EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0151

Proposta għal DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL dwar linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi

COM/2019/151 final

Brussell, 27.2.2019

COM(2019) 151 final

2019/0056(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE jistipula li l-Istati Membri jridu jqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom u l-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjonijiet ta’ interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom fil-Kunsill. Jistipula li l-Kunsill irid jadotta linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi (l-Artikolu 148), filwaqt li jispeċifika li dawn iridu jkunu konsistenti mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika (l-Artikolu 121).

Filwaqt li l-validità tal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika mhijiex limitata għal xi perjodu speċifiku, jeħtieġ li l-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi jitfasslu kull sena. Il-linji gwida ġew adottati flimkien għall-ewwel darba fl-2010 (“pakkett integrat”) u jirfdu l-istrateġija Ewropa 2020. Fl-2018 dawn ġew allinjati mal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali pproklamat f’Novembru 2017 mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, bl-għan li jiġu xprunati r-riformi fil-livell nazzjonali u biex iservu ta’ boxxla għal proċess imġedded ta’ konverġenza madwar l-Ewropa.

Flimkien mal-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika, il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi qegħdin jiġu ppreżentati bħala Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (il-Parti II tal-Linji Gwida Integrati) u jipprovdu l-bażi ġuridika għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.

L-objettivi u l-prijoritajiet ġenerali li ġew espressi fil-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi jibqgħu validi. Bis-saħħa tal-Artikolu 148(2) tat-TFUE, il-validità tal-Linji Gwida għall-Politika dwar l-Impjiegi għall-2019 jeħtieġ li tiġi kkonfermata b’Deċiżjoni tal-Kunsill, wara li jiġu kkonsultati l-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat tal-Impjiegi. Il-linji gwida dwar l-impjiegi ġew adottati fis-16 ta’ Lulju 2018, bl-għan li jiġi żgurat li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni tal-politika.

2.RIŻULTATI TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET INTERESSATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Mhux applikabbli.

3.ELEMENTI ĠURIDIĊI TAL-PROPOSTA

ĠU L 224, 5.9.2018, p. 4.

2019/0056 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 148(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 1 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 2 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni 3 ,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi 4 ,

Billi:

L-Istati Membri u l-Unjoni jeħtieġ li jaħdmu biex jiżviluppaw strateġija kkoordinata għall-impjiegi u b’mod partikolari biex jippromwovu forza tax-xogħol b’ħiliet, imħarrġa u li kapaċi tadatta, kif ukoll swieq tax-xogħol li jwieġbu għat-tibdil ekonomiku, bil-ħsieb li jintlaħqu l-objettivi ta’ impjieg sħiħ u ta’ progress soċjali stabbiliti fl-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

(2)F’konformità mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti għall-koordinazzjoni tal-politika għall-politiki fiskali, makroekonomiċi u strutturali. Bħala parti minn dawk l-istrumenti, il-Linji Gwida attwali għall-Politika tal-Istati Membri dwar l-Impjiegi, flimkien mal-Linji Gwida Ġenerali għall-Politiki Ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 5 , jiffurmaw il-Linji Gwida Integrati għall-Implimentazzjoni tal-istrateġija Ewropa 2020. Dawn jeħtieġ li jiggwidaw l-implimentazzjoni tal-politika fl-Istati Membri u fl-Unjoni, filwaqt li jirriflettu l-interdipendenza tal-Istati Membri. Is-sett ta’ politiki u ta’ riformi kkoordinati Ewropej u nazzjonali li jirriżulta, jikkostitwixxi ġabra ġenerali xierqa ta’ politiki ekonomiċi u soċjali li jenħtieġ li tikseb riperkussjonijiet pożittivi.

(3)Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f’qafas ġenerali għas-sorveljanza multilaterali integrata tal-politiki ekonomiċi, baġitarji, soċjali u dwar l-impjiegi u għandu l-għan li jilħaq il-miri tal-Ewropa 2020, inkluż dawk dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni u t-tnaqqis tal-faqar, kif stabbilit fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE 6 . Filwaqt li jiġu promossi l-objettivi ta’ politika, fosthom l-għoti ta’ spinta lill-investimenti, it-twettiq ta’ riformi strutturali, u l-iżgurar ta’ politiki fiskali responsabbli, is-Semestru Ewropew issaħħaħ u ġie ssimplifikat kontinwament mill-2015. B’mod partikolari, issaħħet l-enfasi tiegħu fuq l-impjiegi u fuq il-qasam soċjali, u ġie approfondit id-djalogu mal-Istati Membri, mas-sħab soċjali u mar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(4)F’Novembru 2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ffirmaw proklamazzjoni interistituzzjonali għal Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li tistabbilixxi għoxrin prinċipju u dritt sabiex jiġi appoġġat il-funzjonament tajjeb u ġust tas-swieq tax-xogħol u tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali. Il-Pilastru jikkostitwixxi qafas ta’ referenza għall-monitoraġġ tal-prestazzjoni soċjali u tal-impjiegi tal-Istati Membri, sabiex jiġu xprunati r-riformi fil-livell nazzjonali u sabiex iservi ta’ boxxla għal proċess imġedded ta’ konverġenza madwar l-Ewropa.

(5) Il-Linji Gwida Integrati jenħtieġ li jiffurmaw il-bażi għar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jista’ jindirizza lill-Istati Membri. Jenħtieġ li l-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew u minn fondi oħra tal-Unjoni meta jimplimentaw il-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi. Minkejja li d-destinatarji tal-Linji Gwida Integrati huma l-Istati Membri u l-Unjoni, jenħtieġ li l-linji gwida jiġu implimentati fi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, bl-involviment mill-qrib tal-parlamenti, kif ukoll tas-sħab soċjali u tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.

(6)Jenħtieġ li l-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali jimmonitorjaw il-mod kif jiġu implimentati l-politiki rilevanti fid-dawl tal-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi, f’konformità mal-mandati rispettivi tagħhom abbażi tat-Trattat. Jenħtieġ li dawk il-kumitati u korpi preparatorji oħra tal-Kunsill involuti fil-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u soċjali jaħdmu mill-qrib flimkien. Jenħtieġ li jinżamm id-djalogu dwar il-politiki bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi.

(7)Il-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġie kkonsultat.

(8)Jenħtieġ li l-Linji Gwida għall-Politika dwar l-Impjiegi li ġew adottati fl-2018 jibqgħu stabbli sabiex jiġi żgurat li ssir enfasi fuq l-implimentazzjoni tagħhom. Fid-dawl ta’ valutazzjoni tal-iżviluppi tas-swieq tax-xogħol u tas-sitwazzjoni soċjali mill-adozzjoni tal-linji gwida għall-politika dwar l-impjiegi fl-2018, l-ebda aġġornament mhu meħtieġ. Ir-raġunijiet favur l-adozzjoni tagħhom fl-2018 jibqgħu validi; għaldaqstant jenħtieġ li dawk il-linji gwida jinżammu,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-linji gwida għall-politiki tal-Istati Membri dwar l-impjiegi, kif stabbilit fl-Anness tad-Deċiżjoni (UE) 2018/1215 7 , jinżammu għall-2019 u għandhom jitqiesu mill-Istati Membri fil-politiki dwar l-impjiegi u fil-programmi tar-riformi tagħhom.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU C , , p. .
(2)    ĠU C , , p. .
(3)    ĠU C , , p. .
(4)    ĠU C , , p. .
(5)    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta’ Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27).
(6)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).
(7)    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1215 tas-16 ta’ Lulju 2018 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 224, 5.9.2018, p. 4).
Top