EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0181

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli tiegħu ta’ proċedura

COM/2019/181 final

Brussell, 12.4.2019

COM(2019) 181 final

2019/0093(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli tiegħu ta’ proċedura


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilit bil-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, b’rabta mal-adozzjoni prevista tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (“Regoli ta’ Proċedura”).

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea

Il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), huwa l-ewwel ftehim kummerċjali ta’ ġenerazzjoni ġdida tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-ewwel ftehim konkluż ma’ pajjiż Asjatiku. L-għan tal-Ftehim huwa li jagħti spinta lill-kummerċ bilaterali u t-tkabbir ekonomiku kemm fl-UE kif ukoll fil-Korea.

Il-Ftehim ġie ffirmat fis-6 ta’ Ottubru 2010, u beda jiġi applikat b'mod provviżorju mill-1 ta’ Lulju 2011 1 .

2.2.Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

L-Artikolu 15.3 tal-Ftehim jistabbilixxi Gruppi ta’ Ħidma taħt l-awspiċi tal-Kumitat tal-Kummerċ, jiġifieri l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (l-Artikolu 15.3.1 (g), “Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi”). Il-Ftehim jistabbilixxi r-regoli dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi skont l-Artikoli 10.18-10.26. L-attivitajiet u l-funzjonament tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi huma rregolati bl-Artikolu 10.25 tal-Ftehim.

Għall-finijiet tal-Artikolu 10.25 tal-Ftehim, modifiki tal-Ftehim permezz ta’ deċiżjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi għandhom jiġu approvati mill-Kummissjoni f’isem l-Unjoni Ewropea 2 .

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi huwa l-forum u l-korp li jieħu d-deċiżjonijiet, li jista’ jiddeċiedi li jimmodifika l-Annessi 10-A u 10-B tal-Ftehim. Skont l-Artikolu 10.25(1), il-Grupp ta’ Ħidma jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet u jadotta deċiżjonijiet b’kunsens.

2.3.L-att previst tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

Skont id-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat Kummerċjali bejn l-UE u l-Korea tat-23 ta’ Diċembru 2011 dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ 3 , u b’mod partikolari l-Artikolu 15.4 tal-Anness, kull Kumitat Speċjalizzat u kull Grupp ta’ Ħidma jista’ jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess li għandhom jiġu rrappurtati lill-Kumitat tal-Kummerċ.

Fit-30 ta’ Mejju 2018, fil-qafas tas-6 laqgħa tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi qabel dwar l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tirrigwarda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (“l-att previst”).

L-għan tal-att previst huwa li jirregola l-funzjonament tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi u li jistabbilixxi fid-dettall b’mod speċjali l-kompetenza u l-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu.

3.Pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni

It-Trattati jagħtu lill-Unjoni kompetenza esklużiva għall-politika kummerċjali komuni, li tinkludi l-politika kummerċjali awtonoma tal-Unjoni kif ukoll il-konklużjoni ta’ ftehimiet kummerċjali internazzjonali. Meta jitqies li l-att previst huwa l-prekundizzjoni tal-funzjonament sodisfaċenti tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Geografiċi, li b’mod xieraq jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni effiċjenti tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea, l-adozzjoni tal-att previst taqbel mal-objettivi tal-politika kummerċjali tal-Unjoni.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f'sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim.”

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi l-atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp ikkonċernat. Dan jinkludi wkoll l-istrumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li “jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-UE 4 .

4.1.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Geografiċi huwa korp imwaqqaf bi ftehim, jiġifieri l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea.

L-att li l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Geografiċi ntalab jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali b’konformità mal-Artikolu 10.25 tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u r-Repubblika tal-Korea.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva biex tittieħed deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE tiddependi primarjament mill-objettiv u mill-kontenut tal-att previst li dwaru tittieħed pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew il-komponenti jkun jista’ jiġi identifikat bħala dak ewlieni, filwaqt li l-ieħor ikun sempliċement inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) tat-TFUE trid tkun ibbażata fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik meħtieġa mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għall-każ preżenti

L-objettiv ewlieni u l-kontenut tal-att previst huma relatati mal-politika kummerċjali komuni.

Għaldaqstant, il-bażi ġuridika sostantiva tad-deċiżjoni proposta hi magħmula mid-dispożizzjonijiet li ġejjin: L-Artikolu 207 tat-TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 207, flimkien mal-Artikolu 218(9) tat-TFUE.

5.Il-pubblikazzjoni tal-att previst

Mhux applikabbli.

2019/0093 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli tiegħu ta’ proċedura

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 207(4) flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) 5 , ġie konkluż mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 u daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2015 6 .

(2)L-Artikolu 15.3.1 tal-Ftehim jistabbilixxi l-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, taħt l-awspiċi tal-Kumitat tal-Kummerċ stabbilit permezz tal-Artikolu 15.1.1 tal-Ftehim.

(3)Skont l-Artikolu 15.4 tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat għall-Kummerċ bejn l-UE u l-Korea, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Korea tat-23 ta’ Diċembru 2011 7 , kull Grupp ta’ Ħidma jista’ jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess li għandhom jiġu rrappurtati lill-Kumitat tal-Kummerċ.

(4)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta’ proċedura tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Grupp ta’ Ħidma dwar Indikazzjonijiet Ġeografiċi fir-rigward tar-regoli tiegħu ta’ proċedura, għax id-deċiżjoni ta’ dak il-Kumitat se tkun vinkolanti għall-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli tiegħu ta’ proċedura għandha tissejjes fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni ta’ dak il-Grupp ta’ Ħidma mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 127, 14.5.2011 p. 1-1426).
(2)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/265/UE tas-16 ta’ Settembru 2010 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1).
(3)    ĠU L 58, 1.3.2013, p. 9.
(4)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ottubru 2014, il-Ġermanja v il-Kunsill, C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(5)    ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2169 tal-1 ta' Ottubru 2015 dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (ĠU L 307, 25.11.2015, p. 2).
(7)    Id-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat Kummerċjali tal-UE u l-Korea tat-23 ta’ Diċembru 2011 dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ (ĠU L 58, 1.3.2013, p. 9).
Top

Brussell, 12.4.2019

COM(2019) 181 final

ANNESS

ta'

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi stabbilit mill-Ftehim Kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli tiegħu ta’ proċedura


ANNESS

DEĊIŻJONI NRU 1. TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA TA’ BEJN L-UE U L-KOREA DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI

tat-30 ta' Mejju 2018

li tadotta r-regoli ta' proċedura tiegħu

IL-GRUPP TA’ ĦIDMA TA’ BEJN L-UE U L-KOREA DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra 1 (minn hawn ’il quddiem imsemmi bħala “il-Ftehim”),

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat tal-Kummerċ tal-UE u l-Korea tat-23 ta’ Diċembru 2011 dwar l-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ 2 , b’mod partikolari l-Artikoli 15.4 tal-Anness tiegħu,

Billi:

(1)    Skont l-Artikolu 15.4 tar-regoli ta’ proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Korea, adottat bid-Deċiżjoni Nru 1 tal-Kumitat tal-Kummerċ bejn l-UE u l-Korea tat-23 ta’ Diċembru 2011, kull Kumitat Speċjalizzat u kull Grupp ta’ Ħidma jista’ jistabbilixxi r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess li għandhom jiġu rrappurtati lill-Kumitat tal-Kummerċ.

(2)    Jenħtieġ li jiġu stabbiliti regoli ta’ proċedura tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Ir-regoli ta’ proċedura tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi, kif stabbilit fl-Anness, huma b’dan adottati.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

Il-Mexxej tat-Tim

Il-Ministeru tal-Kummerċ, l-Industrija u l-Enerġija tar-Repubblika tal-Korea

Il-Kopresident tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

Il-Kap tal-Unità

Id-Direttorat Ġenerali għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kopresident tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi

ANNESS

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA DWAR L-INDIKAZZJONIJIET ĠEOGRAFIĊI

Artikolu 1
Kompożizzjoni u Presidenza

(1)Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Indikazzjonijiet Ġeografiċi (“il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ”) stabbilit skont il-punt (g) tal-Artikolu 15.3(1) tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”) għandu jwettaq id-dmirijiet tiegħu kif previsti fl-Artikolu 10.25 tal-Ftehim.

(2)Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tar-Repubblika tal-Korea (“il-Korea”) minn naħa waħda, u minn rappreżentanti tal-Unjoni Ewropea, min-naħa l-oħra.

(3)Skont l-Artikolu 15.3(3) tal-Ftehim, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ għandu jkun kopresedut minn rappreżentanti tal-Korea u tal-Unjoni Ewropea.

(4)Kull kopresident jista’ jiddelega l-funzjonijiet kollha tal-kopresident jew kwalunkwe wieħed minnhom lil deputat innominat, f’liema każ ir-referenzi kollha minn hawn ’il quddiem għall-kopresident għandhom japplikaw bl-istess mod għad-deputat innominat.

(5)Kull kopresident għandu jaħtar punt ta’ kuntatt għall-kwistjonijiet kollha relatati mal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ. Dawn il-punti ta’ kuntatt għandhom ikunu responsabbli b’mod konġunt għad-dmirijiet segretarjali tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ.

Artikolu 2
Laqgħat

Skont l-Artikolu 10.25(2) tal-Ftehim, il-post tal-laqgħa għandu jalterna bejn il-Partijiet. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ għandu jiltaqa’ f’ħin u post u b’mod li jista’ jinkludi permezz ta’ konferenza vidjo, li jinqabel reċiprokament mill-Partijiet, mhux aktar tard minn 90 jum wara t-talba.

Artikolu 3
Korrispondenza

(1)Il-korrispondenza indirizzata lill-Presidenti tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ għandha tintbagħat lill-punti ta’ kuntatt għaċ-ċirkolazzjoni lill-membri tal-Grupp ta’ Ħidma.

(2)Il-korrispondenza tista’ ssir permezz ta’ kwalunkwe mezz bil-miktub, inkluża l-posta elettronika.

(3)Skont l-Artikolu 15 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Kumitat tal-Kummerċ, dan tal-aħħar għandu jiġi infurmat dwar il-punti ta’ kuntatt magħżula mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ. Il-korrispondenza, id-dokumenti u l-komunikazzjonijiet kollha inkluż l-iskambju tal-emails bejn il-punti ta’ kuntatt tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Ftehim għandhom jintbagħtu fl-istess ħin lis-Segretarjat tal-Kumitat tal-Kummerċ, id-Delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea għar-Repubblika tal-Korea u l-Missjoni tar-Repubblika tal-Korea għall-Unjoni Ewropea.

Artikolu 4
Aġendi għal-laqgħat

(1)Qabel kull laqgħa, għandha titfassal aġenda proviżorja mill-punti ta’ kuntatt. Din għandha tintbagħat, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-membri tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ inklużi l-kopresidenti tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ mhux aktar tard minn sebat ijiem qabel il-laqgħa. L-aġenda provviżorja tista’ tinkludi kwalunkwe punt kopert mill-Artikolu 10.25 tal-Ftehim.

(2)Kull Parti tista’ titlob li l-punti koperti mill-Artikolu 10.25 tal-Ftehim jiġu inklużi fl-aġenda proviżorja mill-inqas 14-il jum qabel il-laqgħa. Dawk il-punti għandhom jiġu inklużi fl-aġenda proviżorja.

(3)L-aħħar verżjoni tal-aġenda provviżorja tiġi ċċirkolata lill-kopresidenti mill-inqas ħamest ijiem qabel il-laqgħa.

(4)L-aġenda finali għandha tiġi adottata mill-kopresidenti b’mod unanimu fil-bidu ta' kull laqgħa. Kwalunwe punt ieħor minbarra dawk li jidhru fl-aġenda proviżorja jista' jitqiegħed fuq l-aġenda jekk iż-żewġ kopresidenti jaqblu dan.

Artikolu 5
Talbiet għal modifiki tal-Annessi 10-A jew 10-B tal-Ftehim

(1)Kwalunkwe Parti tista’ titlob li żżid jew tneħħi indikazzjonijiet ġeografiċi individwali mill-Annessi 10-A jew 10-B tal-Ftehim b’ittra ffirmata mill-kopresident tal-Parti kkonċernata.

(2)Skont l-Artikolu 10.25(1) u (3) tal-Ftehim, il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ jista’ jiddeċiedi b’kunsens li jimmodifika l-Annessi 10-A u 10-B biex iżid indikazzjonijiet ġeografiċi individwali tal-Unjoni Ewropea jew tal-Korea wara li tkun tlestiet il-proċedura rilevanti msemmija fil-Ftehim. Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ jista’ jiddeċiedi wkoll b’kunsens li jirrakkomanda ż-żieda jew it-tneħħija ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi għad-deċiżjoni finali fil-Kumitat tal-Kummerċ skont l-Artikolu 10.21(4), l-Artikolu 10.24 u l-Artikolu 10.25.

(3)Skont l-Artikolu 15.3(5), il-Kumitat tal-Kummerċ jista’ jwettaq il-kompitu assenjat lill-Grupp ta’ Ħidma u jiddeċiedi li jimmodifika l-Annessi 10-A u 10-B imsemmija hawn fuq. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 15.5(2), il-Kumitat tal-Kummerċ jista’ jiddeċiedi li jemenda l-Annessi 10-A u 10-B u l-partijiet jistgħu jadottaw id-deċiżjoni soġġetta għar-rekwiżiti u l-proċeduri legali applikabbli rispettivi tagħhom. 

(4)Il-partijiet, meta jiddeċiedu li jimmodifikaw l-Annessi 10-A u 10-B, għandhom jagħmlu ħilithom biex iqisu kif dovut l-interessi rispettivi taż-żewġ partijiet fir-rigward tal-Indikazzjonijiet Ġeografiċi.

Artikolu 6
Deċiżjonijiet u Rakkomandazzjonijiet

(1)Il-grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ għandu jadotta r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet b’kunsens kif previst fl-Artikolu 10.25 tal-Ftehim.

(2)Skont it-tifsira tal-Artikolu 10.25 tal-Ftehim, ir-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ għandhom jiġu indirizzati lill-Partijiet u għandhom juru l-firem tal-kopresidenti.

(3)Skont it-tifsira tal-Artikolu 10.25 tal-Ftehim, id-deċiżjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ għandu jkollhom il-firem ta’ kopresidenti. Kull deċiżjoni għandha tipprevedi d-data tad-dħul fis-seħħ tagħha.

(4)Id-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adottati mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ għandhom juru numru tas-serje, id-data tal-adozzjoni u deskrizzjoni tas-suġġett tagħhom.

Artikolu 7
Proċedura bil-miktub

(1)Rakkomandazzjoni jew deċiżjoni tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ tista’ tiġi adottata bi proċedura bil-miktub fejn iż-żewġ Partijiet jaqblu. Il-proċedura bil-miktub għandha tikkonsisti minn skambju ta’ noti bejn il-kopresidenti tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ.

(2)Il-kopresident tal-Parti li tipproponi l-użu tal-proċedura bil-miktub għandu jissottometti l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni jew deċiżjoni lill-kopresident tal-Parti l-oħra, li għandu jwieġeb billi jindika jekk jaċċettax jew le l-abbozz ta’ rakkomandazzjoni jew deċiżjoni. Il-kopresident tal-Parti l-oħra jista’ wkoll jipproponi emendi jew jitlob aktar żmien għar-riflessjoni. Jekk ikun hemm qbil fuq l-abbozz, dan għandu jiġi ffinalizzat skont l-Artikolu 6.

Artikolu 8
Minuti

(1)L-abbozz tal-minuti ta’ kull laqgħa għandu jitfassal mill-punti ta’ kuntatt fi żmien 21 jum mil-laqgħa. L-abbozz tal-minuti għandu jiddikjara r-rakkomandazzjonijiet u d-deċiżjonijiet adottati u jinnota kwalunkwe konklużjoni oħra milħuqa.

(2)Il-minuti għandhom jiġu approvati bil-miktub miż-żewġ Partijiet fi żmien 28 jum mil-laqgħa jew minn kwalunkwe data oħra li jiftiehmu dwarha l-Partijiet. Hekk kif jiġu approvati, iż-żewġ kopji oriġinali għandhom jiġu ffirmati mill-kopresidenti. Kopja oriġinali tal-minuti għandha tinżamm minn kull kopresident.

Artikolu 9
Rapporti

Il-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ għandu jirrapporta lill-Kumitat tal-Kummerċ dwar l-attivitajiet tiegħu f’kull laqgħa regolari tal-Kumitat tal-Kummerċ kif previst fl-Artikolu 15.3 (4) tal-Ftehim.

Artikolu 10
Spejjeż

(1)Kull Parti għandha tkun responsabbli għall-ispejjeż li ġġarrab biex tieħu sehem fil-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ.

(2)L-ispejjeż marbutin mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti jitħallsu mill-Parti li tkun qiegħda torganizza l-laqgħa.

Artikolu 11
Pubbliċità u konfidenzjalità

(1)Sakemm ma jkunx deċiż mod ieħor mill-Partijiet, il-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ ma għandhomx ikunu pubbliċi.

(2)Meta Parti tissottometti informazzjoni meqjusa bħala kunfidenzjali skont il-liġijiet u r-regolamenti tagħha lill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni bħala kunfidenzjali kif previst fl-Artikolu 15.1 (7) tal-Ftehim.

(3)Kull Parti tista' tiddeċiedi dwar il-pubblikazzjoni tad-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-IĠ fil-pubblikazzjoni uffiċjali rispettiva tagħha.

(1)    ĠU L 127, 14.5.2011, p. 6.
(2)    ĠU L 58, 1.3.2013, p. 9.
Top