EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IR4646

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kultura f’Unjoni aktar ambizzjuża: ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet

OJ C 141, 29.4.2020, p. 39–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/39


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-kultura f’Unjoni aktar ambizzjuża: ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet

(2020/C 141/09)

Relatur:

Vincenzo BIANCO (IT/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali ta’ Catania

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

iqis li jeħtieġ li jitrawmu fehim estensiv tal-kultura u tad-diversità kulturali tal-Ewropa li jmur lil hinn mill-konservazzjoni u l-protezzjoni tal-wirt tanġibbli biss, u li jgħin biex jiġu identifikati l-bidliet soċjali u kulturali li jinfluwenzaw lis-soċjetà Ewropea;

2.

huwa konxju tar-rwol li l-bliet u r-reġjuni jista’ jkollhom, b’viżjoni pluralista u innovattiva tal-kultura, billi jinvolvu aktar liċ-ċittadini fil-proċessi tat-tkabbir kulturali, u billi jagħtuhom l-għodod biex ikunu atturi li jipparteċipaw; Jenfasizza f’dan ir-rigward il-ħtieġa għas-salvagwardja tal-libertà tal-espressjoni artistika, li hija prerekwiżit għad-demokrazija, u d-dritt taċ-ċittadini kollha li jkollhom aċċess għal espressjonijiet kulturali diversi, li huwa essenzjali għall-benesseri tas-soċjetajiet (1). Konxju ta’ dan, huwa tal-fehma li l-azzjonijiet fil-qasam tal-kultura għandhom jippromovu l-kapaċità tal-arti u tal-kultura li jkunu forza ħielsa u indipendenti tas-soċjetà; jistieden lil-livelli kollha tal-gvern u lill-istituzzjonijiet Ewropej jappoġġjaw l-isforzi li għandhom l-għan li jsaħħu l-kapaċità tal-artisti biex jindirizzaw it-theddid u l-mibegħda li jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom fl-isfera pubblika;

3.

jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi l-kultura bħala waħda mill-prijoritajiet politiċi li għandhom jiġu segwiti fil-mandat il-ġdid, u lill-Kunsill biex, fil-qafas tal-QFP li jmiss, jappoġġja l-allokazzjoni ta’ riżorsi adegwati bil-mira li fil-livell lokali u reġjonali jiġu mħeġġa l-promozzjoni, il-ġestjoni, l-użu u l-iżvilupp tal-wirt kulturali;

4.

jistieden lill-Kummissjoni tisfrutta bis-sħiħ u tippromovi l-użu tar-riżorsi kulturali, speċjalment miż-żgħażagħ, bil-għan li jiġi żgurat l-iżvilupp soċjoekonomiku u tal-impjieg.

Il-kuntest: l-impenn tal-UE għall-promozzjoni tal-kultura fil-livell lokali u reġjonali

5.

jenfasizza li t-Trattati jistabbilixxu l-impenn tal-UE li tirrispetta “r-rikkezza tad-diversità kulturali (…) tagħha” u li l-UE timpenja ruħha li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, filwaqt li tintegra l-azzjoni tagħhom fl-oqsma li ġejjin: “it-titjib fit-tagħrif u fit-tixrid tal-kultura u l-istorja tal-popli Ewropej”; “il-konservazzjoni (…) il-kreazzjoni artistika u letterarja, inklużi dawk fis-settur awdjoviżiv”, u jikkonferixxu lill-UE l-kompetenza li tappoġġja l-azzjoni tal-Istati Membri fl-oqsma tal-kultura, it-turiżmu, l-edukazzjoni, it-taħriġ vokazzjonali, iż-żgħażagħ u l-isport, filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

6.

japprezza d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tissokta bil-programm Ewropa Kreattiva attwali bħala programm awtonomu, filwaqt li fil-qasam tal-kultura tiżgura qafas finanzjarju awtonomu li jiżgura l-kontinwità tar-riżultati mill-perjodu 2014-2020;

7.

jenfasizza li l-Aġenda l-ġdida Ewropea għall-Kultura tikkompleta u ssaħħaħ l-identità Ewropea permezz tar-rikonoxximent tad-diversità tal-kulturi Ewropej, it-tisħiħ tas-setturi kulturali u kreattivi Ewropej u r-relazzjonijiet tagħhom ma’ msieħba barra mill-Ewropa;

8.

jenfasizza li s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 kellha parteċipazzjoni importanti fil-qasam, u kien hemm eluf ta’ attivitajiet fl-Ewropa kollha, li jħeġġu l-kondiviżjoni u l-apprezzament tal-wirt kulturali tal-Ewropa bħala riżorsa kondiviża, u li jissensibilizzaw lill-pubbliku dwar l-istorja u l-valuri komuni Ewropej, isaħħu l-identità Ewropea u s-sens ta’ appartenenza għal spazju komuni Ewropew, u jippromovu l-inklużjoni;

9.

iqis li, f’konformità mal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Pajsaġġ u mal-Aġenda Ewropea għall-Kultura, l-objettivi ġenerali għas-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali 2018 jistgħu jiġu arrikkiti bl-inklużjoni ta’ komponent b’saħħtu għall-iżvilupp territorjali, fil-forma ta’ strateġiji kulturali reġjonali u lokali li jinvolvu l-promozzjoni tat-turiżmu kulturali sostenibbli;

10.

jilqa’ bi pjaċir il-Qafas Ewropew għal Azzjoni dwar il-Beni Kulturali ppreżentat f’Diċembru 2018, li jinkludi ħames pilastri li jwasslu għal bidla reali fil-mod kif aħna napprezzaw, nippreservaw u nippromovu l-wirt kulturali tal-Ewropa;

11.

ifakkar li l-Kummissjoni appoġġjat is-settur kulturali, kemm permezz tal-programmi preċedenti tal-Kultura u l-MEDIA, kif ukoll permezz tal-finanzjament tal-politika ta’ koeżjoni, tal-programm COSME, tal-programm Orizzont 2020, u jfakkar li hemm strumenti ta’ appoġġ oħrajn inklużi fl-“Erasmus+”, il-Fond Soċjali Ewropew, u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali;

12.

jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-prinċipju tal-integrazzjoni tal-investimenti kulturali fid-diversi politiki tal-Unjoni jiġi applikat ukoll fil-programmazzjoni tal-fondi Ewropej, sabiex jiġi evitat li l-kultura titqies sempliċement bħala politika settorjali u jiġi rikonoxxut ir-rwol tagħha fir-rigward tad-dimensjonijiet kollha tal-koeżjoni (ekonomika, soċjali u territorjali). Jenfasizza, għal dan il-għan, l-importanza li jissaħħu s-sinerġiji bejn il-kultura u politiki oħrajn bħal dawk dwar it-turiżmu, il-politika reġjonali, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ u r-R&Ż;

13.

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u ‘l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tagħhom biex, fil-programmazzjoni l-ġdida tal-fondi Ewropej għal żoni inqas żviluppati, iżidu l-investiment fil-kultura, u jipprevedu appoġġ għal miżuri biex “il-pubbliku jingħata lura” l-wirt mifrux permezz ta’ sħubija pubblika-privata mingħajr skop ta’ qligħ u t-tisħiħ tal-beni kulturali ewlenin (b’mod partikolari l-libreriji pubbliċi);

14.

iqis li huwa importanti li jiżdied l-investiment fil-qasam kulturali kif diġà previst għall-programmi Ewropa Kreattiva u Erasmus+. Għandha tingħata importanza kif imiss lir-rwol ċentrali tar-reġjuni u l-bliet fil-proċessi ta integrazzjoni, bis-saħħa ta’ appoġġ lis-sħubijiet pubbliċi-privati mingħajr skop ta’ qligħ, anke sabiex jitħeġġu prattiki ta’ ġestjoni tajba;

15.

jinnota li n-negozjar dwar il-politika ta’ koeżjoni għal wara l-2020 jirrappreżenta punt ta’ tluq ċar u mingħajr ambigwità biex titfassal strateġija utli biex jinkisbu għanijiet ambizzjużi, u għandu jiġi previst l-irduppjar ta’ programmi Ewropej ewlenin li għandhom impatt dirett fuq il-politiki kulturali bħal “Ewropa Kreattiva” u “Erasmus”.

Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

16.

jenfasizza li kull Stat Membru tal-UE għandu fit-territorju tiegħu ż-żoni li ġew rikonoxxuti bħala “siti ta’ patrimonju dinji” mill-Unesco — siti li jirrappreżentaw kwalitajiet partikolari ta’ importanza eċċezzjonali mill-perspettiva kulturali u naturali — u li, b’mod ġenerali, minn total ta’ 1 121 sit madwar id-dinja hemm 381 “sit ta’ patrimonju dinji” fis-27 Stat Membru tal-UE;

17.

jenfasizza li l-wirt kulturali fit-territorji tal-Istati Membri huwa mifrux u f’ħafna każijiet l-aċċess għalih huwa diffiċli u hemm problemi sinifikanti ta’ konservazzjoni u ta’ użu;

18.

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri u ‘l-awtoritajiet ta’ ġestjoni tagħhom jappoġġjaw il-protezzjoni u s-salvagwardja fiżika tal-beni kulturali, b’mod partikolari sabiex tiġi żgurata l-konservazzjoni attiva tal-wirt mifrux, li jinsab fit-territorji interni jew marġinali, li l-aċċess għalih huwa diffiċli;

19.

jenfasizza l-importanza tat-turiżmu kulturali, li jippromovi l-valur intrinsiku tal-kultura filwaqt li jikkontribwixxi b’mod ġenerali għall-iżvilupp territorjali. F’dan ir-rigward jirreferi għall-ħtieġa ta’ approċċ integrat għat-turiżmu kulturali, anke bħala parti mill-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti, sabiex jiġi razzjonalizzat l-impatt tiegħu fuq iż-żoni lokali u jiġi żgurat li jibqa’ sostenibbli. Għal dan l-għan, il-KtR jirreferi għas-Sistema Ewropea ta’ Indikaturi tat-Turiżmu tal-Kummissjoni Ewropea (ETIS), li tista’ tgħin biex titkejjel il-prestazzjoni ta’ destinazzjonijiet turistiċi kulturali fir-rigward tas-sostenibbiltà, u jitlob li tiġi aġġornata b’mod regolari;

20.

jilqa’ bi pjaċir l-interess dejjem jikber u l-impenn tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Ewropa biex jippromovu viżjonijiet u azzjonijiet kondiviżi fl-Istati Membri. Jittama li f’pajjiżi oħrajn jistgħu jsiru inizjattivi bħal dawk tal-Karta ta’ Agrigento, iffirmata minn mijiet ta’ sindki, mill-presidenti tar-reġjuni Taljani u kondiviża minn assoċjazzjonijiet partikolarment rappreżentattivi;

21.

huwa konxju li ċ-ċittadini Ewropej għandhom jiġu involuti ħafna aktar fit-tkabbir kulturali, billi jingħataw l-istrumenti biex jipparteċipaw b’mod attiv. Il-Kumitat huwa konxju wkoll tal-kontribut li l-kultura u d-diversità kulturali jistgħu jagħtu lill-iżvilupp sostenibbli, kif rikonoxxut fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli (2), u jimpenja ruħu li jaħdem biex dawn isiru faċilitaturi ewlenin ta’ tali żvilupp fil-livell lokali u reġjonali;

Objettivi ta’ prijorità tal-awtoritajiet lokali u reġjonali

22.

jistieden lir-reġjuni u lill-bliet Ewropej, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet u lin-netwerks tal-wirt kulturali reġjonali, biex jitnebbħu mill-qafas għal azzjoni meta jiżviluppaw azzjonijiet u pjani strateġiċi mifruxa u effettivi għall-promozzjoni u t-tisħiħ tal-wirt kulturali;

23.

jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jirrappreżentaw il-livelli ta’ governanza li jistgħu jniedu inizjattivi ta’ għarfien dwar il-wirt kulturali Ewropew, kemm għaċ-ċittadini li għadhom l-iskola kif ukoll għall-adulti, inklużi dawk li beħsiebhom jiksbu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru partikolari;

24.

huwa tal-fehma li l-għarfien u l-użu tal-wirt kulturali Ewropew, li jitqies bħala ġabra ta’ espressjonijiet kulturali, soċjali u kreattivi, patrimonju u legat li ħallewlna l-ġenerazzjonijiet li ġew qabilna, u tat-tradizzjonijiet u d-drawwiet tal-popli tal-Ewropa, bħala mezz biex tiġi kkonsolidata ċ-ċittadinanza Ewropea, bħala opportunità ta’ integrazzjoni u inklużjoni soċjali;

25.

iqis li huwa neċessarju li fil-livell Ewropew jissaħħu l-inizjattivi ta’ għarfien u aċċess għall-wirt kulturali Ewropew, bħala komponent essenzjali għall-konsolidazzjoni taċ-ċittadinanza Ewropea u għall-promozzjoni tas-sens ta’ appartenenza tan-nies għall-Ewropa;

26.

jenfasizza l-kontribut li jistgħu joffru n-netwerks tal-bliet, it-tagħlim bejn il-pari u l-ġemellaġġi bejn il-muniċipalitajiet fir-rigward tal-promozzjoni u s-sensibilizzazzjoni dwar temi taċ-ċittadinanza, bħala mezzi ta’ parteċipazzjoni fil-ħajja ċivika u ta’ integrazzjoni, l-aktar fejn għandhom x’jaqsmu l-Istati Membri l-ġodda;

27.

jitlob żieda tal-investiment fil-kultura u fi pjani biex il-wirt kulturali, inkluż dak mitluq jew abbandunat, jintuża u jiġi ġestit b’mod konġunt u sostenibbli fi ħdan l-Aġenda Urbana Ġdida 2030. Dan ifisser li jiġu sfruttati bis-sħiħ l-inizjattivi innovattivi promossi mill-muniċipalitajiet u l-proċessi ta’ kooperazzjoni promossi mill-atturi reġjonali;

28.

jipproponi wkoll li tissaħħaħ iżjed ir-referenza għar-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-promozzjoni u t-tisħiħ tal-ħajja artistika u kulturali tal-komunità tagħhom, u jitlob tisħiħ tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali f’dan il-programm. F’dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat il-bilanċ ġust bejn id-destinatarji tar-riżorsi għal proġetti fuq skala kbira u l-miżuri u l-attivitajiet iffinanzjati u ffukati fuq livell lokali u reġjonali, inkluż min-naħa tal-SMEs;

29.

jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-aċċess taċ-ċittadini għall-kultura u l-postijiet li jikkommemoraw l-istorja, billi tinċentiva l-użu kulturali, b’referenza partikolari għall-ġenerazzjoni żagħżugħa, u billi tiżviluppa politiki integrati dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja u tħeġġeġ l-involviment tal-komunitajiet lokali fl-inizjattivi kulturali;

30.

iqis li għandu jingħata appoġġ lill-industriji kulturali u kreattivi, b’referenza partikolari għall-azzjonijiet marbutin mal-għarfien u l-użu tal-wirt li jistgħu jagħtu riżultati f’termini ta’ kwalità, impjieg, innovazzjoni diġitali u inklużjoni soċjali, u b’referenza għall-azzjonijiet relatati mal-iżvilupp, b’dimensjoni Ewropea, tal-arti viżiva u tal-ispettaklu;

31.

huwa konxju tal-importanza li jiġu sfruttati l-opportunitajiet diġitali biex il-kultura tiġi promossa b’mod interattiv u biex jiġu attirati l-gruppi kollha tas-soċjetà, speċjalment iż-żgħażagħ, bħala l-kustodji u l-promoturi futuri tal-wirt kulturali;

32.

jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja l-iżvilupp tar-relazzjonijiet kulturali bejn il-pajjiżi Mediterranji, inkluż fir-rigward tal-azzjonijiet ta’ diplomazija kulturali;

33.

jiġbed l-attenzjoni dwar l-importanza tal-kooperazzjoni transfruntiera u interreġjonali fil-qasam tal-kultura peress li l-wirt kulturali jmur lil hinn mill-fruntieri (3). Il-KtR jenfasizza f’dan ir-rigward ir-rwol ewlieni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, anke fl-implimentazzjoni tal-komponent kulturali tal-istrateġiji makroreġjonali;

34.

jenfasizza, bil-għan li jiġu ffaċilitati l-għarfien u l-użu tal-wirt kulturali Ewropew, il-ħtieġa li jitjieb l-iskambju tad-data u l-informazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi tal-Unjoni, kif ukoll il-komunikazzjoni bejniethom u ċ-ċittadini;

35.

jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet speċifiċi biex tippromovi l-parteċipazzjoni effettiva u l-użu miċ-ċittadini Ewropej tal-wirt kulturali mifrux fit-territorju tal-Istati Membri, b’mod partikolari billi tiffaċilita l-aċċess sħiħ għall-informazzjoni bħala prekundizzjoni għall-parteċipazzjoni attiva tagħhom u billi tappoġġja t-twaqqif ta’ pjattaforma speċifika ta’ informazzjoni;

36.

iħeġġeġ lill-bliet u lir-reġjuni Ewropej, fil-funzjoni amministrattiva tagħhom, biex ikunu minn ta’ quddiem biex jesploraw, bħal atturi ewlenin, mudelli xprunati mill-kultura għall-innovazzjoni soċjoekonomika, u biex jippromovu inizjattivi miftuħin għas-soċjetà ċivili u l-assoċjazzjonijiet, li jinvolvu liċ-ċittadini fl-iżvilupp tal-kultura u fil-ħarsien u t-tisħiħ tal-beni kulturali tanġibbli u mhux tanġibbli.

Brussell, it-12 ta’ Frar 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  https://en.unesco.org/creativity/sites/creativity/files/artistic_freedom_pdf_web.pdf

(2)   https://sustainabledevelopment.un.org/post2015/transformingourworld

(3)  Pereżempju r-Rotot Kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa, (https://www.coe.int/en/web/cultural-routes/about) jew il-Vjaġġi lejn Siti ta’ Wirt Dinji tal-Unesco — L-Ewropa (https://visitworldheritage.com/en/eu).


Top