annwali b’rata fissa li ġejjin:

(a)għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni: EUR 9 100 għal kull bastiment, li huma daqs l-imposti dovuti għal 130 tunnellata;

(b)għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ: EUR 3 255 għal kull bastiment, li huma daqs l-imposti dovuti għal 46,5 tunnellata.

L-imposti għandhom jitħallsu fil-kont tat-Teżor Pubbliku li jintuża għall-ħlas tal-kontribuzzjoni msemmija fl-Artikolu 3(2)(a) marbuta mal-aċċess.

4.Abbażi tad-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet tiegħu, għal kull bastiment l-Unjoni għandha tistabbilixxi kalkolu tal-qabdiet u kalkolu tal-imposti li jridu jitħallsu mill-bastiment għall-istaġun annwali tiegħu għas-sena kalendarja ta’ qabel. Hija għandha tibgħat dawn il-kalkoli finali lill-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe, u lil sid il-bastiment permezz tal-Istati Membri, qabel it-30 ta’ Ġunju tas-sena li tkun għaddejja. São Tomé u Príncipe jistgħu jikkontestaw dawn il-kalkoli finali fi żmien 30 jum minn meta jirċevuhom, abbażi ta’ evidenza ddokumentata. Fil-każ ta’ nuqqas ta’ qbil, il-Partijiet għandhom jikkonsultaw lil xulxin, jekk ikun hemm bżonn fil-Kumitat Konġunt. Jekk São Tomé u Príncipe ma joġġezzjonawx fi żmien it-30 jum imsemmijin hawn fuq, il-kalkoli finali għandhom jitqiesu li ġew adottati.

5.Meta l-kalkolu finali jkun ikbar mill-imposta b’rata fissa li tkun tħallset minn qabel biex inkisbet l-awtorizzazzjoni tas-sajd, sid il-bastiment għandu jħallas il-bilanċ pendenti lil São Tomé u Príncipe fi żmien 45 jum, sakemm ma jikkontestax il-kalkolu huwa stess. Il-bilanċ pendenti għandu jitħallas fil-kont tal-Fond għall-iżvilupp. Madankollu, meta l-kalkolu finali jkun inqas mill-imposta b’rata fissa li tkun tħallset minn qabel, sid il-bastiment ma jkunx jista’ jirkupra l-ammont li jifdal.

KAPITOLU III
MONITORAĠĠ U DIKJARAZZJONI TAL-QABDIET

Taqsima 1: Ġurnali elettroniċi ta’ abbord tas-sajd

1.Il-kaptan ta’ bastiment tal-Unjoni Ewropea li jkun qed iwettaq attivitajiet tas-sajd skont il-Ftehim għandu jżomm ġurnal elettroniku ta’ abbord tas-sajd integrat f’sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar (ERS).

2.Bastiment li ma jkunx mgħammar b’ERS ma għandux ikun awtorizzat jidħol fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe biex iwettaq attivitajiet tas-sajd fiha.

3.Il-kaptan għandu jkun responsabbli għall-preċiżjoni tad-data rreġistrata fil-ġurnal elettroniku ta’ abbord tas-sajd. Il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd għandu jkun konformi mar-riżoluzzjonijiet u mar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT applikabbli.

4.Kuljum, il-kaptan għandu jniżżel l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi maqbuda jew miżmuma abbord jew mormija lura l-baħar, għal kull ħidma tas-sajd. L-istimi tal-kwantitajiet ta’ speċi maqbuda jew mormija lura l-baħar għandhom jiddaħħlu jkun xi jkun il-piż ikkonċernat.

5.Jekk bastiment ikun fiż-żona tas-sajd mingħajr ma jwettaq attività tas-sajd, għandha tiġi rreġistrata l-pożizzjoni tiegħu f’nofsinhar.

6.Id-data tal-ġurnal ta’ abbord tas-sajd għandha tintbagħat kuljum, b’mod awtomatiku, liċ-Ċentru tal-Monitoraġġ tas-Sajd (iċ-ĊMS) tal-Istat tal-bandiera. It-trażmissjonijiet għandhom jinkludu tal-inqas l-affarijiet li ġejjin:

(a)in-numri ta’ identifikazzjoni tal-bastiment tas-sajd u ismu;

(b)il-kodiċi alfa-3 tal-FAO ta’ kull speċi;

(c)iż-żona ġeografika rilevanti fejn saru l-qabdiet;

(d)id-data meta nqabad il-ħut u, jekk ikun il-każ, il-ħin li fih ikun inqabad;

(e)id-data u l-ħin tat-tluq mill-port u tal-wasla fih u t-tul taż-żmien tal-vjaġġ tas-sajd;

(f)it-tip ta’ rkaptu li jkun intuża, l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi u d-daqsijiet;

(g)l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi miżmuma abbord, mogħtija f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun il-każ, fl-għadd ta’ ħut individwali;

(h)l-istima tal-kwantitajiet ta’ kull speċi mormija lura l-baħar, mogħtija f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun il-każ, fl-għadd ta’ ħut individwali.

7.L-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li din id-data tasal u tiġi rreġistrata f’bażi tad-data elettronika li tippermetti li din id-data tinżamm b’mod sigur għal mill-inqas 36 xahar.

8.L-Istat tal-bandiera u São Tomé u Príncipe għandhom jiżguraw li huma jkollhom it-tagħmir tal-informatika u s-softwer meħtieġa għat-trażmissjoni awtomatika tad-data tal-ERS. It-trażmissjoni tad-data tal-ERS trid issir bl-użu tal-mezzi elettroniċi ta’ komunikazzjoni mmaniġġjati mill-Kummissjoni Ewropea għall-iskambji standardizzati tad-data dwar is-sajd. L-emendi fl-istandards għandhom jiġu implimentati fi żmien sitt xhur.

9.Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li l-ġurnali ta’ abbord tas-sajd jitqiegħdu b’mod awtomatiku għad-dispożizzjoni taċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe permezz tal-ERS, kuljum għall-perjodu li matulu l-bastiment ikun fiż-żona tas-sajd, anki meta dan ma jkun qabad xejn.

10.L-arranġamenti biex l-informazzjoni dwar il-qabdiet tintbagħat permezz tal-ERS u l-proċeduri f’każ li din ikollha l-ħsara huma ddefiniti fl-Appendiċi 4.

11.L-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jittrattaw id-data dwar l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti individwali b’mod kunfidenzjali u sigur.

Taqsima 2: Data aggregata dwar il-qabdiet

1.Kull tliet xhur, l-Istat tal-bandiera għandu jdaħħal il-kwantitajiet tal-qabdiet u tal-qbid skartat ta’ kull bastiment, aggregati għal kull xahar, fil-bażi tad-data miżmuma mill-Kummissjoni Ewropea. Għall-ispeċijiet li għalihom hemm qabdiet totali permissibbli skont il-Protokoll jew skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, il-kwantitajiet għandhom jingħataw kull xahar għax-xahar ta’ qabel.

2.L-Istat tal-bandiera għandu jivverifika d-data permezz ta’ kontroverifiki mad-data dwar il-ħatt l-art, dwar il-bejgħ, dwar l-ispezzjonijiet jew dwar l-osservazzjonijiet, kif ukoll ma’ kull informazzjoni rilevanti li l-awtoritajiet ikunu jafu biha. L-aġġornamenti tal-bażi tad-data li jkunu meħtieġa wara dawn il-verifiki għandhom isiru mill-aktar fis possibbli. Għall-verifiki għandhom jintużaw il-koordinati ġeografiċi taż-żona tas-sajd kif stabbiliti skont dan il-Protokoll.

3.Qabel jintemm kull perjodu ta’ tliet xhur, l-Unjoni Ewropea għandha tipprovdi data aggregata meħuda mill-bażi tad-data lill-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe għall-perjodi ta’ tliet xhur tas-sena li tkun għaddejja li jkunu għaddew, li tkun tindika l-kwantitajiet tal-qabdiet għal kull bastiment, għal kull xahar ta’ qabda u għal kull speċi. Din id-data hija provviżorja u tista’ tinbidel.

4.Il-pajjiż sieħeb għandu janalizzaha u jindika kull inkonsistenza kbira li jista’ jkun hemm mad-data tal-ġurnali elettroniċi ta’ abbord tas-sajd ipprovduti permezz tal-ERS. L-Istati tal-bandiera għandhom jinvestigaw dan u jaġġornaw id-data kif meħtieġ.

KAPITOLU IV

MONITORAĠĠ, KONTROLL U SORVELJANZA 
Taqsima 1: Kontroll u spezzjoni

Il-bastimenti tas-sajd tal-Unjoni Ewropea jridu jħarsu l-miżuri u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-ICCAT f’dak li għandu x’jaqsam mal-irkaptu tas-sajd, mal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tagħhom u ma’ kull miżura teknika oħra li tapplika għall-attivitajiet tas-sajd tagħhom u għall-qabdiet tagħhom.

1.Dħul fiż-żona tas-sajd u ħruġ minnha

Il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea li jkunu qed jaħdmu fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe skont dan il-Protokoll għandhom jgħarrfu lill-awtoritajiet kompetenti ta’ São Tomé u Príncipe, mill-inqas tliet sigħat qabel, li huma jkun beħsiebhom jidħlu fiż-ŻEE ta’ São Tomé u Príncipe jew li jkun beħsiebhom joħorġu minnha.

Meta jkunu qed jinnotifikaw id-dħul tagħhom fiż-ŻEE ta’ São Tomé u Príncipe jew il-ħruġ tagħhom minn din iż-żona, il-bastimenti jridu jibagħtu wkoll, fl-istess ħin, il-pożizzjoni tagħhom, kif ukoll il-qabdiet li diġà jkollhom abbord, identifikati bil-kodiċi alfa-3 tal-FAO tagħhom, mogħtija f’kilogrammi ta’ piż ħaj jew, jekk ikun il-każ, fl-għadd ta’ ħut individwali.

Din l-informazzjoni trid tintbagħat permezz tal-ERS jew inkella permezz tal-posta elettronika fl-indirizz li jkunu bagħtu l-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe.

Bastiment li jinqabad jistad mingħajr ma jkun innotifika l-intenzjoni tiegħu li jidħol fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe għandu jitqies bħala bastiment mingħajr awtorizzazzjoni tas-sajd u għandu jkun suġġett għall-konsegwenzi previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

2.Proċeduri ta’ spezzjoni

L-ispezzjoni fuq il-baħar, fil-port jew fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe tal-bastimenti tal-Unjoni Ewropea li jkollhom awtorizzazzjoni tas-sajd għandha ssir minn spetturi ta’ São Tomé u Príncipe li jkunu identifikati b’mod ċar bħala spetturi maħturin sabiex iwettqu l-verifiki tas-sajd, u li jużaw bastimenti li jkunu għas-servizz tal-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe.

Qabel ma jitilgħu abbord, l-ispetturi ta’ São Tomé u Príncipe għandhom javżaw lill-bastiment tal-Unjoni Ewropea bid-deċiżjoni tagħhom li jwettqu spezzjoni. L-ispezzjoni għandha ssir minn mhux iktar minn żewġ spetturi, li jridu jipprovdu prova tal-identità u tal-pożizzjoni uffiċjali tagħhom bħala spetturi qabel ma jwettqu l-ispezzjoni.

L-ispetturi ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jibqgħu abbord il-bastiment tal-Unjoni Ewropea għall-ħin meħtieġ sabiex iwettqu l-kompiti marbutin mal-ispezzjoni biss. Huma għandhom iwettqu l-ispezzjoni b’mod li jnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt tagħha fuq il-bastiment u fuq l-attività tas-sajd u l-merkanzija tiegħu.

L-immaġnijiet (ir-ritratti jew il-vidjows) li jittieħdu waqt l-ispezzjonijiet huma maħsubin għall-awtoritajiet responsabbli għall-kontroll u għas-sorveljanza tas-sajd. Dawn ma jistgħux jiġu ppubblikati sakemm il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma tipprevedix mod ieħor.

Il-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni Ewropea għandu jiffaċilita l-imbark tal-ispetturi ta’ São Tomé u Príncipe u għandu jiffaċilitalhom xogħolhom.

Fi tmiem kull spezzjoni, l-ispetturi ta’ São Tomé u Príncipe għandhom ifasslu rapport tal-ispezzjoni. Il-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni Ewropea għandu d-dritt jagħmel xi kummenti fir-rapport tal-ispezzjoni. Ir-rapport tal-ispezzjoni għandu jiġi ffirmat mill-ispettur li jkun fasslu u mill-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni Ewropea.

L-iffirmar tar-rapport tal-ispezzjoni min-naħa tal-kaptan għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ sid il-bastiment li jiddefendi ruħu waqt xi proċedura ta’ ksur li jista’ jkun hemm. Meta tkun qed issir il-proċedura tal-ispezzjoni, il-kaptan tal-bastiment għandu jikkoopera. Jekk il-kaptan jirrifjuta li jiffirma d-dokument, irid jagħti r-raġunijiet għal dan bil-miktub u l-ispettur irid iniżżel il-kliem “irrifjuta li jiffirma” fuq id-dokument. L-ispetturi ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jagħtu kopja tar-rapport tal-ispezzjoni lill-kaptan tal-bastiment tal-Unjoni Ewropea qabel ma jinżlu minn fuq il-bastiment. L-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jgħarrfu lill-Unjoni Ewropea bl-ispezzjonijiet li jkunu wettqu fi żmien 24 siegħa minn meta jkunu twettqu u bil-ksur li seta’ ġie nnutat, u għandhom jibagħtulha r-rapport tal-ispezzjoni. Jekk ikun il-każ, kopja tal-att ta’ akkuża li joħroġ minn dawn l-ispezzjonijiet għandha tintbagħat lill-Unjoni Ewropea fi żmien massimu ta’ sebat ijiem minn meta l-ispettur jerġa’ lura fil-port.

3.Ħidmiet awtorizzati abbord

L-awtorizzazzjonijiet tas-sajd li São Tomé u Príncipe joħorġu għandhom jindikaw liema huma l-ħidmiet awtorizzati abbord, bħat-tiswija tal-ħut u l-qtugħ parzjali tax-xewk tal-klieb il-baħar.

4.Trażbord u ħatt l-art

Il-bastimenti kollha tal-Unjoni Ewropea li jkunu qed jaħdmu fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe skont dan il-Protokoll li jwettqu trażbord fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jagħmlu dan fil-portijiet ta’ Fernão Dias, Neves u Ana Chaves.

Jekk is-sidien ta’ dawn il-bastimenti jew ir-rappreżentanti tagħhom ikunu jixtiequ jwettqu trażbord jew ħatt l-art, għandhom jibagħtu l-informazzjoni li ġejja lill-awtoritajiet kompetenti ta’ São Tomé u Príncipe mill-inqas 48 siegħa qabel:

(a)l-ismijiet tal-bastimenti tas-sajd involuti fit-trażbord jew fil-ħatt l-art;

(b)isem il-bastiment tal-merkanzija;

(c)it-tunnellaġġ, għal kull speċi, li jkun se jiġi ttrażbordat jew li jkun se jinħatt l-art;

(d)il-jum tat-trażbord jew tal-ħatt l-art;

(e)id-destinazzjoni tal-qabdiet li jkunu ġew ittrażbordati jew li jkunu nħattu l-art.

In-notifika lil São Tomé u Príncipe tista’ ssir permezz tal-ERS jew bil-posta elettronika.

It-trażbord fuq il-baħar huwa pprojbit.

Il-kaptani tal-bastimenti għandhom jibagħtu d-dikjarazzjonijiet tal-qabdiet tagħhom lill-awtoritajiet kompetenti ta’ São Tomé u Príncipe u għandhom jgħarrfuhom jekk hux beħsiebhom ikomplu jistadu jew hux beħsiebhom joħorġu mill-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe.

Fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe ma jista’ jsir l-ebda trażbord jew ħatt l-art tal-qabdiet li mhux imsemmi fil-punti ta’ hawn fuq. Kull persuna li tikser din id-dispożizzjoni għandha tkun suġġetta għall-pieni previsti mir-regolamenti ta’ São Tomé u Príncipe li jkunu fis-seħħ.

Taqsima 2: Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti bis-satellita (VMS)

Kull bastiment tal-Unjoni Ewropea awtorizzat skont dan il-Protokoll irid ikun mgħammar b’sistema ta’ monitoraġġ bis-satellita, minn hawn ’il quddiem imsejħa “VMS” (Sistema ta’ Monitoraġġ tal-Bastimenti — VMS).

Huwa pprojbit li wieħed iċaqlaq, jitfi, jeqred, jagħmel ħsara jew jiddiżattiva s-sistema ta’ monitoraġġ kontinwu tal-pożizzjoni permezz tal-komunikazzjoni bis-satellita li tkun abbord il-bastiment għat-trażmissjoni tad-data, jew li wieħed jibdel bi ħsieb, ibagħbas jew jiffalsifika d-data li din is-sistema tittrażmetti jew tirreġistra.

Il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea għandhom jibagħtu l-pożizzjoni tagħhom b’mod awtomatiku u kontinwu liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tagħhom, tal-inqas kull siegħa fil-każ tal-bastimenti tas-sajd bit-tartaruni u tal-inqas kull sagħtejn fil-każ tal-bastimenti l-oħrajn kollha. Din il-frekwenza tista’ tiżdied bħala parti minn miżuri ta’ investigazzjoni tal-attivitajiet ta’ bastiment.

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li l-pożizzjonijiet tal-VMS ikunu disponibbli b’mod awtomatiku għall-perjodu li matulu l-bastiment ikun fiż-żona tas-sajd.

Kull messaġġ dwar il-pożizzjoni jrid ikun fih l-informazzjoni li ġejja:

(a)l-identifikazzjoni tal-bastiment;

(b)il-pożizzjoni ġeografika l-iżjed riċenti tal-bastiment (il-lonġitudni u l-latitudni), b’marġni ta’ żball tal-pożizzjoni ta’ inqas minn 500 metru, u b’intervall ta’ kunfidenza ta’ 99 %;

(c)id-data u l-ħin li fihom tkun ġiet irreġistrata l-pożizzjoni;

(d)il-veloċità tal-bastiment u d-direzzjoni li fiha jkun qed jivvjaġġa.

L-arranġamenti biex l-informazzjoni dwar il-pożizzjonijiet tal-bastimenti tintbagħat permezz tal-VMS u l-proċeduri f’każ li din ikollha l-ħsara huma ddefiniti fl-Appendiċi 5.

Iċ-ĊMS għandhom jikkomunikaw bejniethom fil-kuntest tas-sorveljanza tal-attivitajiet tal-bastimenti.

KAPITOLU V
IMBARK TAL-BAĦRIN

1.Għadd ta’ baħrin li għandhom jittellgħu abbord:

Huma u jwettqu l-attivitajiet tas-sajd tagħhom fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe, il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea huma obbligati jtellgħu abbord baħrin minn São Tomé u Príncipe bil-kundizzjonijiet u fil-limiti li ġejjin:

(a)fil-każ tal-flotta tal-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni, sitt baħrin b’kollox għall-flotta kollha għall-ewwel sena tal-Protokoll, tmien baħrin b’kollox għat-tieni sena tal-Protokoll u għaxar baħrin fis-sena b’kollox għall-aħħar tliet snin tal-Protokoll;

(b)fil-każ tal-flotta tal-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ, żewġ baħrin fis-sena b’kollox għall-flotta kollha.

2.Dan l-obbligu tal-imbark jiddependi mill-fatt li l-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe jibagħtu lista ta’ baħrin kapaċi u kkwalifikati lill-Unjoni Ewropea qabel ma jibda japplika l-Protokoll, u mbagħad f’Jannar ta’ kull sena. Is-sidien tal-bastimenti għandhom jimpjegaw lill-baħrin minn fost dawk imniżżlin f’din il-lista.

3.Il-kwalifiki meħtieġa għall-baħrin minn São Tomé u Príncipe huma mogħtija fl-Appendiċi 6.

4.Sid il-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu għandu jibgħat ismijiet il-baħrin li jkunu ttellgħu abbord il-bastiment ikkonċernat lill-awtorità kompetenti ta’ São Tomé u Príncipe, filwaqt li jsemmi l-pożizzjoni tagħhom fl-ekwipaġġ.

5.Id-Dikjarazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (l-ILO) dwar il-Prinċipji u d-Drittijiet Fundamentali fuq ix-Xogħol għandha tapplika bis-sħiħ għall-baħrin li jittellgħu abbord il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea. Din għandha x’taqsam b’mod partikulari mal-libertà tal-assoċjazzjoni, mar-rikonoxximent effettiv tad-dritt għan-negozjar kollettiv u mat-tneħħija tad-diskriminazzjoni marbuta mal-impjiegi u max-xogħol.

6.Il-kuntratti tax-xogħol tal-baħrin minn São Tomé u Príncipe għandhom jitfasslu bejn is-sidien tal-bastimenti jew ir-rappreżentanti tagħhom u l-baħrin u/jew it-trejdjunjins tagħhom jew ir-rappreżentanti tagħhom, u l-Ministeru għax-Xogħol, il-Ministeru għas-Sajd u l-firmatarji ta’ dawn il-kuntratti għandhom jingħataw kopja tagħhom. Lill-baħrin, dawn il-kuntratti għandhom jiżgurawlhom il-benefiċċju ta’ sistema tas-sigurtà soċjali li tkun tapplika għalihom, skont il-leġiżlazzjoni applikabbli, fosthom assigurazzjoni fuq il-ħajja, assigurazzjoni medika u assigurazzjoni f’każ ta’ inċident.

7.Il-pagi tal-baħrin għandhom iħallsuhom is-sidien tal-bastimenti. Dawn il-pagi għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn is-sidien tal-bastimenti jew ir-rappreżentanti tagħhom u l-baħrin u/jew it-trejdjunjins tagħhom jew ir-rappreżentanti tagħhom. Madankollu, il-kundizzjonijiet tal-pagi tal-baħrin ma jistgħux ikunu agħar minn dawk applikati għall-ekwipaġġi tal-pajjiżi rispettivi tagħhom u, fi kwalunkwe każ, ma jistgħux ikunu agħar minn dawk stabbiliti fl-istandards tal-ILO.

8.Kull baħri impjegat mill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea jrid jirrapporta lill-kaptan tal-bastiment li għalih ikun ingħażel lejlet id-data proposta għall-imbark tiegħu. Jekk il-baħri ma jitfaċċax fid-data u fil-ħin previsti għall-imbark, jew jekk il-baħri ma jkollux il-kwalifiki meħtieġa, sid il-bastiment għandu jinħeles b’mod awtomatiku mill-obbligu tiegħu li jtellgħu abbord.

9.Jekk għal raġunijiet eċċezzjonali ġġustifikati mis-sidien tal-bastimenti, il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea ma jkunux jistgħu jtellgħu abbord l-għadd ta’ baħrin minn São Tomé u Príncipe previst fil-punt 1, huma jridu jħallsu ammont b’rata fissa ta’ EUR 20 għal kull baħri li ma jkunx ittella’ abbord u għal kull jum li matulu l-bastiment ikun fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe. Il-Kumitat Konġunt għandu jfassal rapport regolari dwar l-imbark tal-baħrin minn São Tomé u Príncipe.

KAPITOLU VI

OSSERVATURI

1.Osservazzjoni tal-attivitajiet tas-sajd

Sa ma tiġi implimentata sistema ta’ osservaturi reġjonali, il-bastimenti li huma awtorizzati jistadu fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe skont il-Ftehim għandhom itellgħu abbord, minflok l-osservaturi reġjonali, osservaturi magħżulin minn São Tomé u Príncipe skont ir-regoli stabbiliti f’dan il-Kapitolu.

2.Bastimenti u osservaturi magħżulin

Il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea li jkunu qed jaħdmu fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe skont dan il-Protokoll għandhom itellgħu abbord osservaturi magħżulin mill-Ministeru għas-Sajd ta’ São Tomé u Príncipe bil-kundizzjonijiet stabbiliti hawn taħt:

(a)fuq talba tal-awtoritajiet kompetenti ta’ São Tomé u Príncipe, il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea għandhom itellgħu abbord osservatur magħżul minnha li jkollu l-kompitu li jivverifika l-qabdiet li jkunu saru fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe;

(b)l-awtoritajiet kompetenti ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jistabbilixxu l-lista ta’ bastimenti magħżulin biex fuqhom jittella’ osservatur abbord, kif ukoll il-lista tal-osservaturi magħżulin biex jittellgħu abbord. Dawn il-listi għandhom jinżammu aġġornati. Għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni Ewropea malli jiġu stabbiliti u wara kull tliet xhur f’każ li jiġu aġġornati;

(c)meta tinħareġ l-awtorizzazzjoni tas-sajd jew sa mhux aktar tard minn 15-il jum qabel id-data prevista biex l-osservatur jittella’ abbord, l-awtoritajiet kompetenti ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jgħarrfu lill-Unjoni Ewropea u lis-sidien tal-bastimenti kkonċernati, jekk jista’ jkun permezz tal-posta elettronika, bl-isem tal-osservatur magħżul biex jittella’ abbord il-bastiment;

(d)l-osservatur għandu jibqa’ abbord il-bastiment għal vjaġġ wieħed tas-sajd. Madankollu, fuq talba espliċita tal-awtoritajiet kompetenti ta’ São Tomé u Príncipe, il-perjodu li matulu l-osservatur jibqa’ abbord jista’ jiġi estiż għal diversi vjaġġi skont it-tul taż-żmien medju tal-vjaġġi previsti għall-bastiment partikolari. Din it-talba għandha tagħmilha l-awtorità kompetenti meta tinnotifika isem l-osservatur li jkun intgħażel biex jittella’ abbord il-bastiment ikkonċernat.

3.Kundizzjonijiet tal-imbark u tal-iżbark

(a)Il-kundizzjonijiet biex l-osservatur jittella’ abbord għandhom jiġu stabbiliti bi ftehim reċiproku bejn sid il-bastiment jew ir-rappreżentant tiegħu u l-awtorità kompetenti.

(b)L-osservatur għandu jittella’ abbord u jitniżżel f’port magħżul minn sid il-bastiment. L-osservatur għandu jittella’ abbord fil-bidu tal-ewwel vjaġġ fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe wara li tiġi nnotifikata l-lista tal-bastimenti magħżulin.

(c)Fi żmien ġimagħtejn u b’avviż ta’ għaxart ijiem minn qabel, is-sidien tal-bastimenti kkonċernati għandhom jinnotifikaw id-dati u l-portijiet tas-sottoreġjun previsti għall-imbark u għall-iżbark tal-osservaturi.

(d)Jekk l-osservatur jittella’ abbord f’pajjiż ieħor minbarra São Tomé u Príncipe, l-ispejjeż tal-vjaġġ tiegħu għandu jħallashom sid il-bastiment. Jekk bastiment li jkollu osservatur abbord joħroġ miż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe, iridu jittieħdu l-miżuri kollha biex jiġi żgurat li l-osservatur jirritorna lura lejn pajjiżu malajr kemm jista’ jkun, u l-ispejjeż għal dan għandu jħallashom sid il-bastiment.

(e)Jekk l-osservatur ma jitfaċċax fil-post u fil-ħin miftehma u fi żmien 12-il siegħa minn dak il-ħin, sid il-bastiment għandu jinħeles b’mod awtomatiku mill-obbligu tiegħu li jtellgħu abbord.

(f)Il-kaptan għandu jagħmel dak kollu li jista’ biex jiżgura s-sikurezza fiżika u morali tal-osservatur waqt li jkun qed jaqdi dmirijietu.

(g)L-osservatur għandu jingħata l-faċilitajiet kollha meħtieġa biex iwettaq dmirijietu. Il-kaptan għandu jagħtih aċċess għall-mezzi ta’ komunikazzjoni meħtieġa biex iwettaq il-kompiti tiegħu, għad-dokumenti marbutin b’mod dirett mal-attivitajiet tas-sajd tal-bastiment inkluż, b’mod partikulari, il-ġurnal ta’ abbord tas-sajd u l-ġurnal tan-navigazzjoni, kif ukoll għall-partijiet tal-bastiment li huma meħtieġa biex ikun jista’ jwettaq b’mod iktar faċli l-kompiti tiegħu.

(h)Sid il-bastiment għandu jħallas l-ispejjeż tal-akkomodazzjoni u tal-ikel tal-osservaturi bl-istess kundizzjonijiet li japplikaw għall-uffiċjali, skont il-possibbiltajiet prattiċi tal-bastiment.

(i)Il-paga u l-kontribuzzjonijiet soċjali tal-osservatur għandhom iħallsuhom São Tomé u Príncipe.

4.Kontribuzzjoni finanzjarja b’rata fissa

Sabiex jikkontribwixxi għall-ispejjeż ta’ implimentazzjoni marbutin mal-kollokament tal-osservaturi, meta jħallas il-ħlas b’rata fissa bil-quddiem, sid il-bastiment għandu jħallas ammont ta’ EUR 250 fis-sena għal kull bastiment fl-istess kont użat għall-ħlasijiet b’rata fissa bil-quddiem.

5.Kompiti tal-osservatur

Meta jkun abbord, l-osservatur għandu jiġi ttrattat bħala uffiċjal. Meta l-bastiment ikun qed jaħdem fl-ilmijiet ta’ São Tomé u Príncipe, huwa għandu jwettaq il-kompiti li ġejjin:

(a)huwa għandu josserva l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti;

(b)għandu jivverifika l-pożizzjoni tal-bastimenti li jkunu qed iwettqu l-ħidmiet tas-sajd;

(c)għandu jieħu nota tal-irkaptu tas-sajd użat;

(d)għandu jivverifika d-data dwar il-qabdiet li jkunu saru fiż-żona tas-sajd ta’ São Tomé u Príncipe li tkun irrappurtata fil-ġurnal ta’ abbord tas-sajd;

(e)għandu jivverifika l-perċentwali tal-qabdiet inċidentali u jagħti stima tal-qabdiet skartati tal-ispeċijiet tal-ħut li huma tajbin għall-kummerċ;

(f)għandu jibgħat id-data dwar is-sajd lill-awtorità kompetenti tiegħu b’kull mezz xieraq, inkluża l-kwantità tal-qabdiet ewlenin u tal-qabdiet inċidentali abbord.

6.Obbligi tal-osservatur

Waqt li jkun abbord, l-osservatur għandu:

(a)jieħu l-miżuri x-xierqa kollha sabiex il-kundizzjonijiet tal-imbark tiegħu, kif ukoll il-preżenza tiegħu abbord il-bastiment, la jinterrompu u lanqas ma jfixklu l-ħidmiet tas-sajd;

(b)iħares il-proprjetà u t-tagħmir li jkun hemm abbord, kif ukoll il-kunfidenzjalità ta’ kull dokument ta’ dak il-bastiment;

(c)fi tmiem il-perjodu tal-osservazzjoni u qabel ma jinżel minn fuq il-bastiment, l-osservatur għandu jfassal rapport tal-attivitajiet li għandu jintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti ta’ São Tomé u Príncipe u li kopja tiegħu għandha tintbagħat lill-Kummissjoni Ewropea. Huwa għandu jiffirmah quddiem il-kaptan, li jista’ jżid jew jitlob li jiżdiedu l-kummenti kollha li jidhirlu li jkunu utli u jiffirma warajhom. Il-kaptan għandu jingħata kopja tar-rapport meta l-osservatur jitniżżel l-art.

KAPITOLU VII
KSUR TAR-REGOLI

1.Trattament tal-ksur

Kull ksur li jwettaq bastiment tal-Unjoni Ewropea li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Anness irid jissemma f’rapport ta’ akkuża li jintbagħat lill-Unjoni Ewropea u lill-Istat tal-bandiera mill-aktar fis possibbli.

2.Detenzjoni jew devjazzjoni ta’ bastiment — laqgħa ta’ informazzjoni

(a)Meta l-leġiżlazzjoni ta’ São Tomé u Príncipe li tkun fis-seħħ dwar il-ksur allegat tkun tippermetti dan, kull bastiment tal-Unjoni Ewropea li jkun wettaq ksur jista’ jiġi mġiegħel iwaqqaf l-attività tas-sajd tiegħu u jirritorna lejn port ta’ São Tomé u Príncipe, f’każ li jkun qed ibaħħar.

(b)São Tomé u Príncipe għandhom jgħarrfu lill-Unjoni Ewropea, fi żmien 24 siegħa, b’kull detenzjoni ta’ bastiment tal-Unjoni Ewropea li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd. Ma’ din in-notifika għandhom jingħataw provi tal-ksur allegat.

(c)Qabel ma jieħdu kwalunkwe miżura kontra l-bastiment, il-kaptan, l-ekwipaġġ jew il-merkanzija, ħlief għal miżuri maħsubin biex iħarsu l-evidenza, São Tomé u Príncipe għandhom jorganizzaw, fuq talba tal-Unjoni Ewropea, fi żmien jum tax-xogħol minn meta tiġi nnotifikata d-detenzjoni tal-bastiment, laqgħa ta’ informazzjoni sabiex jiġu ċċarati l-fatti li wasslu għad-detenzjoni tal-bastiment u sabiex jiġi spjegat x’azzjoni oħra tista’ tittieħed. Rappreżentant tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment jista’ jattendi din il-laqgħa ta’ informazzjoni.

3.Pieni għall-ksur — proċedura ta’ kompromess

(a)São Tomé u Príncipe għandhom jistabbilixxu l-piena għall-ksur allegat skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tkun fis-seħħ.

(b)Meta s-soluzzjoni għall-ksur tkun tinvolvi proċedimenti legali, qabel jingħata bidu għalihom, u sakemm il-ksur ma jkunx jinvolvi att kriminali, għandha tinbeda proċedura ta’ kompromess bejn São Tomé u Príncipe u l-Unjoni Ewropea sabiex jiġu stabbiliti t-termini tal-piena u l-livell tagħha. F’din il-proċedura ta’ kompromess jistgħu jieħdu sehem rappreżentanti tal-Istat tal-bandiera tal-bastiment u tal-Unjoni Ewropea. Il-proċedura ta’ kompromess għandha tintemm sa mhux iktar tard minn tlett ijiem min-notifika tad-detenzjoni tal-bastiment.

4.Proċedimenti legali — garanzija bankarja

Jekk il-proċedura ta’ kompromess tfalli u l-ksur jitressaq quddiem il-qorti kompetenti, sid il-bastiment li jkun wettaq il-ksur għandu jiddepożita garanzija bankarja f’bank magħżul minn São Tomé u Príncipe, li l-ammont tagħha, kif stabbilit minn São Tomé u Príncipe, għandu jkun ikopri l-ispejjeż marbutin mad-detenzjoni tal-bastiment, il-multa stmata u kwalunkwe kumpens li jista’ jkun hemm ’il quddiem. Il-garanzija bankarja ma tistax tiġi rkuprata qabel ma jkunu ġew konklużi l-proċedimenti legali.

Il-garanzija bankarja għandha tiġi rrilaxxata u tingħata lura lil sid il-bastiment mingħajr dewmien wara li tinqata’ s-sentenza:

(a)kollha kemm hi, jekk ma tkun ġiet imposta l-ebda piena;

(b)skont l-ammont tal-bilanċ li jkun għad fadal, jekk il-piena tkun multa li tkun iżjed baxxa mill-ammont tal-garanzija bankarja.

São Tomé u Príncipe għandhom jgħarrfu lill-Unjoni Ewropea bir-riżultat tal-proċedimenti legali fi żmien sebat ijiem minn meta tingħata s-sentenza.

5.Rilaxx tal-bastiment u tal-ekwipaġġ

Il-bastiment u l-ekwipaġġ tiegħu għandhom jiġu awtorizzati jħallu l-port ladarba l-multa tkun tħallset fi proċedura ta’ kompromess, jew ladarba l-garanzija bankarja tkun ġiet iddepożitata.

APPENDIĊIJIET

Appendiċi 1    Koordinati taż-żona maħsuba li tintuża b’mod konġunt minn São Tomé u Príncipe u n-Niġerja

Appendiċi 2    Formola tat-talba għal awtorizzazzjoni għal bastiment tas-sajd jew għal bastiment ta’ appoġġ

Appendiċi 3    Skeda teknika

Appendiċi 4    Implimentazzjoni tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar tal-attivitajiet tas-sajd (l-ERS)

Appendiċi 5    Sistema ta’ monitoraġġ tal-bastimenti (VMS)

Appendiċi 6    Kwalifiki meħtieġa biex il-baħrin minn São Tomé u Príncipe jiġu impjegati abbord bastimenti tas-sajd bit-tartaruni u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-Unjoni Ewropea



Appendiċi 1
Koordinati taż-żona maħsuba li tintuża b’mod konġunt minn São Tomé u Príncipe u n-Niġerja

Latitudni    Lonġitudni

(fi gradi, minuti u sekondi)

03 02 22 N    07 07 31 E

02 50 00 N    07 25 52 E

02 42 38 N    07 36 25 E

02 20 59 N    06 52 45 E

01 40 12 N    05 57 54 E

01 09 17 N    04 51 38 E

01 13 15 N    04 41 27 E

01 21 29 N    04 24 14 E

01 31 39 N    04 06 55 E

01 42 50 N    03 50 23 E

01 55 18 N    03 34 33 E

01 58 53 N    03 53 40 E

02 02 59 N    04 15 11 E

02 05 10 N    04 24 56 E

02 10 44 N    04 47 58 E

02 15 53 N    05 06 03 E

02 19 30 N    05 17 11 E

02 22 49 N    05 26 57 E

02 26 21 N    05 36 20 E

02 30 08 N    05 45 22 E

02 33 37 N    05 52 58 E

02 36 38 N    05 59 00 E

02 45 18 N    06 15 57 E

02 50 18 N    06 26 41 E

02 51 29 N    06 29 27 E

02 52 23 N    06 31 46 E

02 54 46 N    06 38 07 E

03 00 24 N    06 56 58 E

03 01 19 N    07 01 07 E

03 01 27 N    07 01 46 E

03 01 44 N    07 03 07 E

03 02 22 N    07 07 31 E



Appendiċi 2
Formola tat-talba

TALBA GĦAL AWTORIZZAZZJONI GĦAL BASTIMENT TAS-SAJD JEW GĦAL BASTIMENT TA’ APPOĠĠ
IL-FTEHIM DWAR IS-SAJD BEJN SÃO TOMÉ U PRÍNCIPE U L-UNJONI EWROPEA

- L-APPLIKANT

1.Isem sid il-bastiment:…………………    Nazzjonalità:        

2.Isem l-assoċjazzjoni jew ir-rappreżentant ta’ sid il-bastiment:        

…………………………………………………………………..

3.Indirizz tal-assoċjazzjoni jew tar-rappreżentant ta’ sid il-bastiment:    

………………………………………………………………..

4.Numru tat-telefown:        

5.Indirizz tal-posta elettronika:        

6.Isem il-kaptan:…………………..    Nazzjonalità:        

7.Isem l-aġent f’São Tomé u Príncipe u l-indirizz tiegħu (jekk ikun hemm):    

…………………………………………………………………………………..

- IL-BASTIMENT U L-IDENTIFIKAZZJONI TIEGĦU

8.Isem il-bastiment:……………………………………………….    

9.Stat tal-bandiera:……………………………………….    

10.Il-bandiera ta’ qabel (jekk kien hemm):    …………………………..

11.Data meta nkisbet il-bandiera attwali:………………………..    

12.Numru estern tar-reġistrazzjoni:…………………………    

13.Port tar-reġistrazzjoni:………………..    MMSI: ………….    

14.Numru tal-OMI:…………    Numru tal-ICCAT:    …………….

15.Sena u post tal-kostruzzjoni:……………………………………….    

16.Sinjal tas-sejħa bir-radju:…………    Frekwenza tas-sejħa bir-radju:……….    

17.Materjal tal-buq:    □ azzar    □ injam     □ poliester    □ materjal ieħor

- IL-KARATTERISTIĊI TEKNIĊI TAL-BASTIMENT U T-TAGĦMIR

18.Tul totali:…………………………    Wisa’: ……….    

19.Tunnellaġġ (mogħti f’TG): …………………………….

20.Saħħa tal-magna ewlenija f’kW:……    Għamla:……..    Tip:……….

21.Tip ta’ bastiment:………    Kategorija tas-sajd: …………

22.Irkaptu tas-sajd:……………………………………………………    

23.Żoni tas-sajd:…………………………………….……….    

24.Speċijiet fil-mira: □ tonn □ pixxispad u ħut tal-familja Istiophoridae □ klieb il-baħar awtorizzati    

25.Speċijiet li jinqabdu b’mod inċidentali: □ tonn □ pixxispad u ħut tal-familja Istiophoridae □ klieb il-baħar awtorizzati

26.Ipproċessar previst abbord: □ it-tiswija tal-ħut □ il-qtugħ parzjali tax-xewk

27.    □ tip ta’ pproċessar ieħor (speċifika liem’hu):………………………….

28.Għadd totali ta’ membri tal-ekwipaġġ abbord:………………………………..    

29.Metodu ta’ konservazzjoni abbord: □ iż-żamma fil-frisk    □ ir-refriġerazzjoni    □ metodu mħallat    □ l-iffriżar

30.Kapaċità tal-friża għal kull 24 siegħa (f’tunnellati):………………    

31.Kapaċità tal-istivi:……………………    Għadd:………………………    

Magħmul fi    , nhar il-        

Firma tal-applikant



Appendiċi 3
Skeda teknika

Il-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni mgħammra bi friża u l-bastimenti tas-sajd bil-konz

1.Speċijiet ipprojbiti

Is-sajd għall-manta ġganta (Manta birostris), għall-gabdoll (Cetorhinus maximus), għall-kelb il-baħar l-abjad (Carcharodon carcharias), għall-pixxivolpi għajnu kbira (Alopias superciliosus), għall-kurazzi tal-familja tal-iSphyrnidae (ħlief għall-kurazza tiburo (Sphyrna tiburo)), għall-kelb il-baħar tal-qarnuna bajda oċeaniku (Carcharhinus longimanus) u għall-kelb il-baħar ħariri (Carcharhinus falciformis) huwa pprojbit skont il-Konvenzjoni dwar l-ispeċijiet tal-ħut li jpassi u skont ir-riżoluzzjonijiet tal-ICCAT. Barra minn hekk, is-sajd għall-kelb il-baħar tat-tip Rhincondon typus huwa pprojbit.

F’konformità mal-leġiżlazzjoni Ewropea (ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1185/2003 tas-26 ta’ Ġunju 2003), huwa pprojbit li wieħed ineħħi x-xewka tal-kelb il-baħar abbord il-bastimenti u li wieħed iżomm abbord, jittrażborda jew iħott l-art ix-xewka tal-kelb il-baħar. Mingħajr preġudizzju għal dan ta’ hawn fuq, sabiex tkun iffaċilitata l-ħażna abbord, ix-xewka tal-kelb il-baħar tista’ tinqata’ b’mod parzjali u tintewa għal fuq il-karkassa, iżda ma tistax titneħħa minn mal-karkassa qabel ma din tinħatt l-art.

Skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT, il-Partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-impatt aċċidentali tal-attivitajiet tas-sajd fuq il-fkieren u fuq l-għasafar tal-baħar billi jimplimentaw miżuri li jżidu kemm jista’ jkun il-possibbiltà li l-annimali li jinqabdu bi żball isalvaw.

IL-BASTIMENTI TAS-SAJD GĦAT-TONN BIT-TARTARUNI

(1)Irkaptu awtorizzat: it-tartaruni.

(2)Speċijiet fil-mira: it-tonn isfar (Thunnus albacares), it-tonn obeż (Thunnus obesus) u l-palamit (Katsuwonus pelamis).

(3)Qabdiet inċidentali: il-ħarsien tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT u tal-FAO.

IL-BASTIMENTI TAS-SAJD BIL-KONZ TAL-WIĊĊ

(1)Irkaptu awtorizzat: il-konzijiet tal-wiċċ.

(2)Speċijiet fil-mira: il-pixxispad (Xiphias gladius), il-ħuta kaħla (Prionace glauca), it-tonn isfar (Thunnus albacares) u t-tonn obeż (Thunnus obesus).

(3)Qabdiet inċidentali: il-ħarsien tar-rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT u tal-FAO.

2.Imposti li jridu jħallsu sidien il-bastimenti — l-għadd ta’ bastimenti

Imposta addizzjonali għal kull tunnellata maqbuda

EUR 70 għal kull tunnellata għall-perjodu kollu ta’ applikazzjoni tal-Protokoll

Imposta annwali b’rata fissa

Għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni: EUR 9 100

Għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ: EUR 3 255

Imposta b’rata fissa marbuta mal-osservaturi

EUR 250 għal kull bastiment kull sena

Imposta għal kull bastiment ta’ appoġġ

EUR 3 500 għal kull bastiment kull sena

L-għadd ta’ bastimenti

28 bastiment tas-sajd għat-tonn bit-tartaruni

li huma awtorizzati jistadu

sitt bastimenti tas-sajd bil-konz tal-wiċċ

Appendiċi 4
Implimentazzjoni tas-sistema elettronika ta’ reġistrazzjoni u ta’ rappurtar tal-attivitajiet tas-sajd (l-ERS)

1.Trażmissjonijiet tal-ERS

(1)L-Istat tal-bandiera u São Tomé u Príncipe għandhom jagħżlu korrispondent tal-ERS kull wieħed li għandu jservi bħala l-punt ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet marbutin mal-implimentazzjoni ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. L-Istat tal-bandiera u São Tomé u Príncipe għandhom jibagħtu lil xulxin id-dettalji ta’ kuntatt tal-korrispondent tal-ERS rispettiv tagħhom u, jekk ikun hemm bżonn, għandhom jaġġornaw dik l-informazzjoni mingħajr dewmien.

(2)Il-bastiment għandu jibgħat id-data tal-ERS lill-Istat tal-bandiera tiegħu, li għandu jiżgura li din titqiegħed b’mod awtomatiku għad-dispożizzjoni ta’ São Tomé u Príncipe.

(3)Id-data għandha tkun bil-format UN/CEFACT u għandha tiġi trażmessa permezz tan-netwerk FLUX li l-Kummissjoni Ewropea tqiegħed għad-dispożizzjoni.

(4)Madankollu, il-Partijiet jistgħu jaqblu fuq perjodu ta’ tranżizzjoni li matulu d-data għandha tiġi trażmessa permezz tad-DEH (id-“Data Exchange Highway”) fil-format EU-ERS (fil-verżjoni 3.1 tiegħu).

(5)Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat awtomatikament u mingħajr dewmien il-messaġġi istantanji li jkun qed jibgħat il-bastiment (il-messaġġi COE, COX u PNO) liċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe. It-tipi ta’ messaġġi l-oħrajn ukoll għandhom jintbagħtu awtomatikament darba kuljum mid-data meta jibda jintuża b’mod effettiv il-format UN-CEFACT jew, sa ma jseħħ dan, għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni taċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe mingħajr dewmien meta ssir talba awtomatika għalihom liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera permezz tan-nodu ċentrali tal-Kummissjoni Ewropea. Minn meta jiġi implimentat b’mod effettiv il-format il-ġdid, dan il-mod ta’ trażmissjoni msemmi l-aħħar għandu jintuża biss għal talbiet speċifiċi għal data storika.

(6)Iċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe għandu jikkonferma li rċieva d-data istantanja tal-ERS li tkun intbagħtitlu billi jibgħat messaġġ ta’ ritorn li fih jikkonferma l-wasla tad-data u l-validità tal-messaġġ li huwa rċieva. Ma għandha tintbagħat l-ebda konferma tal-wasla fil-każ tad-data li São Tomé u Príncipe jirċievu bi tweġiba għal talba li jkunu għamlu huma stess. São Tomé u Príncipe għandhom jittrattaw id-data kollha tal-ERS b’mod kunfidenzjali.

2.Falliment tas-sistema ta’ trażmissjoni elettronika abbord il-bastiment jew tas-sistema ta’ komunikazzjoni

(1)Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u ċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jgħarrfu lil xulxin mingħajr dewmien b’kull avveniment li jista’ jaffettwa t-trażmissjoni tad-data tal-ERS ta’ bastiment wieħed jew iktar.

(2)Jekk iċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe ma jirċevix id-data li bastiment suppost jibgħat, għandu jgħarraf liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera mingħajr dewmien b’dan. Dan għandu jipprova jara malajr kemm jista’ jkun għalfejn dan ma rċeviex id-data tal-ERS u għandu jgħarraf liċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe bir-riżultat ta’ dawn l-investigazzjonijiet.

(3)Meta t-trażmissjoni bejn bastiment u ċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tfalli, dan iċ-ĊMS għandu jgħarraf lill-kaptan jew lill-operatur tal-bastiment jew, fin-nuqqas tiegħu, lir-rappreżentant tiegħu mingħajr dewmien b’dan. Malli jirċievi din in-notifika, il-kaptan tal-bastiment għandu jibgħat id-data li tkun nieqsa lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat tal-bandiera b’kull mezz xieraq ta’ telekomunikazzjoni kuljum sa mhux iktar tard minn nofs il-lejl.

(4)F’każ ta’ ħsara fis-sistema ta’ trażmissjoni elettronika installata abbord il-bastiment, il-kaptan jew l-operatur tal-bastiment għandhom jiżguraw li l-ħsara tissewwa jew li l-ERS tinbidel fi żmien għaxart ijiem minn meta jindunaw bil-ħsara. Ladarba jgħaddi dak il-perjodu, il-bastiment ma jibqax awtorizzat jistad fiż-żona tas-sajd u jkollu joħroġ minnha jew jidħol f’port ta’ São Tomé u Príncipe fi żmien 24 siegħa. Il-bastiment għandu jkun jista’ jitlaq minn dak il-port jew jerġa’ jidħol fiż-żona tas-sajd biss meta ċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera tiegħu jkun aċċerta ruħu li l-ERS qed terġa’ taħdem kif suppost.

(5)Jekk São Tomé u Príncipe ma jkunux irċevew id-data tal-ERS minħabba ħsara fis-sistemi elettroniċi li jkunu taħt il-kontroll tal-Unjoni Ewropea jew taħt il-kontroll tagħhom, il-Parti kkonċernata għandha tieħu mill-ewwel il-miżuri kollha meħtieġa biex issolvi l-ħsara mill-aktar fis possibbli. Il-Parti l-oħra għandha tiġi mgħarrfa mill-ewwel malli tissolva l-problema.

(6)Kull 24 siegħa, iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat id-data kollha tal-ERS li l-Istat tal-bandiera jkun irċieva mill-aħħar trażmissjoni liċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe b’kull mezz ta’ komunikazzjoni elettronika disponibbli. L-istess proċedura tista’ tintuża fuq talba ta’ São Tomé u Príncipe f’każ ta’ ħidma ta’ manutenzjoni ta’ iktar minn 24 siegħa li taffettwa s-sistemi li jkunu taħt il-kontroll tal-Unjoni Ewropea. São Tomé u Príncipe għandhom javżaw lis-servizzi ta’ kontroll kompetenti tagħhom sabiex il-bastimenti tal-Unjoni Ewropea ma jitqisux li qed jonqsu milli jħarsu l-obbligu tagħhom li jibagħtu d-data tal-ERS tagħhom. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jiżgura li jdaħħal id-data li tkun nieqsa fil-bażi tad-data elettronika tiegħu skont il-punt 1 tal-Appendiċi 5.

3.Mezzi ta’ komunikazzjoni alternattivi

L-indirizz tal-posta elettronika taċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe li għandu jintuża f’każ li t-trażmissjonijiet tal-ERS jew tal-VMS ifallu għandu jintbagħat qabel ma jibda japplika l-Protokoll.

Dan għandu jintuża:

għan-notifiki tad-dħul u tal-ħruġ u għan-notifiki dwar il-qabdiet li jkun hemm abbord fil-mument tad-dħul u tal-ħruġ;

għan-notifiki dwar il-ħatt l-art u t-trażbord u dwar il-qabdiet li jkunu ġew ittrażbordati, li jkunu nħattu l-art jew li jkun għad hemm abbord;

għat-trażmissjonijiet temporanji tal-ERS u tal-VMS ta’ sostituzzjoni previsti f’każ ta’ falliment.



Appendiċi 5
SISTEMA TA’ MONITORAĠĠ TAL-BASTIMENTI (VMS)

1.Messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti — il-VMS

L-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara d-dħul fiż-żona ta’ São Tomé u Príncipe għandha tiġi identifikata bil-kodiċi “ENT”. Il-pożizzjonijiet kollha ta’ wara għandhom jiġu identifikati bil-kodiċi “POS”, ħlief għall-ewwel pożizzjoni rreġistrata wara l-ħruġ miż-żona ta’ São Tomé u Príncipe, li għandha tiġi identifikata bil-kodiċi “EXI”.

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jiżgura l-ipproċessar awtomatiku u, jekk ikun hemm bżonn, it-trażmissjoni elettronika tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni. Il-messaġġi dwar il-pożizzjoni għandhom jiġu rreġistrati b’mod sigur u għandhom jinżammu għal perjodu ta’ tliet snin.

2.Trażmissjoni min-naħa tal-bastiment f’każ ta’ ħsara fil-VMS

Il-kaptan għandu jiżgura f’kull ħin li l-VMS tal-bastiment tiegħu tkun qed taħdem bis-sħiħ u li l-messaġġi dwar il-pożizzjoni jkunu qed jiġu trażmessi b’mod korrett liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera.

F’każ ta’ ħsara fil-VMS tal-bastiment, din is-sistema għandha tissewwa jew tinbidel fi żmien 30 jum. Wara dak il-perjodu, il-bastiment ma jibqax awtorizzat jistad fiż-żona ta’ São Tomé u Príncipe.

Il-bastimenti li jkunu qed jistadu fiż-żona ta’ São Tomé u Príncipe b’VMS difettuża għandhom jibagħtu l-messaġġi dwar il-pożizzjoni tagħhom permezz ta’ ittra elettronika, bir-radju jew permezz ta’ faks liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera, mill-inqas kull erba’ sigħat, u għandhom jipprovdu l-informazzjoni obbligatorja kollha.

3.Komunikazzjoni sigura tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni lil São Tomé u Príncipe

Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibgħat awtomatikament il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tal-bastimenti kkonċernati liċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u ċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jiskambjaw l-indirizzi elettroniċi ta’ kuntatt tagħhom u għandhom jgħarrfu minnufih lil xulxin b’kull bidla f’dawn l-indirizzi.

It-trażmissjoni tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni bejn iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u ċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe għandha ssir b’mod elettroniku bl-użu ta’ sistema sigura tal-komunikazzjoni.

Iċ-ĊMS ta’ São Tomé u Príncipe għandu jgħarraf liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u lill-Unjoni minnufih b’kull interruzzjoni fil-wasla tal-messaġġi konsekuttivi dwar il-pożizzjoni ta’ bastiment li jkollu awtorizzazzjoni tas-sajd, meta l-bastiment ikkonċernat ma jkunx innotifika l-ħruġ tiegħu miż-żona.

4.Ħsara fis-sistema ta’ komunikazzjoni

São Tomé u Príncipe għandhom jiżguraw li t-tagħmir elettroniku tagħhom ikun kompatibbli ma’ dak taċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u għandhom jgħarrfu lill-Unjoni Ewropea minnufih b’kull ħsara fil-komunikazzjoni u fil-wasla tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni bil-għan li tinstab soluzzjoni teknika mill-aktar fis possibbli. Il-Kumitat Konġunt għandu jipprova jsolvi kwalunkwe tilwim li jista’ jirriżulta minn dan.

Il-kaptan għandu jitqies responsabbli għal kull manipulazzjoni ppruvata tal-VMS tal-bastiment li jkollha l-għan li tfixkel l-operat ta’ din is-sistema jew li tiffalsifika l-messaġġi tagħha dwar il-pożizzjoni tal-bastiment. Kull ksur għandu jkun suġġett għall-pieni previsti mil-leġiżlazzjoni ta’ São Tomé u Príncipe li tkun fis-seħħ.

5.Bidla fil-frekwenza tal-messaġġi dwar il-pożizzjoni

Abbażi ta’ evidenza ddokumentata li tipprova ksur, São Tomé u Príncipe jistgħu jistaqsu liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera, filwaqt li jibagħtu kopja wkoll lill-Unjoni Ewropea, inaqqas l-intervall biex il-bastiment jibgħat il-messaġġi dwar il-pożizzjoni tiegħu għal kull nofsiegħa għal perjodu partikulari tal-investigazzjoni. São Tomé u Príncipe għandhom jibagħtu din l-evidenza ddokumentata liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u lill-Unjoni Ewropea. Iċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera għandu jibda jibgħat minnufih il-messaġġi dwar il-pożizzjoni lil São Tomé u Príncipe bil-frekwenza l-ġdida.

Fi tmiem il-perjodu partikulari tal-investigazzjoni, São Tomé u Príncipe għandhom jgħarrfu liċ-ĊMS tal-Istat tal-bandiera u lill-Unjoni Ewropea b’kull monitoraġġ li jista’ jkun meħtieġ.

6.Komunikazzjoni tal-messaġġi tal-VMS lil São Tomé u Príncipe

Il-kodiċi “ER” segwit minn linja mmejla doppja (//) jindika tmiem il-messaġġ.

Element tad-data

Kodiċi

Obbligatorju/

Fakultattiv

Kontenut

Bidu tar-reġistrazzjoni

SR

0

Dettall dwar is-sistema li jindika l-bidu tar-reġistrazzjoni

Destinatarju

AD

0

Dettall dwar il-messaġġ — Il-kodiċi alfa-3 tal-pajjiż destinatarju (ISO-3166)

Speditur

FR

0

Dettall dwar il-messaġġ — Il-kodiċi alfa-3 tal-pajjiż li jkun qed jibgħat il-messaġġ (ISO-3166)

Stat tal-bandiera

FS

0

Dettall dwar il-messaġġ — Il-kodiċi alfa-3 tal-Istat tal-bandiera (ISO-3166)

Tip ta’ messaġġ

TM

0

Dettall dwar il-messaġġ — It-tip ta’ messaġġ (ENT, POS, EXI,

MAN)

Sinjal tas-sejħa bir-radju (l-IRCS)

RC

0

Dettall dwar il-bastiment — Is-sinjal internazzjonali tas-sejħa bir-radju tal-bastiment (l-IRCS)

Numru ta’ referenza intern tal-parti kontraenti

IR

0

Dettall dwar il-bastiment — In-numru uniku tal-parti kontraenti, mogħti bħala l-kodiċi alfa-3 (ISO-3166) segwit min-numru

Numru

tar-reġistrazzjoni

estern

XR

0

Dettall dwar il-bastiment — In-numru mmarkat fuq il-ġenb tal-bastiment (ISO 8859.1)

Latitudni

LT

0

Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment — Il-pożizzjoni fi gradi u fi gradi deċimali N/S GG.ggg (WGS84)

Lonġitudni

LG

0

Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment — Il-pożizzjoni fi gradi u fi gradi deċimali E/W GG.ggg (WGS84)

Rotta

CO

0

Ir-rotta tal-bastiment fuq skala ta’ 360°grad

Veloċità

SP

0

Il-veloċità tal-bastiment f’wieħed minn kull għaxar mili nawtiċi

Data

DA

0

Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment — Id-data tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni f’UTC (SSSSXXJJ)

Ħin

TI

0

Dettall dwar il-pożizzjoni tal-bastiment — Il-ħin tar-reġistrazzjoni tal-pożizzjoni f’UTC (SSMM)

Tmiem ir-reġistrazzjoni

ER

0

Dettall dwar is-sistema li jindika tmiem ir-reġistrazzjoni

Fil-format NAF, it-trażmissjoni tad-data hija strutturata kif ġej:

il-karattri użati jridu jkunu konformi mal-istandard tal-ISO 8859.1. Linja mmejla doppja (//) u l-kodiċi “SR” jindikaw il-bidu tal-messaġġ;

kull element tad-data jiġi identifikat mill-kodiċi tiegħu u jingħażel mill-elementi l-oħrajn tad-data permezz ta’ linja mmejla doppja (//);

linja mmejla waħda (/) tissepara l-kodiċi minn mad-data.

Qabel ma l-Protokoll jibda japplika b’mod provviżorju, São Tomé u Príncipe għandhom javżaw jekk id-data tal-VMS għandhiex tiġi trażmessa permezz tal-FLUX TL fil-format UN/CEFACT jew le.

Appendiċi 6
Kwalifiki meħtieġa biex il-baħrin minn São Tomé u Príncipe jiġu impjegati abbord bastimenti tas-sajd bit-tartaruni u bastimenti tas-sajd bil-konz tal-Unjoni Ewropea

L-awtoritajiet ta’ São Tomé u Príncipe għandhom jiżguraw li l-persunal li jiġi impjegat biex jaħdem fuq bastimenti tal-UE jkun jissodisfa r-rekwiżiti li ġejjin:

1.il-baħrin irid ikollhom mill-inqas 18-il sena;

2.il-baħrin irid ikollhom ċertifikat mediku validu li jikkonferma li huma jinsabu f’kundizzjoni medika tajba biex iwettqu dmirijiethom fuq il-baħar. Dan iċ-ċertifikat irid ikun ħarġu tabib ikkwalifikat kif xieraq;

3.il-baħrin iridu jkunu ħadu t-tilqim meħtieġ għall-finijiet ta’ prekawzjoni fil-qasam tas-saħħa fir-reġjun, u dan it-tilqim irid ikun għadu validu;

4.il-baħrin irid ikollhom mill-inqas ċertifikat validu għat-taħriġ bażiku li ġej marbut mas-sikurezza:

(a)it-tekniki ta’ sopravivenza tal-persuni, inkluż kif jintużaw il-ġkieket tas-salvataġġ;

(b)il-prevenzjoni tan-nirien u t-tifi tan-nar;

(c)l-ewwel għajnuna bażika;

(d)is-sikurezza personali u r-responsabbiltà soċjali; u

(e)il-prevenzjoni tat-tniġġis tal-baħar;

5.b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-bastimenti tas-sajd il-kbar, il-baħrin:

(a)iridu jkunu jafu t-termini tat-tbaħħir u l-ordnijiet li normalment jintużaw fuq il-bastimenti tas-sajd;

(b)iridu jkunu jafu l-perikli marbutin mal-ħidmiet tas-sajd;

(c)iridu jkunu jifhmu sewwa l-kundizzjonijiet li bihom jaħdmu l-bastimenti tas-sajd u l-perikli li jista’ jkun hemm b’rabta magħhom;

(d)iridu jkunu familjari mal-irkaptu tas-sajd li jridu jużaw waqt is-sajd bit-tartaruni tal-borża u jkunu mdorrijin jużawh;

(e)irid ikollhom għarfien u fehim ġenerali tal-istabbiltà ta’ bastiment u tal-istat ta’ navigabbiltà tiegħu; u

(f)irid ikollhom għarfien ġenerali tal-irmiġġ u tal-immaniġġjar tal-ħbula tal-irmiġġ u tal-użijiet rispettivi tagħhom.

ANNESS II
Proċedura biex jiġu approvati l-emendi tal-Protokoll li l-Kumitat Konġunt irid jadotta

Meta l-Kumitat Konġunt jintalab jadotta emendi tal-Protokoll skont l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7(2) tiegħu, il-Kummissjoni għandha tkun awtorizzata tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni bil-kundizzjonijiet li ġejjin.

(1)Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-approvazzjoni f’isem l-Unjoni:

(a)tkun konformi mal-objettivi tal-politika komuni tas-sajd;

(b)tkun kompatibbli mar-regoli rilevanti adottati mill-organizzazzjonijiet reġjonali għall-ġestjoni tas-sajd u tkun tqis il-ġestjoni konġunta min-naħa tal-Istati kostali;

(c)tkun tqis l-aħħar informazzjoni statistika, bijoloġika u ta’ tip ieħor rilevanti mibgħuta lill-Kummissjoni.

(2)Qabel ma tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, il-Kummissjoni għandha tibgħathom lill-Kunsill biżżejjed żmien qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kumitat Konġunt.

(3)Il-Kunsill għandu jevalwa l-konformità tal-emendi proposti mal-kriterji ddefiniti fil-punt 1 ta’ dan l-Anness.

(4)Il-Kummissjoni għandha tapprova l-emendi proposti f’isem l-Unjoni, sakemm għadd ta’ Stati Membri li jkun daqs minoranza li timblokka lill-Kunsill, skont l-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, ma joġġezzjonax għalihom. F’każ li jkun hemm it-tali minoranza li timblokka, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-emendi proposti f’isem l-Unjoni.

(5)Jekk, matul laqgħat ulterjuri tal-Kumitat Konġunt, inkluż dawk fuq il-post, ma jkunx jista’ jintlaħaq qbil, il-kwistjoni għandha terġa’ tintbagħat lill-Kunsill skont il-proċedura prevista fil-punti 2 sa 4, sabiex il-pożizzjoni tal-Unjoni tkun tista’ tqis elementi ġodda.

(6)Il-Kummissjoni hija mistiedna tieħu l-miżuri kollha meħtieġa fiż-żmien dovut biex tiżgura s-segwitu tad-deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt, inkluż, meta dan ikun xieraq, il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni rilevanti f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-komunikazzjoni ta’ kull proposta meħtieġa għall-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

(7)F’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwistjonijiet oħrajn li ma jirrigwardawx emendi tal-Protokoll skont l-Artikolu 6 u l-Artikolu 7(2) tiegħu, il-pożizzjoni li l-Unjoni trid tieħu fil-Kumitat Konġunt għandha tiġi stabbilita skont it-Trattati u skont il-prattiki ta’ ħidma stabbiliti.

Top