EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019PC0053

Proposta għal REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL dwar l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ kontinġenza fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali wara l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea

COM/2019/53 final

Brussell, 30.1.2019

COM(2019) 53 final

2019/0019(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ kontinġenza fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali wara l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera)


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Dan ifisser li, jekk il-Ftehim dwar il-Ħruġ ma jiġix ratifikat, il-liġi primarja u sekondarja tal-Unjoni mhux se tibqa’ tapplika lir-Renju Unit mit-30 ta’ Marzu 2019 ‘il quddiem (“id-data tal-ħruġ”). F’dak il-mument, ir-Renju Unit se jsir pajjiż terz.

Ġie miftiehem Ftehim dwar il-Ħruġ 1 bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, approvat mill-Kunsill Ewropew (l-Artikolu 50) fil-25 ta’ Novembru 2018. Madankollu, ir-ratifika tiegħu fir-Renju Unit mhijiex ċerta.

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-13 ta’ Novembru 2018 “Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019: Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza” 2 (“il-Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza”), il-Kummissjoni Ewropea enfasizzat li l-Ftehim dwar il-Ħruġ kien l-aħjar għażla għall-ħruġ ordnat tar-Renju Unit mill-Unjoni. Madankollu, fin-nuqqas ta’ Ftehim dwar il-Ħruġ, l-Unjoni se taġixxi biex tipproteġi l-interessi tagħha, u jenħtieġ li tieħu approċċ magħqud u kkoordinat fl-oqsma kollha. F’dik l-istess Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ppreżentat is-sitt prinċipji ġenerali li l-miżuri ta’ kontinġenza fil-livelli kollha jenħtieġ li jkunu konformi magħhom. Dawn jinkludu l-prinċipji li l-miżuri jenħtieġ li ma jirreplikawx il-benefiċċji tas-sħubija tal-Unjoni, u lanqas it-termini ta’ kwalunkwe perjodu ta’ tranżizzjoni, kif previst fil-Ftehim dwar il-Ħruġ; iridu jkunu ta’ natura temporanja, u jenħtieġ li fil-prinċipju ma jmorrux lil hinn minn tmiem l-2019; u għandhom ikunu azzjonijiet unilaterali tal-Unjoni Ewropea favur l-interessi tagħha, u għalhekk fil-prinċipju l-Unjoni tista’ tirrevokahom fi kwalunkwe ħin.

Mid-data tal-ħruġ, fil-każ li ma jkun hemm l-ebda Ftehim dwar il-Ħruġ konkluż bejn l-Unjoni u r-Renju Unit, il-liġi tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali ma tibqax tapplika fir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u r-Renju Unit. Dan ifisser li d-drittijiet tas-sigurtà soċjali ma jiġux garantiti għaċ-ċittadini tal-Unjoni li huma, jew li kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar u f’sitwazzjonijiet li jinvolvu r-Renju Unit (eż. ħadmu jew għexu hemmhekk waqt li r-Renju Unit kien Stat Membru tal-Unjoni) u wkoll taċ-ċittadini tar-Renju Unit li huma jew kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar.

Irrispettivament mix-xenarju, il-Kummissjoni għamlitha ċara b’mod konsistenti li l-protezzjoni taċ-ċittadini tal-Unjoni fir-Renju Unit, kif ukoll taċ-ċittadini tar-Renju Unit fl-Unjoni Ewropea hija prijorità. Dan se jirrikjedi li l-Istati Membri jieħdu approċċ ġeneruż lejn iċ-ċittadini tar-Renju Unit li huma diġà residenti fit-territorju tagħhom. L-aspettattiva hija li r-Renju Unit jaġixxi bl-istess mod. B’kont meħud ta’ dan, l-għan ta’ din il-proposta huwa li jittaffew xi wħud mill-effetti negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fin-nuqqas ta’ soluzzjonijiet miftiehma mar-Renju Unit.

Tabilħaqq hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat li dawk il-persuni li eżerċitaw, bħala ċittadini tal-Unjoni, id-dritt tagħhom tal-moviment liberu fl-Unjoni qabel id-data tal-ħruġ, iżommu l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali tagħhom abbażi tal-fatti u l-każijiet li seħħew u ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, l-impjieg (indipendenti) jew ir-residenza li seħħew qabel id-data tal-ħruġ, meta r-Renju Unit kien Stat Membru tal-Unjoni. Ċerti prinċipji ewlenin tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali kif minquxa fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (assimilazzjoni, aggregazzjoni, trattament ugwali), kif ukoll ir-regoli ta’ dan ir-Regolament li jagħtu effett prattiku lill-implimentazzjoni ta’ dawk il-prinċipji (bħall-kalkolu pro-rata ta’ pensjoni marbuta mal-età), jenħtieġ li jkomplu japplikaw fir-rigward ta’ dawk il-persuni, fir-rigward ta’ fatti jew każijiet li seħħew u perjodi kkompletati qabel id-data tal-ħruġ. L-istess ħtieġa tirriżulta fir-rigward tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali ta’ persuni mingħajr Stat u refuġjati li huma jew kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar u f’sitwazzjonijiet li jinvolvu r-Renju Unit. Għall-kategoriji kollha msemmija hawn fuq, il-membri tal-familja u s-superstiti huma inklużi 3 .

Minħabba l-fatt li r-Renju Unit se jsir pajjiż terz, prinċipji u regoli oħra tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali mhux se jibqgħu japplikaw mid-data tal-ħruġ, bħall-esportabilità ta’ benefiċċji fi flus, l-għoti kontinwu ta’ benefiċċji marbuta mal-mard in natura u r-regoli dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli.

Skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-moviment liberu, l-Unjoni eżerċitat bis-sħiħ il-kompetenza tagħha fir-rigward tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali bejn ir-Renju Unit u Stati Membri oħra relatata ma’ kwalunkwe eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu li seħħ meta r-Renju Unit kien Stat Membru tal-Unjoni. Għalhekk mhuwiex possibbli għall-Istati Membri li jikkonkludu u japplikaw konvenzjonijiet bilaterali li jkopru s-sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika u politiki oħra tal-Unjoni

Din il-proposta hija parti mill-pjan ta’ tħejjija u ta’ kontinġenza tal-Unjoni biex jittaffew l-effetti negattivi tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr Ftehim dwar il-Ħruġ. Il-proposta ssegwi l-prinċipji ġenerali stabbiliti fil-Komunikazzjoni dwar Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza. B’mod partikolari, peress li l-proposta ma tirreplikax il-benefiċċji tas-sħubija tal-Unjoni, u lanqas it-termini ta’ kwalunkwe perjodu ta’ tranżizzjoni kif kien jipprevedi l-Ftehim dwar il-Ħruġ, hija unilaterali u temporanja.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Din il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 48 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) peress li tikkonċerna miżuri fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Il-prinċipju tas-sussidjarjetà japplika billi l-proposta ma taqax taħt il-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. L-għanijiet tal-proposta ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri fuq livell nazzjonali, reġjonali jew lokali. Huwa meħtieġ approċċ ikkoordinat fil-livell tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali akkwistati wara l-eżerċizzju tad-dritt tal-moviment liberu mill-persuni kkonċernati, bħala ċittadini tal-Unjoni. Dan jippermetti li tiġi evitata l-frammentazzjoni fost l-Istati Membri fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali li jikkonċernaw fatti jew każijiet li seħħew u perjodi kkompletati qabel id-data tal-ħruġ, u t-trattament mhux ugwali fir-rigward tal-persuni kkonċernati.

Proporzjonalità

Ir-Regolament propost ma jmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan ta’ kontinġenza tal-Kummissjoni, peress li jiżgura l-protezzjoni minima tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali ta’ persuni li eżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu qabel id-data tal-ħruġ.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa regolament. Mezzi oħra (eż. Komunikazzjoni jew strumenti oħra mhux legalment vinkolanti) ma jiksbux il-livell meħtieġ ta’ ċertezza tad-dritt.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Din il-proposta hija adottata fil-kuntest ta’ miżuri ta’ kontinġenza li jeħtieġ li jtaffu r-riskji relatati mal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni mingħajr Ftehim dwar il-Ħruġ.

Fin-nuqqas ta’ tali ftehim, il-Kummissjoni Ewropea analizzat il-konsegwenzi ta’ dan. Wara li inizjalment stiednet lill-Istati Membri biex jaġixxu, il-Kummissjoni eventwalment ikkonkludiet li din il-proposta hija meħtieġa sabiex tipproteġi l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali tal-persuni kkonċernati fir-rigward ta’ fatti jew każijiet li seħħew u perjodi kkompletati qabel id-data tal-ħruġ.

Il-Kummissjoni ddiskutiet il-ħtieġa ta’ miżuri ta’ kontinġenza mal-Istati Membri u l-passi ta’ tħejjija settorjali, legali u amministrattiva f’tali xenarju. Għal dak il-għan, il-laqgħat tal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar l-Artikolu 50 saru fis-27 ta’ Novembru u fit-12 ta’ Diċembru 2018, fis-16 ta’ Jannar 2019 u fl-20 ta’ Diċembru 2018 ġie organizzat seminar iddedikat għall-esperti tekniċi dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta ma għandhiex implikazzjonijiet għall-baġit tal-Unjoni. Għandha l-għan li tipproteġi l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali tal-persuni kkonċernati, inkluż id-dħul tagħhom derivat mill-intitolamenti tas-sigurtà soċjali u l-finanzi tal-Istati Membri.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Mhux disponibbli

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta għandha l-għan li tiżgura li persuni li eżerċitaw, bħala ċittadini tal-Unjoni, id-dritt tagħhom tal-moviment liberu qabel id-data tal-ħruġ iżommu l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali tagħhom relatati ma’ fatti jew każijiet li seħħew u perjodi kkompletati qabel id-data tal-ħruġ. Persuni rilevanti oħra f’sitwazzjonijiet li jinvolvu r-Renju Unit qabel id-data tal-ħruġ, li kieku kienu jkunu koperti mir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u 987/2009, għandhom ukoll iżommu dawk l-intitolamenti: persuni mingħajr Stat, refuġjati, kif ukoll membri tal-familja u superstiti tal-kategoriji preċedenti kollha.

L-Artikolu 1 jiċċara li d-definizzjonijiet applikabbli għal dan ir-Regolament huma dawk previsti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

L-Artikolu 2 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni personali tar-Regolament propost. Dan ikopri: persuni (ċittadini tal-Unjoni jew tar-Renju Unit, persuni mingħajr Stat u refuġjati) li huma jew li kienu soġġetti għar-regoli tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali u f’sitwazzjonijiet li jinvolvu r-Renju Unit waqt li kien Stat Membru tal-Unjoni, flimkien mal-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom.

L-Artikolu 3 jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni materjali tar-Regolament propost, u jispeċifika li se jkopri l-fergħat kollha tas-sigurtà soċjali kif elenkati fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

L-Artikolu 4 jipprovdi għal trattament ugwali tal-persuni koperti bir-Regolament propost.

L-Artikolu 5 jistipula li l-prinċipji ta’ assimilazzjoni u aggregazzjoni previsti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 se jkomplu japplikaw fl-Unjoni fir-rigward ta’ kwalunkwe talba li għandha x’taqsam ma’ fatti u każijiet li seħħew u perjodi kkompletati qabel id-data tal-ħruġ.

L-Artikolu 6 jistipula d-dħul fis-seħħ u d-dħul fl-applikazzjoni tar-Regolament propost.

2019/0019 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar l-istabbiliment ta’ miżuri ta’ kontinġenza fil-qasam tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali wara l-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE u għall-Iżvizzera)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 48 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) ressaq in-notifika tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni skont l-Artikolu 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. It-Trattati ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ xi ftehim dwar il-ħruġ jew, fin-nuqqas ta’ dan, sentejn wara li tkun saret in-notifika, jiġifieri mit-30 ta’ Marzu 2019, sakemm il-Kunsill Ewropew, bi ftehim mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li jestendi dak il-perjodu.

(2)Fin-nuqqas ta’ ftehim dwar il-ħruġ jew ta’ estensjoni tal-perjodu ta’ sentejn wara n-notifika tar-Renju Unit, tal-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni, fit-30 ta’ Marzu 2019, ir-regoli tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali previsti fir-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali 4 u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 5 se jieqfu japplikaw ukoll għar-Renju Unit u fih.

(3)Bħala riżultat, persuni li, fil-kapaċità tagħhom ta’ ċittadini tal-Unjoni, leġittimament eżerċitaw id-dritt tal-moviment liberu minqux fl-Artikoli 45 u 49 tat-Trattat qabel id-data tal-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni, ma jistgħux jibqgħu jiddependu fuq dawk ir-regoli fir-rigward tal-intitolamenti tas-sigurtà soċjali tagħhom ibbażati fuq fatti u każijiet li seħħew u perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg (indipendenti) jew residenza kkompletati qabel id-data tal-ħruġ, u li kienu jinvolvu r-Renju Unit. Il-persuni mingħajr Stat u r-refuġjati li huma jew li kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar u f’sitwazzjonijiet li jinvolvu r-Renju Unit, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti ta’ dawn il-kategoriji kollha se jiġu affettwati bl-istess mod.

(4)Biex jinkiseb l-għan li jiġu salvagwardjati l-intitolamenti tas-sigurtà soċjali għall-persuni kkonċernati, jenħtieġ li l-Istati Membri jkomplu japplikaw il-prinċipji tal-Unjoni ta’ trattament ugwali, ta’ assimilazzjoni u ta’ aggregazzjoni stabbiliti mir-Regolamenti (KE) Nru 883/2004 u 987/2009 kif ukoll ir-regoli ta’ dawn ir-Regolamenti meħtieġa biex jagħtu effett lill-prinċipji msemmija, fir-rigward tal-persuni koperti, il-fatti jew il-każijiet li seħħew u l-perjodi kkompletati qabel il-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni.

(5)Biex tinkiseb applikazzjoni unilaterali uniformi tal-prinċipji tas-sigurtà soċjali tat-trattament ugwali, tal-assimilazzjoni u tal-aggregazzjoni, jeħtieġ li jiġi introdott dan ir-Regolament ta’ kontinġenza.

(6)Dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-jum ta’ wara dak li fih it-Trattati jieqfu japplikaw għal u fir-Renju Unit sakemm il-ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit ma jkunx daħal fis-seħħ sa dik id-data,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet previsti fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u fl-Artikolu 1 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009.

Artikolu 2

Persuni koperti

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-persuni li ġejjin:

(a) ċittadini ta’ Stat Membru, persuni mingħajr Stat u refuġjati, li huma jew li kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar u li huma jew li kienu f’sitwazzjoni li tinvolvi r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”) qabel it-30 ta’ Marzu 2019, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom;

(b) ċittadini tar-Renju Unit li huma jew li kienu soġġetti għal-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru wieħed jew aktar qabel it-30 ta’ Marzu 2019, kif ukoll il-membri tal-familja u s-superstiti tagħhom.

Artikolu 3

Oqsma koperti

Dan ir-Regolament għandu japplika għall-fergħat kollha tas-sigurtà soċjali previsti fl-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004.

Artikolu 4

Trattament ugwali

Il-prinċipju ta’ trattament ugwali kif stabbilit fl-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu japplika għall-persuni msemmija fl-Artikolu 2 ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward ta’ fatti jew każijiet li seħħew fir-Renju Unit qabel it-30 ta’ Marzu 2019.

Artikolu 5

Assimilazzjoni u aggregazzjoni

1. Il-prinċipju ta’ assimilazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 5 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu japplika fir-rigward tal-benefiċċji jew id-dħul akkwistati u l-fatti jew il-każijiet li seħħew fir-Renju Unit qabel it-30 ta’ Marzu 2019.

2. Il-prinċipju ta’ aggregazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 6 tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 għandu japplika fir-rigward ta’ perjodi ta’ assigurazzjoni, impjieg, impjieg indipendenti jew residenza fir-Renju Unit qabel it-30 ta’ Marzu 2019.

3. Għandha tapplika kwalunkwe dispożizzjoni oħra tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 u tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 meħtieġa biex tagħti effett lill-prinċipji stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika mill-għada tal-jum li fih ma jibqgħux japplikaw kemm għar-Renju Unit kif ukoll fih, skont l-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Madankollu, dan ir-Regolament ma għandux japplika jekk sa dik id-data jkun daħal fis-seħħ ftehim dwar il-ħruġ konkluż mar-Renju Unit skont l-Artikolu 50(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)     https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/draft_withdrawal_agreement_0.pdf  
(2)    Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment - Tħejjija għall-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni Ewropea fit-30 ta’ Marzu 2019: Pjan ta’ Azzjoni ta’ Kontinġenza (COM/2018/880 final).
(3)    Il-Kummissjoni se tikkunsidra fi stadju aktar tard li l-prinċipji stabbiliti f’din il-proposta jiġu estiżi għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi legalment residenti fi Stat Membru li, skont ir-Regolament (UE) Nru 1231/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010, huma koperti mil-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali.
(4)    Ir-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1).
(5)    Ir-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali (ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1).
Top