EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52019IR4645

Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-eżodu tal-imħuħ fl-UE: nindirizzaw l-isfida fil-livelli kollha

OJ C 141, 29.4.2020, p. 34–38 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 141/34


Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — L-eżodu tal-imħuħ fl-UE: nindirizzaw l-isfida fil-livelli kollha

(2020/C 141/08)

Relatur:

Emil BOC (RO/PPE), Sindku ta’ Cluj-Napoca

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

1.

jenfasizza li l-libertà ta’ moviment taċ-ċittadini u tal-ħaddiema hija l-pedament tas-suq intern u waħda mil-libertajiet ewlenin rikonoxxuti fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea. Iċ-ċittadini u l-ħaddiema jeħtiġilhom ikunu jistgħu jiċċaqalqu b’mod liberu fi ħdan l-UE; madankollu, huma għandhom jiċċaqalqu għax iridu u mhux għax imġiegħla jitilqu mir-reġjuni tagħhom minħabba, fost oħrajn, in-nuqqas ta’ opportunitajiet ekonomiċi;

2.

jinnota li l-isfida hija li jintlaħaq bilanċ, f’termini legali u ta’ politika, bejn żewġ prinċipji essenzjali tal-Unjoni Ewropea: il-moviment liberu tal-ħaddiema u l-konverġenza ekonomika u soċjali bejn ir-reġjuni;

3.

josserva li l-kwistjoni tal-eżodu ta’ mħuħ fl-Unjoni Ewropea hija kumplessa, u jappella għal rispons ta’ politika prammatiku kemm min-naħa tal-Unjoni kif ukoll mill-Istati Membri. Tali rispons għandu jindirizza l-aspetti kollha tal-eżodu ta’ mħuħ (eż. il-kisba ta’ mħuħ, il-ħela ta’ mħuħ, iċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ, ir-rimigrazzjoni), kif ukoll il-livelli differenti, iżda ta’ spiss interkonnessi, fejn hemm bżonn ta’ azzjoni u soluzzjonijiet — lokali, reġjonali, nazzjonali, u sovranazzjonali (UE);

4.

iqis li dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-livelli kollha jeħtieġ li jirrikonoxxu u jqisu fis-soluzzjonijiet proposti, il-fatt li l-eżodu ta’ mħuħ mhuwiex biss kwistjoni teknika li teħtieġ rispons amministrattiv jew ta’ politika, iżda huwa wkoll kwistjoni politika. Jekk ma jiġix indirizzat, dan il-fenomenu se jkollu effetti fit-tul u permanenti fuq il-futur tal-Unjoni Ewropea u x’aktarx ixekkel il-koeżjoni territorjali;

5.

jinnota li l-eżodu ta’ mħuħ huwa kkawżat direttament minn żbilanċi soċjali u ekonomiċi eżistenti bejn ir-reġjuni tal-UE. Studji empiriċi (1) (2) (3) jidentifikaw serje ta’ fatturi ta’ spinta u ta’ attrazzjoni, fejn ir-reġjuni ospitanti għandhom suq tax-xogħol aktar attraenti, opportunitajiet ta’ xogħol aktar varjati u kwalità ta’ ħajja ġeneralment aħjar, filwaqt li s-sitwazzjoni fir-reġuni li jibagħtu hija l-oppost. Din hija raġuni oħra għaliex il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) futur għandu jikkonċentra r-riżorsi biex jirrettifika l-iżbilanċ bejn ir-reġjuni li jibgħatu u r-reġjuni ospitanti fi ħdan il-qafas tal-politika ta’ koeżjoni;

6.

jenfasizza li għandu jkun hemm rabta b’saħħitha bejn il-politika ta’ koeżjoni, li għandha l-għan li tindirizza dawn l-iżbilanċi u tippromovi żvilupp aktar uniformi fl-UE, u l-miżuri maħsuba sabiex jindirizzaw l-eżodu ta’ mħuħ. Żewġ objettivi ewlenin tal-Ewropa 2020, iż-żieda fil-perċentwal ta’ persuni impjegati u t-titjib tal-inklużjoni soċjali, huma direttament rilevanti għall-ħolqien ta’ kundizzjonijiet favorevoli li jnaqqsu l-eżodu ta’ mħuħ. Objettivi oħra tal-Ewropa 2020, bħall-innovazzjoni u ż-żieda fl-għadd ta’ persuni fl-edukazzjoni terzjarja, jistgħu potenzjalment iwasslu għall-kisba u l-kisba mill-ġdid ta’ mħuħ billi jiġu attirati u stimulati individwi b’talent;

7.

jinnota li l-eżodu ta’ mħuħ u fenomeni relatati jeħtieġ li jiġu mifhuma u vvalutati fl-UE fil-kuntest tal-governanza f’diversi livelli. Kemm il-karatteristiċi tal-governanza f’diversi livelli se jirrappreżentaw ostakolu jew opportunità f’dan il-qasam ta’ politika se jiddependi ħafna fuq kemm l-UE u l-istituzzjonijiet tagħha jaġixxu bħala faċilitaturi u koordinaturi tat-tfassil ta’ politika u tat-tixrid ta’ politika;

8.

jirrimarka li għalkemm ħafna drabi l-eżodu ta’ mħuħ jitqies bħala problema ta’ politika nazzjonali jew sovranazzjonali, minħabba l-effetti wiesgħa u severi tiegħu, dan jista’ jiġi indirizzat b’suċċess fil-livell sottonazzjonali. L-awtoritajiet pubbliċi lokali u reġjonali għandhom rwol kruċjali hawnhekk, peress li l-komunitajiet lokali huma affettwati direttament mill-konsegwenzi tal-eżodu ta’ mħuħ: it-telf ta’ forza tax-xogħol żagħżugħa u edukata hija sfida enormi għall-komunitajiet lokali madwar l-Unjoni;

9.

josserva li l-awtoritajiet lokali fl-Istati Membri jirrappreżentaw l-aħjar livell li fih jistgħu jitfasslu u jiġu implimentati politiki dwar l-eżodu ta’ mħuħ. Il-komunitajiet lokali huma sistemi b’konfini relattivament ċari, li jippermettu analiżi aktar faċli tal-problema u soluzzjonijiet imfassla apposta. Barra minn hekk, l-awtoritajiet lokali jistgħu jimmonitorjaw u jevalwaw b’mod aktar faċli s-suċċess tal-politiki fil-livell lokali;

10.

jinnota li hemm ħafna x’jista’ jinkiseb mill-esperjenza u l-kapaċità tal-amministrazzjonijiet sottonazzjonali meta jitfasslu l-politiki fil-livell tal-Unjoni;

11.

jemmen li l-esperjenza diretta tal-awtoritajiet lokali fl-indirizzar tal-eżodu ta’ mħuħ tista’ tipprovdi stejjer ta’ suċċess u l-aħjar prattiki li jistgħu jkunu ta’ għajnuna fl-iżvilupp ta’ politika koerenti fil-livell tal-UE. L-awtoritajiet lokali u reġjonali jistgħu jmorru lil hinn minn definizzjoni ġenerali u astratta ta’ kwistjonijiet ta’ politika u jipprovdu soluzzjonijiet konkreti u effettivi. Jeħtieġ li huma jifhmu aħjar l-isforzi u l-inizjattivi mfassla biex jindirizzaw l-eżodu ta’ mħuħ lil hinn mill-fruntieri amministrattivi tal-komunitajiet li jirrappreżentaw u jinvolvu ruħhom f’kooperazzjoni reġjonali u interreġjonali;

12.

jirrimarka li l-problemi li jiffaċċjaw ir-reġjuni li jibagħtu u dawk ospitanti huma differenti u għalhekk jeħtieġ li jiġu indirizzati kif meħtieġ. Din id-distinzjoni hija importanti minħabba li l-politiki fil-livell sovranazzjonali għandhom jimmiraw li jiffaċilitaw soluzzjonijiet ta’ benefiċċju għal kulħadd, jew tal-anqas sabiex jillimitaw sitwazzjonijiet li fihom kemm ir-reġjuni li jibagħtu kif ukoll dawk ospitanti jitilfu (ħela ta’ mħuħ);

13.

jiġbed l-attenzjoni għar-riskju li l-eżodu ta’ mħuħ għandu fuq is-sostenibbiltà fit-tul tal-proġett Ewropew. Ir-reġjuni li jibagħtu għandhom diffikultà doppja: huma jeħtieġu konverġenza (sabiex jingħalaq id-distakk fir-rigward tar-reġjuni ospitanti), iżda qed jitilfu l-forza tax-xogħol b’ħiliet. Fuq medda twila ta’ żmien, kwalunkwe bidla jew tranżizzjoni lejn mudell ekonomiku sostenibbli u kompetittiv ibbażat fuq l-ekonomija tal-għarfien u prodotti b’valur miżjud għoli tkun tidher diffiċli wisq biex tinkiseb f’xenarju fejn id-disparitajiet bejn ir-reġjuni li jibagħtu u dawk ospitanti qegħdin jikbru. Jekk ma jiġux indirizzati, id-disparitajiet se jkomplu jiżdiedu bir-riżultat li jinħoloq ċirku vizzjuż ta’ “diżintegrazzjoni”. Skont l-Indiċi ta’ Kompetittività Globali, l-Istati Membri tal-UE tal-Lvant u tan-Nofsinhar bħalissa huma fost il-pajjiżi tad-dinja li huma l-inqas kapaċi li jżommu t-talent tagħhom;

14.

jirrimarka li għalkemm l-istituzzjonijiet Ewropej ippreżentaw mekkaniżmi sabiex jitnaqqsu d-disparitajiet, dawn l-approċċi kienu biss parzjalment effettivi. Peress li l-eżodu ta’ mħuħ qiegħed jiżdied, u fid-dawl tad-dimensjonijiet ġeografiċi u ekonomiċi tiegħu, huwa meħtieġ tip differenti ta’ inizjattivi jew sforzi, li jindirizza direttament il-fatturi ta’ spinta li jirriżultaw mit-trajettorji ta’ tkabbir speċifiċi tar-reġjuni li jibagħtu, li jrendu lil dawn ir-reġjuni inqas attraenti għall-parti tal-forza tax-xogħol b’livell għoli ta’ edukazzjoni.

15.

jinnota li diskrepanza bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol hija waħda mill-problemi assoċjati mal-eżodu ta’ mħuħ. Huwa ċar li l-edukazzjoni hija qasam fejn it-titjib jista’ jgħin biex jittaffew l-effetti negattivi tal-eżodu ta’ mħuħ. L-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jagħtu aktar attenzjoni lil dan, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u Ewropej. Barra minn hekk, is-sistemi edukattivi jeħtieġ li jqisu d-dinamika varjabbli tas-suq tax-xogħol u d-diversità li qed tiżdied tiegħu sabiex ikun jista’ jkun hemm ritorn mill-investimenti fil-kapital uman ta’ pajjiż jew reġjun, li jintilef bl-eżodu ta’ mħuħ;

16.

jiġbed l-attenzjoni għall-fenomenu li jeħtieġ li jiġi mmonitorjat mill-qrib, jiġifieri l-kwistjoni tat-tfal li jitħallew id-dar minn ġenituri li jfittxu xogħol aħjar barra minn pajjiżhom. Dan huwa effett dirett tal-eżodu ta’ mħuħ u għandu implikazzjonijiet fit-tul;

17.

jenfasizza l-importanza tal-Erasmus+, tal-FSE+ u programmi simili fil-ħolqien ta’ opportunitajiet akkademiċi u professjonali għal individwi b’talent u opportunitajiet għal netwerking u sħubijiet internazzjonali madwar l-Ewropa u mhux biss f’ċerti ċentri reġjonali, kif ukoll li jingħata appoġġ għall-implimentazzjoni fil-prattika tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-appoġġ tal-Kummissjoni l-ġdida għal żieda fil-baġit tal-programm Erasmus+ hija pass fid-direzzjoni t-tajba;

18.

jemmen li l-indirizzar tal-kwistjoni tal-eżodu ta’ mħuħ jirrikjedi tmexxija b’saħħitha u koordinazzjoni tal-isforzi differenti bejn il-ġurisdizzjonijiet nazzjonali. Il-punt ewlieni huwa li jinstabu modi speċifiċi ta’ kif jinbnew in-netwerks ta’ kooperazzjoni, biex jiġi miġġieled id-diskors politiku populista, u tissaħħaħ l-integrazzjoni Ewropea. Azzjoni ulterjuri fil-livell tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea għandha tiffoka fuq il-koordinazzjoni u l-faċilitazzjoni/l-appoġġ għal sforzi fil-livelli sottonazzjonali, filwaqt li tibni kunsens dwar kif għandu jiġi analizzat u indirizzat l-eżodu ta’ mħuħ, sabiex tinħoloq sitwazzjoni ta’ benefiċċju għall-partijiet interessati kollha;

19.

jenfasizza li jeħtieġ li jiġu identifikati għadd ta’ kwistjonijiet strateġiċi ewlenin fir-rigward tal-eżodu ta’ mħuħ, sabiex dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jevitaw duplikazzjoni bla bżonn fl-isforzi tal-politika pubblika. Dawn il-kwistjonijiet strateġiċi jridu jitfasslu b’tali mod li jiżgura li l-miżuri ta’ politika jkollhom impatt viżibbli u li jappoġġja politiki li jissarrfu f’azzjoni konkreta;

20.

jirrakkomanda li jiġu identifikati u implimentati tipi differenti ta’ rispons għal kull qasam tal-fenomenu tal-eżodu ta’ mħuħ — il-kisba ta’ mħuħ, il-ħela ta’ mħuħ, iċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ, ir-rimigrazzjoni. Kull wieħed minn dawn l-oqsma jirrikjedi soluzzjonijiet speċifiċi u differenti. Huwa importanti ħafna li ma jiġix adottat approċċ ġenerali għal dawn is-sottokomponenti. In-nuqqas ta’ soluzzjonijiet imfasslin apposta jista’ jwassal għal dikjarazzjonijiet/objettivi wesgħin u astratti li huma diffiċli li jiġu implimentati fil-ħajja reali;

21.

japprezza li ċerti reġjuni u bliet diġà qed jimplimentaw soluzzjonijiet kreattivi sabiex jattiraw u jżommu t-talent. Il-politiki jvarjaw minn appoġġ għar-rilokazzjoni ta’ individwi b’talent lejn dawk ir-reġjuni/bliet għal miżuri aktar sofistikati li jinvolvu l-iżvilupp ta’ netwerks transnazzjonali ta’ imprendituri. Jeħtieġ li l-UE tappoġġja programmi jew inizjattivi li għandhom l-għan li jtejbu t-tagħlim bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali differenti Ewropej;

22.

iqis li l-atturi lokali u reġjonali huma kruċjali biex jiġi indirizzat l-eżodu ta’ mħuħ; l-attirar u ż-żamma ta’ forza tax-xogħol b’ħiliet għolja jistgħu jiġu żgurati billi jsir użu tajjeb mill-istrumenti ta’ Żvilupp Territorjali Integrat tal-politika ta’ koeżjoni;

23.

jissuġġerixxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, f’kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali u tal-UE, għandhom jippromovu politiki u strumenti għall-iżvilupp tal-intraprenditorija lokali, l-impjieg indipendenti u mudelli alternattivi ta’ żvilupp tan-negozju li jżidu l-attraenza tar-reġjuni li jibagħtu;

24.

jirrakkomanda li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jagħmlu l-konnessjoni, abbażi ta’ valutazzjoni realistika tal-ħtiġijiet, bejn l-assi partikolari tar-reġjun tagħhom u t-talenti u l-politiki li huma meħtieġa;

25.

jissuġġerixxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jistabbilixxu alleanzi lokali, inklużi l-partijiet interessati kollha (awtoritajiet pubbliċi, negozji, universitajiet, NGOs, eċċ.), li jkunu kapaċi jabbozzaw u jimplimentaw politiki lokali li jgħinu biex jitnaqqas l-eżodu ta’ mħuħ. Għandhom jiġu appoġġjati u organizzati laqgħat regolari tal-partijiet interessati rilevanti. Il-laqgħat għandhom jintużaw bħala fora sabiex jiġu diskussi u kkunsidrati soluzzjonijiet lokali u speċifiċi għall-kuntest, ibbażati fuq stejjer ta’ suċċess minn postijiet/ġurisdizzjonijiet oħra;

26.

jinnota li proċessi rigorużi ta’ ppjanar strateġiku fil-livelli lokali u reġjonali jistgħu jkunu importanti fil-korelazzjoni tal-mobbiltà tar-riżorsi umani mal-pjani ta’ żvilupp fuq perjodu medju u twil, kif ukoll jipprovdu pedament sod għall-kooperazzjoni ma’ awtoritajiet reġjonali, nazzjonali u Ewropej oħra;

27.

jixtieq li jkun hemm fehim aħjar tar-raġunijiet u l-ostakli li jipprevjenu lil dawk li emigraw fil-passat milli jirritornaw fil-post tal-oriġini tagħhom, u fehim aħjar ta’ kif l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jgħinu biex inaqqsu dawn l-ostakli. Dan jista’ jkollu effett trasformattiv, li jibdel l-eżodu ta’ mħuħ f’ċirkolazzjoni tal-imħuħ jew f’rimigrazzjoni;

28.

jirrakkomanda li l-azzjoni fil-livelli sottonazzjonali tkun integrata u kkoordinata ma’ dik tal-Istati Membri u tal-Unjoni filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju tas-sussidjarjetà. L-integrazzjoni tal-isforzi meħuda f’diversi livelli hija kruċjali għal politika tal-UE ta’ suċċess. Għandhom jiġu żviluppati politiki u programmi biex tiġi integrata u ffaċilitata l-koordinazzjoni bejn l-azzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, minn naħa, u dik tal-Istati Membri u tal-Unjoni, min-naħa l-oħra. Dan japplika fl-oqsma kollha implikati fl-eżodu ta’ mħuħ (l-edukazzjoni, il-koeżjoni, l-iżvilupp reġjonali, id-diġitalizzazzjoni, eċċ.). Jeħtieġ li jitnieda mekkaniżmu fil-livell tal-UE li jkun imfassal speċifikament biex irawwem l-integrazzjoni u l-koordinazzjoni ta’ miżuri ta’ politika dwar l-eżodu ta’ mħuħ;

29.

jissuġġerixxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu konxji tal-iskala tal-fenomenu, u li jwettqu valutazzjonijiet realistiċi u serji tal-karatteristiċi ta’ kull qasam affettwat mill-eżodu ta’ mħuħ. It-tfassil ta’ deċiżjonijiet u ta’ politika bbażat fuq l-evidenza huwa l-uniku mod kif jitfasslu soluzzjonijiet effettivi. Valutazzjoni realistika tal-fenomenu tal-eżodu ta’ mħuħ fil-livell ta’ kull reġjun tista’ tgħin lill-awtoritajiet pubbliċi li jiffaċċjaw kwistjonijiet simili jew relatati biex jissostitwixxu l-kompetizzjoni b’kooperazzjoni, u tista’ ttejjeb il-koordinazzjoni bejn il-partijiet interessati kollha ta’ sforzi kontinwi u riżorsi eżistenti;

30.

jemmen li l-proċeduri rapidi għar-rikonoxximent tad-diplomi u l-ħiliet/kompetenzi jistgħu jgħinu ħafna biex jitnaqqas il-ħela ta’ mħuħ. Id-diġitalizzazzjoni u l-interkonnessjoni tar-rekords huma fattibbli u meħtieġa hawnhekk, abbażi ta’ diversi inizjattivi tal-UE, inklużi l-kredenzjali ffirmati b’mod diġitali tal-Europass li jmiss. Barra minn hekk, jilqa’ l-inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea l-ġdida għal Żona Ewropea tal-Edukazzjoni sal-2025, li fiha t-tagħlim, l-istudju u r-riċerka ma jkunux ostakolati mill-fruntieri. Jirrimarka, fl-istess ħin, il-ħtieġa li jiġu stabbiliti mekkaniżmi biex irawmu ċ-ċirkolazzjoni tal-imħuħ u r-rimigrazzjoni;

31.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tintensifika l-isforzi tagħha biex tnaqqas id-disparitajiet reġjonali, li huma waħda mill-kawżi ewlenin tal-eżodu ta’ mħuħ. Il-fondi ta’ koeżjoni għandhom rwol kruċjali biex jiġu appoġġjati r-reġjuni u ż-żoni tagħna li jbatu minn tali disparitajiet. Politiki u strumenti mfassla apposta li jindirizzaw direttament dawn id-disparitajiet bejn il-Lvant/in-Nofsinhar tal-Ewropa u l-pajjiżi tal-Punent, kif ukoll bejn ir-reġjuni fi ħdan l-Istati Membri, huma essenzjali biex tiġi eliminata waħda mill-kawżi ewlenin tal-eżodu ta’ mħuħ. L-impenn politiku tal-Kummissjoni (4) għal paga minima ġusta huwa rilevanti ferm, speċjalment f’reġjuni li jibagħtu, peress li dan jindirizza l-kwistjoni tal-istandards tal-għajxien u l-kundizzjonijiet tax-xogħol, u għandu impatt dirett fuq il-kwalità tal-ħajja. Il-politika ta’ koeżjoni tal-UE għall-perjodu 2021–2027 għandha tkun politika ta’ investiment fit-tul għar-reġjuni kollha, iffokata fuq li jingħelbu d-differenzi ekonomiċi, soċjali u reġjonali u konformi mal-prinċipju tas-sħubija u approċċ ibbażat fuq il-post. Il-politika ta’ koeżjoni għandha tkun ikkoordinata aħjar ma’ politiki oħra tal-UE sabiex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi. Il-koordinazzjoni vertikali ta’ sorsi differenti ta’ finanzjament għandha tittejjeb fil-livell tal-UE fil-governanza tal-politika u l-programmi ta’ koeżjoni wara l-2020, sabiex tiġi garantita aktar koerenza tal-aġendi f’livelli differenti ta’ governanza u ppjanar fuq perjodu qasir sa medju (5);

32.

jirrakkomanda li politiki realistiċi li jattiraw, iżommu u jattiraw mill-ġdid forza tax-xogħol edukata jkunu mfassla u implimentati fil-livell lokali u reġjonali. Kunċett strateġiku ewlieni huwa l-kwalità tal-ħajja: kif indikat, it-titjib tal-kwalità tal-ħajja huwa għodda b’saħħitha biex tiġi attirata u tinżamm forza tax-xogħol edukata. Huwa rakkomandabbli u mixtieq li l-kejl tal-kwalità tal-ħajja jitwettaq b’mod regolari u strutturat, sabiex dan jipprovdi informazzjoni siewja lill-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar oqsma li jista’ jkollhom bżonn ta’ intervent;

33.

jissuġġerixxi li l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE għandhom jiffokaw fuq approċċi funzjonali sabiex titreġġa’ l-emigrazzjoni u jiġu attirati l-ħaddiema (6): dawn jinkludu l-bini ta’ ekonomija tal-għarfien, it-titjib tal-attraenza tar-reġjuni, l-iżvilupp ta’ strateġiji tad-dijaspora, u l-implimentazzjoni ta’ approċċ funzjonali fil-governanza urbana;

34.

jissuġġerixxi li l-awtoritajiet lokali, reġjonali, nazzjonali u tal-UE għandhom jagħtu attenzjoni speċjali għat-tneħħija ta’ fatturi strutturali li jżidu sew l-eżodu ta’ mħuħ (infrastruttura/awtostradi, kwalità tas-servizzi, aċċess għat-teknoloġija, eċċ.);

35.

jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat approċċ Ewropew integrat għall-eżodu ta’ mħuħ ibbażat fuq valutazzjonijiet realistiċi, kooperazzjoni u koordinazzjoni fil-livelli lokali/reġjonali, nazzjonali u tal-Unjoni. Bl-istess mod, il-ħtieġa għal politiki koordinati fuq diversi skali hija meħtieġa f’oqsma rilevanti għall-eżodu ta’ mħuħ, li jinkludu l-edukazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, il-koeżjoni, u l-politiki ekonomiċi;

36.

iqis li huwa kruċjali li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jifhmu l-importanza tar-rwol tal-universitajiet u tal-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali fl-iżvilupp lokali fl-ekonomija bbażata fuq l-għarfien. L-awtoritajiet pubbliċi jeħtieġ li jiżviluppaw sħubijiet ma’ universitajiet, kif ukoll ikunu konxji tal-ħtieġa li jappoġġjaw lill-universitajiet, inkluż permezz ta’ investiment fl-infrastruttura lokali. Irid ikun hemm kemm jista’ jkun affinità bejn l-objettivi strateġiċi tal-universitajiet u dawk tal-awtoritajiet pubbliċi;

37.

jinnota li s-sħubijiet bejn il-kumpaniji privati (interessati fir-riċerka u l-iżvilupp), l-awtoritajiet lokali u l-universitajiet huma muturi importanti għat-tkabbir u l-iżvilupp lokali li għandhom jiġu inklużi fl-objettiv attwali tal-Kummissjoni li tagħmilha aktar faċli għan-negozji ż-żgħar biex isiru innovaturi kbar permezz ta’ strateġija tal-SMEs;

38.

jinsab imħasseb dwar ir-riskju li jiżdiedu l-inugwaljanzi bejn il-bliet u r-reġjuni li jibbenefikaw bil-kbir mill-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni, u jwissi dwar l-insuffiċjenza tal-azzjonijiet li ttieħdu biex jonqsu d-differenzi bejn ir-reġjuni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi, li jinkludu l-isfida demografika, u jiġi promoss l-aċċess għal kulħadd għall-programm Orizzont Ewropa (7);

39.

isostni li l-konnettività diġitali u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti jista’ jkollhom effetti pożittivi fir-rigward tal-eżodu ta’ mħuħ. Strateġiji reġjonali fl-iżvilupp u l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti jistgħu jiffokaw fuq il-vantaġġ kompetittiv eżistenti jew maħluq f’reġjun wieħed. Il-konnettività diġitali u l-iżvilupp tal-litteriżmu diġitali għandhom ikunu elementi essenzjali fl-isforzi tal-Kummissjoni l-ġdida biex taġġorna l-Pjan ta’ Azzjoni għall-Edukazzjoni Diġitali;

40.

jirrimarka li l-awtoritajiet lokali jistgħu jfasslu u jimplimentaw għadd kbir ta’ miżuri biex tiżdied u tiġi żviluppata r-reżiljenza individwali tal-komunitajiet, speċjalment meta ffaċċjati b’diffikultajiet ekonomiċi bħall-qgħad. Ir-reżiljenza individwali u l-kapaċità li jiġu adattati u megħluba perjodi ta’ tbatija jistgħu jiġu appoġġjati permezz ta’ titjib tal-ħiliet u programmi ta’ taħriġ mill-ġdid bħal pereżempju programmi appoġġjati permezz tal-Aġenda tal-UE dwar il-Ħiliet, miżuri li jippromovu l-intraprenditorija u negozji żgħar, programmi edukattivi u komunitarji għall-istudenti u ż-żgħażagħ li l-ġenituri tagħhom qed jaħdmu barra minn pajjiżhom, eċċ.;

41.

jirrakkomanda li l-Kummissjoni Ewropea tappoġġja b’mod attiv — f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri tal-UE — l-isforzi tal-korpi pubbliċi lokali u reġjonali fl-indirizzar tal-eżodu ta’ mħuħ. L-Unjoni hija entità politika u amministrattiva kumplessa, u hija meħtieġa analiżi bir-reqqa tar-responsabbiltajiet u l-kapaċitajiet tagħha fir-rigward tal-eżodu ta’ mħuħ. Id-diskussjoni dwar ir-rwol tal-Unjoni se tinvolvi kemm id-determinazzjoni tar-responsabbiltajiet tagħha kif ukoll l-identifikazzjoni tal-aħjar għodod disponibbli fil-livell tal-UE.

42.

iqis li l-fatt li “impjegati jirritornaw lejn il-pajjiż ta’ oriġini tagħhom wara li jkunu għexu għal xi żmien barra minn pajjiżhom” irid jitqies bħala benefiċċju għall-profil professjonali tagħhom, u għalhekk, dan il-fatt irid ikun viżibbli għall-fornituri ta’ impjiegi waqt il-proċess tal-għażla rilevanti.

Brussell, it-12 ta’ Frar 2020.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Apostolos TZITZIKOSTAS


(1)  Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni, 2018, Addressing brain drain: The local and regional dimension (Nindirizzaw l-eżodu ta’ mħuħ: id-dimensjoni lokali u reġjonali — mhux disponibbli bil-Malti)

(2)  Kummissjoni Ewropea, Direttorat Ġenerali tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, Direttorat D – Mobbiltà tal-Forza tax-Xogħol, 2018 Annual Report on Intra-EU Labour Mobility (Rapport Annwali tal-2018 dwar il-Mobbiltà tal-Forza tax-Xogħol Intra-UE – mhux disponibbli bil-Malti)

(3)  Atoyan, R., Christiansen, L., Dizioli, A., Ebeke, C., Ilahi, N., Ilyina, A., Mehrez, G., Qu, H., Raei, F., Rhee, A. u Zakharova, D., Emigration and Its Economic Impact on Eastern Europe (L-emigrazzjoni u l-impatt ekonomiku tagħha fuq l-Ewropa tal-Lvant) mhux disponibbli bil-Malti, Nota ta’ diskussjoni tal-persunal tal-Fond Monetarju Internazzjonali, Lulju 2016.

(4)  Ursula von der Leyen, Unjoni li tirsisti għal aktar. L-aġenda tiegħi għall-Ewropa, p. 9.

(5)  ESPON, 2019, Addressing Labour Migration Challenges in Europe (Nindirizzaw l-Isfidi tal-Migrazzjoni tal-Forza tax-Xogħol fl-Ewropa) p. 18.

(6)  Idem, pp. 17-18.

(7)  COR-2018-03891.


Top